EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CO0425

Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2019.
Consorzio Nazionale Servizi Società Cooperativa (CNS) vs Gruppo Torinese Trasporti Gtt SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Piemonte.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Għoti ta’ kuntratti fis-settur tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali – Direttiva 2004/18/KE – Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) – Raġunijiet għal esklużjoni – Kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità – Ksur tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni.
Kawża C-425/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:476

 DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

4 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Għoti ta’ kuntratti fis-settur tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tas-servizzi postali – Direttiva 2004/18/KE – Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) – Raġunijiet għal esklużjoni – Kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità – Ksur tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni”

Fil-Kawża C‑425/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

Consorzio Nazionale Servizi Società Cooperativa (CNS)

vs

Gruppo Torinese Trasporti GTT SpA,

fil-preżenza ta’:

Consorzio Stabile Gestione Integrata Servizi Aziendali GISA,

La Lucente SpA,

Dussmann Service Srl,

So.Co.Fat. SC,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Consorzio Nazionale Servizi Società Cooperativa (CNS), minn F. Cintioli, G. Notarnicola, E. Perrettini u A. Police, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, P. Ondrůšek u L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tittieħed deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53(3) u tal-Artikolu 54(4) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti [proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti] ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 19) kif ukoll tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Consorzio Nazionale Servizi Società Cooperativa (“CNS”) u Gruppo Torinese Trasporti GTT SpA (iktar ’il quddiem “GTT”) u intiża, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tirtira fir-rigward tiegħu l-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/17

3

Il-paragrafu (3) tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2004/17, bit-titolu “Sistemi ta’ kwalifika”, u l-paragrafu (4) tal-Artikolu 54 ta’ din id-direttiva, iddedikat għall-“[k]riterji għal għażla kwalitattiva”, jipprevedu li, minn naħa, il-kriterji u r-regoli ta’ kwalifika u, min-naħa l-oħra, il-kriterji ta’ għażla kwalitattiva “jistgħu jinkludu l-kriterji ta’ esklużjoni mniżżla f’lista fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18/KE dwar it[fit]-termini u l-kondizzjonijiet dikjarati fiha”.

Id-Direttiva 2004/18

4

Bit-titolu “Sitwazzjoni personali tal-kandidat jew ta’ min jixħet l-offerta”, l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18 jinsab f’taqsima ddedikata għall-“[k]riterji għal għażla kwalitattiva” u jipprovdi:

“[…]

2.   Kull operatur ekonomiku jista’ jkun eskluż minn parteċipazzjoni f’kuntratt fejn dak l-operatur eknomiku:

[…]

(d)

kien misjub ħati ta’ kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità ippruvata bi kull mezz li l-awtoritajiet kontrattwanti jistgħu juru;

[…]

Stati Membri għandhom jispeċifikaw, skond il-liġi nazzjonali tagħhom u b’rigward għal-liġi tal-Kommunità, il-kondizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal dan il-paragrafu.

[…]”

Id-dritt Taljan

5

Id-decreto legislativo n. 163 - Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 163, li Jistabbilixxi Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti, b’Applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat‑12 ta’ April 2006 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 100, tat‑2 ta’ Mejju 2006, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi”), kien ittraspona d-Direttivi 2004/17 u 2004/18 fid-dritt Taljan.

6

L-Artikolu 38 tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, bit-titolu “Kundizzjonijiet ġenerali”, kien jelenka, fil-paragrafu (1) tiegħu, ir-raġunijiet għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku milli jipparteċipa f’kuntratt pubbliku:

“1.   Il-persuni li ġejjin għandhom jiġu esklużi milli jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ konċessjonijiet u ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi, u ma jistgħux jingħataw kuntratti ta’ subappalt jew jikkonkludu kuntratti relatati:

[…]

(f)

kull persuna li, skont l-evalwazzjoni motivata tal-awtorità kontraenti, hija ħatja ta’ negliġenza ta’ ċerta gravità jew ta’ mala fide fit-twettiq tas-servizzi mogħtija lilha mill-awtorità kontraenti li ppubblikat l-avviż ta’ kuntratt, jew li, fil-qasam professjonali, hija ħatja ta’ kondotta ħażina ta’ ċerta gravità kkonstatata permezz ta’ kull mezz ta’ prova li l-awtorità kontraenti tista’ tiġġustifika;

[…]”

7

L-Artikolu 230(1) ta’ dan il-kodiċi kien jipprovdi:

“L-entitajiet kontraenti għandhom japplikaw l-Artikolu 38 sabiex jivverifikaw li l-kandidati jew l-offerenti jkunu osservaw il-kundizzjonijiet ġenerali.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

GTT hija kumpannija li twettaq servizzi fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija urbana, bit-tramm, bit-trolleybus u bix-xarabank.

