Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CO0065(01)

    Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzj tat-12 ta’ Ġunju 2018.
    Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kompetizzjoni – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku ‑ Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Pubblikazzjoni – Ċaħda parzjali tat-talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tidher fid-deċiżjoni – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Rabta bejn il-kundizzjoni ta’ fumus boni juris u dik tal-urġenza.
    Kawżi C-65/18 P(R) u C-65/18 P(R)-R.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:426

    DIGRIET TAL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    12 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

    “Appell – Proċeduri għal miżuri provviżorji – Kompetizzjoni – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Pubblikazzjoni – Ċaħda parzjali tat-talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tidher fid-deċiżjoni – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Rabta bejn il-kundizzjoni ta’ fumus boni juris u dik tal-urġenza”

    Fil-Kawża C‑65/18 P(R),

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 57(2) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2018,

    Nexans Franza SAS, stabbilita f’Courbevoie (Franza),

    Nexans SA, stabbilita fi Courbevoie,

    irrappreżentati minn M. Powell u A. Rogers, solicitors, kif ukoll minn G. Forwood, avukat,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Zaloguin, G. Meessen u H. van Vliet, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-VIĊI PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    wara li sema’ lill-Avukat Ġenerali, M. Wathelet,

    jagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Permezz tal-appell tagħhom, Nexans France SAS u Nexans SA jitolbu l-annullament tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Novembru 2017, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T‑423/17 R, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2017:835), li bih hija ċaħdet it-talba tagħhom intiża, minn naħa, għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 3051 finali tat-2 ta’ Mejju 2017, dwar talba għat-trattament kunfidenzjali (Każ COMP/AT.39610 – Kejbils tal-elettriku, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din it-talba ġiet miċħuda fir-rigward tal-elementi msemmija fil-punti 7 u 8 tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-materjal elevat mingħand l-appellanti u operatur ekonomiku ieħor (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni kontenzjuża”), u, min-naħa l-oħra, sabiex tordna lill-Kummissjoni Ewropea tastjeni milli tippubblika verżjoni tad-Deċiżjoni C(2014) 2139 finali tat-2 ta’ April 2014 (Każ COMP/AT.39610 – Kejbils tal-elettriku, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku”), li tinkludi l-informazzjoni kontenzjuża.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

    2

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali nġabru fil-qosor fil-punti 1 sa 16 tad-digriet appellat kif ġej:

    “1

    Fit-28 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni Ewropea pproċediet bi spezzjoni fil-binjiet ta’ waħda mir-rikorrenti, Nexans France, f’Pariġi (Franza).

    2

    Skont ir-rikorrenti, Nexans u Nexans France, l-ispetturi tal-Kummissjoni ddeċidew li jikkupjaw ‘kompletament’ numru kbir ta’ fajls b’messaġġi elettroniċi mill-kompjuters ta’ żewġ impjegati ta’ Nexans France u l-hard drive kollu ta’ wieħed minn dawn l-impjegati kif ukoll li jeħduhom issiġillati fil-binjiet tagħhom fi Brussell (il-Belġju) sabiex jeżaminawhom iktar tard.

    3

    Skont ir-rikorrenti, bejn it-3 u l-11 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni wettqet eżami tad-dokumenti kkupjati fil-bini tagħha fi Brussell fil-preżenza tal-avukati tagħhom, iżda fl-assenza ta’ rappreżentant tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kompetenti. Kien biss f’dan l-istadju li l-ispetturi tal-Kummissjoni eżaminaw sistematikament il-kontenut tad-diski, billi għażlu dokumenti li kienu meqjusa rilevanti u billi stampawhom. Kopji tad-dokumenti stampati ġew ipprovduti lill-avukati tar-rikorrenti u l-kontenut tad-diski sussegwentement ġie mħassar.

    4

    Fir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ April 2009, ir-rikorrenti b’mod partikolari kkontestaw din il-proċedura. Fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans Franza u Nexans vs Il-Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596), il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari ċaħdet bħala inammissibbli t-talbiet intiżi sabiex jannullaw l-elevazzjoni tad-dokumenti. […]

    5

    Fl-appell mis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans Franza u Nexans vs Il-Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596), ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti ma kkontestawx iċ-ċaħda bħala inammissibbli tal-motiv imqajjem fl-ewwel istanza fir-rigward tal-allegata illegalità tal-elevazzjoni. Fi kwalunke każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C-37/13 P, EU:C:2014:2030), ċaħdet l-appell tar-rikorrenti.

    6

    Fit-2 ta’ April 2014, il-Kummissjoni adottat id-[deċiżjoni kejbils tal-elettriku].

    7

    Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2014, id-Direttorat Ġenerali (DĠ) ‘Kompetizzjoni’ tal-Kummissjoni informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jippubblika, konformement mal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli[101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-kejbils tal-elettriku fis-sit internet tiegħu. Barra dan, id-DĠ ‘Kompetizzjoni’ stieden lir-rikorrenti jidentifikaw l-informazzjoni kunfidenzjali eventwali jew l-informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet kummerċjali u li jimmotivaw l-evalwazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward.

