Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0193

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2020.
    A vs Migrationsverket.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Förvaltningsrätten i Malmö – Migrationsdomstolen.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta’ Schengen – Konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) meta jsir l-eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza mressqa minn ċittadin ta’ pajjiż terz li kien is-suġġett ta’ allert f’din is-sistema għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul – Artikolu 25(1) – Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen – Kundizzjonijiet ta’ dħul għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz – Artikolu 6(1) u (5) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 u Artikolu 24(2) – Rifjut ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja minħabba li l-identità tal-applikant ma ġietx stabbilita b’ċertezza.
    Kawża C-193/19.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:594

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    RICHARD DE LA TOUR

    ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2020 ( 1 )

    Kawża C‑193/19

    A

    vs

    Migrationsverket

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Förvaltningsrätten i Malmö, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Malmö, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, l-Isvezja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika ta’ immigrazzjoni – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 25(1) – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ permess ta’ residenza – Artikolu 5(2) – Obbligu li tippreżenta dokument tal-ivvjaġġar – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li l-identità tal-applikant tiġi stabbilita b’ċertezza – Prattika nazzjonali li teħtieġ, għal dan il-għan, li jiġi ppreżentat passaport validu għall-perijodu li jkopri l-permess ta’ residenza – Applikazzjoni għal tiġdid ta’ permess ta’ residenza minn membru tal-familja li jinsab diġà fit-territorju nazzjonali – Membru tal-familja suġġett ta’ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen – Rifjut ta’ tiġdid tal-permess ta’ residenza minħabba li l-identità ma ġietx stabbilita b’ċertezza – Ammissibbiltà”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Stat Membru jista’ jissuġġetta t-tiġdid ta’ permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadin ta’ pajjiż terz għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal‑familja għall-kundizzjoni li dan tal-aħħar jistabbilixxi b’ċertezza l‑identità tiegħu billi jippreżenta passaport validu għall-perijodu li jkopri l‑permess ta’ residenza?

    2.

    Dan huwa, essenzjalment, is-suġġett tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Förvaltningsrätten i Malmö, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Malmö, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, l-Isvezja).

    3.

    Dawn id-domandi jaqgħu fil-kuntest ta’ kawża bejn A, ċittadin Gambjan, u l-Migrationsverket (l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni, l-Isvezja), peress li dan tal-aħħar irrifjuta li jġedded il-permess ta’ residenza ta’ A minħabba li l-identità tiegħu ma setgħetx tiġi stabbilita b’ċertezza. Din id-deċiżjoni ġiet adottata f’kuntest partikolari peress li l-persuna kkonċernata kienet is-suġġett ta’ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fis‑Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), mill-awtoritajiet Norveġiżi, minħabba, b’mod partikolari, diversi identitajiet foloz li huwa uża permezz ta’ passaporti ffalsifikati.

    4.

    Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar in-natura u l-portata tar-rekwiżiti li jimponi d-dritt tal‑Unjoni dwar il-prova tal-identità ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jitlob, mit-territorju tal-Istat Membru li fuqu jinsab, it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, filwaqt li jkun is‑suġġett ta’ allert fis-SIS għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen.

    5.

    Fl-ewwel parti tal-konklużjonijiet tiegħi ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-Artikolu 25(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen ( 2 ), li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju ma jipprekludix deċiżjoni li permezz tagħha Stat kontraenti ( 3 ) jaċċetta t-tiġdid tal-permess ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li kien is-suġġett ta’ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fis-SIS u minkejja li l-identità ta’ dan tal-aħħar ma tistax tiġi stabbilita b’ċertezza. Madankollu, ser nispjega r-raġunijiet għalfejn tali deċiżjoni għandha tittieħed wara l-konsultazzjoni tal-Istat kontraenti li jkun ħareġ l-allert ta’ din il-persuna u għandha tkun ibbażata fuq raġuni sostantiva.

    6.

    Fit-tieni parti tal-konklużjonijiet tiegħi, u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar id-dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja ( 4 ).

    7.

    Qabel kollox, ser nispjega li l-kundizzjonijiet stipulati fl‑Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva ma jipprekludux liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tirrikjedi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jistabbilixxi l-identità tiegħu b’ċertezza billi jannetti l-kopja ċċertifikata ta’ passport validu għall-perijodu li jkopri l-permess ta’ residenza mitlub. Sussegwentement, ser niffoka l-eżami tiegħi fuq l-osservanza ta’ żewġ prinċipji li jirregolaw l-eżami ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal‑familja fis-sens tad-Direttiva 2003/86, jiġifieri dak li jsir eżami individwali tal-applikazzjoni u dak li jiġi żgurat id-dritt għar-rispett tal‑ħajja tal-familja tal-membru tal-familja kkonċernat. Finalment, ser nikkonkludi, li, fil-każ fejn dan tal-aħħar ma jannettix mal-applikazzjoni tiegħu d-dokument tal-ivvjaġġar mitlub, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tistax tiċħad din l-applikazzjoni għal din ir-raġuni biss. Ser nispjega li din qabel kollox hija obbligata tipproċedi b’eżami individwali tal‑applikazzjoni, filwaqt li tikkunsidra, b’mod partikolari, raġunijiet li għalihom dan id-dokument ma jistax jiġi ppreżentat u l-kooperazzjoni li l-membru tal-familja kkonċernat juri sabiex jistabilixxi, mingħajr ebda dubju, l-identità tiegħu b’kull mezz ieħor xieraq.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Id-Direttiva 2003/86

    8.

    Id-Direttiva 2003/86 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom huwa eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li minnu jibbenefikaw iċ‑ċittadini ta’ pajjiż terzi li joqogħdu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

    9.

    Fi ħdan il-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, dwar is-sottomissjoni u l‑eżami tal-applikazzjonijijiet ta’ permess ta’ residenza, l-Artikolu 5(1) sa (3) jistipula:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor[ ( 5 )], jew mill-membru jew membri tal-familja.

    2.   L-applikazzjoni għandha tkun akkompanjata b’evidenza dokumentarja tar-relazzjoni familjali u ta’ konformita mal‑kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 4 u 6 u, fejn applikabbli, l‑Artikoli 7 u 8, kif ukoll kopji ċċertifikati tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tal-membru(i) tal-familja.

    Jekk xieraq, biex tinkiseb evidenza li teżisti relazzjoni familjali, Stati Membri jistgħu jeżegwixxu intervisti ma’ l-isponsor u l-membri tal‑familja tiegħu/tagħha u jmexxu investigazzjonijiet oħra li instabu li jkunu meħtieġa.

    […]

    3.   L-applikazzjoni għand tkun issottomessa u eżaminata meta l‑membri tal-familja jkunu joqogħdu barra t-territorju ta’ l-Istat Membru li fih l-isponsor joqgħod.

    Permezz ta’ deroga, Stat Membru jista’, f’ċirkostanzi xierqa, jaċċetta applikazzjoni ssottomessa meta l-membri tal-familja jkunu diġa fit‑territorju tiegħu.”

    10.

    Fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2003/86, dwar il-pieni u rimedji, l‑Artikolu 16(2) u (4) jipprovdi:

    “2.   Stati Membri jistgħu wkoll jiċħdu applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan ta’ riunifikazzjoni tal-familja, jew jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fejn jintwera li:

    a)

    informazzjoni falza u qarrieqa (li tiżgwida), dokumenti falzi jew iffalsifikati kienu ntużaw, frodi kienet b’xi mod ieħor kommessa jew mezzi illegali oħra kienu ntużati;

    […]

    4.   Stati Membri jistgħu jagħmlu kontrolli u spezzjonijiet speċifiċi fejn hemm raġuni li jkun issuspettat li hemm frodi jew żwieġ, partnership jew adozzjoni ta’ konvenjenza kif iddefinit fil-paragrafu 2. Kontrolli speċifiċi jistgħu wkoll isiru fl-okkażjoni tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza ta’ membri tal-familja.”

    11.

    Finalment, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 huwa redatt b’dan il-mod:

    “L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l‑isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

    2. L-acquis ta’ Schengen

    a) Il-KTFS

    12.

    L-Artikolu 25 tal-KTFS, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 ( 6 ), jipprovdi:

    “1.   Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ permess ta’ residenza, huwa għandu jwettaq tiftixa sistematika fis-[SIS]. Meta Stat Membru jikkunsidra joħroġ permess ta’ residenza għal persuna aljena li fil‑konfront tagħha inħarġet twissija bil-għan li jiġi rifjutat id-dħul, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta lill-Istat Memrbu li jkun ħareġ it-twissija u għandu jieħu kont tal-interessi tiegħu; il-permess ta’ residenza għandu jinħareġ għal raġunijet sostantivi biss, notevolment fuq raġunijet umanitarji jew minħabba impenji internazzjonali.

    Meta jinħareġ permess ta’ residenza, l-Istat Membru li joħroġ it-twissija għandu jirtira t-twissija iżda jista’ jpoġġi lill-persuna aljena kkonċernata fuq il-lista nazzjonali ta’ twissijiet.

    […]

    2.   Meta jirriżulta li nħarġet twissija bil-għan li aljen li għandu permess ta’ residenza valida ma jitħalliex jidħol minn waħda mill-Partijiet Kontraenti, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tikkonsulta lill-Parti li tkun ħarġet il-permess ta’ residenza sabiex tistabbilixxi jekk hemmx biżżejjed raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta’ residenza.

    Jekk il-permess ta’ residenza ma jkunx irtirat, il-Parti Kontraenti li toħroġ it-twissija għandha tirtira t-twissija imma tista’ madankollu tpoġġi lill‑aljen in kwestjoni fuq il-lista nazzjonali tagħha ta’ twissijiet.

    […]”

    13.

    L-Artikolu 96 tal-KTFS huwa redatt kif ġej:

    “1.   Informazzjoni dwar aljeni li fir-rigward tagħhom tkun inħarġet twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul għandha tiddaħħal fuq il-bażi ta’ twissija nazzjonali li tirriżulta minn deċiżjonijiet meħuda mill‑awtoritajiet amministrattivi kompetenti jew mill-qrati, skond ir‑regoli proċedurali stipulati mill-liġi nazzjonali.

    2.   Id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu ibbażati fuq theddida għall-politika pubblika jew għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali li l‑preżenza ta’ aljen f’territorju nazzjonali tista’ tippreżenta.

    Din is-sitwazzjoni tista’ tinqala’ b’mod partikolari fil-każ ta’:

    a)

    aljen misjub ħati ta’ reat li jġorr miegħu penali li tinvolvi teħid tal‑libertà għal mill-inqas sena;

    […]

    3.   Id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq il-fatt li l-aljen kien soġġett għal miżuri li jinvolvu d-deportazzjoni, ċaħda ta’ dħul jew tneħħija li ma jkunux ġew imneħħija jew sospiżi, inkluża jew flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul jew, fejn applikabbli, projbizzjoni ta’ residenza, ibbażata fuq ksur ta’ regolamenti nazzjonali dwar id-dħul jew residenza ta’ aljeni.”

    14.

    L-Artikolu 134 tal-KTFS jipprovdi:

    “Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-[k]onvenzjoni għandhom japplikaw biss sa fejn dawn ikunu kompatibbli mal-liġi [tal-Unjoni].”

    b) Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006

    15.

    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) ( 7 ), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 ( 8 ), jipprovdi:

    “Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il‑perjodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il‑kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

    a)

    ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar li jintitola lid-detentur jaqsam il-fruntiera […];

    […]

    d)

    ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-SIS sabiex jiġi miċħud id-dħul;

    e)

    mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid‑databases nazzjonali ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id‑dħul għall-istess raġunijiet.”