9

Permezz ta’ avviż mibgħut għall-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑30 ta’ Lulju 2015 u ittra ta’ stedina tas‑27 ta’ Novembru 2015, GTT bdiet, skont id-Direttiva 2004/17, proċedura ristretta bil-għan tal-għoti tas-servizz ta’ tindif tal-vetturi, tal-bini u tal-postijiet, tas-servizz ta’ ċaqliq tal-vetturi minn post għall-ieħor u ta’ għoti ta’ fjuwil lill-vetturi u ta’ servizzi anċillari fis-siti tal-awtorità kontraenti.

10

GTT indikat li l-valur totali ta’ dan il-kuntratt, li kien jinkludi sitt lottijiet, kien ta’ EUR 29434 319.39 bl-esklużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), fejn il-valur ta’ kull lott kien ta’ bejn EUR 4249 999.10 u EUR 6278 734.70.

11

Wara li tat tlieta minn dawn il-lottijiet lil CNS, GTT irtirat din l-aġġudikazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). Għal dan il-għan, hija bbażat ruħha fuq deċiżjoni tal-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità li Tiggarantixxi l-Kompetizzjoni u tas-Suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) tat‑22 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-AGCM”), li timponi fir-rigward ta’ CNS multa ta’ EUR 56190090 talli pparteċipat f’akkordju orizzontali li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, bil-għan li tinfluwenza r-riżultat ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt mibdija minn amministrazzjoni oħra.

12

Fid-deċiżjoni kontenzjuża, ġie wkoll irrilevat li d-deċiżjoni tal-AGCM kienet diġà ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kienet kisbet l-awtorità ta’ res judicata. Id-deċiżjoni kontenzjuża hija bbażata, barra minn hekk, fuq żewġ sentenzi tad‑29 ta’ Marzu u tat‑3 ta’ April 2017, li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju kienet iddeċidiet li akkordju li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, implimentat mill-operatur ikkonċernat fi proċedura oħra ta’ għoti ta’ kuntratt u kkonstatat fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, jikkostitwixxi kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità, fis-sens tal-Artikolu 38(1)(f) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi u tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18. CNS hija wkoll ikkritikata, minn naħa, li ma indikatx, fil-fajl tagħha ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ikkonċernata, li hija kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ sanzjoni pendenti quddiem l-AGCM u, min-naħa l-oħra, li hija kienet adottat miżuri ta’ tqegħid f’konformità biss matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, b’tali mod li r-raġuni għal esklużjoni kienet għada tissussisti meta din il-proċedura nbdiet.

13

Konsegwentement, GTT qieset li l-aġir issanzjonat mill-AGCM kien ta’ natura li jikser ir-relazzjoni ta’ fiduċja mal-awtorità kontraenti.

14

Permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji tal‑11 ta’ Ottubru 2017, il-qorti tar-rinviju ċaħdet it-talba għal miżuri provviżorji mressqa minn CNS.

15

Kemm dan id-digriet għal miżuri provviżorji kif ukoll is-sentenzi mogħtija minn din il-qorti fid‑29 ta’ Marzu u fit‑3 ta’ April 2017 ġew irriformati mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), rispettivament permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, kif ukoll permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal‑4 ta’ Diċembru 2017 u tal‑5 ta’ Frar 2018. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, minn dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta li l-aġir li jikkostitwixxi ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni ma jistax jiġi kklassifikat bħala “kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 38(1)(f) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi u li jistgħu jiġu kklassifikati b’dan il-mod biss “in-nuqqasijiet u n-negliġenzi mwettqa fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku”. Għalhekk, għandhom jiġu esklużi “l-fatti, anki jekk illegali, li seħħew matul il-proċedura ta’ għoti li ppreċedewh”. Din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq il-ħtiġijiet ta’ ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi. Skont il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), din l-interpretazzjoni hija kompatibbli mas-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Generali–Providencia Biztosító (C‑470/13, EU:C:2014:2469), li minnha sempliċement jirriżulta li regola nazzjonali li tikklassifika espressament bħala “kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità” ksur fil-qasam tal-kompetizzjoni ma tiksirx id-dritt tal-Unjoni, u mhux li d-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li dan il-ksur jiġi inkluż fil-kunċett ta’ “kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità”. Minn dan isegwi li, fid-dritt Taljan, it-twettiq ta’ tali ksur huwa kompletament irrilevanti fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi rregolati mill-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi.

