EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0037

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2014.
Nexans SA u Nexans France SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Kompetizzjoni — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Proċedura amministrattiva — Spezzjoni — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Indizji suffiċjentement serji — Suq ġeografiku.
Kawża C‑37/13 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2030

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

25 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Appell — Kompetizzjoni — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Proċedura amministrattiva — Spezzjoni — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Indizji suffiċjentement serji — Suq ġeografiku”

Fil-Kawża C‑37/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2013,

Nexans SA, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Nexans France SAS, stabbilita f’Pariġi,

irrappreżentati minn M. Powell, solicitor, J.‑P. Tran-Thiet, avukat, G. Forwood, barrister, u A. Rogers, solicitor,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Sauer, J. Bourke u N. von Lingen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Frar 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Nexans SA (iktar ’il quddiem “Nexans”) u Nexans France SAS (iktar ’il quddiem “Nexans France”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 92/1, tad-9 ta’ Jannar 2009, li tordna lil Nexans u lis-sussidjarja tagħha Nexans France jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), kif ukoll ta’ diversi deċiżjonijiet adottati matul din l-ispezzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Poteri tal-Kummissjoni”, jipprevedi li:

“Għal għan li jiġu applikati l-Artikoli [81 KE] u [82 KE], il-Kummissjoni għandha ikollha s-setgħa prevista min dan ir-Regolament.”

3

L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Is-setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni”, jipprevedi li:

“1.   Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

[...]

4.   Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil[l]-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet[t] u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l-pieni previsti mil[l]-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni tad-deċiżjoni mil[l]-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni ħa tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha isseħħ l-ispezzjoni. [...]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

4

Fil-punti 1 sa 5 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor il-fatti li wasslu għall-kawża b’dan il-mod:

“1

Ir-rikorrenti, [Nexans] u s-sussidjarja 100 % tagħha [Nexans France], huma żewġ kumpanniji Franċiżi li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-settur tal-kejbils tal-elettriku.

2

Permezz tad-[deċiżjoni kontenzjuża], il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ordnat lil Nexans u lill-impriżi kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, inkluża Nexans France, jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament [Nru 1/2003].

3

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [kontenzjuża] jipprovdi hekk:

‘Nexans […], kif ukoll l-impriżi kollha, direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, inkluża Nexans France […] bil-preżenti għandha l-obbligi li tissuġġetta ruħha għal spezzjoni dwar il-parteċipazzjoni eventwali [tagħha] (tagħhom) fi ftehimiet antikompetittivi u/jew prattiki miftiehma li jmorru kontra l-Artikolu 81 [KE …] fir-rigward tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku u ta’ materjal relatat inklużi, fost l-oħrajn, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u, f’ċerti każijiet, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art, li jinkludu s-sottomissjoni ta’ offerti miftiehma fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi, l-għoti ta’ klijenti, kif ukoll l-iskambju illegali ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar il-provvista ta’ dawn il-prodotti.

L-ispezzjoni tista’ seħħ fil-postijiet kollha kkontrollati mill-impriża […]

Nexans […] kif ukoll l-impriżi kollha, direttament jew indirettament ikkontrollati minnha (minnhom), inkluża Nexans France […] tawtorizza lill-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-Kummissjoni [sabiex] jipproċedu bi spezzjoni u lill-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru [sabiex] jgħinuhom jew imqabbda minn din tal-aħħar għal dan il-għan, sabiex jaċċedu għall-postijiet tan-negozju u għall-mezzi ta’ trasport kollha tagħha fil-ħinijiet normali tax-xogħol. Hija tissuġġetta għal spezzjoni l-kotba kif ukoll kull dokument professjonali ieħor, ikun xi jkun il-mezz li fuqu jinsab, jekk l-uffiċjali u l-persuni oħra mqabbda jressqu talba għal dan il-għan u tippermettilhom jeżaminawhom fuq il-post u li jieħdu jew jiksbu taħt kwalunkwe forma li tkun, kopja jew estratt ta’ dawn il-kotba jew dokumenti. Hija tawtorizza t-twaħħil ta’ siġilli fil-positijiet kummerċjali u fuq il-kotba jew dokumenti kollha matul l-ispezzjoni u sa fejn dan huwa neċessarju għall-finijiet ta’ dan. Hija tagħti immedjatament fuq il-post tan-negozju spjegazzjonijiet orali fuq is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni jekk dawn l-uffiċjali jew persuni jagħmlu talba għal dan il-għan u tawtorizza kull rappreżentant jew membru tal-personal jagħti spjegazzjonijiet bħal dawn. Hija tawtorizza r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet fi kwalunkwe forma tkun xi tkun.’ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni [kontenzjuża], il-Kummissjoni tippreċiża li l-ispezzjoni tista’ tibda fit-28 ta’ Jannar 2009. Fl-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni, hija tindika li d-deċiżjoni [kontenzjuża] għandha tiġi nnotifikata lill-impriża li tagħha hija d-destinatarja immedjatament qabel l-ispezzjoni.