    B.   Id-dritt Svediż

    16.

    L-utlänningslagen (il-Liġi dwar il-Barranin), tad‑29 ta’ Settembru 2005 ( 9 ), tipprevedi, fl-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 tagħha:

    “Barrani li jidħol jew li jirrisjedi fl-Isvezja għandu jkollu passaport.”

    17.

    L-Artikolu 3 tal-Kapitolu 5 ta’ din il-liġi jipprovdi:

    “Permess ta’ residenza jingħata, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal‑Artikoli 17 sa 17 b:

    1.   lil kull ċittadin barrani li l-konjuġi jew is-sieħeb konkubin tiegħu huwa residenti jew ingħata permess ta’ residenza fl-Isvezja,

    […]”

    18.

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Kapitolu 5 ta’ din il‑liġi:

    “Barrani li, bis-saħħa tal-Artikolu 8, ingħata permess ta’ residenza temporanja minħabba rabtiet familjari jista’ jikseb permess ta’ residenza temporanja jew permanenti ġdid għal din ir-raġuni biss jekk ir-rabtiet inkwistjoni jkunu għadhom eżistenti.”

    19.

    L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 17a tal-Kapitolu 5 tal-Liġi dwar il-Barranin, jipprevedu:

    “Fis-sitwazzjonijet imsemmija fl-Artikolu 3, il-ħruġ ta’ titolu ta’ residenza jista’ jiġi rrifjutat:

    1.

    jekk informazzjoni ineżatta tkun ġiet ikkomunikata deliberatament jew ċirkustanzi jkunu ġew deliberatament mistura, u li huma essenzjali għall-kisba ta’ permess ta’ residenza; [jew]

    2.

    fil-każ ta’ adozzjoni, ta’ żwieġ jew ta’ konkubinaġġ min-naħa tal-barrani bis-sempliċi għan li jgawdi minn permess ta’ residenza; jew

    3.

    jekk il-barrani jirrappreżenta theddida għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika.

    Il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jista’ jiġi rrifjutat ukoll fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 u l-punt 2(b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 jekk:

    1.

    il-konjuġi jew l-imsieħba ma jgħixux flimkien bħala koppja jew ma għandhomx tali intenzjoni; [jew]

    2.

    il-persuna li magħha hija invokata rabta ta’ relazzjoni jew il-barrani li qed jitlob il-permess ta’ residenza huma diġà miżżewġin jew jgħixu f’konkubinaġġ ma’ persuna oħra; jew

    3.

    wieħed mill-konjuġi jew mill-imsieħba għandu inqas minn tmintax-il sena.”

    III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    20.

    A huwa ċittadin Gambjan ( 10 ) li jgħix fl-Isvezja. Huwa kiseb permess ta’ residenza temporanja sabiex jingħaqad ma’ martu ta’ nazzjonalità Svediża f’data li ma hijiex indikata fid-deċiżjoni tar-rinviju. Din l-applikazzjoni ġiet aċċettata qabel id-dħul tal-persuna kkonċernata fl‑Isvezja. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li huwa raġonevoli li, f’dak il‑mument, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kkunsidraw li l-identità tal-persuna kkonċernata kienet stabbilita u li l-passaport tiegħu kien jissodisfa r-rekwiżiti mitluba mil-leġiżlazzjoni Svediża.

    A.   L-eżami tal-applikazzjoni għal tiġdid ta’ permess ta’ residenza mill-Uffiċċju tal-Migrazzjoni

    21.

    A ressaq applikazzjoni għal tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu quddiem l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni f’data li ma hijiex indikata fid‑deċiżjoni tar-rinviju. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju tal‑Migrazzjoni ċaħad din it-talba (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”) minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li l-identità tiegħu ma kinitx ġiet stabbilita ( 11 ).

    22.

    Waqt l-eżami ta’ din l-applikazzjoni, l-Uffiċċju tal‑Migrazzjoni ġie informat mill-pulizija Norveġiża li l-persuna kkonċernata kienet użat, fin-Norveġja, diversi identitajiet foloz, jiġifieri, l‑ewwel, l-identità ta’ B, ta’ nazzjonalità Gambjana, imwieled fit-18 ta’ Awwissu 1975 (skont passaport falz), imbagħad l-identità ta’ C, applikant għal ażil mingħajr dokumenti, imwieled fit‑12 ta’ Diċembru 1982, u, fl-aħħar nett, l-identità ta’ D, imwieled fit‑8 ta’ Awwissu 1980, ta’ nazzjonalità Gambjana (skont passaport ieħor li nstab waqt tfittxija). Huwa taħt din l-aħħar identità li l-persuna kkonċernata kienet ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija ta’ 120 jum fin‑Norveġja minħabba t-twettiq ta’ ksur relatat ma’ pussess u bejgħ ta’ prodotti stupefaċenti (kokaina). Kien ukoll taħt din l-aħħar identità li l-persuna kkonċernata kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju Norveġiż, akkumpanjata minn projbizzjoni definittiva milli tidħol fit‑territorju kif ukoll ta’ allert fis-SIS. Din is-sistema tidentifika lill-persuna kkonċernata bl-isem ta’ D, imwieled fit‑8 ta’ Awwissu 1980 u ta’ nazzjonalità Gambjana.

    23.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li huwa taħt din l-identità, u waqt li kienet f’Dakar (is-Senegal), li l-persuna kkonċernata kienet ressqet applikazzjoni għal permess ta’ residenza li ġiet eżaminata mill‑awtoritajiet Svediżi. Din l-applikazzjoni kienet ġiet miċħuda minħabba li kienet ibbażata fuq żwieġ ta’ konvenjenza.

    B.   Ir-rikors imressaq quddiem il-qorti tar-rinviju

    24.

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Förvaltningsrätten i Malmö, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Malmö, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni) tistaqsi dwar ir‑rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni dwar kif tiġi stabbilita l-identità ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jressaq, waqt li jkun diġà fit-territorju nazzjonali, applikazzjoni għal permess ta’ residenza li la hija bbażata fuq raġunijiet ta’ protezzjoni u lanqas fuq raġunijiet umanitarji.

    25.

    Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tispjega li, skont il-liġi Svediża, il-ħruġ ta’ tali permess ta’ residenza jippreżupponi li l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ġiet stabbilita b’ċertezza, li, fil-prattika, ifisser li jiġi ppreżentat passaport validu għall-perijodu li jkopri l-permess ta’ residenza. Il-Liġi dwar il-Barranin ma tirrikjedi ebda obbligu ieħor ħlief dak tal-pussess ta’ passaport. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li hemm eċċezzjoni għal din ir-regola fir-rigward ta’ applikazzjonijiet imressqa minn ċittadini ta’ pajjiż terz li l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ma jipprovdix dokumenti ta’ stat ċivili aċċettabbli.

    26.

    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-ġurisprudenza nazzjonali sabiex turi d-dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    27.

    Inizjalment, il-Migrationsöverdomstolen (il-Qorti Superjuri tal‑Immigrazzjoni, l-Isvezja), fis-sentenza nru MIG 2011:11, tat-12 ta’ Mejju 2011, kienet iddeċidiet li, fir-rigward tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għal żmien determinat, ibbażat fuq rabta ta’ konnessjoni mar-Renju tal‑Isvezja (pereżempju, għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja jew għall-finijiet ta’ studji jew tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali), ikun meħtieġ li jintalab li l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tiġi stabbilita b’ċertezza sabiex jiġu ssodisfatti l-impenji previsti fil-kuntest tal-KTFS u tal-KFS.

    28.

    Sussegwentement, il-Förvaltningsrätten i Stokkolma, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Stokkolma, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, l-Isvezja) iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16 f tal-lag om tillfälliga begränsningar av möjligheten att få uppehållstillstånd i Sverige (il-Liġi dwar Restrizzjonijiet Provviżorji għall-Possibbiltà li Jinkiseb Permess ta’ Residenza fl-Isvezja) ( 12 ), tat-22 ta’ Ġunju 2016, huma kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tal-KTFS u tal-KFS inkwantu jippermettu l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, anki jekk ikun hemm inċertezza dwar l-identità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u minkejja li ma jkunx jista’ jipproduċi prova prima facie tal-identità ddikjarata minnu.

    29.

    Ulterjorment u finalment, il-Migrationsöverdomstolen (il-Qorti Superjuri tal-Immigrazzjoni) iddeċidiet li l-prinċipji ddikjarati fis-sentenza tagħha nru MIG 2011:11, tat‑12 ta’ Mejju 2011, jirrigwardaw biss l‑applikazzjonijiet ta’ permessi ta’ residenza mressqa miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi meta jkunu jinsabu barra miż-żona Schengen. Barra minn hekk, hija annullat is-sentenza mogħtija mill-Förvaltningsrätten i Stokkolma, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti fi Stokkolma, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni) iċċitata fil-punt preċedenti f’dawn il-konklużjonijiet u awtorizzat il-livell inqas oneruż ta’ provi previst fl-Artikolu 16 f tal-Liġi dwar Restrizzjonijiet Provviżorji. B’hekk, huwa possibbli li jingħata permess ta’ residenza għal finijiet ta’ studji fil-livell post-sekondarju tal-edukazzjoni sekondarja lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab diġà fit-territorju nazzjonali minkejja li jkun hemm inċertezza dwar l-identità tiegħu u minkejja li ma jkunx jista’ jipproduċi prova prima facie tal-identità ddikjarata minnu.

    30.

    Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal‑Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-KTFS u tal-KFS jirrikjedux li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jistabbilixxi l-identità tiegħu b’ċertezza meta jressaq, waqt li jkun jinsab diġà fit-territorju nazzjonali, applikazzjoni għal permess ta’ residenza li la hija bbażata fuq raġunijiet ta’ protezzjoni u lanqas fuq raġunijiet umanitarji.

    C.   Id-domandi preliminari

    31.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, il‑Förvaltningsrätten i Malmö, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Malmö, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tal-[KTFS], b’mod partikolari d‑dispożizzjonijiet relatati mar-riċerki sistematiċi fis-[SIS], u tal‑[KFS], b’mod partikolari l-obbligu stabbilit fih dwar id‑detenzjoni ta’ passaport validu, jipprekludu l-għoti ta’ permess ta’ residenza permezz ta’ talba mressqa fl-Isvezja, li la tkun ibbażata fuq raġunijiet ta’ protezzjoni u lanqas fuq raġunijiet umanitarji, sa fejn l-identità tal-persuna li tkun ressqet it-talba ma tkunx stabbilita b’mod ċar?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta affermattiva, l-istabbiliment tal-identità jista’ jkun suġġett għal eċċezzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni jew il‑ġurisprudenza nazzjonali?

    3)

    Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, liema eċċezzjonijiet jippermetti d-dritt tal-Unjoni, jekk ikun il-każ?”

    32.

    A, l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni, il-Gvern Svediż, Olandiż u dak Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub.

    33.

    Wara li s-seduta prevista għat-18 ta’ Marzu 2020 tħassret, ġie deċiż, bi qbil mal-Imħallef Relatur, sabiex skont l-Artikolu 62(1) tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, isiru mistoqsijiet li għalihom A, l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni, il-Gvern Svediż u l‑Kummissjoni wieġbu bil-miktub fit-terminu mogħti.

    IV. Analiżi

    34.

    Qabel ma ngħaddi għall-eżami tad-domandi preliminari, jidhirli utili li nagħmel xi osservazzjonijiet preliminarji.

    A.   Osservazzjonijiet preliminarji

    35.