16

CNS tibbaża ruħha fuq dawn it-tliet deċiżjonijiet tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) insostenn tar-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

17

Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 33), il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li peress li r-Repubblika Taljana kienet użat il-possibbiltà, irrikonoxxuta lill-Istati Membri fl-Artikolu 54(4) tad-Direttiva 2004/17, li tinkludi, fil-kriterji ta’ għażla kwalitattiva tal-operaturi fis-setturi speċjali, il-kriterji ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2004/18, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ din id-dispożizzjoni hija rilevanti fil-kawża prinċipali, minkejja li din tirrigwarda proċedura ristretta li taqa’ taħt id-Direttiva 2004/17.

18

Issa, fis-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 27), u tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Generali‑Providencia Biztosító (C‑470/13, EU:C:2014:2469, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ppreċiżat li l-kunċett ta’ “kondotta professjonali ħażina” ikopri kull aġir ħażin li għandu effett fuq il-kredibbiltà professjonali tal-operatur inkwistjoni u li t-twettiq ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta dan il-ksur kien ġie ssanzjonat permezz ta’ multa, jikkostitwixxi raġuni għal esklużjoni li taqa’ taħt il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18.

19

Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tiddeduċi mill-ipparagunar tas-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 2006, La Cascina et (C‑226/04 u C‑228/04, EU:C:2006:94, punt 23), kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 25), li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali mnaqqsa fir-rigward tar-raġunijiet fakultattivi għal esklużjoni li ma jirreferux għal-leġiżlazzjonijiet u għar-regolamenti nazzjonali sabiex jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom.

20

Peress li madankollu kienet tqis li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mar-raġunijiet għal esklużjoni msejħa “fakultattivi”, stabbilita abbażi tad-Direttivi tal-Kunsill 92/50/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322) u 2004/18, ma hijiex ċara fl-interpretazzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki f’dan ir-rigward.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Piemonte, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 53(3) u tal-Artikolu 54(4) tad-Direttiva [2004/17], minn naħa, u [tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2)] tad-Direttiva [2004/18], min-naħa l-oħra, jipprekludu dispożizzjoni bħall-Artikolu 38(1)(f) ta[l-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi], kif huwa interpretat mill-ġurisprudenza nazzjonali, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità” mwettqa minn operatur ekonomiku l-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ikkonstatat u ssanzjonat mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni b’deċiżjoni kkonfermata mill-qrati, li a priori jipprevjeni lill-awtoritajiet kontraenti milli jevalwaw b’mod awtonomu tali ksur sabiex eventwalment jeskludu, iżda mhux obbligatorjament, dan l-operatur ekonomiku minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda magħmula b’mod preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli spazju għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

23

Hemm lok li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

24

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 38(1)(f) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, li hija interpretata bħala li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-“kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità” imwettqa minn operatur ekonomiku l-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ikkonstatat u ssanzjonat mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni permezz ta’ deċiżjoni kkonfermata minn qorti, u li timpedixxi lill-awtoritajiet kontraenti milli jevalwaw b’mod awtonomu tali ksur sabiex eventwalment jeskludu lil dan l-operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

25

Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 ma jipprevedix uniformità ta’ applikazzjoni, fuq il-livell nazzjonali, tar-raġunijiet għal esklużjoni indikati fih, sa fejn l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li ma japplikaw b’ebda mod dawn ir-raġunijiet għal esklużjoni, jew inkella li jintegrawhom fil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’livell ta’ rigorożità li jista’ jvarja każ b’każ, skont kunsiderazzjonijiet legali, ekonomiċi jew soċjali li jipprevalu fuq livell nazzjonali. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jirrendu l-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni inqas onerużi jew iktar flessibbli (sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2014, Consorzio Stabile Libor Lavori Pubblici, C‑358/12, EU:C:2014:2063, punt 36, u tal‑14 ta’ Diċembru 2016, Connexxion Taxi Services, C‑171/15, EU:C:2016:948, punt 29).

