EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0341

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ Frar 2020.
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid vs J. et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2016/399 – Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen – Kontroll fil-fruntieri esterni – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Artikolu 11(1) – Immarkar ta’ timbri fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar – Timbru tal-ħruġ – Determinazzjoni tal-mument tal-ħruġ miż-żona Schengen – Reġistrazzjoni ta’ baħħara abbord bastimenti rmiġġati għal perijodu twil f’port marittimu.
Kawża C-341/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:76

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

5 ta’ Frar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2016/399 – Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen – Kontroll fil-fruntieri esterni – Ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Artikolu 11(1) – Immarkar ta’ timbri fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar – Timbru tal-ħruġ – Determinazzjoni tal-mument tal-ħruġ miż-żona Schengen – Reġistrazzjoni ta’ baħħara abbord bastimenti rmiġġati għal perijodu twil f’port marittimu”

Fil-Kawża C‑341/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

J. et,

fil-preżenza ta’:

C. u H. et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratriċi prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ġunju 2019,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

għal J. et, minn K. Boele, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn P. Huurnink, M. K Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze, R. Kanitz u J. Möller, sussegwentement mit-tnejn tal-aħħar, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn S. Chala u C. Fatourou kif ukoll minn G. Konstantinos, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) u J.et, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom il-kwalità ta’ baħħara, dwar ir-rifjut ta’ ttimbrar ta’ timbru tal-ħruġ miż-żona Schengen fuq il-passaporti ta’ dawn tal-aħħar fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħhom fuq bastimenti rmiġġati għal perijodu twil fil-port ta’ Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi).

Il-kuntest ġuridiku

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

3

Il-premessi 6 u 15 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistabbilixxu:

“(6)

Il-kontrolli fuq il-fruntieri huma fl-interess mhux biss tal-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu jsiru dawn il-kontrolli, iżda tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Il-kontrolli fuq il-fruntiera għandhom jgħinu fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u għall-prevenzjoni ta’ kull theddida għas-sigurtà interna, għall-politika pubblika, għas-saħħa pubblika u għar-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri.

[…]

(15)

Biex ikun evitat ħin ta’ stennija eċċessiv fuq il-fruntieri għandu jkun previst li l-verifiki fuq il-fruntieri esterni jiġu mnaqqsa f’każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux prevedibbli. L-ittimbrar sistematiku tad-dokumenti ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz jibqa’ obbligu f’każ li l-verifiki fuq il-fruntieri jiġu mnaqqsa. L-ittimbrar jagħmilha possibbli li jkunu stabbiliti, b’ċertezza, id-data u l-post ta’ qsim tal-fruntiera, mingħajr ma jiġi stabbilit fil-każijiet kollha li l-miżuri kollha meħtieġa għall-kontroll tad-dokument tal-ivvjaġġar ikunu ġew imwettqa.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Suġġett u prinċipji”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni.

Huwa jipprevedi regoli li jirregolaw il-kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati membri tal-Unjoni.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘fruntieri interni’ tfisser:

(a)

il-fruntieri tal-art komuni, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, tal-Istati Membri;

(b)

l-ajruporti ta’ l-Istati Membri għal titjiriet interni;

(c)

il-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi tal-Istati Membri għal kollegamenti regolari interni bil-ferry;

2)

‘fruntieri esterni’ tfisser il-fruntieri tal-art tal-Istati Membri, inklużi l-fruntieri tax-xmajjar u l-lagi, il-fruntieri marittimi u l-ajruporti, il-portijiet tax-xmajjar, tal-baħar u tal-lagi tagħhom, sakemm m’humiex fruntieri interni;

[…]

8)

‘punt ta’ qsim tal-fruntiera’ tfisser kwalunkwe punt ta’ qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jinqasmu l-fruntieri esterni;

[…]

10)

‘kontroll fuq il-fruntiera’ tfisser l-attività mwettqa fuq fruntiera, skont u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera;

11)

‘verifiki fuq il-fruntiera’ tfisser il-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew jitilqu minnu;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Qsim ta’ fruntieri interni”:

“1.   Il-fruntieri esterni jistgħu jinqasmu biss minn punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt il-ħinijiet tal-ftuħ stabbiliti. Il-ħinijiet tal-ftuħ għandhom ikunu indikati b’mod ċar fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera li mhumiex miftuħa għal 24 siegħa kuljum.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-lista ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 39.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, jistgħu jkunu permessi eċċezzjonijiet għall-obbligu li wieħed jaqsam fruntieri esterni biss f’punti ta’ qsim tal-fruntiera u waqt ħinijiet ta’ ftuħ stabbiliti:

[…]

c)

f’konformità mar-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 19 u 20 flimkien mal-Annessi VI u VII.

[…]”

7

L-Artikolu 6 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, jipprovdi:

“1.   Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il-perijodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

a)

ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar li jintitola lid-detentur jaqsam il-fruntiera […]

[…]

b)

huma fil-pussess ta’ viża valida, jekk rikjesta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 [tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik-il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65)] ħlief meta jkunu detenturi ta’ permess validu ta’ residenza jew viża valida għal soġġorn fit-tul;

[…]

2.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, id-data tad-dħul għandha tkun ikkunsidrata bħala l-ewwel jum ta’ soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri u d-data tal-ħruġ għandha tkun ikkunsidrata bħala l-aħħar jum tas-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri. Il-perijodi ta’ soġġorn awtorizzati taħt permess ta’ residenza jew viża ta’ soġġorn fit-tul m’għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tad-dewmien tas-soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri.

[…]

5.   B’deroga mill-paragrafu 1:

[…]

b)

ċittadini ta’ pajjiż terz li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, ħlief dik stabbilita fil-punt (b), u li jippreżentaw ruħhom fuq il-fruntiera jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri, jekk tinħareġ viża fil-fruntiera skont l-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat-13 ta’ Lulju 2009 (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU 2009, L 243, p. 1)].

