Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CO0424

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-20 ta’ Ġunju 2019.
    Italy Emergenza Cooperativa Sociale u Associazione Volontaria di Pubblica Assistenza "Croce Verde" vs Ulss 5 Polesana Rovigo u Regione del Veneto.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti, għal xogħlijiet u għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 10(h) – Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ servizzi – Servizzi għat-trasport ta’ pazjenti bl-ambulanza – Kunċett.
    Kawża C-424/18.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:528

     DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

    20 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti, għal xogħlijiet u għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 10(h) – Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ servizzi – Servizzi għat-trasport ta’ pazjenti bl-ambulanza – Kunċett”

    Fil-Kawża C‑424/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Veneto, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

    Italy Emergenza Cooperativa Sociale,

    Associazione Volontaria di Pubblica Assistenza “Croce Verde”

    vs

    Ulss 5 Polesana Rovigo,

    Regione del Veneto,

    fil-preżenza ta’:

    Regione del Veneto,

    Croce Verde Adria,

    Italy Emergenza Cooperativa Sociale,

    Associazione Nazionale Pubbliche Assistenze (Organizzazione nazionale di volontariato) – ANPAS ODV,

    Associazione Nazionale Pubblica Assistenza (ANPAS) – Comitato regionale Liguria,

    Confederazione Nazionale delle Misericordie d’Italia,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

    komposta minn K. Jürimäe, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Italy Emergenza Cooperativa Sociale, minn R. Speranzoni u S. Betti, avvocati,

    għal Associazione Volontaria di Pubblica Assistenza “Croce Verde”, minn V. Migliorini u C. Tamburini, avvocati,

    għal Regione del Veneto, minn E. Zanon, C. Zampieri u C. Drago, avvocati,

    għal Croce Verde Adria, minn C. Tamburini, avvocato,

    għal Associazione Nazionale Pubbliche Assistenze (Organizzazione nazionale di volontariato) – ANPAS ODV, minn V. Migliorini u C. Tamburini, avvocati,

    għal Associazione Nazionale Pubblica Assistenza (ANPAS) – Comitato regionale Liguria, minn R. Damonte, avvocato,

    għal Confederazione Nazionale delle Misericordie d’Italia, minn P. Sanchini, F. Sanchini u C. Sanchini, avvocati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Sclafani, avvocato dello Stato,

    għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u J. Möller, sussegwentement minn J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Irlanda, minn M. Browne u G. Hodge, kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn C. Donnelly, BL,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u P. Ondrůšek kif ukoll minn L. Haasbeek, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet rispettivament bejn, minn naħa, Italy Emergenza Cooperativa Sociale (iktar ’il quddiem “Italy Emergenza”) u l-Associazione Volontaria di Pubblica Assistenza “Croce Verde” (iktar ’il quddiem “Croce Verde”), u, min-naħa l-oħra, Ulss 5 Polesana Rovigo (l-Unità lokali soċjali u tas-saħħa Nru 5 tal-Polesana f’Rovigo, l-Italja, iktar ’il quddiem “Ulss 5 Polesana”) u Regione del Veneto (ir-Reġjun tal-Veneto, l-Italja) dwar l-għoti dirett minn Ulss 5 Polesana tal-kuntratt għas-servizzi tat-trasport bl-ambulanza.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24 tiddikjara:

    “Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal ċerti servizzi ta’ emerġenza fejn dawn jitwettqu minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, minħabba li n-natura partikolari ta’ dawk l-organizzazzjonijiet hija diffiċli biex tiġi ppreservata jekk il-fornituri tas-servizzi jkollhom jintgħażlu skont il-proċeduri stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, l-esklużjoni m’għandhiex tiġi estiża lil hinn minn dak li hu strettament meħtieġ. Għalhekk għandu jiġi stabbilit b’mod espliċitu li s-servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi m’għandhomx jiġu esklużi. F’dak il-kuntest huwa aktar meħtieġ li jiġi ċċarat li l-Grupp CPV [Common Procurement Vocabulary (vokabolarju komuni għall-kuntratti pubbliċi)] 601 “Servizzi tat-Trasport bl-Art” ma jkoprix is-servizzi tal-ambulanzi, li jinsab fil-klassi CPV 8514. Għandu għalhekk jiġi ċċarat li servizzi, li huma koperti bil-kodiċi CPV 85143000‑3, li jikkonsistu b’mod esklużiv fis-servizzi tat-trasport tal-pazjenti b’ambulanzi għandu jkun soġġett għar-reġim speċjali stipulat għal servizzi soċjali u għal servizzi speċifiċi oħra (ir-“reġim anqas strett”. Konsegwentament, kuntratti mħallta għall-provvista tas-servizzi tal-ambulanzi b’mod ġenerali jkunu wkoll soġġetti għar-reġim anqas strett jekk il-valur tas-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi jkun ikbar mill-valur ta’ servizzi oħra tal-ambulanza.”

