EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0343

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fit-2 ta’ April 2020.
Verein für Konsumenteninformation vs Volkswagen AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesgericht Klagenfurt.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 7(2) – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Post fejn seħħ il-fatt dannuż – Post fejn seħħet il-ħsara – Manipulazzjoni tad-data dwar l-emmissjoni tal-gassijiet tal-egżost ta’ magni mmanifatturati minn manifattur tal-vetturi bil-mutur.
Kawża C-343/19.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:253

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit-2 ta’ April 2020 ( 1 )

Kawża C‑343/19

Verein für Konsumenteninformation

vs

Volkswagen AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (UE) Nru 1215/2012 — Ġurisdizzjoni f’materja ta’ responsabbiltà ta’ delitt jew kważi delitt — Post fejn seħħ l-avveniment dannuż — Manipulazzjoni tal-valuri ta’ emissjoni ta’ gass fil-magni tal-karozzi”

1.

Fl‑1976, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tqajmet għall-ewwel darba kwistjoni li l-leġiżlatur kien ħalla miftuħa fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 2 ). Kellu jiġi stabbilit jekk, sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni, il-“post fejn seħħ l-avveniment dannuż” kienx dak fejn seħħ dan id-dannu, jew dak fejn seħħ l-avveniment li rriżulta fid-dannu ( 3 ).

2.

Sabiex tingħata interpretazzjoni utli għas-sistema tad-distribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet il-possibbiltà li tirrikorri għaż-żewġ punti ta’ rabta. Is-soluzzjoni (li kienet l-iktar waħda raġonevoli għal dik il-kawża) inbidlet f’paradigma. Fil-livell purament teoretiku, ma hemmx nuqqas ta’ tifsira, peress li kwalunkwe responsabbiltà mhux kuntrattwali teħtieġ avveniment, dannu u rabta kawżali bejniethom.

3.

Fil-prattika, is-soluzzjoni ma hijiex daqshekk ċara, ħlief f’każijiet sempliċi, bħal dak riżolt permezz tas-sentenza Bier. Ma huwiex, b’mod partikolari, meta d-dannu, minħabba n-natura tiegħu, ma jkunx tanġibbli: dan huwa l-każ fejn ikun hemm danni li ma jaffettwawx l-integrità fiżika ta’ individwu jew ta’ oġġett partikolari, iżda, b’mod ġenerali, jaffettwaw il-patrimonju.

4.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, li indirizzat dawn il-problemi f’diversi okkażjonijiet u minn aspetti differenti ( 4 ), issa għandha l-opportunità li tfassal il-ġurisprudenza tagħha fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 5 ).

I. Il-kuntest ġuridiku. Ir-Regolament Nru 1215/2012

5.

Fil-premessa 16 tiegħu jiġi ddikjarat li:

“Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama”.

6.

Il-Kapitolu II (“Ġurisdizzjoni”) fih taqsima intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” (Artikolu 4, 5 u 6) u oħra msemmija “Ġurisdizzjoni speċjali” (Artikoli 7, 8 u 9).

7.

Skont l-Artikolu 4:

“1.   Suġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.

[…]”

8.

Skont l-Artikolu 7:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

2)

fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”.

II. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9.

Verein für Konsumenteninformation (iktar ’il quddiem, “VKI”) hija organizzazzjoni tal-konsumaturi ddomiċiljata fl-Awstrija. Fost l-għanijiet tal-kumpannija tagħha hemm, inter alia, l-eżerċizzju ta’ azzjonijiet legali għad-difiża tad-drittijiet tal-konsumaturi, li dawn tal-aħħar jagħtuha għal dan l-għan.

10.

Fis‑6 ta’ Settembru 2018, VKI ressqet lil Volkswagen AG, kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż iddomiċiljata fil-Ġermanja, fejn timmanifattura vetturi bil-mutur, quddiem il-qorti tar-rinviju.

11.

Fir-rikors tagħha, VKI teżerċita d-drittijiet kumpensatorji mogħtija minn ħames mija, erbgħa u sebgħin xerrej tal-vetturi. Barra minn hekk, hija titlob id-dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà ta’ Volkswagen fir-rigward ta’ xi danni u preġudizzji futuri li għad iridu jiġu kkwantifikati. Iż-żewġ talbiet huma marbuta mal-installazzjoni, fil-vetturi mixtrija, ta’ tagħmir għar-riduzzjoni tal-kontroll (softwer ta’ manipulazzjoni) li fil-bank tat-test kien jaħbi l-valuri reali ta’ emissjoni mill-egżost, li jmur kontra l-istandards tad-dritt tal-Unjoni ( 6 ).

12.

VKI tallega li l-konsumaturi kollha li tawha d-drittijiet tagħhom, fl-Awstrija kienu xtraw, kemm minn konċessjonarju professjonali kif ukoll minn bejjiegħ partikolari, vetturi mgħammra b’magna mibnija minn Volkswagen. Dawn ix-xirjiet saru qabel ma ħarġu fil-pubbliku, fit‑18 ta’ Settembru 2015, il-manipulazzjonijiet tal-gassijiet tal-egżost imwettqa mill-manifattur.

13.

Fil-fehma ta’ VKI, id-dannu kkawżat lis-sidien tal-vetturi jikkonsisti fil-fatt li, kieku kienu jafu dwar il-manipulazzjoni rrappurtata, x’aktarx li ma kinux jixtru l-vetturi, jew inkella kienu jixtruhom bi prezz iktar baxx. Id-differenza bejn il-prezz ta’ vettura mmanipulata u dak li effettivament ġie mħallas tikkostitwixxi dannu li rriżulta mill-fiduċja mogħtija, li għandu jiġi kkumpensat. Sussidjarjament, VKI tibbaża t-talba tagħha fuq il-fatt li, kemm fis-suq tal-karozzi ġodda kif ukoll fis-suq tal-karozzi użati, il-valur ta’ vettura mmanipulata huwa notevolment inqas minn dak ta’ vettura mhux immanipulata.

14.

VKI tallega wkoll li d-dannu mġarrab mix-xerrejja żdied minħabba l-konsum ikbar ta’ kombustibbli, il-prestazzjoni iktar baxxa ta’ dawn il-vetturi jew tal-magna tagħhom jew it-tkagħbir bl-użu ikbar. Barra minn hekk, huwa mistenni tnaqqis addizzjonali tal-valur tas-suq fil-vetturi affettwati, li għandhom ir-riskju li jsofru minn żvantaġġi oħrajn, bħall-projbizzjoni tas-sewqan jew ir-revoka tal-liċenzja tat-triq. Fil-mument li ġie ppreżentat ir-rikors, xi wħud minn dawn id-danni għadhom ma humiex kwantifikabbli jew ma mmaterjalizzawx ruħhom, u għaldaqstant it-talba ta’ VKI f’dan l-aspett hija purament dikjaratorja.

15.

Mill-perspettiva tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li quddiemha ġie ppreżentat ir-rikors, VKI tinvoka l-Artikolu 7(2) tar-Regolament.

16.

Volkswagen titlob li jiġu miċħuda t-talbiet ta’ VKI u topponi l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju.

17.

F’dan il-kuntest, il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija) tagħmel id-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-‘post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq’ jista’ jinftiehem bħala l-post fi Stat Membru fejn seħħ id-dannu, meta dan id-dannu jkun jikkonsisti esklużivament f’dannu finanzjarju li jkun ir-riżultat dirett ta’ att illegali mwettaq fi Stat Membru ieħor?”

III. Analiżi

A. Introduzzjoni

18.

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament, li joffri lir-rikorrent qorti alternattiva għal dik ġenerali (jiġifieri, il-qorti li tikkorrispondi għad-domiċilju tal-konvenut fi Stat Membru, prevista fl-Artikolu 4(1)), dejjem kien ta’ sfida għal min hu responsabbli li jwettaq l-interpretazzjoni ( 7 ).

19.

