Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0422

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fid-29 ta’ Settembru 2020.


    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:756

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PITRUZZELLA

    ippreżentati fid-29 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑422/19 u C‑423/19

    Johannes Dietrich (C-422/19)

    Norbert Häring (C-423/19)

    vs

    Hessischer Rundfunk

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il‑Ġermanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni ekonomika u monetarja – Artikoli 2(1) u 3(1)(c) TFUE – Kompetenza esklużiva tal-Unjoni – Politika monetarja – Munita unika – Artikolu 128(1) TFUE – Regolament Nru 974/98 – Kunċett ta’ “valuta legali” – Obbligu ta’ aċċettazzjoni ta’ karti tal-flus – Limitazzjonijiet tal-ħlasijiet bi flus kontanti deċiżi mill-Istati Membri – Regolament nazzjonali li jimponi l‑aċċettazzjoni tal-karti tal-flus għall-estinzjoni ta’ obbligi ta’ ħlas imposti mill-awtoritajiet pubbliċi – Regolament reġjonali li jeskludi l‑ħlas bi flus kontanti tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva”

    1.

    X’inhi l-portata tal-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni Ewropea dwar il-politika monetarja? B’mod iktar partikolari, tali kompetenza esklużiva tinkludi d-dritt monetarju u d-determinazzjoni tal‑valuta legali għall-munita unika? X’inhuma l-effetti li timplika l-valuta legali tal-karti tal-flus f’euro? F’dan il-kuntest, l‑Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jadottaw regolamenti nazzjonali li jillimitaw l-użu tal-karti tal-flus f’euro u, jekk iva, x’limitazzjonijiet għandhom?

    2.

    Huma dawn, fil-qosor, il-kwistjonijiet imqajma minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte dal Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il‑Ġermanja).

    3.

    Din il-kawża għandha importanza sinjifikattiva, qabelxejn, minħabba l-implikazzjonijiet ta’ natura kostituzzjonali tagħha. Fil-fatt, hija tinvolvi d-determinazzjoni tal-portata tal-kompetenza esklużiva tal‑Unjoni relatata mal-politika monetarja u tqajjem, għalhekk, kwistjonijiet relatati mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u mal-modalità ta’ eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi. Hija tippreżupponi, b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ kriterji li jippermettu li jiġu stabbiliti l-parametri tal-azzjoni tal-Istati Membri meta, fl‑eżerċizzju ta’ kompetenzi li huma tagħhom, l-azzjoni tagħhom, minkejja li ma taqax f’kamp ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, xorta tkun relatata ma’ kunċetti li jaqgħu f’tali kamp.

    4.

    Barra minn hekk, din il-kawża tqajjem kwistjonijiet ġodda u ta’ importanza notevoli prattika, preżenti u futura, dwar il-munita unika, l‑euro. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta kunċetti tad-dritt monetarju li dwarhom għad ma kellhiex l-okkażjoni tiddeċiedi, u b’mod iktar partikolari, dak tal-valuta legali. Dan kollu, f’kuntest kumpless li fih is-suċċess tal-munita skritturali u dik elettronika u l-progress teknoloġiku, b’effetti li potenzjalment itellfu anki l-użu tal-munita, jeżistu flimkien ma’ numru li għadu mhux żgħir, ta’ persuni vulnerabbli li ma għandhomx aċċess għal servizzi finanzjarji bażiċi.

    I. Il-kuntest leġiżlattiv

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    5.

    L-Artikolu 128(1) TFUE, li t-test tiegħu huwa riprodott, kważi litteralment fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem, l-“Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”) jistipula:

    “L-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu d-dritt esklużiv li jawtorizza l‑ħruġ ta’ karti ta’ flus ta’ l-euro fl-Unjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħorġu dawn il-karti tal-flus. Il-karti tal-flus li jinħarġu mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-banek ċentrali nazzjonali jkunu l-uniċi karti tal-flus bi status ta’ valuta legali fl-Unjoni”.

    6.

    Il-premessa 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro ( 2 ) hija fformulata kif ġej:

    “[B]illi karti tal-flus u muniti denominati fl-unitajiet ta’ muniti nazzjonali jitilfu l-istatus legali tagħhom ta’ munita legali l-iktar tard sa sitt xhur wara t-tmiem tal-perjodu transitorju; billi limitazzjonijiet fuq ħlasijiet bil‑karti u l-muniti, stabbiliti mill-Istati Membri għal raġunijiet pubbliċi, ma humiex inkompatibbli ma’ l-istatus ta’ munita legali f’karti ta’ flus u muniti ta’ l-euro, sakemm ikunu disponibbli mezzi oħra legali għall-ħlas ta’ djun monetarji”.

    7.

    L-Artikolu 10 tal-istess regolament jistipula:

    “B’effett mid-dati rispettivi tat-tibdil tal-flus kontanti, il-BĊE u l-banek ċentrali ta’ l-Istati Membri parteċipanti għandhom iqiegħdu fiċ‑ċirkolazzjoni karti tal-flus iddenominati fil-euro fl-Istati Membri parteċipanti. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, dawn il-karti ta’ flus denominati fl-euro għandhom ikunu l-uniċi karti ta’ flus bl-istatus ta’ muniti legali f’dawn l-Istati Membri kollha”.

    8.

    Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 974/98, “[b]’effett mid‑dati rispettivi tat-tibdil tal-flus kontanti, l-Istati Membri parteċipanti għandhom joħorġu muniti denominati fl-euro jew ċenteżmi u li jikkonformaw mad-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li l-Kunsill jista’ jippreskrivi skond it-tieni sentenza tal‑Artikolu [128(2) TFUE]. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 u d‑dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim taħt l-Artikolu [219(3) TFUE] dwar kwistjonijiet monetarji, dawn il-muniti għandhom ikunu l-uniċi muniti li għandu jkollhom l-istatus ta’ munita legali f’dawn l-Istati Membri kollha. Bl-eċċezzjoni ta’ l-awtorità tal-ħruġ u ta’ dawk il-persuni nominati speċifikament bil-leġislazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru tal-ħruġ, l-ebda parti ma għandha tkun obbligata li taċċetta iktar minn 50 munita tal-metall f’pagament wieħed”.

    9.

    Skont l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 dwar il-konsultazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew minn awtoritajiet nazzjonali dwar abbozzi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi ( 3 ):

    “L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw mal-BĊE dwar kull abbozz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu skond it-Trattat, u partikolarment dwar:

    affarijiet monetarji,

    mezzi ta’ pagament,

    banek ċentrali nazzjonali,

    il-ġbir, il-kompilazzjoni u t-tqassim ta’ statistiċi monetarji, finanzjarji u bankarji, u dwar sistemi ta’ pagament u bilanċ ta’ pagamenti,

    sistemi ta’ pagament u ftehim,

    regoli li japplikaw għal istituzzjonijiet finanzjarji safejn jinfluwenzaw materjalment l-istabbilità ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ swieq”.

    10.

    Il-premessi 3 u 4 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2010/191/UE tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal‑valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro ( 4 ) jistipulaw, rispettivament, li “[a]ttwalment hemm xi inċertezza fil-livell taż-żona tal‑euro fir-rigward tal-firxa tal-valuta legali u l-konsegwenzi ta’ dan” u li “[d]in ir-rakkomandazzjoni hija bbażata fuq il-konklużjonijiet ewlenin ta’ rapport imħejji minn grupp ta’ ħidma li jikkonsisti minn rappreżentanti mill-Ministeri tal-Finanzi u mill-Banek Ċentrali Nazzjonali taż-żona tal-euro”.

    11.

    Il-punti 1 sa 4 ta’ din ir-rakkomandazzjoni jistipulaw:

    “1. Definizzjoni komuni tal-valuta legali

    Fejn jeżisti obbligu ta’ ħlas, il-valuta legali ta’ karti tal-flus u muniti tal‑euro għandha timplika:

    a)

    Aċċettazzjoni obbligatorja:

    Il-kreditur ta’ xi obbligu ta’ ħlas ma jistax jirrifjuta karti tal-flus u muniti tal-euro sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu fuq mezzi oħra ta’ ħlas;

    b)

    Aċċettazzjoni fuq valur nominali sħiħ:

    Il-valur monetarju ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro huwa ugwali għall-ammont indikat fuq il-karti tal-flus u l-muniti;

    c)

    Il-poter li jinħelsu l-obbligi għall-ħlas:

    Debitur jista’ jeħles lilu nnifsu minn obbligu tal-ħlas billi joffri l‑karti tal-flus u l-muniti lill-kreditur.

    2. Aċċettazzjoni ta’ ħlasijiet bil-karti tal-flus u l-muniti fit‑transazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut

    L-aċċettazzjoni tal-karti tal-flus u muniti bħala mezzi ta’ ħlas fit‑tranżazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut għandha tkun ir-regola. Rifjut ta’ dawn jista’ jkun possibbli biss abbazi ta’ raġunijiet marbuta mal‑“prinċipju tal-buona fede” (per eżempju, il-bejjieħ bl-imnut ma jkollux bqija disponibbli).

    3. Aċċettazzjoni ta’ karti tal-flus b’denominazzjoni għolja fi tranżazzjonijiet bl-imnut

    Il-karti tal-flus b’denominazzjoni għolja għandhom ikunu aċċettati bħala mezz ta’ ħlas fit-tranżazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut. Rifjut ta’ dan għandu jkun possibbli biss abbażi ta’ raġunijiet marbuta mal-‘prinċipju tal-buona fede’ (per eżempju, il-valur nominali tal-karta tal-flus offruta ma tkunx proporzjonata meta mqabbla mal-ammont dovut lill-kreditur tal-ħlas).

    4. L-assenza tal-ħlasijiet żejda imposti fuq l-użu tal-karti tal-flus u l‑muniti tal-euro

    L-ebda ħlas żejjed m’għandu jiġi impost fuq il-ħlasijiet li jsiru bil-karti tal-flus u bil-muniti.”

    B.   Id-dritt Ġermaniż

    12.

    L-Artikolu 14(1) tal-Gesetz über die Deutsche Bundesbank (il-Liġi dwar il-Bank Ċentrali Ġermaniż, iktar ’il quddiem: il‑“BBankG”) ( 5 ) tistipula:

    “Mingħajr preġudizzju għal dak previst fl-Artikolu 128(1) TFUE, id‑Deutsche Bundesbank (il-Bank Ċentrali Ġermaniż) għandu d-dritt esklużiv li joħroġ karti tal-flus fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi. Il-karti tal-flus iddenominati f’euro huma l-uniku mezz ta’ ħlas bi status ta’ valuta legali mingħajr limitazzjonijiet(…).” ( 6 ).

    13.

    Ir-Rundfunkbeitragsstaatsvertrag (il-Konvenzjoni tal-Istat dwar il‑kontribuzzjoni għax-xandir; iktar ’il quddiem: ir-“RBStV”) ( 7 ), fl‑Artikolu 2(1) tagħha, tistipula obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni awdjoviżiva għal kull abitazzjoni dovuta minn kull min għandu tali abitazzjoni.

    14.

    L-Artikolu 9(2) tar-RBStV jawtorizza lill-awtoritajiet reġjonali tax-xandir (Landesrundfunkanstalt) sabiex jistabbilixxu, permezz ta’ regolament (Satzung) il-modalitajiet tal-proċeduri ta’ ħlas tal‑kontribuzzjoni awdjoviżiva.

    15.

    L-Artikolu 10(2) tas-Satzung des Hessischen Rundfunks über das Verfahren zur Leistung der Rundfunkbeiträge (ir-Regolament tal‑Hessischer Rundfunk (l-Awtorità tax-Xandir tal-Assia) dwar il‑proċedura ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet awdjoviżivi; iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-proċeduri ta’ ħlas”) adottat abbażi tal‑Artikolu 9(2) tar-RBStV jistipula:

    “Id-debitur tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva ma jistax iħallas tali kontribuzzjoni fi flus kontanti iżda biss bis-segwenti modalitajiet ta’ ħlas:

    1.

    trasferiment awtomatiku dirett SEPA;

    2.

    standing order ordinarju;

    3.

    standing order permanenti.”

    II. Il-fatti, il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    16.

    J. Dietrich u N. Häring, rikorrenti fil-kawżi prinċipali, huma obbligati, skont l-Artikolu 2(1) tar-RBStV, li jħallsu lil Hessischer Rundfunk, il-kontribuzzjoni awdjoviżiva.

    17.

    Dawn offrew lil Hessischer Rundfunk li jħallsu din il‑kontribuzzjoni fi flus kontanti. Filwaqt li invokat l-Artikolu 10(2) tar‑Regolament dwar il-proċeduri ta’ ħlas, li jistipula li din il‑kontribuzzjoni tista’ titħallas biss permezz ta’ trasferiment bankarju awtomatiku jew standing order ordinarju jew permanenti, il-Hessischer Rundfunk irrifjutat din l-offerta ta’ ħlas u, b’deċiżjoni tal-1 ta’ Settembru 2015, bagħtet lil J. Dietrich u N. Häring avviżi għal ħlas billi kkwantifikat l-arretrati dovuti bħala EUR 52.50, minbarra EUR 8 għal interessi moratorji.

    18.

    J. Dietrich u N. Häring ikkontestaw l-avviżi għal ħlas mibgħuta lilhom mill-Hessischer Rundfunk, iżda r-rikorsi tagħhom ġew miċħuda kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fit-tieni istanza.

    19.

    Għalhekk J. Dietrich u N. Häring ippreżentaw rikors quddiem il‑Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il‑Ġermanja), il-qorti tar-rinviju. Fir-rikorsi tagħhom huma jsostnu li kemm it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-BBankG, kif ukoll it-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) TFUE jistipulaw obbligu inkundizzjonat u mingħajr limitazzjonijiet li karti tal-flus f’euro għandhom jiġu aċċettati bħala mezz ta’ ħlas ta’ dejn finanzjarju. Tali obbligu jista’ jiġi limitat biss permezz ta’ ftehim kuntrattwali bejn il-partijiet jew permezz ta’ awtorizzazzjoni prevista fil-Liġi Federali jew fid-dritt tal-Unjoni. Raġunijiet prattiċi konnessi ma’ ħlasijiet fil-kuntest ta’ “proċeduri ta’ massa”, jew sitwazzjonijiet li fihom hemm numru sinjifikattiv ta’ kontributuri, ma jistgħux jiġġustifikaw l-esklużjoni tal-ħlas bi flus kontanti.

    20.

    Il-qorti tar-rinviju tiddikjara, preliminarjament, li, skont id-dritt nazzjonali r-rikorsi ppreżentati quddiemha għandhom jinstemgħu. Fil‑fatt, l-esklużjoni tal-possibbiltà li tħallas il-kontribuzzjoni awdjoviżiva bi flus kontanti, prevista fir-Regolament dwar il-proċeduri ta’ ħlas tal-Hessischer Rundfunk, hija kuntrarja għad-dispożizzjoni tad‑dritt federali superjuri, kif stabbilit fit-tieni sentenza tal‑Artikolu 14(1) tal‑BbankG ( 8 ).

    21.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li din tobbliga lill-awtoritajiet pubbliċi jaċċettaw il‑karti tal-flus f’euro sabiex jissodisfaw l-obbligi finanzjarji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi. Eċċezzjonijiet għal tali regola ma għandhomx ikunu bbażati sempliċement fuq raġunijiet prattiċi ta’ organizzazzjoni amministrativa jew ta’ tnaqqis ta’ spejjeż, iżda jeħtieġ l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni mil-Liġi Federali, peress li, bħal fil-każ preżenti, ma hijiex suffiċjenti awtorizzazzjoni prevista mil-Liġi tal-Land.

    22.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju madankollu ssostni li l-kawżi prinċipali jqajmu tliet kwistjonijiet li għalihom hija meħtieġa deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    23.

    Fl-ewwel lok, din il-qorti tistaqsi dwar il-konformità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-BBankG mal-għoti tal-kompetenza esklużiva lill-Unjoni dwar il-politika monetarja, skont l‑Artikolu 3(1)(c) TFUE.

    24.

    Hija tirrileva li l-kunċett ta’ politika monetarja ma huwiex iddefinit fit-trattati u li l-kontenut tiegħu u, konsegwentement, il-portata tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għadhom ma ġewx iċċarati definittivament. Abbażi tal-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal‑Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ma hijiex fi grad li tistabbilixxi definittivament jekk il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fis‑settur tal-politika monetarja testendix ukoll għar-regolamentazzjoni tal‑konsegwenzi legali konnessi mal-valuta legali tal-karti tal-flus f’euro, u, b’mod partikolari, għall-provvediment ta’ obbligu fuq l-awtoritajiet pubbliċi li jaċċettaw il-karti tal-flus f’euro sabiex jiġu eżegwiti obbligi finanzjarji tad-dritt pubbliku.

    25.

