Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0120

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fit-28 ta’ Jannar 2021.
X vs College van burgemeester en wethouders van de gemeente Purmerend.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (Il-Pajjiżi l-Baxxi).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport intern tal-merkanzija perikoluża – Direttiva 2008/68/KE – Artikolu 5(1) – Kunċett ta’ ‘rekwiżit ta’ kostruzzjoni’ – Projbizzjoni li jiġu previsti rekwiżiti ta’ kostruzzjoni iktar stretti – Awtorità ta’ Stat Membru li timponi fuq stazzjon ta’ pompi tal-petrol li ma jiġix ipprovdut gass likwifikat miż-żejt (LPG) ħlief minn vetturi bit-tank li jkollhom kisi ta’ protezzjoni mis-sħana partikolari mhux previst mill-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) – Illegalità – Deċiżjoni li ma tistax tiġi kkontestata fid-dritt minn kategorija ta’ partijiet fil-kawża – Possibbiltà strettament limitata sabiex jinkiseb l-annullament ta’ tali deċiżjoni f’każ ta’ kuntrarjetà manifesta mad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ effettività.
Kawża C-120/19.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:78

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit‑28 ta’ Jannar 2021 ( 1 )

Kawża C-120/19

X

partijiet magħquda:

College van burgemeester en wethouders van de gemeente Purmerend,

Tamoil Nederland BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Trasport ta’ oġġetti perikolużi – Kunċett ta’ ‘rekwiżit ta’ kostruzzjoni’ – Kundizzjoni li stazzjoni ta’ pompi tal-petrol LPG jista’ jieħu kunsinna ta’ LPG biss minn vetturi bit-tank li jkunu mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana – Ftehimiet dwar dak il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana – Preżunzjoni ta’ legalità dwar dik il-kundizzjoni”

1.

Dan il-kawża kif irrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja tqajjem żewġ kwistjonijiet distinti – waħda relatata mal-interpretazzjoni korretta tad-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi ( 2 ) u b’mod iktar speċifiku tal-Artikoli 1(5) u 5(1) tagħha, u l-oħra dwar il-prinċipju ta’ effettività u l-limiti li dan il-prinċipju jimponi fuq ir-regoli proċedurali tal-Istati Membri. Dawn il-kwistjonijiet tqajmu fil-kuntest ta’ kontestazzjoni legali ta’ ċerti kundizzjonijiet imposti għal stazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG fil-kuntest ta’ permess ambjentali li jeżiġi li l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG ikun fornut b’gass likwifikat miż-żejt (“LPG”) biss minn vetturi bit-tank li jkunu konformi ma’ ċerti rekwiżiti partikolari ta’ sikurezza. L-ewwel kwistjoni hija dwar jekk dawk il-kundizzjonijiet humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod speċifiku mad-Direttiva 2008/68 u t-tieni kwistjoni tirrigwarda jekk dawk il-kundizzjonijiet jistgħux jiġu implimentati fil-każ li jkunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Direttiva 2008/68

2.

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2008/68 tgħid li l-Ftehim Ewropew dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bit-triq ( 3 ), ir-Regolamenti dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija u l-Ftehim Ewropew dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni jistipulaw regoli uniformi għat-trasport internazzjonali sikur ta’ oġġetti perikolużi. Regoli bħal dawn għandhom ukoll jiġu estiżi għat-trasport nazzjonali biex jarmonizzaw fl-Unjoni l-kundizzjonijiet li bihom oġġetti perikolużi jiġu ttrasportati u biex ikun żgurat il-funzjonament kif imiss tas-suq komuni tat-trasport.

3.

Jingħad ukoll, fil-premessa 13 tad-Direttiva 2008/68 li kull Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li japplika regoli iktar stretti għall-operazzjonijiet tat-trasport nazzjonali mwettqa minn mezzi ta’ trasport irreġistrati jew li jkunu joperaw fit-territorju tiegħu.

4.

Il-premessa 22 tad-Direttiva 2008/68 tiddikjara li l-għanijiet tad-Direttiva huma li jkunu żgurati l-applikazzjoni uniformi ta’ regoli tas-sikurezza armonizzati mal-Unjoni kollha u livell għoli ta’ sikurezza f’operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali u internazzjonali.

5.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/68, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq […] fl-Istati Membri jew bejniethom, inkluż l-attivitajiet tat-tagħbija u l-ħatt […]”

[…]

5.   L-Istati Membri jistgħu jirregolaw jew jipprojibixxu, strettament għal raġunijet li ma jkunux ta’ sikurezza waqt it-trasport, it-trasport ta’ oġġetti perikolużi fit-territorju tagħhom.”

6.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/68, bit-titolu “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, l-oġġetti perikolużi ma għandhomx jiġu trasportati jekk dan ikun projbit mill-Anness I, Taqsima I.1 […]

2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali dwar l-aċċess għas-suq jew ir-regoli ġenerali applikabbli għat-trasport ta’ oġġetti, it-trasport ta’ oġġetti perikolużi għandu jiġi awtorizzat, suġġett għall-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness I, Taqsima I.1 […]”

7.

L-Artikolu 5, intitolat “Restrizzjonijiet minħabba raġunijiet ta’ sikurezza tat-trasport” jgħid:

“1.   L-Istati Membri jistgħu, minħabba raġunijiet ta’ sikurezza tat-trasport, japplikaw dispożizzjonijiet, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti ta’ kostruzzjoni, aktar stretti dwar it-trasport nazzjonali ta’ oġġetti perikolużi permezz ta’ vetturi, vaguni u bastimenti ta’ passaġġi ta’ l-ilma interni reġistrati jew li jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorju tagħhom.”

8.

L-Anness I, intitolat “Trasport bit-triq” jipprovdi fil-punt I.1 (ADR):

“Fl-Annessi A u B ma’ l-ADR […], huwa mifhum li l-frażi ‘parti kontraenti’ tiġi mibdula bil-frażi ‘Stat Membru’ kif xieraq.”

B.   Il-Ftehim Ewropew dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bit-triq

9.

L-Anness A tal-ADR jipprovdi d-definizzjonijiet li ġejjin fil-punt 1.2.1 (“Definizzjonijiet”):

“‘Gass likwifikat miż-żejt (LPG)’ tfisser gass likwifikat ta’ pressjoni baxxa kompost minn idrokarbonju ħafif wieħed jew iktar li jingħatawlhom numri tan-NU 1011, 1075, 1965, 1969 jew 1978 biss u li jkunu jikkonsistu prinċipalment minn propan, propen, butan, isomeri tal-butan, butan bi traċċi ta’ gassijiet idrokarbonji oħra;

[…]

‘Kisi protettiv’ (għal tankijiet) tfisser kisja li tipproteġi l-materjal metalliku tat-tank kontra materjali li ser jiġu ttrasportati,

NOTA: Din id-definizzjoni ma tapplikax għal kisja jew passata użati biss sabiex jipproteġu s-sustanza li tinġarr.