Minħabba n-numru u l-eteroġeneità tas-sitwazzjonijiet xierqa sabiex titressaq azzjoni “f’materja ta’ delitt jew kważi delitt”, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha taffaċċja l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni f’kuntesti differenti ħafna u, tul iż-żmien, kuntesti differenti wkoll minn dawk immaġinati meta ġiet adottata ( 8 ). Kienet ir-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tadattah u ssaħħu, minħabba d-domandi preliminari magħmula mill-Istati Membri ( 9 ).

20.

Madankollu, jeżistu diversi mudelli invarjabbli fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni: il-funzjoni ċentrali tal-prinċipji li jippreseduha, jiġifieri, il-prinċipju tal-prevedibbiltà tar-regoli (għall-partijiet) u dak tal-prossimità bejn il-qorti kompetenti u t-tilwima; it-tħassib sabiex tinżamm l-utilità tar-regola speċjali, fil-qafas tas-sistema ta’ delimitazzjoni tal-ġurisdizzjoni, mingħajr ma dan, madankollu, jawtorizza interpretazzjoni estensiva ( 10 ); u n-newtralità ta’ din ir-regola fir-rigward tal-partijiet. L-interpretazzjoni, f’kull każ, hija awtonoma, indipendenti kemm fid-definizzjoni ta’ “avveniment” u “dannu” fir-regolamenti nazzjonali kif ukoll fir-reġim sostantiv applikabbli għar-responsabbiltà ċivili ( 11 ).

21.

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament, jassumi rabta partikolarment mill-qrib bejn il-qorti u t-tilwima. Din ir-rabta sservi sabiex tiżgura ċ-ċertezza legali u sabiex tevita l-possibbiltà li individwu jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan l-individwu ma setax jipprevedi b’mod raġonevoli. Barra minn hekk, tiffaċilita amministrazzjoni stretta tal-ġustizzja u li l-proċedura tiġi ssostanzjata b’mod xieraq ( 12 ).

22.

Meta l-imġiba illeċita u l-konsegwenzi tagħha jinsabu fi Stati Membri differenti, il-kriterju tal-ġurisdizzjoni jitwessa’, billi jiġi aċċettat li, f’materji ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, iż-żewġ postijiet joffru rabta sinjifikattiva mat-tilwima. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrent jista’ jagħżel bejn iż-żewġ ġurisdizzjonijiet fil-mument li jitlob l-azzjoni tiegħu.

23.

Il-kriterju previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament iżomm għalhekk l-effett utli tiegħu, li jintilef jekk id-dispożizzjoni tiġi interpretata biss bħala post tal-avveniment kawżali, peress li dan tal-aħħar normalment jikkoinċidi mad-domiċilju tal-konvenut ( 13 ). Id-duplikazzjoni tal-qrati ma ġiet abbandunata fl-ebda każ ( 14 ).

24.

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament ma ġiex maħsub bħala qorti għall-protezzjoni tar-rikorrent. Għalkemm, minn perspettiva sistematika, jista’ jinftiehem bħala kumpens fil-konfront tar-regola actor sequitor rei ( 15 ), dan ma jimplikax li għandu jiġi applikat, sistematikament, b’mod favorevoli għall-qrati tal-Istat tad-domiċilju tal-vittma (forum actoris) ( 16 ). Dan ġie aċċettat biss meta (u għax) il-post tad-domiċilju tal-vittma huwa wkoll il-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu ( 17 ).

25.

Abbażi ta’ dawn il-fatturi, billi kkombinathom, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat mudelli għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament fir-rigward tal-“post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu”, xi drabi f’kuntest ta’ ġeneralità u drabi oħra f’oqsma speċifiċi:

B’mod ġenerali, u għal dak li huwa ta’ interess hawnhekk, ċaħdet il-kategoriji irrilevanti ta’ danni: huwa importanti biss, għall-finijiet tad-dispożizzjoni, dak inizjali u mhux dak konsekuttiv ( 18 ); dak li esperjenzat direttament il-vittma biss, u mhux dak batut minn ieħor b’mod “indirett” ( 19 ).

Fir-rigward ta’ ċerti oqsma speċifiċi (pereżempju, ir-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet tal-personalità fuq l-internet) aċċettat il-kriterju taċ-ċentru ewlieni tal-interessi tal-vittma ( 20 ). Għaldaqstant ippruvat issib il-bilanċ favur il-proprjetarju tad-dritt, billi tikkumpensa t-totalità tal-internet ( 21 ).

26.

Meta l-allegat dannu jkun purament finanzjarju, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet xi kriterji li ser nagħmel riferiment għalihom iktar ’il quddiem.

B. Ir-risposta għad-domanda preliminari

27.

Sabiex nirrispondi għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, simili għal dik li oriġinat fis-sentenza Unviersal, l-ewwel nett hemm il-ħtieġa li tiġi ċċarata n-natura tad-dannu allegat: jekk huwiex inizjali jew konsekuttiv, u jekk huwiex materjali jew purament finanzjarju ( 22 ). Huwa meħtieġ ukoll li jiġi ddeterminat jekk il-persuni li taw id-drittijiet tagħhom lil VKI, bħala kredituri għall-kumpens mitlub, humiex vittmi diretti jew indiretti.

28.

Sussegwentement, skont il-karatterizzazzjoni tad-dannu, għandu jiġi speċifikat il-post rilevanti għal finijiet ġurisdizzjonali.

29.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk ir-riżultat li nkiseb fl-operazzjoni preċedenti jistax jiġi kkorreġut skont il-kunsiderazzjonijiet ta’ prevedibbiltà u ta’ prossimità. Inqis li huwa importanti li nindika minn issa li risposta pożittiva tfisser bidla sostanzjali fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament li kienu użati sal-lum.

30.

Fl-osservazzjonijiet tagħhom, l-intervenjenti esprimew eżitazzjonijiet oħra dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni, iżda peress li dawn ma jidhrux fid-digriet tar-rinviju, mhux ser nieħu pożizzjoni dwar dan ( 23 ),

1.   In-natura tad-dannu: inizjali jew konsekuttiv, tanġibbli jew patrimonjali. Vittmi diretti jew indiretti

31.

Il-qorti tar-rinviju tqis li d-dannu jinsab fis-softwer innifsu li, billi huwa integrat fil-vettura, jikkostitwixxi difett fiha. Hija tikklassifikah bħala dannu inizjali, peress li t-tnaqqis fil-patrimonju tax-xerrejja huwa dannu purament konsekuttiv ( 24 ).

32.

Tagħmel riferiment ukoll għal min ġarrab id-dannu: jekk humiex il-konsumaturi rrappreżentati minn VKI jew ix-xerrejja kollha tal-karozza, billi tibda mill-ewwel konċessjonarji u l-importaturi. F’din it-tieni ipoteżi, il-persuni li VKI qiegħda tiddefendi d-drittijiet tagħhom, li jinsabu fil-qiegħ tal-katina, ma jkunux vittmi diretti.

33.

Waqt l-investigazzjoni tan-natura tad-dannu huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn l-ambitu tal-avvenimenti kawżali u dak tal-konsegwenzi (danni) li jixkattawh:

Il-manifattura ta’ prodott, bid-difetti jew mingħajrhom, tinsab fl-ewwel ambitu. Hekk ġie mifhum mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Zuid-Chemie, fir-rigward tar-responsabbiltà għal danni li jirriżultaw minn prodott difettuż ( 25 ).

Id-danni (rectius, il-preġudizzji) huma l-konsegwenzi negattivi tal-avvenimenti fl-isfera tal-interessi legali protetti ta’ rikorrent ( 26 ).

34.

Minn din il-premessa, f’din il-kawża, l-avveniment kawżali jikkonsisti fl-installazzjoni, matul il-proċess ta’ manifattura tal-vettura, tas-softwer li jbiddel id-data dwar l-emissjonijiet tal-gass.

35.

Id-dannu li rriżulta minn dan l-avveniment għandu, fil-fehma tiegħi, natura inizjali u patrimonjali.

36.

F’ċirkustanzi normali (l-assenza ta’ kwalunkwe difett), ix-xiri ta’ prodott jikkontribwixxi għall-patrimonju li fih jiġi integrat valur ekwivalenti, mill-inqas, għall-valur li joħroġ minnu (u li, f’każ ta’ xiri jew bejgħ, huwa rrappreżentat mill-prezz li jitħallas għall-prodott).