    L-ewwel osservazzjoni tirrigwarda l-għan tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    36.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dispożizzjonijiet tal‑KTFS jew tal-KFS jipprekludux li Stat Membru jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob, mit-territorju tal-Istat li fih jinsab, permess ta’ residenza la huwa bbażat fuq raġunijiet ta’ protezzjoni u lanqas fuq raġunijiet umanitarji, minkejja li ma jistabbilixxix l-identità tiegħu b’ċertezza. Jekk ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sa fejn Stat Membru jista’ jidderoga mill-prinċipju li l-identità għandha tiġi stabbilita (it-tieni domanda) u jekk id-dritt tal-Unjoni jistax jawtorizza eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju (it-tielet domanda).

    37.

    Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn id-domandi huma fil‑qalba ta’ diskussjoni ġurisprudenzjali fl-Isvezja. Fil-fatt, huwa interessanti li jiġi rrilevat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tixbah ħafna lil dik imressqa fl-10 ta’ Awwissu 2018 mill-Förvaltningsrätten i Göteborg, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Göteborg, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, l-Isvezja) u rtirata xi ġimgħat iktar tard ( 13 ). Din it-talba kienet tirrigwarda, essenzjalment, il-konformità, fir-rigward tal-KTFS u tal-KFS, tad‑dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16 f tal-Liġi dwar Restrizzjonijiet Provviżorji, li jagħmlu inqas onerużi r-rekwiżiti relatati mal-prova tal-identità ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jixtieq ikompli l-istudji fil-livell post-sekondarju tal-edukazzjoni sekondarja kif spjegat fil-punti 28 u 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 14 ).

    38.

    Ċertament, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa differenti minn dak preċedenti peress li jirrigwarda l-ammissibbiltà tar‑regola tad-dritt komuni li tirrikjedi, għall-kuntrarju, li l-identità tal‑applikant għal permess ta’ residenza tkun stabbilita b’ċertezza permezz tal-preżentazzjoni, fil-prattika, ta’ passaport validu għall‑perijodu li jkopri l-permess ta’ residenza. Madankollu, dawn iż‑żewġ kawżi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni dwar il-livell ta’ prova mitlub sabiex tiġi stabbilita l-identità ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li jressaq, mit-territorju tal-Istat Membru fejn joqgħod, applikazzjoni għal permess ta’ residenza (Kawża C‑526/18) jew ta’ tiġdid tiegħu (C‑193/19).

    39.

    Lil hinn mill-kuntest li fih tiħdol din il-kawża, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tifformula opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda għandha tinterpreta regola tal-Unjoni sabiex tissodisfa ħtieġa inerenti għal soluzzjoni effettiva tat-tilwima ( 15 ). Għalhekk ser niffoka l-eżami tiegħi fuq is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, bħal A, kien is‑suġġett ta’ allert fis-SIS għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fiż-żona Schengen u li jitlob it-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu għal finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

    40.

    It-tieni osservazzjoni tirrigwarda l-portata tal-kjarifiki pprovduti mill-qorti tar-rinviju u t-tweġibiet mogħtija mill-partijiet għall-mistoqsijiet li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    41.

    Minn dawn il-kjarifiki u minn dawn it-tweġibiet jirriżulta li s‑sitwazzjoni personali ta’ A u, b’mod partikolari, ir-rabtiet familjari li dan tal-aħħar għandu fl-Isvezja, inbiddlu b’mod sinjifikattiv mill‑adozzjoni tad‑deċiżjoni kontenzjuża. Fid-dawl tat-tqassim tal‑kompiti bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti tar-rinviju, nikkunsidra bħala stabbilit, għall-finijiet tal-konklużjonijiet, li A, fil-jum tal‑adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, talab it-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadina Svediża, kif inhu espressament ikkonstatat fid-deċiżjoni tar-rinviju, mingħajr dan ma tqiegħed inkwistjoni minn waħda mill-partijiet. Nikkunsidra bħala stabbilit ukoll li, fil-qafas tal‑eżami ta’ din l-applikazzjoni, l-Uffiċċju tal‑Migrazzjoni ikkunsidra wkoll il-fatt li A kien il-missier ta’ żewġ ulied Norveġiżi u li kellu relazzjoni ma’ ommhom, ta’ nazzjonalità Norveġiża, li kollha kienu residenti fl-Isvezja.

    42.

    Minn dawn il-kjarifiki u mill-imsemmija tweġibiet jirriżulta wkoll li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, l-ewwel rabta familjari, li tirriżulta miż-żwieġ ma’ ċittadina Svediża, ma ġietx meqjusa awtentika. Fir-rigward tat-tieni rabta li torbot lil A ma’ wliedu u ma’ ommhom, jidhirli li din ma ġietx meqjusa effettiva, b’tali mod li ma kien hemm ebda ostakolu għat‑tneħħija tal-persuna kkonċernata mit-territorju Svediż ( 16 ). Minn dawn id-dokumenti jirriżulta wkoll li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, A ddivorzja liċ-ċittadina Svediża u li wliedu, ta’ nazzjonalità Norveġiża, telqu mill-Isvezja, flimkien ma’ ommhom, sabiex imorru n‑Norveġja.

    B.   Fuq id-domandi preliminari

    43.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal‑Unjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 25(1) tal-KTFS u l‑Artikolu 5(1)(a) tal-KFS jipprekludux lil Stat Membru milli jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza li la huwa bbażat fuq raġunijiet ta’ protezzjoni u lanqas fuq raġunijiet umanitarji, minkejja li japplika għal dan il-permess mit-territorju tal-Istat Membru fejn jinsab u li ma jkunx stabbilixxa l-identità tiegħu b’ċertezza.

    44.

    Fi kliem ieħor, u fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, il‑kwistjoni hija dwar jekk u, jekk ikun il-każ, sa fejn id-dritt tal-Unjoni jirrikjedi li tiġi stabbilita l-identità ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob it‑tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu mogħti għall-finijiet tar‑riunifikazzjoni tal-familja.

    45.

    Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata wkoll il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jissuġġetta l-ħruġ ta’ tali permess ta’ residenza għall-preżentazzjoni ta’ passaport validu għall-perijodu li jkopri l-permess ta’ residenza. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-liġi Svediża tirrikjedi l‑preżentazzjoni ta’ tali dokument li tippermetti li l-identità tal-applikant tiġi stabbilita b’ċertezza.

    46.

    Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, jidhirli li l‑kwistjoni għandha wkoll tiġi eżaminata fid-dawl tad-Direttiva 2003/86 u, b’mod partikolari, tar-regoli u tal-prinċipji li din id-direttiva tistabbilixxi dwar il-prova tal-identità tal-membru tal-familja kkonċernata.

    47.

    Is-sitwazzjoni inkwistjoni taqa’, b’mod ċar, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 tal-KTFS, imsemmija espressament mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, peress li A ressaq applikazzjoni għal tiġdid ta’ permess ta’ residenza li kien kiseb fl-Isvezja għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal‑familja, filwaqt li l-awtoritajiet Norveġiżi kienu pproċedew b’allert fil-konfront tiegħu għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fis-SIS.

    48.

    Madankollu, għandu jkun hemm ukoll applikazzjoni armonjuża tad‑dispożizzjonijiet kollha rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Għal dan il‑għan, il-kundizzjonijiet ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz stabbiliti mill-KTFS għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Kif turi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn ir-regoli għandhom ikunu kkoordinati bejniethom ( 17 ). Il-Protokoll li jintegra l‑acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ Amsterdam ( 18 ), b’hekk jirrileva, fit-tielet paragrafu tal-preambolu tiegħu, li d-“disposizzjonijiet ta’ l-Acquis ta’ Schengen huma applikabli biss jekk u sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-ligi ta’ l-Unjoni” ( 19 ). L‑Artikolu 1 ta’ dan il-Protokoll jispjega li l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-acquis ta’ Schengen għandha titwettaq fil-qafas legali u istituzzjonali tal-Unjoni u b’osservanza tat-Trattati. Ir‑Regolament Nru 265/2010 ukoll ma jħalli ebda dubju peress li jispjega, fil-premessa 8 tiegħu, li l-implimentazzjoni tiegħu “ma għand[hiex] [t]affettwa l-obbligu tal-Istati Membri li joħorġu permessi għal residenza għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi kif previst minn strumenti oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva […] 2003/86”.

    49.

    Din il-kawża tirrigwarda l-kundizzjonijiet li għalihom Stat Membru jista’ jissuġġetta l-ħruġ u, b’mod partikolari, it-tiġdid ta’ permess ta’ residenza mitlub minn ċittadin ta’ pajjiż terz għall-finijiet tar‑riunifikazzjoni tal-familja. Filwaqt li din l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza kienet, oriġinarjament, immotivata bir-rabtiet familjari ta’ A ma’ ċittadina Svediża, din l-applikazzjoni kienet, sussegwentement, ibbażata fuq ir-rabtiet familjari ta’ A ma’ ċittadina Norveġiża u l-ulied Norveġiżi tal-koppja.

    50.

    Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettu lil dik il-qorti tevalwa l-konformità ta’ dispożizzjonijiet tad‑dritt nazzjonali jew ta’ prattika nazzjonali mar-regoli tad-dritt tal‑Unjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża li hija jkollha quddiemha ( 20 ).

    51.

    L-Uffiċċju tal-Migrazzjoni u l-Gvern Svediż jispjegaw, fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE ( 21 ) ma hijiex rilevanti sabiex tinsab soluzzjoni għall-kwistjoni dwar jekk A jistax jibbenefika minn permess ta’ residenza skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Huma jirrilevaw li din id-direttiva hija trasposta, fid-dritt Svediż, f’kapitolu differenti tal-Liġi dwar il-Barranin, jiġifieri mhux fil‑Kapitolu 5 li fih taqa’ l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, iżda fil‑Kapitolu 3 tagħha, u barra minn hekk, ma tirrigwardax il‑kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ permess ta’ residenza, kif inhu l-każ f’din il-kawża, iżda l-kundizzjonijiet ta’ għoti tad-dritt ta’ residenza. Skont l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni, id-dispożizzjonijiet relatati mar-residenza li hija inkwistjoni f’dan il-każ ma jaqgħu bl-ebda mod taħt id-Direttiva 2004/38, kif ikkonfermat mill‑ġurisprudenza nazzjonali.

    52.

    Min-naħa l-oħra, il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni ta’ A, jirrilevaw li, waqt it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/86 fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, ir-Renju tal-Isvezja għażel li japplika d-dispożizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għal kull persuna li tirrisjedi fl-Isvezja, irrispettivament min-nazzjonalità tagħha. B’konformità mal-osservazzjonijiet imressqa mill-Gvern Svediż, il‑qorti tar-rinviju b’hekk aċċettat li, f’sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata tallega rabtiet kemm ma’ ċittadina Svediża kif ukoll ma’ ċittadini Norveġiżi li jirrisjedu fit-territorju Svediż, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 ikunu ġew reżi applikabbli mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja ( 22 ).

    53.

    Fid-dawl ta’ dawn il-punti, jidhirli li d-domandi preliminari għandhom jiġu eżaminati mhux biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-KTFS u tal-KFS, iżda wkoll ta’ dawk previsti fid‑Direttiva 2003/86.

    1. Il-kundizzjonijiet ta’ dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fiż-żona Schengen previsti fl-Artikolu 5 tal-KTFS

    54.

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu, il-KTFS għandu l‑għan li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-kontroll fuq il-fruntieri ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen ( 23 ).

    55.