[…]”

8

L-Artikolu 8 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Mad-dħul u l-ħruġ, ċittadini ta’ pajjiżi terz għandhom ikunu soġġetti għal verifika bir-reqqa kif ġej:

a)

verifiki bir-reqqa mad-dħul għandhom jinkludu l-verifika tal-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dħul stabbiliti fl-Artikolu 6(1) u, fejn hu applikabbli, ta’ dokumenti li jawtorizzaw ir-residenza u l-eżerċizzju ta’ attività professjonali. Dan għandu jinkludi eżami dettaljat tal-aspetti li ġejjin:

[…]

(iii)

l-eżami tat-timbri tad-dħul u tal-ħruġ fuq id-dokument tal-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat, sabiex ikun verifikat, billi jitqabblu d-dati tad-dħul u tal-ħruġ, li dik il-persuna ma tkunx diġà qabżet it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri;

[…]

(h)

barra mill-verifiki msemmija fil-punt (g), verifiki bir-reqqa mal-ħruġ jistgħu jinkludu wkoll:

[…]

(ii)

il-verifika li l-persuna ma qabżitx it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri;

[…]”

9

L-Artikolu 11 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Ittimbrar tad-dokumenti tal-ivvjaġġar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom jiġu ttimbrati b’mod sistematiku mad-dħul u l-ħruġ. B’mod partikolari timbru tad-dħul jew ħruġ għandu jsir fuq:

(a)

id-dokumenti li fuqhom ikollhom viża valida, u li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiż terz jaqsmu l-fruntiera;

(b)

id-dokumenti li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiż terz, li tkun inħarġitilhom viża fuq il-fruntiera minn Stat Membru biex jaqsmu l-fruntiera;

(c)

id-dokumenti li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiż terz li m’humiex soġġetti għall-ħtieġa ta’ viża biex jaqsmu l-fruntiera. id-dokumenti li fuqhom ikollhom viża valida, u li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiż terz jaqsmu l-fruntiera;

[…]

3.   M’għandu jkun hemm l-ebda timbru ta’ dħul jew ta’ ħruġ:

[…]

(c)

fuq dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ baħħara li huma preżenti fit-territorju ta’ Stat Membru biss meta l-bastiment tagħhom jidħol f’port u jkunu fiż-żona tal-port fejn daħal il-bastiment;

[…]”

10

L-Artikolu 13 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Sorveljanza fuq il-fruntiera”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-għan ewlieni tas-sorveljanza tal-fruntieri għandu jkun biex ma jitħalliex li jsir il-qsim mhux awtorizzat tal-fruntiera, sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali u biex jittieħdu miżuri kontra persuni li jkunu qasmu l-fruntiera b’mod illegali. […]”

11

L-Artikolu 19 tal-istess kodiċi, intitolat “Regoli speċifiċi għal tipi differenti ta’ fruntiera u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-fruntieri esterni”, jipprovdi:

“Ir-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness VI għandhom japplikaw għall-verifiki mwettqa fit-tipi differenti ta’ fruntiera u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-punti ta’ qsim tal-fruntieri.

Dawk ir-regoli speċifiċi jista’ jkun fihom derogi mill-Artikoli 5 u 6 u l-Artikoli 8 sa 14.”

12

L-Artikolu 20 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Regoli speċifiċi għall-verifiki fuq ċerti kategoriji ta’ persuni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ir-regoli speċifiċi stabbiliti fl-Anness VII għandhom japplikaw għall-verifiki fuq il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin:

[…]

(c)

baħħara;

[…]

Dawk ir-regoli speċifiċi jista’ jkun fihom derogi mill-Artikoli 5 u 6 u l-Artikoli 8 sa 14.”

13

L-Anness VI ta’ dan il-kodiċi jikkonċerna, skont it-titolu tiegħu stess, ir-“[r]egoli speċifiċi għal tipi differenti ta’ fruntieri u l-mezzi differenti ta’ trasport użati biex jinqasmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri”.

14

Il-punt 3 ta’ dan l-anness, intitolat “Fruntieri marittimi”, jinkludi punt 3.1, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Proċeduri ta’ verifika ġenerali fuq it-trasport marittimu”, li huwa fformulat kif ġej:

“3.1.1. Verifiki fuq bastimenti għandhom jitwettqu fil-port tal-wasla jew tat-tluq, jew f’żona maħsuba għal dak il-għan, li tkun tinsab eżatt fil-qrib tal-bastiment jew abbord il-bastiment fl-ilmijiet territorjali kif iddefinit mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar [iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982, u li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994, irratifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fit-28 ta’ Ġunju 1996 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260)]. L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehimiet li permezz tagħhom ikunu jistgħu jitwettqu wkoll verifiki waqt il-qsim jew, mal-wasla jew t-tluq tal-bastiment, fit-territorju ta’ pajjiż terz, b’rispett tal-prinċipji stipulati fil-punt 1.1.4.

[…]

3.1.5. Il-kaptan tal-bastiment għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti bit-tluq tal-bastiment f’ħin debitu u skont ir-regoli li jkunu fis-seħħ fil-port ikkonċernat.”

15

L-Anness VII tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Regoli speċjali għal ċerti kategoriji ta’ persuni”, jinkludi punt 3, li min-naħa tiegħu huwa intitolat “Baħħara”, li jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikoli 5 u 8, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-baħħara li jkollhom dokument tal-identità tal-baħħara maħruġ skont il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar id-Dokumenti ta’ Identità tal-Baħħara Nru 108 (1958) jew Nru 185 (2003), il-Konvenzjoni ta’ dwar l-Iffaċilitar tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali (Konvenzjoni FAL) u l-liġi rilevanti nazzjonali, biex jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri billi jinżlu l-art biex jibqgħu fiż-żona tal-port fejn jidħlu l-bastimenti tagħhom jew fil-muniċipalitajiet ta’ madwar, jew joħorġu mit-territorju tal-Istati Membri billi jirritornaw abbord, mingħajr ma jippreżentaw irwieħhom f’punt ta’ qsim tal-fruntiera, bil-kondizzjoni li huma jkunu jidhru fuq il-lista tal-ekwipaġġ, li tkun ġiet sottomessa minn qabel għal verifika mill-awtoritajiet kompetenti, tal-bastiment tagħhom.