37.

Meta l-valur tal-vettura huwa inqas mill-prezz imħallas, diġà fil-mument tax-xiri, peress li tinxtara b’difett tal-oriġini, il-prezz imħallas totalment ma jikkorrispondix għall-valur li ġie rċevut. Id-differenza bejn il-prezz imħallas u l-valur tal-oġġett tanġibbli rċevut bi skambju jiġġenera dannu patrimonjali simultanju għax-xiri tal-vettura (li mhux se jiġi skopert, madankollu, qabel ma jgħaddi xi żmien).

38.

L-eżistenza tal-vettura, bħala oġġett tanġibbli, timpedixxi l-klassifikazzjoni tad-dannu patrimonjali? Ma naħsibx li dan huwa l-każ. Meta l-kwalitajiet veritieri tal-karozza ġew ippubblikati, ix-xerrejja tagħha ma skoprewx li kellhom vettura inqas jew vettura oħra, iżda vettura b’valur iktar baxx: fil-qosor, patrimonju iktar baxx. Il-vettura, bħala oġġett fiżiku, tissimbolizza t-tnaqqis patrimonjali u tippermetti l-invidwalizzazzjoni tal-oriġini ta’ dan id-dannu. Madankollu ma tibdilx, f’dan il-każ, l-essenza mhux tanġibbli tad-dannu li ġarrbu x-xerrejja minħabba l-manipulazzjoni tas-softwer.

39.

Nerġa’ nirrepeti, dan id-dannu patrimonjali huwa dannu inizjali u mhux konsekuttiv: huwa jirriżulta direttament mill-avveniment kawżali (il-manipulazzjoni tal-magna) u mhux minn dannu preċedenti mġarrab mir-rikorrent u li oriġina mill-istess avveniment.

40.

Fir-rigward tal-kwalità tal-vittmi, nifhem li dawk li xtraw il-karozzi (u taw id-drittijiet tagħhom lil VKI sabiex dawn jiġu difiżi fir-rikors) huma vittmi diretti skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament. Id-dannu li jallegaw ma huwiex konsegwenza ta’ dannu preċedenti mġarrab minn persuni oħra qabilhom.

41.

Fil-fatt, it-telf ta’ valur tal-vetturi ma ġiex rifless sakemm ġiet ippubblikata l-manipulazzjoni tal-magni. Ir-rikorrenti jistgħu jkunu, f’xi każijiet, utenti finali li rċevew il-vettura ta’ xerrej ieħor preċedenti: iżda dan tal-aħħar ma esperjenzax danni, peress li d-dannu, li dak iż-żmien kien latenti, ma ġiex iddikjarat qabel ma għadda ċertu żmien, li mbagħad affettwa lill-proprjetarju ta’ wara. Għal din ir-raġuni ma huwiex possibbli li wieħed jitkellem dwar l-impatt tad-danni tal-ewwel xerrejja fuq ix-xerrejja sussegwenti.

2.   Post fejn seħħ l-avveniment kawżali tad-dannu

42.

Il-qorti nazzjonali tistaqsi biss dwar id-determinazzjoni tal-post fejn seħħ id-dannu, mhux dwar il-post fejn seħħ l-avveniment li kkawżah. Fid-digriet tar-rinviju huwa ċar li, fil-fehma tagħha, l-avveniment li jagħti lok għad-danni (l-avveniment kawżali) seħħ fejn ġew immanifatturati l-vetturi mmanipulati, jiġifieri, fil-Ġermanja.

43.

Għaldaqstant, f’konformità mar-regola ġenerali, il-manifattur tal-vetturi, bħala individwu ddomiċiljat fil-Ġermanja, huwa, bħala prinċipju, suġġett għall-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Madankollu, peress li l-oriġini tat-talba hija reat ta’ delitt jew kważi delitt, dan l-individwu jista’ jitħarrek ukoll fi Stat Membru ieħor, preċiżament quddiem il-qrati tal-post fejn seħħ id-dannu.

3.   Il-post fejn iseħħ id-dannu

a)   L-approċċ ġenerali

1) Lokalizzazzjoni ta’ dannu purament finanzjarju fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

44.

It-talba ta’ VKI ma hijiex ibbażata, bħalma diġà osservajt, fuq id-dannu tanġibbli lil individwu jew oġġett, iżda fuq dannu purament finanzjarju.

45.

Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-post fejn iseħħ id-dannu huwa dak fejn il-konsegwenzi avversi ta’ avveniment jimmanifestaw ruħhom b’mod konkret ( 27 ).

46.

L-assenza ta’ dannu fiżiku jagħmel l-identifikazzjoni ta’ dan il-post diffiċli u joħloq inċertezzi sa mill-bidu tal-proċedura. Fl-istess ħin, din l-istess assenza toħloq dubju dwar l-opportunità li dan il-post jintgħażel bħala regola ta’ ġurisdizzjoni, għall-finijiet tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament. Ma huwiex sorprendenti li, fis-sensiela ta’ domandi preliminari magħmula qabel din, ġie ssuġġerit li l-Qorti tal-Ġustizzja tabbanduna l-għażla bejn il-post tal-avveniment u l-post tad-dannu għal sitwazzjonijiet ta’ dannu patrimonjali biss ( 28 ).

47.

Fil-verità jeżistu argumenti favur din il-proposta. Il-qsim fi tnejn tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma huwiex imperattiva fl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni; hija ġġustifikata għaliex, u jekk, l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni sservi għal “[xi] bżonn oġġettiv fir-rigward ta’ evidenza jew it-tmexxija tal-proċeduri” ( 29 ). L-interpretazzjoni sanċita fis-sentenza Bier ma fittxitx li tgħaqqad ġurisdizzjonijiet għal domandi dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, iżda, biex ma tiċħadx punti ta’ rabta rilevanti fl-analiżi tal-elementi —l-avveniment u d-dannu— rilevanti fihom.

48.

F’dan is-sens, forsi l-għażla “post fejn iseħħ id-dannu” ma għandhiex tapplika f’ċerti każijiet ( 30 ): a) meta n-natura ta’ dan id-dannu ma tippermettix li jiġi vverifikat fejn dan ikun seħħ permezz ta’ test sempliċi ( 31 ); b) meta l-post għandu jiġi stabbilit permezz tal-użu ta’ finzjonijiet ( 32 ); u ċ) meta l-eżami għandu t-tendenza li jwassal għal post fortuwitu jew post li jista’ jiġi mmanipulat mir-rikorrent ( 33 ).

49.

F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Besix, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (illum l-Artikolu 7(1) tar-Regolament) fir-rigward ta’ obbligu li “ma jistax jiġi llokalizzat f’post preċiż u lanqas jintrabat ma’ qorti li hija partikolarment xierqa biex tisma’ t-tilwim relatati miegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 34 ).

50.

Peress li l-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament ifittxu l-ilħuq tal-istess għanijiet ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà, is-soluzzjoni li tapplika għall-ewwel paragrafu tista’ tapplika wkoll għat-tieni.

51.

Naturalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-post fejn seħħ id-dannu meta dan huwa biss patrimonjali ( 35 ). Madankollu, jekk wieħed ma jirrifjutax li jżomm din l-għażla, xi kultant javviċina din is-soluzzjoni. L-argument ma huwiex uniku, bħalma huwa pperċepit fil-kawżi fejn it-telf patrimonjali huwa r-riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-ġurisdizzjoni ( 36 ), imqabbel ma’ dak li jirriżulta f’investiment fallut.

52.

Xi drabi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqabbel id-dannu ma’ omissjoni jew avveniment, ikkawżati mill-attività tal-konvenut, immedjatament u loġikament qabel id-dannu u li l-kapaċità tagħhom li jiġu pperċepit mis-sensi hija ikbar, għalkemm mhux assoluta, milli jiġri meta d-dannu jirriżulta minn xi ħaġa li ma sseħħx.

Dan kien il-każ fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Concurrence, fil-kuntest ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva: id-dannu li distributur seta’ jinvoka kien jikkonsisti fit-tnaqqis tal-volum tal-bejgħ u fit-telf sussegwenti ta’ profitt ( 37 ).