    8

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors għal annullament, irreġistrat taħt in-Numru T‑449/14, kontra d-deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku. Fil-kuntest tal-ewwel motiv ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti b’mod partikolari sostnew li l-Kummissjoni aġixxiet lil hinn mis-setgħat tagħha bl-elevazzjoni ta’ informazzjoni b’mod illegali billi kkupjat ‘kompletament’, mingħajr eżami minn qabel, volum kbir ta’ informazzjoni elettronika sabiex teżaminah iktar tard fil-binjiet tagħha fi Brussell.

    9

    Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Mejju 2016 wara diversi skambji dwar it-talbiet għal kunfidenzjalità, id-DĠ ‘Kompetizzjoni’ informa lir-rikorrenti bl-intenzjoni tiegħu li jippubblika d-deċiżjoni kollha tal-kejbils tal-elettriku, bl-esklużjoni ta’ ċerta informazzjoni li huwa qies li kellha tibqa’ kunfidenzjali.

    10

    Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti adixxew lill-uffiċjal tas-seduta b’talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, 2011/695/UE, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (2011, ĠU L 275, p. 29).

    11

    F’din it-talba, ir-rikorrenti b’mod partikolari sostnew li l-elementi fid-deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku, li rriżultaw minn elevazzjoni mill-binjiet ta’ Nexans France u ta’ operatur ekonomiku ieħor, għandhom jiqiesu li huma kunfidenzjali.

    12

    Fit-2 ta’ Mejju 2017, l-uffiċjal tas-seduta adotta d-deċiżjoni kontenzjuża f’isem il-Kummissjoni.

    13

    Fid-[deċiżjoni kontenzjuża], il-Kummissjoni laqgħet it-talba għall-kunfidenzjalità għal ċerta informazzjoni, kif elenkata fl-Artikolu 1 tagħha, u ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għall-[informazzjoni kontenzjuża].

    14

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tannulla d-[deċiżjoni kontenzjuża] sa fejn it-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni kontenzjuża kienet miċħuda.

    15

    Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqu talba għal miżuri provviżorji, skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE, li fihom jitolbu, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali għandu:

    jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni [kontenzjuża] sa fejn it-talba għal trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni kontenzjuża hija miċħuda;

    jordna lill-Kummissjoni tastjeni mill-pubblikazzjoni ta’ verżjoni tad-deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku li fiha l-informazzjoni kontenzjuża qabel ma l-‘Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea’ tkun tat deċiżjoni fuq l-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑449/14;

    jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    16

    Wara t-talba tar-rikorrenti, il-President tal-Qorti Ġenerali adotta, fit-12 ta’ Lulju 2017, mingħajr ma sema’ minn qabel lill-Kummissjoni, digriet, abbażi tal-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li bih huwa ordna lill-Kummissjoni tissospendi l-eżekuzzjoni tad-[deċiżjoni kontenzjuża] sad-data tad-digriet li temm din il-proċedura għal miżuri provviżorji u li ma tippubblikax verżjoni tad-deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku li fiha l-informazzjoni kontenzjuża qabel li l-Qorti Ġenerali tkun tat deċiżjoni fuq l-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-Kawża T‑449/14.”

    Id-digriet appellat

    3

    Wara li fakkar, fil-punti 18 sa 22 tad-digriet appellat, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali dwar l-għoti ta’ miżuri provviżorji, il-President tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 23 ta’ dan id-digriet, qies li, f’dan il-każ, qabelxejn kellu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni tal-urġenza kinitx sodisfatta.

    4

    F’dan ir-rigward, il-President tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 24 sa 31 tal-imsemmi digriet, fakkar il-prinċipji stabbiliti f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, huwa qies dan li ġej fil-paragrafi 32 sa 48 tad-digriet appellat:

    “32

    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li r-rikorrenti, billi bbażaw ruħhom fuq il-punt 38 tad-digriet [tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-10 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group [C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558], allegaw li, peress li l-protezzjoni provviżorja hija mitluba għal informazzjoni allegatament kunfidenzjali, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli għandha neċessarjament titlaq mill-premessa li biha l-informazzjoni allegatament kunfidenzjali kienet tabilħaqq hekk.

    33

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi fil-kawża li taw lok għad-digriet [tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-10 ta’ Settembru 2013Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group (C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558), bħal dawk fil-kawża li taw lok għad-digriet [tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja] tat-2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C‑162/15 P-R, EU:C:2016:142), huma kompletament differenti minn dawk inkwistjoni f’din il-kawża.

    34

    Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 18 u 38 tad-digriet [tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-10 ta’ Settembru 2013Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group (C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558), fir-rikors għal annullament tagħha, Pilkington Group Ltd kienet ikkontestat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li biha l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha kienet prevista bl-applikazzjoni tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 ma tikkostitwixxix sigriet kummerċjali, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 339 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 28(1) u tal-Artikolu 30(2) tal-imsemmi regolament. Konsegwentement, l-evalwazzjonijiet li l-Imħallef għal miżuri provviżorji kellu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jikkonkludi li l-kundizzjoni tal-urġenza kienet ġiet stabbilita f’dan il-każ kienu jibdew mill-premessa, espressament imsemmija fil-punt 47 tal-imsemmi digriet, li tgħid li l-informazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża kellha tkun koperta bis-sigriet professjonali.