    4

    L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ servizzi”, jipprevedi:

    “Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għal:

    […]

    (h)

    id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli li huma pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li huma koperti mill-kodiċi CPV segwenti: 75250000‑3 [servizzi ta’ tifi tan-nar u salvataġġ], 75251000‑0 [servizzi ta’ nar], 75251100‑1 [servizzi ta’ tifi tan-nar], 75251110‑4 [servizzi ta’ prevenzjoni tan-nirien], 75251120‑7 [servizzi ta’ tifi tan-nar fil-foresti], 75252000‑7 [servizzi ta’ emerġenza/salvataġġ], 75222000‑8 [servizzi ta’ protezzjoni ċivili], 98113100‑9 [servizzi ta’ sikurezza nukleari] u 85143000‑3 [servizzi tal-ambulanza] ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi;

    […]”.

    5

    It-Titolu III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Reġimi partikolari ta’ akkwisti [Sistemi speċjali ta’ għoti ta’ kuntratti]”, jinkludi l-Kapitolu I li huwa magħmul mill-Artikoli 74 sa 77 tal-istess direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu s-sistema inqas stretta applikabbli għas-servizzi soċjali u għas-servizzi speċifiċi l-oħra.

    Id-dritt Taljan

    6

    Id-decreto legislativo n. 50 – Attuazione delle direttive 2014/23/UE, 2014/24/UE e 2014/25/UE sull’aggiudicazione dei contratti di concessione, sugli appalti pubblici e sulle procedure d’appalto degli enti erogatori nei settori dell’acqua, dell’energia, dei trasporti e dei servizi postali, nonché per il riordino della disciplina vigente in materia di contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture (Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50 li Jistabbilixxi Modalitajiet ta’ Applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE [dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, tad-Direttiva 2014/24 u tad-Direttiva 2014/25/UE] dwar l-Għoti ta’ Kuntratti minn Entitajiet li Joperaw fis-Setturi tal-Ilma, tal-Enerġija, tat-Trasport u tas-Servizzi tal-Posta, kif ukoll Riorganizzazzjoni tal-Leġiżlazzjoni fis-Seħħ fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti) tat-18 ta’ April 2016 (GURI no91 tad-19 ta’ April 2016) jikkostitwixxi l-Codice dei contratti pubblici (il-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi”) il-ġdid.

    7

    L-Artikolu 17(1) ta’ dak il-kodiċi, intitolat “Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti u l-konċessjoni ta’ servizzi”, jipprovdi:

    “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi ma japplikawx għal kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet ta’ servizzi relatati ma’:

    […]

    h)

    id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli li huma pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li huma koperti mill-kodiċi CPV segwenti: 75250000‑3, 75251000‑0, 75251100‑1, 75251110‑4, 75251120‑7, 75252000‑7, 75222000‑8, 98113100‑9 u 85143000‑3 ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi.”

    8

    Skont l-Artikolu 57 tad-Decreto Legislativo n. 117 – Codice del Terzo settore (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 117 li Jistabbilixxi Kodiċi tat-Tielet Settur) tat-3 ta’ Lulju 2017 (Suppliment Ordinarju għal GURI Nru 179 tat-2 ta’ Awwissu 2017):

    “Is-servizzi ta’ trasport b’urġenza bl-ambulanza jistgħu jingħataw bi prijorità permezz ta’ ftehim ma’ organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati għal mill-inqas sitt xhur fir-reġistru nazzjonali tat-tielet settur li jingħaqdu ma’ netwerk ta’ assoċjazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 41(2) u huma awtorizzati skont ir-regoli reġjonali rilevanti, fejn dawn jeżistu, f’każijiet fejn, minħabba n-natura speċifika tas-servizz, l-għotja diretta tiżgura l-provvista tas-servizz ta’ interess ġenerali, f’sistema ta’ kontribuzzjoni effettiva għal għan soċjali u l-kisba tal-għanijiet ta’ solidarjetà, f’kundizzjonijiet ta’ effiċjenza ekonomika u ta’ adegwatezza, kif ukoll fl-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni.”

