EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0114

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati fit-22 ta’ Jannar 2020.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:22

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit‑22 ta’ Jannar 2020 ( 1 )

Kawża C‑114/19 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Danilo Di Bernardo

“Appell – Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva – Kundizzjonijiet dwar il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali ta’ tul minimu ta’ tliet snin – Possibbiltà li tiġi kkompletata motivazzjoni insuffiċjenti quddiem il-qorti – Kundizzjonijiet – Rikors għal annullament”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tad-29 ta’ Novembru 2018, Di Bernardo vs Il-Kummissjoni (T‑811/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:859), li permezz tagħha dik il-qorti annullat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali bbażata fuq testijiet EPSO/AST-SC/03/15, tal-10 ta’ Awwissu 2016, li Danilo Di Bernardo ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ segretarji/skrivani ta’ grad SC 1, fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2.

Il-kawża preżenti ser toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja ċ-ċans sabiex tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha li tikkonċerna l-obbligu li għandha l-Kummissjoni, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti fid-deċiżjonijiet amministrattivi li hija tadotta fil-konfront ta’ individwi, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kompetizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddeċiedi wkoll fuq il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk il-Qorti Ġenerali hijiex marbuta li tikkunsidra l-elementi komplementari mressqa mill-Kummissjoni fil-kors ta’ proċedura ta’ rikors sabiex “tikkompleta” l-motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni amministrattiva.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

3.

Il-fatti, kif esposti fis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

4.

Il-mertu tal-kawża jikkonċerna l-kompetizzjoni msemmija iktar ’il fuq, li l-avviż tagħha ġie ppubblikat mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, C 3A, p. 1, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni”).

5.

L-avviż ta’ kompetizzjoni fih tliet annessi, fejn kull wieħed minnhom jippreċiża n-natura tal-funzjonijiet, tal-kwalifiki u tal-esperjenza professjonali rikjesti għal kull wieħed mit-tliet oqsma tal-avviż ta’ kompetizzjoni, jiġifieri l-appoġġ amministrattiv, l-appoġġ finanzjarju u s-segretarjat.

6.

It-Taqsima II tal-avviż ta’ kompetizzjoni, intitolata “Dmirijiet”, tgħid hekk:

“Is-Segretarji u l-Iskrivani (AST SC grupp ta’ funzjoni) jwettqu kompiti klerikali u segretarjali, ġestjoni tal-uffiċċju u kompiti ekwivalenti oħrajn li jirrekjedu ċertu livell ta’ awtonomija. Id-dmirijiet speċifiċi għall-oqsma mfittxija huma deskritti fl-annessi.”

7.

Il-punt 1, intitolat “In-Natura tad-Dmirijiet”, tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni jiddeskrivi n-natura tal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-kandidati li jgħaddu mill-kompetizzjoni fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju u jipprevedi dan li ġej:

“L-istituzzjonijiet qed ifittxu persunal biex iwettaq kompiti ta’ appoġġ fil-qasam tal-baġit u l-ġestjoni finanzjarja.

Il-pożizzjoni kkonċernata hija dik ta’ aġent ta’ appoġġ finanzjarju. Dawn l-aġenti jipprovdu appoġġ finanzjarju amministrattiv fid-dipartimenti jew fl-unitajiet tal-istituzzjonijiet.

Il-kompiti huma bosta u jistgħu jinkludu:

il-ġestjoni ta’ fajls ta’ implimentazzjoni tal-baġit f’konformità mar-regoli finanzjarji fis-seħħ (il-monitoraġġ amministrattiv ta’ sejħiet għal offerti, tħejjija ta’ kuntratti, il-monitoraġġ ta’ tranżazzjonijiet relatati, eċċ.);

iż-żamma tal-kotba;

il-verifika tal-fatturi;

ir-reġistrazzjoni u l-monitoraġġ tal-validazzjoni tat-tranżazzjonijiet (proposti ta’ impenji, ordnijiet ta’ ħlas, ordnijiet ta’ rkupru, dejta relatata ma’ kuntratti u kuntratturi, eċċ.);

it-trattament ta’ fatturi u skedi ta’ ġbir;

il-ġestjoni ta’ fajls finanzjarji, inklużi korrispondenza, fajling u arkivjar.

Dawn il-kompiti jirrikjedu għarfien sħiħ tal-għodod tal-IT bħal word-processing, spreadsheets, u l-użu ta’ softwer tal-kontabilità.”

8.

Il-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni huma ddefiniti fit-Titolu III tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Minbarra l-kundizzjonijiet ġenerali previsti fil-punt 1 tat-Titolu III tal-avviż ta’ kompetizzjoni, kundizzjonijiet speċifiċi ta’ ammissjoni, li b’mod partikolari jirrigwardaw l-esperjenza professjonali, jinsabu fil-punt 2 ta’ dan l-istess titolu, flimkien ma’ xi riferimenti għall-annessi korrispondenti.

9.

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-kwalifiki rikjesti fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju, il-punt 2 tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni jirrikjedi, b’mod partikolari, “Edukazzjoni sekondarja ċċertifikata b’diploma li tagħti aċċess għal edukazzjoni post-sekondarja, segwita minn esperjenza professjonali ta’ mill-inqas tliet snin, relatata l-aktar man-natura tad-dmirijiet”.

10.

It-Titolu VI tal-avviż ta’ kompetizzjoni, intitolat “Verifika tal-informazzjoni mogħtija mill-kandidati”, jippreċiża kif ġej, fl-ewwel u fit-tielet paragrafu tiegħu:

“Wara t-testijiet ta’ evalwazzjoni, l-informazzjoni mogħtija mill-kandidati fl-applikazzjoni onlajn tagħhom tiġi vverifikata abbażi tad-dokumenti ġustifikattivi [ta’ sostenn] li jkunu pprovdew; din il-verifika ssir mill-EPSO għall-kundizzjonijiet ġenerali, u mill-bord tas-selezzjoni għall-kundizzjonijiet speċifiċi.

[…]

Jekk minn din il-verifika jirriżulta li l-informazzjoni fl-applikazzjoni elettronika tiegħek ma tkunx approvata bid-dokumenti ġustifikattivi rilevanti, inti tiġi eskluż mill-kompetizzjoni.”

11.

Fil-21 ta’ Jannar 2015, l-appellant, D. Di Bernardo, applika għall-kompetizzjoni kontenzjuża, fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju.

12.

D. Di Bernardo ħa sehem fit-testijiet ta’ dħul u fit-testijiet ta’ evalwazzjoni previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni u ppreżenta d-dokumenti ta’ sostenn li juru l-kwalifiki tiegħu u l-esperjenza professjonali, kif previsti mill-punt 1 tat-Titolu V tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

13.

Permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Settembru 2015, l-EPSO informa lil D. Di Bernardo li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni xtaq jirċievi iktar informazzjoni dwar l-esperjenza professjonali li huwa semma fl-entrati 2, 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura tiegħu. Il-Bord tal-Għażla xtaq b’mod partikolari jikseb xi dokumenti ffirmati mill-persuni li kienu jimpjegawh qabel, li jiddeskrivu b’mod iddettaljat il-funzjonijiet imwettqa minnu waqt din l-esperjenza professjonali, kif ukoll kopji ta’ kuntratti ta’ xogħol, li jindikaw b’mod ċar id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-imsemmija kuntratti.

14.

Permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ Settembru 2015, D. Di Bernardo bagħat id-dokumenti ta’ sostenn addizzjonali li jikkonċernaw l-entrati 2, 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura tiegħu.

15.

Permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Settembru 2015, l-EPSO wieġeb lil D. Di Bernardo u qallu li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni “[talbu] sabiex jibgħat deskrizzjoni ddettaljata tal-kompiti u ffirmata mill-persuna li kienet timpjegah għall-entrati 2, 5 u 6”.

16.

Permezz ta’ posta elettronika tat-18 ta’ Settembru 2015, D. Di Bernardo ddikjara li ma kienx jiddisponi minn tali dokumenti għall-entrati 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura tiegħu. Huwa ppreċiża li l-kumpannija Taljana li kienet timpjegah kienet ġiet xolta u li ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdi dawn id-dokumenti. Għaldaqstant, huwa ppreżenta kopja tal-ftehim kollettiv nazzjonali tax-xogħol Taljan (contratto collettivo nazionale di lavoro), li kien fih deskrizzjoni uffiċjali tal-funzjonijiet marbuta mal-kuntratti differenti ta’ xogħol, fosthom tiegħu, kif ukoll żewġ ittri mingħand din il-kumpannija Taljana u kuntratt ta’ xogħol konkluż mal-imsemmija kumpannija

17.

Permezz ta’ ittra elettronika oħra tat-18 ta’ Settembru 2015, D. Di Bernardo bagħat lill-EPSO deskrizzjoni ddettaljata tal-funzjonijiet li kkonċernaw l-esperjenza professjonali msemmija fl-entrata 2 tal-att ta’ kandidatura tiegħu.

18.

Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ottubru 2015, l-EPSO kkomunika lil D. Di Bernardo bid-deċiżjoni tiegħu li ma jinkludihx fil-lista ta’ kandidati li rnexxew fil-kompetizzjoni, minħabba l-fatt li ma ssodisfax il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà previsti fl-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni. B’mod iktar preċiż, huwa indikalu li l-esperjenza professjonali msemmija fl-entrati 1 sa 7 tal-att ta’ kandidatura tiegħu ma kinitx tammonta għat-tul minimu ta’ tliet snin marbuta essenzjalment man-natura tal-funzjonijiet fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju, hekk kif imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni.

19.

Permezz ta’ posta elettronika tal-4 ta’ Novembru 2015, D. Di Bernardo ressaq talba għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla.

20.

Permezz ta’ posta elettronika tas-6 ta’ April 2016, D. Di Bernardo kkuntattja lill-EPSO sabiex isir jaf f’liema fażi wasslet it-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid, wara iktar minn ħames xhur wara t-tressiq tagħha.

21.

Permezz ta’ posta elettronika tat-8 ta’ April 2016, l-EPSO informa lil D. Di Bernardo li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid kienet għadha għaddejja.

22.

Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Lulju 2016, l-EPSO ta risposta għat-talba ta’ eżami mill-ġdid ta’ D. Di Bernardo.

23.

Permezz ta’ posta elettronika tal-14 ta’ Lulju 2016, D. Di Bernardo nnota lill-EPSO li r-risposta tat-8 ta’ Lulju 2016 ma kinitx tikkorrispondi manifestament mas-sitwazzjoni fattwali tiegħu.

24.

Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Awwissu 2016, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kkonferma lil D. Di Bernardo li kien seħħ żball amministrattiv, li wassal għar-risposta tat‑8 ta’ Lulju 2016, u informah li l-ittra preżenti, jiġifieri l-ittra tal‑10 ta’ Awwissu 2016, kienet il-vera deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li ttieħdet wara t-talba għall-eżami mill-ġdid li permezz tagħha l-Bord tal-Għażla kkonferma d-deċiżjoni inizjali tiegħu li ma jinkludihx fil-lista ta’ kandidati li rnexxew.

25.

Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Bord tal-Għażla informa lil D. Di Bernardo li, wara l-eżami mill-ġdid, huwa kkonferma d-deċiżjoni kkomunikata lilu fis-27 ta’ Ottubru 2015. Huwa indika li, qabel ma beda xogħlu, kien iddefinixxa l-kriterji ta’ selezzjoni, sabiex jevalwa jekk il-kwalifiki u l-esperjenza tal-kandidati kinux jikkorrispondu tassew għall-kompetenzi meħtieġa għall-postijiet li kellhom jimtlew. Il-Bord tal-għażla ppreċiża lil D. Di Bernardo li, “wara eżami tad-dokumenti ġustifikattivi ppreżentati sabiex jiddokumenta l-esperjenza professjonali [tiegħu] imsemmija fl-entrati 2, 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura [tiegħu], [huwa] kkonkluda li dawn id-dokumenti ma jikkonfermawx li l-esperjenza professjonali inkwistjoni [tiegħu] kienet marbuta essenzjalment man-natura tal-funzjonijiet, kif meħtieġ mill-avviż ta’ kompetizzjoni”.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

26.