    35

    Bl-istess mod, mill-punt 84 tad-digriet [tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja] tat-2 ta’ Marzu 2016Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C‑162/15 P-R, EU:C:2016:142), jirriżulta li Evonik Degussa GmbH kienet ikkontestat l-evalwazzjoni li kienet tgħid li l-informazzjoni inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi sigriet kummerċjali u ma kinitx baqgħet koperta bis-sigriet professjonali.

    36

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawżi li taw lok għad-digrieti [tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-10 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group (C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558), u tat-2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C‑162/15 P-R, EU:C:2016:142), kienu allegaw, kif jirriżulta rispettivament mill-punti 47 u 83 tal-imsemmija digrieti, li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni tista’ tikkawżalhom dannu minħabba n-natura stess ta’ din l-informazzjoni.

    37.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ din il-kawża, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jsostnux li l-informazzjoni kontenzjuża kienet koperta bis-sigriet professjonali.

    38

    Fit-tieni lok, minbarra l-affermazzjoni li tgħid li l-informazzjoni kontenzjuża hija kunfidenzjali, it-talba għal miżuri provviżorji fiha ftit elementi speċifiċi fir-rigward tan-natura u l-kontenut tal-elementi li għalihom ir-rikorrenti jinvokaw il-kunfidenzjalità.

    39

    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti mhux qed jippruvaw juru li l-informazzjoni kontenzjuża għandha sensittività kummerċjali intrinsika li tista’ tiġi sfruttata mill-kompetituri tagħhom fil-kors normali tal-kompetizzjoni.

    40

    Fir-raba’ lok, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni kontenzjuża ‘fiha provi ta’ ksur [u] tiżvela fid-dettall ksur, b’mod partikolari l-ismijiet tal-klijenti u tal-proġetti kkonċernati mill-aġir kif ukoll iċ-ċifri relatati mal-prezzijiet iffatturati u l-għanijiet segwiti mill-parteċipanti, […] kif ukoll ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-ksur’, huma jirreferu għall-premessi 284, 372(g), u 436 tad-deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku, taħt it-titolu ‘eżempji ċari ta’ tip ta’ informazzjoni’ li għalihom jirreferu r-rikorrenti.

    41

    Madankollu, il-premessi 284, 372(g), u 436 tad-deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku ma jsemmux l-‘ismijiet tal-klijenti u tal-proġetti kkonċernati’ u ma fihomx b’mod partikolari ‘ċifri relatati mal-prezzijiet iffatturati’.

    42

    Fil-ħames lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-informazzjoni li tkun sigrieta jew kunfidenzjali, iżda li ilha ħames snin jew iktar, għandha, minħabba li jkun għadda ż-żmien, titqies, bħala prinċipju, li hija storika u li tkun tilfet, b’hekk, in-natura sigrieta jew kunfidenzjali tagħha sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura turi li, minkejja li hija antika, din l-informazzjoni tkun għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jwasslu għall-preżunzjoni konfutabbli, huma validi kemm fil-kuntest ta’ talbiet għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni fik ukoll fil-kuntest ta’ talbiet għal kunfidenzjalità għall-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C‑162/15 P, EU:C:2017:205, punt 64).

    43

    Issa, f’dan il-każ, l-informazzjoni kontenzjuża nġabret matul l-ispezzjoni tal-2009. Madankollu, ir-rikorrenti mhux qed jippruvaw juru r-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni kontenzjuża, min-natura tagħha, ma tilfitx in-natura sigrieta jew kunfidenzjali tagħha, minkejja li għadda ż-żmien.

    44

    Fis-sitt lok, ir-rikorrenti mhux qed jippruvaw jistabbilixxu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kontenzjuża b’relazzjoni man-natura stess tal-informazzjoni, iżda billi jargumentaw li d-dritt tagħhom għal rimedju effettiv u l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza jirrikjedu li din l-informazzjoni ma tiġix żvelata qabel ma tiġi stabbilita l-legalità tal-kisba ta’ din l-informazzjoni fil-kuntest tal-Kawża T‑449/14.

    45

    Fis-seba’ lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-eżami ta’ jekk l-informazzjoni taqax taħt is-sigriet professjonali jitwettaq, b’mod ġenerali, b’analiżi fi tliet stadji, jiġifieri, l-ewwel nett, li din l-informazzjoni tkun magħrufa biss minn numru limitat ta’ persuni, it-tieni nett, li l-iżvelar tagħha jista’ jikkawża dannu serju lill-persuna li tkun ipprovdietha jew lil terzi, u fl-aħħar nett, it-tielet nett, li l-interessi li jistgħu jiġu leżi bl-iżvelar ta’ tali informazzjoni jkunu oġġettivament jixirqilhom protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, T‑341/12, EU:T:2015:51, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    46

    Għaldaqstant, l-eżami tal-kundizzjoni dwar l-urġenza jikkoinċidi, sa ċertu punt, mal-eżami dwar jekk l-informazzjoni kontenzjuża għandhiex titqies li hija koperta bis-sigriet professjonali li jaqa’, fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji, taħt l-eżami tal-fumus boni juris.