[…]”

Il-Kodiċi dwar il-Viżi

16

L-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 810/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, L 182, p. 1) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Viżi”), intitolat “Applikazzjonijiet għal viżi fuq il-fruntieri esterni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.   F’każijiet eċċezzjonali, il-viżi jistgħu jinħarġu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)

ir-ritorn tal-applikant fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew ir-residenza jew it-tranżitu minn Stati li mhumiex Stati Membri li jimplimentaw bis-sħiħ l-acquis ta’ Schnegen ikun meqjus bħala ċert.”

17

L-Artikolu 36 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Viżi maħruġa lill-baħħara fi tranżitu fuq il-fruntiera esterna”, jipprovdi:

“1.   Baħri li huwa mitlub li jkollu viża meta jaqsam il-fruntieri esterni tal-Istati Membri jista’ jingħata viża għal fini ta’ tranżitu mal-fruntiera fejn:

(a)

jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 35(1), u

(b)

ikun qiegħed jaqsam taqsam il-fruntiera inkwistjoni sabiex jimbarka fuq, jerġa’ jimbarka fuq jew jiżbarka minn fuq vapur li fuqu hu ser jaħdem jew fejn ħadem bħala baħri.

2.   Qabel ma joħorġu viża mal-fruntiera lil baħri fi tranżitu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fil-Parti 1 tal-Anness IX, u jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa dwar il-baħri inkwistjoni tkun ġiet skambjata permezz ta’ formola għal baħrin fi tranżitu mimlija b’mod adatt, kif stabbilit fit-Tieni parti tal-Anness IX.

[…]”

18

L-Anness IX tal-imsemmi kodiċi jinkludi l-Parti 1 li, skont it-titolu tagħha stess, tistabbilixxi r-“[r]egoli għall-ħruġ tal-viżi fuq il-fruntieri lill-baħħara fi tranżitu li huma suġġetti għar-rekwiżiti tal-viża”. Il-Parti 2 ta’ dan l-anness tipprevedi l-mudell ta’ formola dwar baħħara fi tranżitu li huma suġġetti għall-obbligu ta’ viża.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19

J. et huma baħħara ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu fiż-żona Schengen mill-ajruport internazzjonali ta’ Schiphol f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), qabel ma marru fil-port marittimu ta’ Rotterdam permezz ta’ trasport stradali, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tagħhom fuq bastimenti speċjalizzati, li joperaw b’mod awtonomu, li huma s-suġġett ta’ rmiġġ għal perijodu twil f’dan il-port, sabiex iwettqu abbord, mingħajr ma dawn il-bastimenti jitilqu minn dan il-port, diversi xogħlijiet intiżi għall-preparazzjoni tal-installazzjoni fuq il-baħar, b’mod partikolari, pjattaformi taż-żejt u pipelines taż-żejt. Fi tmiem il-perijodu ta’ xogħol abbord, li kien jammonta, skont il-każ, għal ħames jew għaxar ġimgħat, dawn il-baħħara marru l-ajruport internazzjonali ta’ Schiphol f’Amsterdam permezz ta’ trasport stradali jew telqu fuq il-bastiment ikkonċernat.

20

Meta, f’dati differenti matul ix-xhur ta’ Jannar sa Marzu 2016, dawn il-baħħara marru z-Zeehavenpolitie Rotterdam (il-Pulizija tal-Port Marittimu ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-awtorità nazzjonali responsabbli mill-kontroll fil-fruntieri fil-port ta’ Rotterdam, billi indikaw l-intenzjoni tagħhom li jirreġistraw fuq bastiment irmiġġat f’dak il-port, din l-awtorità, filwaqt li evitat il-prassi preċedenti, irrifjutat li tittimbra timbru ta’ ħruġ fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar tagħhom, minħabba li d-data li fiha l-bastiment ikkonċernat kien ser jitlaq effettivament mill-imsemmi port u, għaldaqstant, miż-żona Schengen, ma kinitx speċifikata.

21

J. et kif ukoll ċerti operaturi ta’ bastimenti, jiġifieri C. u H. et, ippreżentaw rikorsi amministrattivi quddiem is-Segretarju tal-Istat sabiex jikkontestaw dan ir-rifjut. Filwaqt li enfasizzaw li, skont prassi stabbilita tal-awtoritajiet Olandiżi, tali timbru dejjem kien ingħata lill-baħħara fil-mument tar-reġistrazzjoni, indipendentement minn jekk dawn tal-aħħar iħallux il-port f’perijodu qasir abbord bastiment, huma sostnew li l-prattika l-ġdida tal-pulizija tal-port marittimu ta’ Rotterdam kellha bħala konsegwenza li, bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, fil-prinċipju, kienu awtorizzati jibqgħu fiż-żona Schengen għal perijodu massimu ta’ 90 jum minn perijodu ta’ 180 jum, il-perijodu ta’ residenza awtorizzat tal-baħħara kkonċernati fiż-żona Schengen ikun eżawrit iktar malajr. Barra minn hekk, peress li huma obbligati jistennew l-iskadenza ta’ terminu ta’ 180 jum qabel ma jidħlu mill-ġdid fiż-żona Schengen, dawn il-baħħara jbatu minn telf ta’ dħul.