5

Id-deċiżjoni [kontenzjuża] hija mmotivata kif ġej:

‘Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni fis-sens li l-fornituri ta’ kejbils tal-elettriku, inkluż fosthom impriżi li għalihom kienet indirizzata din id-deċiżjoni, jipparteċipaw jew kienu pparteċipaw fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw il-provvista ta’ kejbils tal-elettriku u ta’ materjal relatat inklużi, fost l-oħrajn, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u, f’ċerti każijiet, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art, li jinkludu s-sottomissjoni ta’ offerti miftiehma fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi, l-għoti ta’ klijenti, kif ukoll l-iskambju illegali ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar il-provvista ta’ dawn il-prodotti.

[...]

Skont l-informazzjoni riċevuta mill-Kummissjoni, [dawn] il-ftehimiet u/jew prattiki miftiehma […], li ilhom jeżistu mill-inqas mill-2001 għadhom jeżistu sal-ġurnata tal-lum. [Huma] għandhom probabbilment portata mondjali.

Jekk jiġi stabbilit li dawn l-allegazzjonijiet huma fondati, il-ftehimiet u/jew il-prattiki miftiehma deskritti iktar ’il fuq jammontaw għal ksur gravi ħafna tal-Artikolu 81 [KE].

Sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika l-fatti kollha li jirrigwardaw il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma preżunti u l-kuntest li fih huma seħħew, huwa neċessarju li jsiru spezzjonijiet skont l-Artikolu 20 tar-Regolament […] Nru 1/2003.

[...]’”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ April 2009, Nexans u Nexans France talbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tal-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni matul l-ispezzjoni. Barra minn hekk, huwa talbu lill-Qorti Ġenerali tordna miżuri kontra l-Kummissjoni fl-eventwalità li d-deċiżjoni kontenzjuża u l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni matul l-ispezzjoni inkwistjoni jiġu annullati.

6

Insostenn tat-talba tagħhom, l-appellanti qajmu motiv uniku, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u tad-drittijiet fundamentali, jiġifieri d-drittijiet tad-difiża, id-dritt għal smigħ xieraq, id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Permezz ta’ dan il-motiv, maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti kkritikaw lill-Kummissjoni, l-ewwel nett, fir-rigward tan-natura eċċessivament estiża u vaga tal-firxa ta’ prodotti koperti mid-deċiżjoni kontenzjuża u, it-tieni nett, fir-rigward tal-portata ġeografika eċċessivament wiesgħa ta’ din id-deċiżjoni.

7

Fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-motiv uniku, sa fejn hija kienet tkopri l-kejbils tal-elettriku minbarra l-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u ta’ taħt l-art u l-materjal relatat ma’ dawn il-kejbils l-oħra, u dan wara li kkonkludiet, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx uriet li hija kellha indizji suffiċjentement serji sabiex tordna spezzjoni tal-kejbils kollha tal-elettriku u tal-materjal relatat ma’ dawn il-kejbils. Il-Qorti Ġenerali caħdet il-kumplament tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv.