    Filwaqt li l-Artikolu 5(1)(a) tal-KTFS, li għalih tagħmel riferiment il‑qorti tar-rinviju, jipprevedi l-obbligu għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li “ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar li jintitola lid-detentur jaqsam il-fruntiera”, din il-kundizzjoni hija applikabbli għad-dħul u permanenza fiż-żona Schengen “ta’ mhux aktar minn 90 jum”. Għalhekk din id-dispożizzjoni ma tirregolax is-sitwazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li, bħal A, ikun diġà jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, f’dan il-każ l-Isvezja, u li diġà jibbenefika minn permess ta’ residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ( 24 ). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑Artikolu 5 tal-KTFS japplika għal ċittadini ta’ pajjiż terz a priori mingħajr rabtiet mat-territorju tal-Unjoni u li fir-rigward tagħhom il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kellhomx dritt fundamentali li jidħlu u jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat partikolari ( 25 ).

    56.

    Minn dawn il-punti jirriżulta li l-Artikolu 5(1)(a) tal-KTFS ma huwiex id-dispożizzjoni rilevanti applikabbli għal A u ma jippermettix li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju.

    2. Il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa suġġett ta’ allert fis-SIS għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul, previsti fl-Artikolu 25(1) tal-KTFS

    57.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(1) tal-KTFS.

    58.

    Nirrileva li din id-dispożizzjoni tapplika għas-sitwazzjoni li fiha Stat kontraenti jikkunsidra joħroġ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz ( 26 ). Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, jidhirli li din id-dispożizzjoni hija applikabbli wkoll għall-każ ta’ applikazzjoni għal tiġdid ta’ permess ta’ residenza peress li din l-applikazzjoni titressaq waqt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun diġà jinsab fit-territorju tal-Istat kontraenti. L-Artikolu 27 tar-Regolament 2018/1861, li ssostitwixxa l‑Artikolu 25(1) tal-KTFS, barra minn hekk juża l-espressjoni “[m]eta Stat Membru jikkunsidra li jagħti jew jestendi permess ta’ residenza” ( 27 ).

    59.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 25(1) tal-KTFS ma għandux l-għan li jiddefinixxi r-rekwiżiti legali ta’ dħul fi Stat Membru li ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa s-suġġett ta’ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fis-SIS, għandu jissodisfa sabiex jikseb il-permess ta’ residenza mitlub.

    60.

    Din id-dispożizzjoni għandha biss l-għan li tistabbilixxi mekkaniżmu bbażat fuq azzjoni miftehma u koerenti tal-Istati kontraenti sabiex jipprevjenu s-sitwazzjonijiet li fihom ikunu jikkoeżistu, fir-rigward tal‑istess ċittadin ta’ pajjiż terz, allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fis-SIS imwettaq minn Stat kontraenti (iktar ’il quddiem l-“Istat li joħroġ l-allert”) u permess ta’ residenza maħruġ minn Stat kontraenti ieħor (iktar ’il quddiem l-“Istat mitlub” jew l-“Istat ta’ ħruġ). Din id‑dispożizzjoni hija relatata ma’ dawk tal-Artikoli 6 u 11 tad‑Direttiva 2008/115 flimkien, li huma intiżi li jistipulaw, skont l-istess modalitajiet, is-sitwazzjonijiet li fihom ikunu jikkoeżistu, fir-rigward tal-istess ċittadin ta’ pajjiż terz, projbizzjoni ta’ dħul maħruġa minn Stat Membru u permess ta’ residenza mogħti minn Stat Membru ieħor.

    61.

    Fl-ewwel lok, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tal-KTFS jistipula obbligu ta’ konsultazzjoni sistematika tas-SIS qabel il-ħruġ ta’ kull permess ta’ residenza. Dan l-obbligu, li jissemma espressament mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, ġie introdott bir-Regolament Nru 265/2010. Huwa għandu jippermetti lil kull Stat kontraenti adit minn applikazzjoni għal permess ta’ residenza jieħu konjizzjoni tal-eżistenza ta’ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fis-SIS li għalih huwa suġġett iċ‑ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat minn Stat kontraenti ieħor ( 28 ).

    62.

    Skont l-Artikolu 96 tal-KTFS, tali allert jista’ jkun ibbażat fuq it‑theddida għall-ordni pubbliku meta l-individwu jkun ġie kkundannat għal ksur b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas sena (il-punt a) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2)) jew meta kien is-suġġett ta’ miżura bbażata fuq il-ksur ta’ regola nazzjonali relatata mad-dħul jew mar‑residenza ta’ barranin (il-paragrafu 3). Tali allert iwassal għal projbizzjoni ta’ dħul fiż‑żona Schengen kollha u għall-impossibbiltà li persuna tibbenefika minn viża ( 29 ). Minn dan isegwi, fil-mekkaniżmu previst mill-KTFS, li persuna bħal A ma tkunx tista’, bħala regola, tikseb permess ta’ residenza fiż-żona Schengen. Madankollu, il-mekkaniżmu tal-Artikolu 25(1) tal-KTFS ma għandux l-effett li jwassal għal rifjut sistematiku tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza.

    63.

    Fit-tieni lok, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tal-KTFS jipprevedi l-każ li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun suġġett ta’ allert għall‑finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fis-SIS.

    64.

    Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni minn qabel tal-Istat li joħroġ l-allert fil-każ fejn l-Istat mitlub jikkunsidra, xorta waħda u minkejja dan l-allert, li joħroġ permess ta’ residenza lil din il-persuna ( 30 ). Dan il-mekkaniżmu għandu jippermetti lill-Istat mitlub li jieħu konjizzjoni tar-raġunijiet li fuqu huwa bbażat l-allert u li jadotta miżuri eventwali għall-finijiet tal-ordni pubbliku tiegħu u tas-sigurtà pubblika tiegħu ( 31 ). F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86, dan il-mekkaniżmu jippermetti wkoll lill-Istat mitlub li jiddisponi minn informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni individwali tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenti. Min-naħa l‑oħra, l-Istat mitlub huwa obbligat jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-Istat li joħroġ l-allert.

    65.

    Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tal-KTFS jistipula li r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta pajjiż terz li huwa suġġett ta’ allert għandhom ikunu “sostantivi”, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni jkopri “notevolment” raġunijet “umanitarji jew minħabba impenji internazzjonali” ( 32 ). Bl-użu tal-avverbju “notevolment”, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-ħsieb li jipproteġi marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat mitlub fir-rigward tan-natura tar-raġunijiet li huwa jista’ jinvoka. L-element determinanti huwa n-natura sostantiva tal-motiv ( 33 ). Fir-rakkomandazzjoni tagħha tas-6 ta’ Novembru 2006 ( 34 ), il-Kummissjoni indikat li r-raġunijiet “umanitarji” jkopru, pereżempju, is-sitwazzjoni li fiha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiffaċċja mard serju u f’daqqa jew bil-mewt ta’ membru ta’ familja qrib, u dak “minħabba impenji internazzjonali” bħalma tkopri s-sitwazzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali ( 35 ).

    66.

    Madankollu nemmen li l-kunċett ta’ “raġunijiet sostantivi” għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv sabiex jieħu inkunsiderazzjoni kemm l-interessi tal-Istat li joħroġ l-allert kif ukoll l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Istati Membri fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Fil-fatt, l-Istat li jadotta deċiżjoni ta’ tneħħija u li jordna projbizzjoni ta’ dħul fiż-żona Schengen jaġixxi mhux biss fl-interessi tiegħu u dawk taċ-ċittadini tiegħu, iżda wkoll għas‑sigurtà tagħhom u ta’ dawk li jgħixu fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Issa, l-għoti ta’ permess ta’ residenza f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni jwasslu, konformement mal-Artikolu 25(1) tal‑KTFS, għall-irtirar tal-allert ta’ A fis-SIS. Infakkar li din il-persuna diġà użufruwixxiet minn moviment fiż-żona Schengen billi użat diversi identitajiet abbażi ta’ dokumenti ffalsifikati sabiex tibbenefika b’mod abbużiv minn dritt ta’ residenza, u tista’ tadotta l-istess manuvri fi Stat Membru ieħor billi tieħu vantaġġ mit‑tneħħija tal-kontrolli mal-fruntieri interni. Huwa għalhekk sabiex jiġu kkunsidrati l-interessi inkwistjoni li jidhirli li huwa essenzjali li l-kunċett ta’ “raġunijiet sostantivi” jiġi interpretat b’mod ristrettiv. F’dan il-kuntest, naħseb li jikkostitwixxu raġunijiet “sostantivi” dawk li jippermettu liċ‑ċittadin ta’ pajjiż terz jeżerċita d-drittijiet li huwa jislet mill-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”), b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja (l‑Artikolu 7 tal-Karta) kif ukoll dawk li jippermettu li jiġi żgurat ir‑rispett tad-drittijiet tal-wild (l-Artikolu 24 tal-Karta). Dan madankollu jindika li l-Istat mitlub jeżamina l-awtentiċità, ir-realtà u l-effettività tar‑rabta familjari allegata u jipproċedi, kif enfasizzat il-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub, billi jibbilanċja l-interessi taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma’ dawk tal-Istati Membri.

    67.

    Fit-tielet lok, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tal-KTFS jipprevedi li l-għoti ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz mill-Istat tal‑għoti jirrestrinġi lill-Istat li joħroġ l-allert milli jirtira l-allert. Madankollu, dan tal-aħħar iżomm il-possibbiltà li jirreġistra lil dan iċ‑ċittadin fil-lista nazzjonali ta’ allert.

    68.

    Minn din l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 25(1) tal-KTFS jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tistabbilixxix il-kundizzjonijiet legali li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jissodisfa sabiex jidħol u jirrisjedi fit‑territorju ta’ Stat Membru, fosthom li tiġi stabbilita l-identità tiegħu, u dan b’differenza għall-Artikoli 5 u 15 tal-imsemmija konvenzjoni. L‑Artikolu 25(1) tal-KTFS huwa bbażat fuq il-premessa li dan iċ-ċittadin ma huwiex konformi mar-regoli dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza fiż-żona Schengen, u kien għalhekk li kien suġġett ta’ allert. Permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried sempliċement jistabbilixxi proċedura miftehma bejn l-Istati kontraenti f’każ fejn wieħed minnhom ikollu l-ħsieb li jidderoga mill-projbizzjoni ta’ dħul li għaliha jkun suġġett iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz wara li jinħareġ l-allert.

    69.

    Ma jirriżulta minn ebda terminu tal-Artikolu 25(1) tal-KTFS li Stat Membru ma jkollux il-possibbiltà li jġedded permess ta’ residenza mogħti liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal‑familja sempliċement għaliex l-identità tiegħu ma tkunx ġiet stabbilita b’ċertezza.

    70.

    L-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika ta’ din id‑dispożizzjoni ssaħħaħ din l-interpretazzjoni.

    71.

    Fil-fatt, l-Artikolu 25(1) tal-KTFS huwa intiż biex jiżgura ekwilibriju ġust bejn, minn naħa, ir-rekwiżiti ta’ sigurtà li timponi żona mingħajr fruntieri interni, bħall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u, min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ flessibbiltà li għandhom l‑Istati Membri fir-rigward tal-politika ta’ migrazzjoni tagħhom. Dawn tal‑aħħar għandhom ċertu flessibbiltà fir-rigward tal-għoti ta’ permess ta’ residenza lil individwu li jinsab fil-pajjiż b’mod irregolari, biex b’hekk iżommu l-kontroll fuq id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fit‑territorju tagħhom. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħruġ tal‑permessi ta’ residenza ta’ perijodu ta’ iktar minn 90 jum jaqgħu, fil-parti l-kbira tagħhom, taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri ( 36 ). L‑Artikolu 25(1) tal-KTFS għalhekk, qabel kollox, għandu l-għan li jipproteġi l-interessi ta’ kull Stat kontraenti, l-Istat li joħroġ l-allert u l‑Istat tal-għoti, permezz ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni u, jekk ikun il‑każ, li jillimita l-għoti ta’ permessi ta’ residenza għal dawk ibbażati fuq motiv sostantiv.

