Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CC0104

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fl-4 ta’ Marzu 2020.
    Donex Shipping and Forwarding BV vs Staatssecretaris van Financiën.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali komuni – Dumping – Dritt antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 91/2009 – Validità – Regolament (KE) Nru 384/96 – Artikolu 2(10) u (11) – Drittijiet tad-difiża.
    Kawża C-104/19.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:159

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PITRUZZELLA

    ippreżentati fl-4 ta’ Marzu 2020 ( 1 )

    Kawża C‑104/19

    Donex Shipping and Forwarding BV

    bl-intervent ta’:

    l-iStaatssecretaris van Financiën

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali – Dazji antidumping – Validità tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 – Importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina – Regolament (KE) Nru 384/96 – Artikolu 2(10) – Artikoli 6(7), 19 u 20 – Drittijiet proċedurali – Ksur tad-drittijiet tad-difiża – Importatur tal-Unjoni li ma pparteċipax fil‑proċedura antidumping”

    1. 

    Din il-kawża tirrigwarda talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), dwar il‑validità tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament ikkontestat”), li permezz tiegħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    2. 

    It-talba għal deċiżjoni preliminari saret f’kuntest ta’ kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju dwar il-kontestazzjoni mill‑kumpannija Donex Shipping and Forwarding BV (iktar ’il quddiem “Donex”) ta’ talbiet għal ħlas ta’ dazji antidumping relatati mal‑importazzjoni minn din il-kumpannija ta’ prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat.

    3. 

    Quddiem il-qorti tar-rinviju Donex tressaq diversi motivi ta’ invalidità tar-Regolament ikkontestat. Dawn il-konklużjonijiet ser jiffokkaw fuq il-kwistjoni dwar jekk importatur tal-Unjoni, bħal Donex, li ma pparteċipax fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ regolament li jistabbilixxi dazji antidumping jistax isostni l-invalidità ta’ tali regolament billi jinvoka allegat nuqqas min‑naħa tal-istituzzjonijiet tal‑Unjoni li jagħtu lill-produtturi-esportaturi li kkooperaw f’tali proċedura l-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jressqu b’mod utli talbiet ta’ aġġustament tal-valur normali użat sabiex jiġi stabbilit il‑marġni tad-dumping.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt internazzjonali

    4.

    Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), fl-Anness 1A tiegħu, jinkludi l-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal‑1994 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”).

    5.

    L-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping jistabbilixxi dan li ġej:

    “2.4.   Isir paragun imparzjali bejn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni u l‑valur normali. Dan il-paragun iseħħ fl-istess livell ta’ kummerċ, normalment fil-livell ex-fabbrika, u fir-rigward ta’ bejgħ magħmul kemm jista jkun fl-istess żmien. Jitqies b’mod sostanzjali f’kull każ, fuq il-mertu a bażi ta’ differenzi li jaffetwaw il-komparibbilità tal-prezzijiet, li jinkludi wkoll id-differenzi fit-termini u l-kondizzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ, taxxa, livelli ta’ kummerċ, kwantitajiet, karatteristiċi fisiċi, u kwalunkwe differenzi oħra li jidhru li jaffetwaw il-komparabbilità tal-prezzijiet […]. Fil-każ indikat fil-paragrafu 3, [għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni] sussidji għall-ispejjeż, inklużi dwana u taxxi, li ntefqu bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għandhom isiru wkoll għall‑profitti li jiżdiedu. Jekk f’dawn il-każijiet il-komparibbilità tal‑prezzijiet ġiet affettwata, l-awtoritajiet jistabbilixxu valuri normali fil‑livell tal-kummerċ ekwivalenti għall-livell ta’ kummerċ tal-prezz kostruwit ta’ l-esportazzjoni, jew jagħtu konsiderazzjoni mistħoqqa kif indikata f’dan il-paragrafu. L-awtoritajiet għandhom jindikaw lill‑partijiet in kwistjoni x’tip ta’ informazzjoni hi meħtieġa biex jassiguraw paragun imparzjali u ma jimponux oneru tal-prova ta’ natura mhux raġonevoli fuq il-partijiet.”

    B.   Id-dritt tal-Unjoni

    1. Ir-Regolament bażiku

    6.

    Fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, id‑dispożizzjonijiet dwar l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni Ewropea kienu inklużi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat‑22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 4 ), kif emendat, finalment, bir-Regolament tal-Kunsill Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 ( 5 ) (iktar ’il quddiem ir‑“Regolament bażiku”).

    7.

    L-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, intitolat “[t]istabbilixxi x‑xiri taħt il-prezz”, fil-paragrafu 10, intitolat “[p]aragun”, jipprovdi:

    “Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal‑prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il‑prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b’mod partikolari fejn jidħlu tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ.”

    8.

    L-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku, intitolat “[l‑]investigazzjoni”, jipprovdi:

    “Min qiegħed jagħmel l-ilmenti, l-importaturi u l-esportaturi u l‑assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, utenti u organizzazzjonijiet tal-konsumatur, li għamlu lilhom infushom magħrufa skond l‑Artikolu 5(10), kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jistgħu, fuq talba miktuba, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunklwe parti għal investigazzjoni, bħala distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal‑[Unjoni] jew mill-Istati Membri tagħha, li hija rilevanti għall-preżentazzjoni tal‑każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 19, u li hija wżata fl-investigazzjoni. Partijiet bħal dawn jistgħu jirrispondu għal informazzjoni bħal din u l-kummenti tagħhom għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni, kull fejn huma sostanzjati biżżejjed fit-tweġiba.”

    9.

    L-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, intitolat “[i]l‑kunfidenzjalità”, jipprovdi dan li ġej fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

    “1.   Kwalunkwe informazzjoni li hija ta’ xorta kunfidenzjali, (per eżempju, minħabba li r-rivelazzjoni tagħha kienet ta’ vantaġġ kompetittiv sinifikanti għall-kompetitur jew kien ikollha effett kuntrarju sinifikanti fuq il-persuna li tforni l-informazzjoni jew fuq il-persuna li minn għandha jkun akkwista l-informazzjoni) jew li hija mogħtija fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet għall-investigazzjoni għandha, jekk tiġi murija raġuni tajba, tiġi ttrattata b’hekk mill-awtoritajiet.