8

Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-imsemmi motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 97 sa 99 kif ġej:

“97

Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, billi indikat li l-ftehimiet u/jew l-prattiki miftiehma ssuspettati għandhom ‘probabbilment portata mondjali’, il-Kummissjoni ddeskriviet b’mod iddettaljat il-portata ġeografika tal-akkordju ssuspettat. Il-preċiżjoni tad-deċiżjoni [kontenzjuża] li tirrigwarda l-portata ġeografika tal-ksur eventwali għad-dritt tal-kompetizzjoni fejn l-eżistenza kienet issuspettata mill-Kummissjoni għandha b’hekk titqies li hija suffiċjenti.

98

Madankollu, huwa possibbli li l-argumenti tar-rikorrenti jiġu interpretati fis-sens li huma jikkritikaw lill-Kummissjoni mhux talli identifikat b’mod vag wisq il-portata ġeografika tal-akkordju ssuspettat iżda talli setgħet inkludiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni [kontenzjuża] dokumenti li jirrigwardaw swieq ġeografiċi ta’ natura lokali li jinsabu barra mis-suq komuni mingħajr ma tippreċiża r-raġunijiet li għalihom aġir tal-impriża inkwistjoni f’dawn is-swieq seta’ jxekkel il-kompetizzjoni fis-suq komuni.

99

F’dan ir-rigward, għandu jingħad li t-titolu stess tar-Regolament Nru 1/2003 juri li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni minn dan ir-regolament għandhom bħala għan l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jipprojbixxu ċertu aġir min-naħa ta’ impriżi sa fejn dan ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandu bħala għan jew effett li jwaqqaf, jirrestrinġi jew ixekkel il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat tagħha ta’ spezzjoni biss għall-finijiet li tiżvela aġir bħal dan. Il-Kummissjoni b’hekk ma tistax twettaq spezzjoni fil-bini ta’ impriża jekk hija tissuspetta l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li l-effetti tagħhom seħħew esklużivament f’suq wieħed jew iktar barra mis-suq komuni. Min-naħa l-oħra, xejn ma jwaqqafha milli teżamina dokumenti dwar dawn is-swieq sabiex jiġi identifikat aġir li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandu bħala għan jew effet li jwaqqaf, jirrestrinġi jew ixekkel il-kompetizzjoni ġewwa s-suq Komuni.”

9

Fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet għalhekk it-tieni parti tal-motiv uniku.

10

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali caħdet bħala inammissibbli t-talba għall-annullament tal-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni matul l-ispezzjoni, u ddikjarat ukoll manifestament inammissbbli t-talba tal-appellanti intiża sabiex l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi eventwali tal-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża u tal-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni matul l-ispezzjoni.

11

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din tal-aħħar tikkonċerna l-kejbils tal-elettriku barra mill-kejbils tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli taħt l-ilma u taħt l-art kif ukoll il-materjal assoċjat ma’ dawn il-kejbils l-oħra, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

12

Fir-rigward tal-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali kkundannat lil Nexans u Nexans France jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ġiet ikkundannata tbati n-nofs l-ieħor tal-ispejjeż tagħha stess.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13

Nexans u Nexans France jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiċħad it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-argument li l-portata ġeografika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni kienet eċċessivament wiesgħa u mhux preċiża biżżejjed;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn il-portata ġeografika tagħha hija eċċessivament wiesgħa, u la hija suffiċjentement ġustifikata u lanqas suffiċjentement preċiża, jew, alternattivament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tannulla s-sentenza appellata sa fejn tikkundanna lil Nexans tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni u tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż esposti mill-appellanti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali f’ammont li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lil Nexans kif ukoll lil Nexans France għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

15

Insostenn tal-appell tagħhom, Nexans u Nexans France jinvokaw żewġ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju, huma jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tagħhom dwar il-portata ġeografika eċċessivament wiesgħa u mhux preċiża tad-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz tat-tieni aggravju, huma jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkundannathom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