    47

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-unika allegazzjoni, li b’xi mod mhux sostnuta, hija li l-informazzjoni li l-iżvelar tagħha huwa inkwistjoni tkun koperta mis-sigriet professjonali ma tistax, b’riskju li tfixkel l-analiżi tal-kundizzjoni marbuta mal-urġenza, tkun suffiċjenti sabiex tistabbilixxi l-premessa li biha din l-informazzjoni hija koperta bis-sigriet professjonali.

    48

    Għaldaqstant, kuntrarjament għall-kawżi li taw lok għad-digrieti [tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-10 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group (C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558), u tat-2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C‑162/15 P-R, EU:C:2016:142), l-analiżi tal-urġenza f’din il-kawża ma titlaqx mill-premessa li tgħid li l-informazzjoni kontenzjuża hija koperta bis-sigriet professjonali.”

    5

    Għaldaqstant, fil-punti 48 sa 81 tad-digriet appellat, il-President tal-Qorti Ġenerali eżamina jekk l-appellanti kinux waslu sabiex jistabbilixxu n-natura urġenti tat-talba tagħhom, li tiġġustifika l-għoti tal-miżuri provviżorji. Għal dan il-għan, huwa analizza t-tliet kawżi tad-dannu li l-appellanti kienu qed jallegaw li ser isofru kieku d-deċiżjoni kontenzjuża ma tiġix sospiża, jiġifieri d-dannu li jirriżulta minn ħsara għar-reputazzjoni tagħhom u r-riskju li jkunu esposti għal azzjonijiet għal kumpens, eżaminati fil-punti 54 sa 67 ta’ dan id-digriet, kif ukoll ir-riskju li jiġi kompromess id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, billi l-eventwali annullament tad-deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku jiġi mċaħħad mill-“effett sħiħ” tiegħu, eżaminat fil-punti 68 sa 81 tal-imsemmi digriet.

    6

    Fil-kuntest tal-eżami ta’ din it-tielet kawża tad-dannu, il-President tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 69 sa 78 tad-digriet appellat, analizza l-argument tal-appellanti li jgħid li kien neċessarju, sabiex jiġi rrispettat id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, li tiġi ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm il-legalità tal-elevazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża tiġi vverifikata. Sussegwentement, u b’mod sussidjarju, huwa kkunsidra wkoll, fil-punti 79 sa 81 tal-imsemmi digriet, dan li ġej:

    “79

    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-teżi li tgħid li dannu huwa, fih innifsu, gravi u irreparabbli, għaliex imiss mal-isfera tad-drittijiet fundamentali, ma tistax tiġi ammessa, peress li ma huwiex biżżejjed li tiġi allegata, b’mod astratt, ħsara għad-drittijiet fundamentali sabiex jiġi stabbilit li d-dannu li jista’ jirriżulta għandu neċessarjament natura irreparabbli. Il-protezzjoni msaħħa tad-drittijiet fundamentali li tirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona ma taffettwax din il-ġurisprudenza, peress li dawn id-drittijiet, u b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv invokat f’dan il-każ, kienu diġà protetti taħt id-dritt tal-Unjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat (ara f’dan is-sens, id-digriet [tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-10 ta’ Settembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 40).

    80

    Ċertament, il-ksur ta’ ċerti drittijiet fundamentali, bħall-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti, stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jista’, minħabba n-natura stess tad-dritt miksur, jagħti lok huwa stess għal dannu gravi u irreparabbli. Madankollu, jibqa’ l-fatt li għadu jappartjeni lill-parti li qed titlob l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li tesponi u tistabbilixxi l-probabbiltà ta’ tali dannu fil-każ partikolari tagħha (digriet [tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja] tal-10 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 41).

    81

    Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti mhux qed jistabbilixxu li d-dannu li jirriżulta konkretament għalihom mill-allegat ksur tad-dritt għal rimedju effettiv huwa distint mid-dannu li jirriżulta mill-fatt li jkunu esposti għal ħsara għar-reputazzjoni tagħhom u għal rikorsi għal kumpens, fejn l-eżami wassal għall-konklużjoni, fil-punti 62 u 67 iktar ‘il fuq, li r-rikorrenti ma kinux stabbilixxew in-natura gravi tad-dannu li tiegħu qed jallegaw l-eżistenza.”

    7

    Fuq il-bażi ta’ dan l-eżami, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u ħareġ id-digriet tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2017.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

    8

    Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti qegħdin jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla d-digriet appellat;

    tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-informazzjoni kontenzjuża;

    tordna lill-Kummissjoni tastjeni mill-pubblikazzjoni ta’ verżjoni tad-deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku li fiha l-informazzjoni kontenzjuża għal dak iż-żmien sakemm il-Qorti Ġenerali tkun tat deċiżjoni fuq l-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat fil-Kawża T 449/14;

    sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell kif ukoll tal-proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti Ġenerali.