    […]

    4.   Dan l-artikolu ma għandux iħalli barra it-tagħrif ta’ informazzjoni ġenerali mill-awtoritajiet [tal-Unjoni] u b’mod partikolari ir-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet meħuda skond dan ir-Regolament huma bbażati, jew it-tagħrif ta’ l-evidenza li jistrieħu fuqha l-awtoritajiet Komunitarji sakemm ikun meħtieġ li jiġu spjegati dawk ir-raġunijiet fil-proċeduri tal‑qorti. Tagħrif bħal dan għandu jagħti kas ta’ l-interessi leġittimi tal‑partijiet konċernati biex l-interessi tal-kummerċ tagħhom ma jiġux żvelati.”

    10.

    Skont l-Artikolu 20(2) sa (5) tar-Regolament bażiku, intitolat “[l]‑iżvelar”:

    “2.   [Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l‑assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni] jistgħu jitolbu żvelar finali tal-fatti u l‑kunsiderazzjonijiet essenzjali fuq il-bażi li fuqha huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew proċeduri mingħajr impożizzjoni tal-miżuri, b’attenzjoni partikolari mogħtija lill-iżvelar ta’ kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li huma differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżuri proviżjonali.

    3.   Talbiet għal żvelar finali, kif definit fil-paragrafu 2, għandhom jiġu indirizzati lill-Kummissjoni bil-miktub […]. Fejn ma jkunx ġie applikat dazju proviżjonali, il-partijiet għandhom jiġu mogħtija opportunità li jitolbu żvelar finali fi żmien limiti ta’ żmien stabbiliti mill-Kummissjoni.

    4.   Żvelar finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill‑Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l‑Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista jkun malajr wara. L-iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista jkun malajr.

    5.   Rappreżentazzjonijiet magħmula wara li jingħata t-tagħrif finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f’kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10 t’ijiem, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-urġenza tal-kwistjoni.”

    2. Ir-Regolament ikkontestat u r-regolament sussegwenti dwar id‑dazji antidumping fuq l-importazzjoni ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar

    11.

    Fid-9 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni bdiet proċedura dwar l‑eżistenza ta’ prattiki ta’ dumping għal ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ( 6 ).

    12.

    L-investigazzjoni kienet tirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 2006 u t-30 ta’ Settembru 2007. Fl-investigazzjoni ħadu sehem 110 kumpanniji jew gruppi Ċiniżi li minnhom 9 ntgħażlu bħala kampjun ( 7 ).

    13.

    Fi tmiem l-investigazzjoni, fis-26 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill adotta r-Regolament ikkontestat li stabbilixxa dazju antidumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar, barra minn stainless steel, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    14.

    Mir-Regolament ikkontestat jirriżulta li, għall‑produtturi‑esportaturi Ċiniżi li ma ngħatawx it-trattament riżervat għal kumpanniji li joperaw f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, il-valur normali ġie stabbilit abbażi ta’ informazzjoni rċevuta minn produttur ta’ pajjiż ta’ riferiment, f’dan il-każ l-Indja ( 8 ).

    15.

    Fir-rigward b’mod speċifiku tal-kumpanniji li ma kkollaborawx fl-investigazzjoni, minħabba l-livell baxx ta’ kollaborazzjoni, il-marġni tad-dumping ġie stabbilit bħala medja tal-valur misjub mid-data tal‑Eurostat u l-ogħla marġnijiet misjuba għal tipi ta’ prodotti mibjugħa fi kwantità rappreżentattiva mill-produttur esportatur li kkoopera fl-investigazzjoni bl-ogħla marġni ta’ dumping. Abbażi ta’ dan, dan il-marġni ta’ dumping ġie kkalkolat bħala 115.4 % ( 9 ).

    16.

    Madankollu, peress li l-marġni ta’ ħsara mifrux mal-pajjiż kollu ġie stabbilit bħala 85 %, skont ir-“regola tal-inqas dazju”, skont l‑Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku ( 10 ), ir-rata tad-dazju antidumping definittiv, għall-kumpanniji li ma kkollaborawx fl-investigazzjoni, ġiet stabbilita bħala 85 %.

    17.

    Fit-28 ta’ Lulju 2011, il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal‑WTO (Dispute Settlement Body, iktar ’il quddiem id-“DSB”) adotta r-rapport tal-Korp tal-Appell tal-15 ta’ Lulju 2011 ( 11 ), u r-rapport tal-grupp speċjali kif emendat mir-rapport tal-Korp tal-Appell, fil-każ “Komunità Ewropea – miżuri antidumping definittivi dwar ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina” (WT/DS397). F’dawn ir-rapporti ġie kkonstatat, b’mod partikolari, li bl-adozzjoni tar‑Regolament ikkontestat, l-Unjoni kienet aġixxiet b’mod inkompatibbli ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim antidumping.

    18.

    Wara dawn ir-rapporti, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 924/2012 tal-4 ta’ Ottubru 2012 li jemenda r-Regolament Nru 91/2009 ( 12 ), li żamm il-miżuri antidumping stabbiliti mir-Regolament ikkontestat, iżda naqqas, għall-futur, id-dazju antidumping massimu minn 85 % għal 74.1 % ( 13 ).

    II. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    19.

    Fl-2011 Donex ippreżentat dikjarazzjoni għar-rilaxx u għaċ‑ċirkolazzjoni libera ta’ qfieli tal-ħadid jew tal-azzar. Wara investigazzjoni mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) ġie kkonstatat li dawn l-oġġetti kienu joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ‑Ċina u kienu għalhekk suġġetti għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping skont ir-Regolament ikkontestat.

    20.

    B’hekk, fl-4 ta’ Ġunju 2014 Donex irċeviet talba għal ħlas ta’ dazji antidumping, f’ammont ikkalkolat skont ir-rata ta’ 85 % stabbilita fir‑Regolament ikkontestat għall-produtturi-esportaturi Ċiniżi li ma kkollaborawx fl-investigazzjoni.