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Novembru 2016, D. Di Bernardo ppreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-kumpens ta’ dannu tiegħu kif ukoll il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27.

Fir-risposta tagħha tat-3 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni talbet li r-rikors jiġi miċħud u li D. Di Bernardo jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

28.

Permezz tas-sentenza tagħha tad-29 ta’ Novembru 2018, il-Qorti Ġenerali annullat iċ-ċaħda tal-att ta’ kandidatura ta’ D. Di Bernardo minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u ċaħdet il-kumplament tat-talbiet fir-rikors.

29.

Insostenn tar-rikors li huwa ppreżenta kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla, D. Di Bernardo qajjem żewġ motivi, l-ewwel ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li kienet ivvizzjata bihom, u t-tieni bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, b’mod partikolari peress li l-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti mill-Bord tal-Għażla sabiex jevalwaw jekk il-kandidati jissodisfawx il-kundizzjoni ta’ ammissjoni kontenzjuża, qatt ma ġew ikkomunikati lilu.

30.

Il-Qorti Ġenerali bdiet l-analiżi tagħha permezz tat-tieni motiv, fejn qieset li l-eżistenza ta’ motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet prerekwiżit għall-eżami tal-ewwel motiv.

31.

Il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 35 tas-sentenza appellata li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandha bħala għan li tipprovdi lill-parti kkonċernata, indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni kinitx fondata jew jekk kinitx ivvizzjata minn difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tagħha u sabiex tippermetti lill-qorti tal-Unjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni li hija kkontestata.

32.

Fil-punti 37 u 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, huwa biss meta d-deċiżjoni kkontestata jkun fiha mill-inqas bidu ta’ motivazzjoni qabel il-preżentata ta’ rikors li l-amministrazzjoni jkollha d-dritt sabiex tipprovdi informazzjoni komplementari waqt l-istanza u li tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali qieset li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kkomunikata lil D. Di Bernardo qabel il-preżentata tar-rikors, ma kienet la suffiċjenti u lanqas totalment assenti, u kklassifikata bħala “kważi assenti”. Hija kkunsidrat li motivazzjoni “kważi assenti”, bħal assenza totali ta’ motivazzjoni, ma tistax tkun koperta mill-kommunikazzjoni ta’ motivi wara l-preżentata tar-rikors.

33.

Fl-analiżi tagħha, fl-entrati 41 sa 45 tas-sentenza appellata, il-kontenut tad-deċiżjoni li kandidat ma jiġix inkluż kandidat fuq il-lista ta’ riżerva, kif ikkompletata bil-kunsiderazzjonijiet imwettqa mill-Bord tal-Għażla fid-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-Bord tal-Għażla kien immotiva fil-qasir ħafna d-deċiżjoni kontenzjuża li tiċħad it-talba ta’ eżami mill-ġdid ta’ D. Di Bernardo. Minbarra l-assenza ta’ speċifikazzjoni tal-kontenut tal-kriterji ta’ selezzjoni tal-kandidat, dan jirriżulta mill-fatt li l-Bord tal-Għażla llimita ruħu li jikkonstata n-nuqqas ta’ rilevanza ta’ tliet entrati ta’ D. Di Bernardo fl-att ta’ kandidatura tar-rikorrent, jiġifieri dawk taħt 2, 5 u 6, mingħajr ma ta l-ebda indikazzjoni utli fir-rigward tal-kumplament tal-att ta’ kandidatura tiegħu.

34.

Bħala risposta għall-argument li D. Di Bernardo kellu biss jitlob xi spjegazzjonijiet supplimentari individwali mingħand il-Bord tal-Għażla, u dan b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont ta’ xogħol li għandu dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fażi tal-kompetizzjoni fejn id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet adottata, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-Bord tal-Għażla sab ruħu f’sitwazzjoni fejn seta’ biss jimmotiva fil-qasir lid-deċiżjoni tiegħu li jwarrab l-att ta’ kandidatura tiegħu.

35.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-punti 49 u 50 tas-sentenza appellata dwar il-kontenut tat-talba għal eżami mill-ġdid, sabiex tirrileva, wara li fakkret dan il-kontenut li, qabel kollox, il-Bord tal-Għażla ma setax jastjeni milli jipprovdi lil D. Di Bernardo fl-ewwel istanza spjegazzjonijiet preċiżi fuq l-unika raġuni għaliex dan tal-aħħar ma kienx talab espressament spjegazzjonijiet individwali. Skont il-Qorti Ġenerali, f’kull każ, fin-nuqqas ta’ għarfien tal-kriterji ta’ selezzjoni li fuq il-bażi tagħhom tali talba għal spjegazzjonijiet individwali kellha, bħala prinċipju, tiġi fformulata, l-unika kontestazzjoni tal-konklużjoni li l-Bord tal-Għażla kien wasal għaliha fid-deċiżjoni li tiġi miċħuda l-kandidatura ta’ D. Di Bernardo fl-ewwel istanza, kellha tkun suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li dan il-kandidat kien talab spjegazzjonijiet individwali.

36.

Fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ivvizzjata minħabba motivazzjoni insuffiċjenti, fis-sens li ma pprovdietx indikazzjonijiet suffiċjenti sabiex, minn naħa, D. Di Bernardo ikun jista’ jifhem il-motivi u jevalwa l-legalità tagħhom, u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tagħha. Il-Qorti Ġenerali osservat li, fil-fatt, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, D. Di Bernardo kien injora r-raġunijiet li minħabba fihom il-Bord tal-Għażla wasal għad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll il-metodu użat minn dan tal-aħħar.

37.

Il-Qorti Ġenerali applikat il-ġurisprudenza, li abbażi tagħha, id-deċiżjoni kkontestata għandha jkollha mill-inqas bidu ta’ motivazzjoni qabel il-preżentata ta’ rikors, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, billi qieset li l-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża kienu qosra ħafna u ma kinux kompleti, li ma ppermettiex lil D. Di Bernardo sabiex jifhem għaliex il-Bord tal-Għażla kien ikkonkluda li ma kellux l-esperjenza professjonali neċessarja. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali ħadet nota tal-fatt li l-Kummissjoni kienet ressqet il-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża, neċessarji sabiex tiġi evalwata l-legalità tagħha, waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali b’mod gradwali biss. Il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kummissjoni ppreżentat il-kriterji ta’ għażla fi stadju avvanzat ħafna tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, jiġifieri fl-anness tal-kontroreplika, u b’hekk ċaħħdet lil D. Di Bernardo mill-possibbiltà li jsostni l-argumenti tiegħu fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-kriterji ta’ selezzjoni kienu madankollu indispensabbli sabiex jiġi evalwat jekk, waqt l-eżami tal-esperjenza professjonali ta’ D. Di Bernardo, il-Bord tal-Għażla kienx qabeż il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu.

38.

Il-Qorti Ġenerali qablet mal-opinjoni ta’ D. Di Bernardo, li skontha dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni li jqajjem, jekk ikun il-każ, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni mill-Bord tal-Għażla, peress li l-kriterji ta’ selezzjoni ma ġewx ikkomunikati lilu fi żmien utli. Il-Qorti Ġenerali indikat li, madankollu, mill-kliem tal-avviż ta’ kompetizzjoni jirriżulta li l-esperjenza fil-qasam tal-appoġġ amministrattiv setgħet, bħala prinċipju, tittieħed inkunsiderazzjoni għall-inqas parzjalment bħala esperjenza rilevanti.

39.

Il-Qorti Ġenerali qieset li D. Di Bernardo kien sostna ġustament li ma setax jikkontesta b’mod utli l-evalwazzjoni mill-Bord tal-Għażla ta’ ċerti entrati fl-att ta’ kandidatura tiegħu. Hija osservat li, fuq il-bażi tal-ittra tas‑27 ta’ Ottubru 2015 u d-deċiżjoni kontenzjuża, D. Di Bernardo ma setax ikun jaf, b’mod raġonevoli, jekk mill-inqas parti mill-esperjenza professjonali tiegħu kinitx ġiet ikkunsidrata mill-Bord tal-Għażla bħala rilevanti, u, f’każ affermattiv, liema parti kienet ġiet ikkunsidrata bħala rilevanti, peress li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet fil-kitbiet tagħha li D. Di Bernardo kellu 31 xahar esperjenza professjonali rilevanti li tirrigwarda l-appoġġ finanzjarju.

40.

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet billi laqgħet it-tieni motiv u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ma kien neċessarju li jiġi eżaminat l-ewwel motiv imqajjem minn D. Di Bernardo.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

41.

Dan l-appell ġie ppreżentat mill-Kummissjoni fit-8 ta’ Frar 2019, u ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Frar 2019. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

42.

D. Di Bernardo ppreżenta risposta fl‑24 ta’ Mejju 2019, li ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Mejju 2019, li fiha talab li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

43.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidra li l-preżentata ta’ replika ma kinitx meħtieġa.

V. Analiżi ġuridika

A.   Kummenti preliminari

44.

Qabel ma jiġu eżaminati l-aggravji differenti, għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta fil-kawża preżenti, sa fejn il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li kisret id-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li din (B) imponiet rekwiżiti eċċessivi, fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni adottata minnha u (C) il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu li hija għandha li tieħu inkunsiderazzjoni ex officio l-elementi komplementari mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ annullament sabiex “tikkompleta” l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dawn l-aggravji ser ikunu eżaminati f’din l-istess ordni, peress li l-kwistjoni ta’ liġi li hija l-bażi tat-tieni aggravju titqajjem biss fil-każ fejn għandha tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li skontha d-deċiżjoni kontenzjuża ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni.

45.

Il-kawża preżenti hija kkaratterizzata minn evalwazzjonijiet diverġenti tal-kuntest fattwali, b’mod partikolari tal-informazzjoni li hemm fil-fajl tal-kandidatura ta’ D. Di Bernardo u r-rilevanza tagħhom għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, ma għandniex ninsew li, konformement mat-tqassim tal-kompetenzi li jeżisti bejn iż-żewġ qrati tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura tal-appell, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti Ġenerali ( 2 ). Bl-istess mod, l-analiżi ma tistax tbiddel is-suġġett tat-tilwima, billi tindirizza aspetti oħra li ma tqajmux ( 3 ), pereżempju jekk il-kriterji previsti fit-tabella ta’ evalwazzjoni elaborata mill-EPSO humiex xierqa sabiex jintgħażlu l-kandidati xierqa u/jew jekk D. Di Bernardo jissodisfax dawn il-kriterji minħabba l-esperjenza professjonali tiegħu. Bħala konsegwenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha li teżamina l-punti ta’ liġi imsemmija fil-punt preċedenti.

B.   Fuq l-ewwel aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

46.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tinvoka l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali, fil-punti 41 sa 53 tas-sentenza appellata, fid-definizzjoni tal-firxa tal-obbligu tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni sabiex jimmotiva ċ-ċaħda li jinkludi kandidat fil-lista ta’ riżerva. Il-Qorti Ġenerali ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni suffiċjentement il-kuntest ġuridiku u fattwali tad-deċiżjoni kontenzjuża, filwaqt li n-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ dan il-kuntest, u mhux skont il-kliem ta’ deċiżjoni.

47.

Fl-ewwel lok, il-kriterji ta’ selezzjoni ma għandhomx l-importanza li tathom il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-punti 41, 45 u 50 tas-sentenza appellata, kif jikkonferma l-fatt li D. Di Bernardo qatt ma pprova jsir jaf x’inhuma.

48.

Fit-tieni lok, skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-Bord tal-Għażla, fid-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu, semma biss id-dokumenti ta’ sostenn tal-esperjenza professjonali ta’ D. Di Bernardo li jikkorrispondu għall-entrati 2, 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura tiegħu ma “jissuġġerixxix”, bl-ebda mod, bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Għażla ddikjara bħala rilevanti l-esperjenza professjonali li semma D. Di Bernardo fl-entrati l-oħra. Bil-kontra, iċ-ċaħda tal-kandidatura ta’ D. Di Bernardo timplika li l-Bord tal-Għażla kkunsidra li dan tal-aħħar ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ esperjenza professjonali rilevanti ta’ 36 xahar wara l-eżami tat-totalità tal-esperjenza professjonali msemmija fis-seba’ entrati fl-att ta’ kandidatura tiegħu.