22

Permezz ta’ deċiżjonijiet adottati matul ix-xhur ta’ Ġunju u ta’ Lulju 2016, is-Segretarju tal-Istat ċaħad dawn ir-rikorsi amministrattivi, minn naħa, bħala inammissibbli sa fejn kienu ġew introdotti mill-operaturi tal-bastimenti u, min-naħa l-oħra, bħala infondati sa fejn kienu ġew introdotti mill-baħħara, minħabba li s-sempliċi fatt li baħħar jirreġistra fuq bastiment ma jfissirx li huwa joħroġ miż-żona Schengen, fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dan il-ħruġ iseħħ biss meta l-baħħar ikkonċernat imur jew ikun jinsab abbord bastiment li l-kaptan tiegħu jkun informa lill-pulizija tal-port marittimu ta’ Rotterdam bit-tluq tal-bastiment u li dan tal-aħħar fil-fatt sussegwentement jitlaq mill-port bil-baħħara abbord.

23

Permezz ta’ erba’ sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2017, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) laqgħet ir-rikorsi ppreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet minn J. et, minħabba li, waqt ir-reġistrazzjoni tagħhom, il-baħħara kkonċernati qasmu fruntiera esterna tal-Istati Membri u ħarġu miż-żona Schengen, fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Fil-fatt, mis-sistema derogatorja prevista fl-Artikolu 11(3)(c) u mill-Anness VII ta’ dan il-kodiċi, dwar l-iskema ta’ baħħara li jinżlu fuq l-art waqt il-waqfa fil-port tal-bastiment, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis bħala qsim ta’ fruntiera esterna l-fatt, għall-baħħara, li jiżbarkaw minn bastiment li jinsab f’port marittimu jew jimbarkaw abbord tiegħu. Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 36 u d-dispożizzjonijiet tal-Anness IX tal-Kodiċi dwar il-Viżi, li permezz tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu joħorġu viża ta’ tranżitu lill-baħħara għat-tul tal-vjaġġ mill-ajruport tad-dħul sal-port fejn ser jirreġistraw.

24

Is-Segretarju tal-Istat appella minn dawn is-sentenzi quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi).

25

Din il-qorti tirrileva li, b’mod regolari, bastimenti jibqgħu rmiġġati f’portijiet marittimi, bħal dak ta’ Rotterdam, għal diversi xhur. Barra minn hekk, l-informazzjoni mibgħuta mis-Segretarju tal-Istat ma tippermettix li tiġi kkontestata l-allegazzjoni mressqa quddiem l-imsemmija qorti li tgħid li l-awtoritajiet kompetenti ta’ diversi Stati Membri jittimbraw timbru ta’ ħruġ waqt ir-reġistrazzjoni tal-baħħara indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-bastiment li fuqu jkunu rreġistraw joħroġ mill-port fi żmien qasir.

26

Il-qorti tar-rinviju tqis li mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma jirriżultax b’mod ċar meta baħħar li jkun daħal fiż-żona Schengen minn ajruport u li, permezz ta’ trasport stradali, jasal f’bastiment li jkun f’port marittimu, bħal dak ta’ Rotterdam, sabiex jirreġistra hemmhekk, għandu jitqies li ħareġ miż-żona Schengen. B’mod partikolari, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk tali ħruġ jeżiġix tluq effettiv miż-żona Schengen. Fil-fatt, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “ħruġ”, imsemmi fl-Artikolu 11(1) ta’ dan il-kodiċi, u lanqas ma jiddetermina f’liema post jinsabu preċiżament il-fruntieri esterni tal-Istati Membri, u lanqas meta jinqasmu. Il-kwistjoni dwar jekk, u fl-affermattiv, f’liema mument għandu jiġi ttimbrat it-timbru tal-ħruġ hija għalhekk inċerta.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 11(1) ta[l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ Stat terz li preċedentement daħal fiż-żona Schengen, pereżempju minn ajruport internazzjonali, joħroġ fis-sens tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen hekk kif, bħala baħħar, jingħaqad ma’ bastiment li diġà jinsab f’port marittimu li huwa fruntiera esterna, indipendentement minn jekk, u jekk iva meta, huwa ser jitlaq minn dan il-port marittimu fuq dan il-bastiment? Jew, sabiex ikun hemm ħruġ, għandu l-ewwel jiġi stabbilit li l-baħħar ser jitlaq il-port marittimu fuq il-bastiment ikkonċernat, u jekk iva, japplika terminu li fih it-tluq għandu jseħħ u f’liema mument għandu jitqiegħed it-timbru ta’ ħruġ? Jew għandu mument ieħor, f’kundizzjonijiet differenti jew le, jitqies bħala ‘ħruġ’?”

Fuq id-domanda preliminari

28

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta baħħar li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz jirreġistra fuq bastiment irmiġġat għal perijodu twil f’port marittimu ta’ Stat li jagħmel parti miż-żona Schengen, bil-għan li jwettaq xogħol abbord, qabel ma jitlaq minn dan il-port fuq dan il-bastiment, timbru tal-ħruġ għandu, meta l-ittimbrar tiegħu jkun previst minn dan il-kodiċi, jiġi ttimbrat fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ dan il-baħħar fil-mument li fih jirreġistra, anki jekk l-imsemmi bastiment ma jitlaqx mill-imsemmi port fi żmien qasir wara, jew f’mument ieħor wara din ir-reġistrazzjoni u, f’dan l-aħħar każ, f’liema mument preċiż.

29

Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-irmiġġ għal perijodu twil jikkostitwixxi prattika fis-settur marittimu li fil-kuntest tiegħu bastimenti jibqgħu sorġuti mal-moll jew ankrati f’port għal perijodu li jista’ jkun ta’ diversi xhur, peress li l-baħħara rreġistrati fuq dawn il-bastimenti jirrisjedu f’dan il-port għall-perijodu kollu jew għal parti minnu li matulu dawn il-baħħara jkunu ġew irreġistrati sabiex iwettqu x-xogħol tagħhom abbord.

30

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu preliminarjament jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandu bħala għan u prinċipji li jiżviluppa l-Unjoni bħala żona ta’ spazju komuni ta’ libertà ta’ moviment mingħajr fruntieri interni u li jistabbilixxi għal dan il-għan ir-regoli applikabbli għall-kontroll ta’ persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati li jagħmlu parti mill-ispazju ta’ Schengen (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers, C‑606/10, EU:C:2012:348, punt 23).