[…]

‘Parti ta’ barra’ (għal tankijiet) tfisser il-parti tat-tank li żżomm fiha l-materja li għandha tinġarr, li tinkludi l-mezzi ta’ ftuħ u ta’ għeluq tagħhom, iżda ma tinkludix tagħmir ta’ servizz jew tagħmir strutturali estern;

[…]

‘Tank’ tfisser il-parti ta’ barra, inklużi s-servizz u t-tagħmir strutturali tagħha. […]

[…]

‘Vettura-tank’ tfisser vettura mibnija għall-ġarr ta’ likwidi, gassijiet jew trab ta’ sustanzi u tinkludi tank fiss wieħed jew iktar. Flimkien mal-vettura proprja, jew mal-unitajiet ta’ tagħmir ta’ ġarr użat minflokha, vettura-tank tinkludi qoxra waħda jew iktar, l-oġġetti ta’ tagħmir tagħhom u fittings biex jitwaħħlu mal-vettura jew mal-unitajiet tat-tagħmir tal-ġarr;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

C.   Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

10.

L-Artikolu 8:69a tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Kodiċi Amministrattiv tal-Pajjiżi l-Baxxi) huwa fformulat bil-mod li ġej:

“L-Imħallef Amministrattiv ma għandux jannulla deċiżjoni minħabba li tkun kuntrarja għal dispożizzjoni legali miktuba jew mhux miktuba jew għal prinċipju legali ġenerali, jekk din ir-regola jew dak il-prinċipju b’mod ċar ma jkollhomx bħala l-għan tagħhom il-protezzjoni tal-interessi ta’ dawk li jinvokawhom.”

II. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari

11.

It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna rikorsi ġudizzjarji ppreżentati minn resident (iktar ’il quddiem “X”) tal-belt Purmerend fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jikkontesta ċerti kundizzjonijiet annessi ma’ permess ambjentali maħruġ lill-operatur ta’ stazzjoni ta’ pompi tal-petrol LPG. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju l-għan aħħari tal-kawża ta’ X ma huwiex li dawk il-kundizzjonijiet jitħassru, iżda pjuttost li jkun ipprojbit il-bejgħ ta’ LPG mill-istazzjoni ta’ pompi tal-petrol LPG. X huwa mħasseb dwar il-kwistjonijiet ta’ sikurezza relatati mal-bejgħ ta’ LPG f’distrett residenzjali.

12.

L-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG kellu permess li jbigħ LPG sa mit-8 ta’ Novembru 1977. Fit-30 ta’ Marzu 1998, il-College van burgemeester en wethouders van de gemeente Purmerend (il-Bord tas-Sindku u l-Aldermen ta’ Purmerend, iktar ’il quddiem il-“Kulleġġ”) ħareġ permess għall-installazzjoni skont il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar ġestjoni ambjentali (il-“Wet milieubeheer”). Dak il-permess sussegwentement kien ġie emendat bosta drabi. Fit-18 ta’ Jannar 2016 kienu żdiedu żewġ kundizzjonijiet mal-permess ambjentali fir-rigward tal-vetturi użati sabiex jiffornixxu l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG, waħda kienet teżiġi li dawk il-vetturi jkunu mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana ( 4 ) u oħra li kienet teżiġi li l-vetturi titwaħħlilhom pajp għall-mili aħjar (u iktar sikura). Skont l-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Kulleġġ, dawk il-kundizzjonijiet addizzjonali ddaħħlu mal-kundizzjonijiet annessi mal-permess ambjentali fuq it-talba tal-operatur tal-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG sabiex jiżdied il-livell ta’ sikurezza tal-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG biex l-operatur ikun jista’ jżomm il-permess ambjentali tiegħu skont standards ġodda, u iktar stretti minn dawk li qabel kienu applikabbli għall-pompa.

13.

Ir-rekwiżiti addizzjonali ġew imposti kważi fl-istess żmien li l-Kulleġġ ittratta lment imressaq minn X kontra l-permess ambjentali tal-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG. Skont il-Kulleġġ, l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG legalment huwa meħtieġ ikun konformi mal-kundizzjonijiet addizzjonali, li jnaqqas ir-riskju ta’ avveniment katastrofiku għal livell meqjus aċċettabbli.

14.

X jitlob l-annullament ta’ żewġ kundizzjonijiet inklużi fil-permess ambjentali, jiġifieri l-kundizzjoni li teżiġi li l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG jista’ jkun fornut biss b’vetturi bit-tank tal-LPG li jkunu mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana, u l-kundizzjoni dwar il-pajp għall-mili tal-vetturi bit-tank tal-LPG. X mhux ma jaqbilx mal-kundizzjonijiet bħala tali, iżda qiegħed jitlob li jiġu annullati abbażi li ma jistgħux jiġu implimentati, minħabba li huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. L-għan aħħari tal-kontestazzjoni ta’ X huwa li jiġi rtirat il-permess ambjentali għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG. Mingħajr is-sikurezza addizzjonali prevista mill-kundizzjonijiet, id-distanzi ta’ sikurezza meħtieġa għal oġġetti relattivament vulnerabbli jkunu itwal, u l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG ma jkunx jista’, minħabba l-post fejn jinsab, ikun konformi ma’ dawk id-distanzi ta’ sikurezza itwal.

15.

B’mod iktar speċifiku X isostni, fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, li ż-żewġ kundizzjonijiet huma kuntrarji għad-Direttiva 2008/68 u/jew l-Artikolu 34 TFUE u, għalhekk, ma jistgħux jiġu implimentati.

16.

Il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kulleġġ ma jistax jorbot kundizzjonijiet li ma jistgħux jiġu implimentati mal-permess ambjentali, u li X, bħala resident qrib l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG, għandu interess li l-kundizzjonijiet jiġu implimentati. Bħala konsegwenza, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li hija għandha tiddeċiedi dwar il-mertu tat-talba ta’ X li l-kundizzjonijiet ma jistgħux jiġu implimentati u, għalhekk, jagħtu biss l-impressjoni ta’ sikurezza.

17.

Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-kundizzjoni dwar il-pajp għall-mili ma tiksirx id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/68, u li b’konsegwenza dik tista tibqa’ fis-seħħ. Id-domandi magħmula, għalhekk, ma jirrelatawx mar-rekwiżit tal-pajp għall-mili, iżda d-deċiżjoni tar-rinviju għad għandha deskrizzjoni ddettaljata ta’ dak ir-rekwiżit.

18.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) issospenda l-proċeduri u rrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

(a)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi rekwiżit ta’ permess mogħti għal pompa tal-petrol LPG, li jipprevedi li l-pompa tal-petrol LPG speċifika inkwistjoni tista’ tiġi fornuta biss minn tankers tat-triq tal-LPG mgħammar b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana, minkejja li dan l-obbligu ma huwiex impost direttament fuq operaturi jew operaturi ta’ tankers tat-triq [vetturi bit-tank] tal-LPG?