    Hija tosserva li, minn naħa waħda, tali obbligu ma jirrigwardax l‑għan li l-prezzijiet jinżammu stabbli, u lanqas hemm rabta diretta mal‑istrumenti indikati fid-dritt primarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal‑politika monetarja. B’mod partikolari, id-dritt li joħroġ karti tal-flus f’euro li l-Artikolu 128(1) TFUE jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill‑banek ċentrali nazzjonali ma għandux jiġi limitat jew emendat b’tali obbligu. Madankollu, min-naħa l-oħra, din il-qorti ssostni li l‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti li jiġi ddikjarat li għandhom jiġu kklassifikati bħala li jaffetwaw il-qasam tal-politika monetarja anke r-regoli li huma intiżi sabiex jiżguraw l-aċċettazzjoni tal‑karti tal-flus f’euro bħala mezzi ta’ ħlas bi status ta’ valuta legali u, konsegwentement, il-funzjonament tal-moviment monetarju. B’mod partikolari, ma huwiex eskluż li att leġiżlattiv li jirregola l-valuta legali tal‑karti tal-flus f’euro jista’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 133 TFUE, bħala miżura neċessarja għall-użu tal-euro bħala munita unika, u li, għalhekk, anke f’dan is-sens għandha tkun preżunta l-eżistenza ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    26.

    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni fihx fih innifsu projbizzjoni, fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, li jirrifjutaw li obbligu ta’ ħlas impost mill-awtoritajiet pubbliċi jkun eżegwit permezz ta’ karti tal-flus f’euro. Jekk dan ikun il-każ, irrispettivament mill-konformità tat-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tal‑BBankG mad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar il-proċeduri ta’ ħlas tal-Hessischer Rundfunk ikun xorta illegali inkwantu kontrastanti ma’ leġiżlazzjoni ta’ livell superjuri u, konsegwentement, ir‑rikorsi ppreżentati quddiem il-qorti tar‑rinviju għandhom jintlaqgħu.

    27.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li obbligu ta’ aċċettazzjoni tal-karti tal‑flus f’euro ma huwiex dedott b’mod ċar mill-kunċett ta’ valuta legali, previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) TFUE, fit-tielet sentenza tal-Artikolu 16(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE u fit-tieni sentenza tal‑Artikolu 10 tar-Regolament Nru 974/98. La d-dritt primarju, u lanqas id-dritt sekondarju tal-Unjoni ma jiddefinixxu dan il-kunċett. Il‑premessa 19 ta’ dan ir-regolament tissuġġerixxi biss li, skont il‑leġiżlatur tal-Unjoni, eventwali limitazzjonijiet għall-ħlas bi flus kontanti ma jippreġudikawx, fihom infushom, il-valuta legali tal-flus kontanti f’euro. Skont il-qorti tar-rinviju lanqas huwa ċar x’tifsira għandha tingħata f’dan il-kuntest lir-Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni 2010/191/UE. Jekk huwa veru li tali rakkomandazzjoni tistipula “definizzjoni komuni tal-valuta legali”, xorta, skont l‑Artikolu 288(5) TFUE, ir-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal‑Unjoni ma humiex vinkolanti.

    28.

    Fit-tielet lok, anki fil-każ fejn, bħala risposta għall-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssostni li, bis-saħħa tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fis-settur tal-politika monetarja, il‑leġiżlatur Ġermaniż ma jistax jadotta regola bħat-tieni sentenza tal‑Artikolu 14(1) tal-BBankG, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id‑dispożizzjoni tistax madankollu tkun applikata sakemm u sa fejn l‑Unjoni ma tkunx eżerċitat b’mod definittiv il-kompetenza esklużiva tagħha. Il-qorti tar-rinviju ssostni, fil-fatt, li mill-ġurisprudenza eżistenti ma jirriżultax b’ċertezza jekk att leġiżlattiv nazzjonali għandux jibqa’ mhux applikat meta, fin-nuqqas ta’ attività leġiżlattiva mill-Unjoni, dan ikun ġie adottat bi ksur tal-projbizzjoni li tirriżulta mill-eżistenza fil‑qasam tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    29.

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1.

    Il-kompetenza esklużiva li tgawdi minnha l-Unjoni skont l‑Artikolu 2(1) TFUE flimkien mal-Artikolu 3(1)(ċ) TFUE, fil‑qasam tal‑politika monetarja għall-Istati Membri li l-valuta tagħhom hija l-euro, tipprekludi l-adozzjoni minn wieħed minn dawn l-Istati Membri ta’ att leġiżlattiv li jimponi obbligu fuq entitajiet pubbliċi ta’ dan l-Istat Membru li jaċċettaw karti tal-flus iddenominati f’euro bħala parti mill-implimentazzjoni ta’ obbligi ta’ ħlas imposti mill‑awtoritajiet pubbliċi?

    2.

    L-istatus ta’ karti tal-flus iddenominati f’euro bħala valuta legali skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) TFUE, it-tielet sentenza tal-Artikolu 16(1) tal-[Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE] u t-tieni sentenza [tal-Artikolu 10] tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro, jipprekludi awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw li jeżegwixxu, fir-rigward ta’ tali karti tal‑flus, obbligu ta’ ħlas impost mill-awtoritajiet pubbliċi, jew id-dritt tal-Unjoni jippermetti leġiżlazzjonijiet li jeskludu l-ħlas bil-karti tal-flus f’euro għal ċerti obbligi ta’ ħlas imposti mill-awtoritajiet pubbliċi?

    3.

    Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv u t-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv:

    Att leġiżlattiv ta’ Stat Membru li l-valuta tiegħu hija l-euro, adottat fil‑qasam tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għall-politika monetarja, jista’ jiġi applikat minn dakinhar ’il quddiem sakemm l‑Unjoni ma tkunx għamlet użu mill-kompetenza tagħha.”

    III. Analiżi legali

    A.   Osservazzjoni preliminari

    30.

    Kif indikat fl-introduzzjoni, din it-talba għal deċiżjoni preliminari, minn naħa waħda, tqajjem kwistjonijiet delikati li jirrigwardaw il-portata tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni relatata mal-politika monetarja u għalhekk kwistjonijiet relatati mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u mal-modalità ta’ eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi. B’mod iktar partikolari, hija tqajjem il-kwistjoni delikata tal-possibbiltà u tal-eventwali limitazzjonijiet għall-Istati Membri taż-żona euro li jadottaw miżuri li jillimitaw l-użu tal-flus kontanti. Min-naħa l-oħra, din il-kawża tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni ta’ kunċetti kumplessi u indefiniti tad-dritt monetarju li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità tiddeċiedi.

    31.

    F’tali kuntest, nikkunsidra opportun li nikkjarifika b’mod preliminari l-portata ta’ diversi kunċetti essenzjali sabiex tkun tista’ tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar‑rinviju. Għalhekk, ser nibda l-analiżi b’xi kunsiderazzjonijiet dwar il‑kompetenzi esklużivi tal-Unjoni fil-qasam tal-kategorizzazzjoni tal‑kompetenzi, ifformalizzata bit-Trattat ta’ Lisbona (Taqsima B.). Imbagħad, ser nittratta il-kwistjoni dwar il-portata tal-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni dwar il-politika monetarja billi nivverifika, b’mod partikolari, jekk tinkludix jew le dimensjoni leġiżlattiva relatata mad-dritt monetarju (il-lex monetae; Taqsima C.). Imbagħad, ser nanalizza l-portata tal-kunċett ta’ “valuta legali” fid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-portata tal-valuta legali tal-karti tal‑flus u tal-muniti; f’dan il-kuntest ser neżamina l-kwistjoni dwar il‑possibbiltà li jiġu adottati regoli li jillimitaw l-użu tal-flus kontanti u l‑limitazzjonijiet ta’ tali possibbiltà (Taqsima D.). Finalment, abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ser nipproċedi biex nirrispondi d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (Taqsima E).

    B.   Il-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni

    32.

    Kif indikat, sabiex ikun hemm iktar ċarezza fis-sistema tal‑kompetenzi tal‑Unjoni ( 9 ), it-Trattat ta’ Lisbona introduċa għall-ewwel darba fid-dritt primarju, b’mod iktar preċiż, fil-bidu tat-TFUE ( 10 ), regola dwar il-kategoriji differenti ta’ kompetenzi mogħtija lill-Unjoni (Artikolu 2 TFUE), kif ukoll elenku ddettaljat tad-diversi setturi li fir‑rigward tagħhom ingħataw il-kompetenzi lill-istess Unjoni (Artikoli 3 sa 6 TFUE).

    33.

    Id-dispożizzjonijiet tal-bidu tat-TFUE dwar it-tqassim tal‑kompetenzi, li jirriflettu u, fil-maġġoranza tagħhom, jikkodifikaw il‑ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrigwardaw il‑kwistjoni ta’ natura kostituzzjonali dwar it-tqassim tal-poteri bejn l‑Unjoni u l-Istati Membri li jikkostitwixxuha, tqassim li huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi, stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (2) TUE (kif ukoll fl‑Artikolu 4(1) TUE), li fid-dawl tiegħu dawn id‑dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati. L-għan li għandu jintlaħaq huwa dak li jiġu kkjarifikati, fil-livell tad-dritt primarju, l-oqsma differenti ta’ kompetenza tal-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u tal‑Istati Membri, li baqgħu sovrani, li jikkostitwixxu l-Unjoni, min-naħa l-oħra, bil-għan li jiġi żgurat bilanċ bejniethom ( 11 ).

    34.

    Għal dan il-għan, id-dispożizzjonijiet tal-bidu tat-TFUE jaqsmu l‑kompetenzi tal-Unjoni, skont ir-relazzjoni tagħhom ma’ dawk tal-Istati Membri, f’“kompetenzi esklużivi” (imsemmija fl-Artikoli 2(1) u 3 TFUE) u f’“kompetenzi mhux esklużivi”, magħmula b’mod iktar preċiż mill-kompetenzi kondiviżi (imsemmija fl-Artikoli 2(2) u 4 TFUE) u mill-kompetenzi kumplimentari sabiex tagħti appoġġ, tikkoordina jew tissupplimenta (imsemmija fl-Artikoli 2(5) u 6 TFUE) ( 12 ).

    35.

    Sussegwentement, mill-Artikolu 2(6) TFUE jirriżulta li, fir-realtà, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-arranġamenti għall-eżerċizzju tal‑kompetenzi tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk humiex esklużivi jew le, għandhom jiġu determinati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati għal kull qasam.

    36.

    F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-kompetenzi esklużivi, mill-Artikolu 2(1) TFUE jirriżulta li meta t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Unjoni f’qasam speċifiku, l-Unjoni biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti. L-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu dan biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni jew sabiex jimplimentaw l-atti tal-Unjoni.

    37.

    Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-kompetenzi mhux esklużivi, mill-Artikolu 2(2) TFUE jirriżulta li meta t-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza kondiviża mal-Istati Membri f’qasam speċifiku, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f’dak il-qasam, iżda, minn naħa waħda, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat tagħha u min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom mill-ġdid sal-punt fejn l-Unjoni tkun iddeċidiet li tieqaf teżerċita tagħha. Fir-rigward tal-kompetenzi kumplimentari, skont l-Artikolu 2(5) TFUE, meta l-Unjoni jkollha l-kompetenza li tieħu azzjonijiet sabiex tagħti appoġġ, tikkoordina jew tissupplimenta f’kull settur, l‑azzjonijiet tal-Istati Membri, din il-kompetenza ma tissostitwixxix dik tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma.

    38.

    Mir-regoli dwar il-kompetenzi tal-Unjoni kkodifikati bit-Trattat ta’ Lisbona li għadu kif issemma jirriżulta li, kuntrarjament għal każ tal‑għoti ta’ kompetenzi mhux esklużivi, meta kompetenza tingħata lill‑Unjoni b’mod esklużiv, l-Istati membri jitilfu b’mod immedjat u irreversibbli kull prerogattiva fir-rigward tal-qasam ta’ kompetenza mogħti lill-Unjoni. L-għoti ta’ kompetenza esklużiva lill-Unjoni tneħħi minn idejn l-Istati Membri kwalunkwe kompetenza fil-qasam inkwistjoni u kwalunkwe attività leġiżlattiva tal-Istati Membri f’tali qasam hija għalhekk, a priori, mhux konformi mat-Trattati.

    39.

    It-telf ta’ kompetenzi mill-Istati Membri jseħħ b’mod immedjat fis-sens li, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ għall-għoti ta’ kompetenza kondiviża ( 13 ), ma huwiex rilevanti jekk l-Unjoni tkunx eżerċitat jew le l-kompetenza tagħha għall-finijiet tat-telf mill-Istati Membri tas-setgħat tagħhom fil-qasam ta’ kompetenza mogħtija lill‑Unjoni b’mod esklużiv.

    40.

    Dan it-telf huwa irriversibbli, fis-sens li hija biss emenda formali tat-trattati li tista’ tibdel in-natura esklużiva tal-għoti ta’ kompetenza tal‑Unjoni, billi tagħti lura kompetenzi lill-Istati Membri f’qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    41.

    Barra minn hekk, l-immedjatezza u l-irriversibbiltà tat-telf ta’ kompetenzi nazzjonali fis-setturi ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni huma marbuta mill-qrib mal-funzjoni, kif irrikonoxxuta mill-Qorti tal‑Ġustizzja, tan-natura esklużiva tal-għoti ta’ kompetenza lill-Unjoni, liema għoti jippermetti li l-azzjoni unilaterali tal-Istati Membri, fis-setturi inkwistjoni, tiġi ssostitwita b’azzjoni komuni bbażata fuq prinċipji uniformi għall-Unjoni kollha, bil-għan li jiġi protett l-interess globali tal‑Unjoni, li fil-limiti tiegħu għandhom jiġu rrikonċiljati l-interessi tal‑Istati Membri rispettivi ( 14 ).

    42.

    Eċċezzjonijiet għan-natura kostituzzjonalment esklużiva ta’ kompetenza mogħtija lill-Unjoni għandhom jirriżultaw mid-dritt primarju stess. F’dan is-sens, skont it-tieni sentenza tal‑Artikolu 2(1) TFUE, hemm biss żewġ każijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jilleġiżlaw u jadottaw atti legalment vinkolanti f’qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni: jekk dawn ikunu ġew awtorizzati mill‑Unjoni jew sabiex jimplimentaw atti tal-Unjoni.

    43.

    F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-possibbiltà li l-Unjoni tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jadottaw atti leġiżlattivi f’oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-Artikolu 2(1) TFUE la jistabbilixxi l‑modalitajiet, u lanqas il-portata tal-awtorizzazzjoni. Madankollu, mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona jirriżulta li atti leġiżlattivi tal-Istati Membri f’oqsma ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni huma ammissibbli biss bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni “speċifika” maħruġa mill-Unjoni ( 15 ). Barra minn hekk, sabiex tkun kompatibbli mal-konfigurazzjoni kostituzzjonali tal‑kompetenzi msemmija hawn fuq, tali awtorizzazzjoni għandha tkun limitata u ma tistax tagħti lok għal bidla permanenti tat-tqassim tal‑kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri li tirriżulta minn tali konfigurazzjoni ( 16 ).

    44.

    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat ukoll li, b’mod koerenti mar‑regoli dwar il-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni, in-nuqqas ta’ azzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni f’settur ta’ kompetenza esklużiva bl-ebda mod ma għandu l-konsegwenza li jirrestitwixxi lill-Istati Membri l‑kompetenza u l-libertà ta’ azzjoni unilaterali f’tali settur ( 17 ). Anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jiħux azzjoni adegwata f’qasam ta’ kompetenza esklużiva u madankollu jkun hemm il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri, xorta tibqa’ dejjem meħtieġa awtorizazzjoni speċifika, sabiex Stat Membru, li f’dan l-istadju jista’ jaġixxi biss għan-nom tal-interess komuni, ikun jista’ jadotta provvedimenti, anki jekk biss ta’ natura konservattiva u provviżorja, fil-qasam ta’ kompetenza esklużiva tal‑Unjoni ( 18 ).

    45.

    Minkejja li s-sistema fformalizzata bit-Trattat ta’ Lisbona tagħti lok għal kategorizzazzjoni ta’ kompetenzi speċifiċi, fil-prattika jista’ jirriżulta mhux daqstant faċli li jiġu stabbiliti b’mod preċiż il-konfini eżatti bejn l-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni u l-oqsma ta’ kompetenzi li jibqgħu għand l-Istati Membri, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn hemm interferenzi bejn l-imsemmija oqsma ta’ kompetenza. Dawn il‑kunsiderazzjonijiet jidhru rilevanti b’mod partikolari, kif jirriżulta wara kollox mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal‑Unjoni ekonomika u monetarja ( 19 ), li, kif diġà osservajt, hija rregolata minn bilanċ istituzzjonali partikolari ( 20 ).

    46.

    Barra minn hekk, kif jinnotaw l-istudjużi tas-sistemi federali, sitwazzjonijiet ta’ interferenza bejn l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lid-diversi livelli tal-Gvern jew ta’ sovrappożizzjoni bejn kompetenzi huma frekwenti fis-sistemi ta’ gvern mifrux fuq diversi livelli anki fil‑preżenza ta’ distinzjoni-separazzjoni netta tal-kompetenzi bejn l-Istat Federali u l-awtoritajiet statali l-oħra, skont is-sistemi hekk imsejħa “federaliżmu doppju”, skont dokumentazzjoni kostituzzjonali li tiddistingwi b’mod analitiku l-kompetenzi tal-Istat Federali u dawk tal‑awtoritajiet statali l-oħra.

    47.

    Fil-qasam tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-problema prinċipali tirrigwarda kif jinstabu modi ta’ koordinament bejn il-qasam ta’ kompetenza (esklużiva) tal-Unjoni u l‑eżerċizzju tal-kompetenzi li baqgħu fi ħdan l-Istati Membri. F’dawn il‑każijiet hemm bżonn li jiġu bbilanċjati żewġ rekwiżiti differenti: minn naħa waħda, dak li jiġi evitat li d-dritt tal-Unjoni jkollu interferenzi li jippreġudikaw l-effettività tiegħu f’każ tal-eżerċizzju ta’ kompetenzi statali u, min-naħa l-oħra, dak li jiżgura lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-regoli inkwistjoni li ma jaqgħux fil-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni.