    72.

    Din id-dispożizzjoni ma hijiex ġdida ġaladarba hemm dispożizzjonijiet ekwivalenti mhux biss fil-qafas tal-KTFS iżda wkoll fid-Direttiva 2008/115.

    73.

    B’hekk, l-Artikolu 5(4)(c) tal-KTFS jawtorizza lill-Istati kontraenti jawtorizzaw, għall-finijiet ta’ residenza li ma hijiex ta’ iktar minn 90 jum, lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ dħul stipulati fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni biex jidħol fit‑territorju tagħhom għal raġunijiet umanitarji jew ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. F’każ li dan iċ-ċittadin ikun is-suġġett ta’ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fis-SIS, l-Istat kontraenti ma għandux jikkonsulta, iżda għandu jinforma lill-Istati Membri kollha.

    74.

    Bl-istess mod, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115 moqri flimkien mal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, jippermetti, f’kull ħin, li Stat Membru jagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit‑territorju tiegħu dritt jew permess ta’ residenza awtonoma għal raġunijiet karitatevoli, umanitarji jew oħrajn, u dan anki fil-każ fejn Stat Membru ieħor ikun adotta kontra dan l-individwu deċiżjoni li tinvolvi l‑projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi, fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2008/115, proċedura ta’ konsultazzjoni preliminari bħal dik stabbilita fl‑Artikolu 25(1) tal-KTFS.

    75.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nikkunsidra li l‑Artikolu 25(1) tal-KTFS għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat kontraenti joħroġ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għalih mit-territorju ta’ dan l-Istat, minkejja li dan iċ-ċittadin ma jistax jistabbilixxi l-identità tiegħu b’ċertezza u kien suġġett ta’ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fis-SIS, bil-kundizzjoni li dan l‑għoti tal-permess isir wara l-konsultazzjoni mal-Istat kontraenti li jkun ħareġ l-allert u jkun bbażat fuq raġuni sostantiva.

    76.

    Madankollu din il-konklużjoni għandha tiġi kkwalifikata.

    77.

    Fil-fatt, il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25(1) tal-KTFS ma jagħmlux distinzjoni bejn, minn naħa, jekk il-permess ta’ residenza huwiex mitlub għal finijiet umanitarji, ta’ riunifikazzjoni tal-familja jew għal xi raġuni oħra u, min-naħa l-oħra, jekk l-applikazzjoni tressqitx quddiem l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew quddiem dawk ta’ Stat kontraenti. Konsegwentement, dan l-artikolu ma jinkludix il-kundizzjonijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni jelenka espressament fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86 fil-każ fejn l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza titressaq fi Stat Membru għall-finijiet tar‑riunifikazzjoni tal-familja. Għar-raġunijiet diġà esposti fl‑osservazzjonijiet preliminari tiegħi, konsegwentement għandhom jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet previsti fir-rigward ta’ din l-aħħar direttiva.

    3. Ir-rekwiżiti relatati mal-prova tal-identità fil-kuntest tad‑Direttiva 2003/86

    78.

    Ser nibda l-eżami tiegħi permezz ta’ analiżi testwali tal‑Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86. Sa fejn din id-dispożizzjoni tillimita ruħha titlob il-komunikazzjoni ta’ kopji ċċertifikati tad‑dokumenti tal‑ivvjaġġar tal-membri tal-familja tal-isponsor, mingħajr madankollu ma tispjega x’inhuma l-konsegwenzi marbuta mal-assenza tagħhom, ser nistudja l-kuntest u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil‑leġiżlazzjoni li fiha taqa’ din id-dispożizzjoni. Ser nikkunsidra wkoll il-limitazzjonijiet stretti imposti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja fir-rigward tal-eżerċizzju mill-Istati Membri tal‑marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta d‑dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandha tosserva kemm l-għanijiet u l-effett utli tagħha kif ukoll id-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma għandhiex tipprekludi eżami individwali tal-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal‑familja ( 37 ).

    a) Analiżi testwali tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86

    79.

    Fl-ewwel lok, u kif tfakkar fil-punt preċedenti ta’ dawn il‑konklużjonijiet, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 2003/86 jistipula li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt għal riunifikazzjoni tal‑familja għandha tkun akkumpanjata minn kopji ċċertifikati tad‑dokumenti tal-ivvjaġġar tal-membri tal-familja tal-isponsor ( 38 ).

    80.

    Id-dokumenti tal-ivvjaġġar, li fuqhom tista’ titqiegħed viża, ma humiex biss intiżi sabiex jistabbilixxu l-identità u n-nazzjonalità taċ‑ċittadin ta’ pajjiż terz, iżda wkoll sabiex jintwera, jekk ikun il-każ, il-qsim regolari tiegħu tal-fruntieri tal-Istat Membru jew tal-fruntieri esterni taż‑żona Schengen. Għalhekk ma hijiex sempliċement formalità amministrattiva bħal dik prevista fl-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva 2004/38. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li tipprevedi l-preżentazzjoni ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport validu, għandha biss bħala għan dak li tippermetti lill‑persuna kkonċernata tiġġustifika l-kwalità tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni sabiex teżerċita d-dritt tagħha għall-moviment liberu u lill-awtorità nazzjonali kompetenti tikkonstata dritt li jirriżulta direttament minn din il-kwalità.

    81.

    L-obbligu, previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 2003/86, li jiġi ppreżentat dokument tal-ivvjaġġar għandu diversi għanijiet.

    82.

    Qabel kollox, dan l-obbligu jippermetti li tiġi stabbilita l-identità u n-nazzjonalità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

    83.

    Fil-fatt, il-prova tal-identità, li dwarha tistaqsi l-qorti tar-rinviju, hija inerenti għall-prova tal-eżistenza ta’ rabta familjari li fuqha huwa bbażat id-dritt għar-riunifikazzjoni. Fis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX ( 39 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “fin-nuqqas ta’ karta ta’ l‑identità valida jew passaport validu, liema dokumenti jippermettu li l‑pussessur tagħhom jagħti l-prova ta’ l-identità jew tan-nazzjonalità tiegħu […], il-persuna kkonċernata ma tistax, bħala prinċipju, tagħti prova valida ta’ l-identità u, għalhekk, tar-rabtiet tal-familja tiegħu” ( 40 ).

    84.

    L-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ dokument tal-ivvjaġġar jippermetti, sussegwentement, skont il-każ, li jiġi pprovat il-qsim regolari tal-fruntieri tal-Istat Membru jew ta’ dawk, esterni, taż-żona Schengen. Fil-kuntest partikolari taż-żona Schengen, dan jikkostitwixxi għodda indispensabbli ta’ kontroll ta’ dħul u ta’ flussi migratorji fi ħdan territorju mingħajr fruntieri interni li għandu jiżgura l-moviment liberu tal-persuni filwaqt li jillimita r-riskji ta’ immigrazzjoni klandestina. Dan l-obbligu b’hekk jippermetti li jiġu miċħuda l-applikazzjonijiet minn ċittadini ta’ pajjiż terz li jippruvaw jużaw il-proċedura ta’ riunifikazzjoni tal-familja sabiex jillegalizzaw, b’mod abbużiv, id-dħul u r-residenza tagħhom fi Stat Membru.

    85.

    Finalment, dan l-obbligu jippermetti li jiġu kkorroborati d-dokumenti ta’ sostenn prodotti mhux biss bħala prova ta’ rabtiet familjari, iżda wkoll tal-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra rikjesti għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. Dawn il‑kundizzjonijiet huma msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2003/86. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jirrikjedi li l-persuna li titlob ir-riunifikazzjoni tal-familja tipproduċi l-prova li l-isponsor għandu abitazzjoni, assigurazzjoni għall‑mard jew inkella riżorsi sabiex jipprovdi għall-bżonnijiet tagħha. Sabiex jissodisfa dan ir-rekwiżit, din il-persuna għandha tibgħat dokumenti f’isimha, bħal kuntratt ta’ kiri, ċertifikat ta’ assigurazzjoni għall-mard, kuntratt ta’ xogħol jew inkella attestazzjonijiet tal-paga u kwalunkwe dokument li passaport jista’ jikkorrobora ( 41 ).

    86.

    Ir-rekwiżit stipulat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 2003/86 jippreżupponi li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ikunu validi, affidabbli u awtentiċi sabiex jiġu evitati applikazzjonijiet frawdolenti jew abbużivi. Barra minn hekk, huwa jimplika li dawn id‑dokumenti għandhom jiġu rrikonoxxuti bħala validi mill-Istat Membru li fih titressaq l-applikazzjoni. Ir-rikonoxximent tal‑validità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni tħejji l-lista ta’ dawn id-dokumenti rrikonoxxuti mill-Istati Membri u mill-Istati kontraenti abbażi ta’ informazzjoni miġbura fil-qafas tal‑kooperazzjoni stabbilita fiż-żona Schengen ( 42 ). Bħalissa, minn din il-lista jirriżulta li fir-rigward tad‑dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Gambja, l-Isvezja tirrikonoxxi bħala validu l-passaport (ordinarju, diplomatiku u tas-servizz) u d‑dokumenti tal-ivvjaġġar mogħtija fuq il-bażi tal-Konvenzjoni dwar l‑istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 ( 43 ).

    87.

    Fit-tieni lok, jidhirli li l-preżentazzjoni ta’ dokument tal-ivvjaġġar validu jista’ jintalab kemm meta ssir l-ewwel applikazzjoni għal permess ta’ residenza kif ukoll meta ssir applikazzjoni għat-tiġdid tiegħu. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jagħmel ebda distinzjoni relata mal-prova tal-identità, skont jekk l-applikazzjoni tressqitx meta l-membru tal-familja jirrisjedi barra mit-territorju tal-Istat Membru li fih jirrisjedi l‑isponsor (ipoteżi koperta bl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tad‑Direttiva 2003/86), jew jekk jinsabx diġà f’dan it-territorju (ipoteżi koperta bit-tieni paragrafu ta’ din id-direttiva). Barra minn hekk, l‑Artikolu 16(4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri huma awtorizzati jipproċedu b’kontrolli speċifiċi meta jkun hemm preżunzjonijiet fondati ta’ frodi, u dan anki meta jkun hemm applikazzjoni għal tiġdid ta’ permess ta’ residenza.

    88.

    Fit-tielet lok, nirrimarka li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jipprovdix inqas restrizzjonijiet jew eċċezzjonijiet għar-regola li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza għandha tkun akkumpanjata minn kopji ċċertifikati tad‑dokumenti tal-ivvjaġġar. Huwa lanqas ma jipprovdi l-konsegwenzi li l-Istat Membru għandu jislet mill-assenza ta’ dawn id-dokumenti. Id‑Direttiva 2003/86 ma tispjegax jekk din l-assenza tistax tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda l-applikazzjoni.

    89.

    Il-modalitajiet dwar il-prova tal-identità huma nettament differenti mid-dispożizzjonijiet partikolari dwar il-prova tar-rabtiet familjari. Din il-prova hija prevista fit-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 2003/86. Din id-dispożizzjoni tispjega li, fin-nuqqas ta’ evidenza dokumentarja li tipprova r-rabtiet familjari, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jirrikorru għal miżuri ta’ investigazzjoni addizzjonali billi jipproċedu, pereżempju, b’intervisti mal-isponsor u l‑membri tal-familja tiegħu. Issa, din il-possibbiltà li tirrikorri għal miżuri ta’ investigazzjoni addizzjonali hija prevista biss “biex tinkiseb evidenza li teżisti relazzjoni familjali”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jipprevedix dispożizzjonijiet simili fil-każ fejn il-membru tal-familja ma jippreżentax id-dokumenti tal-ivvjaġġar mitluba.