(b)

Ir-risposta għall-ewwel domanda hija influwenzata mill-fatt li l-Istat Membru kkonkluda ftehim fil-forma ta’ ‘Safety Deal hittewerende bekleding op LPG-autogastankwagens’ [Ftehim ta’ sikurezza dwar il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana fuq tankers tat-triq ta’ fjuwil awtomattiv LPG] ma’ organizzazzjonijiet ta’ operaturi tas-settur LPG (fost oħrajn operaturi ta’ pompi tal-petrol LPG u produtturi, bejjiegħa u trasportaturi ta’ LPG), fejn l-operaturi impenjaw ruħhom li jużaw il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana u li, f’dak ir-rigward, l-Istat Membru ħareġ ċirkulari, jiġifieri ċ-‘Circulaire effectafstanden externe veiligheid LPG-tankstations voor besluiten met gevolgen voor de effecten van een ongeval’ (‘Ċirkulari dwar distanzi ta’ sigurtà fir-rigward tas-sigurtà esterna ta’ pompi tal-petrol LPG f’deċiżjonijiet b’konsegwenzi għall-effetti ta’ inċident’), fejn hija żviluppata politika komplementari ta’ ġestjoni ta’ riskji bbażata fuq l-ipoteżi li l-pompi tal-petrol LPG huma fornuti permezz ta’ tankers tat-triq [vetturi bit-tank] mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana?

(2)

(a)

Meta qorti nazzjonali teżamina deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li għandha l-għan li timponi fuq id-destinatarju obbligu ta’ rekwiżit li ma jistax jiġi kkontestat fid-dritt u kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni:

id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-awtonomija tal-proċedura nazzjonali, jippermetti lill-qorti nazzjonali li titlaq fil-prinċipju mill-idea li tali rekwiżit ta’ permess huwa legali sakemm ma jkunx manifestament kuntrarju għad-dritt superjuri, u b’mod partikolari għad-dritt tal-Unjoni? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi rekwiżiti (supplimentari) għal din l-eċċezzjoni?;

jew id-dritt tal-Unjoni jimplika li, fid-dawl b’mod partikolari tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 1999, Ciola (C-224/97, EU:C:1999:212) u tas-6 ta’ April 2000, ED ED & F Man Sugar (C-274/04, EU:C:2006:233), li l-qorti nazzjonali għandha tinjora tali rekwiżit ta’ permess peress li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

(b)

Fir-rigward tar-risposta għad-domanda 2(a), għandu jkun magħruf jekk id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni hijiex sanzjoni ta’ kumpens (remedy) jew sanzjoni ta’ ripressiva (criminal charge)?”

19.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati mill-Kulleġġ, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

20.

Inizjalment il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet żewġ domandi għal risposta orali mingħand il-partijiet li kienu intenzjonati jipparteċipaw fis-seduta ppjanata. Minħabba l-pandemija tal-Covid-19 is-seduta ġiet ikkanċellata u ż-żewġ domandi minflok saru lill-partijiet ikkonċernati li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal risposta bil-miktub.

21.

Id-domandi kienu s-segwenti:

“L-Istati Membri, skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1) ta’ dik id-direttiva, huma liberi li japplikaw rekwiżiti iktar stretti jekk l-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti tkun immotivata minn raġunijiet minbarra dawk ta’ sikurezza fit-trasport, bħal pereżempju l-protezzjoni tal-ambjent?

Jekk dan huwa minnu, x’konsegwenżi wieħed għandu jislet minn dan għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda magħmula?”

22.

Il-Kulleġġ, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw risposti bil-miktub għad-domandi.

III. Analiżi

A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

1. Osservazzjonijiet preliminari fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari

23.

Il-punt (a) tal-ewwel domanda kif ifformulat mill-qorti tar-rinviju jitlob biss kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68. Madankollu, dak li l-qorti tar-rinviju hija tassew imħassba dwaru hija l-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet annessi mal-permess ambjentali fir-rigward tat-tankers tat-triq tal-LPG li permezz tagħhom l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend jista’ jiġi fornut, jiġifieri r-rekwiżiti tal-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana u tal-pajp għall-mili, ma jistgħux jiġu implimentati peress li dawk il-kundizzjonijiet huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni (u b’mod iktar speċifiku, kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/68). Jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jistgħux jiġu implimentati, u l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG effettivament ikun liberu li jiġi fornut minn kwalunkwe tanker tat-triq tal-LPG li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ sikurezza tad-Direttiva 2008/68, huwa possibbli li dak l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend jista’ jonqos milli jissodisfa l-istandards ta’ sikurezza meħtieġa skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi. Jekk il-kundizzjonijiet huma legalment vinkolanti, pjuttost huwa apparenti – skont id-deċiżjoni tar-rinviju – li jistgħu jkunu ssodisfatti l-istandards ta’ sikurezza rikjesti għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG.

24.

Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li r-rekwiżit tal-pajp għall-mili ma jiksirx id-dritt tal-Unjoni u, għalhekk ma talbitx kjarifika fir-rigward ta’ dak ir-rekwiżit. Ma inix konvint li dik il-konklużjoni hija korretta, u jiena, għalhekk, biex nipprovdi lill-qorti tar-rinviju b’risposti li jkunu utli għar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali, ser nipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’pariri dwar kif hija tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bi gwida dwar dak ir-rekwiżit.

25.

Il-qorti tar-rinviju b’mod pjuttost loġiku qasmet id-domanda tagħha f’żewġ partijiet: il-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda dwar jekk il-kundizzjonijiet humiex kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, u l-punti (a) u (b) tat-tieni domanda 2 dwar jekk il-kundizzjonijiet jistgħux jiġu implimentati anki jekk, bħala materja sostantiva, huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, minħabba li d-deċiżjoni li timponi l-kundizzjonijiet saret legalment inkontestabbli skont id-dritt proċedurali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

26.

Il-Kummissjoni ssuġġeriet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68 jista’ jkun rilevanti għall-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet humiex permissibbli, u l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet iż-żewġ domandi li hemm riferiment għalihom fil-punt 21 iktar ’il fuq lill-partijiet ikkonċernati, biex b’hekk hija tathom l-opportunità jikkummentaw dwar dik il-kwistjoni.

27.

Skont l-istruttura u l-loġika tad-Direttiva, ser nindirizza fl-ewwel lok l-argumenti li jikkonċernaw l-Artikolu 1(5) – kemm fir-rigward tar-rekwiżit tal-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana u tal-pajp għall-mili – qabel ma ngħaddi għall-analiżi tal-Artikolu 5(1).

28.

Il-punt (b) tal-ewwel domanda jikkonċerna l-effetti potenzjali tas-Safety Deal ( 5 ) u taċ-Ċirkulari ( 6 ) fuq ir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda. Ser nindirizza dik id-domanda sekondarja flimkien mal-punt (a) tal-ewwel domanda.

2. L-għan tad-Direttiva 2008/68

29.

Id-Direttiva 2008/68 kienet ġiet ippubblikata biex tissostitwixxi d-Direttivi 94/55 ( 7 ) u 96/49 ( 8 ) u sabiex tistabbilixxi sistema komuni li tkun tkopri l-aspetti kollha tat-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi (bit-triq, bil-ferrovija jew fuq passaġġi tal-ilma interni) ( 9 ). Id-Direttiva 2008/68 tagħmel dan billi testendi r-regoli stabbiliti fir-rigward ta’ trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi fi tliet ftehimiet internazzjonali għal trasport fl-Istati Membri jew bejniethom sabiex tarmonizza l-kundizzjonijiet li bihom jiġu ttrasportati oġġetti perikolużi u “sabiex ikun żgurat il-funzjonament kif imiss tas-suq komuni tat-trasport” ( 10 ). L-għanijiet iddikjarati tad-Direttiva 2008/68 huma “l-iżgurar ta’ l-applikazzjoni uniformi ta’ regoli tas-sikurezza armonizzati [fl-Unjoni]” u “livell għoli ta’ sikurezza għall-operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali u internazzjonali” ( 11 ).

