SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
8 ta’ April 2014 ( *1 )
“Komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2006/24/KE — Servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika — Żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ tali servizzi — Validità — Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
Fil-Kawżi magħquda C‑293/12 u C‑594/12,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (l-Irlanda) u l-Verfassungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tas‑27 ta’ Jannar u tat‑28 ta’ Novembru 2012, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ġunju u fid‑19 ta’ Diċembru 2012, fil‑kawżi
Digital Rights Ireland Ltd (C-293/12)
vs
Minister for Communications, Marine and Natural Resources,
Minister for Justice, Equality and Law Reform,
Commissioner of the Garda Síochána,
L-Irlanda,
The Attorney General,
fil-preżenza ta’:
Irish Human Rights Commission,
u
Kärntner Landesregierung (C-594/12),
Michael Seitlinger,
Christof Tschohl et,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur), E. Juhász, A. Borg Barthet, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, G. Arestis, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Digital Rights Ireland Ltd, minn F. Callanan, SC, u F. Crehan, BL, b’mandat minn S. McGarr, solicitor, |
— |
għal M. Seitlinger, minn G. Otto, Rechtsanwalt, |
— |
għal M. Tschohl et, minn E. Scheucher, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Irish Human Rights Commission, minn P. Dillon Malone, BL, b’mandat minn S. Lucey, solicitor, |
— |
għall-Irlanda, minn E. Creedon u D. McGuinness, bħala aġenti, assistiti minn E. Regan, SC, u D. Fennelly, JC, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse u G. Kunnert, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u D. Colas, kif ukoll minn B. Beaupère‑Manokha, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. De Stefano, avvocato dello Stato, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u C. Vieira Guerra, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn S. Lee, barrister, |
— |
għall-Parlament Ewropew, minn U. Rösslein u A. Caiola, kif ukoll minn K. Zejdová, bħala aġenti, |
— |
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Monteiro u E. Sitbon, kif ukoll minn I. Šulce, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Maidani, kif ukoll minn B. Martenczuk u M. Wilderspin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw il-validità tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54). |
2 |
It-talba mressqa mill-High Court (Kawża C‑293/12) tirrigwarda tilwima bejn Digital Rights Ireland Ltd. (iktar ’il quddiem “Digital Rights”) minn naħa, u l-Minister for Communications, Marine and Natural Resources, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform, il-Commissioner of the Garda Síochána, l-Irlanda, kif ukoll l-Attorney General min-naħa l-oħra, dwar il-legalità ta’ miżuri leġiżlattivi u amministrattivi nazzjonali li jikkonċernaw iż-żamma ta’ data relatata ma’ komunikazzjonijiet elettroniċi. |
3 |
It-talba ppreżentata mill-Verfassungsgerichtshof (Kawża C‑594/12) tikkonċerna rikorsi ta’ natura kostituzzjonali ppreżentati quddiem din il-qorti rispettivament mill-Kärntner Landesregierung (il-gvern tal-Land ta’ Kärnten) kif ukoll minn M. Seitlinger u C. Tschohl u 11128 rikorrent ieħor fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-liġi li tittrasponi d-Direttiva 2006/24 fid-dritt intern Awstrijak mal-Liġi Kostituzzjonali Federali (Bundes-Verfassungsgesetz). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 95/46/KE
4 |
Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), għandha bħala għan, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, li tiżgura l-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali. |
5 |
Fir-rigward tas-sigurtà tal-ipproċessar ta’ tali data, l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva jistipula: “Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur għandu jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex jagħtu protezzjoni lil data personali kontra distruzzjoni aċċidentali jew illegali jew telf aċċidentali, tibdil, żvelar jew aċċess mhux awtorizzat, partikolarment meta l-ipproċessar ikollu x’jaqsam mat-trasmissjoni ta’ data fuq network, u kontra kull forma oħra illegali ta’ ipproċessar. Meħud kont ta’ l-iktar teknika avvanzata u n-nefqa biex ikunu implimentati, dawn il-miżuri għandhom jassiguraw livell xieraq ta’ sigurtà kontra r-riskji li l-ipproċessar u n-natura tad-data li għandha tkun protetta iġibu magħhom.” |
Id-Direttiva 2002/58/KE
6 |
Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), għandha bħala għan, konformement mal-Artikolu 1(1) tagħha, li tarmonizza d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri neċessarji biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità, għal dak li jikkonċerna l-ipproċessar tad-data ta’ natura personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll il-moviment liberu ta’ din id-data u tat-tagħmir u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 1(2), id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jispeċifikaw u jikkompletaw id-Direttiva 95/46 għall-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 imsemmi iktar ’il fuq. |
7 |
Fir-rigward tas-sigurtà tad-data, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/58/KE jipprevedi: “1. Il-provditur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandu jieħu passi xierqa tekniċi u ta’ organizzazzjoni biex jissalvagwardja s-sigurtà tas-servizzi tiegħu, jekk meħtieġ flimkien mal-provditur tan-network ta’ komunikazzjoni pubblika fir-rigward tas-sigurtà tan-network. Filwaqt li tiġi kkunsidrata l-istat l-aktar avvanzat u l-ispiża ta’ l-implimentazzjoni tagħhom, dawn il-miżuri għandhom jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskju ppreżentat. 1a. Mingħajr ħsara għad-Direttiva 95/46/KE, il-miżuri msemmija f’Paragrafu 1 għandhom għall-inqas:
L-awtoritajiet nazzjonali relevanti għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw il-miżuri li jkunu ttieħdu mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika aċċessibbli għall-pubbliku u joħorġu rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar prattika fir-rigward tal-livell ta’ sigurtà li għandhom jiksbu dawn il-miżuri. 2. Fil-każ ta’ riskju partikolari ta’ vjolazzjoni tas-sigurtà tan-network, il-provditur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandu jinforma lill-abbonati dwar dan ir-riskju u, fejn dan ir-riskju huwa lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-provditur tas-servizz, dwar kull rimedji possibbli, inkluża indikazzjoni ta’ l-ispejjeż x’aktarx involuti.” |
8 |
Fir-rigward tan-natura kunfidenzjali tal-komunikazzjonijiet u tad-data relatata mat-traffiku, l-Artikolu 5(1) u (3) tal-imsemmija direttiva jistipula: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità. [...] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva 95/46/KE, dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.” |
9 |
Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2002/58: “Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).” |
10 |
L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jistipula: “L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.” |
Id-Direttiva 2006/24
11 |
Wara li nediet konsultazzjoni mar-rappreżentanti tad-dipartimenti ta’ infurzar tal-liġi, tas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tal-esperti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, il-Kummissjoni ppreżentat, fil‑21 ta’ Settembru 2005, analiżi tal-impatt tal-għażliet politiċi relatati ma’ regoli li jikkonċernaw iż-żamma tad-data relatata mat-traffiku (iktar ’il quddiem l-“analiżi tal-impatt”). Din l-analiżi serviet bħala bażi għall-elaborazzjoni tal-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta’ data pproċessata in konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE [COM(2005) 438 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta għal direttiva”], ippreżentata fl-istess ġurnata, li tat lok għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24 abbażi tal-Artikolu 95 KE. |
12 |
Il-premessa 4 tad-Direttiva 2006/24 tiddikjara: “L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-ambitu tad-drittijiet u ta’ l-obbligi msemmija fl-Artikolu 5, fl-Artikolu 6, fl-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u fl-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva. Kwalunkwe restrizzjoni bħal din trid tkun meħtieġa, xierqa u proporzjonata fi ħdan soċjetà demokratika għal skopijiet speċifiċi ta’ ordni pubbliku, jiġifieri sabiex tiġi salvagwardata d-difiża tas-sigurtà nazzjonali (i.e. tas-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika jew il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni elettronika.” |
13 |
Skont l-ewwel sentenza tal-premessa 5 tad-Direttiva 2006/24, “[d]iversi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni li taħseb għaż-żamma ta’ data mill-fornituri tas-servizzi għal raġunijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.” |
14 |
Il-premessi 7 sa 11 tad-Direttiva 2006/24 huma redatti kif ġej:
|
15 |
Il-premessi 16, 21 u 22 ta’ din id-direttiva jispeċifikaw:
|
16 |
Id-Direttiva 2006/24 tipprevedi l-obbligu tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew tan-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet li jżommu ċerta data li tiġi ġġenerata jew ipproċessata minn dawn il-fornituri. F’dan ir-rigward, l-Artikoli 1 sa 9, 11 u 13 ta’ din id-direttiva jistipulaw: “Artikolu 1 Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni 1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-obbligi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fir-rigward taż-żamma ta’ ċerta data ġenerata jew proċessata minnhom, sabiex jiġi żgurat li d-data tkun disponibbli għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif definita minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għal data dwar it-traffiku u data dwar il-lok kemm dwar entitajiet ġuridiċi kif ukoll dwar persuni fiżiċi u għad-data relatata meħtieġa sabiex ikun identifikat l-abbonat jew l-utent reġistrat. Ma għandhiex tapplika għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inkluża informazzjoni konsultata bl-użu ta’ network ta’ komunikazzjoni elettronika. Artikolu 2 Definizzjonijiet 1. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fid-Direttiva 95/46/KE, fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [...], kif ukoll fid-Direttiva 2002/58/KE. 2. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
Artikolu 3 L-obbligu li tinżamm id-data 1. B’deroga mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58/KE, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data speċifikata fl-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva tinżamm skond id-dispożizzjonijiet tagħha sa fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-proċess tal-forniment tas-servizzi ta’ komunikazzjoni konċernati. 2. L-obbligu taż-żamma ta’ data previst fil-paragrafu 1 għandu jinkludi iż-żamma tad-data speċifikata fl-Artikolu 5 relatata ma’ tentattivi ta’ telefonati mingħajr suċċess fejn dik id-data tkun ġenerata jew proċessata, u maħżuna (fir-rigward ta’ data dwar telefonati) jew reġistrata (fir-rigward ta’ data ta’ l-Internet) minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għal pubbliku jew ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika fi ħdan il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat Membru konċernat fil-proċess tal-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjoni konċernati. Din id-Direttiva ma tesiġix iż-żamma ta’ data fir-rigward ta’ telefonati mhux konnessi. Artikolu 4 Aċċess għad-data L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma skond din id-Direttiva tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skond il-liġi nazzjonali. Il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b’mod partikulari il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Artikolu 5 Kategoriji ta’ data li għandha tinżamm 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta’ data li ġejjin jinżammu skond din id-Direttiva:
2. L-ebda data li tiżvela l-kontenut tal-komunikazzjoni ma tista’, taħt din id-Direttiva, tinżamm. Artikolu 6 Perijodi ta’ żamma L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kategoriji ta’ data speċifikati fl-Artikolu 5 tinżamm għal perjodi ta’ mhux inqas minn sitt xhur u għal mhux iżjed minn sentejn mid-data tal-komunikazzjoni. Artikolu 7 Protezzjoni ta’ data u sigurtà ta’ data Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet adottati skond id-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli għall-pubbliku jew ta’ network għall-komunikazzjonijiet pubbliċi jirrispettaw, bħala minimu, il-prinċipji, li ġejjin, ta’ sigurtà tad-data fir-rigward ta’ data miżmuma skond din id-Direttiva:
Artikolu 8 Rekwiżiti dwar il-ħażna tad-data miżmuma L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data msemmija fl-Artikolu 5 tinżamm skond din id-Direttiva b’tali mod li d-data miżmuma u kull informazzjoni oħra neċessarja relatata ma’ dik id-data jkunu jistgħu jiġu trażmessi, meta mitluba, lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien żejjed. Artikolu 9 Awtorità ta’ sorveljanza 1. Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità pubblika waħda jew iżjed sabiex ikunu responsabbli għas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tagħhom tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond l-Artikolu 7 rigward is-sigurtà tad-data miżmuma. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jkunu l-istess awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE. 2. L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa fit-twettiq tas-sorveljanza msemmija f’dak il-paragrafu. [...] Artikolu 11 Emenda tad-Direttiva 2002/58/KE Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58/KE: ‘1a. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal data speċifikament meħtieġa mid-[Direttiva 2006/24] sabiex tinżamm għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva. [...]’ Artikolu 13 Rimedji, responsabbiltà u pieni 1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li l-miżuri nazzjonali li jimplementaw il-Kapitlu III tad-Direttiva 95/46/KE li tipprovdi għal rimedji, responsabbiltà u sanzjonijiet ġudizzjarji jkunu implementati bis-sħiħ fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data taħt din id-Direttiva. 2. Kull Stat Membru għandu, b’mod partikolari, jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura li kwalunkwe att, bi ħsieb, ta’ aċċess għal jew trasferiment ta’ data miżmuma skond din id-Direttiva li ma jkunx permess taħt il-liġi nazzjonali adottata skond din id-Direttiva ikun punibbli b’pieni inklużi pieni amministrattivi jew kriminali, li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.” |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑293/12
17 |
Fil‑11 ta’ Awwissu 2006, Digital Rights ippreżentat rikors quddiem il-High Court li fil-kuntest tiegħu hija ssostni li hija proprjetarja ta’ telefon ċellulari li ġie rreġistrat fit‑3 ta’ Ġunju 2006 u li hija tuża sa minn din id-data. Hija tqiegħed inkwistjoni l-legalità ta’ miżuri leġiżlattivi u amministrattivi nazzjonali li jikkonċernaw iż-żamma ta’ data relatata ma’ komunikazzjonijiet elettroniċi u titlob, b’mod partikolari, lill-qorti tar-rinviju tikkonstata n-nullità tad-Direttiva 2006/24 u tas-seba’ parti tal-Liġi tal‑2005 dwar il-Ġustizzja Kriminali (Reati Terroristiċi) [Criminal Justice (Terrorist Offences) Act 2005] li tipprevedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi għandhom iżommu d-data li tikkonċernahom relatata mat-traffiku u mal-lokalizzazzjoni għal perijodu speċifikat mil-liġi, bil-għan tal-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta’ reati, tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tagħhom kif ukoll tal-garanzija tas-sigurtà tal-Istat. |
18 |
Peress li l-High Court qieset li hija ma tinsabx f’pożizzjoni li taqta’ l-kwistjonijiet relatati mad-dritt nazzjonali mressqa quddiemha mingħajr ma tkun ġiet eżaminata l-validità tad-Direttiva 2006/24, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Il-Kawża C‑594/12
19 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑594/12 toriġina minn numru ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-Verfassungsgerichtshof, rispettivament mill-Kärntner Landesregierung kif ukoll minn M. Seitlinger, C. Tschohl u 11128 rikorrent ieħor li talbu l-annullament tal-Artikolu 102a tal-Liġi tal‑2003 dwar it-Telekomunikazzjonijiet (Telekommunikationsgesetz 2003), li ġie introdott f’din il-liġi permezz ta’ liġi federali li temendaha (Bundesgesetz, mit dem das Telekommunikationsgesetz 2003 – TKG 2003 geändert wird, BGBl. I, 27/2011) għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24 fid-dritt intern Awstrijak. Dawn il-partijiet iqisu, b’mod partikolari, li l-Artikolu 102a jikser id-dritt fundamentali tal-persuni kkonċernati għall-protezzjoni tad-data tagħhom. |
20 |
Il-Verfassungsgerichtshof tistaqsi, b’mod partikolari, jekk id-Direttiva 2006/24 hijiex kompatibbli mal-Karta inkwantu tippermetti l-ħażna ta’ massa ta’ tipi ta’ data fir-rigward ta’ numru illimitat ta’ persuni għal perijodu twil. Iż-żamma tad-data tikkonċerna kważi esklużivament lil persuni li l-aġir tagħhom bl-ebda mod ma jiġġustifika ż-żamma tad-data li tikkonċernahom. Dawn il-persuni huma esposti għal riskju ogħla li l-awtoritajiet ifittxu d-data tagħhom, isiru jafu l-kontenut ta’ din id-data, jinformaw ruħhom dwar il-ħajja privata tagħhom u jużaw din id-data għal numru ta’ għanijiet, b’mod partikolari fid-dawl tan-numru kbir ta’ persuni li għandhom aċċess għad-data matul perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur. Skont il-qorti tar-rinviju, jeżistu dubji, minn naħa, fir-rigward ta’ jekk din id-direttiva tinsabx f’pożizzjoni li tilħaq l-għanijiet imfittxija minnha u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-inġerenza fid-drittijiet fundamentali kkonċernati. |