49.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, b’mod żbaljat, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, li t-talba għall-eżami mill-ġdid indikat li D. Di Bernardo ma kienx jaf ir-raġunijiet li minħabba fihom l-esperjenza professjonali tiegħu ma kinitx suffiċjenti.

50.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat inġustament, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-ġurisprudenza, li skontha fil-każ ta’ kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, il-Bord tal-Għażla huwa awtorizzat, l-ewwel nett, sabiex jimmotiva r-rifjut ta’ għażla b’mod sommarju. Fil-fatt, għalkemm fil-kawża preżenti, il-kompetizzjoni kienet waħda b’parteċipazzjoni numeruża, skont il-Qorti Ġenerali, motivazzjoni kompleta tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tirrapreżenta piż esaġerat għall-Bord tal-Għażla, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fażi li fiha ingħatat id-deċiżjoni kontenzjuża.

51.

Fil-ħames lok, bil-kontra ta’ dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Bord tal-Għażla ma kienx marbut li jiżvela l-kriterji ta’ selezzjoni tat-titoli meta huwa ma rċieva l-ebda talba f’dan is-sens, ħlief sabiex jikser is-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla.

52.

Fis-sitt lok, li jiġi kkunsidrat, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 49 sa 51 tas-sentenza appellata, li talba għal eżami mill-ġdid, miktuba mingħajr preċiżjoni, bħal dik ippreżentata minn D. Di Bernardo, tobbliga lill-Bord tal-Għażla sabiex jipprovdi spjegazzjonijiet iddettaljati għal kull entrata, dan iwassal sabiex jiġi ttrasferit fuq il-Bord tal-Għażla l-oneru tal-prova fir-rigward tal-esperjenza professjonali rikjesta mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Issa, l-oneru ta’ din il-prova huwa impost fuq il-kandidati, hekk kif jirriżulta mill-avviż ta’ kompetizzjoni li jistabbilixxi li “l-informazzjoni mogħtija mill-kandidati fl-applikazzjoni onlajn tagħhom tiġi vverifikata abbażi tad-dokumenti ġustifikattivi li jkunu pprovdew”.

53.

Fl-aħħar, fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet ħawdet il-ħtieġa ta’ motivazzjoni mal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni. Il-Kummissjoni tara indizju ta’ din il-konfużjoni minħabba l-fatt li, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kriterji ta’ selezzjoni kienu indispensabbli sabiex jiġi evalwat jekk, waqt l-analiżi tal-esperjenza professjonali, il-Bord tal-Għażla kienx “qabeż il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu”.

54.

Bħala risposta għall-ewwel aggravju, D. Di Bernardo jsostni li l-Qorti Ġenerali ma estendietx l-obbligu ta’ motivazzjoni, billi kkunsidrat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet ikkaratterizzata minn assenza “kważi totali” ta’ motivazzjoni.

55.

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ma hijiex fondata meta ssostni li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjentement motivata qabel il-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, il-motivazzjoni tar-rifjut ta’ inklużjoni fil-lista ta’ kandidati li rnexxew, li hija limitata għall-ikkupjar tal-kliem tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-esperjenza professjonali, hija sterjotipata. L-indikazzjoni supplimentari, li tinsab fir-risposta għat-talba ta’ eżami mill-ġdid, li d-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti mill-kandidat ma ppermettewx li tiġi kkonfermata r-rilevanza tal-esperjenza professjonali msemmija fl-entrati 2, 5 u 6 tal-att ta’ kandidatura tiegħu, ukoll ma hijiex suffiċjenti, fl-assenza tal-komunikazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni u ta’ kull informazzjoni li tirrigwarda l-evalwazzjoni mill-Bord tal-Għażla tal-esperjenza professjonali l-oħra, prevista fl-entrati 1, 3, 4 u 7 tal-att ta’ kandidatura.

56.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet ġustament li l-komunikazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni ma setgħetx tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, peress li hija għamlet dan fil-fażi tal-kontroreplika, li kien f’fażi fejn kien tard wisq fil-proċedura sabiex il-parti kkonċernata tkun tista’ tirreaġixxi b’osservanza tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

57.

Fit-tielet lok, il-fatt li D. Di Bernardo ma kienx talab li jiġu kkomunikati lilu l-kriterji ta’ selezzjoni, ma jkollux impatt fuq in-natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni. Dan jirriżulta mir-responsabbiltà tal-awtur tal-att sabiex jikkomunika l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu mingħajr ma jistenna li d-destinatarju tiegħu jitlobha.

58.

Fir-raba’ lok, D. Di Bernardo jikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kriterji ta’ selezzjoni ma kellhom “l-ebda importanza fir-rigward tal-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.” Peress li jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża li l-Bord tal-Għażla applika dawn il-kriterji sabiex jevalwa r-rilevanza tal-esperjenza professjonali tal-parti kkonċernata, xejn ma jiġġustifika l-fatt li dawn ma ġewx ikkomunikati lilu. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tafferma l-Kummissjoni, is-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla ma jipprekludix il-kommunikazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni.

59.

Fil-ħames lok, il-firxa tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata wkoll fir-rigward tal-interess li d-destinatarju jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet. Issa, D. Di Bernardo kien ġie eskluż mill-kompetizzjoni wara li kien irnexxa fit-testijiet kollha, li jfisser li kellu aspettattiva serja li ismu kien ser jidher fuq il-lista ta’ kandidati li rnexxew. Huwa minħabba dan li kellu d-dritt li jsir jaf il-motivi preċiżi tal-esklużjoni tiegħu mill-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni ta’ numru ogħla ta’ kandidati ma tistax tkun ċirkustanza li tawtorizza lill-Bord tal-Għażla sabiex jimmotiva, l-ewwel nett, lid-deċiżjonijiet tiegħu b’mod sommarju. Dan ma jilliberax lill-Bord tal-Għażla milli jipprovdi motivazzjoni rilevanti, meta jirċievi, bħal fil-kawża preżenti, talba għal eżami mill-ġdid. Barra minn hekk, skont ir-risposta tal-Kummissjoni għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mibdija mill-Qorti Ġenerali, kienu seba’ kandidati biss li kellhom it-talba tagħhom għal eżami mill-ġdid miċħuda, fil-qasam tal-kompetizzjoni kkonċernata (appoġġ finanzjarja). F’din il-fażi, il-piż ta’ xogħol tal-Bord tal-Għażla ma jista’ jitqabbel bl-ebda mod ma dak li kellu fil-mument tal-eżami tal-kandidaturi tal-kandidati kollha.

60.

Fis-sitt lok, l-argument li skontu l-Bord tal-Għażla kien ittratta, fid-dettall, l-entrati kollha tal-att ta’ kandidatura, jikkonċerna l-effettività tal-eżami tal-kandidatura tal-appellat u ma jaffettwax il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kinitx suffiċjenti. Barra minn hekk, l-atti tal-proċess jippermettu li jiġi ddubitat li l-Bord tal-Għażla kien realment għamel eżami bir-reqqa tas-sitwazzjoni tal-appellat. Minn naħa, il-Bord tal-Għażla kien qabel kollox, naqqas bi żball b’għaxar xhur l-esperjenza professjonali t-tul ta’ esperjenza professjonali li huwa kien ikkunsidra bħala parzjalment marbuta man-natura tal-funzjonijiet. Min-naħa l-oħra, D. Di Bernardo fakkar li huwa rċieva risposta għat-talba għal eżami mill-ġdid tiegħu, disa’ xhur wara t-tressiq tagħha. Fis-seba’ lok, l-argument tal-Kummissjoni dirett kontra l-punti 54 u 55 tas-sentenza appellata huwa ineffettiv, fir-rigward tal-motivi msemmija għall-kompletezza.

2. Evalwazzjoni

61.

Nixtieq niddikjara li, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni fl-appell tagħha, u kif ser nesponi iktar ’il quddiem, il-Qorti Ġenerali debitament ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u fattwali tad-deċiżjoni kontenzjuża fl-analiżi tagħha tar-rikors għal annullament. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, qabel kollox, l-importanza tal-obbligu li tingħata motivazzjoni għal kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju, billi fakkret li dan għandu għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu lid-drittijiet tagħhom, u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni sabiex tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkonċernata ( 4 ). Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll li l-firxa tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu, f’kull każ, jiġi evalwat mhux biss b’kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni li hija kkontestata, iżda wkoll fil-konfront taċ-ċirkustanzi konkreti madwar l-imsemmija deċiżjoni ( 5 ). Dawn il-proposti ma jistgħux jiġu kkontestati fil-kuntest tal-appell, u dan fid-dawl tal-fatt li huma bbażati fuq ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti Ġenerali adottat. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat il-mod kif il-Qorti Ġenerali applikat id-dritt tal-Unjoni.

62.

Ninnota li l-Qorti Ġenerali kkonċentrat l-attenzjoni tagħha fuq l-eżami tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi ħadet inkunsiderazzjoni l-iskambji differenti ta’ korrispondenza bejn l-EPSO u D. Di Bernardo, iktar speċifikament it-talbiet indirizzati lil dan tal-aħħar sabiex jippreżenta dokumenti ta’ sostenn sabiex jiddokumenta l-esperjenza professjonali tiegħu, fejn finalment wasslet għall-konklużjoni li l-motivi invokati mill-EPSO sabiex jiċħad il-kandidatura kienu “estremament sommarji u inkompleti”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq eżami bir-reqqa tad-deċiżjoni kkontestata fil-punti 41 sa 44 tas-sentenza appellata. Din il-konstatazzjoni jidhirli li hija tajba, fid-dawl tan-nuqqas ta’ kwalunkwe spjegazzjoni min-naħa tal-EPSO fir-rigward tar-raġunijiet li minħabba fihom, il-Bord tal-Għażla kkonkluda li D. Di Bernardo ma kellux l-esperjenza professjonali meħtieġa sabiex jeżerċita l-funzjoni ta’ segretarju fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju.

63.

Fid-dawl tal-iskambji numerużi, intiżi, evidentement, sabiex tiġi ċċarata l-kwistjoni tal-osservanza tal-kriterji ta’ selezzjoni, wieħed seta’ jistenna b’mod raġonevoli li l-EPSO jagħti indikazzjonijiet iktar preċiżi sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li ma jitniżżilx l-isem ta’ D. Di Bernardo fil-lista ta’ kandidati li rnexxew. Madankollu, l-EPSO llimita ruħu li jikkomunikalu permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Ottubru 2015 li l-esperjenza professjonali tiegħu msemmija fl-entrati 1 sa 7 tal-att ta’ kandidatura tiegħu ma laħqitx it-tul ta’ żmien minimu ta’ tliet snin marbut essenzjalment man-natura tal-funzjonijiet fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju, kif kien imsemmi fil-punt 2 tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni. L-EPSO kkonferma d-deċiżjoni tiegħu bl-ittra tal‑10 ta’ Awwissu 2016, wara t-talba għal eżami mill-ġdid ippreżentata minn D. Di Bernardo, iżda mingħajr ma ta informazzjoni iktar preċiża.

64.