26

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, bid-differenza għal dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-raġunijiet għal esklużjoni previsti fil-punti (a), (b), (e) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2), ma jirreferix għal-leġiżlazzjonijiet u għar-regolamenti nazzjonali, iżda li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(2) jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw, skont id-dritt nazzjonali tagħhom u b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 25).

27

Għaldaqstant mill-ġurisprudenza jirriżulta li, hekk kif barra minn hekk osservat il-qorti tar-rinviju, meta raġuni fakultattiva għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18, bħal dik inkluża fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2), ma tirreferix għad-dritt nazzjonali, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri hija iktar stretta. F’tali każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-portata ta’ tali raġuni fakultattiva għal esklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, EU:C:2012:801, punti 25 sa 31, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Generali‑Providencia Biztosító, C‑470/13, EU:C:2014:2469, punt 35).

28

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità” li jinsab fl-imsemmi punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) jista’ jiġi ppreċiżat u ċċarat mid-dritt nazzjonali, b’osservanza, madankollu, tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 26).

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “kondotta professjonali ħażina” ikopri kull aġir ħażin li għandu effett fuq il-kredibbiltà professjonali tal-operatur ekonomiku inkwistjoni (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 27), l-integrità tiegħu jew l-affidabbiltà tiegħu.

30

Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “kondotta professjonali ħażina”, li huwa s-suġġett ta’ interpretazzjoni wiesgħa, ma jistax ikun limitat biss għan-nuqqasijiet u għan-negliġenzi mwettqa fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt pubbliku.

31

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “kondotta ħażina ta’ ċerta gravità” għandu jinftiehem bħala li jirreferi normalment għal aġir tal-operatur ekonomiku inkwistjoni, li jindika intenzjoni ħażina jew negliġenza ta’ ċerta gravità min-naħa tiegħu (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 30).

32

Fl-aħħar nett, il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 jawtorizza lill-awtoritajiet kontraenti jikkonstataw kondotta professjonali ħażina permezz ta’ kull mezz li huma jkunu jistgħu jiġġustifikaw. Peress li l-konstatazzjoni ta’ tali kondotta ħażina ma teħtieġx sentenza li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact, C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 28), id-deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tistabbilixxi li operatur naqas milli josserva r-regoli tal-kompetizzjoni tista’ ċertament tikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ kondota ħażina ta’ ċerta gravità mwettqa minn dan l-operatur.

33

Hija għal din ir-raġuni li t-twettiq ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta dan il-ksur kien ġie ssanzjonat permezz ta’ multa, jikkostitwixxi raġuni għal esklużjoni li taqa’ taħt il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Generali‑Providencia Biztosító, C‑470/13, EU:C:2014:2469, punt 35).

34

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma tistax twassal għal esklużjoni awtomatika ta’ operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “kondotta ħażina ta’ ċerta gravità” teħtieġ, bħala prinċipju, li titwettaq evalwazzjoni konkreta u individwali tal-attitudni tal-operatur ekonomiku kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 31).

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija interpretata bħala li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-“kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità” imwettqa minn operatur ekonomiku l-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ikkonstatat u ssanzjonat mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni permezz ta’ deċiżjoni kkonfermata minn qorti, u li timpedixxi lill-awtoritajiet kontraenti milli jevalwaw b’mod awtonomu tali ksur sabiex eventwalment jeskludu lil dan l-operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija interpretata bħala li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-“kondotta professjonali ħażina ta’ ċerta gravità” imwettqa minn operatur ekonomiku l-aġir li jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ikkonstatat u ssanzjonat mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni permezz ta’ deċiżjoni kkonfermata minn qorti, u li timpedixxi lill-awtoritajiet kontraenti milli jevalwaw b’mod awtonomu tali ksur sabiex eventwalment jeskludu lil dan l-operatur ekonomiku minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top