    9

    Id-decreto del Presidente del Consiglio dei Ministri – Definizione e aggiornamento dei livelli essenziali di assistenza, di cui all’articolo 1, comma 7, del decreto legislativo 30 dicembre 1992 n. 502 (id-Digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri li Jiddefinixxi u Jaġġorna l-Livelli Essenzjali ta’ Assistenza Msemmija fl-Artikolu 1(7) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 502 tat-30 ta’ Diċembru 1992) tat-12 ta’ Jannar 2017 (Suppliment Ordinarju għal GURI Nru 65 tat-18 ta’ Marzu 2017) jipprovdi, fl-Artikolu 7 tiegħu intitolat “Emerġenzi Mediċi Territorjali”:

    “1.   F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u urġenza f’kuntest territorjali barra minn sptar, id-dipartiment nazzjonali tas-saħħa jiggarantixxi interventi ta’ kura medika rapidi u intiżi għall-istabbilizzazzjoni tal-kundizzjoni tal-pazjent, billi jiġi żgurat trasport f’sigurtà sħiħa lejn l-iktar sptar xieraq. Il-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ emerġenza territorjali jitwettqu miċ-ċentrali operattivi 118 matul il-perijodu ta’ 24 siegħa li tikkostitwixxi kull ġurnata.

    2   B’mod partikolari, huma ggarantiti:

    a)

    l-interventi ta’ kura medika, bażiċi jew avvanzati, imwettqa permezz ta’ mezzi ta’ salvataġġ bl-art u bl-ajru, b’persunal mediku mħarreġ kif xieraq,

    b)

    it-trasport mediku sekondarju, b’assistenza jew mingħajr assistenza,

    c)

    l-attivitajiet ta’ assistenza u ta’ organizzazzjoni fil-kuntest ta’ emerġenza kbira, avvenimenti b’riskju nukleari, bijoloġiku, kimiku u radjoloġiku (NBCR);

    d)

    l-attivitajiet ta’ assistenza fil-kuntest ta’ avvenimenti u manifestazzjonijiet ipprogrammati, bil-modalitajiet stabbiliti mir-reġjuni u mill-provinċji awtonomi.

    3   L-attività ta’ emerġenza medika territorjali għandha titwettaq b’mod integrat mal-attivitajiet ta’ emerġenza ġewwa l-isptar ipprovduti fid-dipartimenti tal-ewwel għajnuna u fid-dipartimenti ta’ emerġenza, u mal-attivitajiet imwettqa fil-kuntest tal-assistenza medika bażika u ta’ assistenza kontinwata.”

    10

    L-Artikolu 2(1) tal-legge regionale del Veneto n. 26 – Disciplina del sistema regionale di trasporto sanitario di soccorso ed emergenza (il-Liġi Reġjonali tal-Veneto Nru 26 li Tirregola s-Sistema Reġjonali ta’ Trasport tas-Saħħa ta’ Salvataġġ u ta’ Emerġenza) tas-27 ta’ Lulju 2012 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 26/2012”), jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, trasport mediku ta’ salvataġġ u ta’ emerġenza jfisser l-attività mwettqa b’mezzi ta’ salvataġġ mill-persunal, mediku jew mhux mediku, iddedikat għal tali servizz, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet li ġejjin:

    a)

    servizzi tat-trasport ta’ emerġenza u ta’ urġenza mwettqa permezz ta’ mezzi ta’ salvataġġ u amministrati minn ċentri operattivi ta’ koordinazzjoni tas-servizz ta’ urġenza u ta’ emerġenza medika (SUEM);

    b)

    servizzi ta’ trasport previsti fil-livelli essenzjali ta’ assistenza (LEA) imwettqa permezz ta’ mezzi ta’ salvataġġ;

    c)

    servizzi tat-trasport li fil-kuntest tagħhom il-kundizzjonijiet kliniċi tal-pazjent jeħtieġu esklużivament l-użu ta’ mezz tas-salvataġġ u, matul il-vjaġġ, il-ħtieġa ta’ assistenza ta’ persunal mediku jew ta’ persunal ieħor imħarreġ kif xieraq, kif ukoll il-ħtieġa li l-kontinwità tal-kura tkun iggarantita”.

