Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0320

    Kawża C-320/18 P: Appell ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2018 minn Crocs, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-651/16 – Crocs vs EUIPO

    ĠU C 319, 10.9.2018, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.9.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 319/12


    Appell ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2018 minn Crocs, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-651/16 – Crocs vs EUIPO

    (Kawża C-320/18 P)

    (2018/C 319/15)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Crocs, Inc. (rappreżentanti: J. Guise, Solicitor, D. Knight, Solicitor)

    Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Gifi Diffusion

    Talbiet

    L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    Tannulla s-sentenza appellata.

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel aggravju, ir-rikorrenti titlob ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni aggravju, ir-rikorrenti titlob li s-sentenza appellata tiġi annullata u li l-Qorti Ġenerali tiġi ordnata tillimita l-eżami tagħha għall-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi indirizzati mid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Jekk il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li ma tistax tikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell meta teżamina l-istanzi ta’ żvelar fuq is-sit tal-internet b’mod iżolat, allura r-rikorrenti titlob li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Bord tal-Appell sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-provi prodotti, l-istanzi ta’ żvelar ta’ Fort Lauderdale u l-istanzi ta’ żvelar kummerċjali jaqgħux taħt l-eċċezzjoni tal-Artikolu 7 (1).

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tielet aggravju, ir-rikorrenti titlob li s-sentenza appellata tiġi annullata fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Aritkolu 7 u li l-Qorti Ġenerali tiġi ordnata teżamina mill-ġdid il-provi billi tapplika b’mod xieraq il-formulazzjoni tal-Aritkolu 7 kif ukoll il-kriterju ta’ probabbilitajiet.

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-raba’ aggravu, ir-rikorrenti titlob li s-sentenza appellata tiġi annulata u l-kawża tiġi rrinvijata quddiem Awla oħra tal-Qorti Ġenerali għall-finijiet ta’ eżami mill-ġdid.

    Ir-rikorrenti titlob, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi favoriha dwar l-ispejjeż, skont l-Artikoli 137 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    1)

    L-ewwel aggravju – ksur tal-Artikolu 63 tar-RDK

    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Aritkolu 63 peress li ma annullatx id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell sa fejn hija aċċettat li jiġu ammessi provi ġodda.

    2)

    It-tieni aggravju – ksur tal-Aritkolu 61 tar-RDK

    Il-Qorti Ġenerali kisret l-Aritkolu 61 billi fir-realtà ddeċidiet dwar kwistjonijiet ta’ fatt li dwarhom il-Bord tal-Appell ma kienx iddeċieda fid-deċiżjoni tiegħu u li ma kinux jagħmlu parti mis-suġġett tar-appell. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali eċċediet is-setgħa tagħha ta’ annullament jew ta’ tibdil tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell.

    3)

    It-tielet aggravju – ksur tal-Artikolu 7 tar-RDK

    Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7 billi applikat livell ta’ prova żbaljat. Billi għamlet dan il-Qorti Ġenerali ssuġġeriet ukoll li dan il-kriterju jeżiġi provi speċifiċi, minflok ma applikat ir-rekwiżiti legali għall-provi prodotti fil-kuntest tal-proċedura. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, b’mod żbaljat, l-argument tar-rikorrenti li fattur kwantitattiv jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-applikazzjoni tal-Aritkolu 7.

    4)

    Ir-raba’ aggravju – kompożizzjoni irregolari tal-Qorti Ġenerali (Is-seba’ Awla)

    Is-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali kienet komposta b’mod irregolari. L-Imħallef Kornezov inħatar fl-2016 fil-Qorti Ġenerali wara li kien fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Madankollu, minn dak iż-żmien ġie stabbilit li l-ħatra tal-Imħallef Kornezov fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kienet ivvizzjata minn difett proċedurali. Kieku l-Imħallef Kornezov ma kienx qed jaqdi l-kariga tiegħu fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-2016, il-ħatra tiegħu fil-Qorti Ġenerali ma kinitx tkun possibbli qabel l-2019. Għaldaqstant, jidher li l-ħatra tiegħu fil-Qorti Ġenerali hija vvizzjata b’difett proċedurali. Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata u l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem awla oħra tal-Qorti Ġenerali.


    (1)  Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nruo6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142, iktar ’il quddiem ir-“RDK”).


    Top