    21.

    Donex ikkontestat din it-talba għal ħlas quddiem ir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ Fuq, il-Pajjiżi l-Baxxi). Wara li dan ir-rikors ġie miċħud, Donex appellat quddiem il‑Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Fis-sentenza tagħha, din l-aħħar qorti rrifjutat il-kontestazzjoni mressqa minn Donex, filwaqt li ċaħdet, b’mod partikolari, l-argumenti li bihom din il-kumpannija kienet ikkontestat il-validità tar-Regolament ikkontestat.

    22.

    Donex ippreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema, il-Pajjiżi l‑Baxxi), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, li quddiemha reġgħet sostniet l-argumenti tagħha dwar l-invalidità tar-Regolament ikkontestat.

    23.

    Dik il-qorti tistaqsi dwar il-validità ta’ tali regolament fir-rigward ta’ żewġ aspetti: l-ewwel nett, fir-rigward ta’ kif ġie stabbilit il-marġni ta’ dumping fir-Regolament ikkontestat, skont l-Artikolu 2(11) tar‑Regolament bażiku; it-tieni nett, dwar il-paragun xieraq li sar skont l‑Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

    24.

    F’dak li jirrigwarda dan it-tieni aspett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-validità tar-Regolament ikkontestat fir‑rigward tal-argument imqajjem minn Donex li l-istituzzjonijiet tal‑Unjoni kisru l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku billi ma tawx fi żmien utli għall-produtturi-esportaturi Ċiniżi li kkooperaw fl‑investigazzjoni l-informazzjoni kollha tal-produttur Indjan relatata mad-determinazzjoni tal-valur normali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar‑rinviju tirreferi b’mod speċifiku għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2016:928, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet fil‑kawżi Changshu u Ningbo”).

    25.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

    “1.

    Ir-Regolament (KE) Nru 91/2009 huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur stabbilit fl-Unjoni minħabba ksur tal-Artiklu 2(11) tar‑Regolament (KE) Nru 384/96 sa fejn il-Kunsill, fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping għall-prodotti kkonċernati ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi li ma jikkooperawx, eskluda t-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni ta’ ċerti tipi tal-prodott mill-paragun imsemmi f’dan l‑artikolu?

    2.

    Ir-Regolament (KE) Nru 91/2009 huwa invalidu fir-rigward ta’ importatur stabbilit fl-Unjoni minħabba ksur tal-Artikolu 2(10) tar‑Regolament (KE) Nru 384/96 sa fejn, fil-kuntest tal-kalkolu tal-estent tal-marġni ta’ dumping għall-prodotti kkonċernati, l-istituzzjonijiet tal‑Unjoni rrifjutaw li jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-paragun tal-valur normali ta’ prodotti ta’ produttur Indjan mal-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ prodotti Ċiniżi simili, aġġustamenti marbuta mad-dazji tal‑importazzjonijiet fuq materja prima u taxxi indiretti fil-pajjiż ta’ riferiment (jiġifieri l-Indja) u ma’ differenzi fil-produzzjoni (fl-ispejjeż tal-produzzjoni) u/jew sa fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, matul l‑investigazzjoni, ma pprovdewx lill-produtturi esportaturi Ċiniżi li jikkooperaw (fi żmien xieraq) id-data kollha tal-produttur Indjan fir‑rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali?”

    III. Analiżi

    A.   Osservazzjonijiet preliminari dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari

    26.

    Bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tanalizza l-validità tar-Regolament ikkontestat fir-rigward ta’ tliet aspetti: eventwali ksur tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku fid-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping (l‑ewwel domanda preliminari); eventwali ksur tal-Artikolu 2(10) tal‑imsemmi regolament, dwar l-allegat rifjut tal-istituzzjonijiet tal‑Unjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni tali aġġustamenti (l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari); u eventwali ksur ta’ din l-aħħar dispożizzjoni fir-rigward tal-allegat nuqqas min-naħa tal-imsemmija istituzzjonijiet li jagħtu lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi li kkooperaw fl‑investigazzjoni l-informazzjoni kollha tal-produttur Indjan relatata mad‑determinazzjoni tal-valur normali (it-tieni parti tad-domanda preliminari).

    27.

    Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari.

    28.

    Madankollu, preliminarjament, jidhirli li huwa opportun, l-ewwel nett, infakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal‑miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li għandhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat għall‑verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati biex issir l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ abbuż ta’ poter ( 14 ).

    29.

    It-tieni nett, nosserva li, abbażi ta’ wħud mid-dubji tagħha dwar il‑validità tar-Regolament ikkontestat, il-qorti tar-rinviju tirreferi diversi drabi għar-Regolament Nru 924/2012, adottat wara d-deċiżjoni tad-DSB tat-28 ta’ Lulju 2011, imsemmija fil-punt 17 hawn fuq. Fis‑sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Donex stess tirreferi għal dan ir‑regolament sabiex tibbaża wħud mill-argumenti tagħha dwar l‑invalidità tar-Regolament ikkontestat. F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 924/2012 ġie wara r‑Regolament ikkontestat, u ġie adottat sabiex jiġi emendat dan tal-aħħar, wara li saret investigazzjoni partikolari, differenti minn dik li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. Fl-opinjoni tiegħi, minn dan kollu jirriżulta li ma tistax tiġi invokata l-illegittimità tar-Regolament Nru 924/2012 jew nuqqasijiet fl-investigazzjoni li wasslet għall‑adozzjoni tiegħu, sabiex tiġi kkontestata l-validità tar-Regolament ikkontestat.

    B.   Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari

    1. Osservazzjonijiet preliminari

    30.

    Bit-tieni parti tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-Regolament ikkontestat huwiex invalidu fil-konfront ta’ importatur tal-Unjoni bħal Donex, minħabba ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, inkwantu, waqt l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tiegħu, l-istituzzjonijiet tal‑Unjoni ma tawx, lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi li kkollaboraw fl‑investigazzjoni stess, fi żmien utli, l-informazzjoni kollha tal‑produttur Indjan użata sabiex jiġi stabbilit il-valur normali.