Fuq l-ewwel aggravju

16

L-ewwel aggravju mqajjem minn Nexans u Nexans France, indirizzat kontra l-punti 95 sa 100 tas-sentenza appellata, huwa maqsum, essenzjalment, f’żewġ partijiet. L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq ksur tar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-portata ġeografika tad-deċiżjoni kontenzjuża. It-tieni parti tal-imsemmi aggravju hija bbażata fuq żball li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta ma vverifikatx jekk il-Kummissjoni kellhiex indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur ta’ portata probabbilment mondjali.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażata fuq ksur tar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni għal dak li jirrigwarda l-portata ġeografika tad-deċiżjoni kontenzjuża

– L-argumenti tal-partijiet

17

Minn naħa, Nexans u Nexans France jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenza tagħha, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sa fejn hija ma spjegatx b’mod suffiċjenti, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, kif waslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni kienet iddeskriviet b’mod iddettaljat il-portata ġeografika tal-akkordju ssuspettat billi indikat li din kellha “probabbilment portata mondjali”. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argument tagħhom li jgħid li, minħabba n-natura lokalizzata ħafna tal-proġetti ta’ kejbils barra mill-Unjoni Ewropea jew miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u tal-karatteristiċi speċifiċi tal-proġetti ta’ kejbils, ma kienx possibbli li jitqies li aġir antikompetittiv fir-rigward ta’ proġetti barra mis-suq komuni jeffettwa b’xi mod lil dan is-suq.

18

Min-naħa l-oħra, Nexans u Nexans France jilmentaw li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni applikabbli għal deċiżjoni ta’ spezzjoni sa fejn hija ċaħdet l-argument tagħhom ibbażat fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża għal dak li jirrigwarda s-suq ġeografiku tal-ksur issuspettat.

19

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni hija obbligata tindika f’deċiżjoni ta’ spezzjoni s-suq allegatament inkwistjoni, sa fejn din l-istituzzjoni ma spjegatx, fid-deċiżjoni kontenzjuża, dak li hija riedet tfisser b’“aġir antikompetittiv issuspettat ta’ portata probabbilment mondjali”. It-tieni nett, huma josservaw li l-Qorti Ġenerali ma qisitx li kien neċessarju, kuntrarjament għal ġurisprudenza kostanti, li l-Kummissjoni tindika fid-deċiżjoni kontenzjuża l-preżunzjonijiet li hija kellha l-intenzjoni tivverifika u, b’mod partikolari, li hija kienet qed tinvestiga ftehim tat-tip “stay-at-home” jew aġir ieħor barra mis-suq komuni li hija ssuspettat kellu effett fuq is-suq komuni. Barra minn hekk, Nexans u Nexans France jsostnu li l-assenza ta’ preċiżjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar il-kwistjoni ta’ kif l-aġir antikompetittiv issuspettat fir-rigward ta’ proġetti barra mis-suq komuni seta’ kellu effett fl-Unjoni jew fiż-ŻEE ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħhom u pprekludiethom milli jifhmu l-portata eżatta tal-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni.

20

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mill-appellanti fl-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21

Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju mqajjem minn Nexans u Nexans France, għal dak li jirrigwarda l-ewwel argument ta’ dawn tal-aħħar, ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fil-konfront tal-argumenti mressqa mill-appellanti dwar il-portata ġeografika tal-ksur issuspettat, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni, impost fuq il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u tal-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma jobbligax lil din tal-aħħar tipprovdi osservazzjonijiet li jsegwu, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mogħtija mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ b’hekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑601/11 P, EU:C:2013:465, punt 83, kif ukoll Dow Chemical et vs Il‑Kummissjoni, C‑499/11 P, EU:C:2013:482, punt 56).

22

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat l-ewwel argument.

23

Għalkemm il-motivazzjoni dwar id-delimitazzjoni tal-portata ġeografika tal-ksur issuspettat tidher konċiża meta mqabbla mal-analiżi li l-Qorti Ġenerali għamlet fis-sentenza appellata dwar il-kwistjoni tal-delimitazzjoni tal-prodotti kkonċernati, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif l-Avukat Ġenerali semmiet fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-kwistjoni tal-portata ġeografika tal-ksur issuspettat ma kinitx punt ċentrali tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, li ffokaw il-parti l-kbira tar-raġunament tagħhom fuq il-prodotti koperti mid-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, sa fejn il-motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar il-portata ġeografika tal-ksur issuspettat ippermettiet lill-persuni kkonċernati jifhmu r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata abbażi biss tal-qosor ta’ din il-motivazzjoni.