    90.

    Il-modalitajiet relatati mal-prova tal-identità taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz stipulati fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86 huma differenti wkoll mis-sistema partikolari stabbilita fl-Artikolu 11(2) ta’ din id‑direttiva favur dawk li jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni tistipula, b’mod ċar, li “[d]eċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni [ppreżentata minn refuġjat] tista’ ma tkunx ibbażata biss fuq il-fatt li provi dokumentati [uffiċjali li juru rabtiet familjari] jkunu nieqsa” u li “l-Istati Membri għandhom iqisu xiehda oħra”. Issa, nikkonstata li, fis-sistema ġenerali prevista fl-Artikolu 5(2) tal‑imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistipulax dispożizzjonijiet komparabbli, u b’hekk naqas milli jispjega jekk deċiżjoni ta’ rifjut li tirrigwarda ċittadin ta’ pajjiż terz, bħal A, tistax tkun ibbażata biss fuq in-nuqqas ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar mitluba.

    91.

    Għalhekk jidhirli li, fir-rigward ta’ din l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86, Stat Membru jista’ jitlob, għall‑finijiet tal-għoti ta’ permess ta’ residenza, li l-membru tal-familja kkonċernat jannetti mal-applikazzjoni tiegħu d-dokumenti tal-ivvjaġġar li jippermettu li jiġu stabbiliti l-identità u n-nazzjonalità tiegħu u, jekk ikun il-każ, li fuq il-bażi tagħhom huwa ġie awtorizzat jaqsam il-fruntieri esterni taż-żona Schengen.

    92.

    Madankollu, peress li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86 ma fih ebda indikazzjoni dwar il-konsegwenzi li Stat Membri jista’ jislet mill-assenza ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li jistabbilixxu l-identità u n‑nazzjonalità tal-membru tal-familja kkonċernat, jidhirli li huwa meħtieġ li ssir analiżi sistematika u teleoloġika tad-Direttiva 2003/86 sabiex tiġi evalwata jekk, u sa fejn, din il-kwistjoni taqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

    b) Analiżi sistematika tad-Direttiva 2003/86

    93.

    Fil-każ fejn il-membru tal-familja ma jasalx biex jistabbilixxi l‑identità tiegħu billi jippreżenta d-dokument tal-ivvjaġġar mitlub mill‑Istat Membru, jidhirli, fir-rigward tal-istruttura tad‑Direttiva 2003/86, li dan l-Istat Membru ma jistax, għal din ir-raġuni biss, jiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza għall-finijiet tar‑riunifikazzjoni tal-familja, b’mod partikolari meta tkun applikazzjoni għal tiġdid, mingħajr ma jkun sar eżami individwali tagħha minn qabel.

    94.

    Dan ir-rekwiżit huwa mitlub fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 li jkopri l-każijiet li fihom Stat Membru jikkunsidra jiċħad applikazzjoni, jirtira jew ma jġeddidx permess ta’ residenza, jew inkella tneħħija tal‑isponsor jew tal-membri tal-familja tiegħu. Skont il-Qorti tal‑Ġustizzja, l-obbligu ta’ eżami individwali jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali li huwa applikabbli waqt l-evalwazzjoni tan-natura probatorja tal-elementi li jipprovaw l-eżistenza ta’ rabtiet familjari ( 44 ).

    95.

    L-istess raġunament għandu jiġi segwit fir-rigward tal-eżami tad‑dokumenti prodotti għall-finijiet tal-prova tal-identità tal-applikant għar-riunifikazzjoni.

    96.

    Fil-fatt, qabel kollox, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 huwa redatt b’termini ġenerali, b’tali mod li ma jidentifikax ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ applikazzjoni, ta’ rtirar jew ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza.

    97.

    Sussegwentement, nirrileva li l-Artikolu 16(2)(a) u (4) ta’ din id‑direttiva jipprevedi li l-Istati Membri huma awtorizzati jirrifjutaw applikazzjoni għal dħul u residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal‑familja, jew jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, jekk ikun stabbilit, wara kontrolli speċifiċi li huma awtorizzati li jwettqu f’każ ta’ preżunzjonijiet, li ntużaw dokumenti foloz jew iffalsifikati sabiex jinkiseb il-permess ta’ residenza. Fl-opinjoni tiegħi, dan ikopri kemm id-dokumenti tal-ivvjaġġar kif ukoll id‑dokumenti li jipprovaw ir-rabtiet familjari bħal ċertifikati taż-żwieġ jew inkella ċertifikati tat-twelid. Issa, l-istabbiliment ta’ tali prova mill-awtorità nazzjonali kompetenti jippreżupponi li jkunu ġew issodisfatti numru ta’ fatti u ċirkustanzi, ibbażati, pereżempju, fuq bidla tad-dokument prodott, fuq il‑personalità tal-individwu jew inkella fuq il-passat tiegħu u fuq l-informazzjoni riċevuta li tirriżulta b’mod ċar minn evalwazzjoni individwali tal‑applikazzjoni ( 45 ).

    98.

    Finalment, tali interpretazzjoni toħroġ ukoll mill-punt 5.1. tal‑Linji gwida għall-applikazzjoni tad‑Direttiva 2003/86. Dawn jistipulaw li, “[j]ekk l-aċċess għal dokumenti tal-ivvjaġġar […] jkun partikolarment diffiċli jew perikoluż u għaldaqstant jista’ jikkostitwixxi riskju sproporzjonat jew ostaklu prattiku għall-eżerċitar effettiv tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet tal-każ u ċ-ċirkustanzi fil-pajjiż tal-oriġini. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, pereżempju fil-kuntest ta’ stat jew pajjiż fallut b’riskji ta’ sigurtà interna għoljin, l-Istati Membri huma mħeġġa jaċċettaw dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ emerġenza maħruġa mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, sabiex joħorġu laissez-passer nazzjonali f’direzzjoni waħda, jew joffru lill-membri tal-familja l‑possibbiltà li tinħarġilhom viża hekk kif jaslu fl-Istat Membru”.

    99.

    Dawn id-dispożizzjonijiet kollha juru l-kooperazzjoni li għandha tiġi stabbilita bejn il-membru tal-familja kkonċernat u l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja, b’mod partikolari, meta din titressaq mingħajr id-dokumenti mitluba ( 46 ).

    100.

    Skont ġurisprudenza stabbilita, eżami individwali jimplika li l‑awtorità nazzjonali kompetenti teżamina b’mod konkret is-sitwazzjoni tal-membru tal-familja kkonċernat, tevalwa b’mod eżawrjenti l-elementi rilevanti kollha tal-applikazzjoni tiegħu u tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod ekwilibrat u raġonevoli, l-interessi kollha inkwistjoni qabel ma tiddeċiedi dwarha ( 47 ). Fis-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Chakroun ( 48 ), il-Qorti tal‑Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi ammont ta’ dħul minimu, fejn jekk l-ammont ikun inqas iwassal sabiex kull riunifikazzjoni tal‑familja tiġi rrifjutata, sa fejn l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal‑familja tiġi rrifjutata indipendentament skont “eżami konkret tas‑sitwazzjoni ta’ kull applikant” ( 49 ).

    101.

    Nikkunsidra li, fil-każ ta’ applikazzjoni għal tiġdid ta’ permess ta’ residenza li r-rifjut tiegħu jimplika t-tkissir tal-ħajja familjari, huwa meħtieġ li l-Istat Membru jieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet konkreti li għalihom iċ‑ċittadin ta’ pajjiż terz ma jasalx jipprovdi d-dokument tal-ivvjaġġar kif ukoll il-kooperazzjoni u l-bona fide murija minnu. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż, pereżempju, li dan iċ-ċittadin ma jkunx f’pożizzjoni li jiġġustifika dokument tal-ivvjaġġar validu, għaliex dan ikun skada matul il-perijodu kopert bl-ewwel permess ta’ residenza.

    102.

    Fid-dawl ta’ dawn il-punti, u bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjonijiet li fihom huwa assolutament evidenti li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jonqos b’mod ċar mid-dover tiegħu ta’ kooperazzjoni jew ikun ressaq applikazzjoni frawdolenti, jiena tal-opinjoni, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2003/86, li Stat Membru ma jistax jiċħad applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja sempliċement għaliex il-membru tal-familja ma jippreżentax id‑dokument tal-ivvjaġġar mitlub mingħajr ma jkun twettaq eżami individwali minn qabel tas-sitwazzjoni.

    c) Analiżi teleoloġika tad-Direttiva 2003/86

    103.

    L-għan tad-Direttiva 2003/86 huwa li tiġi ffavorita r-riunifikazzjoni tal-familja billi jiġi permess li jingħata l-benefiċċju tal-istatus li jirriżulta minn din id-direttiva lil persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall‑kisba tiegħu ( 50 ).

    104.

    L-obbligu li jiġi ppreżentat dokument tal-ivvjaġġar miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ b’mod ċar taħt dan l-għan. Infakkar li dan l-obbligu jippermetti li tiġi stabbilita l-identità u n-nazzjonalità tiegħu u li jiġu kkorroborati d-dokumenti ta’ sostenn prodotti mhux biss bħala prova tar-rabtiet familjari iżda wkoll tal-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra mitluba għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. Jekk ikun il-każ, infakkar li dan jippermetti, barra minn hekk, li jiġi pprovat il‑qsim regolari tal-fruntieri esterni taż‑żona Schengen.

    105.

    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l‑awtorizzazzjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja hija r-regola ġenerali ( 51 ). Sabiex jiġi żgurat dan il-għan u jiġi evitat ir-riskju li membru tal-familja jiġi indebitament miċħud dan il-benefiċċju, Stat Membru ma għandux jiċħad applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja sempliċement għaliex ma tkunx akkumpanjata mid-dokument tal‑ivvjaġġar mitlub, mingħajr eżami individwali minn qabel tas‑sitwazzjoni.

    106.

    Din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 2003/86 tippermetti b’hekk li jiġi żgurat kemm ir-rispett tad-drittijiet fundamentali ggarantiti bil-Karta kif ukoll l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li għalih huma suġġetti l-Istati Membri.

    d) Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    107.

    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri huma obbligati jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta ( 52 ). Skont il‑premessa 2 ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-Artikolu 7 tal‑Karta, li jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, li jirrikjedi li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-minuri u l-ħtieġa għal minuri li jkollu regolarment relazzjoni personali maż-żewġ ġenituri tiegħu ( 53 ).

    108.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja titlob lill-Istati Membri jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom sabiex jittrasponu d-Direttiva 2003/86 b’mod konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 54 ). Il-kundizzjonijiet stipulati għat-tressiq u għall-eżami tal‑applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja,kif ukoll il-miżuri ta’ kontroll adottati mill-Istati Membri għandhom ikunu proporzjonati. Fil-fatt, filwaqt li l-ġlieda kontra l-frodi jikkostitwixxi għan leġittimu li jiġġustifika miżuri ta’ kontroll, dawn għandhom ikunu xierqa sabiex dan l-għan jintlaħaq, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq u lanqas ma għandu jkollhom bħala konsegwenza li d-dritt għal rikunifikazzjoni tal-familja jsir ineffettiv.

    109.

    Jidhirli li l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji timponi, l-istess bħal fil-każ tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet segwenti.

    110.

