Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0448

    Kawża T-448/18: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2018 – Ryanair et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 319, 10.9.2018, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 319/24


    Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2018 – Ryanair et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-448/18)

    (2018/C 319/29)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda), Airport Marketing Services Ltd (Dublin, l-Irlanda) u FR Financing (Malta) Ltd (Douglas, il-Gżira ta’ Man) (rappreżentanti: E. Vahida u I. Metaxas-Maranghidis, avukati, u B. Byrne, solicitor)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-Artikoli 5 u 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2018/628 tal-11 ta’ Novembru 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.24221(2011/C) (ex 2011/NN) implimentata mill-Awstrija għall-ajruport ta’ Klagenfurt, għal Ryanair u linji tal-ajru oħrajn li jużaw l-ajruport (ĠU 2018, L 107, p. 1), u l-Artikoli 9, 10 u 11 tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (1) u tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2) u tonqos milli tagħti raġunijiet għalfejn il-perijodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin kien japplika għal żewġ ftehimiet mill-2002 li madankollu kienu indirizzati fid-Deċiżjoni.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni naqset milli tippermetti lir-rikorrenti l-aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni u li tqiegħdhom f’pożizzjoni fejn setgħu effettivament jgħarrfu l-fehmiet tagħhom.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE peress li l-Kummissjoni b’mod żbaljat attribwiet il-konklużjoni tal-ftehim mal-applikanti lill-Istat.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi selettività.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-arranġamenti bejn l-ajruport u r-rikorrenti taw vantaġġ lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat il-possibbiltà li parti mis-servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni setgħu inxtraw għal skopijiet ta’ interess ġenerali, irrifjutat b’mod żbaljat li taċċetta l-analiżi komparattiva proposta mir-rikorrenti, wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u naqset milli tiddikjara r-raġunijiet tagħha fl-analiżi tal-profittabbiltà, peress li bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq data mhux kompluta, mhux affidabbli u mhux xierqa; hija naqset ukoll milli tattribwixxi valur xieraq għas-servizzi pprovduti taħt il-ftehimiet tas-servizzi tal-kummerċjalizzazzjoni, ċaħdet b’mod żbaljat ir-raġuni wara d-deċiżjoni tal-ajruport li tixtri servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni u b’mod żbaljat ma kkunsidratx il-benefiċċji usa tal-operazzjonijiet ta’ Ryanair għall-ajruport.

    6.

    Is-sitt motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq ksur tal-Artikoli 107(1) u 108(2) TFUE peress li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi meta stabbilixxiet l-ammont tal-għajnuna li tista’ tiġi rkuprata, fl-istruzzjonijiet tagħha lill-Istat Membru li jimplikaw li l-aġġustament tal-ammont tal-għajnuna li tista’ tiġi rkuprata huwa fakultattiv, u minħabba f’kontradizzjoni bejn ir-raġunijiet tad-Deċiżjoni kkontestata u d-dispożittiv tagħha.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).


    Top