Bl-istess mod, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, AB flyLAL-Lithuanian Airlines, teżamina t-telf finanzjarju flimkien mat-tnaqqis tal-bejgħ tal-kumpannija ( 38 ).

Fis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans, ġie osservat id-dannu li jikkonsisti fi spejjeż żejda mħallsa fix-xiri ta’ trakkijiet, minħabba prezz artifiċjalment għoli: il-Qorti tal-Ġustizzja ma ffukatx fuq fejn sar il-ħlas tal-ispejjeż żejda iżda fuq ix-xiri tat-trakk f’suq affettwat minn prattiki kollużivi ( 39 ).

53.

Il-preżentazzjoni tad-dannu patrimonjali b’riferiment għal attività jew avveniment apparenti tgħin sabiex tiffissah fiżikament f’territorju jew, direttament, tevita li tagħmel dan. Ma narax għaliex dan il-metodu ma jistax jiġi ġġeneralizzat ( 40 ), għalkemm jidher xieraq li jkun hemm twissija dwar ir-riskji tiegħu: li d-dannu patrimonjali jintrabat ma dak tanġibbli preċedenti tiegħu li huwa l-iktar qrib jista’ jwassal għal diskussjonijiet barokki dwar il-kategoriji tad-dannu “inizjali” u “konsekuttiv” ( 41 ).

54.

It-telf patrimonjali nnifsu ħa prijorità f’sentenzi oħra, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-materjalizzazzjoni tad-dannu sseħħ fil-kont li fih hija riflessa l-kontabbiltà tad-dannu finanzjarju. Dan huwa tipikament il-każ fil-qasam ta’ investimenti ( 42 ).

55.

Madankollu, f’dawk il-każijiet, ir-raġunijiet ta’ prossimità bejn it-tilwima u l-qorti, jew il-prevedibbiltà tal-partijiet, jeħtieġu li l-elementi tal-kawża li huma differenti mill-post fejn iseħħ id-dannu jikkonfermaw, meta evalwati flimkien, l-adegwatezza ta’ dan il-post fil-mument li tiġi attribwita l-ġurisdizzjoni. Fejn seħħew, jew jinsabu dawn l-elementi, ser jippermetti li tiġi kkonfermata (jew, bil-kontra, ser ikollha tiġi miċħuda), il-prova dwar il-post li ttieħed bħala l-post tad-dannu finanzjarju.

56.

F’din il-ġurisprudenza (reċenti) tal-Qorti tal-Ġustizzja li, sal-lum, tammonta għal tliet sentenzi ( 43 ), l-iter argumentattiv fil-qafas tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament għandu żewġ fażijiet: li jiġi vverifikat fejn seħħ id-dannu hija biss waħda minnhom. Dan il-post, ladarba jiġi identifikat, ma huwiex awtomatikament rappreżentattiv tal-prossimità u l-prevedibbiltà meħtieġa, iżda punt tat-tluq li għandu jikkonferma l-bqija taċ-ċirkustanzi partikolari tat-tilwima, f’evalwazzjoni globali ( 44 ).

57.

Minkejja li dan ir-raġunament huwa kumpless u jiżvija minn dak applikat għal tipi oħra ta’ dannu, ma jidhirlix li d-diskors tal-Qorti tal-Ġustizzja nbidel b’mod sostanzjali. L-analiżi ma tagħtix prijorità lill-prossimità jew lill-prevedibbiltà u lanqas ma tawtorizza lil min huwa responsabbli għall-interpretazzjoni sabiex jillimita ruħu li jwettaq tweżin bejn iċ-ċirkustanzi tal-każ, sabiex tiġi identifikata l-qorti l-iktar konvenjenti fid-dawl ta’ dawn il-parametri. Dan l-aspett qajjem dubji lill-qorti tar-rinviju ( 45 ), u għalhekk ser nindirizzahom f’iktar dettall iktar ’il quddiem.

2) Firxa tal-kriterju “ċirkustanzi partikolari”

58.

Fil-ġurisprudenza sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għaċ-“ċirkustanzi partikolari” tal-kawża sabiex tispeċifika l-kriterju ta’ ġurisdizzjoni dwar il-“post tad-dannu”.

59.

Bħalma spjegajt, din l-operazzjoni timplika l-konferma tad-data li tiżgura li l-post identifikat bħala “dak tad-dannu” huwa viċin u prevedibbli, f’konformità mal-istandards tar-Regolament. Għaldaqstant, huma ssodisfatti l-obbligi tal-protezzjoni ġudizzjarja taż-żewġ partijiet u dawk dwar il-ġestjoni tal-proċedura. Il-ħtieġa ta’ din il-verifika ma hijiex ġenerali, jiġifieri, għal kull tip ta’ dannu; din teżisti, jew tista’ teżisti fir-rigward tad-danni purament patrimonjali.

60.

Il-kriterju lanqas ma jintuża sabiex il-qorti li quddiemha ġiet ippreżentata t-tilwima tqabbel il-“post tal-avveniment kawżali” u l-“post tad-dannu” u tagħżel l-iktar waħda konvenjenti fosthom.

61.

Ma nargumentax li l-ekwivalenza, f’termini ta’ prossimità u ta’ prevedibbiltà bejn il-postijiet tal-avveniment u tad-dannu, stabbilita mis-sentenza Bier, hija teorika jew ideali. Din l-istess sentenza tindika li ma huwiex xieraq li jintgħażel wieħed minnhom u jiġi eskluż l-ieħor, peress li kull wieħed jista, “skont iċ-ċirkustanzi” ( 46 ), jipprovdi indikazzjonijiet utli mill-perspettiva tal-prova u tal-organizzazzjoni tal-proċedura.

62.

Madankollu, in-natura unika taċ-ċirkustanzi tal-każ ma hijiex kriterju validu (u l-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma adottatu) sabiex tittieħed deċiżjoni bejn il-ġurisdizzjoni tal-post tal-avveniment kawżali u dik tad-dannu. Din l-għażla tħalliet b’mod konxju f’idejn ir-rikorrent, fatt li jimplika li jiġi aċċettat li dan ser jaġixxi, qabel kollox, għall-konvenjenza tiegħu.

63.

In-natura relattiva tal-għanijiet ta’ prossimità u ta’ ċertezza legali hija, barra minn hekk, karatteristika strutturali tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-ġurisdizzjonijiet tar-Regolament. Kull waħda mill-qrati previsti fl-Artikolu 7 tiegħu tirrifletti tweżin ex ante, fl-astratt, magħmula mil-leġiżlatur, bejn l-eżiġenzi ta’ prevedibbiltà u dawk ta’ prossimità.

64.

Ir-riżultat ta’ dan it-tweżin jesprimi bilanċ raġonevoli bejn iż-żewġ prinċipji li għandu jiġi ppreservat meta tiġi applikata r-regola. Għaldaqstant, fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li ma huwiex possibbli li jiġi miċħud ir-riżultat li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kriterju stabbilit formalment mill-Artikolu 7 tar-Regolament, anki jekk, fil-każ speċifiku, jindika qorti nieqsa minn rabta mat-tilwima. Il-konvenut jista’ jissejjaħ quddiem il-qorti tal-post indikat mir-regola, inkluż jekk il-qorti ddeterminata b’dan il-mod ma hijiex dik li għandha rabta iktar mill-qrib mat-tilwima ( 47 ).

65.

L-allużjoni testwali għall-“qorti li oġġettivament hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka humiex sodisfatti” ( 48 ) ma timplikax, la mill-perspettiva tal-metodu u lanqas minn dik tar-riżultat, tqabbil bejn ġurisdizzjonijiet differenti li jistgħu jkunu kompetenti minħabba l-post tal-avveniment u tad-dannu, fit-tfittxija tal-qorti l-iktar xierqa f’kull każ.

66.