    11

    Id-Deċiżjoni tal-Giunta Regionale del Veneto (l-Organu Eżekuttiv tar-Reġjun tal-Veneto, l-Italja) Nru 1515 tad-29 ta’ Ottubru 2015 tipprevedi li “matul is-servizz, fl-ambulanza għandu jkun hemm xufier sokkorritur u minn tal-inqas sokkorritur ieħor li għandu l-kwalifiki u l-kompetenzi previsti għall-attività speċifika”, li jippreżupponu l-parteċipazzjoni f’taħriġ u s-superament b’suċċess ta’ eżami fi tliet suġġetti, jiġifieri l-anatomija, il-fiżjoloġija u s-salvataġġ. Minn dan isegwi li s-servizz sekondarju, inkluż is-servizz purament ta’ trasport, jitwettaq f’kuntest li jgħaqqad flimkien it-trasport ordinarju u l-kura medika.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12

    Italy Emergenza, li hija kooperattiva soċjali li tipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ambulanza, ippreżentat rikors intiż prinċipalment għall-annullament tad-Deċiżjoni Nru 1754 tat-28 ta’ Diċembru 2017 tad-Direttur Ġenerali tal-Ulss 5 Polesana, kif ukoll ta’ numru ta’ atti preparatorji għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-imsemmija unità lokali tat direttament lil Croce Verde, permezz ta’ ftehim, il-provvista tas-servizzi ta’ trasport b’urġenza u ta’ trasport sekondarju bl-ambulanza għat-territorju taħt il-ġestjoni tagħha. Dan il-ftehim, validu mill-1 ta’ April 2018 sal-31 ta’ Marzu 2020, jista’ jiġġedded għal sentejn oħra, madankollu bil-kundizzjoni li Croce Verde tkompli tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti fil-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 u fid-Deċiżjoni Nru 179/2014 tal-Kunsill Reġjonali tal-Veneto. Fl-aħħar nett, l-imsemmi ftehim jistma li l-ispejjeż li jistgħu jitħallsu lura jammontaw għal EUR 2291260 fis-sena, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 6873780 fuq tliet snin.

    13

    Italy Emergenza tqis li s-servizzi ta’ trasport sekondarju bl-ambulanza ma humiex fost is-servizzi esklużi mir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi permezz tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 28 tagħha.

    14

    Filwaqt li r-rikors kien pendenti quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Veneto, l-Italja), l-Ulss 5 Polesana, bid-Deċiżjoni Nru 372 tal-24 ta’ April 2018 annullat id-Deċiżjoni Nru 1754, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) tat-22 ta’ Frar 2018, li minnha jirriżulta li huwa biss is-servizz bl-ambulanza ta’ salvataġġ b’urġenza li eċċezzjonalment jista’ ma jkunx suġġett għar-regola tal-proċedura ta’ għoti meta dan ikun ipprovdut minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi servizz ta’ trasport bl-ambulanza, jiġifieri t-trasport ordinarju ta’ pazjenti mingħajr ebda urġenza, huwa suġġett għas-sistema inqas stretta prevista fl-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24.

    15

    Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 372, Italy Emergenza essenzjalment esprimiet ir-rieda tagħha li tirrinunzja għar-rikors tagħha, bil-kundizzjoni li Croce Verde ma titlobx l-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

    16

    Madankollu Croce Verde kkontestat l-imsemmija deċiżjoni billi allegat li d-distinzjoni bejn is-servizzi ta’ trasport b’urġenza u s-servizzi ta’ sempliċi trasport għadha kontroversjali. Tabilħaqq, filwaqt li l-premessa 28 tad-Direttiva 2014/24 donnha li tissuġġetta għas-sistema inqas stretta “biss” it-trasport tal-pazjenti bl-ambulanza, din l-ispeċifikazzjoni ma tinstabx fl-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva.

    17

    F’sentenza mogħtija fid-9 ta’ Marzu 2018 f’każ simili, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li, f’konformità mad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar u mal-Artikolu 17(1)(h) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi li jittrasponiha b’mod leali, “is-servizzi tal-ambulanza” koperti mill-kodiċi CPV 85143000‑3 huma, b’deroga mir-regoli tradizzjonali tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, esklużi mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, ħlief għas-“servizzi ta’ trasport tal-pazjenti bl-ambulanza”, li jibqgħu suġġetti għas-sistema inqas stretta. Sabiex tkun applikabbli l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 10(h) tal-imsemmija direttiva, is-servizzi ta’ salvataġġ b’urġenza għandhom jiġu pprovduti b’ambulanza, jikkorrispondu għat-trasport u għall-amministrazzjoni tal-ewwel għajnuna lil pazjenti li jinstabu f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza u għandhom jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru. Is-sempliċi servizz ta’ trasport bl-ambulanza, li jirreferi għat-trasport ordinarju ta’ pazjenti, fejn ma jkun hemm l-ebda ċirkustanza ta’ urġenza, huwa, min-naħa tiegħu, suġġett għas-sistema inqas stretta.