21 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verfassungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
22 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 2013, il-Kawżi C‑237/12 u C‑238/12 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni domanda (b) sa (d), fil-Kawża C‑293/12 u fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑594/12
23 |
Permezz tat-tieni domanda (b) sa (d), fil-Kawża C‑293/12 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑594/12, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jitolbu essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità tad-Direttiva 2006/24 fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta. |
Fuq ir-rilevanza tal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta fir-rigward tal-kwistjoni tal-validità tad-Direttiva 2006/24
24 |
Mill-Artikolu 1 kif ukoll mill-premessi 4, 5, 7 sa 11, 21 u 22 tad-Direttiva 2006/24, jirriżulta li hija għandha bħala għan prinċipali li tarmonizza d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri relatati maż-żamma, mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, ta’ ċerta data ġġenerata jew ipproċessata minn dawn il-fornituri bil-għan li tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ din id-data għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ riċerka, ta’ identifikazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati gravi, bħal dawk marbuta mal-kriminalità organizzata u mat-terroriżmu, fir-rispett tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
25 |
L-obbligu tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/24, li jżommu d-data elenkata fl-Artikolu 5 tagħha għall-finijiet li jagħmluha aċċessibbli, jekk ikun il-każ, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, iqajjem kwistjonijiet relatati kemm mal-protezzjoni tal-ħajja privata kif ukoll tal-komunikazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta, mal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali prevista fl-Artikolu 8 tagħha, kif ukoll mar-rispett tal-libertà ta’ espressjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta. |
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-data li għandhom iżommu l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet, skont l-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2006/24, hija, b’mod partikolari, id-data neċessarja sabiex jinstab u jiġi identifikat is-sors ta’ komunikazzjoni u d-destinazzjoni tagħha, sabiex tiġi ddeterminata d-data, is-siegħa, it-tul u t-tip ta’ komunikazzjoni, il-materjal ta’ komunikazzjoni tal-utenti, kif ukoll biex jiġi llokalizzat il-materjal ta’ komunikazzjoni mobbli, kollha data li fostha jinsabu, b’mod partikolari, l-isem u l-indirizz tal-abbonat jew tal-utent irreġistrat, in-numru tat-telefon tal-persuna li tagħmel it-telefonata u n-numru tat-telefon imċempel kif ukoll ta’ indirizz IP għas-servizzi tal-internet. Din id-data tippermetti, b’mod partikolari, li tiġi identifikata l-persuna li magħha jkun ikkomunika abbonat jew utent irreġistrat u b’liema mezz, filwaqt li jiġi ddeterminat il-ħin tal-komunikazzjoni kif ukoll il-post li minnu seħħet din il-komunikazzjoni. Barra minn hekk, hija tippermetti li ssir magħrufa l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet tal-abbonat jew tal-utent irreġistrat ma’ ċerti persuni matul perijodu speċifiku. |
27 |
Din id-data, ikkunsidrata flimkien, tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħall-abitudnijiet tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanji, iċ-ċaqlieq ta’ kuljum jew ieħor, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali li dawn jiffrekwentaw. |
28 |
F’tali ċirkustanzi, anki jekk id-Direttiva 2006/24 ma tawtorizzax, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 1(2) u 5(2) tagħha, iż-żamma tal-kontenut tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni kkonsultata bl-użu ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, ma huwiex eskluż li ż-żamma tad-data inkwistjoni jista’ jkollha effett fuq l-użu, mill-abbonati jew mill-utenti rreġistrati, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni msemmija minn din id-direttiva u, konsegwentement, fuq l-eżerċizzju minn dawn tal-aħħar tal-libertà ta’ espressjoni tagħhom, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta. |
29 |
Iż-żamma tad-data għall-finijiet tal-aċċess eventwali tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bħal dik prevista mid-Direttiva 2006/24, tikkonċerna b’mod dirett u speċifiku l-ħajja privata u, b’hekk, id-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta. Barra minn hekk, tali żamma tad-data tirriżulta wkoll mill-Artikolu 8 tagħha minħabba l-fatt li tikkostitwixxi pproċessar tad-data ta’ natura personali fis-sens ta’ dan l-artikolu u għandha, b’hekk, neċessarjament tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data li jirriżultaw minn dan l-artikolu (sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 47). |
30 |
Filwaqt li r-rinviji għal deċiżjoni preliminari f’dawn il-kawżi jqajmu b’mod partikolari l-kwistjoni ta’ prinċipju dwar jekk id-data tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati tistax tinżamm jew le, fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta, dawn jikkonċernaw ukoll il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2006/24 tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data ta’ natura personali li tirriżulta mill-Artikolu 8 tal-Karta. |