Din l-espressjoni hija traskrizzjoni tat-tweżin bejn iċ-ċertezza legali u l-prossimità għat-tilwima, li jikkristallizza ruħu fil-kriterju tal-ġurisdizzjoni sanċit fid-dispożizzjoni legali. F’sentenzi oħrajn, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża espressjonijiet differenti, bħal dik ta’ “rabta partikolarment stretta” ( 49 ), li ma jinkludux l-idea ta’ tqabbil. Sa fejn ma jagħtux lok għal żball dwar ix-xogħol tal-awtorità li tapplika r-regola, dawn l-espressjonijiet l-oħrajn huma, fil-fehma tiegħi, iktar xierqa.

3) Dettalji dwar il-“bqija taċ-ċirkustanzi partikolari”

67.

Liema huma l-“bqija taċ-ċirkustanzi partikolari” li għandu jkun hemm b’appoġġ għall-post fejn iseħħ id-dannu, meta dan ikun biss finanzjarju, jiddependi, naturalment, fuq kull tilwima: din l-espressjoni tiġbor l-idea ta’ kontinġenza u tagħmel riferiment għall-każ speċifiku. Madankollu, f’termini ġenerali jistgħu jikklassifikaw bħala tali, fil-fehma tiegħi:

l-elementi ta’ interess għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni utli tal-proċedura; u

il-fatturi li setgħu servew sabiex jiffurmaw il-konvinzjoni tal-partijiet dwar fejn jippreżentaw ir-rikors jew fejn jistgħu jiġu eventwalment imħarrka bħala korollarju tal-azzjonijiet tagħhom ( 50 ).

68.

Dan jispjega aħjar id-data li l-Qorti tal-Ġustizzja telenka fis-sentenza Löber ( 51 ), paradigma ta’ din il-proċedura l-ġdida. Fost din id-data hemm l-oriġini tal-pagamenti (lokalizzazzjoni tal-kontijiet bankarji personali u tal-kumpens); is-suq ta’ tixrid tal-fuljett u l-kummerċjalizzazzjoni u l-ksib taċ-ċertifikati; il-post tal-interlokuturi diretti tal-investitur, inkluż id-domiċilju tagħhom.

69.

Preżumibbilment, dawn l-elementi għandhom jikkontribwixxu għall-prova tal-imġiba illegali, tad-dannu u tar-relazzjoni kawżali bejn wieħed u l-ieħor. Barra minn hekk, huma ċirkustanzi li jieħdu inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-partijiet fit-tilwima: għal H. Löber —ir-rikorrent— indikaw li l-investiment tagħha ma kellhomx natura transkonfinali ( 52 ); għal Barclays Bank —il-konvenut—, dawn kellhom jiġu avżati dwar il-possibbiltà li individwi f’ċerti Stati Membri, mhux informati biżżejjed, iwettqu investimenti li jirriżultaw f’danni.

b)   Fit-tilwima preżenti

1) Post fejn seħħ id-dannu

70.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hija meħtieġa kawtela jekk ikun hemm l-intenzjoni li għal kwalunkwe talba għal danni purament patrimonjali jiġi applikat modus operandi li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament, jeħtieġ l-ewwel li jiġi identifikat il-post fejn seħħ id-dannu u, wara, li tiġi kkonfermata (jew le) l-adegwatezza tiegħu bħala kriterju ta’ ġurisdizzjoni, f’evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża.

71.

Fir-rigward ta’ din it-tilwima, nifhem li hemm paralleliżmi mal-kwistjonijiet li wasslu għas-sentenzi Kolassa, Universal jew Löber. Nikkunsidra wkoll, li l-element li jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni tal-istess metodu ma hijiex il-vettura.

72.

Meta t-telf patrimonjali huwa ssimbolizzat minn prodott fiżiku speċifiku, wieħed jista’ jqis li dan u l-post tiegħu jservu bħala punt tat-tluq sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ( 53 ). Madankollu, fejn ikun fiżikament jinsab il-prodott fil-mument li jseħħ it-telf ( 54 ) ma huwiex biżżejjed, bħal fil-każ tal-kont bankarju: iktar u iktar, billi huwa oġġett mobbli.

73.

Il-lokalizzazzjoni tal-vettura hija imprevedibbli mill-perspettiva tal-konvenut. F’termini ta’ prossimità bejn il-qorti u t-tilwima, il-karozza tgħodd bħala inqas mill-prova ta’ proprjetà u l-mument meta nxtrat, b’mod partikolari, jekk, bħalma huwa indikat fid-digriet tar-rinviju, l-eżami ta’ kull karozza partikolari ma huwiex meħtieġ sabiex jiġi evalwat id-dannu (peress li ġiet stmata fl-istess perċentwali tal-prezz għal dawk kollha affettwati) ( 55 ).

74.

Il-punt tat-tluq korrett huwa, madankollu, fl-att li permezz tiegħu l-proprjetà saret parti mill-patrimonju tal-parti affettwata u li kkawża d-dannu. Il-post fejn seħħ id-dannu huwa dak fejn din it-tranżazzjoni ġiet konkluża; il-qrati ta’ dan il-post għandu jkollhom ġurisdizzjoni (internazzjonalment u territorjalment), jekk il-bqija taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża jaqblu wkoll dwar dan l-għoti ta’ ġurisdizzjoni.

75.

Fost dawn iċ-ċirkustanzi, li għandhom jiġu identifikati u kkunsidrati mill-qorti tar-rinviju, ma għandux ikun hemm biss dawk rilevanti għall-vittma ( 56 ), iżda wkoll uħud indikattivi tal-iskop tal-konvenut sabiex ibigħ il-vetturi tiegħu fl-Istat Membru li l-ġurisdizzjoni tiegħu qiegħda tiġi diskussa ( 57 ) (u, fejn possibbli, f’diviżjonijiet speċifiċi f’dan l-Istat) ( 58 ).

2) Il-“bqija taċ-ċirkustanzi partikolari” u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaki

76.

Diġà indikajt li ma huwiex faċli li jiġi indikat fl-astratt liema huma ċ-ċirkustanzi li għandhom jaqblu b’appoġġ tal-post “tad-dannu”, jew il-linji gwida sabiex titwettaq l-analiżi ġenerali. Iżda n-nuqqas ta’ ċertezza dwarhom iġorr ir-riskju ta’ applikazzjoni mhux uniformi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament u jwassal ukoll għal konfużjoni dwar il-metodu. Dan huwa enfasizzat fl-osservazzjonijiet finali tad-digriet tar-rinviju.

77.

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju għandha dubju li x-xiri u l-kunsinna tal-vetturi fl-Awstrija huma biżżejjed sabiex jappoġġjaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaki. Fl-opinjoni tagħhom, data oħra, li tappartjeni lill-isfera ta’ dawn l-avvenimenti, ixaqilbu favur il-qrati tal-post fejn seħħ l-avveniment kawżali (dawk Ġermaniżi). Dawn tal-aħħar ikunu “minħabba raġunijiet ta’ mġiba xierqa tal-proċedura, b’mod partikolari minħabba l-prossimità lejn l-oġġett tat-tilwima u l-faċilità ikbar tal-prattika tal-prova […] oġġettivament kapaċi iktar biex jiċċaraw ir-responsabbiltà għad-danni allegati” ( 59 ).

78.

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’materji ta’ danni purament finanzjarji li jistabbilixxu l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament, il-kuntest u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, jippermettu li l-bilanċ ixeqleb lejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor (il-Ġermanja). Iżżid li d-dipendenza fuq il-post tax-xiri u tal-kunsinna tal-vetturi jipperikola l-prevedibbiltà tal-qorti mill-konvenut, b’mod partikolari minħabba li, f’dan il-każ, xi karozzi nxtraw użati.

79.

Nikkondividi l-opinjoni tal-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt) li, fil-qafas tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ma huwiex biżżejjed li l-Awstrija kienet it-territorju fejn inxtraw il-karozzi u fejn ġew ikkunsinnati, jekk Volkswagen ma setgħetx tissuspetta, b’mod raġonevoli, li dan ix-xiri seta’ jseħħ f’dak l-Istat Membru.

80.

Ma naqbilx, min-naħa l-oħra, mal-approċċ tagħha lejn l-analiżi taċ-“ċirkustanzi partikolari” ta’ din il-kawża:

Minn naħa, manifattur tal-vetturi bħal Volkswagen huwa f’pożizzjoni li jipprevedi faċilment li l-vetturi tiegħu ser jiġu kkummerċjalizzati fl-Awstrija ( 60 ).