24

Fil-fatt, minkejja l-qosor tagħha, il-Qorti Ġenerali eżaminat espressament l-argumenti tal-appellanti dwar in-natura mhux preċiża tal-portata ġeografika tal-akkordju ssuspettat u mmotivat suffiċjentement is-sentenza appellata sa fejn hija kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet iddeskriviet b’mod iddettaljat il-portata ġeografika tal-akkordju ssuspettat.

25

Mill-punti 95 sa 100 tal-imsemmija sentenza jirriżulta fil-fatt li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq il-portata ġeografika eċċessivament wiesgħa tad-deċiżjoni kontenzjuża. Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata li, billi indikat li l-ftehimiet u/jew il-prattiki miftiehma ssuspettati kellhom “probabbilment portata mondjali”, il-Kummissjoni kienet iddeskriviet b’mod iddettaljat il-portata ġeografika tal-akkordju ssuspettat. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset li l-portata ġeografika tal-ksur issuspettat kienet ġiet stabbilita b’mod suffiċjentement preċiż fid-deċiżjoni kontenzjuża.

26

Barra minn hekk, fil-punti 98 u 99 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat l-argumenti tal-appellanti sa fejn dawn l-argumenti għandhom jinfthiemu b’mod li jikkritikaw lill-Kummissjoni talli inkludiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża dokumenti dwar is-swieq ġeografiċi ta’ natura lokali li jinsabu barra mis-suq komuni mingħajr ma tippreċiża kif aġir antikompetittiv issuspettat f’dawn is-swieq seta’ kellu effett fuq dan is-suq.

27

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament Nru 1/2003 għandhom bħala għan l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE, li jipprojbixxu ċertu aġir min-naħa ta’ impriżi sa fejn dan ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandu bħala għan jew effett li jwaqqaf, jirrestrinġi jew ixekkel il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni. Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan li għalkemm il-Kummissjoni ma tistax twettaq spezzjoni fil-postijiet tan-negozju ta’ impriża jekk hija tissuspetta l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li l-effetti tagħhom seħħew esklużivament f’suq wieħed jew iktar barra mis-suq komuni, xejn ma jwaqqafha milli teżamina dokumenti dwar dawn is-swieq sabiex jiġi identifikat aġir li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandu bħala għan jew effett li jwaqqaf, jirrestrinġi jew ixekkel il-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali spjegat b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-Kummissjoni kienet iddeskriviet b’mod iddettaljat il-portata ġeografika tal-akkordju ssuspettat billi indikat li din kellha “probabbilment portata mondjali”, anki jekk hija ċaħdet biss impliċitament, billi rreferiet għal-limiti tal-kompetenzi fil-qasam tal-ispezzjonijiet mogħtija lill-Kummissjoni permezz tar-Regolament Nru 1/2003, l-argumenti tal-appellanti dwar in-natura lokalizzata ħafna tal-proġetti ta’ kejbils barra mis-suq komuni u tal-karatteristiċi speċifiċi tal-proġetti ta’ kejbils.

29

Għal dak li jirrigwarda t-tieni argument tal-appellanti, fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli injorat ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li l-Kummissjoni trid tosserva fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, minn naħa, sa fejn hija ċaħdet l-argument tal-appellanti bbażat fuq assenza ta’ preċiżjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża fir-rigward tal-portata probabbilment mondjali tal-ksur issuspettat u, min-naħa l-oħra, sa fejn hija injorat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprevedi li l-Kummissjoni għandha tinkludi f’deċiżjoni ta’ spezzjoni l-preżunzjonijiet li jkollha l-intenzjoni tivverifika.