    L-ewwel sitwazzjoni hija dik li fiha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jonqos b’mod ċar mid-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni billi ma jibgħat ebda wieħed mid-dokumenti tal-ivvjaġġar mitluba u lanqas ma jibgħat xi dokument ieħor li jista’ jistabbilixxi l-identità u n-nazzjonalità tiegħu. L-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-isponsor jew il-membru tal-familja kkonċernat. Huwa biss jibda l-proċedura sabiex jibbenefika minn dritt u huwa biss għandu d-dokumenti li jistgħu jipprovaw l-identità tiegħu. F’sitwazzjoni li fiha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jagħmel ebda sforz sabiex iressaq b’mod korrett u debitament l-applikazzjoni tiegħu u fejn din tidher manifestament inkompleta, xejn ma jipprekludi, fl-opinjoni tiegħi, lill-awtorità nazzjonali kompetenti milli tkun tista’ tiċħadha mill-bidu nett fuq il-bażi tal‑Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86.

    111.

    It-tieni sitwazzjoni hija dik li fiha jidher ċar, fid-dawl tal-elementi oġġettivi li għandha l-awtorità nazzjonali kompetenti, li l-applikazzjoni hija ta’ natura frawdolenti jew abbużiva. F’dan il-każ u wara l-eżami individwali tal-applikazzjoni rikjest fl-Artikolu 17 tad‑Direttiva 2003/86, din l-awtorità jkollha bażi sabiex tiċħadha skont l‑Artikolu 16(2)(a) ta’ din id-direttiva.

    112.

    Finalment, it-tielet sitwazzjoni hija dik li fiha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jippreżentax id-dokument tal-ivvjaġġar mitlub mill-Istat Membru sabiex tiġi stabbilita l-identità tiegħu, bħal passaport validu, iżda jaqdi d‑dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni billi jistabbilixxi, mingħajr ebda dubju, l-identità u n-nazzjonalità tiegħu b’kull mezz ieħor xieraq.

    113.

    Huwa minnu li, f’dan il-każ il-preżentazzjoni tad-dokumenti tal‑ivvjaġġar ma tikkostitwixxix sempliċi formalità amministrattiva. Infakkar li l-portata ta’ dan l-obbligu ma hijiex paragunabbli ma’ dik prevista fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, rigward il-pussess ta’ karta tal‑identità jew ta’ passaport validu għaċ-ċittadin tal-Unjoni li jixtieq jirrisjedi fi Stat Membru ieħor differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu. Filwaqt li l-ewwel obbligu jirrigwarda l-għoti ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz, li jitlob li jibbenefika b’mod indirett mid‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, it-tieni wieħed huwa relatat mal-għoti ta’ dritt ta’ residenza, fi Stat Membru, li jirriżulta b’mod dirett mill-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni. Hija r-raġuni għalfejn il-prinċipji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2005, Oulane ( 55 ), fir-rigward tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri fi ħdan l‑Unjoni fil-qasam ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi, ma jidhirlix li huma applikabbli għal membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz. Infakkar li, f’din is-sentenza, mogħtija fir-rigward tal‑interpretazzjoni tad-Direttiva 73/148/KEE ( 56 ), imħassra u ssostitwita bid‑Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat Membru ospitanti ma setax iqiegħed inkwistjoni, mingħajr ma jikkawża preġudizzju għall‑prinċipju ta’ proporzjonalità, id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor sempliċement għaliex ma jkunx ippreżenta karta tal‑identità jew passport li jkunu għadhom validi, jekk huwa madankollu kien f’pożizzjoni li jistabbilixxi, mingħajr ebda dubju, in-nazzjonalità tiegħu b’mezzi oħra ( 57 ).

    114.

    Is-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2004/38 u dawk li jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/86 ma humiex paragunabbli. Madankollu, ċerti sitwazzjonijiet li jinvolvu ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jirrikjedu wkoll tnaqqis tal-oneru tal-prova. Għalhekk għandha tkun l-awtorità nazzjonali kompetenti li tidentifika din is-sitwazzjoni fid-dawl tal-eżami individwali.

    115.

    Fil-fatt, kuntrarjament għall-ewwel żewġ sitwazzjonijiet imsemmija (nuqqas ċar tad-dmir ta’ kooperazzjoni u applikazzjoni frawdolenti jew abbużiva), ir-rifjut mogħti minn awtorità nazzjonali kompetenti li la tieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar mitluba u lanqas il-kooperazzjoni li l-persuna kkonċernata turi sabiex tistabbilixxi l-identità tagħha, jirriskja li jikkawża preġudizzju għad-drittijiet fundamentali msemmija fil-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ applikazzjoni għal tiġdid ta’ permess ta’ residenza, meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jistax jippreżenta d‑dokumenti tal-ivvjaġġar tiegħu, tali rifjut jista’ jkollu l-konsegwenza li jwassal għat-tmiem tal-ħajja tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin u b’hekk jista’ jwassal għal preġudizzju sproporzjonat għad-dritt stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

    116.

    Nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet dan l-approċċ fis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX ( 58 ), dwar id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru. Hija rrikonoxxiet li, fid‑dawl tal-importanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lill-protezzjoni tal-ħajja tal-familja ( 59 ), Stat Membru ma jistax, mingħajr ma jikser il‑prinċipju ta’ proporzjonalità, jibgħat lura fil-fruntiera ċittadin ta’ pajjiż terz, konjuġi ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, li jipprova jidħol fit‑territorju tiegħu mingħajr ma jkollu karta tal-identità valida jew passaport validu jew, skont il-każ, viża, jekk dan iċ-ċittadin ikun f’pożizzjoni li jagħti prova tal‑identità tiegħu kif ukoll tar-rabta konjugali u jekk ma tkun teżisti ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi li huwa jirrappreżenta periklu għall‑ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika u għas-saħħa pubblika fis-sens tal‑Artikolu 10 tad-Direttiva 68/360/KEE ( 60 ) u tal‑Artikolu 8 tad‑Direttiva 73/148 ( 61 ).

    117.

    Finalment, infakkar li fis-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et ( 62 ), il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li Stat Membru jsib ruħu jaffaċċja numru għoli ta’ każijiet ta’ abbuż ta’ dritt jew frodi mwettqa minn ċittadini ta’ Stati ma jistax jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe evalwazzjoni speċifika tal-aġir tal-persuna kkonċernata ( 63 ).

    118.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena tal-opinjoni li, konsegwentement, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi, għall-finijiet tal-eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza għall‑finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, li l-membru tal-familja kkonċernat jistabbilixxi l-identità tiegħu b’ċertezza billi jannetti l-kopja ċċertifikata ta’ passaport validu għall-perijodu li jkopri l-permess ta’ residenza.

    119.

    Madankollu, fil-każ li l-membru tal-familja kkonċernat ma jasalx biex jipprovdi dan id-dokument, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tistax tiċħad l-applikazzjoni għal din ir-raġuni biss, mingħajr ma tipproċedi minn qabel b’eżami individwali, li jirrikjedi, b’mod partikolari, li tieħu inkunsiderazzjoni raġunijiet li għalihom il-membru tal-familja ma jistax jippreżenta l-imsemmija dokumenti kif ukoll il‑kooperazzjoni li dan juri sabiex jistabbilixxi, mingħajr ebda dubju, l‑identità tiegħu b’kull mezz ieħor xieraq.

    120.

    Din il-konklużjoni tagħti risposta għat-tieni u għat-tielet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    V. Konklużjoni

    121.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill‑Förvaltningsrätten i Malmö, migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Malmö, bħala qorti li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, l-Isvezja):

    “1)

    L-Artikolu 25(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal‑Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat kontraenti joħroġ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika għalih mit‑territorju ta’ dan l-Istat, fil-każ fejn dan iċ-ċittadin ma jistax jistabbilixxi l-identità tiegħu b’ċertezza u kien suġġett ta’ allert għall-finijiet ta’ rifjut ta’ dħul fis-sistema ta’ informazzjoni Schengen, sakemm dan l-għoti tal-permess isir wara l‑konsultazzjoni mal-Istat kontraenti li jkun ħareġ l-allert u jkun ibbażat fuq raġuni sostantiva.

    2)

    L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi, għall-finijiet tal-eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza għall‑finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, li l-membru tal-familja kkonċernat jistabbilixxi l-identità tiegħu b’ċertezza billi jannetti l-kopja ċċertifikata konformi ta’ passaport validu għall-perijodu li jkopri l-permess ta’ residenza.

    Madankollu, fil-każ li l-membru tal-familja kkonċernat ma jasalx biex jannetti mal-applikazzjoni tiegħu d-dokument tal-ivvjaġġar mitlub, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tistax tiċħadha għal din ir-raġuni biss, mingħajr ma tipproċedi minn qabel b’eżami individwali, li jirrikjedi, b’mod partikolari, li tieħu inkunsiderazzjoni raġunijiet li għalihom il-membru tal-familja ma jistax jippreżenta l-imsemmija dokumenti kif ukoll il‑kooperazzjoni li dan juri sabiex jistabbilixxi, mingħajr ebda dubju, l-identità tiegħu b’kull mezz ieħor xieraq.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Konvenzjoni tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it‑tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“KTFS”).

    ( 3 ) Hawnhekk nuża l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2018, E (C‑240/17, EU:C:2018:8).

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.

    ( 5 ) Skont l-Artikolu 2(c) tal-imsemmija direttiva, l-“isponsor” huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha.

    ( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2010 li jemenda l-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-moviment tal-persuni li jkollhom viża għal soġġorn fit‑tul (ĠU 2010, L 85, p. 1). Sussegwentement, l-Artikolu 25 tal-KTFS tħassar u ġie ssostitwit bl-Artikoli 27 sa 30 tar-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Novembru 2018, dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il‑fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU 2018, L 312, p. 14).

    ( 7 ) ĠU 2006, L 105, p. 1.

    ( 8 ) ĠU 2013, L 182, p. 1 iktar ’il quddiem il-“KTFS”. Dan ir-regolament tħassar b’effett mit-12 ta’ April 2016, permezz tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal‑Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1). Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax id-data li fiha l-persuna kkonċernata ressqet l-applikazzjoni tagħha għal tiġdid ta’ permess ta’ residenza, b’tali mod li jeżisti dubju dwar ir-regolament applikabbli ratione temporis. F’dawn il-konklużjonijiet, ser neżamina d‑dispożizzjonijiet stipulati fil-KTFS, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 562/2006, kif emendat, inkwantu l-qorti tar-rinviju tirreferi espressament għal dan ir-regolament fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha. Madankollu, nixtieq nispeċifika li l‑Artikolu 5(1)(a) tal-imsemmi regolament, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba hawnhekk, jinsab, f’termini identiċi, fl-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament 2016/399.

    ( 9 ) SFS 2005, nru 716.

    ( 10 ) Iċ-ċittadini Gambjani għandhom ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal‑15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom għandhom 2ċikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċ2ittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, K2apitolu 19, Vol. 4, p. 65, rettifika fil-ĠU L 194, 26.7.2011, p. 39).

    ( 11 ) Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax id-data li fiha ngħatat id-deċiżjoni kontenzjuża.

    ( 12 ) SFS 2016, Nru 752, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar Restrizzjonijiet Provviżorji”.

    ( 13 ) Digriet ta’ tħassir ta’ kawża tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2018, AA (C‑526/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:894).