Min-naħa l-oħra, l-eżami globali ta’ dawn iċ-ċirkustanzi għandu jkollu l-għan uniku li jikkonferma (jew jiċħad) il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post tad-dannu, identifikata bil-mod li indikajt iktar ’il fuq. Dan l-eżami ma għandux jintuża, min-naħa l-oħra, biex tingħażel liema ġurisdizzjoni (il-qorti tar-rinviju jew il-qrati tal-post fejn seħħ l-avveniment kawżali) għandha tiddeċiedi dwar il-merti tal-kawża, minħabba li hija iktar qrib u prevedibbli.

IV. Konklużjoni

81.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija) tingħata risposta kif ġej:

“1)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta att illegali mwettaq fi Stat Membru jikkonsisti fil-manipulazzjoni ta’ prodott, li r-realtà tagħha hija moħbija u tinkixef biss wara li jsir ix-xiri, fi Stat Membru ieħor, għal prezz ogħla mill-valur reali tiegħu:

ix-xerrej ta’ dan il-prodott, li jżommu fil-patrimonju tiegħu meta jiġi ppubblikat id-difett, huwa vittma diretta;

il-post fejn seħħ l-avveniment kawżali huwa dak li fih seħħ l-avveniment li ddeterjora l-istess prodott; u

id-dannu jimmaterjalizza fil-post, li jinsab fi Stat Membru, fejn il-vittma xtrat il-prodott minngħand terz, sakemm iċ-ċirkustanzi li jifdal jikkonfermaw l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru. Fost dawn iċ-ċirkustanzi għandu jkun hemm, f’kull każ, waħda jew uħud minnhom li ppermettew li l-konvenut jipprevedi, b’mod raġonevoli, li azzjoni għal responsabbiltà ċivili attribwibbli għall-azzjonijiet tiegħu tista’ titressaq kontrih mix-xerrejja futuri li jixtru l-prodott f’dan il-post.

2)

L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax lill-qorti tal-post fejn seħħ id-dannu sabiex tistabbilixxi jew tiċħad il-ġurisdizzjoni tagħha minn tweżin tal-bqija taċ-ċirkustanzi tal-każ, immirata lejn l-identifikazzjoni ta’ liema qorti —jekk hijiex hija stess, jew il-qorti tal-post tal-avveniment kawżali— tinsab fl-aħjar pożizzjoni, f’termini ta’ prossimità u prevedibbiltà, sabiex issolvi t-tilwima”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal‑1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32; EE 01/01 p. 186).

( 3 ) Is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1976, Bier (21/76, EU:C:1976:166; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Bier”).

( 4 ) Inter alia, fis-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba (C‑220/88, EU:C:1990:8; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Dumez”); tad‑19 ta’ Settembru 1995, Marinari (C‑364/93, EU:C:1995:289; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Marinari”); tal‑10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer (C‑168/02, EU:C:2004:364; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Kronhofer”). Iktar reċenti, fis-sentenzi tal‑21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Proxide (C‑352/13, EU:C:2015:335); iktar ’il quddiem, is-“sentenza CDC”); tat‑28 ta’ Jannar 2015, Kolassa (C‑375/13, EU:C:2015:37; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Kolassa”); tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:449; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Universal”); tat‑12 ta’ Settembru 2018, Löber (C‑304/17, EU:C:2018:701; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Löber”).

( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ĠU 2012, L 351, p. 1.

( 6 ) Skont VKI, il-magni kienu jinkorporaw tagħmir għar-riduzzjoni tal-kontroll mhux awtorizzat taħt ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, (ĠU 2007, L 171, p. 1), li bis-saħħa tiegħu rriżulta li fil-bank tat-test ħareġ “gass tal-egżost nadif”, jiġifieri, konformi mal-valuri ta’ limitu stabbiliti. Minflok, matul l-operat tal-vettura fit-triq, il-volum ta’ inkwinanti gassużi kien ogħla minn dawn il-valuri ta’ limitu.

( 7 ) Hekk hu stabbilit f’dan ir-regolament, bħalma kien fil-Konvenzjoni tal‑1968 u s-suċċessur tagħha, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Fir-rigward tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ strumenti, il-premessa erbgħa u tletin tar-Regolament tfakkar il-ħtieġa tal-kontinwità fl-interpretazzjoni, li tippermetti, bħala regola, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni tal‑1968 u tar-Regolament Nru 44/2001 tiġi pproġettata fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament.

( 8 ) Ir-Rapport Jenard dwar il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1) jispjega (p. 26) li, f’dak il-mument, il-mudell kien ibbażat fuq l-inċidenti tat-traffiku. Għaldaqstant, ma setax jiġi immaġinat l-ispazju virtwali bħala qafas tat-twettiq tar-reat jew il-post fejn iseħħ id-dannu.

( 9 ) L-unika emenda letterali mill-adozzjoni tat-test tinsab fl-inklużjoni espliċita tar-riferiment għall-post fejn “jista’ jseħħ” l-avveniment dannuż, biex jiġi ċċarat li t-test jista’ japplika għad-domandi ta’ miżuri preventivi.

( 10 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany (C‑360/12, EU:C:2014:1318; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Coty Germany”, punt 45); is-sentenza Universal, punt 25. L-interpretazzjoni ma għandhiex tkun restrittiva, iżda stretta.

( 11 ) Għaldaqstant, diġà fis-sentenza Marinari, punt 19; u wara, fis-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, EU:C:1998:509, punt 15); u fis-sentenza Coty Germany, punt 43, inter alia.

( 12 ) Sentenza Bier, punti 11 u 17; is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28), punt 19; u s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766), punt 26.

( 13 ) Sentenza Bier, punti 20 u 23; u s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie (C‑189/08, EU:C:2009:475; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Zuid-Chemie”, punt 31).

( 14 ) Lanqas f’materja ta’ dannu purament finanzjarju. Ara iktar ’l isfel in-nota ta’ qiegħ il-paġna 28.

( 15 ) Dan huwa indikat fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament.

( 16 ) Is-sentenzi tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Folien Fischer u Fofitec (C‑133/11, EU:C:2012:664, punt 46); u tas‑16 ta’ Jannar 2014, Kainz (C‑45/13, EU:C:2014:7, punt 31).

( 17 ) Is-sentenza Kolassa, punt 50. Fis-sentenza Löber, punt 32, id-domiċilju fl-Awstrija tas-sid tal-kont bankarju (fejn seħħ id-dannu patrimonjali) ġie aċċettat sabiex jattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qrati Awstrijaki tal-“post tad-dannu”, bħala element addizzjonali biex tiġi kkonfermata din il-ġurisdizzjoni.

( 18 ) Is-sentenza Marinari, punti 14 u 15. Fil-fatt, dannu jista’ jkun “konsekuttiv” b’żewġ modi: a) bħala riżultat ta’ dannu ieħor preċedenti (l-avveniment ikkawża dannu li fil-fatt seħħ f’post ieħor: is-sentenza Marinari, punti 14 u 15; “aċċessorju ta’ dannu li seħħ u ġie mġarrab minn persuna direttament leża”, fil-kliem tal-Avukat Ġenerali Léger, konklużjonijiet tal‑14 ta’ Jannar 2004, Kronhofer,C‑168/02, EU:C:2004:24, punt 45); u b) sakemm ikun imġarrab minn vittma “indiretta” (is-sentenza Dumez, punti 14 u 22). F’dawn il-konklużjonijiet nuża t-terminu li jirreferi għall-ewwel mod.

( 19 ) Is-sentenza Dumez, punti 14 u 22. L-espressjoni grafika “indiretta” xi kultant tidher fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel distinzjoni bejn min għandu d-dritt għal kumpens għad-dannu li jkun ġarrab personalment u dawk li ma humiex il-“vittma diretta”, li jistgħu “tikseb [jiksbu] kumpens għad-dannu kkawżat lilha [lilhom] ‘indirettament’, b’konsegwenza tad-dannu mġarrab mill-persuna leża”. Għalhekk, fis-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Lazard (C‑350/14, EU:C:2015:802, punt 27).