    18

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li, għalkemm ma huwiex diffiċli li ssir distinzjoni bejn servizzi ta’ salvataġġ b’urġenza u s-sempliċi servizzi ta’ trasport ta’ pazjenti, jeżistu tipi intermedji ta’ trasport li l-klassifikazzjoni tagħhom ma hijiex evidenti. Dan jgħodd b’mod partikolari għal ċerti servizzi tas-saħħa msemmija fl-Artikolu 2 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012, bħal, minn naħa, is-servizzi ta’ trasport previsti fil-kuntest tal-livelli essenzjali ta’ assistenza, li jikkonsistu fl-obbligu li s-Servizio Sanitario Nazionale (is-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa, l-Italja), jipprovdi liċ-ċittadini kollha, mingħajr ħlas jew wara l-ħlas ta’ parti mill-ispiża, servizzi mediċi u servizzi pprovduti permezz ta’ vetturi ta’ salvataġġ, u, min-naħa l-oħra, servizzi ta’ trasport li fil-kuntest tagħhom il-patoloġija tal-pazjent teħtieġ esklużivament l-użu ta’ vettura ta’ salvataġġ u teħtieġ, matul il-vjaġġ, l-assistenza ta’ persunal mediku jew ta’ persunal imħarreġ għal dan il-għan biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-kura.

    19

    Issa, l-Artikolu 2 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 jassimila dawn is-servizzi kollha għal servizzi ta’ trasport b’urġenza mwettqa permezz ta’ vetturi ta’ salvataġġ u, għaldaqstant, jagħtihom il-benefiċċju tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 u fl-Artikolu 17(1)(h) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi meta jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru.

    20

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Veneto) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 10(h) u l-premessa 28 tad-Direttiva [2014/24] għandhom jiġu interpretati fis-sens li

    a)

    s-servizzi tal-ambulanzi li għalihom hija obbligatorja l-preżenza abbord ta’ sewwieq li jista’ jagħti s-sokkors u ta’ mill-inqas persuna li tista’ tagħti s-sokkors li għandha l-kwalifiki u l-kompetenzi pprovati mill-attendenza ta’ taħriġ u mill-fatt li għaddiet eżami fil-qasam tas-sokkors, u

    b)

    s-servizzi tat-trasport previsti fil-kuntest tal-livelli essenzjali ta’ assistenza […] mogħtija permezz ta’ vetturi tas-sokkors jaqgħu taħt l-esklużjoni msemmija minn din id-dispożizzjoni jew, bil-kontra, taħt is-servizzi msemmija fl-Artikoli 74 sa 77 tad-[Direttiva 2014/24]?

    2)

    id-Direttiva [2014/24] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, anki fl-assenza ta’ emerġenza,

    a)

    is-servizzi tal-ambulanzi li għalihom hija obbligatorja l-preżenza abbord ta’ sewwieq li jista’ jagħti s-sokkors u ta’ mill-inqas persuna li tista’ tagħti s-sokkors li għandha l-kwalifiki u l-kompetenzi pprovati mill-attendenza ta’ taħriġ u mill-fatt li għaddiet eżami fil-qasam tas-sokkors, u

    b)

    s-servizzi tat-trasport previsti fil-kuntest tal-livelli essenzjali ta’ assistenza […] mogħtija permezz ta’ vetturi tas-sokkors huma assenjati, b’mod prijoritarju, lil assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat permezz ta’ ftehim dirett?”

    Fuq id-domandi preliminari

    21

    Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli spazju għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

    22

    Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

    23

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 28 ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, minn naħa, is-servizzi tal-ambulanza li għalihom huwa obbligatorju li abbord ikun hemm xufier sokkorritur u minn tal-inqas sokkorritur ieħor li għandu l-kwalifiki u l-kompetenzi pprovati permezz tal-parteċipazzjoni f’taħriġ u mis-superament b’suċċess ta’ eżami f’oqsma relatati mas-salvataġġ, u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ trasport previsti fil-kuntest tal-livelli essenzjali ta’ assistenza pprovduti permezz ta’ vetturi ta’ salvataġġ huma koperti, fl-assenza ta’ urġenza, mill-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