    31.

    Din il-kwistjoni tqum f’kuntest li fih, kif imfakkar fil-punt 14 iktar ’il fuq, fir-Regolament ikkontestat, f’dak li jirrigwarda l‑produtturi‑esportaturi Ċiniżi li ma ngħatawx it-trattament riżervat għal kumpanniji li joperaw f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbilixxew il-valur normali abbażi tal-informazzjoni miksuba minn produttur ta’ pajjiż ta’ riferiment, f’dan il-każ l-Indja.

    32.

    Id-domanda tal-qorti tar-rinviju hija bbażata fuq l-argumenti mressqa minn Donex quddiem dik il-qorti, u repetuti minnha essenzjalment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Skont Donex, l-allegat fatt li, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma tatx, fi żmien utli, lill‑produtturi-esportaturi Ċiniżi li kkooperaw, l-informazzjoni meħtieġa u, b’mod partikolari, l-informazzjoni kollha relatata mal-produttur Indjan, ma ppermettilhomx jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jitolbu aġġustamenti fis-sens tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

    33.

    L-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minbarra li jikkontestaw fil-mertu l‑eżistenza f’dan il-każ ta’ ksur tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, iqajmu eċċezzjoni ta’ natura preliminari. Huma jsostnu li, peress li ma pparteċipatx fil-proċedura antidumping inkwistjoni, Donex ma tistax tinvoka l-ksur tad-drittijiet ta’ difiża ta’ terzi, jiġifieri tal‑produtturi‑esportaturi Ċiniżi li kkooperaw fl-investigazzjoni.

    34.

    Għalhekk jeħtieġ, fl-opinjoni tiegħi, li l-ewwel nett tiġi eżaminata l-eċċezzjoni mqajma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li għandha natura preliminari meta mqabbla mal-analiżi tal-mertu tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

    2. Fuq il-possibbiltà li importatur isostni ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ terzi fil-qafas ta’ proċedura antidumping li fiha huwa ma pparteċipax

    35.

    Fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsostnu li, bħala importatur tal‑prodotti suġġetti għad-dazju antidumping li ma pparteċipatx fil‑proċedura li wasslet sabiex jiġi stabbilit tali dazju, Donex ma tistax tinvoka, quddiem il-qorti tar-rinviju, ksur tad-drittijiet tad-difiża tal‑produtturi‑esportaturi Ċiniżi li kkooperaw fl-investigazzjoni. Donex lanqas ma tista’ tikseb xi benefiċċju minn eventwali ksur, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, ta’ allegat obbligu ta’ informazzjoni fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-konfront tal‑imsemmija produtturi-esportaturi sabiex jippermettilhom iressqu talbiet ta’ aġġustamenti. Din il-konklużjoni hija applikabbli iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-produtturi-esportaturi Ċiniżi li mingħandhom Donex importat il-prodotti suġġetti għad-dazju lanqas kienu kkollaboraw fl‑investigazzjoni.

    36.

    Bħala bażi għall-argumenti tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirreferu għas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen‑Zentrum Deutschland (C‑687/13, EU:C:2015:573, iktar ’il quddiem is-“sentenza Fliesen‑Zentrum”).

    37.

    F’din is-sentenza, bħal f’dan il-każ, qorti nazzjonali kienet għamlet domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità ta’ regolament li jistabbilixxi dazju antidumping fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata quddiemha minn importatur ta’ prodotti suġġetti għad-dazju. Il-qorti nazzjonali kienet qiegħda tistaqsi, fost l-oħrajn, jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kinux kisru d-drittijiet tad-difiża tal-importatur inkwistjoni meta taw informazzjoni vaga dwar il-kalkolu eżatt tal-valur normali, u li b’hekk kienu għamlu impossibbli li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet debitament fondati b’mod partikolari dwar aġġustament li sar skont l‑Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku ( 15 ).

    38.

    F’din is-sentenza, wara li kkonstatat li huwa stabbilit li l‑importatur inkwistjoni ma pparteċipax fil-proċedura ta’ investigazzjoni li wasslet sabiex jiġi stabbilit id-dazju antidumping u li dan l-importatur ma kien marbut ma’ ebda produttur Ċiniż ikkonċernat, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li dan l-importatur ma setax isostni ksur tad‑drittijiet tad-difiża waqt proċedura li ma kienx ipparteċipa fiha ( 16 ).

    39.

    Mingħajr ma tinnega x-xebh eżistenti bejn il-każ deċiż fis‑sentenza hawn fuq iċċitata Fliesen‑Zentrum u din il-kawża, Donex issostni, madankollu, li n-nuqqas min-naħa tal-istituzzjonijiet li jagħtu lill-produtturi-esportaturi Ċiniżi li kkooperaw fl-investigazzjoni l‑informazzjoni neċessarja li tippermettilhom iressqu b’mod utli talbiet għal aġġustament tal-valur normali ma jinvolvix ksur tad-drittijiet tad‑difiża, iżda jikkostitwixxi żball veru u proprju fl-applikazzjoni tal‑Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Dan l-iżball, li jkollu impatt fuq il-paragun xieraq bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni magħmul fir-Regolament ikkontestat skont tali dispożizzjoni, affettwa l‑marġni ta’ dumping stabbilit għall-produtturi-esportaturi li ma kkooperawx fl-investigazzjoni, bħal dawk li mingħandhom hija kienet importat l-oġġetti inkwistjoni ( 17 ). Donex tibbaża l-argumenti tagħha fuq l‑aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping, kif interpretat mid-DSB ( 18 ), kif ukoll fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi Changshu u Ningbo ( 19 ).

    40.

    F’tali kuntest, tqum il-kwistjoni li jiġi vverifikat jekk mill‑Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jistax jiġi preżunt obbligu fuq l-istituzzjonijiet li jagħtu lill-produtturi-esportaturi li kkooperaw fl‑investigazzjoni – jew b’mod iktar ġenerali lill-partijiet ikkonċernati – l-informazzjoni neċessarja li tippermettilhom iressqu b’mod utli talbiet ta’ aġġustament u, sussegwentement, jekk eventwali ksur ta’ tali obbligu għandux jiġi kklassifikat bħala ksur sostanzjali tal-Artikolu 2(10) tar‑Regolament bażiku jew bħala ksur tad-drittijiet tad-difiża jew ta’ drittijiet proċedurali oħra ta’ tali produtturi-esportaturi.