    48.

    Dan l-eżerċizzju ta’ bbilanċjar jista’ jseħħ, dejjem b’osservanza tat-trattati u tar-rwoli rispettivi mogħtija lil kull attur, b’diversi modalitajiet skont in-natura u t-tipoloġija tal-pożizzjonijiet legali previsti fid-dritt tal‑Unjoni li huma relatati mal-eżerċizzju tal-kompetenzi statali. Madankollu, dan għandu jkun iggwidat mill-prinċipju fformulat mill‑Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, li “minkejja li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenz[i] tal-Istati Membri […], xorta jibqa’ l‑fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, dawn l-Istati għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni” ( 21 ).

    C.   Il-portata tal-kompetenzi tal-Unjoni fir-rigward tal-politika monetarja

    49.

    Id-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill‑qorti tar-rinviju, b’mod partikolari l-ewwel u t-tieni waħda, jippreżupponi kjarifika tal-portata tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-politika monetarja. B’mod partikolari, dawn id-domandi jitolbu li jiġi stabbilit jekk, l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt monetarju relatati mal-euro taqax fil-kamp ta’ kompetenza esklużiva tal‑Unjoni dwar il-politika monetarja, u jekk iva sa fejn, b’tali mod li, skont il-prinċipji msemmija fil-punti 37 sa 44 preċedenti, kwalunkwe intervent leġiżlattiv tal-Istati Membri dwar dan għandu jiġi eskluż, sa fejn dawn ma jkunux speċifikament awtorizzati mill-Unjoni.

    50.

    F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 3(1)(c) TFUE, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil‑qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ( 22 ).

    51.

    Il-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni fir-rigward tal-politika monetarja jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Unjoni ekonomika u monetarja, li l-munita tagħha hija l-euro, stabbilita skont l‑Artikolu 3(4) TUE.

    52.

    Dawn il-kompetenzi huma stabbiliti fit-Titolu VIII, tat-Tielet Parti tat-TFUE (Artikoli 119 sa 144 TFUE), dwar il-politika ekonomika u monetarja, u, b’mod iktar partikolari, fil-Kapitolu 2 ta’ dan it-titolu (Artikoli 127 sa 133 TFUE) li jikkonċerna, b’mod iktar speċifiku, il‑politika monetarja.

    53.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li t-Trattat FUE ma fih ebda definizzjoni preċiża tal-politika monetarja iżda fl-istess ħin jiddefinixxi kemm l-għanijiet ta’ din il‑politika kif ukoll il-mezzi li għandha s-SEBĊ sabiex timplimentaha ( 23 ).

    54.

    Kif osservat mill-Qorti tal-Ġustizzja, bis-saħħa tal‑Artikolu 282(1) TFUE, il-BĊE u l-banek ċentrali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, li jikkostitwixxu s-sistema euro, huma kompetenti sabiex jimplimentaw il-politika monetarja tal-Unjoni. Skont l‑Artikolu 282(4) TFUE, il-BĊE għandu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu skont l-Artikoli 127 sa 133 u 138 TFUE, kif ukoll il‑kundizzjonijiet previsti mill-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ( 24 ).

    55.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-politika monetarja, għandu jsir riferiment prinċipalment għall-għanijiet ta’ din il-miżura u li huma daqstant rilevanti wkoll il-mezzi li tali miżura timplimenta sabiex tilħaq dawn l‑għanijiet ( 25 ).

    56.

    Huwa f’dan il-kuntest li għandha tiġi kkjarifikata l-portata tal‑kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-politika monetarja.

    57.

    F’dan ir-rigward, insostni li minn analiżi testwali, sistematika u teleoloġika tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-trattati jirriżulta li l-kunċett ta’ politika monetarja (bil-Ġermaniż, Währungspolitik), li skont l‑Artikolu 3(1)(c) TFUE, jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, għandu jinftiehem fis-sens li ma huwiex limitat għad-definizzjoni u l-iżvolġiment ta’ politika monetarja f’termini amministrattivi (politika monetarja “f’sens ristrett”, bil-Ġermaniż Geldpolitik), skont kif indikat mill‑ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) TFUE. Dan għandu jinftiehem f’sens wiesa’, fis-sens li jinkludi wkoll dimensjoni leġiżlattiva relatata mal-munita unika, li fih huma inklużi dispożizzjonijiet tad-dritt monetarju ( 26 ).

    58.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat qabelxejn l‑Artikolu 119 TFUE, regola introduttorja tat-Titolu VIII dwar il-politika ekonomika u monetarja u, bħala tali, li għandha funzjoni sistematika importanti. Mill-istruttura ta’ dan l-artikolu huwa preżunt li, filwaqt li l‑paragrafu 1 jistabbilixxi, f’termini ġenerali, il-kriterji li għandhom jiġu segwiti f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni fil-qasam tal-politika ekonomika (żviluppata fil-Kapitolu 1), il-paragrafu 2 jirrigwarda l-attivitajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni fil-qasam tal‑politika monetarja (Währungspolitik), żviluppata fil-Kapitolu 2.

    59.

    Skont l-Artikolu 119(2) TFUE, l-attivitajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni għandhom jinkludu munita unika, l-euro, kif ukoll id‑definizzjoni u l-iżvolġiment ta’ politika monetarja waħda u ta’ politika ta’ rata ta’ kambju waħda ( 27 ). Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-imsemmija azzjoni tinkludi tliet elementi: munita unika, (l‑euro), id‑definizzjoni u l-iżvolġiment ta’ politika monetarja waħda (mifhuma f’sens amministrattiv, bħala Geldpolitik) u d-definizzjoni u l‑iżvolġiment ta’ politika ta’ rata ta’ kambju waħda.

    60.

    Fl-opinjoni tiegħi, minn din id-dispożizzjoni jista’ jiġi preżunt li l‑kompetenzi tal-Unjoni dwar il-politika monetarja, inklużi fil-Kapitolu 2 tal-imsemmi Titolu VIII ma jistgħux jinftehmu f’sens ristrett, bħala li huma limitati biss għad-definizzjoni u l-iżvolġiment ta’ politika monetarja f’termini amministrattivi (Geldpolitik), iżda jinkludu wkoll il‑kompetenza esklużiva relatata mal-munita unika, jiġifieri l-euro (u mal-politika ta’ rata ta’ kambju). Barra minn hekk, ir-riferiment għall‑uniċità tal-munita, li jinsab fl-Artikolu 119(2) TFUE, jippreżupponi l-għoti lill-Unjoni ta’ kompetenza ta’ natura esklużiva, li, sabiex tkun tista’ tiżgura tali uniċità, għandha tinkludi s-setgħa li jiġu rregolati l-aspetti regolatorji tal-munita stess, u għalhekk għandha tinkludi d-dritt monetarju.

    61.

    Wara kollox, tali interpretazzjoni hija kkonfermata bid‑dispożizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu 2 tat-Titolu VIII relatat mal‑politika monetarja, fid-dawl tal-liema, skont l-Artikolu 2(6) TFUE, għandha tiġi stabbilita l-portata tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni relatati mal-politika monetarja (Währungspolitik).

    62.

    Dan il-kapitolu jinkludi, fil-fatt, minn naħa waħda, l‑Artikolu 128 TFUE, li fil-paragrafu 1 jittratta l-ħruġ ta’ karti tal-flus f’euro fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll il-valuta legali tagħhom u, fil‑paragrafu 2, il-produzzjoni ta’ muniti.

    63.

    Dan il-kapitolu jinkludi, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 133 TFUE, li jippermetti espliċitament lil-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi l-miżuri ta’ natura leġiżlattiva neċessarji għall-użu tal-euro bħala munita unika ( 28 ).

    64.

    Il-preżenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-imsemmi kapitolu u l‑inklużjoni tal-kompetenzi hemm previsti fil-qasam ta’ kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni fir-rigward tal-politika monetarja tirriżulta wara kollox neċessarja sabiex tiżgura l-uniċità tal-munita unika, l-euro.

    65.

    Fil-fatt, il-kompetenza sabiex jinħarġu u jiġi awtorizzat il-ħruġ ta’ karti tal-flus u sabiex tiġi rregolata l-produzzjoni tal-muniti f’euro, il‑kompetenza sabiex tiġi ddefinita l-valuta legali u l-kompetenza sabiex jinħarġu l-miżuri neċessarji għall-użu ta’ tali munita, huma l-bażi tan‑natura unika tal-munita, l-euro, u b’hekk jikkostitwixxu wkoll kundizzjoni preliminari għat-twettiq ta’ politika monetarja unika.

    66.

    In-nuqqas ta’ kompetenza esklużiva fi ħdan l-Unjoni fuq tali aspetti għandu bħala konsegwenza li kull Stat Membru taż-żona euro jkun jista’ jadotta approċċ differenti fil-konfront tal-munita unika, u dan bla dubju jista’ jikkontesta l-uniċità tal-euro bħala munita tal-Unjoni ekonomika u monetarja, bir-riskju wkoll li jikkomprometti l-effettività tal-politika monetarja amministrattiva tas-SEBĊ u tal-miżuri adottati għal dan il-għan.

    67.

    B’mod koerenti ma’ dak iddikjarat fil-punt 41 preċedenti, l-għoti ta’ kompetenza esklużiva lill-Unjoni fir-rigward ta’ tali aspetti tal-munita unika jirrifletti r-rekwiżit li jiġu stabbiliti prinċipji uniformi f’dan il‑qasam għall-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro bil‑għan li jiġi protett l-interess globali tal-Unjoni ekonomika u monetarja u tal-euro bħala munita unika. Il-ħolqien ta’ munita unika fost l-Istati Membri taż-żona euro u l-funzjonament tajjeb tagħha jippreżupponu t‑trasferiment totali, komplet u b’mod esklużiv tas-sovranità monetarja tagħhom lill-Unjoni, fil-kamp tal-Unjoni ekonomika u monetarja stabbilita minnha.

    68.

    Għalhekk, għandu jiġi sostnut li l-kompetenzi kollha u s-setgħat kollha neċessarji għall-ħolqien u għall-funzjonament tajjeb tal-munita unika, l-euro, jidħlu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni msemmija fl‑Artikolu 3(1)(c) TFUE.

    69.

    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-valuta legali, kif ser jintwera f’iktar dettall fit-taqsima segwenti, dan jirrifletti n-natura uffiċjali tal-munita unika fiż-żona euro bl-esklużjoni li muniti oħra jkunu jistgħu jibbenefikaw minnha. Id-definizzjoni u r-regolamentazzjoni tal‑valuta legali jikkostitwixxu, għalhekk, element essenzjali sabiex tiġi żgurata n-natura unika tal-euro bħala munita tal-Istati Membri taż-żona euro. Fil-fatt ma huwiex b’mod inċidentali li l-valuta legali, li tikkostitwixxi kunċett ta’ dritt pubbliku u b’mod iktar preċiż ta’ dritt monetarju ( 29 ), issemmiet fil-livell tad-dritt primarju tal-Unjoni fit-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) TFUE, li dwar l-interpretazzjoni tagħha ser nitkellem dalwaqt.

    70.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li għandu jiġi konkluż li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni dwar il-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro skont l‑Artikolu 3(1)(c) TFUE għandha tinftiehem fis-sens li din tinkludi l‑kompetenzi kollha u s-setgħat kollha għall-ħolqien u għall‑funzjonament tajjeb tal-munita unika, l-euro, inkluża fih dimensjoni leġiżlattiva relatata ma’ tali munita unika li tinkludi d‑definizzjoni u r-regolamentazzjoni tal-istatus u tal-valuta legali tagħha.

    71.

    Minkejja dan, b’mod koerenti ma’ dak li osservajt fil-punti minn 45 sa 48 preċedenti, l-eżerċizzju ta’ tali kompetenza mill-Unjoni għandu neċessarjament jikkunsidra n-neċessità li jinstab bilanċ ġust mal‑eżerċizzju mill-Istati Membri ta’ kompetenzi li baqgħu fi ħdanhom, li fosthom jistgħu jaqgħu, f’dan il-kuntest, dawk fil-qasam tad-dritt ċivili dwar l-estinzjoni tad-dejn, dawk fil-qasam ta’ organizzazzjoni u funzjonament tal-awtoritajiet pubbliċi u dawk fil-qasam fiskali u kriminali.

    D.   Fuq il-kunċett ta’ valuta legali

    72.

    La darba ġie kkjarifikat li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni dwar il-politika monetarja tinkludi dimensjoni leġiżlattiva relatata mal-munita unika li tinkludi d-definizzjoni u r-regolamentazzjoni tal-istatus u tal‑valuta legali tagħha, sabiex jingħataw risposti għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-portata fid-dritt tal-Unjoni tal-kunċett ta’ valuta legali u, b’mod speċifiku, tal‑valuta legali tal-karti tal-flus f’euro.

    73.

    Għal dan il-għan, madankollu, nikkunsidra li huwa neċessarju li jsiru xi kunsiderazzjonijiet preliminari fir-rigward tal-munita unika.

    1. Kunsiderazzjonijiet preliminari dwar il-munita unika

    74.

    Kif diġà rrilevat, skont l-Artikolu 3(4) TUE l-euro hija l-munita tal-Unjoni ekonomika u monetarja stabbilita mill-Unjoni. Diversi regoli tat-trattati, fosthom, b’mod partikolari, l-Artikoli 119(2) u 133 TFUE ( 30 ), jiddeskrivu l-euro bħala “munita unika”. It-tieni sentenza tal‑Artikolu 282(3) TFUE wkoll issemmi l-euro bħala tali.

    75.

    Il-leġiżlatur tal-Unjoni – bħal fil-każ ta’ ħafna leġiżlaturi nazzjonali, jekk mhux kollha – ma jagħtix definizzjoni tal-kunċett ta’ munita ( 31 ).

    76.

    Fid-dritt sostantiv tal-Unjoni, il-kunċett li jidher li l-iktar huwa qrib il-kunċett ta’ munita huwa dak ta’ “fondi” kif previst fid-Direttiva (UE) 2015/2366 dwar is-servizzi ta’ pagament ( 32 ). Fil-kuntest ta’ din id‑direttiva, is-suġġett ta’ regolamentazzjoni armonizzata fil-qasam ta’ servizzi ta’ pagamenti huwa t-trasferiment ta’ “fondi”, kunċett li d‑direttiva ma tagħtix definizzjoni legali preċiża tiegħu. Madankollu, il‑punt 25 tal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jagħti lista tal-“fondi” li jistgħu jkunu oġġett ta’ servizzi ta’ pagament, u jindika li dawn huma kkostitwiti minn “karti tal-flus u muniti, flus skritturali jew flus elettroniċi kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva 2009/110/KE” ( 33 ).

    77.

    Fit-teorija ekonomika ġeneralment tiġi użata definizzjoni ta’ munita – mifhuma fis-sens iktar ġenerali ta’ “money” jew “Geld” ( 34 ) – ta’ natura funzjonali li, skont kunċett li jmur lura għal żmien Aristotele ( 35 ), turi t-tliet funzjonijiet li għandha, jiġifieri: (i) il-funzjoni ta’ unità ta’ kontabbiltà; (ii) il-funzjoni ta’ mezz ta’ pagament (jew ta’ skambju); u (iii) il-funzjoni ta’ riżerva ta’ valur.

    78.

    Minn perspettiva legali tali definizzjoni ekonomika tidher li għandha tiġi integrata mal-elementi li jirriżultaw mit-teorija statali tal‑munita ( 36 ), fis-sens li l-munita hija kkreata mill-Istat jew, fil-każ tal‑euro, mill-Unjoni ekonomika u monetarja u li l-eżistenza tagħha ma tistax tkun inkluża fi ħdan sistema ġuridika partikolari.

    79.

    Mill-perspettiva storika, in-natura tal-munita żviluppat matul iż‑żmien ( 37 ). Fil-ġurnata tal-lum, l-ekonomiji moderni, inkluża l-Unjoni ekonomika u monetarja, huma bbażati fuq “flus kontanti”, jiġifieri ddikjarati b’valuta legali u maħruġa minn bank ċentrali iżda, mhux konvertibbli, pereżempju, fi kwantità fissa ta’ deheb ( 38 ).

    80.

    Kif jirriżulta, wara kollox, mill-kunċett hawn fuq imsemmi ta’ fondi, il-munita – irrappreżentata fl-Unjoni ekonomika u monetarja mill‑munita unika, l-euro – bħala tali, teżisti kemm fil-forma fiżika, espressa fil-karti tal-flus u fil-muniti (jiġifieri, il-kontanti), kif ukoll fil‑forma skritturali jew elettronika (espressa, pereżempju, fil-bilanċ ta’ kont bankarju). Il-munita, u għalhekk, fiż-żona euro, l-euro, teżisti u tiċċirkola fil-ħajja ekonomika f’diversi forom.

    81.