31

Skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan il-kodiċi, il-kunċett ta’ “fruntieri esterni”, fis-sens tiegħu, ikopri, b’mod partikolari, il-fruntieri terrestri u l-fruntieri marittimi tal-Istati Membri “kif ukoll l-ajruporti [u] portijiet marittimi tagħhom”, sa fejn dawn ma humiex “fruntieri interni”, fis-sens tal-istess kodiċi, peress li dan l-aħħar kunċett huwa relatat, skont il-punt 1(b) u (c) ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari, mal-ajruporti tal-Istati Membri għal titjiriet interni u mal-portijiet marittimi ta’ dawn l-Istati għar-rotot regolari interni permezz ta’ laneċ.

32

Skont l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-“fruntieri esterni”, fis-sens ta’ dan il-kodiċi jistgħu bħala prinċipju jinqasmu biss fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera, li għandhom jiġu nnotifikati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni. Skont il-punt 8 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi kodiċi, l-espressjoni “punt ta’ qsim tal-fruntiera” tirreferi għal kull punt ta’ qsim awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti għall-qsim ta’ dawn il-fruntieri esterni.

33

Konformement mal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, timbru għandu fil-prinċipju jiġi sistematikament ittimbrat fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi “mad-dħul” u “mal-ħruġ” miż-żona Schengen. Kif diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża l-Qorti tal-Ġustizzja, tali timbru jimmaterjalizza awtorizzazzjoni ta’ dħul jew ta’ ħruġ (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 52).

34

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, minn naħa, kemm l-ajruport internazzjonali ta’ Schiphol f’Amsterdam kif ukoll il-port marittimu ta’ Rotterdam, li t-tnejn jinsabu fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jikkostitwixxu, rispettivament, “ajruport” u “port marittimu” li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fruntieri esterni” taż-żona Schengen, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u, min-naħa l-oħra, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi nnotifika lill-Kummissjoni b’dan il-port marittimu kollu bħala li jikkostitwixxi “punt ta’ qsim tal-fruntiera”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 ta’ dan il-kodiċi.

35

Barra minn hekk, lanqas ma huwa kkontestat li l-baħħara inkwistjoni fil-kawża prinċipali daħlu fiż-żona Schengen mill-ajruport internazzjonali ta’ Schiphol f’Amsterdam, mument li fih l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti jittimbraw fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar tagħhom it-timbru tad-dħul previst fl-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u li dawn il-baħħara kienu, sussegwentement, marru permezz ta’ trasport stradali fil-port marittimu ta’ Rotterdam, sabiex jirreġistraw abbord bastiment irmiġġat għal perijodu twil f’dan il-port, fejn huma wettqu xogħolhom, mingħajr ma dan tal-aħħar telaq mill-imsemmi port. Huwa paċifiku li, wara dan il-perijodu ta’ xogħol abbord, l-imsemmija baħħara, skont il-każ, marru l-ajruport internazzjonali ta’ Schiphol f’Amsterdam permezz ta’ trasport stradali, jew telqu mill-port fuq il-bastiment ikkonċernat.

36

F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar f’liema mument, fit-tieni waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, għandu jiġi ttimbrat it-timbru ta’ ħruġ previst fl-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ dawn il-baħħara.

37

J. et, kif ukoll il-Gvern Grieg, isostnu li l-baħħara inkwistjoni fil-kawża prinċipali joħorġu miż-żona Schengen fil-mument tar-reġistrazzjoni tagħhom abbord wieħed mill-bastimenti rmiġġati fil-port marittimu ta’ Rotterdam, peress li huwa f’dak il-mument li jaqsmu l-fruntiera esterna li tinsab f’dan il-port billi jippreżentaw ruħhom f’punt ta’ qsim tal-fruntiera. It-timbru ta’ ħruġ previst f’din id-dispożizzjoni għandu għalhekk jiġi ttimbrat fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ dawn il-baħħara fid-data ta’ reġistrazzjoni tagħhom, irrispettivament mill-mument tat-tluq tal-bastiment ikkonċernat.

38

Min-naħa l-oħra, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak tal-Ġermanja kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu, essenzjalment, li l-baħħara inkwistjoni fil-kawża prinċipali joħorġu miż-żona Schengen fil-mument meta l-bastiment li jkunu rreġistrati fuqu jitlaq effettivament mill-port marittimu kkonċernat b’dawn il-baħħara abbord. Dawn il-gvernijiet jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li ħruġ minn dan l-ispazju jeżiġi, fil-fatt, li l-baħħara kkonċernati jaqsmu fruntiera esterna ġeografika taż-żona Schengen, li hija stabbilita mhux mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, iżda mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li tistabbilixxi din il-fruntiera għal distanza, fil-prinċipju, ta’ tnax-il mil nawtiku kkalkolati skont linji ta’ bażi stabbiliti konformement ma’ din il-konvenzjoni fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri kkonċernati. It-timbru ta’ ħruġ previst fl-Artikolu 11(1) ta’ dan il-kodiċi għandu għalhekk jiġi ttimbrat fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ dawn il-baħħara, rispettivament, skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, f’terminu raġonevoli jew f’terminu imminenti qabel it-tluq tal-bastiment ikkonċernat. Il-Gvern Ġermaniż iqis, min-naħa tiegħu, li dan it-timbru għandu jitwaħħal fil-jum tal-ħruġ miż-żona Schengen meta tkun ġiet stabbilita d-data tat-tluq ta’ dan il-bastiment.