( 20 ) Is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising u Martínez (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685; iktar ’il quddiem, is-“sentenza eDate”).

( 21 ) Is-sentenza eDate, punt 47.

( 22 ) Id-domanda hija fformulata b’mod li dan l-aspett ma huwiex dubjuż għall-qorti Awstrijaka. Il-kontenut tad-digriet tar-rinviju, madankollu, jidher li qiegħed jindika l-kuntrarju.

( 23 ) Huma jirrigwardaw il-post fejn seħħ l-avveniment kawżali u l-għażla bejn dan il-post u dak tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, meta r-rikorrenti ma humiex il-vittmi nnifishom, iżda assoċjazzjoni li ssurrogat fid-drittijiet tagħhom.

( 24 ) Id-dubji tal-qorti Awstrijaka ma jikkonċernawx it-talba ta’ dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà għal danni futuri jew li għadhom ma humiex kwantifikabbli, li VKI tattribwixxi għal aġġornament tas-softwer li sar wara d-data li fiha saret magħrufa l-manipulazzjoni inizjali tal-magni. Peress li d-domanda preliminari ma tikkonċernahomx, jien mhux se nikkummenta dwarhom. Ma nistax ma nindikax, madankollu, li l-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaki, minħabba l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament, tkun diskutibbli minħabba diversi raġunijiet.

( 25 ) Is-sentenza Zuid-Chemie, punt 27: “il-post fejn seħħ id-dannu ma għandux jiġi mħawwad ma’ dak fejn seħħ il-fatt li kkawża d-dannu lill-prodott stess, u dan il-post tal-aħħar huwa, fil-fatt, dak fejn l-avveniment kawżali seħħ”.

( 26 ) Fil-Ġermanja kien hemm dibattitu qawwi dwar jekk il-proprjetarji tal-vetturi b’magni mmanipulati jistgħux jeżerċitaw talba b’bażi mhux kuntrattwali kontra l-manifattur (jiġifieri: dwar jekk humiex proprjetarji ta’ interess legali protett ta’ dan it-tip). Dan huwa enfasizzat fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji b’indikazzjonijiet differenti: pożittiv, fis-sentenzi tal-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) tas‑17 ta’ Jannar 2019 (23) 180/18); tal-Landgericht Frankfurt (il-Qorti Regjonali ta’ Frankfurt am Mein, il-Ġermanja) tad‑29 ta’ April 2019 (2-07 O 350/18); u tal-Oberlandesgericht Koblenz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Koblenz, il-Ġermanja) tat‑12 ta’ Ġunju 2019 (Az,: 5 U 1318/18), bħalissa b’rikors pendenti quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Suprema, il-Ġermanja); negattiv, fis-sentenza tal-Landgericht Braunschweig (il-Qorti Reġjonali ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) tad‑29 ta’ Diċembru 2016 (1 O 2084/15).

( 27 ) Is-sentenza Zuid-Chemie, punt 27; u s-sentenza CDC, punt 52, fost ħafna oħrajn.

( 28 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Universal Music International Holding (C‑12/15, EU:C:2016:161, punt 38): “F’ċerti sitwazzjonijiet, il-kunċetti ta’ ‘Handlungsort’ u ta’ ‘Erfolgsort’ ma jistgħux jiġu distinti”. Hija wkoll opinjoni b’appoġġ dottrinali: Hartley, T. H. C., “Jurisdiction in Tort Claims for Non-Physical Harm under Brussels 2012, Article 7(2)”, ICLQ, vol. 67, pp. 987 sa 1003; u Oberhammer, P., “Deliktsgerichsstand am Erfolgsort reiner Vermögensschäden”, JBl 2018, pp. 750 sa 768.

( 29 ) Is-sentenza Kronhofer, punt 18.

( 30 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża CDC (C‑352/13, EU:C:2014:2443), punt 47, l-Avukat Ġenerali Jääskinen isostni li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma kellux jiġi applikat meta l-vittmi tad-danni invokati jkunu mferrxin f’numru kbir ta’ Stati Membri minħabba li dan jikkawża għadd ta’ proċeduri paralleli, bir-riskju ta’ deċiżjonijiet kontradittorji li jopponu l-għan ġenerali tar-Regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx din il-proposta (li kien ikun ta’ interess ukoll għal din il-kawża, fid-dawl tan-numru ta’ dawk affettwati, li l-għoti tad-drittijiet tagħhom ma jibdilx l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni u li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni territorjali, minbarra dik internazzjonali). Il-kriterju sabiex tiġi evitata l-multiplikazzjoni ta’ proċeduri ma għandux jipprevali għaldaqstant fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni, billi jimponi l-esklużjoni preventiva tal-qrati qrib tat-tilwima, prevedibbli għall-partijiet u ffaċilitati sabiex ikunu mgħarrfa permezz tat-test legali stess. Fil-konfront ta’ numru ta’ proċeduri simultanji, il-korrezzjoni tagħhom għandha ssir permezz tal-mekkaniżmi ta’ lis alibi pendens jew ta’ rabta li huma previsti wkoll mir-Regolament (jew tal-mekkaniżmi nazzjonali, għall-pluralità ta’ proċeduri fl-istess Stat Membru).

( 31 ) Fis-sentenza Universal, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet raġunament li, bħala prinċipju, wassal sabiex id-dannu jiġi lokalizzat fejn ir-rikorrent kiseb l-obbligu li kellu impatt definittiv fuq il-patrimonju tiegħu (punti 31 u 32). Fl-opinjoni tiegħi, li wieħed joqgħod fuq il-“post fejn jinkiseb l-obbligu” ma jgħinx wisq sabiex jiġi llokalizzat id-dannu, jekk dan jiġi mifhum fis-sens li jeħtieġ konsultazzjoni tad-dritt applikabbli. Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6), teoretikament jiżgura li r-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni ikun identiku fl-Istati Membri kollha, iżda ma jistgħux jiġu esklużi d-devjazzjonijiet, minkejja li dan ikun biss minħabba l-approċċ differenti għall-prova tad-dritt barrani f’kull Stat, u għas-soluzzjoni sussidjarja f’każ ta’ nuqqas ta’ provi. Madankollu, dawn huma diffikultajiet magħrufa u aċċettati fl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament u tal-predeċessuri tiegħu.

( 32 ) Bħala dik tal-post fejn “il-beni [tal-vittma] huma ċentralizzati”, li twieġeb għall-idea ta’ dannu b’impatt simultanju fuq il-patrimonju kollu tar-rikorrent. Din ir-rabta ġiet miċħuda fis-sentenza Kronhofer.

( 33 ) Pereżempju, fil-każijiet ta’ kontijiet bankarji tar-rikorrent, li dan tal-aħħar jista’ jagħżel wara li jinħoloq l-obbligu assoċjat mad-dannu patrimonjali: ara s-sentenza Universal, punt 38. Il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li l-post fejn jinsab il-kont li fih hija riflessa l-kontabbiltà tal-operazzjoni huwa l-post fejn iseħħ id-dannu patrimonjali dirett: madankollu, kif ser inkompli nispjega, jittieħed inkunsiderazzjoni li dan ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi ġġustifikata l-għażla tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament.

( 34 ) Is-sentenza tal-KawżaC‑256/00, EU:C:2002:99, punt 49. Il-kawża kienet dwar obbligu negattiv mingħajr limitazzjoni ġeografika.

( 35 ) Ara l-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qigħ il-paġna 4. Id-domanda dwar jekk jistax jiġi kklassifikat bħala l-“post fejn l-avveniment dannuż ikun twettaq” dak li fih irriżulta dannu li huwa biss, għalissa, patrimonjali, saret lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Zuid-Chemie, fil-qafas tar-responsabbiltà għal prodotti difettużi. Peress li kien hemm dannu tanġibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-kwistjoni ipotetika, u għaldaqstant ma tatx risposta fuqha. Minn dan in-nuqqas ta’ risposta ma jistax jiġi dedott li, f’każ li mad-dannu patrimonjali jiżdied ieħor (addizzjonali u mhux konsekuttiv) fiżiku, il-post tat-tieni wieħed isir il-post tal-ewwel wieħed sabiex tiġi stabbilita ġurisdizzjoni internazzjonali.