    24

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli klassiċi ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi dawk il-kuntratti pubbliċi għal servizzi li jirrigwardaw servizzi ta’ difiża ċivili, ta’ protezzjoni ċivili u ta’ prevenzjoni tal-perikolu, bil-kundizzjoni doppja li tali servizzi jikkorrispondu għall-kodiċijiet CPV imsemmija f’din id-dispożizzjoni u li jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru. Din l-esklużjoni mill-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi madankollu, tinvolvi kontroesklużjoni, fis-sens li din ma tapplikax għas-servizzi ta’ trasport tal-pazjenti bl-ambulanza, li huma koperti mis-sistema inqas stretta prevista fl-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Falck Rettungsdienste u Falck, C‑465/17, EU:C:2019:234, punt 38).

    25

    Mill-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-premessa 28 tagħha, jirriżulta li l-esklużjoni mir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi prevista f’din id-dispożizzjoni favur is-servizzi ta’ prevenzjoni tar-riskji tista’ tibbenefika biss lil ċerti servizzi ta’ urġenza pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, u li din ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Falck Rettungsdienste u Falck, C‑465/17, EU:C:2019:234, punt 43).

    26

    Għalhekk, fir-rigward tas-servizzi ta’ prevenzjoni tar-riskju, l-inapplikabbiltà tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi prevista fl-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva hija intrinsikament marbuta mal-eżistenza ta’ servizz ta’ urġenza b’tali mod li l-preżenza ta’ persunal ikkwalifikat abbord ambulanza ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ servizz tal-ambulanza kopert mill-kodiċi CPV 85143000‑3 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Falck Rettungsdienste u Falck, C‑465/17, EU:C:2019:234, punti 4445).

    27

    L-urġenza tista’ madankollu tiġi stabbilita, għall-inqas potenzjalment, meta jkun hemm bżonn it-trasport ta’ pazjent li fir-rigward tiegħu hemm ir-riskju li l-istat ta’ saħħtu jiddeterjora matul l-imsemmi trasport, riskju li għandu, bħala prinċipju, jkun jista’ jiġi evalwat b’mod oġġettiv. Huwa biss f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-trasport bl-ambulanza kkwalifikat jista’ jkun kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni mill-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi prevista fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Falck Rettungsdienste u Falck, C‑465/17, EU:C:2019:234, punti 4649).

    28

    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li kemm is-servizzi tal-ambulanza li fir-rigward tagħhom il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali trendi obbligatorja l-preżenza ta’ xufier sokkorritur u minn tal-inqas ta’ sokkorritur ieħor debitament imħarreġ, kif ukoll is-servizzi ta’ trasport previsti fil-kuntest tal-livelli essenzjali ta’ assistenza pprovduti permezz ta’ vetturi ta’ salvataġġ ma humiex awtomatikament koperti mill-esklużjoni prevista fl-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24. Il-benefiċċju ta’ din l-esklużjoni effettivament jippreżupponi, minbarra l-preżenza ta’ persunal debitament ikkwalifikat fl-ewwel għajnuna, li s-servizz tal-ambulanza jiġi pprovdut minn organizzazzjonijiet jew minn assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li jkun hemm sitwazzjoni ċara ta’ urġenza.

    29

    Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 28 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, minn naħa, is-servizzi tal-ambulanza li għalihom huwa obbligatorju li abbord ikun hemm xufier sokkorritur u minn tal-inqas sokkorritur ieħor li għandu l-kwalifiki u l-kompetenzi pprovati permezz tal-parteċipazzjoni f’taħriġ u mis-superament b’suċċess ta’ eżami f’oqsma relatati mas-salvataġġ, u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ trasport previsti fil-kuntest tal-livelli essenzjali ta’ assistenza pprovduti permezz ta’ vetturi ta’ salvataġġ huma koperti, fl-assenza ta’ urġenza, mill-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

    Fuq l-ispejjeż

    30

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, moqri flimkien mal-premessa 28 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, minn naħa, is-servizzi tal-ambulanza li għalihom huwa obbligatorju li abbord ikun hemm xufier sokkorritur u minn tal-inqas sokkorritur ieħor li għandu l-kwalifiki u l-kompetenzi pprovati permezz tal-parteċipazzjoni f’taħriġ u mis-superament b’suċċess ta’ eżami f’oqsma relatati mas-salvataġġ, u, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ trasport previsti fil-kuntest tal-livelli essenzjali ta’ assistenza pprovduti permezz ta’ vetturi ta’ salvataġġ huma koperti, fl-assenza ta’ urġenza, mill-esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top