    9

    Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2018, l-appellanti ressqu talba għal miżuri provviżorji.

    10

    Konformement mal-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Frar 2018, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (C‑65/18 P(R)‑R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:62), adottat mingħajr ma nstemgħu l-partijiet l-oħra fil-proċedura, ġiet sospiża l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u ġie ordnat lill-Kummissjoni tastjeni milli tippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku, li fiha l-elementi indikati fil-punti 7 u 8 tad-deċiżjoni kontenzjuża, u dan sal-adozzjoni tad-digriet li ser jingħata l-iktar kmieni bejn dak li jtemm il-proċedura għal miżuri provviżorji u dak li jagħti deċiżjoni fuq dan l-appell.

    11

    Fir-risposta tagħha, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni titlob:

    li tiċħad l-appell;

    sussidjarjament, li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

    sussidjarjament, li tiċħad it-talba għal miżuri provviżorji, u

    li tikkundanna lill-appellanti jbatu l-ispejjeż ta’ din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    Fuq l-appell

    12

    L-appell huwa bbażat fuq żewġ aggravji li jsemmu daqstant żbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali peress li din, minn naħa, irrifjutat li titlaq mill-premessa li l-informazzjoni kontenzjuża kienet koperta bis-sigriet professjonali u, min-naħa l-oħra, li evalwat ħażin id-dritt tal-appellanti għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

    Fuq l-ewwel aggravju

    13

    Insostenn tal-ewwel aggravju tal-appell tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 33 sa 37 tad-digriet appellat, ikkunsidrat b’mod żbaljat li din il-kawża hija distinta mill-kawżi li taw lok għad-digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group, (C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558), u tat-2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il‑Kummissjoni (C‑162/15 P-R, EU:C:2016:142), li fihom l-Imħallef għal miżuri provviżorji bbaża l-analiżi tiegħu fuq il-premessa li l-informazzjoni inkwistjoni f’dawn il-kawżi kienet kunfidenzjali. Fil-fatt, bħar-rikorrenti fl-imsemmija kawżi, l-appellanti f’din il-kawża, fir-rikors għal annullament tagħhom, ikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-informazzjoni kontenzjuża ma kinitx koperta bis-sigriet professjonali u, anki jekk, għal dan il-għan, huma ma allegawx li din l-informazzjoni kienet tikkostitwixxi sigriet kummerċjali, madankollu huma ddikjaraw b’mod dettaljat li l-imsemmija informazzjoni kellha natura kunfidenzjali u li, għaldaqstant, kellha tkun koperta bis-sigriet professjonali, u dan b’applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li kienet ddeċieda l-President tal-Qorti Ġenerali fil-punti 46 u 47 tad-digriet appellat, il-fatt li din il-kwistjoni tirkeb fuq l-eżami tar-rekwiżit ta’ fumus boni juris ma għandux iżommu milli jitlaq minn din il-premessa.

    14

    Sabiex tingħata deċiżjoni fuq dan l-aggravju, għandu jitfakkar li l-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba minnhom. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom ikun prima facie ġġustifikat fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li huma jkunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li tkun talbithom, li jiġu deċiżi u li jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni dwar il-mertu. Dawn ir-rekwiżiti huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minnhom tkun nieqsa. L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jwettaq ukoll, skont il-każ, ibbilanċjar tal-interessi involuti (ara, b’mod partikolari, id-digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 35, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2017, Wall Street Systems UK vs BCE, C‑576/17 P(R)-R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:735, punti 2223).

    15

    F’dan ir-rigward, ġustament, fil-punt 46 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset li, meta jkun hemm lok li jiġi evalwat jekk huwiex urġenti li jiġu ordnati miżuri provviżorji sabiex jitwaqqaf l-iżvelar ta’ informazzjoni allegatament kunfidenzjali, din l-evalwazzjoni tikkoinċidi, sa’ ċertu punt, mal-eżami tal-eżistenza ta’ fumus boni juris marbuta man-natura kunfidenzjali tal-imsemmija informazzjoni, li hija invokata mill-parti li qed titlob l-imsemmija miżuri.

    16

    Fil-fatt, kif isostnu, barra minn hekk, l-appellanti stess, fil-punt 38 tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group, (C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558), li fil-kuntest tiegħu d-dannu li kien qed jiġi invokat minn Pilkington kien jirriżulta mill-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni allegatament kunfidenzjali, ġie deċiż li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli, il-President tal-Qorti Ġenerali kellu neċessarjament jitlaq mill-premessa li tgħid li l-informazzjoni allegatament kunfidenzjali kienet tabilħaqq hekk, konformement ma’ dak li Pilkington kienet qed tallega għal dan il-għan.

    17

    Madankollu, fl-istess punt 38, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja speċifika wkoll li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali premessa kienet bla ħsara għall-eżami tal-fumus boni juris, liema eżami huwa marbut mal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli, filwaqt li jkun distint minnha.