31 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ, għall-finijiet ta’ risposta għat-tieni domanda (b) sa (d), fil-Kawża C‑293/12 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑594/12, li tiġi eżaminata l-validità tad-Direttiva fir-rigward tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. |
Fuq l-eżistenza ta’ inġerenza fid-drittijiet stabbiliti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta
32 |
Billi timponi ż-żamma tad-data elenkata fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2006/24 u billi tippermetti l-aċċess għaliha mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, din id-direttiva tidderoga, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punti 39 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, mis-sistema ta’ protezzjoni tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, stabbilita bid-Direttivi 95/46 u 2002/58, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, fejn dawn l-aħħar direttivi pprevedew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku kif ukoll l-obbligu li titħassar jew li tiġi reża anonima din id-data meta hija ma tkunx iżjed neċessarja għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni, minbarra jekk hija tkun neċessarja għall-fatturazzjoni u biss sakemm iddum din il-ħtieġa. |
33 |
Biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ inġerenza fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata, ftit jimporta li l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata tippreżenta natura sensittiva jew le, jew li l-persuni kkonċernati jkunu batew inkonvenjenzi eventwali jew le minħabba din l-inġerenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Österreichischer Rundfunk et, C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 75). |
34 |
Minn dan jirriżulta li l-obbligu impost mill-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2006/24 lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni li jżommu għal ċertu żmien data relatata mal-ħajja privata ta’ persuna u mal-komunikazzjonijiet tagħha, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jikkostitwixxi fih innifsu inġerenza fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta. |
35 |
Barra minn hekk, l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data jikkostitwixxi inġerenza supplimentari f’dan id-dritt fundamentali (ara, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB, is-sentenzi tal-Qorti EDB, Leander vs L‑Isvezja, 26 ta’ Marzu 1987, Serje A Nru 116, § 48; Rotaru vs Ir‑Rumanija [GC], Nru 28341/95, § 46, KEDB 2000‑V, kif ukoll Weber u Saravia vs Il‑Ġermanja (Diċ.), Nru 54934/00, § 79, KEDB 2006‑XI). B’hekk, l-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 2006/24, li jipprovdu regoli dwar l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data, jikkostitwixxu wkoll inġerenza fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta. |
36 |
Bl-istess mod, id-Direttiva 2006/24 tikkostitwixxi wkoll inġerenza fid-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali ggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta, peress li hija tipprevedi trattament tad-data ta’ natura personali. |
37 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-inġerenza li tikkomporta d-Direttiva 2006/24 fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tirriżulta, hekk kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali b’mod partikolari fil-punti 77 u 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, li hija ta’ daqs kbir, u li għandha titqies li hija partikolarment gravi. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li ż-żamma tad-data u l-użu ulterjuri tagħha ssir mingħajr ma l-abbonat jew l-utent irreġistrat jiġi informat dwar dan il-fatt jista’ joħloq fil-ħsieb tal-persuni kkonċernati, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sentiment li l-ħajja privata tagħhom hija suġġetta għal sorveljanza kostanti. |
Fuq il-ġustifikazzjoni tal-inġerenza fid-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta
38 |
Konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti minnha għandha tkun prevista mil-liġi, tirrispetta l-kontenut essenzjali tagħhom u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet u libertajiet biss jekk ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor. |
39 |
Fir-rigward tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tad-drittijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk iż-żamma tad-data imposta mid-Direttiva 2006/24 tikkostitwixxi inġerenza partikolarment gravi f’dawn id-drittijiet, hija ma hijiex tali li tippreġudika l-imsemmi kontenut ġaladarba, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tagħha, din id-direttiva ma tippermettix li tittieħed konjizzjoni tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħala tali. |
40 |
Din iż-żamma tad-data lanqas ma hija tali li tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Karta, minħabba l-fatt li d-Direttiva 2006/24 tipprevedi, fl-Artikolu 7 tagħha, regola dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data li tgħid li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tad-Direttivi 95/46 u 2002/58, ċerti prinċipji ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà tad-data għandhom jiġu osservati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, li skont dawn il-prinċipji l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi approprjati kontra l-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf jew l-alterazzjoni aċċidentali tad-data. |
