EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0420

Kawża T-420/18: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2018 – JPMorgan Chase et vs Il-Kummissjoni

ĠU C 341, 24.9.2018, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/18


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2018 – JPMorgan Chase et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-420/18)

(2018/C 341/30)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: JPMorgan Chase & Co. (New York, New York, l-Istati Uniti), JPMorgan Chase Bank, National Association (Columbus, Ohio, l-Istati Uniti), J.P. Morgan Services LLP (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: M. Lester QC, D. Piccinin u D. Heaton, Barristers, N. French, B. Tormey, N. Frey u D. Das, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, bil-konsegwenza li ebda verżjoni tad-deċiżjoni ta’ ksur ma tista’ tiġi ppubblikata qabel mal-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors għall-annullament tal-ksur;

sussidjarjament, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkonstestata, filwaqt li żżomm ir-reviżjonijiet miċħuda mill-Kummissjoni Ewropea kif sostnut fil-motivi 2 sa 4; u

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2745 final tas-27 ta’ April 2018 dwar oġġezzjonijiet għall-iżvelar ta’ informazzjoni permezz ta’ pubblikazzjoni sottomessi mir-rikorrenti skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/EU tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011 L 275, p. 29) dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (Każ AT.39914 — Euro Interest Rate Derivatives (EIRD).

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

1.

L-ewwel motivi ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza billi ċaħdet it-talba tar-rikorrenti sabiex tiġi posposta l-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ksur”) (1) sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ksur. Id-deċiżjoni ta’ ksur innifisha ttieħedet bi ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif tistabbilixxi s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il-Kummissjoni (T-180/15, EU:T:2017:795, punti 253 sa 269). Għaldaqstant, ir-rikorrenti jkunu fl-istess pożizzjoni ta’ persuna mhux destinatarja u għaldaqstant ma jibbenfikawx mill-garanziji kollha li s-soltu jingħataw għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fl-ambitu normali tal-proċeduri li jirriżultaw f’deċiżjoni dwar il-mertu tal-każ. Ir-rikorrenti jsostnu li dan jipprevjeni kwalunkwe pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ksur sakemm il-Qorti Ġenerali tkun ikkompletat l-istħarriġ tagħha tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li permezz tal-uffiċjal tas-seduta, il-Kummmissjoni marret lil hinn mis-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/EU (iktar ’il quddiem il-“mandat tal-uffiċjal tas-seduta”) (2) billi ppretendiet li tannulla deċiżjoni tal-DĠ Kompetizzjoni li parti mid-deċiżjoni ta’ ksur ma tiġix ippubblikata (u billi bbażat ruħha fuq dik id-deċiżjoni illegali sabiex tirrifjuta li tipprevjeni l-pubblikazzjoni ta’ partijiet analogi tad-deċiżjoni ta’ ksur). Il-Kummissjoni, meta taġixxi permezz tal-uffiċjal tas-seduta, ma jkollhiex is-setgħa tagħmel dan (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Pilkington Groups v Il-Kummissjoni, T-462/12, EU:T:2015:508, punt 31).

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-ilmenti tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 8(2) tal-mandat tal-uffiċjal tas-seduta u b’hekk naqqset milli tosserva s-sigriet professjonali kif mitlub taħt dik id-dispożizzjoni, l-Artikolu 339 TFEU u l-Artikolu 28 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (3). Il-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat li l-materjal ikkontestat ma kienx jissodisfa l-kriterju sabiex l-informazzjoni tkun koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Bank Austria Creditansalt vs Il-Kummissjoni, T-198/03, EU:T:2006:136) u għal raġunijiet oħrajn.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-identità tal-individwi fir-rigward tal-ex impjegat tar-rikorrenti u persuni fil-maniġment tar-rikorrenti, inkluż id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata protett mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni proponiet li tiġi ppubblikata informazzjoni li tiżvela jew tista’ tiżvela l-identità ta’ dak l-ex impjegat u l-allegat stat mentali tal-impjegati tar-rikorrenti f’dak iż-żmien.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 8530 final tas-7 ta’ Diċembru 2016 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

(2)  Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU 2011, L 275, p. 29).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


Top