    41.

    F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, intitolat “[p]aragun”, jipprevedi li għandu jsir paragun xieraq bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni differenzi li jaffettwaw il-paragun tal-prezzijiet u, f’każ ta’ sitwazzjoni fejn ma jistax ikun hemm paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni stabbiliti, għandhom jiġu kkunsidrati, fil-forma ta’ aġġustamenti, differenzi bejn il-fatturi li jaffetwaw il‑prezzijiet u b’hekk il-paragun bejniethom, indikati fil-punti a) sa k) ta’ din id-dispożizzjoni.

    42.

    Bħala tali, għalhekk, l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jinkludi b’mod esklużiv dispożizzjonijiet li essenzjalment jirrigwardaw kif għandu jsir paragun xieraq bejn il-valur normali u l-prezz tal‑esportazzjoni. Min-naħa l-oħra, dan ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni ta’ natura proċedurali li tobbliga b’mod espliċitu lill-istituzzjonijiet tal‑Unjoni jagħtu informazzjoni speċifika lill-partijiet ikkonċernati.

    43.

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li d-dispożizzjoni tal‑Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku hija ispirata b’mod ċar mill‑Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping.

    44.

    F’dan ir-rigward, jidher li l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku juża, fl-ewwel sentenza tiegħu, essenzjalment, l-istess termini użati fl‑ewwel sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping. Dan jippermetti li jiġi preżunt li, almenu f’dak li jirrigwarda l-obbligu li jsir “paragun xieraq” bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, it-test ta’ din id-dispożizzjoni juri l-volontà ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jdaħħal fid-dritt tal-Unjoni l-obbligu partikolari li jirriżulta mill‑Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping ( 20 ), fis-sens tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494) ( 21 ). Minn dan isegwi li l-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-legittimità tal-atti tal-Unjoni skont il-konformità tagħhom ma’ din id-dispożizzjoni tal-Ftehim antidumping, billi tagħti lill-kunċett ta’ “paragun xieraq” it-tifsira li din għandha fir-regoli tal-WTO ( 22 ).

    45.

    Sabiex issostni l-argumenti tagħha, madankollu, Donex ma tirreferix għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping, iżda għall-aħħar sentenza ta’ tali artikolu, kif interpretata fid-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tad-DSB. Skont din l-aħħar sentenza, “[l]‑awtoritajiet għandhom jindikaw lill-partijiet in kwistjoni x’tip ta’ informazzjoni hi meħtieġa biex jassiguraw paragun imparzjali u ma jimponux oneru tal-prova ta’ natura mhux raġonevoli fuq il-partijiet”.

    46.

    F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l‑Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, kuntrarjament għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping, ma jirriproduċix b’mod speċifiku d-dispożizzjoni li tinsab fl-aħħar sentenza tiegħu. Din id-dispożizzjoni ma tidhirx li ġiet trasposta b’mod speċifiku f’xi artikolu ieħor tar-Regolament bażiku.

    47.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi kellha l‑okkażjoni tikkjarifika li, minkejja li l-premessa 5 tar-Regolament bażiku tiddikjara li hemm bżonn li “sa fejn ikun possibbli” ir-regoli tal‑Ftehim antidumping jiġu trasposti fid-dritt tal-Unjoni, din il-frażi għandha tiġi interpretata fis-sens li, anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ċertament kellu l-intenzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tal-ftehim fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament bażiku, huwa madankollu ma mmanifestax ir-rieda li jwettaq traspożizzjoni ta’ kull waħda minn dawn ir-regoli fl-imsemmi regolament ( 23 ).

    48.

    Fid-dawl ta’ dan, insostni li, fl-applikazzjoni tal-kriterji elaborati fis-sentenza hawn fuq iċċitata Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal, fil‑kuntest tar-Regolament bażiku, ma tistax tiġi preżunta mill‑Artikolu 2(10) u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra ta’ dan ir‑regolament ir-rieda ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jimponi obbligu partikolari li jirriżulta mid-dispożizzjoni li tinsab fl-aħħar sentenza tal‑Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping.

    49.

    Minn dan isegwi li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tistħarreġ il‑leġittimità tar-Regolament ikkontestat skont jekk huwiex konformi ma’ tali dispożizzjoni u li, għalhekk, Donex ma tistax tuża d‑dispożizzjoni li tinsab fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping, kif interpretata mid-DSB, sabiex tikkontesta l-validità ta’ dan ir-regolament ( 24 ).

    50.

    Madankollu, f’dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa minn Donex dwar l-invalidità tar-Regolament ikkontestat ibbażati fuq id-deċiżjoni tad-DSB tat-28 ta’ Lulju 2011 imsemmija fil-punt 17 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, peress li ġiet wara tali regolament, din id‑deċiżjoni ma tistax tkun il-bażi legali tiegħu ( 25 ).

    51.

    Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni Donex, l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku ma jipprevedi, fih innifsu, l-ebda obbligu pożittiv għall‑istituzzjonijiet tal-Unjoni li jagħtu informazzjoni speċifika lill‑partijiet ikkonċernati.

    52.

    Madankollu, dan ma jfissirx li fir-Regolament bażiku ma ġiex ikkunsidrat ir-rekwiżit, espress fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal‑Ftehim antidumping, li l-partijiet ikkonċernati jingħataw indikazzjoni tal-informazzjoni li tintuża sabiex jitwettaq paragun xieraq.

    53.

    Dan ir-rekwiżit jidħol fil-qafas proċedurali maħluq mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-proċeduri antidumping li l-istituzzjonijiet iwettqu bis-saħħa ta’ tali regolament.

    54.

    F’dan il-kuntest jaqgħu, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet fl‑Artikolu 6(7) u fl-Artikolu 20(2) sa (5) tar-Regolament bażiku li jippermettu lil xi persuni kkonċernati jirċievu informazzjoni dwar l‑iżvolġiment tal-investigazzjoni u jippreżentaw osservazzjonijiet dwarha.