Issa, jidhirli evidenti li din il-prattika ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni adegwata, minħabba l-fatt li s-sempliċi repetizzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni li hemm fl-avviż ta’ kompetizzjoni ma tippermettix lill-parti kkonċernata tkun il-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, li tiddefendi d-drittijiet tagħha ( 6 ). Il-Qorti Ġenerali kkonstatat dan ġustament, billi stabbilixxiet fil-punt 48 tas-sentenza appellata li D. Di Bernardo “ma kienx jaf ir-raġunijiet li minħabba fihom, l-esperjenza professjonali tiegħu kienet insuffiċjenti”. Din il-konklużjoni hija kkonfermata minn qari bir-reqqa tal-korrispondenza bejn l-EPSO u D. Di Bernardo. Peress li ma kienx jaf il-kriterji ta’ selezzjoni l-iktar speċifiċi deċiżi mill-Bord tal-Għażla, D. Di Bernardo ma kienx f’pożizzjoni sabiex jevalwa jekk il-Bord tal-Appell kienx applikahom ġustament fil-każ tiegħu u, b’mod partikolari, jekk dawn il-kriterji jirrestrinġux, b’mod illegali, il-kuntest tal-avviż ta’ kompetizzjoni. B’hekk, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet mingħajr żball li l-possibbiltajiet ta’ difiża ta’ D. Di Bernardo kienu limitati.

65.

Minkejja dan, inqis li l-prattika inkwistjoni tostakola wkoll lill-qorti tal-Unjoni – li ma tkunx taf id-dettalji tal-proċedura għajr fl-istadju tat-tilwima u dan biss fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-partijiet – sabiex tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkonċernata. Il-punt sabiex isir magħruf jekk, u, jekk ikun il-każ, sa fejn insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi difett ta’ proċedura li jista’ madankollu jiġi rrimedjat waqt il-proċedura kontenzjuża, hija kwistjoni li ser nittratta fil-kuntest tal-eżami tat-tieni aggravju tal-appell.

66.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, jidhirli evidenti li huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali tat importanza notevoli lill-kriterji ta’ selezzjoni iktar speċifiċi ( 7 ), sa fejn influwenzaw sostanzjalment id-deċiżjoni kontenzjuża. Hekk kif jirriżulta mill-ittra tal-10 ta’ Awwissu 2016, l-EPSO jidher li indika li l-Bord tal-Għażla stabbilixxa xi kriterji ta’ selezzjoni mhux previsti fl-avviż ta’ kompetizzjoni li huwa kkunsidra applikabbli fil-kompetizzjoni ( 8 ). Issa, għandu jitfakkar f’dan il-kuntest li, minkejja s-setgħa diskrezzjonali tiegħu, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni huwa marbut sabiex josserva t-termini tal-avviż tal-kompetizzjoni kif ippubblikat, u dan jimplika li għandu jipproċedi fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u magħrufa għal kull wieħed mill-kandidati ( 9 ). B’mod iktar konkret, l-EPSO għamel riferiment impliċitu għal tabella ta’ evalwazzjoni mfassla mill-Bord tal-Għażla qabel l-eżamijiet, iżda mingħajr ma spjega l-prinċipji li fuq il-bażi tagħhom tfasslet din it-tabella ta’ evalwazzjoni jew il-mod kif din kellha tintuża.

67.

Kif tgħallimna fil-kors tal-fażi kontenzjuża quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-fażi tal-kontroreplika, il-kriterji msemmija hawn fuq kienu kkostitwiti, essenzjalment, minn lista ta’ professjonijiet ikklassifikati fi tliet kategoriji, skont ir-rilevanza tagħhom. Jidher li l-kriterji li hemm fit-tabella ta’ evalwazzjoni kienu intiżi li jservu ta’ linji gwida għall-Bord tal-Għażla, sabiex jgħinuh fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu waqt l-evalwazzjoni tal-kandidati. It-talbiet għal informazzjoni tal-EPSO intiżi sabiex jevalwaw ir-rilevanza tal-esperjenza professjonali tiegħu għall-funzjoni tal-appoġġ finanzjarju kif ukoll ir-risposta li hemm fid-deċiżjoni kontenzjuża juru b’mod ċar li l-Bord tal-Għażla applika effettivament dawn il-kriterji għal D. Di Bernardo, li kellu bħala konsegwenza li parti kunsiderevoli ta’ din l-esperjenza professjonali ma ġietx irrikonoxxuta ( 10 ). Peress li ma kellux il-minimu ta’ esperjenza rilevanti, minħabba l-fatt li l-esperjenza professjonali tiegħu kienet ġejja pjuttost mill-qasam tal-appoġġ amministrattiv, il-kandidatura ta’ D. Di Bernardo ma ġietx aċċettata.

68.

Minn dan isegwi li, minkejja l-konsegwenzi serji li rriżultaw mill-applikazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni għal D. Di Bernardo, l-EPSO ma ppermettilux li jieħu konoxxenza tagħhom, u billi għamel dan, li jipprovdi informazzjoni iktar speċifika fuq l-aspetti kontroversjali. Issa, il-firxa tal-motivazzjoni għandha wkoll tiġi evalwata fil-konfront tal-interess li d-destinatarju tal-att jista’ jkollu sabiex jirċievi spjegazzjonijiet ( 11 ). Hekk kif osservat ġustament ħafna l-Qorti Ġenerali fil-punt 53 tas-sentenza appellata, kien biss “fil-kors tal-proċedura” tar-rikors li l-Kummissjoni ressqet, u dan “b’mod gradwali biss”, il-motivi tad-deċiżjoni kontenzjuża, neċessarji sabiex tiġi evalwata l-legalità tagħha. Huwa għaldaqstant biss fi stadju tard ħafna li D. Di Bernardo setgħa jieħu pożizzjoni fuq l-allegata insuffiċjenza ta’ esperjenza professjonali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet mingħajr ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi li l-EPSO kellu jikkomunika l-kriterji ta’ selezzjoni fi żmien utli, jiġifieri fl-avviż ta’ kompetizzjoni, fl-ittra tas‑27 ta’ Ottubru 2015 jew, fi kwalunkwe każ, fl-ittra ta’ risposta għat-talba għal eżami mill-ġdid tiegħu tal‑10 ta’ Awwissu 2016 ( 12 ). Tali approċċ kien ikun iktar neċessarju peress li t-talba għal eżami mill-ġdid għandha tiġi interpretata bħala talba sabiex jiġu pprovduti spjegazzjonijiet individwali, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li skontha D. Di Bernardo qatt ma pprova jsir jaf x’kienu l-kriterji ta’ selezzjoni, minħabba l-fatt li dan l-argument iwassal sabiex jiġi kkontestat l-obbligu li għandu l-EPSO lejn il-kandidati tal-kompetizzjoni.

69.

Għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Kummissjoni jiżvela mhux biss ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tagħha, iżda wkoll żball loġiku, peress li D. Di Bernardo ma jistax jiġi akkużat b’mod raġonevoli li ma għamilx talba espressa għal informazzjoni fuq aspett li ma kellux konoxxenza tiegħu. Sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu, l-EPSO kellu jispjega lil D. Di Bernardo liema kienu l-kriterji ta’ selezzjoni li ma jinsabux fl-avviż ta’ kompetizzjoni u għaliex l-esperjenza professjonali tiegħu ma ssodisfatx ir-rekwiżiti tal-funzjonijiet ta’ segretarju/skrivan tal-grad SC 1, fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju.

70.

Hemm lok ukoll li jiġi miċħud l-argument imressaq mill-Kummissjoni li jgħid li l-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li fil-każ ta’ kompetizzjoni b’parteċipazzjoni numeruża, il-Bord tal-Għażla huwa awtorizzat, l-ewwel nett, sabiex jimmotiva r-rifjut ta’ selezzjoni b’mod sommarju ( 13 ). Hekk kif osservat ġustament il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Għażla wasal sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu wara l-parteċipazzjoni tal-kandidati kollha għat-testijiet ta’ aċċess u għat-testijiet l-oħra, inklużi t-testijiet ta’ kompetenza. Wara li dawn ġew ikkorreġuti, il-lista tal-kandidati li potenzjalment irnexxew kienet diġà ġiet stabbilita. F’tali fażi, id-dover prinċipali tal-Bord tal-Għażla kien li jivverifika jekk il-kandidati ssodisfawx ukoll il-kundizzjonijiet kollha li jirrigwardaw l-esperjenza professjonali tagħhom kif stabbilit mill-avviż ta’ kompetizzjoni. Issa, jidher li l-EPSO ppospona dan id-dover lejn l-aħħar fażi tal-proċedura ta’ selezzjoni, li jqajjem xi dubji f’dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni raġonevoli tal-proċedura ta’ selezzjoni.

71.

Taħt din il-perspettiva, inqis li ma tista’ ssir l-ebda kritika kontra D. Di Bernardo, sa fejn l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni taqa’ esklużivament taħt ir-responsabbiltà tal-EPSO. Minn dan isegwi li l-EPSO kellu jbati l-konsegwenzi, inkluża l-possibbiltà ta’ żieda fil-piż ta’ xogħol. Fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-aħħar, hekk kif jindika D. Di Bernardo, jidher madankollu li kienu biss seba’ kandidati li kellhom t-talba għal eżami mill-ġdid miċħuda fil-qasam tal-kompetizzjoni kkonċernata. Għaldaqstant, il-kompitu li jiġu eżaminati l-ilmenti ta’ dawn il-kandidati ma setax iwassal għal żieda eċċessiva fil-piż ta’ xogħol. Minn dan isegwi li kien ġustament li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-EPSO ma setax jallega r-riskju ta’ ħafna xogħol għall-finijiet li jeħles mill-obbligu tiegħu li jimmotiva debitament id-deċiżjoni tiegħu li ma jinkludix lil D. Di Bernardo fil-lista ta’ kandidati li rnexxew fil-kompetizzjoni.

72.

Lanqas ma jista’ jirnexxi l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-Qorti Ġenerali ma osservatx is-sigriet li huma mdawrin bih ix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla billi imponiet, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, l-obbligu li jiġu żvelati l-kriterji ta’ selezzjoni. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ( 14 ), is-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla ma jipprekludix li l-kriterji oġġettivi ta’ selezzjoni – f’dan il-każ, rekwiżiti tal-esperjenza professjonali – jiġu kkomunikati lill-kandidati. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

73.

Jien ma naqbilx mal-kritika espressa mill-Kummissjoni li tikkonċerna l-punti 49 sa 51 tas-sentenza appellata, fejn allegat li talba għal eżami mill-ġdid imfassla mingħajr preċiżjoni u li tobbliga lill-Bord tal-Għażla sabiex jipprovdi spjegazzjonijiet iddettaljati għal kull entrata twassal għat-trasferiment tal-oneru tal-prova tal-esperjenza professjonali meħtieġa mill-avviż ta’ kompetizzjoni. L-ewwel nett, din il-kritika hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-EPSO għandu jkun dejjem eżentat minn kull obbligu li jikkomunika l-kriterji ta’ selezzjoni fil-fażi inizjali ta’ kompetizzjoni, li ma jidhirlix li hija kompatibbli mar-rekwiżit ta’ trasparenza impost mill-ġurisprudenza ( 15 ). It-tieni nett, din il-kritika ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li D. Di Bernardo kien ippreżenta talba għal eżami mill-ġdid peress li ma kienx jaf li l-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni kien żviluppa kriterji ta’ selezzjoni iktar speċifiċi li ma jinsabux fl-avviż ta’ kompetizzjoni. L-EPSO kellu jieħu l-okkażjoni sabiex jispjega l-portata tal-imsemmija kriterji, billi jispjega, pereżempju, għaliex l-attivitajiet li għandhom rabta iktar stretta mal-appoġġ amministrattiv ma kinux ġew ikkunsidrati bħala rilevanti minnflok ma llimita ruħu li jikkonferma d-deċiżjoni inizjali. Tali approċċ kien jipprovdi l-kjarifiki neċessarji lil D. Di Bernardo, u jippermettulu sabiex jifhem aħjar lir-raġunament tal-Bord tal-Għażla. Dan l-approċċ ma jimplika bl-ebda mod qlib tal-oneru tal-prova, iżda bil-kontra jfittex li jiżgura l-effettività tar-rikors fil-qasam amministrattiv.

74.

