EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0773

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-27 ta’ Frar 2020.
TK et vs Land Sachsen-Anhalt.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Halle.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 2 u 6 – Projbizzjoni minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Remunerazzjoni tal-uffiċjali – Sistema ta’ remunerazzjoni diskriminatorja – Arretrati fuq ir-remunerazzjoni kkalkolati fuq il-bażi ta’ klassifikazzjoni diskriminatorja preċedenti – Diskriminazzjoni ġdida – Artikolu 9 – Kumpens minħabba leġiżlazzjoni diskriminatorja – Terminu ta’ dekadenza għat-tressiq ta’ talba għal kumpens – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.
Kawżi magħquda C-773/18 sa C-775/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:125

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

27 ta’ Frar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 2 u 6 – Projbizzjoni minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Remunerazzjoni tal-uffiċjali – Sistema ta’ remunerazzjoni diskriminatorja – Arretrati fuq ir-remunerazzjoni kkalkolati fuq il-bażi ta’ klassifikazzjoni diskriminatorja preċedenti – Diskriminazzjoni ġdida – Artikolu 9 – Kumpens minħabba leġiżlazzjoni diskriminatorja – Terminu ta’ dekadenza għat-tressiq ta’ talba għal kumpens – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Fil-Kawżi magħquda C‑773/18 sa C‑775/18,

li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Halle (il-Qorti Amministrattiva ta’ Halle, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Awwissu 2018 li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Diċembru 2018, fil-proċeduri

TK (C‑773/18),

UL (C‑774/18),

VM (C‑775/18),

vs

Land Sachsen-Anhalt,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal-Land Sachsen-Anhalt, minn J. Barone, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero, B.‑R. Killmann u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 6, 9 u17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn TK (C‑773/18), UL (C‑774/18) u VM (C‑775/18) minn naħa, u l-Land Sachsen-Anhalt (il-Land ta’ Sachsen-Anhalt, il-Ġermanja) min-naħa l-oħra, li jirrigwardaw talbiet għal ħlas ta’ kumpens minħabba diskriminazzjoni skont l-età allegatament imġarrba waqt il-klassifikazzjoni tagħhom fi skala fl-okkażjoni tar-reklutaġġ tagħhom bħala mħallef jew uffiċjal tal-Land imsemmija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/78 “huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]”

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

l-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

c)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

2.   Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

6

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.

[…]

3.   Il-Paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar limiti taż-żmien biex iġibu azzjonijiet għar-rigward tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament.”

7

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 jiddikjara:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kumissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijet sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.”

Id-dritt Ġermaniż

8

Konformement mal-Artikolu 1 tagħha, l-Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament), tal‑14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”) għandha bħala għan li tipprekludi jew li telimina kull żvantaġġ fuq il-bażi tar-razza jew l-oriġini etnika, tas-sess, tar-reliġjon jew it-twemmin, ta’ diżabbiltà, tal-età jew tal-identità sesswali.

9

L-Artikolu 7(1) tal-AGG jiddikjara:

“Il-ħaddiema ma għandhom iġarrbu ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 […]”

10

L-Artikolu 15 tal-AGG, intitolat “Kumpens u danni”, jipprovdi:

“(1)   Fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-persuna li timpjega għandha tagħmel tajjeb għad-danni li jirriżultaw. Din ir-regola ma tapplikax fil-każ li l-persuna li timpjega ma tkunx responsabbli għall-ksur ta’ tali obbligu.

(2)   Għal dannu li ma jkunx ta’ natura patrimonjali, il-ħaddiem jista’ jitlob kumpens pekunjarju xieraq. […]

[…]

(4)   Id-drittijiet ibbażati fuq il-paragrafi 1 jew 2 għandhom jiġu invokati bil-miktub fi żmien xahrejn sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor fil-ftehimiet kollettivi. Fil-każ ta’ applikazzjoni għal impjieg jew ta’ promozzjoni professjonali, it-terminu jibda jiddekorri minn meta jkun ġie rċevut l-avviż ta’ rifjut u, fil-każijiet l-oħra kollha ta’ danni, minn meta l-impjegat isir jaf bid-diskriminazzjoni.

[…]”

11

Skont l-Artikolu 24 tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-AGG japplikaw mutatis mutandis, b’mod partikolari, għall-uffiċjali u għall-imħallfin.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

12

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑773/18 teżerċita, sa mill‑1 ta’ Jannar 2010, il-funzjoni ta’ mħallef fi ħdan qorti tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt. Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-kawżi C‑774/18 u C‑775/18 huma uffiċjali ta’ dan il-Land sa mill‑1 ta’ Awwissu 2006 u l‑1 ta’ Jannar 2009 rispettivament.