    55.

    L-ewwel dispożizzjoni tippermetti lil min qiegħed jagħmel l‑ilmenti, lill-importaturi, lill-esportaturi u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, lill-utenti u lill-organizzazzjonijiet tal‑konsumatur kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jitolbu l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli mill-partijiet ikkonċernati fl-investigazzjoni, bl-eċċezzjoni tad-dokumenti interni ppreparati mill-awtorità tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, li hija rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, u li hija użata fl-investigazzjoni ( 26 ). Dawn il‑partijiet jistgħu anki jirrispondu billi jippreżentaw osservazzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni. Tali possibbiltà hija madankollu suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet: l-ewwel nett, li dawn il‑persuni jkunu ġew indikati fin-notifika tal-bidu tal-proċedura ( 27 ) u, it‑tieni nett, li jkunu ressqu talba bil-miktub biex jiksbu konoxxenza tal‑informazzjoni inkwistjoni.

    56.

    It-tieni grupp ta’ dispożizzjonijiet jippermetti lil min qiegħed jagħmel l-ilmenti, lill-importaturi, lill-esportaturi u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni jitolbu li jiġu informati bil-fatti prinċipali u l‑kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi jew it-terminazzjoni ta’ investigazzjoni jew ta’ proċeduri mingħajr impożizzjoni ta’ miżuri definittivi. Madankollu, anki f’dan il-każ, il-possibbiltà li tirċievi l‑informazzjoni finali u, sussegwentement, li tippreżenta osservazzjonijiet f’dan ir-rigward hija suġġetta għat-tressiq ta’ talba bil‑miktub lill-Kummissjoni ( 28 ).

    57.

    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sistema tal-proċeduri antidumping, ir-Regolament bażiku jagħti lil uħud mill-persuni kkonċernati drittijiet u garanziji proċedurali ( 29 ), li l-eżerċizzju tagħhom, madankollu jiddependi mill-parteċipazzjoni attiva ta’ tali persuni fil‑proċedura stess li għandha sseħħ, tal-inqas, permezz tat-talba bil‑miktub imressqa fit-termini stabbiliti.

    58.

    Huwa fil-qafas ta’ tali kuntest proċedurali li għandu jidħol ir‑rekwiżit hawn fuq imsemmi, espress fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim antidumping, li l-partijiet ikkonċernati għandhom jingħataw l‑informazzjoni meħtieġa sabiex ikun jista’ jsir paragun xieraq.

    59.

    U huwa fil-qafas tal-istess kuntest proċedurali li, fl-opinjoni tiegħi, għandhom jaqgħu d-dikjarazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil‑konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Changshu u Ningbo, invokati minn Donex u msemmija mill-qorti tar-rinviju, li, b’riferiment għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiddikjara li l-istituzzjonijiet għandhom jipprovdu lill-produtturi-esportaturi suġġetti għall‑investigazzjoni informazzjoni suffiċjenti b’tali mod li jippermettulhom li jkunu fil-pożizzjoni li jressqu talbiet għal aġġustament, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ investigazzjoni li fiha l‑valur normali ġie stabbilit abbażi ta’ prezzijiet ta’ produttur ta’ pajjiż ta’ riferiment ( 30 ).

    60.

    Mis-sistema tal-proċedura antidumping kif inkluża fir‑Regolament bażiku jirriżulta li, peress li d-drittijiet u l-garanziji proċedurali li jirriżultaw minn dan ir-regolament huma suġġetti għal parteċipazzjoni attiva fl-investigazzjoni, dawn jappartjenu esklużivament għal dawk li intervjenew b’mod attiv f’din il-proċedura. Konsegwentement, eventwali ksur tagħhom matul l-investigazzjoni, li tipikament ikun ksur tar-rekwiżit tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati ( 31 ), bħad-dritt għal smigħ ( 32 ), jista’ jiġi sostnut biss mill-parti li għandha dan id-dritt jew garanzija ( 33 ).

    61.

    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-aċċess tal-partijiet ikkonċernati għall-informazzjoni dwar l-investigazzjoni antidumping bis-saħħa tal-Artikolu 6(7) u tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku huwa, fi kwalunkwe każ, espliċitament limitat min-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni. Il-prinċipji li jirregolaw id-dritt għall‑informazzjoni tal-persuni kkonċernati għandhom, għalhekk, jiġu kkonċiljati mar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità, u b’mod partikolari mal‑obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li josservaw is-segretezza tal‑kawżi ( 34 ).

    62.

    B’hekk, ir-Regolament bażiku jipprovdi għal ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet, fosthom b’mod partikolari l-Artikolu 19 tar‑Regolament bażiku, li jippermettu l-konċiljazzjoni tar-rekwiżiti marbuta mad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati ma’ dawk marbuta man-neċessità tal-protezzjoni tal‑informazzjoni kunfidenzjali ( 35 ). Barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ konċiljazzjoni bejn dawn ir-rekwiżiti tidher rilevanti b’mod partikolari fil-każijiet li fihom, bħal fir-Regolament ikkontestat, il-valur normali huwa stabbilit bil-metodu tal-pajjiż ta’ riferiment ( 36 ).

    3. Fuq il-motiv ta’ invalidità tar-Regolament ikkontestat imqajjem fit‑tieni parti tat-tieni domanda preliminari

    63.

    Fit-tieni parti tat-tieni domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità tar-Regolament ikkontestat fil-konfront ta’ Donex minħabba l-allegat nuqqas tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jagħtu lill‑produtturi-esportaturi Ċiniżi li kkooperaw fl-investigazzjoni l‑informazzjoni meħtieġa li tippermettilhom iressqu b’mod utli talbiet għal aġġustament tal-valur normali, b’mod partikolari d-data kollha tal‑produttur Indjan użata sabiex jiġi stabbilit dan il-valur.

    64.