    Ċertament, il-forma l-iktar importanti ta’ munita hija storikament dik fiżika tal-kontanti (flus tal-karti u muniti), espressjoni massima tas‑sovranità monetarja tal-Istat. Il-flus kontanti, kif jirriżulta minn data reċenti, għad għandhom rwol sinjifikattiv fl-ekonomija, fi ħdan iż-żona euro meħuda kollha kemm hi. Studju reċenti ppubblikat mill-BĊE ( 39 ) fil-fatt juri li fl-Unjoni, il-flus kontanti jirrappreżentaw, f’termini numeriċi, madwar 79 % tal-ħlasijiet ta’ kuljum tal-Ewropej u madwar 54 % fil‑valur. Dan japplika b’mod partikolari għall-ħlasijiet żgħar, fil-fatt huma biss 10 % tat-tranżazzjonijiet fi flus kontanti li ġew analizzati li jirrigwardaw beni jew servizzi ta’ valur ta’ iktar minn EUR 100. Dan l‑istudju juri, barra minn hekk, abitudnijiet u preferenzi diversi ferm f’diversi Stati Membri.

    82.

    Jekk, kif jirriżulta b’mod ċar minn dan l-istudju, u kif ikkonfermat, wara kollox, mill-BĊE stess waqt is-seduta, il-flus kontanti għad għandhom rwol sinjifikattiv fl-ekonomija fi ħdan iż-żona euro u, għalhekk, il‑wasla ta’ soċjetà mingħajr flus kontanti (cashless society) ma tidhirx, kif isostnu xi wħud, imminenti, almenu fl-Ewropa, dan madankollu ma jfissirx li l-proċess ta’ modernizzazzjoni tal-ekonomija u, iktar reċenti, l‑iżvilupp teknoloġiku wasslu għall-ħolqien ta’ forom oħra, mhux fiżiċi, ta’ munita li matul iż-żmien assumew dejjem iktar rilevanza ( 40 ) u huma intiżi sabiex ikomplu jassumu dejjem iktar rilevanza ( 41 ). Fl-aħħar snin l‑innovazzjoni teknoloġika saret tant rapida u volatili li potenzjalment tista’ tibdel b’mod radikali l-qasam finanzjarju, billi saħansitra thedded is-sovranitajiet monetarji (nazzjonali, jew fiż-żona euro, tal-Unjoni) ( 42 ). F’dan il-kuntest ma huwiex sorprendenti li, proprju bħal fl-ekonomiji l‑oħra l-kbar fid-dinja ( 43 ), anki fil-livell tal-Unjoni nfetħet diskussjoni dwar il-possibbiltà li tiġi introdotta munita diġitali (Central Bank Digital Currency) ( 44 ), li potenzjalment għandha impatt rilevanti ferm kemm fuq is-sistema monetarja u finanzjarja Ewropea, kif ukoll fuq ir-rwol internazzjonali li għandu l-euro ( 45 ).

    83.

    Fi kwalunkwe każ, tkun f’liema forma tkun (fiżika, konkretizzata fi flus kontanti jew mhux fiżika), il-munita, irrapreżentata fiż-żona euro mill-munita unika, l-euro, teżisti u tista’, fil-forom kollha tagħha, taqdi t‑tliet funzjonijiet hawn fuq imsemmija, fosthom, b’mod partikolari, għall-finijiet ta’ din il-kawża, dik ta’ mezz ta’ ħlas ( 46 ).

    84.

    Huwa għalhekk fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, u b’mod partikolari fir-rigward ta’ din l-aħħar funzjoni, li għandu jiġi analizzat b’liema mod l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza esklużiva tagħha fir‑rigward tal-munita unika, imsemmija fit-taqsima preċedenti, b’riferiment partikolari għad-determinazzjoni tal-valuta legali.

    2. Fuq l-eżerċizzju mill-Unjoni tal-kompetenza esklużiva tagħha fil-qasam tal-valuta legali

    85.

    Fl-eżerċizzju tal-kompetenza esklużiva tagħha, il-leġiżlatur tal‑Unjoni rregola diversi aspetti legali tal-munita unika, iżda ma adottax regolamentazzjoni kumplessiva u eżawrjenti f’dan ir-rigward.

    86.

    F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-valuta legali, id‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jittrattawha huma, fil-livell tad‑dritt primarju, it-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) TFUE, riprodotta fit-tielet sentenza tal-Artikolu 16(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, u, fil-livell tad-dritt sekondarju, ir-Regolament Nru 974/98, u, b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 10 u 11 tiegħu.

    87.

    Dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw il-ħruġ u l-valuta legali tal-karti tal-flus u tal-muniti, iżda ma jagħtux definizzjoni preċiża tal‑kunċett legali ta’ valuta legali. Din il-lakuna ma hijiex aċċidentali, fid‑dawl tas-sensittività tas-suġġett u tad-differenza fl-approċċ eżistenti fil-livell tad-diversi Stati Membri kkonċernati ( 47 ).

    88.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 59 sa 70 preċedenti, fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ valuta legali huwa kunċett tad-dritt monetarju proprju tad-dritt tal-Unjoni li, bħala tali, għandu jkun suġġett, fl-Unjoni kollha, għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 48 ).

    89.

    F’dan ir-rigward, nosserva li, anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ma tax definizzjoni preċiża tal-kunċett ta’ valuta legali, dan jibqa’ liberu li jagħmlu fi kwalunkwe ħin, billi jiddefinixxi b’mod preċiż permezz ta’ leġiżlazzjoni t-tifsira eżatta li għandha tingħata lil dan il-kunċett.

    90.

    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, peress li d‑determinazzjoni tal-portata ta’ tali kunċett taqa’ fil-kamp ta’ kompetenza esklużiva tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa l-oħra, huwa eskluż li l-Istati Membri, li, kif jirriżulta mill-punti preċedenti 38 sa 44, tilfu kull prerogattiva f’dan ir-rigward, jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi li bil-għan u l-kontenut tagħhom jikkostitwixxu regolamentazzjoni tal-valuta legali, u dan anki f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni. L-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ma għad għandhom l-ebda kompetenza sabiex jistabbilixxu l‑kunċett ta’ valuta legali.

    91.

    F’dak li jirrigwarda b’mod speċifiku d-dispożizzjoni li tagħti lill‑valuta legali l-portata ta’ kunċett tad-dritt primarju, jiġifieri l‑Artikolu 128(1) TFUE, din tiddikjara, fl-ewwel żewġ sentenzi tagħha, li l-BĊE għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ ta’ karti tal-flus f’euro fi ħdan l-Unjoni u li l-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħorġu karti tal-flus ( 49 ). It-tielet sentenza ta’ dan il-paragrafu 1 tistipula li l-karti tal-flus maħruġa mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali huma l-uniċi karti tal-flus b’valuta legali fl-Unjoni.

    92.

    Din id-dispożizzjoni, li tirriproduċi testwalment l‑Artikolu 106 KE, minkejja li ma tiddefinixxix b’mod preċiż il-kunċett ta’ valuta legali, għandha importanza fundamentali.

    93.

    Fl-ewwel lok, din hija espressjoni tal-poter sovran, mogħti mill‑Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro b’mod esklużiv lill‑Unjoni, sabiex tiddefinixxi liema beni jew strument (tanġibbli jew mhux tanġibbli) għandu valuta legali fiż-żona euro.

    94.

    Fit-tieni lok, din fundamentalment għandha funzjoni ta’ garanzija. Kif irrilevat, b’mod korrett, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din hija intiża għall-ħolqien ta’ “monopolju” favur il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali għall-ħruġ ta’ karti tal-flus b’valuta legali, filwaqt li tipprojbixxi, fuq livell kostituzzjonali, il-ħolqien minn kwalunkwe entità oħra, kemm jekk pubblika jew privata, ta’ karti tal-flus jew forom oħra ta’ munita paralleli li għandhom valuta legali ( 50 ).

    95.

    Fit-tielet lok, tali dispożizzjoni tiżgura f’livell kostituzzjonali l‑eżistenza stess tal-karti tal-flus iddenominati f’euro, li twassal sabiex jiġi konkluż li l-abolizzjoni totali tagħhom tkun kuntrarja għad-dritt tal‑Unjoni.

    96.

    Minkejja dan, fl-opinjoni tiegħi, la mill-Artikolu 128(1) TFUE u lanqas minn xi regola oħra tad-dritt tal-Unjoni ma jista’ jiġi preżunt li l‑leġiżlatur kostituzzjonali tal-Unjoni ried jeskludi l-possibbiltà għall‑Unjoni li tagħti, b’mod parallel mal-karti tal-flus (u l-muniti) f’euro ( 51 ) il-valur tal-valuta legali lil forom oħra ta’ munita, mhux neċessarjament fiżiċi ( 52 ). Il-poter sovran tal-Unjoni msemmi hawn fuq li tiddefinixxi l-valuta legali jinkludi, fil-fatt, dak li tistabbilixxi, fid‑diskrezzjoni tagħha u b’rispett tad-dritt tal-Unjoni, l-istrument jew strumenti li għandhom valuta legali fiż-żona euro ( 53 ).

    97.

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat ukoll li, jekk l-Unjoni ma tatx b’mod espliċitu l-valur ta’ valuta legali lil forom ta’ munita differenti minn flus kontanti, madankollu, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni relatata mas-suq intern, hija rregolat b’mod analitiku s-servizzi ta’ pagament (fid‑Direttiva (UE) 2015/2366 imsemmija hawn fuq) kif ukoll il-ħruġ ta’ munita elettronika (fid-Direttiva 2009/110 msemmija hawn fuq). F’dan il-kuntest, l-Unjoni stess ippreferiet l-użu ta’ mezzi ta’ ħlas elettroniku ( 54 ). Din ir-regolamentazzjoni analitika intiża sabiex tiżgura s‑sikurezza tal-ħlasijiet b’munita skritturali jew elettronika kkontribwixxiet, fid-dawl tas-sikurezza u tad-distribuzzjoni ta’ tali mezzi ta’ ħlas, għal tnaqqis tal-użu tal-flus kontanti ( 55 ).

    98.

    Minkejja dan, għandu jiġi rrilevat ukoll li, jekk il-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni dwar il-munita unika tippermettilha li tistabbilixxi l-kunċett ta’ valuta legali, li, kif ser jidher aħjar fit-taqsima segwenti, tikkonċerna direttament l-użu tal-munita bħala mezz ta’ ħlas tad-dejn finanzjarju, din il-kompetenza esklużiva ma testendix tant li tinkludi kompetenza ġenerali sabiex tirregola l-modalitajiet ta’ estinzjoni tad-dejn finanzjarju, la fid-dritt privat u lanqas fid-dritt pubbliku, li baqgħet fi ħdan l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, tqum għalhekk il-ħtieġa li tiġi kkoordinata, fis-sens previst fil-punti 45 sa 48 u 71 preċedenti, il‑kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam ta’ definizzjoni tal-valuta legali, ma’ dawk li għandhom l-Istati Membri, b’mod partikolari fil‑qasam tad-dritt ċivili, f’dak li jirrigwarda l‑estinzjoni tad-dejn finanzjarju ta’ natura privata, fil-qasam ta’ organizzazzjoni u funzjonament tal-awtoritajiet pubbliċi u fiskali, f’dak li jirrigwarda l-ħlas ta’ dejn finanzjarju ta’ natura pubblika, kif ukoll fil‑qasam kriminali, f’dak li jirrigwarda l-interrelazzjoni bejn iċ‑ċirkolazzjoni tal-munita u l‑ġlieda kontra l-kriminalità.

    3. Fuq il-kunċett tal-valuta legali tal-karti tal-flus f’euro fid-dritt tal-Unjoni

    99.

    Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar‑rinviju, għandha tiġi stabbilita l-portata tal-kunċett ta’ valuta legali tal-karti tal-flus f’euro, u dan anki fin-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża tal‑kunċett ta’ valuta legali mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal‑kompetenza esklużiva tagħha f’dan il-qasam. Peress li huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, permezz tal‑interpretazzjoni tagħha, tistabbilixxi l-portata ta’ tali kunċett fl-istat preżenti tad-dritt ( 56 ).

    100.

    Minkejja n-nuqqas ta’ definizzjoni preċiża, id-dritt tal-Unjoni xorta jipprovdi xi elementi interpretattivi li jippermettu li jiġi ddeterminat l-ambitu tal-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ valuta legali tal-karti tal-flus u tal‑muniti f’euro. Dawn l-elementi huma: minn naħa waħda, ir‑Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/191/UE u, min-naħa l-oħra l-premessa 19 tar-Regolament Nru 974/98.

    101.

    F’dak li jirrigwarda l-ewwel element interpretattiv, jiġifieri r‑Rakkomandazzjoni 2010/191/UE, din tirrigwarda speċifikament il‑portata u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u tal-muniti f’euro. Kif jista’ jiġi preżunt mill-premessa 4 tagħha, din hija bbażata fuq il‑konklużjonijiet ewlenin ta’ rapport imħejji minn grupp ta’ ħidma, taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni u tal-BĊE, li jikkonsisti minn rappreżentanti mill-Ministeri tal-Finanzi u mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona euro.

    102.

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi espliċitament dwar il-portata li għandha tingħata din ir‑rakkomandazzjoni.

    103.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki jekk, skont l‑Artikolu 288(5) TFUE, ir-rakkomandazzjonijiet ma humiex intiżi sabiex jipproduċu effetti vinkolanti u għalhekk, ma jistgħux inisslu drittijiet ġustizzjabbli minn individwi quddiem qorti nazzjonali, madankollu dawn ma humiex kompletament mingħajr effetti legali. Fil‑fatt, il-qrati nazzjonali huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni r‑rakkomandazzjonijiet sabiex jiddeċiedu kawżi li jitressqu quddiemhom, b’mod partikolari meta jiċċaraw l‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bil-għan li jimplimentawhom jew meta l-għan tagħhom ikun li jikkompletaw dispożizzjonijiet tal‑Unjoni ta’ natura vinkolanti ( 57 ).

    104.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li meta dokument, kif inhu l-każ tar-Rakkomandazzjoni 2010/191/UE, ikun ġie żviluppat minn grupp ta’ esperti nazzjonali u mid-dipartimenti tal‑Kummissjoni, dan jista’ jipprovdi elementi utli għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, u b’hekk jikkontribwixxi sabiex jiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ dan tal‑aħħar ( 58 ).

    105.

    Ir-Rakkomandazzjoni 2010/191/UE għalhekk tikkostitwixxi element interpretattiv importanti sabiex jiġi stabbilit il-kontenut tal-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ valuta legali tal-karti tal-flus u tal-muniti f’euro u dan iktar u iktar inkwantu din hija bbażata fuq rapport redatt mill-grupp ta’ ħidma tar-rappreżentanti tal-Istati Membri taż-żona euro.

    106.

    Mid-definizzjoni komuni tal-valuta legali tal-karti tal-flus u tal‑muniti f’euro li tinsab fil-punt 2 tal-imsemmija rakkomandazzjoni jirriżulta li, fejn jeżisti obbligu ta’ ħlas, il-valuta legali ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro tinkludi tliet elementi: fl-ewwel lok, obbligu ta’ aċċettazzjoni, fit-tieni lok, l-aċċettazzjoni fuq valur nominali sħiħ; u, fit‑tielet lok, il-poter li jinħelsu l-obbligi għall-ħlas.

    107.

    F’dak li jirrigwarda b’mod speċifiku l-obbligu ta’ aċċettazzjoni, il‑punt 1(a) tar-Rakkomandazzjoni 2010/191/UE jispjega li l-kreditur ta’ xi obbligu ta’ ħlas ma jistax jirrifjuta karti tal-flus u muniti tal-euro sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu fuq mezzi oħra ta’ ħlas.

    108.

    Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li, skont id-definizzjoni tal-valuta legali li tirriżulta mir-Rakkomandazzjoni 2010/191/UE, il-kunċett tad‑dritt tal-Unjoni ta’ valuta legali tal-karti tal-flus u tal-muniti jinkludi obbligu ġenerali ta’ prinċipju ta’ aċċettazzjoni tal-flus kontanti mill‑kreditur sabiex jitħallas dejn finanzjarju, iżda li tali obbligu ma huwiex assolut, iżda li jista’ jiġi dderogat skont l-awtonomija kuntrattwali tal-partijiet.

    109.

    F’dan ir-rigward, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, għandu jiġi enfasizzat li dwar din id-definizzjoni kien hemm il-qbil unanimu fi ħdan il-grupp ta’ ħidma kkostitwit mir-rappreżentanti tad-diversi Stati Membri ( 59 ), u dan jippermetti li jiġi kkunsidrat li kunċett ta’ valuta legali bħal dak imsemmi hawn fuq jista’ jiġi kkunsidrat bħala kunċett komuni għall-ordinamenti legali tal-Istati Membri taż-żona euro.

    110.

    Madankollu, fl-istat preżenti tad-dritt, il-kunċett awtonomu ta’ dritt tal-Unjoni ta’ valuta legali għandu jiġi interpretat ukoll fid-dawl ta’ element interpretattiv ieħor, jiġifieri l-premessa 19 tar-Regolament Nru 974/98.

    111.

    Minn din il-premessa jirriżulta li l-eventwali limitazzjonijiet fuq ħlasijiet bil-karti tal-flus u l-muniti, stabbiliti mill-Istati Membri għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, ma humiex inkompatibbli mal-valuta legali tal-karti ta’ flus u tal-muniti f’euro, sakemm mezzi oħra legali għall-ħlas tad-dejn finanzjarju ikunu disponibbli.

    112.

    Qabel ma jiġi analizzat l-effett ta’ tali premessa fuq il-kunċett tad‑dritt tal-Unjoni ta’ valuta legali, għandu jiġi ċċarat il-valur li għandha tingħata lil premessa ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni, fatt li dwaru kien hemm diskussjoni waqt is-seduta.