39

Sabiex jiġi ddeterminat il-mument li fih għandu jiġi ttimbrat it-timbru, skont l-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ baħħar li jinsab fis-sitwazzjoni deskritta fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, f’liema mument dan il-baħħar għandu jitqies li ħareġ miż-żona Schengen, sabiex, fit-tieni lok, jiġi ddeterminat, abbażi tal-mument ta’ dan il-ħruġ, il-mument li fih għandu jiġi ttimbrat it-timbru ta’ ħruġ previst f’din id-dispożizzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

40

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tad-determinazzjoni tal-mument tal-ħruġ miż-żona Schengen, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri li jiddetermina s-sens u l-portata tagħha għandhom ikollhom, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, indipendentement mill-kwalifiki użati fl-Istati Membri, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini tad-dispożizzjoni inkwistjoni, kif ukoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa, C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 38, u tat-3 ta’ Ottubru 2019, X (Residenti fuq perijodu twil – Riżorzi stabbli, regolari u suffiċjenti), C‑302/18, EU:C:2019:830, punt 26).

41

Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ riferiment, fl-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għad-dritt nazzjonali, il-kunċett ta’ “ħruġ” li jinsab f’din id-dispożizzjoni għandu jitqies li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li s-sens u l-portata tiegħu għandhom ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lil dan it-terminu interpretazzjoni uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

42

Fir-rigward, qabelxejn, tat-termini tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, peress li la din id-dispożizzjoni u l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan il-kodiċi, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 tiegħu, ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħruġ” miż-żona Schengen, għandhom jiġi ddeterminati t-tifsira u l-portata ta’ dan il-kunċett konformement mas-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ komuni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 73; tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 65, u tat-12 ta’ Settembru 2019, Koton Mağazacilik Tekstil Sanayi ve Ticaret vs EUIPO, C‑104/18 P, EU:C:2019:724, punt 43).

43

Fis-sens abitwali tiegħu, il-kunċett ta’ “ħruġ” miż-żona Schengen ma huwiex ambigwu u għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-att fiżiku ta’ spostament ta’ persuna minn post li jagħmel parti mit-territorju taż-żona Schengen lejn post li ma jagħmilx parti minn dan it-territorju (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2017, El Dakkak u Intercontinental, C‑17/16, EU:C:2017:341, punti 19 sa 21, kif ukoll tal-31 ta’ Mejju 2018, Zheng, C‑190/17, EU:C:2018:357, punt 30).

44

Għal dak li jikkonċerna, sussegwentement, il-kuntest tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandu jiġi osservat qabelxejn li mill-Artikolu 2(11) u mill-Artikolu 6(2) ta’ dan il-kodiċi diġà jista’ jiġi dedott li persuna ma toħroġx miż-żona Schengen sakemm hija tkun tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat li jagħmel parti minn dan l-ispazju, peress li dawn id-dispożizzjonijiet jassimilaw iż-żona Schengen ma’ “territorju tal-Istati Membri”.

45

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li persuna tkun qasmet “punt ta’ qsim tal-fruntiera”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi kodiċi, fejn kien hemm, kif jirriżulta diġà mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-kontroll fil-fruntieri esterni impost minn dan l-istess kodiċi, ma jfissirx li din il-persuna telqet miż-żona Schengen jekk hija tkun għadha tirrisjedi f’parti mit-territorju ta’ Stat li tagħmel parti minn din iż-żona.

46

Minn dan isegwi li baħħar li, wara li jkun daħal fit-territorju taż-żona Schengen minn ajruport internazzjonali li jinsab fi Stat li jagħmel parti minn din iż-żona, jirrisjedi f’bastiment sorġut f’wieħed mill-portijiet marittimi ta’ dan l-Istat, matul il-perijodu li matulu huwa jwettaq ix-xogħol tiegħu abbord, ma jistax jitqies li ħareġ miż-żona Schengen.

47

Ċertament, kif diġà ġie indikat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jiddefinixxi l-kunċett ta’ “fruntieri esterni” taż-żona Schengen bħala intiż, minn naħa, għall-fruntieri terrestri u marittimi tal-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, għall-ajruporti u għall-portijiet marittimi tagħhom, sakemm dawn ma jkunux fruntieri interni.

48

Madankollu, din id-dispożizzjoni hija intiża biss, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, li torbot ċerti ajruporti u portijiet tal-Istati li jagħmlu parti miż-żona Schengen fil-fruntieri esterni tagħha għall-finijiet biss, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 77(2)(b) TFUE, li tiffaċilita l-applikazzjoni konkreta tal-kontrolli tal-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni taż-żona Schengen.

49

Fil-fatt, kif isostnu, essenzjalment, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak tal-Ġermanja, il-kontrolli relatati mal-qsim tal-fruntieri tal-Istati Membri li jikkostitwixxu fruntieri esterni taż-żona Schengen għandhom isiru f’post li jippermetti l-organizzazzjoni prattika u effettiva tagħhom, mingħajr ma dan il-post ma jkollu neċessarjament jikkoinċidi mal-post stess ta’ qsim tagħhom.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 5(2)(c) u l-Artikolu 19 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqrija flimkien mal-Anness VI ta’ dan il-kodiċi, il-kontroll fil-fruntieri marittimi tal-Istati Membri jista’ wkoll isir, b’mod derogatorju, lil hinn mill-punti ta’ qsim tal-fruntiera msemmija fil-punt 8 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi kodiċi, peress li l-punt 3.1.1 ta’ dan l-anness jippreċiża f’dan ir-rigward li l-verifiki li jikkonċernaw il-bastimenti jistgħu jseħħu, skont il-każ, fil-port tal-wasla jew tat-tluq, f’żona prevista għal dan il-għan li tinsab fil-viċinanza immedjata tal-bastiment, abbord il-bastiment fl-ibħra territorjali, kif huma ddefiniti mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, matul it-traversata jew, jekk ikun ġie konkluż ftehim f’dan is-sens, fit-territorju ta’ pajjiż terz, matul il-wasla jew it-tluq tal-bastiment.

51

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqri flimkien mal-punti 8 u 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan il-kodiċi, il-kontrolli fil-fruntieri esterni ta’ Schengen iseħħu, bħala prinċipju, fil-punti ta’ qsim ta’ fruntiera li ġew awtorizzati mill-Istati Membri “għall-”qsim ta’ dawn il-fruntieri u jsiru “bħala risposta esklużivament” għall-“intenzjoni li jaqsmu” tali fruntiera jew “mal-qsim tagħha”.