F’dak li jikkonċerna l-ilment li permezz tiegħu l-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ħawdet, fil-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni mal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li ma huwiex dejjem faċli li ssir distinzjoni ċara fil-prattika, b’mod partikolari f’każ bħal dak inkwistjoni, fejn l-EPSO sempliċement indika, mingħajr ebda spjegazzjoni preċiża, li l-esperjenza professjonali ta’ D. Di Bernardo ma kinitx tilħaq it-tul minimu ta’ tliet snin marbut essenzjalment man-natura tal-funzjonijiet fil-qasam tal-appoġġ finanzjarju. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li tali motivazzjoni konċiża u vaga tista’ tkun is-suġġett ta’ analiżi taħt dawn iż-żewġ perspettivi. Minn naħa, tista’ tiġi kkunsidrata bħala insuffiċjenti abbażi tal-firxa u tal-portata tal-argumenti, fid-dawl, b’mod partikolari tal-importanza li d-deċiżjoni tal-EPSO għandha għal D. Di Bernardo bħala kandidat fil-kompetizzjoni, li huwa s-suġġett ta’ din it-tilwima. Min-naħa l-oħra, din il-motivazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala kontestabbli, anki vvizzjata minn illegalità, minħabba l-fatt li hija bbażata fuq metodu ta’ evalwazzjoni li għandu influwenza determinanti fuq ir-riżultat tal-kompetizzjoni sa fejn għandha bħala effett li teskludi ċerti attivitajiet professjonali bħala mhux rilevanti, mingħajr madankollu ġie spjegat il-funzjonament tagħha mill-EPSO. Fil-fatt, il-metodu ta’ evalwazzjoni stess ma kienx is-suġġett ta’ din it-tilwima, kawża, minħabba l-fatt li ġie rrilevat fi stadju tard ħafna biss fil-proċedura.

75.

Madankollu, ma jidhirlix li huwa neċessarju li nidħol iktar fid-dettal dwar dawn ir-riflessjonijiet fil-kuntest preżenti, peress li l-ilment invokat mill-Kummissjoni huwa fi kwalunkwe każ ineffettiv sa fejn jikkontesta raġuni superfluwa, u għandu, bħala konsegwenza, jiġi miċħud ( 16 ). Mill-punti 53 sa 55 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali ffokat fuq l-ilment dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni u kien biss b’għan ta’ kompletezza li esprimiet xi osservazzjonijiet dwar il-kontenut tal-motivazzjoni, mingħajr ma madankollu ħadet pożizzjoni fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni. Il-motivi msemmija fiha għandhom biss bħala għan li juru lin-natura indispensabbli tal-kriterji ta’ eliġibbiltà kontenzjużi sabiex tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni kontenzjuża.

3. Konklużjoni intermedja

76.

Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma imponietx rekwiżiti eċċessivi fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. Bħala konsegwenza, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

C.   Fuq it-tieni aggravju

1. L-argumenti tal-partijiet

77.

It-tieni aggravju tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq ksur tad-dover tal-qorti, imwettaq fil-punti 37 u 38 u 53 sa 56 tas-sentenza appellata, li tevalwa ex officio l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

78.

Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal ġurisprudenza ( 17 ) li tgħid li, fil-każ ta’ “insuffiċjenza ta’ motivazzjoni”, preċiżazzjonijiet jistgħu dejjem isiru waqt l-istanza u dan ikollu bħala effett li jċaħħad mill-fondatezza, motiv ta’ annullament ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Huwa minħabba dan, l-ewwel nett, li l-esklużjoni tal-possibbiltà li tiġi kkompletata l-motivazzjoni wkoll fil-każ ta’ assenza “kważi totali” tagħha tirriżulta mill-estensjoni, intenzjonata u mingħajr preċedent, imwettqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, ta’ limitu li madankollu huwa stabbilit b’mod ċar fil-ġurisprudenza għall-uniku każ ta’ assenza totali ta’ motivazzjoni. Tali kunċett, mhux previst mill-ġurisprudenza, ikun barra minn hekk kontradittorju u impossibbli sabiex jiġi ddefinit. It-tieni nett, din l-innovazzjoni ġurisprudenzjali hija irrikonċiljabbli mad-dmir tal-qorti li tivverifika ex officio jekk ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni ġiex osservat.

79.

Fir-risposta tiegħu għat-tieni aggravju, D. Di Bernardo jsostni l-argumenti li ġejjin.

80.

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-kawża preżenti, li l-motivazzjoni pprovduta qabel il-preżentata tar-rikors kienet ekwivalenti għal assenza totali jew “kważi totali” ta’ motivazzjoni. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li, sabiex tkun suffiċjentement motivata, id-deċiżjoni kontenzjuża kellha mill-inqas tirrifletti l-linja prinċipali tar-raġunament tal-Bord tal-Għażla. Dan huwa dak li naqset li tagħmel id-deċiżjoni kontenzjuża, li kienet ibbażata fuq kriterji ta’ ammissjoni mhux magħrufa mill-kandidat u kkomunikati biss fil-fażi tal-kontroreplika. Fit-tielet lok, D. Di Bernardo jsostni li r-rwol tal-qorti tal-Unjoni ma huwiex li tirrimedja n-nuqqasijiet tal-Bord tal-Għażla u tal-Kummissjoni, li astjenew milli jimmotivaw lid-deċiżjoni kontenzjuża qabel il-preżentata ta’ rikors u waqt il-proċedura kontenzjuża. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma identifikatx liema kienu l-atti tal-proċess li l-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ex officio sabiex tevalwa jekk id-deċiżjoni kinitx suffiċjentement motivata jew le.

2. Evalwazzjoni

a) Osservazzjonijiet preliminari

81.

Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ċaħħditha mill-possibbiltà li tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-kors tal-proċedura ta’ rikors minħabba assenza “kważi totali” ta’ motivazzjoni inizjali. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni ex officio l-kriterji speċifiċi annessi mar-replika, b’mod iktar konkret it-tabella ta’ evalwazzjoni li l-Bord tal-Għażla kien żviluppa sabiex jevalwa l-esperjenza professjonali tal-kandidati tal-kompetizzjoni.

82.

Hekk kif diġà wrejt fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tal-ewwel aggravju, huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza. Sabiex niġbor kollox fil-qosor, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 37 u 38 u 53 sa 56 tas-sentenza appellata li, fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża, din kienet nieqsa wkoll minn “bidu ta’ motivazzjoni”, li minnha tirriżulta għall-inqas il-linja prinċipali tar-raġunament tal-amministrazzjoni. Hija kklassifikat din il-motivazzjoni inizjali bħala “sommarja ħafna u inkompleta”, fil-punt 53 tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Bord tal-Għażla kien ċaħad it-talba għal eżami mill-ġdid “b’mod sommarju ħafna”. Huwa fuq il-bażi ta’ dawn l-osservazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, ġustament, li d-drittijiet ta’ D. Di Bernardo kienu ġew miksura sa fejn din iċ-ċirkustanza ostakolatu milli jifhem ir-raġunijiet li minħabba fihom il-kandidatura tiegħu ma ntlaqgħetx u, jekk neċessarju, li jitlob eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-amministrazzjoni u/jew il-qorti tal-Unjoni. L-evalwazzjoni tal-kuntest fattwali kif ukoll l-interpretazzjoni tal-firxa tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva ma jidhirlix li hija inkontestabbli ġuridikament.

83.

Minkejja dan, il-kwistjoni li titqajjem fil-kuntest tat-tieni aggravju hija dik sabiex isir magħruf jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix madankollu li tiġi rrimedjata a posteriori insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, bħala difett fil-proċedura, permezz taż-żieda ta’ motivi fil-kors tal-istanza u taħt liema ċirkustanzi. L-analiżi ta’ din il-kwistjoni tirrikjedi (b) eżami fil-qosor tal-ġurisprudenza evokata mill-Qorti Ġenerali u (c) il-verifika tal-konformità tagħha mal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-prinċipji ser ikunu sussegwentement (d) is-suġġett ta’ evalwazzjoni min-naħa tiegħi qabel (e) ma neżamina finalment l-applikazzjoni ġusta tagħhom fil-kawża preżenti.

b) Il-ġurisprudenza evokata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata li tikkonċerna l-possibbiltà li tiġi rrimedjata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

84.

Mill-punt 37 tas-sentenza appellata jirriżulta li abbażi ta’ ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali stabbilita sew, huwa biss meta d-deċiżjoni kkontestata jkun fiha mill-inqas “bidu ta’ motivazzjoni” qabel il-preżentata ta’ rikors li l-amministrazzjoni għandha d-dritt li tipprovdi informazzjoni komplementari fil-kors tal-istanza u li b’jekk tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha. Skont din il-ġurisprudenza, il-linja prinċipali tar-raġunament tal-amministrazzjoni għandha tiġi stabbilita mill-inqas b’tali “bidu ta’ motivazzjoni”. Il-Qorti Ġenerali spjegat fil-punt 38 tas-sentenza appellata li “assenza totali jew kważi totali” tal-motivazzjoni li tikkonċerna r-raġunijiet essenzjali ta’ rifjut, ifformulati kontra rikorrenti, qabel il-preżentata ta’ rikors, ma tistax tkun koperta minn spjegazzjonijiet ipprovduti wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

85.

Qabel kollox, għandu jissemma l-fatt li l-Qorti Ġenerali identifikat każ partikolari ta’ assenza ta’ motivazzjoni fil-kawża preżenti li hija kkunsidrat bħala “kważi totali”. Sussegwentement, hemm lok li l-Qorti Ġenerali bdiet, evidentement, mill-premessa li l-motivazzjoni li hemm fid-deċiżjoni kontenzjuża tissodisfa l-kriterji ta’ dan il-każ, iżda madankollu mingħajr ma spjegat il-karatteristiċi tagħha. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, speċjalment f’dak li jikkonċerna l-konsegwenza ġuridika ta’ assenza “kważi totali” ta’ motivazzjoni, jiġifieri l-illegalità tad-deċiżjoni inkwistjoni, li tipproduċi difett gravi tal-proċedura, tippermetti li jitqies li dan il-każ huwa mill-inqas paragunabbli ma’ dak ta’ assenza “totali” ta’ motivazzjoni. Issa, nixtieq nikkonstata li l-imsemmi każ huwa msemmi biss fis-sentenza appellata, peress li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, inkluża dik iċċitata fl-imsemmija sentenza ( 18 ), tħalli barra kull aċċenn ieħor. Jidher li l-Qorti Ġenerali injorat espliċitament it-terminoloġija li tintuża fil-ġurisprudenza tagħha, bl-għan li tiddeskrivi bl-aħjar mod il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni li hemm fid-deċiżjoni kontenzjuża. Ser nerġa lura għal dan il-punt fil-kuntest tal-eżami tal-applikazzjoni tajba tal-ġurisprudenza.

c) Kompatibbiltà tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti Ġenerali mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

86.

Il-problema ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att amministrattiv li jikkawża preġudizzju ma hijiex xi ħaġa ġdida fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn din diġà ddeċidiet fuq il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk huwiex possibbli li jiġi rregolarizzat tali difett tal-proċedura billi tawtorizza lill-amministrazzjoni sabiex tikkompleta l-motivazzjoni fil-kors tal-proċedura kontenzjuża.

87.

Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Neirinck vs Il-Kummissjoni ( 19 ), ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu l-għan li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni u li jagħti lill-parti kkonċernata indikazzjoni biżżejjed sabiex ikun jaf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’xi żball li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tagħha. Minn dan isegwi li l-motivazzjoni għandha, bħala prinċipju, tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess ħin tad-deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju. Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi rregolarizzata bil-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf bil-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 20 ). Bil-kontra, fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-motivi ppreżentati fil-kors ta’ proċedura jistgħu, f’xi każijiet eċċezzjonali, irendu mingħajr skop motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ( 21 ). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja twettaq distinzjoni, għaldaqstant bejn żewġ każijiet differenti, minn naħa, l-“assenza”, u min-naħa l-oħra, l-“insuffiċjenza” ta’ motivazzjoni, fejn kull waħda minnhom hija suġġetta għar-regoli tagħha stess. Barra minn hekk, nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha t-tendenza li teżamina f’kull każ partikolari, bħall-Qorti Ġenerali, jekk l-att amministrattiv inkwistjoni fihx “bidu ta’ motivazzjoni” jew le, li jippermettilha sabiex tapplika lir-regoli rispettivi fil-każ partikolari mressaq quddiemha.