13

Sal‑31 ta’ Marzu 2011 inkluż, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċevew remunerazzjoni konformement mal-Bundesbesoldungsgesetz (il-Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali) tas‑6 ta’ Awwissu 2002 (BGBl. I, p. 3020), kif emendata bil-Liġi tat‑12 ta’ Lulju 2006 (BGBl. I, p. 1466) (iktar ’il quddiem l-“ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali”). Konformement ma’ din il-liġi, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika ta’ uffiċjal jew ta’ mħallef fi ħdan kull grad ta’ funzjoni kienet iddeterminata, mar-reklutaġġ, skont l-età tal-persuna rreklutata.

14

Fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u kkonkretizzat permezz tad-Direttiva 2000/78, b’mod iktar partikolari permezz tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 6(1) tagħha, tipprekludi li, f’kull grad, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tas-settur pubbliku tiġi ddeterminata, mar-reklutaġġ ta’ dan il-membru tal-persunal, skont l-età tiegħu.

15

Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, u wara l-għoti ta’ din is-sentenza, il-Land ta’ Sachsen Anhalt żammet l-istess approċċ tal-Bundesministerium des Innern (il-Ministeru Federali għall-Affarijiet Interni, il-Ġermanja), li ta struzzjoni lill-amministrazzjonijiet federali, permezz ta’ żewġ ċirkolarijiet tas‑27 ta’ Jannar 2012 u tat‑23 ta’ Marzu 2012, li jiċħdu kull ilment imressaq minn uffiċjali jew imħallfin kontra d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tagħhom bis-saħħa tal-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali, minħabba li l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda l-membri tal-persunal bil-kuntratt u ma setgħetx tiġi trasposta għas-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin.

16

Mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-qrati amministrattivi Ġermaniżi ma qablux fuq il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), setgħux jiġu trasposti għall-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin.

17

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu, rispettivament, fis‑16 ta’ Diċembru 2013 (C‑773/18), is‑17 ta’ Frar 2012 (C‑774/18) u l‑21 ta’ Diċembru 2012 (C‑775/18), ilmenti quddiem il-Land ta’ Sachsen Anhalt kontra d-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tagħhom sal‑31 ta’ Marzu 2011, billi invokaw diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Huma kienu talbu, b’mod partikolari, il-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 15(2) tal-AGG.

18

Permezz ta’ sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludu miżura nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fi ħdan kull grad ta’ funzjoni, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika ta’ uffiċjal jew ta’ mħallef tiġi ddeterminata, mar-reklutaġġ, skont l-età tiegħu.

19

Permezz ta’ żewġ liġijiet adottati, rispettivament, fit‑18 ta’ Diċembru 2015 u t‑8 ta’ Diċembru 2016, il-Land ta’ Sachsen Anhalt ipproċeda għall-ħlas ta’ arretrati fuq ir-remunerazzjoni li kienu japplikaw, mis-sena 2008, għall-uffiċjali u l-imħallfin kollha impjegati fis-servizz tiegħu. Għall-perijodu sal‑31 ta’ Marzu 2011 inkluż, l-imsemmija arretrati kienu jammontaw għal perċentwali tar-remunerazzjoni bażika li l-uffiċjali u l-imħallfin kienu effettivament irċevew, matul kull sena meħuda inkunsiderazzjoni, bis-saħħa tal-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali.

20

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dawn l-arretrati fuq ir-remunerazzjoni kienu intiżi sabiex jimplimentaw żewġ sentenzi tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) li permezz tagħhom din kienet iddeċidiet li r-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-uffiċjali tal-Land ta’ Sachsen Anhalt kienet inferjuri għall-minimu legali impost mill-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali) u kienet ordnatlu jżid, mis-sena 2008, ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin fis-servizz tagħha.

21

Fl‑24 ta’ Marzu 2016 (C‑773/18), is‑27 ta’ Ġunju 2016 (C‑774/18) u l‑24 ta’ Frar 2016 (C‑775/18), l-ilmenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew miċħuda minħabba li dawn kienu tressqu wara l-iskadenza tat-terminu għat-tressiq tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Land ta’ Sachsen Anhalt ikkunsidrat b’mod partikolari li dawn kien misshom talbu l-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 15(2) tal-AGG fit-terminu ta’ xahrejn imsemmi fl-Artikolu 15(4) tal-AGG, li beda jiddekorri fit‑8 ta’ Settembru 2011, jum l-għoti tas-sentenza Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560).