52

Għaldaqstant, jidher li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huwa bbażat fuq il-premessa li l-kontroll taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’punt ta’ qsim tal-fruntiera jiġi segwit f’qasir żmien mill-qsim effettiv tal-fruntiera esterna taż-żona Schengen anki jekk il-persuna kkonċernata tibqa’ temporanjament fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

53

Minn din il-perspettiva, il-preżentazzjoni ta’ persuna f’punt ta’ qsim tal-fruntiera ta’ port marittimu ta’ Stat li jagħmel parti miż-żona Schengen ma tistax fiha nnifisha tiġi assimilata mal-fatt, għal din il-persuna, li titlaq miż-żona Schengen, iżda l-iktar l-iktar tirrifletti l-intenzjoni tagħha, fil-parti l-kbira tal-każijiet, li titlaq minn din iż-żona fi żmien qasir.

54

F’dan il-każ, madankollu, huwa stabbilit li baħħar ingaġġat sabiex jaħdem abbord bastiment li huwa rmiġġat għal perijodu twil f’tali port marittimu, ma għandux, fil-mument li jippreżenta ruħu, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fuq dan il-bastiment, f’punt ta’ qsim tal-fruntiera tal-port marittimu kkonċernat, l-intenzjoni li jitlaq fi żmien qasir mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u, bl-istess mod, miż-żona Schengen.

55

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandu jitfakkar li dan il-kodiċi jagħmel parti minn qafas iktar ġenerali ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fi ħdanu huwa żgurat, konformement mal-Artikolu 3(2) TUE u mal-Artikolu 67(2) TFUE, il-moviment liberu tal-persuni, flimkien ma’ miżuri adatti fil-qasam, b’mod partikolari, tal-kontroll tal-fruntieri esterni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers, C‑606/10, EU:C:2012:348, punt 25).

56

Kif jirriżulta mill-premessa 6 tal-imsemmi kodiċi, il-kontroll fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri jeżisti mhux biss fl-interess tal-Istat Membru li jsir fil-fruntieri esterni tiegħu, iżda wkoll fl-interess tal-Istati Membri kollha li jkunu abolixxew il-kontroll fil-fruntieri fir-rigward tal-fruntieri interni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2012, Association nationale d’assistance aux frontières pour les étrangers, C‑606/10, EU:C:2012:348, punt 24).

57

F’dan il-kuntest, il-verifiki mwettqa f’punti ta’ qsim tal-fruntiera fil-kuntest ta’ kontrolli fuq il-fruntiera huma intiżi, skont l-Artikolu 2(11) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, sabiex jiġi żgurat li l-persuni jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew jitilqu minnu.

58

Kif jirriżulta mill-Artikolu 6(1) ta’ dan il-kodiċi, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jirrisjedu biss fit-territorju taż-żona Schengen għal tul massimu ta’ 90 jum minn perijodu ta’ 180 jum, li jimplika li jiġi eżaminat il-perijodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn.

59

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jippreċiża li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-osservanza ta’ dan it-tul massimu ta’ residenza awtorizzat, id-“data tad-dħul” u d-“data tal-ħruġ” jikkorrispondu, rispettivament, għall-“ewwel jum ta’ soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri” u għall-“aħħar jum ta’ soġġorn fit-territorju tal-Istati Membri”.

60

Huwa bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi l-prinċipju li t-timbri ta’ dħul u ta’ ħruġ għandhom isiru sistematikament fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, sabiex jiġu stabbiliti b’ċertezza, kif jirriżulta mill-premessa 15 ta’ dan il-kodiċi, id-data u l-post tal-qsim tal-fruntiera esterna.

61

Għalhekk, konformement mal-Artikolu 8(3)(a)(iii) u (h)(ii) tal-imsemmi kodiċi, l-eżami tat-timbri tad-dħul u tal-ħruġ fuq id-dokument ta’ vvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat huwa intiż li jiġi vverifikat, billi jiġu pparagunati d-dati tad-dħul u tal-ħruġ, li dik il-persuna ma tkunx diġà eċċediet it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri.

62

Minn dan isegwi li l-ittimbrar ta’ timbri tad-dħul u tal-ħruġ huwa marbut mill-qrib mal-eżerċizzju mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-kompitu ta’ kontroll tagħhom ta’ soġġorni ta’ żmien qasir fiż-żona Schengen għall-finijiet tal-ġlieda, konformement mal-Artikolu 13(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kontra b’mod partikolari l-qsim tal-fruntieri mhux awtorizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Air Baltic Corporation, C‑575/12, EU:C:2014:2155, punti 50 u 51).

63

Għaldaqstant, taħt piena li jiġi permess li ċittadin ta’ pajjiż terz, bi ksur tal-għan imfittex mill-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jibqa’ fiż-żona Schengen lil hinn mit-tul ta’ soġġorn massimu awtorizzat, ma jistax jitqies li tali ċittadin ħareġ miż-żona Schengen meta jkun għadu jirrisjedi fit-territorju ta’ Stat li jagħmel parti minn din iż-żona.

64

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li baħħar li jirreġistra fuq bastiment irmiġġat għal perijodu twil fil-port marittimu ta’ Stat li jagħmel parti miż-żona Schengen, sabiex jirrisjedi f’dan il-port għall-perijodu kollu jew għal parti minnu li matulu huwa ġie rreġistrat sabiex iwettaq ix-xogħol tiegħu abbord, ma jistax jitqies bħala li ħareġ minn din iż-żona fil-mument tar-reġistrazzjoni tiegħu.

65

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-dispożizzjonijiet derogatorji previsti fl-Artikolu 5(2)(c), fl-Artikolu 11(3)(c) u fl-Artikolu 20(1)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqrija flimkien mal-punt 3 tal-Anness VII ta’ dan il-kodiċi, dwar ir-residenza fuq l-art ta’ baħħara rreġistrati fuq bastiment sorġut f’port marittimu.