    113.

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni huwa idoneu biex jispeċifika l‑kontenut tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att u li l-premessi ta’ att tal‑Unjoni jikkostitwixxu elementi importanti ta’ interpretazzjoni, li huma idoneu biex jiċċaraw ir-rieda tal-awtur ta’ tali att ( 60 ).

    114.

    Minn dan isegwi li, minkejja li premessa ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, regola legali u, għalhekk, ma għandhiex valur legali tagħha stess, hija tista’ tikkjarifika l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil regola jew lil kunċett legali previst fl-att li fih tinsab il-premessa ( 61 ).

    115.

    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-premessa 19 tar‑Regolament Nru 974/98, li tinsab f’att leġiżlattiv li jirregola l-valuta legali tal-karti tal-flus u tal-muniti f’euro – rispettivament fit-tieni sentenza tal-Artikolu 10 u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 11 – tagħti indikazzjoni interpretattiva kkwalifikata li, bħala tali, għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi stabbilita l-portata eżatta tal-kunċett unitarju tad‑dritt tal-Unjoni ta’ valuta legali. Dan il-kunċett jiġi użat kemm fir‑Regolament Nru 974/98, kif ukoll fid-dritt primarju fit-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) TFUE, riprodott fit-tielet sentenza tal-Artikolu 16(1) tal‑Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ( 62 ).

    116.

    Minn din il-premessa jista’ jiġi preżunt li, anki jekk ma ddefinixxiex b’mod preċiż il-kunċett ta’ valuta legali tal-karti tal-flus u tal-muniti, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa l-eżistenza ta’ ċertu marġni ta’ manuvrar sabiex jintlaħqu r-raġunijiet ta’ interess pubbliku ( 63 ), li ma humiex neċessarjament limitati għall-ordni pubbliku ( 64 ). Għalhekk, mhux biss l-awtonomija privata, iżda anki, is-segwitu ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku jista’ jiġġustifika derogi għall-obbligu (mhux assolut) ta’ aċċettazzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti f’euro li għandhom valuta legali mill-kredituri sabiex jitħallsu obbligi finanzjarji.

    117.

    Is-segwitu tal-interess pubbliku jaqa’, fil-kompetenzi rispettivi tagħhom, kemm fuq l-Unjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri.

    118.

    Fir-rigward tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li huma tagħha proprja differenti minn dawk li jirrigwardaw il-politika monetarja, hija diġà adottat, fl-interess pubbliku, xi regoli li, minkejja li minħabba l‑għan u l-kontenut tagħhom ( 65 ), ma jirrigwardawx il-leġiżlazzjoni tal‑valuta legali tal-karti tal-flus u tal-muniti f’euro, madankollu xorta għandhom effett fuq l-użu tal-flus kontanti bħala mezz ta’ ħlas. F’dan ir‑rigward, il-Kummissjoni ċċitat id-Direttiva kontra l-ħasil tal‑flus ( 66 ) u l‑leġiżlazzjoni relatata mal-kontrolli fir-rigward ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni ( 67 ).

    119.

    Fl-istess sens, nikkunsidra li, kif irrikonoxxut fil-premessa 19 indikata hawn fuq, fl-eżerċizzju ta’ kompetenzi li huma tagħhom, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, jadottaw miżuri li minħabba l-għan u l-kontenut tagħhom ma jikkostitwixxux regolamentazzjoni tal-valuta legali tal-euro, iżda, madankollu, jistgħu jwasslu għall-estinzjoni ta’ obbligi, ta’ natura privata jew pubblika, billi jillimitaw, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont ċerti limitazzjonijiet, l-użu ta’ flus kontanti għall-ħlas ta’ tali obbligi. Regolamenti ta’ dan it-tip għandhom ikunu kkunsidrati, skont il-limitazzjonijiet li ser ikunu indikati fit-taqsima segwenti, bħala kompatibbli mal-kunċett unitarju tad-dritt tal‑Unjoni ta’ valuta legali tal-karti ta’ flus u tal-muniti f’euro ( 68 ). Din il‑kompatibbiltà hija preżunta mill-kunċett stess ta’ valuta legali, kif eżistenti fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni.

    120.

    Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ valuta legali li tirriżulta mill‑elementi interpretattivi eżistenti fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, ma hijiex kuntrarja għas-sistemizzazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni, esposta fit-Taqsima B preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, u ma tikkontestax il-kunċett ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni hemm deskritt.

    121.

    Fil-fatt, minn tali interpretazzjoni ma jirriżulta bl-ebda mod li l‑Istati Membri għandhom kompetenza leġiżlattiva sabiex jirregolaw il‑valuta legali tal-karti tal-flus jew tal-muniti f’euro, kunċett li jaqa’ fil‑politika monetarja intiża f’sens wiesa’ u, għalhekk, li jaqa’ fil-kamp ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    122.

    B’mod iktar partikolari, il-premessa 19 tar-Regolament Nru 974/98 bl-ebda mod ma tikkostitwixxi awtorizzazzjoni speċifika fis‑sens tal-Artikolu 2(1) TFUE kif diskussa fil-punti 42 u 43 preċedenti. Apparti l-fatt li, minn perspettiva formali, niddubita bil-qawwa li tali awtorizzazzjoni tista’ tinstab fi premessa ta’ att leġiżlattiv u mhux f’dispożizzjoni leġiżlattiva tiegħu. Madankollu, fi kwalunkwe każ, minn din il-premessa bl-ebda mod ma jista’ jiġi preżunt li l-Istati Membri huma awtorizzati joħorġu dispożizzjonijiet li jirregolaw il-valuta legali. Regolament nazzjonali li minħabba l-għan u l-kontenut tiegħu jirregola l-valuta legali jinterferixxi fil-kamp ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    123.

    Din il-premessa sempliċement tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa possibbli li regolamenti adottati mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-kompetenzi sovrani tagħhom – pereżempju fil-qasam tad-dritt ċivili dwar l-eżekuzzjoni ta’ obbligi, jew ta’ organizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi tagħhom, jew fil-qasam fiskali jew tal-ġlieda kontra l-kriminalità – li ma ġewx devoluti lill-Unjoni jistgħu jkunu relatati mal-kunċett ta’ valuta legali tal-karti tal-flus jew tal-muniti, u b’hekk jinterferixxu ma’ dan il-kunċett. Bħala indikazzjoni interpretattiva kkwalifikata tal-kunċett ta’ valuta legali, il-premessa tirrikonoxxi li, minkejja li l-Istati Membri ma jistgħux jiddefinixxu l-kunċett ta’ valuta legali, regolamenti adottati minnhom – fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom u skont il‑kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li ser ikunu diskussi fid-dettall fit‑taqsima sussegwenti – li jillimitaw l-użu tal-flus kontanti bħala mezz ta’ ħlas ma humiex inkompatibbli mal-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ valuta legali tal-karti tal-flus f’euro.

    124.

    Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, il-kunċett ta’ valuta legali tal-karti ta’ flus u ta’ muniti għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jġib miegħu obbligu ta’ prinċipju ta’ aċċettazzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti mill‑kreditur ta’ obbligu ta’ ħlas, sakemm il-partijiet kuntrattwali fl‑eżerċizzju tal-awtonomija privata ma jkunux qablu dwar mezzi oħra ta’ ħlas jew sakemm regola adottata mill-Unjoni jew minn Stat Membru fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li minħabba l-għan u l‑kontenut tagħha ma tikkostitwixxix regola tal-valuta legali, jipprevedi limitazzjonijiet ta’ ħlas b’karti ta’ flus għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.

    125.

    Il-kunċett ta’ valuta legali jimplika għalhekk li karti tal-flus u muniti f’euro jikkostitwixxu mezzi ta’ ħlas ordinarji ( 69 ): dawn għandhom jiġu aċċettati jekk ma jkunx previst mod ieħor b’mod awtonomu mill-partijiet jew minn regolamenti li jillimitaw l-użu tagħhom bħala mezz ta’ ħlas għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.

    4. Kundizzjonijiet u limitazzjonijiet għar-restrizzjonijiet għall-użu ta’ flus kontanti

    126.

    Għad trid tiġi ttrattata l-kwistjoni dwar il-kundizzjonijiet u l‑limitazzjonijet li għalihom, l-Unjoni u l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal‑kompetenzi rispettivi tagħhom, huma suġġetti sabiex ikunu jistgħu jadottaw regolamenti li jipprevedu limitazzjonijiet għall-użu tal-flus kontanti bħala mezz ta’ ħlas.

    127.

    Fl-ewwel lok, mill-punti 93 sa 95 preċedenti jista’ jiġi preżunt li għandhom jiġu kkunsidrati bħala mhux kompatibbli mat-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) TFUE, regolamenti li jistgħu de iure jew de facto jwasslu għal-abolizzjoni totali tal-karti tal-flus f’euro u li huma tali li jħallu mingħajr effett l-attribuzzjoni ta’ valuta legali għall-karti tal-flus f’euro.

    128.

    Fit-tieni lok, kif irrikonoxxut espliċitament fit-test tal-premessa 19 tar-Regolament Nru 974/98, sabiex ikunu kompatibbli mal-kunċett tad‑dritt tal-Unjoni ta’ valuta legali tal-karti tal-flus u tal-muniti, regolamenti li jillimitaw l-użu tal-flus kontanti bħala mezz ta’ ħlas, minn naħa waħda, għandhom jiġu adottati minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku, kif diġà spjegat li mhux neċessarjament ikunu marbuta mal‑ordni pubbliku ( 70 ), u, min-naħa l-oħra, jistgħu jiġu adottati biss bil‑kundizzjoni li jeżistu mezzi legali oħra sabiex bihom jitħallas id-dejn finanzjarju.

    129.

    Fit-tielet lok, inqis li regolamenti adottati fl-eżerċizzju ta’ kompetenzi differenti minn dawk tad-dritt monetarju, li, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jillimitaw l-użu tal-flus kontanti bħala mezz ta’ ħlas, għandu jkollhom limitazzjoni proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq.

    130.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan jitlob li l-miżuri jkunu adegwati sabiex sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil‑leġiżlazzjoni kkonċernata u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu ( 71 ). Għalhekk, meta jista’ jkun hemm għażla bejn iktar minn miżura waħda adattata, għandha tintuża l-miżura l-inqas restrettiva.

    131.

    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, bħala prinċipju li jillimita lill‑awtoritajiet fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom billi jirrikjedi li jkun hemm bilanċ bejn il-miżuri adottati u l-għan li għandu jintlaħaq, għandu effett kemm fuq il-kontenut kif ukoll fuq il-forma tal-azzjoni tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha, kif huwa preżunt espliċitament mill‑Artikolu 5(4) TUE, u fir-rigward tal-attivitajiet tal-Istati Membri, meta tali attività, li taqa’ fl-eżerċizzju ta’ kompetenzi li huma tagħhom, tkun relatata jew tinterferixxi ma’ sitwazzjonijiet legali rregolati mid-dritt tal-Unjoni ( 72 ).

    132.

    Restrizzjoni għall-użu tal-flus kontanti bħala mezz ta’ ħlas għandha tkun adegwata sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess pubbliku li għandu r-regolament u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan.

    133.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif huwa preżunt mill-kunċett ta’ valuta legali spjegat fit-taqsima preċedenti, l-Unjoni ma tipprevedix dritt assolut għall-ħlas b’kontanti fil-każijiet kollha. Anki jekk jiġi aċċettat li mid-dritt tal-Unjoni tirriżulta pożizzjoni suġġettiva li għandhom jintużaw il-flus kontanti għall-ħlasijiet mid-debitur, argument li madankollu ġie kkontestat b’mod partikolari mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din xorta tkun, kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is‑seduta, pożizzjoni suġġettiva li ċertament ma hijiex inkluża fil-lista tad-drittijiet fundamentali protetti mid-dritt primarju tal-Unjoni.

    134.

    Il-valur tal-valuta legali mogħti lill-flus kontanti jista’ jkun relatat mal-eżerċizzju ta’ xi drittijiet fundamentali, iżda, fl-opinjoni tiegħi, tali konnessjoni hija sempliċement indiretta. Fil-fatt, jekk hemm dubju li l‑flus kontanti jistgħu jintużaw fl-eżerċizzju ta’ xi drittijiet fundamentali li għandhom rabta mal-użu tal-munita, l-użu tagħhom, madankollu, ma jirriżultax ġeneralment neċessarju għat-tgawdija ta’ tali drittijiet fundamentali, li jista’ jseħħ permezz tal-użu ta’ forom oħra ta’ munita jew ta’ mezzi oħra ta’ ħlas differenti minn flus kontanti ( 73 ).

    135.

    Madankollu, ir-relazzjoni tal-flus kontanti mal-eżerċizzju tad‑drittijiet fundamentali issir, mill-banda l-oħra, diretta fil-każijiet fejn l-użu tal-flus kontanti jservi bħala element ta’ inklużjoni soċjali. Fil-fatt, l-użu ta’ munita differenti minn dik espressa f’forma fiżika fi flus kontanti, fl-istadju preżenti, jippreżupponi l-eżistenza ta’ kont li jippermetti l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas, miftuħ ma’ entità ta’ kreditu jew ma’ entità finanzjarja ta’ natura simili.

    136.

    Minkejja li d-Direttiva 2014/92 ( 74 ) irrikonoxxiet li kull min jirrisjedi b’mod legali fl-Unjoni Ewropea għandu d-dritt li jiftaħ kont ta’ ħlas b’karatteristiċi bażiċi fi kwalunkwe pajjiż tal-Unjoni, – kont li għandu jinkludi s-servizz ta’ eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas bħal trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti fi ħdan l-Unjoni Ewropea – u minkejja li tali direttiva għandha l-għan espliċitu li tinkoraġġixxi l‑parteċipazzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli li ma għandhomx kont bankarju fis-suq tas-servizzi finanzjarji bl-imnut ( 75 ), data reċenti turi li n‑numru ta’ persuni li għad ma għandhomx aċċess għal servizzi finanzjarji bażiċi fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona euro, minkejja li huma fil-minoranza huwa mhux marġinali ( 76 ).

    137.

    Għal dawn il-persuni vulnerabbli, il-flus kontanti effettivament jikkostitwixxu l-unika forma ta’ munita aċċessibbli u għalhekk l-uniku mezz sabiex jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom li għandhom rabta mal-użu tal-munita.

    138.

    Il-miżuri ta’ limitazzjoni tal-użu tal-flus kontanti bħala mezz ta’ ħlas għandhom għalhekk jieħdu inkunsiderazzjoni l-funzjoni ta’ inklużjoni soċjali li dan għandu għal dawn il-persuni vulnerabbli u għandhom jiżguraw l-eżistenza effettiva ta’ mezzi oħra legali ta’ ħlas ta’ dejn finanzjarju, imsemmija fil-premessa 19 tar-Regolament Nru 974/98. Din il-funzjoni ta’ inklużjoni soċjali għandha, barra minn hekk, tiġi kkunsidrata fl-analiżi tal-proporzjonalità ta’ tali miżuri. B’mod iktar partikolari, insostni li hemm obbligu li jiġu adottati miżuri adegwati li jippermettu li persuni vulnerabbli li ma għandhomx aċċess għal servizzi finanzjarji bażiċi jkunu jistgħu jeżegwixxu l-obbligi tagħhom, b’mod partikolari jekk huma ta’ natura pubblika, mingħajr spejjeż addizzjonali.

    139.

    F’dan il-kuntest, huwa l-BĊE li b’mod preventiv, fil-qafas tas‑setgħa ta’ konsultazzjoni tiegħu previst mill-Artikoli 127(4) u 282(5) TFUE, u għall-proġetti ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/415/KE ( 77 ), għandu janalizza l‑kompatibbiltà ta’ miżuri limitattivi tal-użu tal-flus kontanti bħala mezz ta’ ħlas – adottati fl-eżerċizzju ta’ kompetenzi differenti minn dawk, tal‑Unjoni, fil-qasam tad-dritt monetarju – mar-rekwiżiti li joħorġu mill‑kunċett ta’ valuta legali tad-dritt tal-Unjoni kif spjegat fit-taqsima preċedenti, u bl-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-limitazzjonijiet indikati f’din it-taqsima. Eventwalment, hija l-Kummissjoni, il‑gwardjana tat-trattati, kif ukoll il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal‑Ġustizzja, li għandhom jiżguraw l-osservanza ta’ tali rekwiżiti, kundizzjonijiet u limitazzjonijiet.

    E.   Fuq id-domandi preliminari

    140.

    Huwa fid-dawl tal-qafas legali spjegat fit-taqsimiet preċedenti u tal-kunsiderazzjonijiet hemm magħmula li issa ser ngħaddi sabiex nirrispondi għal kull waħda mid-domandi preliminari magħmula mill‑qorti tar-rinviju.

    1. Fuq l-ewwel domanda preliminari

    141.

    Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, skont l‑Artikolu 2(1) TFUE, flimkien mal-Artikolu 3(1)(c) TFUE, tipprekludix l‑adozzjoni minn wieħed minn dawn l-Istati Membri ta ’att leġiżlattiv li jimponi obbligu fuq awtoritajiet pubbliċi ta’ dan l-Istat Membru li jaċċettaw karti tal-flus f’euro bħala parti mill-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ ħlas impost minn awtorità pubblika.

    142.