    ( 14 ) Id-domandi kienu s-segwenti: “1. Id-dispożizzjonijiet tal-[KTFS] jew tal-[KFS] jipprekludu regoli nazzjonali bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 16f tal-[Liġi dwar Restrizzjonijiet Provviżorji], li jipprevedu li permess ta’ residenza għal finijiet ta’ studji fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja jista’ jinħareġ lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jinsab fil-pajjiż minkejja li jkun hemm inċertezza dwar l-identità tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz u minkejja li ma jkunx jista’ jipproduċi prova prima facie tal‑identità ddikjarata minnu? 2. Jekk jitqies li, f’tali sitwazzjoni, l-acquis ta’ Schengen jinkludi rekwiżit li l-identità tkun stabbilita b’mod ċar jew li tiġi prodotta prova prima facie tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2008/115/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98) jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jippermettu eċċezzjoni minn dan ir-rekwiżit marbuta mal-identità?”

    ( 15 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 16 ) Il-kwistjoni li biha hija adita l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrigwardax it-tneħħija tal‑persuna kkonċernata mit-territorju Svediż. Fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta familjari effettiva u f’każ ta’ frodi, hemm lok, effettivament, li jiġu applikati dispożizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2008/115, peress li l-persuna kkonċernata tkun għalhekk f’“soġġorn illegali” fit-territorju tal-Unjoni skont l‑Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, “soġġorn illegali” fuq it-territorju ta’ Stat Membru tfisser il-preżenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew ma għadux jissodisfa, il-kundizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-KFS, jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru.

    ( 17 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, EU:C:2006:74), u tat-12 ta’ Diċembru 2019, E.P. (Theddida għall-ordni pubbliku) (C‑380/18, EU:C:2019:1071). Din ir-rabta hija murija wkoll f’testi ta’ implimentazzjoni bħad-Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv stabbilit bil-KTFS, tat-18 ta’ April 1996, li tiddefinixxi l-kunċett ta’ barrani (ĠU 2000, L 239, p. 458), jew inkella d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/406/UE, tal-1 ta’ Lulju 2011, li temenda l-Manwal SIRENE (ĠU 2011, L 186, p. 1) (punt 4.7 tal-Anness).

    ( 18 ) ĠU 1997, C 340, p. 93.

    ( 19 ) Dan il-Protokoll hawnhekk juża l-kliem tal-Artikolu 134 tal-KTFS.

    ( 20 ) Ara d-digriet tat-8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 21 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 55, p. 46).

    ( 22 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punti 35 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 23 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2016/399, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2020, J. et (Reġistrazzjoni ta’ baħħara fil-port ta’ Rotterdam) (C‑341/18, EU:C:2020:76, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 24 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Zurita García u Choque Cabrera (C‑261/08 u C‑348/08, EU:C:2009:648, punt 45).

    ( 25 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 53).

    ( 26 ) Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 25(2) tal-KTFS jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha Stat kontraenti jikkunsidra jirtira l-permess ta’ residenza. Għal interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ara s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2018, E (C‑240/17, EU:C:2018:8).

    ( 27 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 28 ) Il-kundizzjonijiet dwar l-allerti ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għal rifjut ta’ dħul jew ta’ projbizzjoni ta’ residenza huma stabbiliti fl-Artikoli 20 sa 30 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU 2006, L 381, p. 4, rettifika fil-ĠU 2015, L 23, p. 19).

    ( 29 ) Skont l-Artikolu 5(1) tal-KTFS, “[f]ir-rigward ta’ żjajjar li ma jaqbżux it-tliet xhur, aljeni li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin jistgħu jitħallew jidħlu fit-territorji tal‑Partijiet Kontraenti: […] d) l-aljeni ma jistgħux ikunu persuni fir-rigward ta’ liema tkun inħarġet twissija bil-għan li ma jitħallewx jidħlu” u, skont l-Artikolu 15 tal‑KTFS, il-viżas għal żjarat qosra “jistgħu jinħarġu biss jekk aljen ikun jissodisfa l‑kondizzjonijiet ta’ dħul stipulati fl-Artikolu 5(1) […] (d)”. Ara, ukoll, l‑Artikolu 6(1)(d) u l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 2016/399.

    ( 30 ) Fis-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, EU:C:2006:74), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati kontraenti huwa l-bażi tal-acquis ta’ Schengen u li huwa indispensabbli għall-funzjonament ta’ sistema ta’ tmexxija integrata intiża li tiggarantixxi livell għoli u uniformi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza fil-fruntieri esterni flimkien mal-qsim liberu tal-fruntieri ġewwa ż-żona Schengen (punt 37).

    ( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli 93 u 96 tal-KTFS.

    ( 32 ) Din il-kundizzjoni ma baqgħetx inkluża fl-Artikolu 27 tar-Regolament 2018/1861, li jissostitwixxi l-Artikolu 25(1) tal-KTFS, kif indikajt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 33 ) Kif korrettament irrilevat il-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil‑miktub, il-verżjoni fil-lingwa Svediża tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 25(1) tal‑KTFS hija differenti peress li tinkludi l-espressjoni “i särskilda fall”, li fil-lingwa Franċiża hija tradotta bl-espressjoni “cas particuliers” jew “cas justifiés”. Madankollu nikkonstata li l-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id‑dispożizzjoni żammew l-istess espressjoni bħal dik użata fil-lingwa Franċiża tal‑imsemmija dispożizzjoni. Dan huwa l-każ, fost l-oħrajn, tal-verżjonijiet fil‑lingwa Spanjola (“motivos serios”), dik Ġermaniża (“gewichtiger Gründe”), Ingliża (“substantive reasons”), Taljana (“motivi seri”), Olandiża (“ernstige redenen”) jew anki dik Finlandiża (“painavista syistä”).

    ( 34 ) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi “Manwal Prattiku għall‑Gwardjani tal-Fruntieri (il-Manwal ta’ Schengen)” għall-użu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri waqt l-eżekuzzjoni tal-kontrolli fuq il-persuni fil‑fruntieri [C(2006) 5186 finali].

    ( 35 ) Ara l-punti 6.2 u 7.5 ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

    ( 36 ) Sentenza tas-16 ta’ Jannar 2018, E (C‑240/17, EU:C:2018:8, punt 41).

    ( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 62 sa 67), li l-motivazzjoni tagħha turi b’mod ċar dan il‑metodu ta’ analiżi.

    ( 38 ) L-obbligu ta’ preżentazzjoni ta’ dokument tal-ivvjaġġar huwa wkoll rekwiżit mitlub mid‑dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(1)(a) u (b) tal-KTFS dwar il-kontroll ta’ persuni fil-fruntieri esterni, tal-Artikolu 5(1) tal-KFS, għall-finijiet ta’ residenza ta’ perijodu massimu ta’ tliet xhur, kif ukoll tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1).

    ( 39 ) C-459/99, EU:C:2002:461.

    ( 40 ) Punt 58 ta’ din is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 4.2 sa 4.4. tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill‑Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għall-applikazzjoni tad‑Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja [COM(2014) 210 final] (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-applikazzjoni tad‑Direttiva 2003/86”).

    ( 42 ) Ara “Documents de voyage délivrés par des pays tiers et des entités territoriales (Partie I)”, lista stabbilita fit-30 ta’ April 2020, disponibbli fuq l-indirizz internet segwenti: https://www.consilium.europa.eu/prado/fr/prado-recognised-documents.html. Din il-kooperazzjoni hija stabbilita skont id-Deċiżjoni Nru 1105/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar il-lista ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li jintitolaw lid-detentur jaqsam il-fruntieri esterni u li jistgħu jkunu approvati b’viża u dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall‑istabbiliment ta’ din il-lista (ĠU 2011, L 287, p. 9). Ara, ukoll, id-Deċiżjoni tal‑Kumitat Eżekuttiv, tas-16 ta’ Diċembru 1998, li tikkonċerna l-kompilazzjoni ta’ manwal ta’ dokumenti li magħhom tista’ tiġi mehmuża visa [SCH/Com-ex (98) 56] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 173).

    ( 43 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954).

    ( 44 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, E. (C-635/17, EU:C:2019:192, punt 63). Ara, ukoll, il-punt 3.2. tal-Linji gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86.

    ( 45 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et (C‑202/13, EU:C:2014:2450), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, li bis-saħħa tiegħu l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, jannullaw jew jirtiraw kull dritt mogħti minn din id-direttiva f’każ ta’ abbuż ta’ dritt jew frodi. Fil-punt 52 ta’ din is‑sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri adottati fuq din il-bażi għandhom ikunu “bbażati fuq eżami individwali tal-każ inkwistjoni”.

    ( 46 ) Fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet li saru mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Svedeż irrileva, li, skont l-Artikolu 23(1) u (3) tal-förvaltningslagen (Liġi dwar il-ġestjoni amministrattiva), tat‑28 ta’ Settembru 2017 (SFS 2017, nru 900), l-awtorità nazzjonali kompetenti hija obbligata turi diliġenza filwaqt li tippermetti lill‑applikant jispjega u jikkompleta l-applikazzjoni b’mod li hija tkun tista’ tadotta deċiżjoni ġusta fuq livell materjali, fuq il-bażi tal-provi kollha rilevanti.

    ( 47 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, il-punti 6.1.2. u 7.4. tal-Linji gwida għall-applikazzjoni tad‑Direttiva 2003/86.

    ( 48 ) C‑578/08, EU:C:2010:117.

    ( 49 ) Punt 48 ta’ din id-direttiva. Fl-istess sens, ara l-punt 6.1. tal-Linji gwida għall‑applikazzjoni tad‑Direttiva 2003/86, li fihom il-Kummissjoni tindika li ebda prova kkunsidrata waħidha ma tista’ awtomatikament twassal għal deċiżjoni.

    ( 50 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 52 ) Infakkar li, skont l-Artikolu 51 tal-Karta, l-Istati Membri huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji stabbiliti fiha meta jimplimentaw id-dritt tal‑Unjoni, li jinkludi l-miżuri adottati fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom sabiex jittrasponu direttiva. Ara, fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni li minnu jibbenefikaw l-Istati Membri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni familjari – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 6465 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 53 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, E. (C‑635/17, EU:C:2019:192, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 54 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, E.P. (Theddida għall-ordni pubbliku) (C‑380/18, EU:C:2019:1071, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 55 ) C‑215/03, EU:C:2005:95. Ara, ukoll, is-sentenza tad-9 ta’ Jannar 2007, Jia (C‑1/05, EU:C:2007:1, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 56 ) Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1973 dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 167).

    ( 57 ) Fis-sentenza tas-17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, EU:C:2005:95), il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li kien sproporzjonat fir-rigward tal-għanijiet li din id‑direttiva kellha tilħaq il-fatt li tali prova tista’ tiġi prodotta biss bil-preżentazzjoni, fil-każijiet kollha, ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport li jkunu għadhom validi. Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-preżentazzjoni ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport li jkunu għadhom validi, għall-finijiet tal-ġustifikazzjoni tal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni, tikkostitwixi formalità amministrattiva li l-unika għan tagħha hija l-konstatazzjoni mill‑awtoritajiet nazzjonali ta’ dritt li jirriżulta direttament mill-istatus tal‑persuna inkwistjoni (punt 24). Madankollu, hija tikkunsidra li l-prova tal-identità u tan‑nazzjonalità tista’ tingħata b’mezzi oħra u li, fl-assenza ta’ preċiżazzjoni dwar il-modalità ta’ prova ammessa, jeħtieġ li jiġi konkluż li tali prova tista’ ssir b’kull mezz ieħor xieraq (punt 53).

    ( 58 ) C‑459/99, EU:C:2002:461.

    ( 59 ) Punt 53 ta’ din is-sentenza.

    ( 60 ) Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l‑familji tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27).

    ( 61 ) Punt 62 tal-imsemmija sentenza.

    ( 62 ) C‑202/13, EU:C:2014:2450.

    ( 63 ) Punt 55 ta’ din is-sentenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 35 tad‑Direttiva 2004/38, relatat mal-abbuż tad-dritt.

    Top