88.

Niddeduċi mill-osservazzjonijiet preċedenti li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ( 22 ) tirrifletti essenzjalment il-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-rekwiżit li jiġi motivat debitament kull att amministrattiv għall-finijiet li jiġi żgurat stħarriġ ġudizzjarju filwaqt li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tad-destinatarju, fejn l-unika eċċezzjoni hija fil-każ marbut mal-assenza “kważi totali” tal-motivazzjoni li huwa neċessarju li tiġi analizzata iktar ’il quddiem.

d) Evalwazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

89.

Qabel ma niffoka fuq l-eżami tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ preżenti, nixtieq nesprimi s-sostenn tiegħi għal din il-ġurisprudenza li jidhirli li hija suffiċjentement ċara sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi interessi involuti fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża amministrattiva, u dan fid-dawl tal-kumplessità tal-kawżi, fejn kull waħda minnhom tqajjem numru wiesgħa ta’ kwistjonijiet prinċipali li l-qorti tal-Unjoni jkollha ssolvi. Minkejja dan, nixtieq infakkar li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni impost mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, preżenti wkoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal irregolati mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“KAA”), jikkostitwixxi prinċipju fundamentali f’ordinament ġuridiku li jirrispetta l-valur tal-istat tad-dritt bħalma huwa dak tal-Unjoni Ewropea, li joqgħod attent li jiżgura t-trasparenza, l-effettività u l-leġittimità tal-istituzzjoni tiegħu ( 23 ). Hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet ( 24 ), għandu jiġi enfasizzat li l-Unjoni Ewropea hija Unjoni ta’ dritt fejn l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-kompatibbiltà tal-atti tagħhom, b’mod partikolari, mat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt. Inerenti għall-istat tad-dritt huwa r-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, li jipprovdi li l-individwi għandhom id-dritt jikkontestaw quddiem qorti l-legalità tal-atti tal-Unjoni permezz ta’ rimedju effettiv ( 25 ). Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-emendi mwettqa lit-Trattati mit-Trattat ta’ Lisbona kellhom bħala konsegwenza, evalwazzjoni kunsiderevoli mill-ġdid tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni ( 26 ) li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari meta hija tiġi adita b’kawża bħal din, li fiha dan ir-rekwiżit jidher li ġie injorat.

90.

Kif kiteb l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Hectors vs Il-Parlament ( 27 ), “l-espożizzjoni tal-motivi ma hijiex formula ta’ korteżija u lanqas rit, iżda, qabel kollox, fattur ta’ razzjonalità fl-eżerċizzju tal-poter, li mhux biss jiffaċilita l-kontroll ta’ dan tal-aħħar, iżda jintervjeni wkoll bħala element intiż għall-prevenzjoni tal-arbitrarjetà u li jservi ta’ strument ta’ difiża”. Diġà ssemma l-obbligu doppju ta’ dan ir-rekwiżit li jippermetti, minn naħa, lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkonċernata ( 28 ). Dawn iż-żewġ interessi huma indiviżibbli sabiex jiġi żgurat rimedju effettiv u għalhekk ma jistgħux jitqiesu indipendentement minn xulxin fl-analiżi. Minn natura stess ta’ dan ir-rekwiżit jirriżulta li l-imsemmija interessi jinqdew aħjar meta l-motivazzjoni hija kkomunikata lill-parti kkonċernata fl-istess mument tad-deċiżjoni li tippreġudikah u mhux fil-kors tal-proċedura kontenzjuża ( 29 ). Il-fażi prekontenzjuża tiftaħ għall-parti kkonċernata l-possibbiltà li titlob lill-amministrazzjoni sabiex twettaq eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni kontenzjuża, mingħajr ħlas u eżenti minn ostakoli amministrattivi. Vantaġġ ieħor li hemm fil-possibbiltà għall-amministrazzjoni sabiex tivverifika hija stess il-konformità tad-deċiżjoni tagħha mad-dritt tal-Unjoni, huwa li dan għandu bħala għan li jfakkar lill-amministrazzjoni bl-obbligu tagħha li timmotiva debitament d-deċiżjoni tagħha ( 30 ).

91.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li huwa ovvju li l-assenza kompleta ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi l-każ l-iktar gravi minħabba l-fatt li tippreġudika dawn l-interessi, u finalment tikkomprometti l-istat tad-dritt. F’każ bħal dan, id-difett ma jistax jiġi rregolarizzat matul il-proċedura kontenzjuża, fid-dawl tal-fatt li l-parti kkonċernata hija mċaħħda mill-possibbiltà li tieħu konjizzjoni tal-motivi tad-deċiżjoni, li tesprimi l-opinjoni tagħha u, jekk ikun il-każ, li titlob eżami mill-ġdid. Min-naħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni tiġi mċaħħda mill-possibbiltà li tiffamiljarizza ruħha mal-kawża fl-aspetti kollha tagħha, qabel ma tiddeċiedi fuq il-kawża fl-aħħar istanza.

92.

Bil-kontra, l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jidhirli li teħtieġ approċċ iktar iddifferenzjat, skont il-gravità tal-ksur tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni. Dan jidher li huwa l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-ġurisprudenza tagħha tirrikonoxxi li motivi prodotti matul il-proċedura jistgħu, f’“każijiet eċċezzjonali”, irendu mingħajr skop motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Minħabba d-diversità taċ-ċirkustanzi immaġinabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li astjeniet milli telenka dawn il-“każijiet eċċezzjonali” b’mod eżawrjenti, u b’hekk ipprivileġġat applikazzjoni flessibbli u pragmatika ta’ dan il-kunċett.

93.

Fil-fatt, ċerti kunsiderazzjonijiet jistgħu teoretikament igawdu ċertu rwol, bħar-raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, pereżempju meta jkun evidenti li l-mertu tad-deċiżjoni ma ġie affettwat minn ebda difett, fis-sens li l-annullament tagħha minħabba l-fatt li l-motiv ma kienx fih motivazzjoni suffiċjenti jista’ jwassal biss għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida, identika fil-mertu għad-deċiżjoni annullata, iżda li tkun akkumpanjata mill-motivazzjoni żvelata għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali. Hekk kif innota l-Avukat Ġenerali Fennelly fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Parlament vs Innamorati ( 31 ), il-Bord tal-Għażla ma jkollu l-ebda setgħa diskrezzjonali f’tali każ. Konsegwentement, il-konvenut ma jkollu l-ebda interess leġittimu li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni minħabba ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali. Skont l-Avukat Ġenerali Fennelly, in-natura inizjalment insuffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax tibqa’ tiġi kkunsidrata bħala ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali li jiġġustifika fih innifsu l-annullament tal-imsemmija deċiżjoni ( 32 ). Bil-kontra, jekk il-motivazzjoni ma kinitx suffiċjenti fil-fażi tal-proċedura kontenzjuża, id-deċiżjoni kkontestata jkollha tiġi annullata minħabba ksur ta’ rekwiżit formali essenzjali ( 33 ).

94.

F’dan ir-rigward, nixtieq ngħaddi xi kummenti sabiex nuri l-perspettiva tiegħi. Anki jekk nifhem, bħala prinċipju, dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura prattika li ġew espressi wkoll f’xi sentenzi ( 34 ), nixtieq intenni l-importanza li għandhom id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ( 35 ) fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fl-opinjoni tiegħi, teskludi l-possibbiltà li nkunu nistgħu nxebbhu l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att amministrattiv ( 36 ) ma’ sempliċi żball ta’ forma ( 37 ). Għalkemm jidhru konvinċenti, il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq ibbażati apparentement fuq raġunijiet ta’ ekonomija ta’ proċedura għandhom ir-riskju li l-amministrazzjoni tinterpreta l-“possibbiltà” li tikkompleta motivazzjoni insuffiċjenti fil-kors tal-proċedura ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE bħala “dritt” li ma tikkomunikax l-informazzjoni lill-parti kkonċernata fi żmien utli, jew ukoll li tipposponi d-dover li timmotiva att amministrattiv, jekk ikun hemm bżonn, fill-fażi kontenzjuża. Il-konsegwenza ta’ tali prattika tkun li tnaqqas il-vantaġġi li ser nindika, jiġifieri li d-destinatarju ta’ wieħed minn dawn l-atti ġuridiċi jingħata l-possibbiltà li jesprimi l-opinjoni tiegħu quddiem l-amministrazzjoni u li jiġi żgurat stħarriġ intern tal-legalità tal-atti ġuridiċi adottati minn din tal-aħħar ( 38 ). Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li din il-prattika għandha bħala konsegwenza żieda fin-numru ta’ kawżi pendenti quddiem il-qrati tal-Unjoni, li jnaqqas l-allegati vantaġġi marbuta mal-motivi ta’ ekonomija tal-ġudizzju. Dan premess, it-tqassim ta’ kompetenzi bejn, minn naħa, l-amministrazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-qrati tal-Unjoni, jipprojbixxi li l-proċedura ta’ rikors għal annullament issir l-istadju fejn l-amministrazzjoni tissodisfa wieħed mill-obbligi l-iktar fundamentali tagħha lejn l-individwu. Barra minn hekk, wieħed ma għandux jinsa li tilwima tinkludi spejjeż kif ukoll riskji kbar għall-individwu, raġuni li minħabba fiha jidhirli li ma huwiex raġonevoli li jkun meħtieġ li dan ikollu jersaq quddiem il-qrati tal-Unjoni sabiex jikseb motivazzjoni adegwata għad-deċiżjoni li tikkonċernah, meta huwa seta’ jiksibha matul il-fażi prekontenzjuża mingħajr ma jsofri spejjeż.

95.

Il-possibbiltà li tiġi kkompletata motivazzjoni fil-kors ta’ proċedura ta’ rikors għandha, għaldaqstant, tiġi limitata għal “każijiet eċċezzjonali”, li fihom huwa paċifiku mill-inqas il-motivi prinċipali li taw lok għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiv, ġew esposti b’mod ċar u mhux ekwivoku ( 39 ). Għandu wkoll jiġi żgurat li l-individwu ma jkunx suġġett għal żvantaġġ fid-difiża tad-drittijiet tiegħu, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti li tivverifika każ b’każ. Ċertament, ikun possibbli li jiġi preżunt tali żvantaġġ meta l-motivi komplementari pprovduti mill-amministrazzjoni jkollhom bħala effett li jemendaw is-sustanza tal-att ġuridiku, li jobbliga b’hekk lill-parti kkonċernata sabiex tadatta sostanzjalment l-argument tagħha sabiex tirrispondi b’mod adegwat għall-argumenti ġodda. Sabiex tiġi evitata tali sitwazzjoni, għandhom jiġu imposti rekwiżiti stretti fuq il-forma u l-mod kif l-amministrazzjoni tippreżenta motivazzjoni komplementari lill-qorti tal-Unjoni. L-istess, din tal-aħħar ikollha tara li l-parti kkonċernata tkun tista’ tesprimi ruħha fuq il-motivazzjoni komplementari, pereżempju billi taġġorna s-seduta jew billi tippermettilha sabiex tippreżenta nota. Fl-opinjoni tiegħi, ma jistax jiġi evitat li f’dawn il-kundizzjonijiet, l-amministrazzjoni tissorprendi lill-parti kkonċernata. Skont is-sitwazzjoni proċedurali rispettiva, il-qorti tal-Unjoni għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tiċħad jew, eċċezzjonalment, taċċetta l-motivazzjoni komplementari.

96.

L-approċċ li nipproponi huwa, barra minn hekk, konċiljabbli mal-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Kokott, hekk kif jirriżulta mill-konklużjonijiet tagħha fil-kawża SPCM et ( 40 ), li skonthom assenza jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu rregolarizzati bil-fatt li l-parti kkonċernata ssir taf il-motivi tad-deċiżjoni matul il-proċeduri quddiem il-qorti tal-Unjoni. Hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali Kokott, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tippreġudika għandha tippermetti lill-qorti tal-Unjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità u li tipprovdi lill-parti kkonċernata bl-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tkun taf li d-deċiżjoni hija fondata, u jekk hemmx lok sabiex jiġi ppreżentat rikors. L-Avukat Ġenerali Kokott tindika ġustament li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tidher bħala kundizzjoni sine qua non tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ miżura ( 41 ).