3. Ir-rekwiżiti (kisi ta’ protezzjoni mis-sħana, pajp għall-mili) jmorru lil hinn minn dawk previsti fid-Direttiva u fl-ADR?

30.

Id-domandi kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju jippreżupponu li r-rekwiżit tal-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana li jinsab fil-kundizzjonijiet annessi mal-permess ambjentali għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend imur lil hinn minn dak li ġeneralment huwa meħtieġ għal vetturi bit-tank tal-LPG skont id-Direttiva 2008/68 u skont l-ADR. L-analiżi addizzjonali fid-deċiżjoni tar-rinviju dwar il-pajp għall-mili tassumi l-istess. Jekk dawk ir-rekwiżiti ma kinux wisq iktar milli kien meħtieġ skont id-Direttiva, id-domandi magħmula jkunu dibattibbli. Ebda waħda mill-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ma argumentat mod ieħor. Jidher ukoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jimponi r-rekwiżit tal-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana inkluż fis-Safety Deal fl-għamla ta’ regoli vinkolanti, ġeneralizzati, applikabbli fil-livell nazzjonali, minħabba tħassib li dan seta’ jikser l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 ( 12 ).

31.

Għaldaqstant, jiena bbażajt l-analiżi tiegħi fuq il-premessa li r-rekwiżit tal-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana u r-rekwiżit tal-pajp għall-mili t-tnejn huma rekwiżiti li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti minn operatur ta’ tanker tat-triq tal-LPG biex operatur ikun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/68.

4. Id-Direttiva 2008/68 tapplika għal kundizzjonijiet li jinsabu f’permess ambjentali bħall-permess ambjentali għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend?

32.

Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kulleġġ argumentaw fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom li l-kundizzjonijiet annessi mal-permess ambjentali għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2008/68. F’dak il-kuntest il-Kulleġġ osserva li l-kundizzjonijiet annessi mal-permess ambjentali huma indirizzati lill-operatur tal-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG u mhux lit-trasportatur jew lill-operatur tat-tankers tat-triq tal-LPG.

33.

Il-Kulleġġ kompla jenfasizza li l-kundizzjonijiet annessi mal-permess ambjentali jikkonċernaw l-attivitajiet ta’ “installazzjoni”, u li jsegwi min-natura proprja ta’ tali permess li huwa impossibbli li permezz tiegħu jkun impost kwalunkwe rekwiżit ta’ kostruzzjoni, jew rekwiżiti oħra dwar dan li jkunu applikabbli għal vetturi bit-tank tal-LPG.

34.

Il-Kulleġġ jinnota wkoll li l-kundizzjonijiet annessi mal-permess ma humiex kundizzjonijiet ta’ natura ġenerali li jikkonċernaw kostruzzjoni. Ma jirrigwardawx il-vetturi bit-tank tal-LPG kollha (indipendentement mill-post ta’ reġistrazzjoni tagħhom jew minn fejn ikunu tqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni), jew l-istazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol LPG kollha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huma jipprojbixxu biss lill-operatur tal-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend milli jieħu kunsinna minn vettura bit-tank tat-triq tal-LPG li ma jkunx mgħammar bil-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana meħtieġ (u, għandi nżid, bil-pajp għall-mili).

35.

Il-Kulleġġ osserva wkoll li ż-żewġ kundizzjonijiet dwar il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana u l-pajp għall-mili kienu saru fuq i-talba tal-operatur tal-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG.

36.

L-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma huwa, fl-opinjoni tiegħi, konvinċenti.

37.

Skont il-premessa 22 tal-preambolu, id-Direttiva 2008/68 hija intiża li tilħaq żewġ għanijiet, jiġifieri “l-iżgurar ta’ l-applikazzjoni uniformi ta’ regoli tas-sikurezza armonizzati [fl-Unjoni]” u l-iżgurar ta’ “livell għoli ta’ sikurezza għall-operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali u internazzjonali”. Hija tagħmel hekk billi essenzjalment tadotta r-regoli minn tliet ftehimiet internazzjonali dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi u billi testendihom sabiex ikopru trasport intern ta’ tali oġġetti fl-Unjoni ( 13 ), b’ċerti eċċezzjonijiet limitati. F’dan il-każ, huwa rilevanti biss l-ADR minn fost dawk it-tliet ftehimiet internazzjonali.

38.

Id-Direttiva 2008/68 timponi, fl-Artikolu 3(2), obbligu fuq l-Istati Membri li jawtorizzaw it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bla ħsara għal konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati fid-Direttiva.

39.

Il-permess ambjentali maħruġ għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend mill-Kulleġġ u l-kundizzjonijiet annessi miegħu huma manifestament atti legali ta’ awtorità pubblika deċentralizzata. L-effett tal-kundizzjonijiet annessi mal-permess ambjentali huwa li jkunu limitati l-vetturi li fil-fatt ikunu jistgħu jagħtu servizz lil dak l-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG partikolari billi l-operatur tal-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG ikun meħtieġ li jonqos milli jieħu kunsinna minn vetturi bit-tank li – għalkemm konformi kompletament mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/68 – ma jkunux jissodisfaw dawk ir-rekwiżiti addizzjonali. In-natura tal-permess ambjentali bħala deċiżjoni amministrattiva individwali speċifika huwa, f’dan il-kuntest, irrilevanti ( 14 ).

40.

Sa fejn il-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali jmorru lil hinn minn dak meħtieġ skont id-Direttiva 2008/68, dawk il-kundizzjonijiet ikunu f’kunflitt mad-Direttiva, sakemm ikunu jistgħu jiġu ġġustifikati skont waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/68 li jagħtu lill-Istati Membri d-diskrezzjoni li jimplimentaw miżuri iktar stretti. Sa kemm dan ma jkunx il-każ, dawn il-kundizzjonijiet għandhom, għalhekk, bħala punt ta’ tluq, ma jkunux jistgħu jiġu implimentati mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi.

5. L-Artikolu 34 TFUE huwa rilevanti għar-risposta għall-ewwel domanda preliminari?

41.

Kif innota l-Gvern Ġermaniż fil-punt 34 tal-osservazzjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2008/68 għandha, sa fejn huma kkonċernati r-rekwiżiti ta’ sikurezza għal vetturi bit-tank tal-LPG, tkun ikkunsidrata bħala li tipprovdi armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni. Il-kwistjoni tal-kompatibbiltà taż-żewġ kundizzjonijiet tal-permess ambjentali għandha, għalhekk, tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u mhux tad-dritt primarju ( 15 ). Analiżi tal-kundizzjonijiet u tar-rekwiżiti li huma jimponu fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE ma hijiex, għalhekk, neċessarja. Fi kwalunkwe każ, id-domandi magħmula ma jitolbux kjarifika f’dan ir-rigward.