30

L-appellanti jikkritikaw ukoll lill-Qorti Ġenerali talli ma ordnatx il-Kummissjoni tipprovdi indikazzjonijiet iktar preċiżi fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar il-kwistjoni ta’ kif l-aġir antikompetittiv issuspettat fir-rigward ta’ proġetti barra mis-suq komuni seta’ kellu effett fl-Unjoni jew fiż-ŻEE, inkluża indikazzjoni tas-suq preżunt inkwistjoni, liema fatt ippreġudika d-dritt tad-difiża tal-appellanti, billi pprekludiethom milli jifhmu l-portata eżatta tal-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni.

31

Din l-argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha. Fil-fatt, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni, C‑455/11 P, EU:C:2013:796, punt 90).

32

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li jistgħu jkunu direttament u individwalment ikkonċernati jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn il-verifika ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex issir biss fid-dawl tal-kontenut tiegħu iżda anki fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is-suġġett (sentenza Solvay vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:796, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest ġuridiku li fih jitwettqu l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni. L-Artikoli 4 u 20(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħtu fil-fatt setgħat ta’ spezzjoni lill-Kummissjoni bl-għan li tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha li tipproteġi s-suq komuni minn distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni u tippenalizza kull ksur eventwali tar-regoli tal-kompetizzjoni f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda iktar speċifikament id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni, mill-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li dawn għandhom jindikaw, b’mod partikolari, is-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni. Dan l-obbligu speċjali ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat, rekwiżit fundamentali mhux biss sabiex tintwera n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fl-impriżi kkonċernati, iżda wkoll sabiex dawn jitqiegħdu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata tal-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hoechst vs Il‑Kummissjoni, 46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 29).

35

Għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ Nexans u ta’ Nexans France li jgħid li l-Qorti Ġenerali injorat l-obbligu tal-Kummissjoni li tindika fid-deċiżjoni kontenzjuża tagħha s-suq preżunt inkwistjoni, li għandu jinkludi, skont l-appellanti, komponent kemm materjali kif ukoll ġeografiku, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni l-informazzjoni kollha li hija jkollha dwar il-ksur allegat jew li tagħti deskrizzjoni ġuridika eżatta ta’ dan il-ksur, bil-kundizzjoni li hija tindika b’mod ċar il-preżunzjonijiet li jkollha l-intenzjoni tivverifika (sentenza Dow Chemical Ibérica et vs Il‑Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 45).

36

Għalkemm huma minnu li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tindika kemm jista’ jkun b’mod preċiż dak li tkun qed tfittex u l-elementi li dwarhom għandha ssir il-verifika (sentenza Roquette Frères, EU:C:2002:603, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata), min-naħa l-oħra ma huwiex indispensabbli f’deċiżjoni ta’ spezzjoni li jkun hemm indikazzjoni preċiża tas-suq rilevanti, deskrizzjoni ġuridika eżatta tal-ksur allegat jew indikazzjoni tal-perijodu li matulu allegatament seħħ dan il-ksur, bil-kundizzjoni li din id-deċiżjoni ta’ spezzjoni jkun fiha l-elementi essenzjali msemmija iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dow Chemical Ibérica et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:1989:380, punt 46, kif ukoll Roquette Frères, EU:C:2002:603, punt 82).

37

Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-ispezzjonijiet jitwettqu fil-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma jkunx għad għandha, hekk kif issemmi l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, informazzjoni preċiża sabiex tkun tista’ tagħmel evalwazzjoni ġuridika speċifika u tkun għad trid tivverifika l-eżattezza tas-suspetti inizjali tagħha kif ukoll tal-portata ta’ dawn l-avvenimenti, billi l-għan tal-ispezzjoni huwa preċiżament li jinġabru provi dwar ksur issuspettat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Roquette Frères, EU:C:2002:603, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, mill-preambolu tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-ispezzjoni tirrigwarda “ftehimiet u/jew prattiki miftiehma [li] għandhom probabbilment portata mondjali” li kienu “jirrigwardaw il-provvista ta’ kejbils tal-elettriku u ta’ materjal relatat inklużi, fost l-oħrajn, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u, f’ċerti każijiet, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art”. Il-Kummissjoni esprimiet ukoll f’dan il-preambolu s-suspetti tagħha dwar “l-għoti ta’ klijenti”. Barra minn hekk, hija indikat fl-istess preambolu li, jekk jirriżulta li s-suspetti tagħha huma fondati, “il-ftehimiet u/jew il-prattiki miftiehma [...] jammontaw għal ksur gravi ħafna tal-Artikolu 81 [KE]”.