41 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija inġerenza tissodisfax għan ġenerali, għandu jiġi osservat li, għalkemm id-Direttiva 2006/24 hija intiża li tarmonizza d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-obbligi tal-imsemmija fornituri fir-rigward taż-żamma ta’ ċerta data li hija ġġenerata jew ipproċessata minn dawn tal-aħħar, l-għan sostantiv ta’ din id-direttiva huwa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, li jiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ din id-data għal finijiet ta’ riċerka, ta’ identifikazzjoni u ta’ prosekuzzjoni tar-reati gravi hekk kif inhuma ddefiniti minn kull Stat Membru fid-dritt intern tiegħu. L-għan sostantiv ta’ din id-direttiva huwa, għalhekk, li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità gravi u b’hekk, finalment, is-sigurtà pubblika. |
42 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali bil-għan taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 363, kif ukoll Al‑Aqsa vs Il‑Kunsill, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 130). L-istess jgħodd għall-ġlieda kontra l-kriminalità gravi sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tsakouridis, C‑145/09, EU:C:2010:708, punti 46 u 47). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 6 tal-Karta ma jsemmix biss id-dritt ta’ kull persuna għal-libertà, iżda wkoll għas-sigurtà. |
43 |
F’dan ir-rigward, mill-premessa 7 tad-Direttiva 2006/24 jirriżulta li, minħabba ż-żieda kbira tal-possibbiltajiet offerti mill-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-Kunsill “Ġustizzja u Affarijiet Interni” tad‑19 ta’ Diċembru 2002 qies li d-data dwar l-użu tagħhom hija partikolarment importanti u għaldaqstant tikkostitwixxi strument utli fil-prevenzjoni tar-reati u l-ġlieda kontra l-kriminalità, b’mod partikolari l-kriminalità organizzata. |
44 |
Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li ż-żamma tad-data sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jkollhom aċċess eventwali għaliha, hekk kif impost mid-Direttiva 2006/24, effettivament tissodisfa għan ta’ interess ġenerali. |
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi vverifikata l-proporzjonalità tal-inġerenza kkonstatata. |
46 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu idonei sabiex jiksbu l-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li hu xieraq u neċessarju għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Afton Chemical, C‑343/09, EU:C:2010:419, punt 45; Volker und Markus Schecke u Eifert, EU:C:2010:662, punt 74; Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 71; Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 50; kif ukoll Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 29). |
47 |
Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, ġaladarba jinsabu inkwistjoni inġerenzi fi drittijiet fundamentali, il-portata tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tista’ tirriżulta li hija limitata skont ċertu numru ta’ elementi, fosthom, b’mod partikolari, il-qasam ikkonċernat, in-natura tad-dritt inkwistjoni ggarantit mill-Karta, in-natura u l-gravità tal-inġerenza kif ukoll l-għan tagħha (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB, is-sentenza tal-Qorti EDB, S u Marper vs Ir‑Renju Unit [GC], Nri 30562/04 u 30566/04, 102, KEDB 2008‑V). |
48 |
F’dan il-każ, fid-dawl, minn naħa, tar-rwol importanti li għandha l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali fir-rigward tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u, min-naħa l-oħra, tad-daqs u tal-gravità tal-inġerenza f’dan id-dritt li għandha d-Direttiva 2006/24, is-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni tirriżulta mnaqqsa b’tali mod li jkun meħtieġ li jsir stħarriġ strett. |
49 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk iż-żamma tad-data hijiex idonea għat-twettiq tal-għan segwit mid-Direttiva 2006/24, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-importanza dejjem tikber tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika, id-data li għandha tinżamm skont din id-direttiva tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam ta’ prosekuzzjonijiet kriminali jkollhom possibbiltajiet addizzjonali ta’ kjarifika tar-reati gravi u, f’dan ir-rigward, għaldaqstant tikkostitwixxi strument utli għall-investigazzjonijiet kriminali. B’hekk, iż-żamma ta’ tali data tista’ titqies li hija idonea sabiex tikseb l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva. |
50 |
Din l-evalwazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni biċ-ċirkustanza, imsemmija b’mod partikolari minn C. Tschohl u M. Seitlinger, kif ukoll mill-Gvern Portugiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jeżistu numru ta’ metodi ta’ komunikazzjoni elettronika li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/24 jew li jippermettu komunikazzjoni anonima. Għalkemm, ċertament, din iċ-ċirkustanza hija tali li tillimita l-idoneità tal-miżura ta’ żamma tad-data biex tikseb l-għan imfittex, madankollu hija ma hijiex tali li tirrendi din il-miżura inadatta, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 137 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
51 |
Fir-rigward tan-natura neċessarja taż-żamma tad-data imposta mid-Direttiva 2006/24, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, ċertament, il-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, b’mod partikolari kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, hija ta’ importanza ewlenija biex tiġi ggarantita s-sigurtà pubblika u l-effikaċja tagħha tista’ tiddependi kunsiderevolment mill-użu tat-tekniki moderni ta’ investigazzjoni. Madankollu, tali għan ta’ interess ġenerali, fundamentali kemm huwa fundamentali, ma jistax, waħdu, jiġġustifika l-fatt li miżura ta’ żamma bħal ma hija dik stabbilita bid-Direttiva 2006/24 titqies li hija neċessarja għall-finijiet tal-imsemmija ġlieda. |
52 |
Fir-rigward tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, il-protezzjoni ta’ dan id-dritt fundamentali tirrikjedi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe każ, li d-derogi għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti tal-minimu neċessarju (sentenza IPI, C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