    18

    Issa, fil-punt 45 tad-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2013, Pilkington Group vs Il-Kummissjoni (T‑462/12 R, EU:T:2013:119), li kien is-suġġett ta’ appell li ta lok għad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group, (C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558), il-President tal-Qorti Ġenerali stess kien espressament speċifika li kien b’riżerva ta’ eżami tar-rekwiżit tal-fumus boni juris li l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli li kien ġie stabbilit f’dan il-każ. Huwa għalhekk biss wara li eżamina, fil-paragrafi 67 sa 72 ta’ dan l-ewwel digriet, jekk dan ir-rekwiżit relatat mal-fumus boni juris ġiex sodisfatt – eżami li barra minn hekk ma ġiex ikkontestat fl-appell – li l-President tal-Qorti Ġenerali effettivament seta’ jitlaq mill-premessa li l-informazzjoni inkwistjoni kienet kunfidenzjali sabiex jordna l-miżuri provviżorji mitluba.

    19

    L-istess ħaġa seħħet fil-kawża li tat lok għad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C‑162/15 P‑R, EU:C:2016:142), li fiha l-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja kien adit b’talba għal miżuri provviżorji marbuta ma’ appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali. F’din il-kawża, l-Imħallef għal miżuri provviżorji, qabel ma ddeċieda, fil-punt 85 ta’ dan id-digriet, li, sabiex tiġi evalwata l-urġenza f’dak il-każ, kellu jitlaq mill-premessa li tgħid li l-informazzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża kienet koperta bis-sigriet professjonali, huwa kien, fil-punt 84 tal-imsemmi digriet, irrileva li mhux biss l-appellanti f’din il-kawża, kienet ikkontestat, fil-kuntest tal-appell tagħha, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li kienet tgħid li din l-informazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi sigriet kummerċjali u ma kinitx iktar koperta bis-sigriet professjonali, iżda wkoll li eżami prima facie tal-argumenti mqajma insostenn tal-aggravji tal-appell rilevanti f’dan ir-rigward ma kienx jippermetti li jiġi konkluż li n-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni kienet manifestament nieqsa.

    20

    Min-naħa l-oħra, fid-digriet tiegħu tal-14 ta’ Jannar 2016, AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni (C‑517/15 P-R, EU:C:2016:21), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, adit ukoll b’talba għal miżuri provviżorji marbuta ma’ appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2015, AGC Glass Europe et vs Il‑Kummissjoni (T‑465/12, EU:T:2015:505), ma setax jitlaq mill-istess premessa, kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ dan id-digriet, peress li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet, fil-punti 22 sa 54 ta’ din is-sentenza, eżaminat u ċaħdet is-sitt motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tar-rikors għall-annullament tagħhom, li fil-kuntest tagħhom huma kienu qed jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-uffiċjal tas-seduta li kienet tgħid li l-informazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma kinitx tikkostitwixxi sigriet kummerċjali u li l-appell imressaq mill-appellanti ma kienx dirett kontra din il-parti tal-imsemmija sentenza, b’tali mod li kellu jitqies li kien ġie definittivament deċiż li din l-informazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi sigriet kummerċjali.

    21

    Konsegwentement, huwa biss meta, minn naħa, min jitlob il-miżuri provviżorji jallega li l-informazzjoni li huwa jkun irid iżomm, provviżorjament, mill-pubblikazzjoni tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew tkun barra minn hekk koperta bis-sigriet professjonali u li, min-naħa l-oħra, din l-allegazzjoni tissodisfa r-rekwiżit ta’ fumus boni juris, li l-Imħallef għal miżuri provviżorji jkun, bħala prinċipju, obbligat, fil-kuntest tal-eżami tiegħu tar-rekwiżit dwar l-urġenza, li jitlaq mill-premessa li tgħid li din l-informazzjoni tkun, rispettivament, sigriet kummerċjali jew li tkun koperta bis-sigriet professjonali.

    22

    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jidhru li qed isostnu l-appellanti, ma huwiex suffiċjenti, għall-finijiet li jingħatalhom il-benefiċċju tal-miżuri provviżorji, li jkunu qed allegaw li l-informazzjoni li kienet ser tiġi żvelata kellha natura kunfidenzjali, meta tali allegazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ fumus boni juris. Issa, f’dan il-każ, mill-punti 37 sa 46 tad-digriet appellat jirriżulta li l-allegazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-informazzjoni kontenzjuża kellha natura kunfidenzjali ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ fumus boni juris.

    23

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif fakkar il-President tal-Qorti Ġenerali fil-punt 21 tad-digriet appellat, fil-kuntest tal-eżami tar-rekwiżiti kollha kumulattivi li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni u tal-miżuri provviżorji oħrajn, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u jibqa’ ħieles li jiddetermina, fid-dawl tad-dettalji tal-każ, il-mod li bih dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, peress li ebda regola tal-liġi ma timponi fuqu skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex jevalwa n-neċessità li jagħti deċiżjoni provviżorja (digriet tad-19 ta’ Lulju 2012, Akhras vs Il-Kunsill, C‑110/12 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2012:507, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    24

    F’dan il-każ, il-President tal-Qorti Ġenerali indika, fil-punt 23 tad-digriet appellat, li huwa għandu l-intenzjoni li jeżamina fl-ewwel lok jekk ir-rekwiżit ta’ urġenza huwiex sodisfatt. Madankollu, fil-kuntest tal-eżami tiegħu, fil-punti 37 sa 46 ta’ dan id-digriet, huwa fir-realtà analizza l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tal-appellanti dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-informazzjoni kontenzjuża kinitx koperta bis-sigriet professjonali, mingħajr ma silet, b’mod espress, konklużjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk dawn l-allegazzjonijiet jissodisfawx jew le r-rekwiżit ta’ fumus boni juris.