    Kif osservat fil-punti 23 sa 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mid‑deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju qajmet l-ewwel domanda preliminari fir-rigward tad-dispożizzjoni li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-BBankG. Din il-qorti tistaqsi jekk, sa fejn jista’ jiġi kkunsidrat li tali dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali tirregola l‑konsegwenzi legali tal-valuta legali tal-karti tal-flus f’euro, din tista’ ma tkunx konformi mal-għoti ta’ kompetenzi esklużivi lill-Unjoni relatati mal-politika monetarja kif previst fl-Artikolu 3(1)(c) TFUE.

    143.

    F’dan ir-rigward, mill-punti 57 sa 70 preċedenti jirriżulta li l‑kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni fir-rigward tal-politika monetarja skont l-Artikolu 3(1)(c) TFUE tinkludi, fil-kuntest tas-setgħat neċessarji għall-ħolqien u għall-funzjonament tal-munita unika, dimensjoni leġiżlattiva relatata ma’ tali munita unika, li tinkludi d‑definizzjoni u r-regolamentazzjoni tal-istatus u tal-valuta legali tagħha. Minn dan isegwi li, kif irrilevat fil-punti 90 u 122, b’mod konformi mal‑prinċipji għat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri esposti fil-punti minn 38 sa 44, l-Istati Membri taż-żona euro ma għandhom l-ebda kompetenza fir-rigward u, għalhekk, ma jistgħux jadottaw regoli li, minħabba l-għan u l-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu regoli tal-valuta legali tal-euro u, b’mod iktar speċifiku, tal-karti tal-flus f’euro.

    144.

    B’mod konkret, hija l-qorti tar-rinviju, l-unika entità kompetenti sabiex tiddetermina l-portata eżatta tar-regolament nazzjonali, li għandha tistabbilixxi jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-BBankG tikkostitwixxix regola li, minħabba l-għan u l-kontenut tagħha, tistabbilixxi regola tal-valuta legali tal-karti tal-flus f’euro.

    145.

    Madankollu, f’dan ir-rigward, insostni li l-kunsiderazzjonijiet segwenti huma rilevanti.

    146.

    Għandu jitfakkar li t-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-BBankG tipprevedi li l-karti tal-flus iddenominati f’euro huma l-uniku mezz ta’ ħlas li għandu valuta legali mingħajr limitazzjonijiet.

    147.

    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li t-test ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex limitat sabiex jirriproduċi litteralment it-test tat-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) TFUE, iżda jitbiegħed minnu.

    148.

    Qabelxejn, il-kwalifikazzjoni tal-valuta legali bħala “mingħajr limitazzjonijiet” bl-ebda mod ma tirriżulta fid-dispożizzjoni tad-dritt tal‑Unjoni.

    149.

    Barra minn hekk, filwaqt li d-dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni tipprevedi li l-karti ta’ flus f’euro huma l-uniċi karti ta’ flus li għandhom valuta legali ([Euro]Banknoten sind die einzige Banknoten, die in der Union als gesetzliches Zahnlungsmittel gelten), id-dispożizzjoni nazzjonali tesprimi l-kunċett li l-karti tal-flus f’euro huma l-uniku strument, l-uniku mezz ta’ ħlas ( 78 ), b’valuta legali mingħajr limitazzjonijiet ([Euro]Banknoten sind das einzige unbeschränkte gesetzliche Zahlungsmittel). Minn din id-differenza fit-test tad‑dispożizzjonijiet tirriżulta differenza fl-għan tagħhom. Filwaqt li kif irrilevat fil-punti 92 et seq. preċedenti, id-dispożizzjoni tal-Unjoni ssegwi fundamentalment għanijiet ta’ garanzija, bil-għan fundamentalment li tiżgura l-monopolju tal-BĊE u tal-banek ċentrali nazzjonali fil-ħruġ ta’ karti ta’ flus b’valuta legali, id-dispożizzjoni nazzjonali tidher, għall‑kuntrarju, li għandha bħala għan speċifiku dak li tiżgura n-natura mingħajr limitazzjonijiet tal-valuta legali tal-karti tal-flus f’euro.

    150.

    Barra minn hekk dan jidher li huwa preżunt b’mod espliċitu mix‑xogħol preparatorju relatat mad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, li minnhom jirriżulta li l-għan li għalih inżamm ir-riferiment tan-natura “mingħajr limitazzjonijiet” tal-valuta legali tal-karti tal-flus f’euro kien proprju sabiex jikkompleta l-portata tar-regola tal-Unjoni ( 79 ).

    151.

    Il-kuntest istituzzjonali speċifiku tas-SEBĊ li fih taqa’ din id‑dispożizzjoni jirrappreżenta fid-dritt tal-Unjoni kostruzzjoni ġuridika oriġinali li tassoċja u toħloq kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijet nazzjonali, jiġifieri l-banek ċentrali nazzjonali, u istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-BĊE, u li fi ħdanha tipprevali struttura differenti u distinzjoni inqas ċara bejn l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u l-ordinamenti ġuridiċi interni ( 80 ). Il-Kummissjoni u l-BĊE jsostnu li tali kuntest jista’ forsi jiġġustifika li, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni jiġu riprodotti, b’mod eżatt, f’dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali. Huma jirrikonoxxu li dan jikkostitwixxi eċċezzjoni fir-rigward tal-prinċipju li jirriżulta mill-ġurisprudenza li r-riproduzzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ regola ta’ dritt tal-Unjoni direttament applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri tmur kontra t-trattati, inkwantu tista’ toħloq ekwivoċi fir-rigward kemm tan-natura ġuridika tar-regoli li għandhom jiġu applikati, kif ukoll dwar il-mument tad-dħul fis-seħħ tagħhom ( 81 ). Huwa ċar li tali riproduzzjoni eżatta ma għandhiex madankollu toħloq dubji jew ekwivoċi dwar is-sors leġiżlattiv tad‑dispożizzjonijiet ( 82 ).

    152.

    Madankollu, anki jekk jiġi ammess li fil-kuntest tas-SEBĊ dan huwa ammissibbli, fid-dawl tat-test tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni u tal-elementi indikati fil-punti 147 sa 150 preċedenti jidher, mingħajr preġudizzju għall-analiżi finali li ser issir mill-qorti tar-rinviju, li din id-dispożizzjoni ma hijiex sempliċement riproduzzjoni eżatta tad‑dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni, imma li din għandha sinjifikat u għan proprju intiż sabiex jikkompleta l-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ta’ valuta legali tal-karti tal-flus ( 83 ).

    153.

    Jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li dan huwa l-każ, allura għandu jiġi sostnut li t-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tal-BBankG tikkostitwixxi dispożizzjoni li, minħabba l-għan u l-kontenut tagħha, tikkostitwixxi regola tal-valuta legali tal-karti tal-flus f’euro u li peress li tinterferixxi, għalhekk, fil-kamp ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni fir‑rigward tal-politika monetarja, ma għandhiex tiġi applikata.

    154.

    Minkejja dan, nikkunsidra li għandi nenfasizza li naqbel mal‑pożizzjoni tal-Kummissjoni, li l-kompetenza esklużiva tal-Unjoni dwar il-politika monetarja ma tipprekludix li Stat Membru, fl-eżerċizzju tal‑kompetenza speċifika tiegħu li jirregola l-funzjonament tal‑awtoritajiet pubbliċi tiegħu, jista’ jipprevedi – permezz ta’ regola li, minħabba l-għan u l-kontenut tagħha ma tikkostitwixxix regola tal-valuta legali tal-karti tal-flus f’euro, iżda regola tal-organizzazzjoni tal‑awtoritajiet pubbliċi – obbligu għal dawn l-awtoritajiet li jaċċettaw il‑ħlasijiet fi flus kontanti mingħand dawk li jirrelataw magħhom.

    155.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li r‑risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-qorti tar‑rinviju għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(c) TFUE, moqri fid‑dawl tal-Artikoli 2(1) u (6) u 128(1) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni dwar il-politika monetarja tinkludi, fil-qafas tas-setgħat neċessarji għall-ħolqien u għal‑funzjonament tal-munita unika, dimensjoni leġiżlattiva relatata ma’ tali munita unika li tinkludi d-definizzjoni u r-regolamentazzjoni tal‑istatus u tal-valuta legali tagħha u b’mod partikolari tal-karti tal-flus u tal-muniti f’euro. Minn dan jirriżulta li dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali adottata minn Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro li, minħabba l‑għan u l-kontenut tagħha tirregola l-valuta legali tal-karti ta’ flus f’euro, ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma għandhiex tiġi applikata. Il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni relatata mal-politika monetarja ma tipprekludix lil Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal‑kompetenza speċifika tiegħu li jirregola l-funzjonament tal‑awtoritajiet pubbliċi tiegħu, jista’ jadotta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li minħabba l‑għan u l-kontenut tagħha, ma tikkostitwixxix regola tal‑valuta legali tal-karti tal-flus f’euro, iżda regola tal-organizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li tipprevedi obbligu għal dawn l-awtoritajiet li jaċċettaw ħlasijiet fi flus kontanti mingħand dawk li jirrelataw magħhom.

    2. Fuq it-tieni domanda preliminari

    156.

    Bit-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-istatus tal-karti tal-flus iddenominati f’euro, bħala munita b’valuta legali, stabbilit bit-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) TFUE, it-tielet sentenza tal-Artikolu 16(1) tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE u t-tieni sentenza tal-Artikolu 10 tar-Regolament 974/98, jimplikax il‑projbizzjoni għall-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru milli jirrifjutaw l-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ ħlas impost minn awtorità pubblika b’tali karti tal-flus, jew jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix regoli li jeskludu l-ħlas bil-karti tal-flus f’euro għal ċerti obbligi ta’ ħlas imposti minn awtorità pubblika.

    157.

    Kif osservat fil-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mid‑deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju qajmet it-tieni domanda preliminari fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 10(2) tar‑Regolament dwar il-proċeduri ta’ ħlas tal-Hessischer Rundfunk. Din il-qorti fil-fatt tistaqsi jekk tali dispożizzjoni, li tipprevedi li l‑kontribuzzjoni awdjoviżiva dovuta lil Hessischer Rundfunk tista’ titħallas biss permezz ta’ trasferiment bankarju awtomatiku jew standing order ordinarju jew permanenti u b’hekk teskludi ħlas fi flus kontanti, hijiex konformi jew le mal-kunċett ta’ valuta legali tal-karti tal‑flus f’euro kif jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni.

    158.

    F’dan ir-rigward nirrileva li mill-punti 99 sa 125 jista’ jiġi preżunt li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, il-kunċett ta’ valuta legali tal-karti tal‑flus – kunċett tad-dritt monetarju proprju tad-dritt tal-Unjoni li d‑definizzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni dwar il-politika monetarja – għandu jinftiehem fis-sens li dan jinkludi obbligu ta’ prinċipju ta’ aċċettazzjoni tal-karti tal-flus f’Euro mill-kreditur ta’ obbligu ta’ ħlas, sakemm il-partijiet kuntrattwali fl-eżerċizzju tal‑awtonomija privata ma jkunux ftehmu fuq mezzi oħra ta’ ħlas jew sakemm regola adottata mill-Unjoni jew minn Stat Membru fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li minħabba l-għan u l-kontenut tagħha ma tikkostitwixxix regola tal-valuta legali, tipprevedi limitazzjonijiet ta’ ħlas ta’ karti tal-flus f’Euro għal raġunijiet ta’ interess pubbliku.

    159.

    Barra minn hekk, mill-punti 127 sa 138 preċedenti jirriżulta li, sabiex ikunu kompatibbli mal-valuta legali tal-karti tal-flus f’euro, tali limitazzjonijiet ma jistgħux iwasslu de iure jew de facto għal abolizzjoni kompleta tal-karti tal-flus, għandhom ikunu adottati minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku u jistgħu jiġu adottati biss bil-kundizzjoni li jeżistu mezzi legali oħra ta’ ħlas tad-dejn finanzjarju. Barra minn hekk, dawn għandhom ikunu proporzjonati u adegwati sabiex jilħqu l-għan ta’ interess pubbliku li r-regola għandha u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan.

    160.

    Hija l-qorti tal-rinviju, li għandha l-elementi kollha ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji sabiex twettaq l-analiżi f’dan ir-rigward, li għandha tistabbilixxi, abbażi tal-eventwali indikazzjonijiet li tagħti l-Qorti tal‑Ġustizzja, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni u mal-valuta legali tal-karti ta’ flus f’euro ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi limitazzjonijiet ta’ ħlas f’karti ta’ flus.

    161.

    Nikkunsidra li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar il-proċeduri ta’ ħlas tal-Hessischer Rundfunk, il‑kunsiderazzjonijiet segwenti huma rilevanti.

    162.

    Fl-ewwel lok, la mid-deċiżjoni tar-rinviju, u lanqas minn xi element ieħor tal-proċess, ma jirriżulta li din id-dispożizzjoni għandha bħala għan ir-regolamentazzjoni tal-valuta legali tal-karti tal-flus f’euro u għalhekk li tinterferixxi fil-qasam tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni dwar il-politika monetarja. Din id-dispożizzjoni, inkwantu tirrigwarda l‑modalitajiet ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva, tidher li hija ta’ natura fiskali jew “parafiskali”.

    163.

    Fit-tieni lok, minkejja li din tipprevedi l-impossibbiltà assoluta ta’ ħlas permezz ta’ flus kontanti tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva lill-awtorità reġjonali tax-xandir ikkonċernata, din id-dispożizzjoni ma twassalx b’mod manifest għal abolizzjoni tal-karti tal-flus f’euro u sempliċement tipprevedi mezzi legali oħra ta’ ħlas tal-obbligu finanzjarju inkwistjoni.

    164.

    Fit-tielet lok, mid-deċiżjoni ta’ rinviju ma jirriżultax b’mod espliċitu l-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura ta’ limitazzjoni ta’ ħlas b’karti ta’ flus prevista fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament dwar il‑proċeduri ta’ ħlas tal-Hessischer Rundfunk. Id-deċiżjoni tar-rinviju tirreferi biss għall-ġbir tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva fil-kuntest ta’ “proċeduri ta’ massa”, bl-għażla tal-modalitajiet ta’ ħlas ibbażati fuq rekwiżit ta’ effiċjenza tal-awtoritajiet pubbliċi, imsemmi anki mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta. Fil-proċess nazzjonali u fl-osservazzjonijiet tal-partijiet li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmew ukoll raġunijiet relatati mal-effikaċja tal-ġbir tad-dejn fiskali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità.

    165.

    F’dan ir-rigward nikkunsidra li dawn l-għanijiet jistgħu jiġu kklassifikati kollha bħala raġunijiet ta’ interess pubbliku, li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjonijiet għall-użu tal-flus kontanti.

    166.

    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-propozjonalità tal-miżura, nirrileva, li din tipprevedi esklużjoni li tidher assoluta u mingħajr eċċezzjoni tal-karti tal-flus f’euro għall-ħlas tal-kontribuzzjoni awdjoviżiva. F’dan ir-rigward mill-proċess ma jirriżultax li qed tiġi kkunsidrata l-funzjoni ta’ inklużjoni soċjali li l-flus kontanti għandhom għall-persuni vulnerabbli msemmija fil-punti 136 sa 138 preċedenti ( 84 ).

    167.

    Fid-dawl ta’ dan kollu nikkunsidra li r-risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun fis-sens li l‑kunċett ta’ valuta legali tal-karti tal-flus f’euro, previst mit-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) TFUE, mit-tielet sentenza tal‑Artikolu 16(1) tal-Protokoll Nru 4 tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u mit-tieni sentenza tal‑Artikolu 10 u tar-Regolament tal‑Kunsill 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro, għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi obbligu ta’ prinċipju ta’ aċċettazzjoni tal-karti tal-flus f’euro fuq il-kreditur ta’ obbligu ta’ ħlas, sakemm il-partijiet kuntrattwali fl-eżerċizzju tal-awtonomija privata tagħhom ma jkunux qablu fuq mezzi oħra ta’ ħlas jew sakemm regola adottata mill-Unjoni jew minn Stat membru fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li minħabba l-għan jew il-kontenut tagħha ma tikkostitwixxix regola tal-valuta legali, tipprevedi limitazzjoni ta’ ħlas f’karti tal-flus f’Euro. Tali limitazzjonijiet huma kompatibbli mal-kunċett ta’ valuta legali tal-karti tal-flus f’euro biss sakemm de iure jew de facto ma jwasslux għal abolizzjoni kompleta tal-karti tal-flus f’euro, ikunu adottati minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku u jeżistu mezzi legali oħra ta’ ħlas ta’ dejn finanzjarju. Barra minn hekk, dawn għandhom ikunu adegwati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess pubbliku li għandu jintlaħaq u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan.

    3. Fuq it-tielet domanda preliminari

    168.

    Bit-tielet domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u f’każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, jekk att leġiżlattiv ta’ Stat Membru li l‑munita tiegħu hija l-euro, adottat fil-qasam tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għall-politika monetarja, jista’ jiġi applikat minn dakinhar ’il quddiem sakemm l-Unjoni ma tkunx għamlet użu mill-kompetenza tagħha.

    169.

    Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi preliminari nqis li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal din id‑domanda preliminari.

    170.