    Madankollu, mill-analiżi li saret fil-punti preċedenti ta’ dawn il‑konklużjonijiet jirriżulta li, anki jekk tali nuqqas kellu jiġi kkonstatat fattwalment, dan eventwalment jinkludi ksur tad-drittijiet tad-difiża tal‑produtturi-esportaturi Ċiniżi li jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom matul il-proċedura antidumping li wasslet għall-adozzjoni tar‑Regolament ikkontestat.

    65.

    Peress li, kif jirriżulta mill-paragrafu 60 iktar ’il fuq, tali drittijiet jappartjenu biss għall-persuni kkonċernati li pparteċipaw fil-proċedura antidumping, u peress li huwa stabbilit li Donex ma pparteċipatx f’din il-proċedura, għandu jiġi konkluż li fi kwalunkwe każ Donex ma tistax issostni eventwali ksur bħal dan sabiex tikkontesta l-validità tar-Regolament ikkontestat.

    66.

    Barra minn hekk, peress li, kif osservat quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni mingħajr dan ma ġie kkontestat minn Donex, jekk mhux kollha, almenu parti kbira mill-informazzjoni relatata mal-produttur Indjan użata sabiex jiġi stabbilit il-valur normali kienet ta’ natura kunfidenzjali, l-istituzzjonijiet fi kwalunkwe każ ma setgħux jagħtu l-informazzjoni “kollha” ta’ dan il-produttur, kif indikat mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha.

    67.

    B’mod sussidjarju, nosserva wkoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżistenza ta’ irregolarità fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża tista’ twassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat biss sa fejn teżisti possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti u b’hekk taffettwa konkretament id‑drittijiet tad-difiża tal-parti li ssostni dan il-ksur ( 37 ).

    68.

    Fir-rigward li anki jekk, quod non, jiġi sostnut li importatur jista’ jiġi ssurrogat fil-pożizzjoni tal-produttur-esportatur li mingħandu akkwista l-merkanzija suġġetta għad-dazji u jista’ jsostni eventwali ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li huwa stabbilit li f’dan il-każ, il-produtturi-esportaturi Ċiniżi li mingħandhom Donex akkwistat il‑prodotti inkwisjtoni lanqas kienu pparteċipaw fl-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. Huma għalhekk ma eżerċitawx drittijiet proċedurali li minnhom setgħu eventwalment jibbenefikaw matul tali proċedura.

    69.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari għandha tkun – kif deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza hawn fuq iċċitata Fliesen-Zentrum u mingħajr il-ħtieġa li jiġi kkonstatat fil-fatt jekk, billi ma tawx lill-produtturi-esportaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni informazzjoni suffiċjenti li tippermettilhom iressqu talbiet ta’ aġġustament, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kinux eventwalment kisru jew le d-drittijiet tad-difiża tagħhom – fis-sens li Donex ma tistax, sabiex tikkontesta quddiem il-qorti tar-rinviju l-validità tar-Regolament ikkontestat, tuża ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ terzi, jiġifieri tal‑imsemmija produtturi-esportaturi Ċiniżi, matul proċedura li fiha hija ma pparteċipatx. It-tieni parti tat-tieni domanda preliminari hija, għaldaqstant, inammissibbli.

    IV. Konklużjoni

    70.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod segwenti:

    Importatur tal-Unjoni Ewropea ta’ prodotti suġġetti għal dazji antidumping skont regolament bħar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 tas-26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir‑Repubblika Popolari taċ-Ċina, li ma pparteċipax fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ tali regolament, ma jistax sussegwentement jikkontesta l-validità tagħha quddiem qorti nazzjonali billi jsostni l-ksur ta’ drittijiet tad-difiża ta’ persuni li pparteċipaw fl-imsemmija proċedura. It-tieni parti tat-tieni domanda preliminari hija, għaldaqstant, inammissibbli.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

    ( 2 ) Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 91/2009 tas-26 ta’ Jannar 2009 li jimponi dazju anti‑dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir‑Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2009, L 29, p. 1).

    ( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 91.

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45.

    ( 5 ) ĠU 2006, L 175M, p. 287.

    ( 6 ) ĠU 2007, C 267, p. 31.

    ( 7 ) Premessi 13 u 16 tar-Regolament ikkontestat.

    ( 8 ) Premessi 86 sa 98 tar-Regolament ikkontestat.

    ( 9 ) Tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju. Ara l-premessi 110 u 111 tar-Regolament ikkontestat.

    ( 10 ) Skont l-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni “[l]-ammont tad-dazju proviżjonali kontra l-bejgħ taħt il-prezz ma għandux jaqbeż il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz stabbilit, iżda għandu jkun inqas mill-marġini jekk dazju inqas kien ikun xieraq biex ineħħi l-ħsara lill-industrija [tal-Unjoni].”

    ( 11 ) WT/DS397/AB/R.

    ( 12 ) ĠU 2012, L 275, p. 1.

    ( 13 ) Wara t-tieni lment mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, fit-18 ta’ Jannar 2016, il-Korp tal-Appell tal-WTO ppreżenta rapport, li ġie adottat mid-DSB fit-12 ta’ Frar 2016, li fih ġie ddikjarat li, bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 924/2012, l-Unjoni kienet kisret ukoll il-Ftehim antidumping. F’tali ċirkustanzi, il‑Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/278 tas-26 ta’ Frar 2016 li jħassar id-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l‑importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika tal‑Poplu taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal‑azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU 2016, L 52, p. 24).

    ( 14 ) Ara, reċentement, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2019, Trace Sport (C‑251/18, EU:C:2019:766, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 15 ) Ara l-punt 71 tas-sentenza Fliesen‑Zentrum.

    ( 16 ) Ara l-punt 73 tas-sentenza Fliesen‑Zentrum.

    ( 17 ) Fil-fatt, kif irrilevat fil-punt 15 iktar ’il fuq, mill-premessi 110 u 111 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li, għall-produtturi-esportaturi li ma pparteċipawx fl‑investigazzjoni, il-marġni ta’ dumping ġie stabbilit, abbażi, fost l-oħrajn, tal-ogħla marġni ta’ wieħed mill-produtturi-esportaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni.

