Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0417

    Kawża T-417/18: Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2018 – CdT vs EUIPO

    ĠU C 341, 24.9.2018, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 341/17


    Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2018 – CdT vs EUIPO

    (Kawża T-417/18)

    (2018/C 341/29)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrent: Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Rikkert, u M. Garnier, aġenti)

    Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tas-26 ta’ April 2018 li xxolji l-arranġament konkluż maċ-Ċentru;

    tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tas-26 ta’ April 2018 li biha jassumi d-dritt ta’ implimentazzjoni tal-miżuri preliminari kollha neċessarji sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi ta’ traduzzjoni tiegħu, b’mod partikolari bil-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal offerti;

    tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju li jippubblika sejħa għal offerti għas-servizzi ta’ traduzzjoni, taħt ir-referenza f’Il-Ġurnal Uffiċċjali 2018/S 114-258472, u tipprojbixxi lill-Uffiċċju milli jiffirma kuntratti taħt din is-sejħa għal offerti;

    tiddikjara illegali l-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal offerti għas-servizzi ta’ traduzzjoni minn aġenzija jew kwalunkwe korp jew organu tal-UE li r-regolament ta’ stabbiliment tiegħu jipprevedi li s-servizzi ta’ traduzzjoni għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru;

    tikkundanna lill-Uffiċċju għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura. Ir-rikorrent iqis li, minn naħa, fl-eventwalità ta’ diffikultajiet bejn iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni u l-klijenti tiegħu, il-modalitajiet tal-Artikolu 11 tar-regolament ta’ stabbiliment taċ-Ċentru għandhom ikunu applikabbli, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) tas-26 ta’ April 2018 li biha jassumi d-dritt ta’ implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-provvista tas-servizzi ta’ traduzzjoni tikser l-Artikolu 11 tar-regolament ta’ stabbiliment taċ-Ċentru peress li hija ma tosservax il-proċedura ta’ medjazzjoni prevista f’dan l-artikolu fil-każ ta’ diffikultà bejn iż-żewġ aġenziji.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ previżjoni tal-Uffiċċju. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jikkunsidra li:

    l-ewwel nett, is-sitwazzjoni li fiha jqiegħed ruħu l-Uffiċċju tikser l-Artikolu 148 tar-regolament ta’ stabbiliment tal-Uffiċċju u l-Artikolu 2 tar-regolament ta’ stabbiliment taċ-Ċentru, peress li hija tista’ twassal għall-assenza ta’ arranġament validu mill-1 ta’ Jannar 2019;

    it-tieni nett, il-qari fl-intier tiegħu tal-Artikolu 2 tar-regolament ta’ stabbiliment taċ-Ċentru jippreżenta d-diversi tipi ta’ klijenti taċ-Ċentru u jindika b’mod espliċitu, fil-paragrafu 1, seba’ aġenziji, korpi u uffiċċji, inkluż l-Uffiċċju, li lilhom iċ-Ċentru jipprovdi s-servizzi ta’ traduzzjoni neċessarji għall-funzjonament tagħhom. Barra minn hekk, huma wkoll imsemmija, fil-paragrafu 3, istituzzjonijiet u korpi, li għandhom servizzi ta’ traduzzjoni, li jistgħu possibbilment, fuq bażi volontarja, jitolbu s-servizzi taċ-Ċentru;

    it-tielet nett, il-qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ paragrafi jwassal għall-konklużjoni li l-aġenziji elenkati fil-paragrafu 1 ma jgawdux mill-benefiċċju li jiddeċiedu, fuq bażi volontarja, jekk jirrikorrux għaċ-Ċentru jew le, u konsegwentement jistgħu jiddeċiedu li jxolju l-arranġament li jorbothom maċ-Ċentru biss fil-każ fejn ikun ser jidħol fis-seħħ arranġament ieħor sussegwentement.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Uffiċċju li jippubblika sejħa għal offerti għal servizzi ta’ traduzzjoni. Bla ħsara għar-riżultat tal-evalwazzjoni tas-sejħa għal offerti ppubblikata mill-Uffiċċju, ir-rikorrent isostni li dan tal-aħħar iqiegħed ruħu, mid-deċiżjoni ta’ tnehid tas-sejħa għal offerti, f’sitwazzjoni fejn huwa ma għadux jista’ josserva l-Artikoli 148 u 2 tar-regolamenti ta’ stabbiliment tal-Uffiċċju u taċ-Ċentru, rispettivament. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li, f’dan il-każ, l-iffirmar tal-kuntratti u x-xiri tas-servizzi ta’ traduzzjoni jikkostitwixxu ksur ċar tal-fuq imsemmi Artikolu 148 u, konsegwentement, b’mod konkret, l-Uffiċċju ma jistax legalment ikompli din il-proċedura sal-eżitu regolari tagħha, li jkun l-iffirmar tal-kuntratti.


    Top