97.

Ma nara l-ebda kunflitt bejn il-pożizzjonijiet ippreżentati hawn fuq ( 42 ), peress li jibdew mill-premessa li huwa neċessarju li kull att li jikkawża preġudizzju jkun fih motivazzjoni li tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sabiex ikun permess stħarriġ tal-legalità, fejn huwa aċċettat b’mod eċċezzjonali biss li insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tkun tista’ tiġi rregolarizzata fil-kors tal-fażi kontenzjuża. L-unika differenza hija l-aċċenn mill-Avukat Ġenerali Fennelly għal sitwazzjoni speċifika ( 43 ) li, fl-opinjoni tiegħi, teoretikament tista’ tikkostitwixxi “każ eċċezzjonali” fis-sens tal-ġurisprudenza, sakemm, kif diġà ġie spjegat ( 44 ), l-individwu ma jkun suġġett għal ebda żvantaġġ fid-difiża tad-drittijiet tiegħu. Tali żvantaġġ għandu normalment jiġi eskluż meta d-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni tkun tinkludi tal-inqas “bidu ta’ motivazzjoni”, li jippermetti lil dan tal-aħħar li jifhem il-linja prinċipali tar-raġunament tal-amministrazzjoni u li jagħti l-opinjoni tiegħu. Fl-opinjoni tiegħi, din il-kwistjoni tikkostitwixxi l-punt tat-tluq ta’ eżami tal-applikazzjoni korretta tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-każ.

98.

Għall-kompletezza, għandu jiġi nnotat f’dan il-kuntest, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fis-sentenza Neirinck ( 45 ) li xi “każijiet eċċezzjonali”, jistgħu jseħħu waqt “kompetizzjonijiet b’parteċipazzjoni numeruża”, bħalma kien il-każ fil-kawża Sergio et vs Il-Kummissjoni ( 46 ), u ta’ “kompetizzjoni ġenerali”, bħalma kien il-każ li ta lok għall-kawża Kypreos vs Il-Kunsill ( 47 ), peress li ż-żewġ sitwazzjonijiet huma kkaratterizzati minn impossibbiltà mill-perspettiva prattika li tiġi pprovduta motivazzjoni suffiċjenti għal kull kandidat fiż-żmien meħtieġ u li jiġġustifika, konsegwentement, b’mod derogatorju, li l-amministrazzjoni tressaq elementi quddiem il-qorti tal-Unjoni, bħall-minuti tal-Bordijiet tal-Għażla. Issa, kif indikajt hawn fuq ( 48 ), huwa ġustament li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvoka l-ġurisprudenza li tgħid li, fil-każ ta’ kompetizzjonijiet b’parteċipazzjoni numeruża, il-Bord tal-Għażla huwa awtorizzat, fl-ewwel lok, li jimmotiva r-rifjut ta’ għażla b’mod sommarju. Minn dan isegwi li l-ebda wieħed miż-żewġ każijiet li jiġġustifikaw li tiġi aċċettata, b’mod eċċezzjonali, motivazzjoni komplementari fil-kors tal-proċedura kontenzjuża ma huma applikabbli fil-kawża preżenti.

e) Eżami tal-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti

99.

L-eżami tas-sentenza appellata jindika li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi analizzat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx tinkludi “bidu ta’ motivazzjoni”. Kif diġà spjegat, il-konklużjoni li għandha tingħata għal din l-analiżi tiddetermina jekk hemmx “assenza” jew “insuffiċjenza” ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet li kien hemm tali bidu ta’ motivazzjoni f’dan il-każ u għal raġunijiet diġà analizzati fid-dettall u li jidhirli li ma jistgħux jiġu kkontestati mill-perspettiva ġuridika ( 49 ).

100.

Madankollu, għandha ssir il-mistoqsija jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprekludix li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tassimila l-“insuffiċjenza” ma’ “assenza” ta’ motivazzjoni billi tikkunsidra assenza “kważi totali” ta’ motivazzjoni, kif issostni l-Kummissjoni. Din id-domanda teħtieġ xi osservazzjonijiet minn għandi.

101.

Għalkemm il-ġurisprudenza tirrikonoxxi formalment biss żewġ każijiet, għandu jitfakkar li l-prassi amministrattiva u ġudizzjarja hija suġġetta għal diversi livelli ta’ preċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni ta’ att ġuridiku. Il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti dan b’mod impliċitu fil-ġurisprudenza tagħha, fid-dawl tal-fatt li hija taċċetta motivazzjoni ftit jew wisq iddettaljata skont il-kuntest, l-importanza għad-destinatarju kif ukoll ir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata. F’dan il-kuntest, jidher indispensabbli li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “insuffiċjenza ta’ motivazzjoni” b’mod iktar ċar, li jinkludi diversi livelli ta’ preċiżjoni, li jvarjaw mill-każijiet ekwivalenti għal motivazzjoni, sabiex b’hekk ngħidu, “kważi kompleta” għall-assenza “kważi totali” kif sabet il-Qorti Ġenerali fil-kawża preżenti ( 50 ). Fl-assenza ta’ metodu eżatt u affidabbli li jippermetti li jitkejjel il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att ġuridiku, jidhirli raġonevoli li l-Qorti Ġenerali kellha tirrikorri għal paragun mal-każ li jikkorrispondi l-iktar għas-sitwazzjoni fattwali, sabiex tkun tista’ tifformula l-konklużjonijiet tagħha b’mod sempliċi u ċar.

102.

Fil-fehma tiegħi, tali approċċ jaqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża u, għaldaqstant, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala żball ta’ liġi. Dan l-approċċ ma jikkontestax l-iskematizzazzjoni tat-tipi differenti ta’ motivazzjoni stabbiliti permezz tal-ġurisprudenza, iżda, pjuttost joffri punt ta’ riferiment utli, li jippermetti lill-partijiet sabiex jifhmu r-raġunament li huwa l-bażi tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-fatt li l-motivazzjoni tagħha ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza.

103.

Fir-rigward tal-argument imressaq mill-Kummissjoni li jgħid i l-Qorti Ġenerali ma rrispettatx l-obbligu li hija għandha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi komplementari mressqa mill-Kummissjoni fil-kors tal-proċedura ta’ rikors sabiex “tikkompleta” l-motivazzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni, nixtieq nikkonstata li l-Kummissjoni ma fehmitx mill-ġdid ir-rwol tal-qorti tal-Unjoni sa fejn din teżiġi apparentement li l-Qorti Ġenerali għandha tirrimedja n-nuqqasijiet tal-Bord tal-Għażla u tal-Kummissjoni, li astjenew milli jimmotivaw id-deċiżjoni kkontestata qabel il-preżentata tar-rikors. Anki jekk mill-ġurisprudenza jirriżulta li insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tali li tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, taqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u tikkostitwixxi b’hekk, motiv li jista’, jew għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni ( 51 ), minn dan ma jsegwix li din tal-aħħar hija obbligata li taċċetta motivazzjoni komplementari f’kull ċirkustanza.

104.

Dan premess, nosserva li l-Qorti Ġenerali nnotat ġustament l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll tar-risposta għall-eżami mill-ġdid, billi rrifjutat li tikkunsidra l-elementi komplementari mressqa mill-Kummissjoni minħabba t-tardività ta’ din l-inizjattiva. Fil-fatt, anki jekk jitqies li din il-motivazzjoni għandha tiġi kklassifikata bħala sempliċement “insuffiċjenti” (mingħajr l-ebda klassifikazzjoni partikolari oħra), ma hemmx dubju li l-preżentazzjoni ta’ kriterji iktar speċifiċi li għandhom tali impatt fuq il-kandidatura ta’ D. Di Bernardo ( 52 ) fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti Ġenerali rrendiet difiża iktar diffiċli minħabba l-fatt li ċaħħdet lil D. Di Bernardo mill-possibbiltà li jaġixxi b’mod adegwat ( 53 ). Hekk kif innotat ġustament il-Qorti Ġenerali, dan ma kienx jaf ir-raġunijiet li minħabba fihom l-esperjenza professjonali tiegħu tqieset bħala insuffiċjenti ( 54 ). Barra minn hekk, jidher li D. Di Bernardo kien jiddisponi biss, bħala prinċipju, mis-seduta sabiex jippreżenta l-motivi tiegħu kontra l-motivazzjoni li huwa sar jaf biha biss wara l-preżentata tal-kontroreplika.

105.

Issa, dawn iċ-ċirkustanzi ma tantx jikkorrispondu mal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi li deċiżjoni ġudizzjarja tiġi bbażata fuq fatti u dokumenti li l-partijiet stess, jew waħda minnhom, ma setgħux jieħdu konjizzjoni tagħhom u li għaldaqstant ma setgħux jieħdu pożizzjoni dwarhom ( 55 ). Il-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq u li huwa intiż sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn il-partijiet fil-proċeduri, billi jiġi ggarantit li kull dokument ippreżentat lill-qorti jkun jista’ jiġi evalwat u kkontestat minn kull parti fil-proċeduri, jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż li tipproduċi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla ma’ dik tal-avversarju tagħha ( 56 ).

106.

Konsegwentement, fid-dawl tas-sitwazzjoni deskritta iktar ’il fuq u konformement mal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fil-punti 93 sa 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi aċċettata b’mod eċċezzjonali motivazzjoni komplementari fil-kors ta’ proċedura ta’ rikors ma jidhirlix li huma ssodisfatti.

107.

Fil-fatt, l-osservanza tal-prinċipju tal-istat tad-dritt jirrikjedi li l-EPSO jipprovdi motivazzjoni adegwata fid-deċiżjoni kontenzjuża stess u jippreżenta indikazzjonijiet iktar preċiżi fuq il-kriterji komplementari mfassla mill-Bord tal-Għażla fir-risposta tiegħu għat-talba għal eżami mill-ġdid. Peress li ma ssodisfatx debitament l-obbligu tagħha, iżda pjuttost ipposponiet it-twettiq ta’ dan id-dover għall-fażi kontenzjuża, l-amministrazzjoni ostakolat l-għan li jiġi żgurat stħarriġ intern. Tali stħarriġ intern kien jippermettilha tevalwa s-sitwazzjoni u tikkonferma jekk il-motivazzjoni tagħha ssodisfatx ir-rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-difett li vvizzja d-deċiżjoni kontenzjuża kien gravi minħabba motivazzjoni insuffiċjenti ħafna, jew ineżistenti, li kkonċernat aspett li kien igawdi importanza partikolari għal D. Di Bernardo, li ma setgħetx tiġi rregolarizzata fl-aħħar fażi tal-proċedura tar-rikors għal annullament minn motivazzjoni komplementari, mingħajr ma tikkomprometti d-drittijiet tad-difiża. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata minħabba l-fatt li intervjeniet sabiex tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet ta’ D. Di Bernardo u li fakkret lill-amministrazzjoni dwar l-osservanza tar-rekwiżiti formali essenzjali, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

108.

Minħabba r-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi komplementari mressqa mill-Kummissjoni matul il-proċedura kontenzjuża sabiex “tikkompleta” motivazzjoni insuffiċjenti.

3. Konklużjoni intermedja

109.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti hemm lok li t-tieni aggravju jiġi miċħud.

VI. Konklużjoni

110.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

sabiex tiċħad l-appell u

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C‑266/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:295, punt 71).

( 3 ) Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Pensa Pharma vs EUIPO (C‑442/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:720, punt 53).

( 4 ) Sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 144); tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 462); u tat-28 ta’ Ġunju 2018, EUIPO vs Puma (C‑564/16 P, EU:C:2018:509, punt 64).

( 5 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 1984, Lux vs Il-Qorti tal-Awdituri (69/83, EU:C:1984:225, punt 36); tat-13 ta’ Diċembru 1989, Prelle vs Il-Kummissjoni (C‑169/88, EU:C:1989:640, punt 9); u tat‑12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni (C‑294/95 P, EU:C:1996:434, punt 18).