    ( 18 ) B’mod partikolari fir-rapport tal-Korp tal-Appell tal-15 ta’ Lulju 2011, imsemmi fil‑punt 17 iktar ’il fuq; ara l-punt 489 ta’ dan ir-rapport.

    ( 19 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 113 sa 120 ta’ tali konklużjonijiet.

    ( 20 ) Ara l-punt 37 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi Changshu u Ningbo. F’dan ir-rigward, ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Huvis vs Il‑Kunsill (T‑221/05, mhux ippubblikata, EU:T:2008:258, punt 73).

    ( 21 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza.

    ( 22 ) Ara r-riferimenti għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq.

    ( 23 ) Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Rusal Armenal (C‑21/14 P, EU:C:2015:494, punt 52), u tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 90). Ara wkoll, reċentement, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Baby Dan (C‑592/17, EU:C:2018:913, punt 72).

    ( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 2016, C & J Clark International (C‑659/13 u C‑34/14, EU:C:2016:74, punt 92), u tal-15 ta’ Novembru 2018, Baby Dan (C‑592/17, EU:C:2018:913, punt 75). Fir-rigward, b’mod speċifiku, tad‑deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tad-DSB, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li operatur ekonomiku jista’ jinvoka quddiem il-qorti tal-Unjoni l-inkompatibbiltà ta’ att tal-Unjoni ma’ deċiżjoni tad-DSB. B’hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, għall-inqas minbarra l-każijiet fejn, wara tali deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet, l-Unjoni riedet tassumi obbligu partikolari, deċiżjoni jew rakkomondazzjoni tad-DSB li tistabbilixxi l-inosservanza tar-regoli tal-WTO ma tistax tiġi sostnuta, bħar-regoli sostantivi li jinsabu fil‑Ftehim WTO, quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex jiġi stabbilit jekk att tal-Unjoni huwiex inkompatibbli mal‑imsemmija rakkomandazzjoni jew deċiżjoni. Ara, f’dan is-sens, il-punt 96 tas‑sentenza hawn fuq iċċitata C & J Clark International, u s‑sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, X u X BV (C‑319/10 u C‑320/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:720, punt 37 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

    ( 25 ) Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Rotho Blaas (C‑207/17, EU:C:2018:840, punt 51).

    ( 26 ) Fir-rigward tal-Artikolu 6(7) tar-Regolament bażiku, ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, CHEMK u KF vs Il-Kunsill (C‑13/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:780, punti 32 et seq.).

    ( 27 ) Skont l-Artikolu 5(10) tar-Regolament bażiku.

    ( 28 ) Dwar il-portata tal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, ara wkoll is-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il-Kunsill (T‑424/13, EU:T:2016:378, punti 99 sa 102).

    ( 29 ) Dwar ir-relazzjoni bejn ir-rikonoxximent ta’ tali drittijiet u garanziji proċedurali fil‑qafas tal-proċedura antidumping u l-possibbiltà li tiġi ppreżentata kawża kontra regolament li jistabbilixxi dazji antidumping, ara, b’riferiment speċifiku għas‑sitwazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-produtturi kkonċernati mill-proċedura inkwistjoni, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Il-Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C‑465/16 P, EU:C:2019:155, punti 97106 sa 108).

    ( 30 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 116 sa 119 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi Changshu u Ningbo.

    ( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 75 sa 87), fir-rigward b’mod speċifiku ta’ aġġustament li sar skont l-Artikolu 2(10) tar‑Regolament bażiku.

    ( 32 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il-Kummissjoni (T‑301/16, EU:T:2019:234, punti 59 sa 77 u l-ġurisprudenza hemm iċċitata).

    ( 33 ) Il-Qorti Ġenerali, fil-ġurisprudenza tagħha, diġà rrikonoxxiet diversi drabi n-natura suġġettiva tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Freistaat Bayern vs Il-Kummissjoni (T‑683/15, EU:T:2018:916, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni (T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 81).

    ( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 1985, Timex vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (264/82, EU:C:1985:119, punt 24). F’dan ir-rigward, ara wkoll is‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill (T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 94). Barra minn hekk, il-Qorti tal‑Ġustizzja rrilevat li l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li josservaw il‑prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni dwar l-impriżi, u b’mod partikolari għal dawk ta’ pajjiżi terzi li ddikjaraw ruħhom disposti sabiex jikkollaboraw fl‑investigazzjoni, ma jistax jiġi interpretat b’mod li d-drittijiet mogħtija lill-partijiet ikkonċernati mir-Regolament bażiku jiġu pprivati mill-kontenut essenzjali tagħhom. Ara, f’dan is-sens, il-punt 29 tas-sentenza hawn fuq iċċitata Timex vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni.

    ( 35 ) B’mod partikolari, l-Artikolu 6(7), l-Artikolu 19(2) sa (4) u l-Artikolu 20(4) tar‑Regolament bażiku. Ara, f’iktar dettall, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il-Kunsill (T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 105).

    ( 36 ) Kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-punt 113 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi Changshu u Ningbo, ir-rekwiżit li jippermetti lill-partijiet li jressqu talba għal aġġustament bis-saħħa tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku li jingħataw informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jimmotivaw il-fondatezza tat-talba tagħhom huwa kontrobilanċjat mir-rekwiżit tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal‑informazzjoni tal-impriżi tal-pajjiż ta’ riferiment li jaċċettaw li jikkooperaw mal‑istituzzjonijiet fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping li, fil-każijiet fejn jiġi applikat il-metodu tal-pajjiż ta’ riferiment, jifformaw is-sors fundamentali tad-data li fuqha, b’mod ġenerali, l-istituzzjonijiet jibbażaw ruħhom. Jekk ma jiġix ikkunsidrat tali rekwiżit ikun hemm ir-riskju, fil-fatt, li tiġi kompromessa b’mod serju l-possibbiltà li ssir tali investigazzjoni.

    ( 37 ) Madankollu, din il-parti ma tistax tiġi obbligata tipproduċi l-prova li d-deċiżjoni kienet tkun differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex eskluża totalment peress li din il-parti kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar li kieku ma kienx hemm l-irregolarità proċedurali. Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP (C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punti 7879).

    Top