    Fi kwalunkwe każ, mill-punti 38 sa 44 preċedenti jirriżulta li, fil‑qasam tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, irrispettivament mill-fatt li jekk l-Unjoni eżerċitatx jew le l-kompetenza proprja tagħha fil-qasam, l-Istati Membri ma għandhom l-ebda prerogattiva u għalhekk kwalunkwe azzjoni leġiżlattiva mill-Istati Membri f’dan il-qasam hija, a priori, f’kunflitt mat-trattati.

    IV. Konklużjonijiet

    171.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:

    1.

    L-Artikolu 3(1)(c) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikoli 2(1) u (6) u 128(1) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kompetenza esklużiva mogħtija lill-Unjoni dwar il-politika monetarja tinkludi, fil-qafas tas-setgħat meħtieġa għall-ħolqien u għall-funzjonament tal-munita unika, dimensjoni leġiżlattiva relatata ma’ din il-munita unika li tinkludi d-definizzjoni u r-regolamentazzjoni tal-istatus u tal-valuta legali tagħha, u b’mod partikolari, tal-karti tal-flus u tal‑muniti f’euro. Minn dan isegwi li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali adottata minn Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro li, minħabba l-għan u l-kontenut tagħha, tirregola l-valuta legali tal‑karti tal-flus f’euro ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni u għalhekk ma għandhiex tiġi applikata.

    Il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni dwar il-politika monetarja ma tipprekludix li Stat Membru, fl-eżerċizzju tal-kompetenza speċifika tiegħu sabiex jirregola l-funzjonament tal-awtoritajiet pubbliċi tiegħu, jista’ jadotta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, minħabba l-għan u l‑kontenut tagħha, ma tikkostitwixxix regola tal-valuta legali tal‑karti tal-flus f’euro, iżda regola tal-organizzazzjoni u tal‑funzjonament tal-awtoritajiet pubbliċi li tipprevedi obbligu fuq dawn l-awtoritajiet li jaċċettaw ħlasijiet fi flus kontanti mingħand dawk li jirrelataw magħhom.

    2.

    Il-kunċett ta’ valuta legali tal-karti tal-flus f’euro, previst mit-tielet sentenza tal-Artikolu 128(1) TFUE, mit-tielet sentenza tal‑Artikolu 16(1) tal-Protokoll Nru 4 tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea tal‑Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u mit‑tieni sentenza tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro, għandu jinftiehem fis‑sens li jinkludi obbligu ta’ prinċipju ta’ aċċettazzjoni tal-karti tal-flus f’euro fuq il-kreditur ta’ obbligu ta’ ħlas, sakemm il-partijiet kuntrattwali fl-eżerċizzju tal-awtonomija privata tagħhom ma jkunux qablu fuq mezzi oħra ta’ ħlas jew sakemm regola adottata mill-Unjoni jew minn Stat membru fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, li minħabba l-għan jew il-kontenut tagħha ma tikkostitwixxix regola tal-valuta legali, tipprevedi limitazzjoni ta’ ħlas f’karti tal-flus f’Euro. Tali limitazzjonijiet huma kompatibbli mal‑kunċett ta’ valuta legali tal-karti tal-flus f’euro biss sakemm de iure jew de facto ma jwasslux għal abolizzjoni kompleta tal-karti tal-flus f’euro, ikunu adottati minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku u jeżistu mezzi legali oħra ta’ ħlas ta’ dejn finanzjarju. Barra minn hekk, dawn għandhom ikunu adegwati sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess pubbliku li għandu jintlaħaq u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

    ( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 111, rettifika fil-ĠU 2017, L 253, p. 41, kif reċentement emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 827/2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fil‑Litwanja (ĠU 2014, L 228, p. 3).

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 446.

    ( 4 ) ĠU 2010, L 83, p. 70.

    ( 5 ) BGBl. I, p. 1782.

    ( 6 ) Il-verżjoni oriġinali tat-tieni sentenza tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 14 tal-BBankG enuncia “Auf Euro lautende Banknoten sind das einzige unbeschränkte gesetzliche Zahlungsmittel.”. It‑terminu “valuta legali” (bil-Franċiż “cours legal”), li għandu tifsira legali speċifika, jikkorrispondi, bil-Ġermaniż, għat-terminu “Gesetzliches Zahlungsmittel”, li, madankollu, it-traduzzjoni litterali tiegħu hija “mezz ta’ ħlas legali” (bil-Franċiż “moyen legal de paiement”). Għandha tiġi kkunsidrata din id‑differenza terminoloġika fid-diversi lingwi li tikkomplika x-xogħol tat‑traduzzjoni u, li jekk ma tiġix ikkunsidrata b’mod xieraq, tista’ tagħti lok għal konfużjoni ta’ natura lingwistika.

    ( 7 ) Kif approvat mil-Land tal-Assia permezz tal-Liġi tat-23 ta’ Awwissu 2011 (GVBl. I 2011, p. 382). Il-verżjoni applikabbli għall-fatti inkwistjoni hija dik tal-Fünfzehnter Rundfunkänderungsstaatsvertrag (il-ħmistax-il trattat inter-Statali dwar tibdil fix‑xandir).

    ( 8 ) Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont l-Artikolu 31 tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), id-dritt Federali jipprevali fuq id-dritt tal-Land.

    ( 9 ) Ir-rekwiżit li “jiġi ċċarat it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, u kif dan jiġi ssimplifikat u adattat” diġà ntwera mid-dikjarazzjoni ta’ Laeken fuq il‑futur tal-Unjoni Ewropea annessa mal-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Laeken, 14 u 15 ta’ Diċembru 2001 (SN 300/1/01, Rev. 1; ara p. 4 tad‑dikjarazzjoni) u, anki qabel, f’termini simili, tad-dikjarazzjoni 23 tat-Trattat ta’ Nice (ĠU 2001, C 80/1).

    ( 10 ) Titolu I (“Kategoriji u oqsma ta’ kompetenza ta’ l-Unjoni”), fl-Ewwel Parti (“Prinċipji”).

    ( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonjiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fl-Opinjoni (2/15 (Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), EU:C:2016:992, b’mod partikolari l-punti 55 u 57).

    ( 12 ) Ma’ dawn il-kompetenzi għandhom jiżdiedu l-kompetenza sabiex jiġu ddefiniti l‑modalitajiet biex jikkoordinaw il-politika ekonomika u tal-impjiegi prevista fl‑Artikoli 2(3) u 5 TFUE u l-kompetenza fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni prevista fl-Artikoli 2(4) TFUE u fit-Titolu V tat-TUE.

    ( 13 ) Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tieni u mit-tielet sentenza tal-Artikolu 2(2) TFUE, imsemmi fil-punt 37, f’dan il-każ l-Istati Membri jitilfu s-setgħat tagħhom fir-rigward tal‑qasam ta’ kompetenza inkwistjoni b’mod indirett jiġifieri, biss fis-sitwazzjoni speċifika meta l-Unjoni tkun eżerċitat b’mod espliċitu jew impliċitu l-kompetenza mogħtija lilha. Sussegwentement, mill-aħħar sentenza ta’ dan il-paragrafu (2) jirriżulta li tali telf ta’ kompetenza huwa riversibbli. F’dan ir-rigward, ara l‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fl-Opinjoni (2/15 (Ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ Singapor), EU:C:2016:992, punt 59).

    ( 14 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Opinjoni 1/75 (Arranġament tal-OECD – Regola fuq l‑ispejjeż lokali) tal-11 ta’ Novembru 1975 (EU:C:1975:145, p. 1363 u 1364).

    ( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1976, Donckerwolcke e Schou (41/76, EU:C:1976:182, punt 32), u s-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 1995, Werner (C‑70/94, EU:C:1995:328, punt 12) u Leifer et (C‑83/94, EU:C:1995:329, punt 12).

    ( 16 ) Għal eżempju ta’ awtorizzazzjoni mogħtija mill-Unjoni lill-Istati Membri f’qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni (fil-qasam tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd, kompetenza esklużiva tal‑Unjoni skont l-Artikolu 3(1)(d) TFUE), ara l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU 2013, L 354, p. 22).

    ( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1981, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (804/79, EU:C:1981:93, punt 20).

    ( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1981, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (804/79, EU:C:1981:93, punt 30). Huwa ċar li fil-każ fejn l-adozzjoni ta’ miżura f’qasam ta’ kompetenza esklużiva tkun neċessarja, eventwali nuqqas ta’ azzjoni mil‑leġiżlatur tal-Unjoni tista’ toħloq problemi fl-assenza ta’ awtoritajiet oħra kompetenti biex jadottaw il-miżura. Għal dan il-għan, in-natura esklużiva ta’ kompetenza tal-Unjoni għandha tibqa’ limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni.

    ( 19 ) Fil-qafas tal-Unjoni ekonomika u monetarja, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt irrilevat diversi drabi li l-miżuri ta’ politika monetarja, li jaqgħu fil-qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jistgħu joħolqu effetti indiretti li jistgħu jinstabu wkoll fil-qafas tal-politika ekonomika, li baqgħet fil-kompetenza tal-Istati Membri, u viċe versa (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 56), tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 52) u tal-11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punti 60 sa 67)).

    ( 20 ) Ara l-punt 44 tal-konklużjonijiet reċenti tiegħi fil-kawżi magħquda Il-Kunsill vs K. Chrysostomides & Co. et. u K. Chrysostomides & Co. et vs Il-Kunsill et (C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:390). F’dan ir‑rigward, ara wkoll, il-punt 151 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 21 ) F’dan ir-rigward, ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2010, Bressol et (C‑73/08, EU:C:2010:181, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 3738 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fis-sess u pensjoni tal-irtirar) (C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 50), u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 35).

    ( 23 ) Sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 53), tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 42) u tal-11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 50).

    ( 24 ) Sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 49, u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 36 u tal-11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 48).

    ( 25 ) Sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punti 5355, u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 46) u tal-11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 53).

    ( 26 ) L-eżistenza fit-trattati ta’ żewġ kunċetti differenti relatati mal-istess terminu ta’ politika monetarja (“monetary policy”, bl-Ingliż, “politique monétaire”, bil-Franċiż), wieħed “f’sens wiesa’”, li jinkludi l-ieħor “f’sens ristrett” hija kkonfermata mill-fatt li fil-verżjoni Ġermaniża dawn iż-żewġ kunċetti huma identifikati b’termini differenti, rispettivament “Währungspolitik” u “Geldpolitik”.

    ( 27 ) Sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 48), tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 34), tal-11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 46).

    ( 28 ) Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ġew adottati diversi regolamenti, fosthom ir‑Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU 2010, L 339, p. 1), ir-Regolament (UE) Nru 651/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ħruġ tal-muniti tal-euro (ĠU 2012, L 201, p. 135); ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il‑programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE (ĠU 2014, L 103, p. 1).

    ( 29 ) F’dan ir-rigward, ara r-rapport tar-rappreżentanti tal-Ministeri tal-Finanzi u tal-banek ċentrali nazzjonali fiż-żona euro msemmi fil-premessa 4 tar‑Rakkomandazzjoni 2010/191/UE (Report of the Euro Legal Tender Expert Group (ELTEG) on the definition, scope and effects of legal tender of euro banknotes and coins), b’mod speċifiku, il-punt 2.1.1(a)a p. 3.

    ( 30 ) Ara wkoll il-preambolu tat-trattati u l-Artikolu 140(3) TFUE.

    ( 31 ) Anki sempliċement minn perspettiva terminoloġika it-terminu “munita” (bil-Franċiż “monnaie”) jista’ jagħti lok għal konfużjoni peress li f’lingwi oħra dan jista’ jiġi tradott f’termini differenti, jiġifieri, minn naħa waħda, fis-sens ta’ “valuta”, jew munita legali f’pajjiż jew f’unjoni monetarja partikolari (bl-Ingliż, “currency”, bil‑Ġermaniż, “Währung”; dawn huma t-termini korrispondenti għat-terminu munita użati fit-trattat sabiex jindika l-euro). Min-naħa l-oħra, it-terminu munita jista’ jiġi tradott fis-sens, użat fil-lingwaġġ komuni f’sens iktar ġenerali, ta’ “flus” (bl-Ingliż, “money”, bil-Ġermaniż, “Geld”). Fir-realtà ż-żewġ sensi tat-terminu huwa relatati (ara H. Siekmann, f’R. Freitag u S. Omlor, The Euro as a legal Tender – A comparative Approach to a Uniform Concept, (2020) p. 8 u 9).

    ( 32 ) Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35).

    ( 33 ) Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU 2009, L 337, p. 35). Ara, b’mod speċifiku, il-punt 2 tal-Artikolu 2.

    ( 34 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 hawn fuq.

    ( 35 ) Ara Etica Nicomachea, Ktieb V, Taqsima 5, riprodotta, fil-Medju Evu minn Tumas d’Aquino fis-Somma Teologica (II-II, argument 78, Art. 1.7).

    ( 36 ) Ġeneralment attribwita lil G. F. Knapp, Staatliche Theorie des Geldes (1905). F’dan ir-rigward, madankollu, ara H. Siekmann, Restricting the use of cash in the European Monetary Union: Legal Aspects, f’: F. Rövenkamp, M. Bälz and H.G. Hilpert, Cash in East Asia, (2017), p. 157 et seq., fejn hemm diversi riferimenti duttrinali oħra. Fuq il-kunċett ta’ munita u fuq id-diversi teoriji legali tal-munita ara wkoll il-Kapitolu 1 ta’ C. Proctor, Mann on the legal aspect of money, is-6 edizzjoni, (2005).

    ( 37 ) Inizjalment, il-munita kienet ikkostitwita minn dik hekk imsejħa “munita ta’ prodott”, jiġifieri oġġett magħmul minn materjal li kellu valur ta’ suq, pereżempju l‑muniti tad-deheb; sussegwentement il-munita saret “munita rappreżentativa”, jiġifieri munita kkostitwita minn karti ta’ flus li setgħu jiġu skambjati ma’ ċertu kwantità ta’ deheb jew fidda. F’dan ir-rigward, għal perspettiva rapida, ara d‑dokument ta’ spjegazzjoni tal-BĊE intitolat “Cos’è la moneta” (https://www.ecb.europa.eu/explainers/tell-me-more/html/what_is_money.it.html).

    ( 38 ) Il-flus kontanti ma għandhomx valur intrinsiku, peress li l-karta użata għall-karti tal‑flus hija, bħala regola, mingħajr valur, iżda hija aċċettata inkambju ta’ beni u servizzi, għaliex l-utenti huma fiduċjużi li l-Bank Ċentrali ser iżomm il-valur tal‑munita stabbli fiż-żmien. Jekk il-Bank Ċentrali ma jżommx dan l-impenn, il‑flus kontanti jitilfu l-aċċettazzjoni ġenerali bħala mezz ta’ skambju u kull interess bħala riżerva ta’ valur.

    ( 39 ) F’dan ir-rigward ara Henk Esselink u Lola Hernández, The use of cash by households in the euro area, Occasional Paper Series della BCE, Nru 201 ta’ Novembru 2017 (li tista’ titniżżel minn din il-hypertext link: https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/scpops/ecb.op201.en.pdf), p. 18 et seq.

    ( 40 ) F’Novembru 2017, id-depożiti fl-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (IFM) fiż-żona euro kienu jammontaw għal EUR 17.5 elf biljun minn madwar EUR 1100 biljun ta’ flus kontanti fiċ-ċirkolazzjoni (f’dan ir-rigward ara l-lekċer ta’ Yves Mersch, membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-BĊE, intitolata Virtual or virtueless? The evolution of money in the digital age, li tista’ titniżżel mill-indirizz https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2018/html/ecb.sp180208.en.html).

    ( 41 ) F’dan ir-rigward, fost il-ħafna studji, ara l-istudju ppubblikat mill-Fond Monetarju Internazzjonali, ta’ T. Adrian u T. Mancini-Griffoli, The rise of Digital Money, Fintech Notes, Notes 19/01, ta’ Lulju 2019, li jista’ jitniżżel mill-indirizz https://www.imf.org/en/Publications/fintech-notes/Issues/2019/07/12/The-Rise-of-Digital-Money-47097, fejn hemm numru ta’ riferimenti oħra.

    ( 42 ) F’dan ir-rigward, bħala eżempji, ara l-Komunikazzjoni konġunta tar-Repubblika Franċiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat-13 ta’ Settembru 2019 fuq Libra, il-proġett ta’ kriptovaluta mibdi minn Facebook, flimkien ma’ konsorzju ta’ impriżi oħra u għaqdiet nongovernattivi.

    ( 43 ) Minn aħbarijiet reċenti ferm jirriżulta, minn naħa waħda, li r-Repubblika Popolari taċ-Ċina bdiet l-implimentazzjoni ta’ programm pilota f’diversi bliet għall‑introduzzjoni ta’ munita diġitali (Central Bank Digital Currency), li huwa diġà fi stadju avvanzat u, min-naħa l-oħra, li anki wara dan il-proġett, id-diskussjoni fl‑Istati Unit dwar l-introduzzjoni ta’ dollaru diġitali aċċellerat b’mod sinjifikattiv (fit-22 ta’ Lulju 2020 is-Senat tal-Istati Uniti żamm seduta f’dan ir-rigward; ara, https://www.banking.senate.gov/hearings/us-china-winning-the-economic-competition). Mingħajr dubju l-kwistjoni għandha ħafna implikazzjonjiet ġeopolitiċi importanti u sensittivi ħafna. Fuq l-impatt potenzjalment problematiku fuq is-sistema monetarja tal-introduzzjoni tas-CBDC, ara, fost l-oħrajn, l-istudju reċenti ferm (Ġunju 2020) ippubblikat mill-Federal Reserve Bank of Philadelphia, Central Bank Digital Currency: Central Banking for all, li jista’ jitniżżel mill-indirizz https://www.philadelphiafed.org/-/media/research-and-data/publications/working-papers/2020/wp20-19.pdf.