6. L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68

42.

Il-Kummissjoni argumentat fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li huwa konċepibbli li l-kundizzjonijiet jistgħu jkunu permissibbli skont l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68, kieku ġew implimentati għal raġunijiet minbarra għal dawk ta’ sikurezza fit-trasport. Il-Gvern Ġermaniż, fit-tweġiba bil-miktub tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, argumenta kontra dak il-kunċett, filwaqt li l-Kulleġġ u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fit-tweġibiet tagħhom argumentaw favur.

43.

Il-Gvern Ġermaniż fit-tweġiba tiegħu argumenta li l-għan tal-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(5) huwa li l-awtoritajiet nazzjonali jistabbilixxu limitazzjonijiet għal passaġġ, bħal limitazzjonijiet fuq passaġġi tul żoni protetti, għal raġunijiet bħas-sigurtà nazzjonali jew il-protezzjoni tal-ambjent. Huwa jistrieħ fuq interpretazzjoni letterali tat-test tad-dispożizzjoni, li tippermetti lill-Istati Membri jirregolaw jew jipprojbixxu t-“trasport” ( 16 ) (fir-rigward tal-att tat-trasport tal-oġġetti inkwistjoni) fit-territorju nazzjonali tagħhom, u jinnota li din id-dispożizzjoni fil-fehma tiegħu ma tistax tiġġustifika rekwiżiti ta’ kostruzzjoni skont l-Artikolu 5(1).

44.

Il-Kulleġġ argumenta fit-tweġiba tiegħu li r-raġuni li għaliha ddaħħlu l-kundizzjonijiet kienet biex ikun protett l-ambjent u titħares is-sikurezza esterna tal-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG, li jinsab f’żona residenzjali, u li dawn il-motivi, fil-fehma tiegħu, kienu distinti mis-sikurezza fit-trasport.

45.

Irrid ninnota, l-ewwel nett, li l-Artikolu 1(5) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 b’mod komplementari stabbilixxew iċ-ċirkustanzi li fihom l-Istati Membri jistgħu, rispettivament, “jirregolaw jew jipprojibixxu” it-trasport ta’ oġġetti perikolużi fit-territorju tagħhom għal “raġunijet li ma jkunux ta’ sikurezza waqt it-trasport”, jew japplikaw “[re]strizzjonijiet minħabba raġunijiet ta’ sikurezza tat-trasport”. Hekk li l-Artikolu 1(5) jiddelinja x’jistgħu jagħmlu l-Istati Membri fl-ambitu tad-Direttiva għal “raġunijet li ma jkunux ta’ sikurezza waqt it-trasport”, u l-Artikolu 5(1) jagħmel l-istess f’termini ta’ liema restrizzjonijiet l-Istati Membri jistgħu jimponu għal “minħabba raġunijiet ta’ sikurezza tat-trasport”.

46.

Id-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jirregolaw jew li jipprojbixxu t-trasport ta’ oġġetti perikolużi skont Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68 hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 3(1) u (2), li tipprovdi li oġġetti perikolużi ma għandhomx jiġu ttrasportati jekk dan ikun ipprojbit mill-annessi rilevanti tad-Direttiva, u li t-trasport ta’ tali oġġetti għandu jkun awtorizzat jekk ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet li jinsabu f’dawk l-annessi. Bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri skont l-Artikolu 1(5) għandha tiġi interpretata restrittivament. Din il-konklużjoni hija sostnuta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(5), li jeżiġi li regolamenti jew projbizzjonijiet, sabiex ikunu permissibbli skont dik id-dispożizzjoni, għandhom ikunu ġew stabbiliti strettament għal raġunijiet li ma jkunux dwar sikurezza waqt it-trasport. Skont il-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 1(5), regolamenti jew projbizzjonijiet stabbiliti parzjalment għal raġunijiet ta’ sikurezza matul it-trasport ma jistgħux ikunu koperti mill-eċċezzjoni prevista minn dik id-dispożizzjoni.

47.

Din il-fehma hija sostnuta mill-argumenti li hemm riferiment għalihom fil-punt 43, iktar ’il fuq. Jekk l-Artikolu 1(5) huwa intiż primarjament sabiex jagħti lill-Istati Membri d-diskrezzjoni li jipprojbixxu jew jirregolaw it-trasport ta’ oġġetti perikolużi tul żoni partikolarment sensittivi, bħalma jista’ jiġi argumentat skont il-premessa 11 tad-Direttiva 2008/68 ( 17 ), allura l-modifikatur “strettament” jidher li ddaħħal b’mod korrett. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jirrestrinġi l-użu ta’ rotta partikolari, pereżempju tul qasam protett ambjentalment jew żona b’popolazzjoni kbira, dik il-projbizzjoni tkun “strettament” għal raġunijiet li ma jkunux ta’ sikurezza waqt it-trasport. Is-sikurezza tat-trasport innifsu ma tkunx affettwata sempliċement għaliex ikun meħtieġ jieħu rotta oħra, iżda l-ambjent jista’ jiġi protett mir-riskju inerenti fi kwalunkwe trasport ta’ oġġetti perikolużi. Dawk it-tipi ta’ miżuri wkoll ma joħolqux distorsjoni jew jaqsmu s-suq intern għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi.

48.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend kinux saru “strettament għal raġunijiet li ma jkunux ta’ sikurezza waqt it-trasport”. Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina każ iktar emblematiku ta’ regolamenti ta’ sikurezza fit-trasport minn rekwiżiti ta’ kostruzzjoni ta’ vettura bit-tank tal-LPG intiżi li jdewmu jew jipprevjenu Splużjoni ta’ Fwar li Jespandi ta’ Likwidu Jagħli (Boiling Liquid Expanding Vapour Explosion) fil-każ ta’ aċċident li jkun jinvolvi n-nar.

49.

B’mod simili, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina kif ir-rekwiżit li għandu jintuża pajp għall-mili iktar sikur jista’ jinftiehem li ddaħħal strettament għal raġunijiet li ma jkunux ta’ sikurezza waqt it-trasport, meta “trasport” speċifikament jinkludi “l-attivitajiet tat-tagħbija u l-ħatt” tal-LPG ( 18 ). L-għan iddikjarat għall-inklużjoni taż-żewġ kundizzjonijiet kien sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ inċident katastrofiku fil-kuntest ta’ attivitajiet – kunsinna ta’ LPG – li jikkonsistu fis-sewqan ta’ vetturi bit-tank għall-post inkwistjoni, il-ħatt tal-LPG u t-tluq, attivitajiet li huma għalkollox fl-ambitu ta’ “trasport”’kif dan it-terminu jintuża għall-finijiet tad-Direttiva 2008/68.

50.