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 1988, Sergio vs Il-Kummissjoni (64/86, 71/86, 72/86, 73/86 u 78/86, EU:C:1988:119, punti 50 u 51), fejn jirriżulta li l-amministrazzjoni ma tissodisfax l-obbligu tagħha li timmotiva b’mod suffiċjenti lid-deċiżjonijiet tagħha, fil-kuntest ta’ kompetizzjoni jekk hija “tillimita ruħha li tagħmel parafrażi tal-kriterji previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni” u “ma tindikax il-kriterji l-iktar speċifiċi u preċiżi adottati mill-Bord tal-Għażla”.

( 7 ) B’għan ta’ kjarifikazzjoni, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali u l-partijiet fil-proċeduri jużaw it-terminu “kriterji (ta’ selezzjoni)”sabiex jiddeskrivu it-“tabella (ta’ selezzjoni)” stabbilita mill-Bord tal-Għażla li l-funzjonament tagħha huwa spjegat f’dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) Id-deċiżjoni tal‑10 ta’ Awwissu 2016 fiha t-test li ġej: “[…] Qabel ma beda xogħlu, il-Bord tal-Għażla ddefinixxa l-kriterji ta’ selezzjoni billi bbaża ruħu fuq il-kundizzjonijiet speċifiċi deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet kif ukoll id-deskrizzjoni tan-natura tal-funzjonijiet huma ddefiniti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kompetenzi meħtieġa għall-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew u fl-interess tas-servizz. Bħala konsegwenza, il-kriterji ta’ selezzjoni ddefiniti fil-kuntest tal-kompetizzjoni EPSO/AST-SC/03/15 kif ukoll l-enfasi li hemm fuq ċerti elementi relatati mal-esperjenza professjonali jirriflettu essenzjalment il-bżonnijiet tar-reklutaġġ attwali tal-istituzzjonijiet li minħabba fihom tiġi organizzata kompetizzjoni. […] Bħalma ssemma fl-ittra tas‑27 ta’ Ottubru 2015 li informatek bir-riżultati tiegħek, il-Bord tal-Għażla huwa tal-opinjoni li inti ma stajtx tressaq il-prova li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni kollha” (korsiv miżjud minni).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2017, Brouillard vs Il-Kummissjoni (T‑572/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:720, punt 35).

( 10 ) L-informazzjoni pprovduta minn D. Di Bernardo turi esperjenza professjonali ta’ 20 sena fil-qasam tal-avviż ta’ kompetizzjoni, filwaqt li l-EPSO rrikonoxxa 31 xahar biss. L-esperjenza professjonali rikjesta skont l-avviż kienet ta’ 36 xahar.

( 11 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 120).

( 12 ) Madankollu, ma għandux jintesa li l-ittra tat-8 ta’ Lulju 2016, indirizzata lil D. Di Bernardo, kien fiha risposta għat-talba tiegħu għal eżami mill-ġdid li ma kkorrispondietx manifestament għas-sitwazzjoni fattwali tiegħu. Għaldaqstant, din l-ittra kellha bħala prinċipju tiġi kkunsidrata wkoll bħala okkażjoni mitlufa sabiex tingħata motivazzjoni adegwata.

( 13 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1989, Belardinelli et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (225/87, EU:C:1989:309, punt 7).

( 14 ) Sentenza tal-4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:276, punt 27).

( 15 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 61u 64 ta’dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2018, Azoulay et vs Il-Parlament (C‑390/17 P, EU:C:2018:347, punti 29 u 30).

( 17 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Mejju 1984, Picciolo vs Il-Parlament (111/83, EU:C:1984:200, punt 22); tas‑27 ta’ Marzu 1985, Kypreos vs Il-Kunsill (12/84, EU:C:1985:142, punt 8); u tat‑8 ta’ Marzu 1988, Sergio vs Il-Kummissjoni (64/86, 71/86, 72/86, 73/86 u 78/86, EU:C:1988:119, punt 52).

( 18 ) Digriet tat‑8 ta’ Marzu 2012, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (T-126/11 P, EU:T:2012:115, punt 47).

( 19 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008 (C‑17/07 P, EU:C:2008:134).

( 20 ) Sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni (C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 50). Ara wkoll, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament (195/80, EU:C:1981:284, punt 22); tas‑7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni (C‑343/87, EU:C:1990:49, punti 13 sa 15); u tat‑23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il-Parlament (C‑150/03 P, EU:C:2004:555, punti 49 u 50).

( 21 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni (C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 51).

( 22 ) Iċċitat fil-punti 61 u 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, Smith, M., “Developing administrative principles in the EU: A foundational model of legitimacy?”, European Law Journal, Vol. 18, Nru 2, Marzu 2012, p. 282.

( 24 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni (C‑336/09 P, EU:C:2012:386, punt 36); tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 41); u tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 72).

( 25 ) Sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 45); tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 95); u tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 73).

( 26 ) Ara Callies, C., f’Calliess, C. u Ruffert, M. (edituri), EUV/AEUV, C. H. Beck, edizzjoni Nru 4, München, 2011, Artikolu 296 TFUE, punt 4, li jqajjem il-fatt li l-Artikolu 296 TFUE jestendi r-rekwiżit ta’ motivazzjoni lejn l-atti ġuridiċi kollha tal-Unjoni, bil-kontra tal-eks Artikolu 253 KE li għadu jipprevedi elenkar eżawrjenti tal-imsemmija atti ġuridiċi. Skont l-awtur, l-Artikolu 296 TFUE jirrifletti l-intenzjoni tal-proċess ta’ riforma, li huwa intiż sabiex iqiegħed lill-Unjoni fuq bażi istituzzjonali iktar demokratika u iktar qrib taċ-ċittadin, konformement mal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ effikaċja u ta’ leġittimità.

( 27 ) C‑150/03 P, EU:C:2004:146, punt 41.

( 28 ) Ara l-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament (195/80, EU:C:1981:284, punt 22).

( 30 ) Kif indikat l-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:32, punt 32), “[l]-għoti ta’ motivazzjoni mhuwiex biss fl-interess taċ-ċittadin, barra minn hekk: dan iservi bħala awtoeżami min-naħa tal-amministrazzjoni u jista’ jippaċifika r-relazzjonijiet maċ-ċittadin, peress li jekk il-motivazzjoni tkun konvinċenti dawn itemmu l-konflitti eżistenti u jevitaw tilwim legali superfluwu”. Iktar reċentement, fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni u Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni (C‑593/15 P, C‑594/15 P u C‑599/15 P, EU:C:2017:441, punt 95), l-Avukat Ġenerali Kokott indikat li “l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jservi wkoll sabiex l-awtorità amministrattiva tikkontrolla lilha nnifisha u għaldaqstant sabiex l-istituzzjoni awtriċi tivverifika bir-reqqa l-prerekwiżiti għall-adozzjoni ta’ miżura”.

( 31 ) C‑254/95 P, EU:C:1996:213.

( 32 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:213, punt 39).

( 33 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Il-Parlament vs Innamorati (C‑254/95 P, EU:C:1996:213, punt 40).

( 34 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il-Kummissjoni (117/81, EU:C:1983:191); tat‑8 ta’ Marzu 1988, Sergio vs Il-Kummissjoni (64/86, 71/86, 72/86, 73/86 u 78/86, EU:C:1988:119, punt 53), u tad‑19 ta’ Jannar 2010, Co-Frutta vs Il-Kummissjoni (T‑355/04 u T‑446/04, EU:T:2010:15, punt 100).

( 35 ) Ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Callies, C., f’Calliess, C. u Ruffert, M. (editur), EUV/AEUV, C. H. Beck, edizzjoni Nru 4, München 2011, Artikolu 297 TFUE, punt 34, josserva xi tendenzi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali intiżi sabiex jiġi aċċettat li ksur serju tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni biss għandu jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni amministrattiva. Dan l-approċċ jidher li huwa bbażat fuq l-argument li ma jkun hemm ebda sens li tiġi annullata deċiżjoni amministrattiva korretta fir-rigward tal-fondatezza iżda li madankollu hija vvizzjata b’difett formali. Madankollu l-awtur huwa tal-opinjoni li kunsiderazzjonijiet marbuta mal-osservanza tal-istat tad-dritt jiffavorixxu l-annullament, bħala regola ġenerali, ta’ kull deċiżjoni li ma tosservax dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni. Gellermann, M., fi Streinz, R., EUV/AEUV, C. H. Beck, edizzjoni Nru 2, München, 2012, punt 16, huwa tal-istess opinjoni, fejn isostni li huwa biss stħarriġ ġudizzjarju marbut mat-theddida ta’ annullament li jista’ jobbliga lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu debitament inkunsiderazzjoni r-rekwiżit ta’ motivazzjoni. Fl-aħjar xenarju, eċċezzjoni tista’ tiġi rrikonoxxuta jekk l-att ikun effettivament mingħajr alternattiva u għandu jiġi adottat immedjatament wara l-annullament tiegħu.

( 37 ) Barra minn hekk, jidher li mis-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑215/06, EU:C:2008:380, punt 57) jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax ir-regolarizzazzjoni ta’ atti irregolari fir-rigward tal-Unjoni ħlief f’każ eċċezzjonali.

( 38 ) Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża LS Customs Services (C‑46/16, EU:C:2017:247, punt 83), l-Avukat Ġenerali Kokott indikat li “[t]ali awtokontroll tal-amministrazzjoni doganali jiddgħajjef biss jekk tingħata motivazzjoni suffiċjenti biss fuq talba tal-persuna kkonċernata”. Skont l-Avukat Ġenerali, “[d]an japplika iktar u iktar meta l-motivazzjoni tingħata iktar tard matul il-proċedura ġudizzjarja”.

( 39 ) Sabiex tintuża terminoloġija użata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni (C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 15).

( 40 ) C‑558/07, EU:C:2009:142.

( 41 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża S.P.C.M. et (C‑558/07, EU:C:2009:142, punt 61).

( 42 ) Jiġifieri, il-pożizzjonijiet rispettivi tal-Avukati Ġenerali Fennelly u Kokott jikkonċernaw il-problematika dwar il-possibbiltà li motivazzjoni nieqsa jew insuffiċjenti tista’ tiġi rregolarizzata sussegwentement fil-kors tal-fażi kontenzjuża, deskritti f’dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll tiegħi, li għandhom jiġu interpretati bħala kontribuzzjoni minn naħa tiegħi lejn l-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 43 ) Jiġifieri, is-sitwazzjoni li tikkonċerna deċiżjoni amministrattiva vvizzjata minn difett li madankollu ma jaffettwax il-mertu tad-deċiżjoni. Skont l-Avukat Ġenerali Fennelly, tali deċiżjoni ma tistax tiġi annullata jekk il-motivazzjoni tiġi kkompletata fil-kors tal-proċedura ta’ rikors.

( 44 ) Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Neirinck vs Il-Kummissjoni (C‑17/07 P, EU:C:2008:134, punt 57).

( 46 ) Sentenza tat‑8 ta’ Marzu 1988, Sergio vs Il-Kummissjoni (64/86, 71/86, 72/86, 73/86 u 78/86, EU:C:1988:119, punt 50).

( 47 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 1985, Kypreos vs Il-Kunsill (12/84, EU:C:1985:142, punt 8).

( 48 ) Ara l-punti 70 u 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara l-punti 62 sa 68 u 81 tal-konklużjonijiet preżenti.

( 50 ) Ara l-punt 38 flimkien mal-punti 51 u 53 tas-sentenza appellata.

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix (C‑166/95 P, EU:C:1997:73, punt 24); tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 174 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tas‑27 ta’ Settembru 2012, J vs Il-Parlament (T‑160/10, EU:T:2012:503, punt 17).

( 52 ) Ara l-punti 66 u 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 30), u d-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2016, Pérez Gutiérrez vs Il-Kummissjoni (C‑604/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:545, punt 33).

( 56 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 31), u d-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2016, Pérez Gutiérrez vs Il-Kummissjoni (C‑604/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:545, punt 34).

Top