53 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tad-data ta’ natura personali, li tirriżulta mill-obbligu espliċitu previst fl-Artikolu 8(1) tal-Karta, għandha importanza partikolari għad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilita fl-Artikolu 7 tagħha. |
54 |
B’hekk, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti b’tali mod li l-persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li tiġi protetta effikaċjement id-data ta’ natura personali tagħhom kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-KEDB, is-sentenzi tal-Qorti EDB, Liberty et vs Ir‑Renju Unit, Nru 58243/00, § 62 u 63, tal‑1 ta’ Lulju 2008; Rotaru vs Ir‑Rumanija, iċċitata iktar ’il fuq, § 57 sa 59; kif ukoll S u Marper vs Ir‑Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, § 99). |
55 |
Il-ħtieġa li wieħed ikollu tali garanziji tkun wisq iżjed importanti meta, hekk kif tipprevedi d-Direttiva 2006/24, id-data ta’ natura personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatiku u meta jeżisti riskju kbir ta’ aċċess illegali għal din id-data (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 8 tal‑KEDB, is-sentenzi tal-Qorti EDB, S u Marper vs Ir‑Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, § 103, kif ukoll M. K. vs Franza, nru 19522/09, § 35, tat‑18 ta’ April 2013). |
56 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-inġerenza li ġġib magħha d-Direttiva 2006/24 hijiex limitata għall-minimu neċessarju, għandu jiġi osservat li din id-direttiva timponi, konformement mal-Artikolu 3 tagħha moqri flimkien mal‑Artikolu 5(1) tagħha, iż-żamma tad-data kollha dwar it-traffiku li jikkonċerna t-telefonija fissa, it-telefonija mobbli, l-aċċess għall-internet, il-posta elettronika permezz tal-internet kif ukoll it-telefonija permezz tal-internet. B’hekk, hija ssemmi l-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika li l-użu tagħhom huwa mifrux ħafna u li huwa ta’ importanza dejjem tikber fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kulħadd. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 3 tagħha, l-imsemmija direttiva tkopri l-abbonati u l-utenti rreġistrati kollha. Għaldaqstant hija tikkomporta inġerenza fid-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni Ewropea kważi kollha. |
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 2006/24 tkopri b’mod ġeneralizzat kull persuna u l-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika kif ukoll id-data kollha dwar it-traffiku mingħajr ma jsir ebda differenzjar, limitazzjoni jew eċċezzjoni skont l-għan tal-ġlieda kontra r-reati gravi. |
58 |
Fil-fatt, minn naħa, id-Direttiva 2006/24 tikkonċerna b’mod globali l-persuni kollha li jużaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, madankollu mingħajr ma l-persuni li d-data tagħhom tinżamm ikunu jinsabu, anki indirettament, f’sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal prosekuzzjoni kriminali. Għaldaqstant hija tapplika anki għal persuni li għalihom ma teżisti ebda indikazzjoni tali li tagħti x’tifhem li l-aġir tagħhom jista’ jkollu rabta, anki indiretta jew imbiegħda, ma’ reati gravi. Barra minn hekk, hija ma tipprovdi ebda eċċezzjoni, b’tali mod li hija tapplika wkoll għal persuni li l-komunikazzjonijiet tagħhom huma suġġetti, skont ir-regoli tad-dritt naturali, għas-sigriet professjonali. |
59 |
Min-naħa l-oħra, filwaqt li hija intiża li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, l-imsemmija direttiva ma tirrikjedi ebda relazzjoni bejn id-data li ż-żamma tagħha hija prevista u theddida għas-sigurtà pubblika u, b’mod partikolari, hija ma hijiex limitata għaż-żamma li jew tikkonċerna data relatata ma’ perijodu fiż-żmien u/jew żona ġeografika determinata u/jew ċirku ta’ persuni speċifiċi li jistgħu b’xi mod jew ieħor ikunu involuti f’reat, jew tikkonċerna persuni li jistgħu, għal raġunijiet oħra, jikkontribwixxu, biż-żamma tad-data tagħhom, għall-prevenzjoni, għall-identifikazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ reati gravi. |
60 |
Fit-tieni lok, ma’ din l-assenza ġenerali ta’ limiti jiżdied il-fatt li d-Direttiva 2006/24 ma tipprovdi ebda kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġi ddelimitat l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data u l-użu ulterjuri tagħha għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ identifikazzjoni u ta’ prosekuzzjoni kriminali ta’ reati li jistgħu, fir-rigward tal-kobor u tal-gravità tal-inġerenza fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jitqiesu li huma suffiċjentement gravi biex jiġġustifikaw tali inġerenza. Kontra dan kollu, id-Direttiva 2006/24 sempliċement tieħu ħsieb li tirreferi, fl-Artikolu 1(1) tagħha, b’mod ġenerali għar-reati gravi kif inhuma ddefiniti minn kull Stat Membru fid-dritt intern tiegħu. |
61 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data u għall-użu ulterjuri tagħha, id-Direttiva 2006/24 ma tinkludix il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali marbuta ma’ dan l-aċċess. L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, li jirregola l-aċċess ta’ dawn l-awtoritajiet għad-data miżmuma, ma jistipulax espressament li dan l-aċċess u l-użu ulterjuri tad-data inkwistjoni għandu jkun strettament ristrett għal finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ identifikazzjoni ta’ reati gravi preċiżament iddelimitati jew ta’ prosekuzzjonijiet kriminali relatati magħhom, iżda sempliċement jipprevedi li kull Stat Membru għandu jiddeċiedi l-proċedura li għandha tiġi segwita u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti biex ikun hemm aċċess għad-data miżmuma b’osservanza tar-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità. |
62 |