Il-fatt biss li l-kundizzjonijiet inkwistjoni ddaħħlu f’permess ambjentali bil-għan li jiġu protetti l-viċinanzi tal-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend ma jistax, fil-fehma tiegħi, jibdel il-qofol ta’ dak li jeżiġu l-kundizzjonijiet. Dawn japplikaw biss għat-trasport bit-triq għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG u għall-ħatt hemmhekk tal-LPG permezz ta’ vetturi bit-tank, u manifestament huma intiżi sabiex jipprevjenu inċidenti jew li jillimitaw l-effetti ta’ dawk l-inċidenti, matul it-trasport, inkluż matul il-ħatt tat-tagħbija. Dik l-attività tappartjeni eżattament taħt l-għan tad-Direttiva 2008/68, u li l-indikazzjonijiet jew il-lokazzjoni tar-restrizzjonijiet ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jibdlu n-natura tagħhom.

51.

Il-qorti tar-rinviju staqsiet speċifikament jekk il-“Ftehim ta’ sikurezza dwar il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana fuq vetturi bit-tank ta’ fjuwil awtomattiv LPG” (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ sikurezza”), milħuq mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-parteċipanti fis-suq tal-industrija tal-LPG, għandux impatt fuq ir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda.

52.

Il-qorti tar-rinviju, permezz tad-domanda tagħha, essenzjalment tistaqsi jekk l-eżistenza parallela ta’ doveri għall-istess effett jew dak simili bħall-kundizzjonijiet annessi mal-permess ambjentali għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend, aċċettati mill-parteċipanti fis-suq tal-LPG fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-forma ta’ ftehim irregolat mid-dritt privat, tistax b’xi mod tibdel in-natura tal-kundizzjonijiet imposti mill-permess ambjentali. L-eżistenza parallela ta’ dmirijiet skont id-dritt privat ma tistax, fil-fehma tiegħi, tibdel in-natura ta’ dritt pubbliku tal-kundizzjonijiet annessi mal-permess ambjentali għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG, jew l-obbligu tal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi li jkunu konformi mad-Direttiva 2008/68.

53.

Għal dawn ir-raġunijiet, fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2008/68 ma jagħti ebda diskrezzjoni lill-Istati Membri li jimponu rekwiżiti ta’ sikurezza, bħar-rekwiżiti tal-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana u tal-pajp għall-mili li jinsabu fil-kundizzjonijiet addizzjonali annessi mal-permess ambjentali li jmorru lil hinn minn dak meħtieġ mid-Direttiva 2008/68.

7. L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68

54.

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68 jippermetti lill-Istati Membri “japplikaw dispożizzjonijiet […] aktar stretti” għal raġunijiet ta’ sikurezza fit-trasport f’ċerti ċirkustanzi limitati. Id-dispożizzjonijiet l-iktar stretti għandhom ikunu relatati mat-“trasport nazzjonali” ta’ oġġetti perikolużi b’vetturi “reġistrati jew li jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorju tagħhom”, u dawk id-dispożizzjonijiet ma għandhomx ikunu “rekwiżiti ta’ kostruzzjoni”.

55.

Huwa ċar li l-kundizzjonijiet annessi mal-permess ambjentali għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend, kif huma deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, jimponu rekwiżiti mhux biss għal vetturi użati għal trasport nazzjonali, iżda wkoll għal vetturi użati għal trasport transkonfinali biex jitwassal LPG lill-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG. Il-kundizzjonijiet japplikaw ugwalment għat-tnejn. Bl-istess mod, dawk il-kundizzjonijiet japplikaw mhux biss għal vetturi “reġistrati jew li jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni” fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda irrispettivament mill-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-vettura. Diġà għal dawk ir-raġunijiet, il-kundizzjonijiet annessi mal-permess ambjentali li jikkonċernaw kemm il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana, kif ukoll il-pajp għall-mili, jidhru li ma humiex permissibbli abbażi tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/68.

56.

Dak li l-qorti tar-rinviju kkonċentrat fuqu fl-ewwel domanda tagħha kien, madankollu, kwistjoni differenti: jekk il-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali għall-istazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend humiex kuntrarji għad-Direttiva 2008/68, minħabba li huma “rekwiżiti ta’ kostruzzjoni” u, għalhekk, ma humiex “dispożizzjonijiet […] aktar stretti” li l-Pajjiżi l-Baxxi setgħu jimponu validament abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1), jekk kienu limitati fl-applikazzjoni tagħhom għal trasport nazzjonali b’vetturi reġistrati jew imqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li r-rekwiżit tal-pajp għall-mili ma kienx “rekwiżit ta’ kostruzzjoni” f’dak is-sens, u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiggwidaha dwar jekk ir-rekwiżit tal-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana għandux jitqies “rekwiżit ta’ kostruzzjoni’ skont dik id-dispożizzjoni.

57.

L-Artikolu 5(1) ma jispeċifikax xi tfisser “rekwiżiti ta’ kostruzzjoni”. Dik id-dispożizzjoni wkoll ma tispeċifikax jew tillimita t-tip ta’ oġġetti li r-“rekwiżiti ta’ kostruzzjoni” għandhom jirrelataw magħhom. Qisu jidher mill-premessa 16 tad-Direttiva 2008/68 li “rekwiżiti ta’ kostruzzjoni” jistgħu jirrigwardaw kemm “mezzi tat-trasport” u “tagħmir”, mingħajr kjarifika addizzjonali dwar x’jista’ jfisser “tagħmir”.

58.

Loġikament, madankollu, il-projbizzjoni ta’ rekwiżiti ta’ kostruzzjoni “aktar stretti” għandha tkopri għall-inqas l-istess tip ta’ mezzi ta’ trasport u tagħmir bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-ADR jimponi “rekwiżiti ta’ kostruzzjoni” jew “rekwiżiti” li jikkonċernaw il-“kostruzzjoni” tagħhom.

59.

“Rekwiżit ta’ kostruzzjoni” jidher li – fir-rigward tal-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana, kif ukoll il-pajp għall-mili – huwa rekwiżit fir-rigward tal-kostruzzjoni tat-tagħmir, jiġifieri rekwiżiti dwar id-disinn, il-produzzjoni ta’ u l-ispeċifikazzjonijiet li t-tagħmir ikollu jissodisfa ( 19 ). Bħala eżempju, il-punt 6.7.2.2 tal-Anness A tal-ADR jipprevedi “disinn ġenerali u rekwiżiti ta’ kostruzzjoni” għal partijiet ta’ barra, inklużi rekwiżiti li jikkonċernaw kwalunkwe “kisi” ta’ tali partijiet ta’ barra ( 20 ). Rekwiżit li l-parti ta’ barra ta’ vettura bit-tank tal-LPG għandha tkun mgħammra b’kisi ta’ protezzjoni mis-sħana jew b’kisja ta’ protezzjoni mis-sħana li tissodisfa ċerti kriterji tekniċi manifestament għandu jkun ikkaratterizzat bħala “rekwiżit ta’ kostruzzjoni” f’dak is-sens.

60.

Bħala eżempju ieħor, il-punt 6.2.1.3.1 tal-Anness A tal-ADR jeżiġi ċertu tagħmir ta’ servizz fl-għamla ta’ “valvi, pajpijiet u fittings oħra suġġetti għal pressjoni” li għandhom ikunu “iddisinjati u kostruwiti” sabiex jissodisfaw ċerti rekwiżiti kontra splużjoni minħabba pressjoni. Tali rekwiżiti huma “rekwiżiti ta’ kostruzzjoni” skont it-tifsira letterali ta’ dik l-espressjoni fir-rigward ta’ dak it-“tagħmir ta’ servizz”, u b’hekk huma speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali fir-rigward kemm tat-tank tal-LPG, kif ukoll tal-pajp għall-mili fuq vettura bit-tank tal-LPG.