    25

    Minkejja struttura ta’ analiżi ftit koerenti, jirriżulta madankollu b’mod suffiċjentement ċar mid-digriet appellat li l-President tal-Qorti Ġenerali qies li, f’dan il-każ, l-allegazzjoni tal-appellanti li kienet tgħid li l-imsemmija informazzjoni kienet kunfidenzjali ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ fumus boni juris.

    26

    F’dan ir-rigward, minn naħa, il-President tal-Qorti Ġenerali b’mod partikolari fakkar, fil-punt 42 tad-digriet appellat, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-informazzjoni li kienet sigrieta jew kunfidenzjali, iżda li tkun ilha ħames snin jew iktar, għandha, minħabba li jkun għadda ż-żmien, titqies, bħala prinċipju, li hija storika u li titlef, għalhekk, in-natura sigrieta jew kunfidenzjali tagħha sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura turi li, minkejja li tkun antika, din l-informazzjoni tkun għadha tikkostitwixxi element essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, li jwasslu għal preżunzjoni konfutabbli, huma validi kemm fil-kuntest ta’ talbiet għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti fil-kuntest ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni kif ukoll fil-kuntest ta’ talbiet għal kunfidenzjalità għall-finijiet tal-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni, C‑162/15 P, EU:C:2017:205, punt 64).

    27

    Min-naħa l-oħra, il-President tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 43 tad-digriet appellat, qies li, f’dan il-każ, l-informazzjoni kontenzjuża li kienet inġabret waqt l-ispezzjoni mwettqa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni matul is-sena 2009 u li l-appellanti ma pprovawx juru r-raġunijiet għaliex l-informazzjoni kontenzjuża, min-natura tagħha, minkejja ż-żmien li għadda, ma kinitx tilfet in-natura sigrieta u kunfidenzjali tagħha.

    28

    Fuq din il-bażi biss, il-President tal-Qorti Ġenerali ġustament qies li r-rekwiżit ta’ fumus boni juris ma kienx ġie sodisfatt. Konsegwentement, il-motivi l-oħra tad-digriet appellat, li jinsabu fil-punti 37 sa 41 u 44 sa 46 ta’ dan, intiżi li jeskludu kwalunkwe natura kunfidenzjali tal-imsemmija informazzjoni, huma superfluwi.

    29

    Issa, fil-kuntest tal-appell tagħhom, l-appellanti sempliċement ikkritikaw dawn il-punti tal-aħħar tad-digriet appellat, mingħajr ma kkontestaw il-konstatazzjoni, li tinsab fil-punt 43 tiegħu, b’tali mod li l-argumenti mqajma kontra dawn il-motivi mill-appellanti għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti.

    30

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien mingħajr ma wettaq żbalji ta’ liġi li l-President tal-Qorti Ġenerali qies li din il-kawża hija distinta minn dawk li taw lok għad-digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Pilkington Group (C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558) u tat-2 ta’ Marzu 2016, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C‑162/15 P‑R, EU:C:2016:142).

    31

    Għal dawn ir-raġunijiet, l-ewwel aggravju tal-appell huwa infondat.

    Fuq it-tieni aggravju

    32

    Permezz tat-tieni aggravju tal-appell, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 68 sa 81 tad-digriet appellat, li bihom fl-aħħar huwa ċaħad l-argument tagħhom li jgħid li d-deċiżjoni kontenzjuża tikser id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

    33

    Għal dan il-għan, il-President tal-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punti 69 sa 78 tad-digriet appellat, eżamina u ċaħad l-argument tal-appellanti li jgħid li kien neċessarju, sabiex jiġi rrispettat id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, li tiġi ordnata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża sakemm il-legalità tal-elevazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża tiġi vverifikata. Min-naħa l-oħra, u sussidjarjament, il-President tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 79 sa 81 tal-imsemmi digriet, qies li, fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma kinux stabbilixxew li d-dannu li kien jirriżulta effettivament għalihom mill-allegat ksur tad-dritt għal rimedju effettiv kien distint mid-dannu li kien jirriżulta mill-fatt li jkunu esposti għal ħsara għar-reputazzjoni tagħhom u għar-rikorsi għad-danni, filwaqt li kien warrab l-eżistenza ta’ dan it-tieni preġudizzju fil-punti 62 u 67 tal-istess digriet.

    34

    Fid-dawl tal-istruttura tar-raġunament tal-President tal-Qorti Ġenerali, għandu għalhekk jiġi vverifikat qabelxejn jekk, fl-appell tagħhom, l-appellanti rnexxilhomx jistabbilixxu li huwa wettaq żball ta’ liġi fil-punti superfluwi tal-motivazzjoni tiegħu.