66

Fil-fatt, huwa paċifiku li dawn id-dispożizzjonijiet, li essenzjalment għandhom bħala għan li jimmitigaw il-kontrolli tal-baħħara li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat biss matul il-waqfa qasira ta’ bastiment u fiż-żona fil-port ta’ waqfa, billi jeħilsuhom, b’mod partikolari, mill-obbligu li jiksbu timbru ta’ dħul jew ta’ ħruġ fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar tagħhom, ma humiex applikabbli għall-baħħara li jaħdmu abbord bastiment irmiġġat għal żmien twil f’port marittimu.

67

Għall-istess raġunijiet, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 35 u 36 kif ukoll fl-Anness IX tal-Kodiċi dwar il-Viżi li jikkonċerna l-viżi maħruġa fil-fruntieri esterni u l-viżi ta’ tranżitu lanqas ma jistgħu jaffettwaw il-konklużjoni fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, peress li, fi kwalunkwe każ, huwa paċifiku li l-baħħara inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux fil-pussess ta’ tali viżi.

68

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-mument li fih għandu jiġi ttimbrat timbru ta’ ħruġ fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, skont il-formulazzjoni stess tal-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, dan l-ittimbrar għandu jseħħ “mal-ħruġ” fiż-żona Schengen.

69

Minn dan isegwi li tali timbru għandu jiġi ttimbrat waqt tali ħruġ, u dan jikkorrispondi, hekk kif jirriżulta mill-punti 44 sa 64 ta’ din is-sentenza, mal-qsim ta’ fruntiera esterna taż-żona Schengen.

70

Skont il-premessa evokata fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, meta jiġi stabbilit li l-kontroll tal-persuni kkonċernati f’punt ta’ qsim tal-fruntiera ma jkunx ser jiġi segwit mill-qsim ta’ fruntiera esterna taż-żona Schengen, huwa importanti li t-timbru ta’ ħruġ jiġi ttimbrat fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’mument qrib dan il-qsim, sabiex jiġi żgurat, b’mod konformi mal-għan imfittex mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen imfakkar fil-punti 60 sa 63 ta’ din is-sentenza, li dawn l-awtoritajiet jibqgħu f’pożizzjoni li jikkontrollaw l-osservanza effettiva tal-limiti ta’ soġġorn għal żmien qasir fiż-żona Schengen, billi jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul reali ta’ soġġorn ta’ dawn il-persuni fit-territorju ta’ din iż-żona.

71

F’dan il-każ, huwa paċifiku li baħħar ingaġġat sabiex jaħdem abbord bastiment irmiġġat għal perijodu twil f’port marittimu ta’ Stat li jagħmel parti miż-żona Schengen ma jipprevedix, fil-mument tar-reġistrazzjoni tiegħu ma’ dan il-bastiment, li jitlaq fi żmien qasir minn din iż-żona. Għaldaqstant, tali baħħar ma għandux id-dritt li jkollu timbru ta’ ħruġ fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar tiegħu fil-mument ta’ din ir-reġistrazzjoni.

72

Huwa biss meta t-tluq ta’ dan il-bastiment minn dan il-port marittimu lejn post li jinsab barra miż-żona Schengen isir imminenti li dan it-timbru ta’ ħruġ għandu jiġi ttimbrat fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar tiegħu.

73

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 3.1.5 tal-Anness VI tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jirriżulta li l-kaptan ta’ bastiment huwa obbligat jinforma lill-awtorità kompetenti bit-tluq tal-bastiment “fi żmien xieraq”, konformement mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-port ikkonċernat.

74

Minn dan jirriżulta li t-timbru ta’ ħruġ, previst fl-Artikolu 11(1) ta’ dan il-kodiċi, għandu jiġi ttimbrat fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ baħħar ingaġġat abbord bastiment irmiġġat għal perijodu twil f’port marittimu ta’ Stat li jagħmel parti miż-żona Schengen fil-mument meta l-kaptan tal-bastiment ikkonċernat jinforma lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bit-tluq imminenti ta’ dan il-bastiment.

75

Kull interpretazzjoni oħra ta’ din id-dispożizzjoni hija ta’ natura li tiffaċilita l-abbużi u l-evitar tar-regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni għas-soġġorni ta’ żmien qasir fiż-żona Schengen, billi tippermetti lill-baħħar ċittadin ta’ pajjiż terz jirrisjedi mingħajr limitu ta’ żmien f’port marittimu li jaqa’ taħt it-territorju ta’ Stat li jagħmel parti miż-żona Schengen.

76

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta baħħar li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz jirreġistra ma’ bastiment irmiġġat għal perijodu twil f’port marittimu ta’ Stat li jagħmel parti miż-żona Schengen, bil-għan li jwettaq xogħol abbord, qabel ma jitlaq minn dan il-port fuq dan il-bastiment, għandu jiġi ttimbrat timbru ta’ ħruġ, meta l-ittimbrar ikun previst minn dan il-kodiċi, fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ dan il-baħħar mhux fil-mument tar-reġistrazzjoni tiegħu iżda meta l-kaptan tal-imsemmi bastiment jinforma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bit-tluq imminenti ta’ dan tal-aħħar.

Fuq l-ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta baħħar li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz jirreġistra ma’ bastiment irmiġġat għal perijodu twil f’port marittimu ta’ Stat li jagħmel parti miż-żona Schengen, bil-għan li jwettaq xogħol abbord, qabel ma jitlaq minn dan il-port fuq dan il-bastiment, għandu jiġi ttimbrat timbru ta’ ħruġ, meta l-ittimbrar ikun previst minn dan il-kodiċi, fuq id-dokumenti ta’ vvjaġġar ta’ dan il-baħħar mhux fil-mument tar-reġistrazzjoni tiegħu iżda meta l-kaptan tal-imsemmi bastiment jinforma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bit-tluq imminenti ta’ dan tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top