61.

B’konsegwenza, l-opinjoni tiegħi hija li rekwiżiti ta’ kostruzzjoni għal vetturi bit-tank tal-LPG, bħal rekwiżit ta’ kisi ta’ protezzjoni mis-sħana jew pajp għall-mili speċjali, li jkunu wisq iktar minn dak meħtieġ skont id-Direttiva 2008/68, u mdaħħla tal-inqas parzjalment għal raġunijiet ta’ sikurezza matul it-trasport (inklużi tagħbija u ħatt), huma kuntrarji għall-obbligi li d-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri.

B.   Fuq it-tieni domanda preliminari

62.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob gwida dwar il-konsegwenzi li hija għandha tislet mill-illegalità skont id-dritt tal-Unjoni tal-kundizzjonijiet addizzjonali li jikkonċernaw il-kostruzzjoni ta’ tankers tal-LPG li jagħtu servizz lill-stazzjon ta’ pompi tal-petrol LPG f’Purmerend. Sa fejn ir-rekwiżit mhux biss tal-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana, iżda wkoll dak tal-pajp għall-mili ma humiex skont id-dritt tal-Unjoni, it-tieni domanda tapplika ugwalment fir-rigward ta’ dik il-kundizzjoni.

63.

Il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha sitwazzjoni fejn – skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi – X jista’ jkun iġġustifikat jeżiġi li jkunu rtirati l-kundizzjonijiet fil-permess ambjentali jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jistgħux jiġu implimentati, li mbagħad jista’ jfisser li l-permess ambjentali ma huwiex iktar iġġustifikat u jista’ jkollu jiġi rtirat ( 21 ).

64.

Għalhekk, il-kwistjoni li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob kjarifika dwarha ma hijiex jekk id-dritt tal-Unjoni jirrikjedix li l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru jiftħu mill-ġdid u jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjoni li permezz tagħha jkunu ġew annessi l-kundizzjonijiet addizzjonali għall-permess ambjentali, jew id-deċiżjoni li fl-ewwel lok tagħti l-permess ambjentali. Tali obbligu li terġa’ tinfetaħ deċiżjoni amministrattiva li tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni jista’ jirriżulta taħt ċerti kundizzjonijiet, kif ikkjarifikat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, inter alia, fis-sentenzi Kühne und Heitz ( 22 ), i21 Germany u Arcor ( 23 ) u Kempter ( 24 ). Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi speċifikament fit-tieni domanda kif hija għandha tipproċedi meta “[tkun qiegħda] teżamina deċiżjoni ta’ implimentazzjoni” ( 25 ), u mhux kif hija għandha tipproċedi meta tkun qiegħda tevalwa l-validità tal-permess ambjentali nnifsu.

65.

Il-kwistjoni li l-qorti tar-rinviju titlob gwida dwarha hija, għalhekk, kwistjoni differenti: jekk il-kundizzjonijiet addizzjonali jistgħux ikunu implimentati, anki jekk huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, minħabba li d-deċiżjoni li imponiethom ma għadhiex iktar kontestabbli bħala materja tad-dritt proċedurali nazzjonali. Biex ikun hemm implimentazzjoni neċessarjament ikun involut l-ewwel nett ksur tal-kundizzjonijiet inkwistjoni, u mbagħad xi forma ġdida ta’ azzjoni jew deċiżjoni f’isem l-awtoritajiet rilevanti, li tipprovdi għal xi forma ta’ sanzjoni jew konsegwenza oħra ta’ natura ta’ implimentazzjoni.

66.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà nnotat, inter alia, fis-sentenza Ciola, korpi amministrattivi kollha, inklużi awtoritajiet deċentralizzati, huma suġġetti għall-obbligi li jirriżultaw mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, u deċiżjonijiet amministrattivi individwali u speċifiċi huma koperti b’dawk l-obbligi ( 26 ). Abbażi ta’ dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet fis-sentenza Ciola li projbizzjoni stabbilita b’deċiżjoni amministrattiva individwali u speċifika li kienet saret finali, iżda li kienet kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, kellha tiġi injorata fl-evalwazzjoni tal-validità ta’ multa imposta għal nuqqas ta’ konformità mal-projbizzjoni.

67.

F’din il-kawża ma huwiex – bħal fis-sentenza Ciola – x’hemm jistenna l-att amministrattiv innifsu li hija l-kwistjoni, iżda l-kwistjoni hija jekk kundizzjonijiet f’dak l-att li jkunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni jistgħux ikunu ta’ bażi f’atti amministrattivi sussegwenti jew f’deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni sussegwenti oħra, jew jekk għandhomx jiġu injorati fl-evalwazzjoni tal-validità ta’ penali – jew possibbilment, azzjoni ta’ implimentazzjoni fil-forma ta’ sanzjoni ta’ kumpens (remedy) – imposta’ għal nuqqas ta’ konformità ma’ dawk il-il-kundizzjonijiet ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha ED & F Man Sugar ( 28 ) fakkret li penali għandha tkun imsejsa fuq bażi ġuridika ċara u mhux ambigwa, u rriteniet, fil-kuntest ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, li l-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza legali jeħtieġu li awtoritajiet u qrati nazzjonali li jistħarrġu l-legalità ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni (jiġifieri deċiżjoni ta’ implimentazzjoni) ikunu jistgħu jeżaminaw il-bażi fattwali tad-deċiżjoni ta’ rimbors sottostanti, anki jekk dik id-deċiżjoni tkun saret finali ( 29 ).

68.

Il-qorti tar-rinviju staqsiet speċifikament jekk in-natura tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni bħala sanzjoni ta’ kumpens (remedy) jew bħala sanzjoni repressiva (criminal charge) hijiex rilevanti. Ma naħsibx li huwa jew li għandu jkun hekk. Kull deċiżjoni ġdida bil-għan li jiġu implimentati kundizzjonijiet li jiksru d-dritt tal-Unjoni għandha tkun prekluża, irrispettivament minn jekk tkunx punittiva fin-natura tagħha jew b’għan ta’ restawr. F’dan ir-rigward, jiena konvint li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi E.B. ( 30 ) u Fallimento Olimpiclub ( 31 ) hija istruttiva.

69.

Fis-sentenza Fallimento Olimpiclub il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest ta’ tilwima dwar il-VAT li d-dritt tal-Unjoni “ma jimponix fuq qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli interni tal-proċedura li jikkonferixxu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni, anki jekk li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rimedjat ksur tad-dritt [tal-Unjoni] mid-deċiżjoni inkwistjoni” ( 32 ). Madankollu, id-dritt tal-Unjoni kien jipprekludi dispożizzjonijiet tad-dritt regoli nazzjonali li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni illegali f’dak li jikkonċerna deċiżjonijiet oħra dwar snin ta’ tassazzjoni oħra f’qasam irregolat minn regoli mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni ( 33 ). Fi kliem ieħor, id-deċiżjoni oriġinali tkun valida, iżda ma tistax titħalla tiddetermina deċiżjonijiet futuri.

