Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0225

    Kawża T-225/18: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2018 – Manéa vs CdT

    ĠU C 221, 25.6.2018, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    201806080301931522018/C 221/372252018TC22120180625MT01MTINFO_JUDICIAL20180401313221

    Kawża T-225/18: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2018 – Manéa vs CdT

    Top

    C2212018MT3110120180401MT0037311322

    Rikors ippreżentat fl-1 ta’ April 2018 – Manéa vs CdT

    (Kawża T-225/18)

    2018/C 221/37Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Camelia Manéa (Echternach, il-Lussemburgu) (rappreżentant: M.-A. Lucas, avukat)

    Konvenut: Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT)

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tad-29 ta’ Mejju 2017 tad-Direttriċi taċ-Ċentru tat- Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea li ma ġġeddidx, b’effett mit-12 ta’ Novembru 2015, il-kuntratt ta’ reklutaġġ għal żmien determinat tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal temporanju, li għaldaqstant intemm effettivament fil-31 ta’ Jannar 2016;

    tordna r-reintegrazzjoni tar-rikorrenti bħala membru tal-persunal temporanju taċ-Ċentru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2019 jew, jekk dan ma huwiex possibbli, tikkundanna lill-konvenut iħallasha kumpens għad-dannu materjali u morali li rriżultalha mit-telf ta’ reklutaġġ għal żmien indeterminat, somma li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni li hija kienet tirċievi li kieku hija baqgħet fis-servizz taċ-Ċentru għal erba’ snin, imnaqqsa jekk ikun il-każ b’ remunerazzjonijiet jew kumpens li hija tista’ tirċievi barra minn hekk, u sabiex tħallas lis-sistema komunitarja tal-pensjonijiet il-kontribuzzjonijiet korrispondenti;

    tikkundanna liċ-Ċentru tat-Traduzzjoni jħallasha bħala kumpens għad-danni morali u materjali li rriżultawlha mid-deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2015 is-somma ta’ EUR 11136 bħala dannu morali tagħha, is-somma ta’ EUR 12000 bħala t-telf ta’ remunerazzjoni tagħha, u s-somma ta’ EUR 9674 rappreżentanti l-ispejjeż ta’ assistenza tagħha;

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li r-rikorrenti terġa’ titpoġġa fis-sitwazzjoni legali eżistenti qabel l-att irtirat, fuq żbalji ta’ fatt, fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, u fuq il-ksur tal-interess tas-servizz, sa fejn id-deċiżjoni l-ġdida ta’ nuqqas ta’ reklutaġġ mill-ġdid tar-rikorrenti sa mill-31 ta’ Jannar 2016 kienet ibbażata fuq elementi li, kuntrarjament għal dak li hija qieset, ma kinux jeżistu meta qamet il-kwistjoni tar-reklutaġġ mill-ġdid tagħha f’Novembru 2015.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tal-politika tal-persunal iddefinita mill-Kunsill ta’ Amministrazzjoni, sa fejn ġie meqjus fid-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ reklutaġġ mill-ġdid li kien fl-interess tas-servizz li tiġi implementata politika ta’ sostituzzjoni tal-membri tal-persunal temporanji b’membri tal-persunal bil-kuntratt. Fit-tieni lok, dan il-motiv huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni sa fejn ġie meqjus li s-sostituzzjoni tar-rikorrenti minn membru tal-persunal bil-kuntratt kienet iġġustifikata bir-riorganizzazzjoni tad-Dipartiment ta’ Appoġġ għat-Traduzzjoni, u, fit-tielet lok, fuq żball ta’ fatt sa fejn ġie meqjus li dan kien il-każ.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u/jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, sa fejn ġie deċiż, retroattivament u għar-raġuni unika tal-interess tas-servizz, li r-rikorrenti ma tiġix irreklutata mill-ġdid minflok tiġi kkumpensata, filwaqt li, skont hi, il-modifika tad-deċiżjoni rtirata kienet impossibbli jew partikolarment diffiċli. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma hijiex neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-miżura, ma tikkostitwixxix rieżami komplet taċ-ċirkustanzi tal-każ, tmur kontra l-aspettattivi leġittimi u ma tissodisfax l-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni li jirriżultaw minn irregolaritajiet oħrajn li d-deċiżjoni inizjali kienet ivvizzjata bihom.

    Top