39

Għaldaqstant, fid-dawl tal-indikazzjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża dwar id-dimensjoni ġeografika tal-ksur allegat u tal-kuntest ġuridiku li jirregola s-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta ddeċidiet li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża dwar il-portata ġeografika tal-ksur issuspettat kienet suffiċjenti, mingħajr ma titlob iktar dettalji dwar it-tip ta’ aġir issuspettat barra mis-suq komuni, dwar l-effett li tali aġr seta’ kellu fuq dan is-suq jew dwar it-tip ta’ dokumenti li l-Kummissjoni kellha d-dritt teżamina.

40

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-Kummissjoni ma kinitx, fil-kuntest tal-ispezzjoni tagħha, obbligata tillimita l-investigazzjonijiet tagħha għal dokumenti dwar proġetti li jaffettwaw is-suq komuni. Fid-dawl tas-suspetti tal-Kummissjoni ta’ ksur ta’ portata probabbilment mondjali li jinvolvi l-għoti ta’ klijenti, anki dokumenti relatati ma’ proġetti barra mis-suq komuni setgħu jipprovdu informazzjoni rilevanti dwar il-ksur issuspettat.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur ta’ portata probabbilment mondjali

– L-argumenti tal-partijiet

42

Nexans u Nexans France jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellhiex indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat li l-aġir antikompetittiv inkwistjoni fir-rigward ta’ proġetti barra mis-suq komuni seta’ kellu effett fl-Unjoni jew fiż-ŻEE.

43

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel aggravju, għandu jiġi osservat li mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-appellanti ma kinux ressqu quddiem il-Qorti Ġenerali l-argument dwar l-assenza ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur ta’ portata mondjali għar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rappreżentanti tal-appellanti ammettew, waqt is-seduta, li tali argument ma kienx tressaq espressament quddiem l-imsemmija qorti.

45

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, li kieku parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali, dan ikun ifisser li din il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tilwima li l-ambitu tagħha jkun usa’ minn dak tat-tilwima deċiża mill-Qorti Ġenerali (sentenzi Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 111, kif ukoll Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 35).

46

Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni, magħmula mir-rikorrenti waqt is-seduta, li tgħid li dan l-argument kien inkluż b’mod impliċitu fl-argumentazzjoni tagħhom fl-ewwel istanza, din għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li, f’kuntest ieħor, li kien jirrigwarda l-portata materjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-appellanti invokaw, separatament mill-argument tagħhom ibbażat fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża għal dak li jirrigwarda d-delimitazzjoni tal-prodotti kkonċernati, l-argument dwar l-assenza ta’ indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur f’setturi oħra minn dawk tal-kejbils ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma.

47

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

49

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, indirizzat kontra l-punt 139 tas-sentenza appellata, Nexans u Nexans France jsostnu li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkundannahom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni hija manifestament mhux raġonevoli.

50

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli u, f’kull każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell ma jistax isir biss fuq l-ammont tal-ispejjeż u fuq min għandu jħallashom. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-każ fejn l-aggravji l-oħra kollha ta’ appell ikunu ġew miċħuda, it-talbiet dwar l-allegata irregolarità tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, skont din id-dispożizzjoni (sentenza Gualtieri vs Il‑Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Minn dan isegwi li, sa fejn l-ewwel aggravju tal-appell imressaq mill-appellanti ġie miċħud, it-tieni aggravju dwar it-tqassim tal-ispejjeż għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

53

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

54

Skont l-Artikolu 138(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li jiġu ordnati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Nexans SA u Nexans France SAS huma kkundannati għall-ispejjeż ta’ dan l-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top