( 36 ) F’dan il-kuntest, is-sentenza CDC tidher bħala kawża iżolata. L-Avukat Ġenerali Jääskinen, fil-konklużjonijiet tiegħu (EU:C:2014:2443, punt 50), bħala wieħed mill-postijiet fejn seħħ id-dannu, mill-perspettiva finanzjarja, kien indika dak fejn ġew eżegwiti l-kuntratti li l-kontenut tagħhom kien iffalsifika l-kartell. Il-post li finalment intgħażel mill-Qorti tal-Ġustizzja —id-domiċilju ta’ kull wieħed mill-individwi affettwati, li kien il-possibbiltà l-oħra fformulata mill-Avukat Ġenerali— ma reġax intgħażel f’sentenzi sussegwenti.

( 37 ) Is-sentenza tal-KawżaC‑618/15, EU:C:2016:976, punt 33: “[…] fil-każ ta’ ksur, permezz ta’ sit elettroniku, tal-kundizzjonijiet ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, id-dannu li distributur jista’ jqajjem huwa t-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ tiegħu b’konsegwenza ta’ dak imwettaq bi ksur tal-kundizzjonijiet tan-netwerk u t-telf ta’ profitt li jirriżulta minn dan”.

( 38 ) Is-sentenza tal-KawżaC‑27/17 (EU:C:2018:533; iktar ’il quddiem, is-“sentenza flyLAL”, punti 35 u 36).

( 39 ) Is-sentenza tal-kawżaC‑451/18, EU:C:2019:635; iktar ’il quddiem, is-“sentenza Tibor-Trans”, punti 30, 32 u 33).

( 40 ) Fis-sentenza Universal, punti 31 u 32, jidher dan ir-rifless ukoll, li bih hemm tendenza li jiġi mfittex appoġġ f’attivitajiet li bejn wieħed u ieħor huma perċettibbli (għalhekk, fil-konklużjoni ta’ ftehim tranżazzjonali fir-Repubblika Ċeka, fil-qafas ta’ arbitraġġ li sar hemmhekk).

( 41 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu tat‑28 ta’ Frar 2018, fil-kawża flyLAL (EU:C:2018:136, punt 70), l-Avukat Ġenerali Bobek ġibed l-attenzjoni fuq il-fatt li t-tnaqqis ta’ bejgħ u t-telf sussegwenti ta’ profitt ma seħħewx neċessarjament fl-istess post. Iddeskriva l-ewwel tnaqqis bħala “dannu inizjali” u t-tieni tnaqqis bħala “konsekuttiv”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx din it-teżi, għall-inqas b’mod espliċitu.

( 42 ) Mhux biss: ara s-sentenza Universal, fejn l-avveniment dannuż kien in-negliġenza tal-avukat li fassal kuntratt vinkolanti għall-klijent tiegħu.

( 43 ) Is-sentenzi Kolassa, Universal u, fuq kollox, Löber.

( 44 ) Is-sentenza Löber, punti 31 u 36, kif ukoll id-dispożittiv.

( 45 ) Ara pp. 9 u 10 tad-digriet tar-rinviju.

( 46 ) Punt 17 (enfażi miżjuda).

( 47 ) Is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Custom Made Commercial (C‑288/92,:EU:C:1994:268), punti 17 (flimkien mal-punt 16) u 21. Is-sentenza tagħmel riferiment għall-qorti speċjali dwar materji kuntrattwali, iżda l-prinċipju huwa l-istess fil-punt dwar it-talbiet għal responsabbiltà mhux kuntrattwali. F’din l-istess linja, ara, f’materji ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, EU:C:1998:509, punti 3435).

( 48 ) Pereżempju, fis-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Kainz (C‑45/13, EU:C:2014:7, punt 24).

( 49 ) Is-sentenza flyLAL, punt 27.

( 50 ) L-għażla ta’ wieħed jew l-ieħor tvarja skont, mill-inqas, ir-reat u l-konfigurazzjoni tal-proċedura. Il-każ li fih ġie kkonstatat ksur f’istanza preċedenti u s-suġġett tat-tilwima huwa li jiġi ċċarat jekk ġiex affettwat, u kif, rikorrent preċiż, huwa differenti, loġikament, minn dak fejn il-konstatazzjoni nnifisha għadha ma ġietx ivverifikata. Barra minn hekk, l-aspettattivi tas-suġġetti fir-rigward tal-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tagħhom huma ddefiniti b’riferiment għat-tipi u għar-regolazzjoni tagħhom f’ordinament ġuridiku.

( 51 ) Is-sentenza Löber, punti 32 u 33.

( 52 ) Fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja torbot il-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni Ewropea ma’ żewġ għanijiet: li r-rikorrent jista’ jidentifika faċilment il-qorti li quddiema għandu jressaq rikors u li l-konvenut jista’ jipprevedi b’mod raġonevoli fejn tista’ titressaq kawża kontrih (ara, pereżempju, is-sentenzi Kolassa, punt 56, u Löber, punt 35). Jidher li min jokkupa l-pożizzjoni attiva fil-proċedura jgawdi biss protezzjoni ex post facto u li, għall-konvenut, min-naħa l-oħra, il-punt ta’ riferiment ikun iktar kmieni. Fil-fatt, ma huwiex hekk: kull individwu għandu jkun jista’ jipprevedi (b’mod raġonevoli) il-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu, qabel ma jwettaqhom; l-isfera tal-protezzjoni legali ma tistax tkun ristretta skont kwalità —ta’ rikorrent, jew bil-kontra, ta’ konvenut— li ma hijiex magħrufa fil-mument li tiġi pprattikata jew ma titwettaqx l-imġiba. Għaldaqstant fis-sentenza Löber, ħafna miċ-“ċirkustanzi partikolari” kienu jiffokaw fuq H. Löber (ir-rikorrent) u fuq l-azzjonijiet tagħha qabel ma seħħ id-dannu.

( 53 ) Jidher li l-osservazzjonijiet ta’ VKI, tal-Kummissjoni jew tar-Renju Unit, li jwasslu sabiex id-dannu jiġi kklassifikat bħala “ibridu” (minflok purament patrimonjali), ixaqilbu lejn din id-direzzjoni, għalkemm ma huwiex ċar liema konsegwenzi joħorġu minn din il-klassifikazzjoni sabiex tiġi attribwita l-ġurisdizzjoni internazzjonali.

( 54 ) Dan huwa l-mument meta l-vettura inxtrat minn min huwa l-proprjetarju tagħha meta ġie ppubblikat id-difett.

( 55 ) Digriet tar-rinviju, p. 9.

( 56 ) Mill-perspettiva tal-vittma, fid-dawl tas-sentenza Löber, jistgħu jkunu ċirkustanzi rilevanti, inter alia, il-fatt li n-negozjati għax-xiri twettqu fl-istess post, li dan kien ukoll il-post tal-kunsinna tal-vettura u (dejjem skont is-sentenza Löber) li dan kien id-domiċilju tax-xerrej.

( 57 ) Mill-perspettiva tal-konvenut, jistgħu jkunu ċirkustanzi rilevanti, inter alia, l-introduzzjoni (diretta jew permezz ta’ importatur ġenerali marbut miegħu) tal-vetturi fl-Istat fejn huwa mħarrek; il-kummerċjalizzazzjoni f’dan l-Istat minn konċessjonarji jew distributuri uffiċjali; il-promozzjoni tal-bejgħ permezz tar-reklamar imwettaq minnu jew għalih f’dan l-Istat; jew il-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ konformità tradotti minnu fil-lingwa ta’ dan l-Istat.

( 58 ) Nirrepeti li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament huwa mfassal sabiex jattribwixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali, kif ukoll dik territorjali, lil qorti partikolari fil-ġurisdizzjoni magħżula.

( 59 ) Digriet tar-rinviju, pp. 9 u 10.

( 60 ) Ara, għal dawn il-finijiet, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 57.

Top