    35

    Issa, dan ma huwiex il-każ.

    36

    Fil-fatt, sa fejn, qabelxejn, l-appellanti jsostnu li l-allegat ksur tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, fih innifsu, jista’ jikkawżalhom dannu gravi u irreparabbli, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, bħall-Kummissjoni u kif imfakkar mill-President tal-Qorti Ġenerali fil-punt 79 tad-digriet appellat ‑ punt li ma ġiex ikkritikat mill-appellanti fl-appell tagħhom ‑ li t-teżi li tgħid li dannu huwa, fih innifsu, gravi u irreparabbli, meta jmiss mal-isfera tad-drittijiet fundamentali ma tistax tiġi ammessa, peress li ma huwiex biżżejjed li jiġi allegat, b’mod astratt, preġudizzju għad-drittijiet fundamentali sabiex jiġi stabbilit li d-dannu li jista’ jirriżulta jkollu neċessarjament natura irreparabbli (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Pilkington Group, C‑278/13 P(R), EU:C:2013:558, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    37

    Fir-rigward, sussegwentement, tal-argument tal-appellanti li jgħid li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża tista’ tikkawża dannu gravi u irreparabbli lill-appellanti, li jirriżulta mir-rikorsi għad-danni li jinħolqu, għandu jiġi rrilevat li din il-kawża tad-dannu kienet ġiet eżaminata mill-President tal-Qorti Ġenerali li, fil-punti 60 u 61 tad-digriet appellat, kien qies li, anki jekk wieħed jassumi li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet il-kawża determinanti tad-dannu allegat u li dan id-dannu ta’ tip pekunjarju kien irreparabbli, l-appellanti ma pproduċewx elementi li jippermettu li tiġi stabbilita n-natura gravi tad-dannu li tiegħu kienu qed jallegaw l-eżistenza.

    38

    L-istess japplika għall-allegat dannu li jirriżulta minn ħsara għar-reputazzjoni tal-appellanti. Fil-fatt, fil-punt 67 tal-imsemmi digriet, il-President tal-Qorti Ġenerali kien ikkonkluda wkoll li l-appellanti ma kienu pproduċew ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit jekk u f’liema miżura l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku li rriżultat mid-deċiżjoni kontenzjuża setgħet taggrava l-ħsara għar-reputazzjoni tagħhom.

    39

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-President tal-Qorti Ġenerali ma wettaq ebda żball ta’ liġi meta, fil-punt 81 tad-digriet appellat, huwa rrefera għall-konklużjonijiet li huwa kien wasal għalihom fil-punti 62 u 67 ta’ dan id-digriet sabiex iwarrab l-argument tal-appellanti li jgħid li l-ksur tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv ikkawżalhom dannu gravi li jirriżulta fi ħsara għar-reputazzjoni tagħhom u riskju li jiġu esposti għal rikorsi għad-danni.

    40

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li jgħid li l-punt 81 tad-digriet appellat huwa bbażat b’mod żbaljat fuq il-konstatazzjoni li l-“kawża determinanti” ta’ kull waħda minn dawn il-kawżi tad-dannu ma kinitx il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża, iżda l-ksur sottostanti stabbilit fid-deċiżjoni tal-kejbils tal-elettriku – peress li kieku din kellha tiġi annullata, il-kawża determinanti tad-dannu ma kinitx tkun l-imsemmija deċiżjoni, iżda l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kontenzjuża nnifisha – huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-appellanti ma pproduċew ebda element li jippermetti li wieħed jifhem ir-raġunijiet li bihom, jekk wieħed jassumi li l-argument tagħhom huwa fondat, titqiegħed inkwistjoni d-deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-appellanti ma pproduċewx elementi suffiċjenti sabiex jistabbilixxu li n-natura gravi tal-allegat dannu tirriżulta mill-ħsara għar-reputazzjoni tagħhom u r-riskju li jkunu esposti għal rikorsi għad-danni.

    41

    Minn dan isegwi li, peress li l-President tal-Qorti Ġenerali ma wettaq l-ebda żball ta’ liġi fil-punt 81 tad-digriet appellat, l-argumenti insostenn ta’ dan l-aggravju diretti kontra l-punti 67 sa 78 ta’ dan id-digriet għandhom jitqiesu, fid-dawl tar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 33 u 34 ta’ dan id-digriet, li huma irrilevanti.

    42

    Peress li t-tieni aggravju wkoll huwa infondat, hemm lok li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    43

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

    44

    Peress li l-Kummissjoni talbet l-ispejjeż kontra l-appellanti u dawn tilfu t-talbiet tagħhom, huma għandhom jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż inkorsi fil-kuntest ta’ din il-proċedura tal-appell kif ukoll fil-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża C‑65/18 P(R).

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    Nexans France SAS u Nexans SA huma kkundannati għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura tal-appell kif ukoll dawk tal-proċedura għal miżuri provviżorji fil-Kawża C‑65/18 P(R)-R.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top