B’mod partikolari, id-Direttiva 2006/24 ma tipprevedi ebda kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġi llimitat in-numru ta’ persuni li għandhom l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess u ta’ użu ulterjuri tad-data miżmuma għall-minimu neċessarju fir-rigward tal-għan imfittex. Fuq kollox, l-aċċess għad-data miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma huwiex suġġett għal verifika minn qabel imwettqa jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti li d-deċiżjoni tagħha tkun intiża li tillimita l-aċċess għad-data u l-użu tagħha għall-minimu neċessarju għall-finijiet tal-kisba tal-għan imfittex u jsir wara talba mmotivata ta’ dawn l-awtoritajiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ identifikazzjoni jew ta’ prosekuzzjoni kriminali. Lanqas ma ġie previst obbligu speċifiku tal-Istati Membri intiż li jistabbilixxi tali limitazzjonijiet. |
63 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tat-tul taż-żamma tad-data, id-Direttiva 2006/24 timponi, fl-Artikolu 6 tagħha, iż-żamma tagħha matul perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur mingħajr ma ssir ebda distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ data previsti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva skont l-utilità eventwali tagħha għall-finijiet tal-għan imfittex jew skont il-persuni kkonċernati. |
64 |
Dan it-tul jinsab, barra minn hekk, bejn minimu ta’ sitt xhur u massimu ta’ erba’ u għoxrin xahar, mingħajr ma qed jiġi speċifikat li d-determinazzjoni tat-tul ta’ żamma għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi sabiex jiġi ggarantit li dan it-tul huwa limitat għall-minimu neċessarju. |
65 |
Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2006/24 ma tipprovdix regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata tal-inġerenza fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li din id-direttiva tikkomporta inġerenza f’dawn id-drittijiet fundamentali ta’ kobor vast u ta’ gravità partikolari fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni mingħajr ma tali inġerenza tkun preċiżament irregolata minn dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġi ggarantit li hija effettivament limitata għall-minimu neċessarju. |
66 |
Barra minn hekk, fir-rigward tar-regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew għan-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2006/24 ma tipprevedix garanziji suffiċjenti, hekk kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 8 tal-Karta, li jippermettu li tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tad-data miżmuma kontra r-riskji ta’ abbuż kif ukoll kontra kull aċċess u kull użu illegali ta’ din id-data. Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/24 ma jipprovdix regoli speċifiċi u adatti għall-kwantità vasta tad-data li ż-żamma tagħha hija imposta minn din id-direttiva, dwar in-natura sensittiva ta’ din id-data kif ukoll dwar ir-riskju ta’ aċċess illegali għaliha, liema regoli huma b’mod partikolari intiżi li jirregolaw b’mod ċar u strett il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data inkwistjoni, sabiex tiġi ggarantita l-integrità u l-kunfidenzjalità sħiħa tagħha. Barra minn hekk, lanqas ma kien previst obbligu preċiż tal-Istati Membri intiż biex jiġu stabbiliti tali regoli. |
67 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/24, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/58 u mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 95/46, ma jiggarantixxix li jiġi applikat livell partikolarment għoli ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà mill-fornituri permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi, iżda jawtorizza b’mod partikolari lil dawn il-fornituri jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi ekonomiċi meta jiġu biex jiddeterminaw il-livell ta’ sigurtà li japplikaw, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ implementazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà. B’mod partikolari, id-Direttiva 2006/24 ma tiggarantixxix il-qerda irrimedjabbli tad-data fi tmiem it-terminu ta’ żamma tagħhom. |
68 |
Fit-tieni lok, għandu jingħad ukoll li l-imsemmija direttiva ma timponix li d-data inkwistjoni tinżamm fit-territorju tal-Unjoni, b’tali mod li ma jistax jitqies li huwa ggarantit għal kollox l-istħarriġ minn awtorità indipendenti, espliċitament rikjest mill-Artikolu 8(3) tal-Karta, tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà, hekk kif jissemmew fiż-żewġ punti preċedenti. Issa, tali stħarriġ, imwettaq abbażi tad-dritt tal-Unjoni, jikkostitwixxi element essenzjali tar-rispett tal-protezzjoni tal-persuni fir-rigward tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑614/10, EU:C:2012:631, punt 37). |
69 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jitqies li, billi adotta d-Direttiva 2006/24, il-leġiżlatur tal-Unjoni mar lil hinn mil-limiti imposti mill-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta. |
70 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-validità tad-Direttiva 2006/24 fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Karta. |
71 |
Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda (b) sa (d), fil-Kawża C‑293/12 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑594/12 tkun li d-Direttiva 2006/24 hija invalida. |
Fuq l-ewwel domanda u t-tieni domanda (a) u (e), kif ukoll fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑293/12 u fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑594/12
72 |
Minn dak li ġie deċiż fil-punt preċedenti jirriżulta li ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda, għat-tieni domanda (a) u (e), u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑293/12 kif ukoll għat-tieni domanda fil-Kawża C‑594/12. |
Fuq l-ispejjeż
73 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li għandhom jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE, hija invalida. |
Firem |
( *1 ) Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u l-Ġermaniż.