    ( 44 ) Din id-diskussjoni saret fil-Kunsill ECOFIN ta’ Diċembru 2019 (f’dan ir-rigward, ara n-nota tal-BĊE ppreparata għal din il-laqgħa intitolata “Innovation and its impact on the European retail payment landscape”, u li tista’ titniżżel minn https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/other/ecb.other191204~f6a84c14a7.en.pdf). F’dan ir-rigward ara wkoll id-diskors li sar minn Yves Mersch, membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-BĊE, intitolat An ECB digital currency - a flight of fancy?, li jista’ jitniżżel mis-sit https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2020/html/ecb.sp200511~01209cb324.en.html.

    ( 45 ) F’dan ir-rigward, ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2018, Towards a stronger international role of the euro, COM(2018) 796 finali.

    ( 46 ) Dejn finanzjarju jista’ legalment jiġi estint kemm permezz tal-użu tal-munita unika espressa f’forma fiżika (jiġifieri fi flus kontanti) kif ukoll permezz tal-munita unika espressa f’forma mhux fiżika (jiġifieri pereżempju b’trasferiment ta’ munita mhux fiżika permezz ta’ trasferiment bankarju).

    ( 47 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-diskussjonijiet li saru fi ħdan il-grupp ta’ ħidma kkostitwit minn rappreżentanti mill-Ministeri tal-Finanzi u mill-Banek Ċentrali Nazzjonali taż‑żona euro msemmi fil-premessa 4 tar-Rakkomandazzjoni 2010/191/UE (ara r‑rapport imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 hawn fuq). Minn dan ir-rapport jirriżulta li l-esperti nazzjonali kkunsidraw li l-kunċett ta’ valuta legali kien kunċett ġeneralment aċċettat fid-dritt nazzjonali, iżda li kien hemm differenzi fit‑tradizzjonijiet legali u fl-abitudnijiet tal-konsumaturi fid-diversi Stati Membri. F’dan ir-rigward, ara B. Angel u A. Margerit, Quelle est la portée du cours légal de l-euro? In Revue du Marché commun et de l’Union européenne, Nru 532/2009, b’mod partikolari, p. 589 u 590.

    ( 48 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 154).

    ( 49 ) F’dan ir-rigward, ara d-Deċiżjoni tal-BĊE 2011/67/UE tat-13 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ħruġ tal-karti tal-flus euro (tfassil mill-ġdid) (ĠU 2011, L 35, p. 26).

    ( 50 ) Minn perspettiva storika din kienet tiżvolġi wkoll il-funzjoni li tiżgura fuq livell kostituzzjonali s-sostituzzjoni totali bl-euro tal-muniti nazzjonali tal-Istati Membri li adottaw l-euro bħala munita unika.

    ( 51 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-valuta legali lill-muniti f’euro ngħatat f’livell ta’ dritt sekondarju mill-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 974/98. Barra minn hekk, il-muniti huma msemmija espressament fl-Artikolu 128(2) TFUE.

    ( 52 ) F’dan ir-rigward nirrileva li mill-kliem stess tat-tielet sentenza tal‑Artikolu 128(1) TFUE jista’ jiġi preżunt li din id-dispożizzjoni tistipula li l-karti ta’ flus f’euro maħruġa mill-BĊE u mill-banek ċentrali nazzjonali huma l-uniċi karti tal-flus (die einzigen Banknoten) bi status ta’ valuta legali fl-Unjoni. Minn din id‑dispożizzjoni ma jistax jiġi preżunt li tali karti tal-flus huma l-uniku strument li għandu valuta legali fl-Unjoni, fatt li wara kollox huwa kkonfermat mill-għoti tal‑valuta legali anki lill-muniti.

    ( 53 ) Din l-interpretazzjoni hija konformi mar-rekwiżit ta’ flessibbiltà li għandu jkollu d‑dritt tal-Unjoni sabiex jadatta ruħu għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-bidliet li jġib miegħu l-iżvilupp teknoloġiku li, kif imsemmi fil-punt 82 preċedenti, fir-realtà ekonomika huma mgħaġġlin ferm.

    ( 54 ) Ara pereżempju l-premessa 5 tad-Direttiva 2015/236, kif ukoll il-Green paper tal‑Kummissjoni tal-2012 “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl‑internet u bil-mowbajl” (COM(2011) 941 finali).

    ( 55 ) Din ir-regolamentazzjoni analitika ġabet magħha livell ta’ sikurezza tat‑tranżazzjonijiet u ta’ distribuzzjoni tal-użu tagħhom b’tali mod li twassal li xi wħud jikkunsidraw li l-munita skritturali issa għandha tiġi kkunsidrata bħala li għandha status ta’ valuta legali. Ara, pereżempju, fost l-oħrajn, V. De Stasio, “Verso un concetto europeo di moneta legale: valute virtuali, monete complementari e regole di adempimento”, in Banca borsa titoli di credito, 2018, b’mod partikolari, p. 751.

    ( 56 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni tittratta b’mod dirett dan il‑kunċett tad-dritt tal-Unjoni, iżda semmietu b’mod inċidentali f’kawżi relatati mal‑moviment liberu tal-merkanzija (sentenza tat-23 ta’ Novembru 1978, Thompson et (7/78, EU:C:1978:209), mat-taxxa fuq il-valur miżjud (sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, First National Bank of Chicago (C‑172/96, EU:C:1998:354, punt 25) u tat-22 ta’ Ottubru 2015, Hedqvist (C‑264/14, EU:C:2015:718 punti 25 u 44 et seq.) u mat-trasport (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Verbraucherzentrale Baden‑Württemberg (C‑330/17, EU:C:2018:916)).

    ( 57 ) Sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi (C‑322/88, EU:C:1989:646, punti 7, 1618), tal-21 ta’ Jannar 1993, Deutsche Shell (C‑188/91, EU:C:1993:24, punt 18), tal-11 ta’ Settembru 2003, Altair Chimica (C‑207/01, EU:C:2003:451, punt 41), sentenza tal-24 ta’ April 2008, Arcor (C‑55/06, EU:C:2008:244, punt 94).

    ( 58 ) Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Chemische Fabrik Kreussler (C‑308/11, EU:C:2012:548, punt 25).

    ( 59 ) Ara p. 4 tar-rapport tal-esperti nazzjonali ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 hawn fuq.

    ( 60 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il-Kummissjoni (C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 75) u f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 76). Ara wkoll is‑sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O. (C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 42 infine) u tat-22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar (C‑482/09, EU:C:2011:605, punti 40 et seq.).

    ( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2020, Mowi vs Il-Kummissjoni (C‑10/18 P, EU:C:2020:149, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 62 ) F’dan ir-rigward, kif wara kollox indikat fis-seduta mill-partijiet kollha u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 113 u 114, premessa ma tistax tipprevalixxi fuq dispożizzjoni leġiżlattiva vera u proprja, u wisq inqas tad‑dritt primarju. Madankollu, hija tista’ tintuża sabiex jiġi interpretat kunċett tal‑att stess li fih hija prevista kemm fid-dritt primarju kif ukoll fid-dritt sekondarju u għalhekk għandha tiġi interpretata bl-istess mod u uniformi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li t-tieni sentenza tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 974/98 tirriproduċi testwalment, b’mod li jista’ jiġi ddefinit dikjaratorju, id‑dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 106 KE, fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tal‑imsemmi regolament, li sussegwentement sar l-Artikolu 128 TFUE.

    ( 63 ) Ma jirriżulta minn l-ebda element, lanqas mix-xogħolijiet preparatorji tar-Regolament Nru 974/98 li l-premessa għandu jkollha biss portata tranżitorja, kif sostnut mir‑rikorrenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

    ( 64 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif korrettament irrilevat mill-Kummissjoni fis-seduta, il-premessa 19 tirreferi għal “raġunijiet pubbliċi” (bil-Franċiż “intérêt public”, bl-Ingliż “public reason”, bl-Ispanjol “interés público”, bil-Portugiż, “interesse público”). Inkwantu l-verżjoni Ġermaniża ta’ din il-premessa tirreferi għal motivi ta’ ordni pubbliku (Gründen der öffentlichen Ordnung), din tuża kunċett restrittiv wisq li ma huwiex skont it-tifsira ta’ din l-espressjoni fil-maġġoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-att leġiżlattiv inkwistjoni.

    ( 65 ) F’dan ir-rigward, ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑176/03, EU:C:2005:542, punti 41 sa 53) u tas-6 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑43/12, EU:C:2014:298, punti 32 sa 42).

    ( 66 ) Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73). Skont l-Artikolu 11(1)(c) ta’ din id-Direttiva l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet japplikaw il-miżuri ta’ diliġenza dovuta tal-klijent, fost l-oħrajn, fil-każ ta’ persuni li jinnegozjaw f’oġġetti, meta jwettqu tranżazzjonijiet okkażjonali fi flus kontanti li jammontaw għal EUR 10,000 jew aktar, kemm jekk it-tranżazzjoni titwettaq f’operazzjoni waħda kif ukoll jekk titwettaq f’diversi operazzjonijiet li jidhru li huma marbutin ma’ xulxin.

    ( 67 ) Ara r-Regolament (UE) 2018/1672 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar kontrolli fir-rigward ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1889/2005 (ĠU 2018, L 284, p. 6).

    ( 68 ) Lista ta’ regolamenti ta’ dan it-tip fis-seħħ fid-diversi Stati Membri (aġġornata fl‑2016) tinsab fid-dokument tal-Bundestag (il-Parlament Federali, il-Ġermanja) li jirrigwarda d-diskussjoni dwar il-limitazzjonijiet għall-ħlas bi flus kontanti (Diskussion über die Begrenzung von Bargeldzahlungen; WD 4 – 3000 – 043/16, p. 8 u 9).

    ( 69 ) Kif korrettament osservat mill-Gvern Ġermaniż li, fis-seduta, iddeskriva l-funzjoni tal-flus kontanti bħala “Auffangfunktion”.

    ( 70 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 hawn fuq.

    ( 71 ) Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 46), tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 72).

    ( 72 ) Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ il-miżuri adottati minn Stat Membri, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, li twassal għal‑limitazzjonijiet ta’ waħda mil-libertajiet fundamentali protetti mit-trattati sabiex jintlaħaq interess ġenerali. Ara, sempliċement bħala eżempju, fost l-oħrajn, is‑sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 76) u tat-22 ta’ Novembru 2018, Huijbrechts (C‑679/17, EU:C:2018:940, punti 3036). Fuq l-applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-attività statali, ara wkoll il‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:440, punt 48 u r-riferimenti hemm iċċitati).

    ( 73 ) B’hekk, pereżempju, il-funzjoni ta’ riżerva ta’ valur, li ġeneralment tkun marbuta mad-dritt ta’ proprjetà, protett fid-dritt tal-Unjoni mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, tiġi implimentata, fil-parti l-kbira tagħha permezz tal-munita espressa f’forma mhux fiżika (ara l-informazzjoni msemmija fin‑nota ta’ qiegħ il-paġna 40 hawn fuq) u ma hijiex neċessarjament relatata mal‑munita fil-forma tagħha bħala flus kontanti. L-istess jista’ jingħad, fl-opinjoni tiegħi, għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali eżistenzjali bħal-libertà ta’ professjoni jew il-libertà ta’ azzjoni b’mod ġenerali. F’dan ir-rigward, huwa veru li l-munita espressa f’forma fiżika fi flus kontanti, u mhux dik skritturali jew elettronika, hija l-unika forma, fil-preżent, ta’ munita ta’ bank ċentrali fl-Unjoni u mhux suġġetta, barra minn hekk, għal riskju ta’ falliment tal-istituzzjoni li tiġġestixxi l-kont. Madankollu, tali riskju – li, b’mod partikolari minħabba r-regoli riġidi ta’ natura regolatorja applikabbli għal tali istituzzjonijiet, jista’ jiġi kkunsidrat marġinali f’termini konkreti – ma jillimitax l-utilizzabilità ta’ forom oħra ta’ munita jew ta’ mezzi ta’ ħlas oħra għat-tgawdija ta’ tali drittijiet fundamentali kif, wara kollox, jintwera mill-użu żviluppat ferm u dejjem jiżdied ta’ forom ta’ munita differenti mill‑flus kontanti fl-attività ta’ tgawdija tad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, l-użu tal-flus kontanti kemm bħala riżerva ta’ valur kif ukoll bħala mezz ta’ ħlas huwa fih innifsu suġġett għal riskji (bħal riskji ta’ serq) b’mod speċjali fil-każ ta’ ħlasijiet ta’ ammonti sostanzjali. F’dak li jirrigwarda r-rispett tal-ħajja privata, jekk f’xi każijiet l-użu tal-flus kontanti jista’ jiżgura, minħabba l-anonimat tiegħu, livell ta’ protezzjoni ogħla ta’ tali dritt fil-konfront tal-użu ta’ mezzi oħra ta’ ħlas, tali dritt madankollu ma jidhirx li huwa ppreġudikat f’sitwazzjoni bħal dik quddiem il-qorti tar-rinviju li fiha l-awtorità pubblika li lilha trid titħallas il-kontribuzzjoni awdjoviżika diġà għandha informazzjoni dwar id-debituri tal-kontribuzzjoni.

    ( 74 ) Direttiva Nru 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal‑kontijiet tal‑ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU 2014, L 257, p. 214). Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 2(2), 16 u l-premessi 9, 46 u 48 ta’ din id‑direttiva.

    ( 75 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 46, u l-Artikoli 18(4) u 20(1) tad‑Direttiva 2014/92.

    ( 76 ) B’hekk, minn studju tal-BĊE tal-2017 jirriżulta li fiż-żona euro 3.64 % tal-familji ma kellhomx aċċess għal servizzi bankarji/finanzjarji (fil-Ġermanja, 0.96 %; ara M. Ampudia, M. Ehrmann, Financial inclusion: what’s it worth? Working Paper Series tal-BĊE, N. 1990, Jannar 2017, ara b’mod partikolari t-tabella 1; id-dokument jista’ jitniżżel fl-indirizz https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/scpwps/ecbwp1990.en.pdf). Minn sors ieħor jirriżulta li fl-2016, fl-Unjoni Ewropea, madwar 36.5 miljuni ta’ persuni (fosthom 850 elf persuna fil-Ġermanja) ma kellhomx aċċess għas-servizzi finanzjarji (unbanked persons). Ara https://www.wsbi-esbg.org/press/latest-news/Pages/Close-to-40-million-EU-citizens-outside-banking-mainstream.aspx.

    ( 77 ) B’mod ġenerali, fuq l-obbligu ta’ konsultazzojni tal-BĊE ara il-punti 131 et seq.. tal‑konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2002:556).

    ( 78 ) Dwar id-differenzi fit-terminoloġija bit-Taljan (u bil-Franċiż), ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 hawn fuq.

    ( 79 ) Hekk jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-abbozz ta’ liġi dwar l-emendi tad‑dispożizzjonijiet leġiżlattivi fil-qasam monetarju wara l-introduzzjoni tal-flus kontanti f’euro (Entwurf eines Gesetzes über die Änderung währungsrechtlicher Vorschriften infolge der Einführung des Euro-Bargeldes (Drittes Euro-Einführungsgesetz – Drittes EuroEG); Deutscher Bundestag, Drucksache 14/673) li r-riferiment għan-natura “mingħajr limitazzjonijiet” tal-valuta legali nżammet għal raġunijiet ta’ kjarezza fid-dritt peress li ma kienx hemm regola espliċita fid-dritt Komunitarju (ara p. 15, sub. “Zu Artikel 3”, it-tielet paragrafu).

    ( 80 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs vs BC vs Litwanja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 69).

    ( 81 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja (39/72, EU:C:1973:13, punti 1617) u tal-10 ta’ Ottubru 1973, Variola (34/73, EU:C:1973:101, punti 9 sa 11).

    ( 82 ) Mill-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni jirriżulta li fil-passat l‑istituzzjonijiet aċċettaw, fil-kuntest partikolari tas-SEBĊ, li xi dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni jiġu riprodotti fl-Istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali. F’dan ir‑rigward ara r-rapport dwar il-konverġenza tal-BĊE ta’ Mejju 2018, p. 19; (https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/conrep/ecb.cr201805.it.pdf).

    ( 83 ) F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat ukoll li, kif irrilevat mill-Kummissjoni, fil‑kamp tas-setgħa konsultattiva ta’ natura preliminari tiegħu, imsemmi fil-punt 139 preċedenti, il-BĊE analizza diversi drabi l-BBankG, iżda qatt ma ħa pożizzjoni fuq il-valuta legali (ara opinjonijiet CON/99/10 tat-3 ta’ Settembru 1999, u CON/2011/92 tal-11 ta’ Novembru 2011 u, preċedentement, l-opinjoni tal-Istitut Monetarju Ewropew CON/97/10, tat-30 ta’ Mejju 1997).

    ( 84 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jidhrux li jaqgħu f’din il-kategorija ta’ individwi, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Mill-proċess ma jirriżulta bl-ebda mod li dawn qatt sostnew li ma jistgħux iħallsu l-kontribuzzjoni awdjoviżiva minħabba nuqqas ta’ aċċess minn naħa tagħhom għal servizzi finanzjarji bażiċi.

    Top