70.

Fis-sentenza E.B. uffiċjal tal-pulizija kellu jirtira b’mod obbligatorju fl-1975 b’riżultat ta’ deċiżjoni amministrattiva dixxiplinari, wara li kien instab ħati ta’ attentat reat ta’ indeċenza rigwardanti l-istess sess. Id-deċiżjoni naqqset ukoll il-ħlasijiet ta’ pensjoni li kieku huwa kien ikun intitolat jirċievi b’25 %. Abbażi li d-deċiżjoni oriġinali li naqqset il-ħlasijiet ta’ pensjoni ta’ E.B. kienet tkun kuntrarja għad-Direttiva 2000/78/KE ( 34 ), kieku ġiet applikata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali ma kinitx meħtieġa teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni dixxiplinari finali li ordnat l-irtirar bikri ta’ E.B, iżda kien jeħtiġilha teżamina mill-ġdid it-tnaqqis ta’ dak li huwa kien intitolat għalih f’pensjoni, biex tikkalkola l-ammont li huwa kien jirċievi fl-assenza ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni (f’dan il-każ, id-dritt tiegħu li jkun ħieles minn diskriminazzjoni minħabba orjentazzjoni sesswali).

71.

F’dawn iż-żewġ każijiet id-deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva oriġinali tħalliet viġenti, iżda ma tħallietx tifforma l-bażi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji sussegwenti (Fallimento Olimpiclub) jew li tiddetermina d-drittijiet ta’ pensjoni kontinwi għal impjegat pubbliku li kien is-suġġett ta’ azzjoni dixxiplinari (E.B.). Għalhekk. il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet bejn il-ħtieġa taċ-ċertezza legali fir-rigward tad-deċiżjonijiet oriġinali, finali li kienu saru res judicata, u l-ħtieġa li jitħares il-prinċipju ta’ legalità fir-rigward tad-deċiżjonijiet sussegwenti jew il-konsegwenzi kontinwi tad-deċiżjonijiet oriġinali. Jiena, għalhekk tal-fehma li azzjonijiet jew deċiżjonijiet bil-għan li jkunu implimentati l-kundizzjonijiet dwar il-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana u l-pajp għall-mili ma humiex permessi bħala materja tad-dritt tal-Unjoni.

IV. Konklużjoni

72.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej għad-domandi tal-qorti tar-rinviju:

(1)

Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi għandha tiġi interpretata li tfisser li rekwiżiti ta’ kostruzzjoni għal vetturi bit-tank tal-LPG, bħal rekwiżit ta’ kisi ta’ protezzjoni mis-sħana jew pajp għall-mili speċjali, li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ skont id-Direttiva, u mdaħħla tal-inqas parzjalment għal raġunijiet ta’ sikurezza matul it-trasport (inklużi tagħbija u ħatt), huma kuntrarji għall-obbligi li d-Direttiva timponi fuq l-Istati Membri.

(2)

Id-dritt tal-Unjoni, u partikolarment il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ciola, ma jippermettux lil qorti jew awtorità amministrattiva nazzjonali milli jimplimentaw kundizzjonijiet f’deċiżjoni amministrattiva li tagħti permess ambjentali, bħar-rekwiżit tal-kisi ta’ protezzjoni mis-sħana u r-rekwiżit tal-pajp għall-mili, li jkunu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni, minkejja li d-deċiżjoni nnifisha tkun tista’ titħalla fis-seħħ.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2008 L 260, p. 13.

( 3 ) Il-Ftehim Ewropew dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bit-triq (ADR), iffirmat f’Genève fit-30 ta’ Settembru 1957 taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (iktar ’il quddiem l-“ADR”).

( 4 ) Bl-Olandiż: “hittewerende bekleding”.

( 5 ) Safety Deal hittewerende bekleding op LPG-autogastankwagens (iktar ’il quddiem is-“Safety Deal”).

( 6 ) Circulaire effectafstanden externe veiligheid LPG-tankstations voor besluiten met gevolgen voor de effecten van een ongeval (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkulari””).

( 7 ) Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta’ Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 217).

( 8 ) Direttiva tal-Kunsill 96/49/KE tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża bil-ferrovija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 472).

( 9 ) Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2008/68.

( 10 ) Ara l-Artikolu 1(1) u l-premessa 5 tad-Direttiva 2008/68.

( 11 ) Ara l-premessa 22 tad-Direttiva 2008/68.

( 12 ) Ara d-deċiżjoni tar-rinviju, punt 44.

( 13 ) Ara l-premessi 4 u 5 tad-Direttiva.

( 14 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212, punti 32 u 33).

( 15 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2007, AGM-COS.MET (C‑470/03, EU:C:2007:213, punt 50) u tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft, (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 57).

( 16 ) Bil-Ġermaniż: “Beförderung”.

( 17 ) Il-premessa 11 tad-Direttiva 2008/68 tgħid: “Kull Stat Membru għandu jżomm id-dritt li jirregola jew li jipprojbixxi t-trasport ta’ oġġetti perikolużi fit-territorju tiegħu, għal raġunijiet li m’humiex ta’ sikurezza, bħalma huma raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ protezzjoni ambjentali.”

( 18 ) Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/68.

( 19 ) Ara pereżempju d-dikjarazzjoni fl-Anness A tal-ADR, punt 4.3.2.3.2, li tikkonċerna rekwiżiti dwar il-ħxuna tal-ġnub tal-parti ta’ barra, li “kontenituri-tank/KGEM” ma jeħtiġilhomx ikunu protetti b’mod partikolari jekk huma, “inkluż it-tagħmir ta’ servizz, ikunu hekk ikkostruwiti” biex jifilħu daqqa jew taqlib.

( 20 ) Ara pereżempju l-punti 6.7.2.2.4 u 6.7.2.2.5. Għalkemm l-ADR jitkellem dwar “iddisinjati u ikkostruwiti”, dawn iż-żewġ aspetti tal-parti tat-tagħmir inkwistjoni huma loġikament inseparabbli għal dan il-fini. Ma huwiex possibbli li wieħed “jikkostruwixxi” mingħajr “disinn”.

( 21 ) Ma nesprimi ebda opinjoni dwar kull waħda minn dawk il-kwistjonijiet tad-dritt nazzjonali.

( 22 ) Sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, EU:C:2004:17).

( 23 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor (C-392/04 u C-422/04, EU:C:2006:586).

( 24 ) Sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C-2/06, EU:C:2008:78).

( 25 ) Enfasi miżjuda.

( 26 ) Sentenza tad-29 ta’ April 1999, Ciola (C-224/97, EU:C:1999:212, punti 30 sa 33).

( 27 ) Sentenza tad-29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, EU:C:1999:212, punt 25).

( 28 ) Sentenza tas-6 ta’ April 2006, ED & F Man Sugar (C‑274/04, EU:C:2006:233, punt 15).

( 29 ) Idem, punt 18.

( 30 ) Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2019, E.B. (C-258/17, EU:C:2019:17).

( 31 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506).

( 32 ) Idem, punt 23.

( 33 ) Idem, dispożittiv.

( 34 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78 tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

Top