22

Fit‑18 ta’ April 2016 (C‑773/18), it‑22 ta’ Lulju 2016 (C‑774/18) u t‑23 ta’ Marzu 2016 (C‑775/18), kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxa l-qorti tar-rinviju b’rikors intiż b’mod partikolari għall-kundanna tal-Land ta’ Sachsen Anhalt sabiex tħallashom il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 15(2) tal-AGG.

23

Din il-qorti tistaqsi, minn naħa, jekk iż-żieda retroattiva tar-remunerazzjonijiet tal-imħallfin u tal-uffiċjali għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2008 sal‑31 ta’ Marzu 2011 ma tinkludix diskriminazzjoni ġdida bbażata fuq l-età, ġaladarba din iż-żieda tammonta għal perċentwali ta’ remunerazzjoni bażika rċevuta bis-saħħa ta’ klassifikazzjoni diskriminatorja fl-iskala mwettqa skont l-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali.

24

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), setgħetx tat lok għad-dekorrenza, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tat-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom, f’dan il-każ permezz tat-tressiq ta’ lmenti. Fid-dawl tal-fatt li iktar minn 60 % ta’ tali lmenti mressqa fil-Land ta’ Sachsen Anhalt ġew miċħuda minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu, din il-qorti għandha dubji dwar kemm l-uffiċjali u l-imħallfin hekk kif instabu f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu jieħdu konjizzjoni, mal-għoti tal-imsemmija sentenza, tan-natura diskriminatorja tal-kalkolu tar-remunerazzjoni rispettiva tagħhom.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Halle (il-Qorti Amministrattiva ta’ Halle, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Iż-żieda a posteriori fil-perċentwali, fil-kuntest ta’ sistema ta’ remunerazzjoni diskriminatorja skont l-età, tikkostitwixxi forma ġdida ta’ diskriminazzjoni meta l-perċentwali ta’ żieda tkun l-istess għal kull skala fi grad, b’tali mod li d-differenza bejn il-persuna diskriminata u l-persuna li ma hijiex ma tvarjax f’termini relattivi iżda tvarja f’termini assoluti?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, din iż-żieda perċentwali hija ġġustifikata għall-etajiet kollha jekk iż-żieda tkun dovuta għall-fatt li r-remunerazzjoni inizjali tkun inqas mill-minimu meħtieġ mill-kostituzzjoni tal-Istat Membru?

3)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 9 tad-Direttiva [2000/78] jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprevedi l-preskrizzjoni, wara termimu ta’ xahrejn, ta’ dritt għal kumpens għal remunerazzjoni diskriminatorja skont l-età, meta

dan it-terminu jibda jiddekorri mill-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), minkejja li l-persuna kkonċernata ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Bundesangestelltentarifvertrag (il-ftehim kollettiv tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-settur pubbliku federali), iżda s-sitwazzjoni personali tagħha tikkorrispondi għal dik imsemmija [fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), jew f’dik li tat lok għas-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561)];

l-uffiċjali u l-imħallfin kkonċernati (ħaddiema) setgħu biss isiru jafu dwar is-sentenza [tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560)] minn sorsi pubbliċi ġenerali;

wara l-adozzjoni tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, il-persuni li jimpjegaw indikaw li din ma kinitx applikabbli għall-uffiċjali [jew għall-imħallfin] u, b’dan il-mod, huma ċaħdu l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni skont l-età, u din il-pożizzjoni legali ġiet ikkomunikata esternament, għall-inqas parzjalment;

il-ġurisprudenza tal-qrati amministrattivi tal-ewwel istanza ċaħdet fil-parti l-kbira l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni skont l-età f’dan it-terminu kif ukoll wara, sal-għoti tas-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005);

il-ġurisprudenza tal-qrati superjuri [nazzjonali] ma kinitx teżisti f’dan it-terminu, u l-ewwel deċiżjoni ta’ qorti suprema ngħatat biss wara s-sentenza [tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005)];

fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ xogħol applikabbli għall-uffiċjali jew għall-imħallfin, it-termini ta’ dekadenza japplikaw biss għar-rimbors ta’ ċerti spejjeż u dawn it-termini ma humiex iqsar minn sitt xhur;

id-drittijiet nazzjonali għal salarju (remunerazzjoni) huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li jibda jiddekorri mill-aħħar tas-sena li fiha dan id-dritt sar dovut u li matulha l-persuna kkonċernata saret taf jew kellha tkun taf b’dan id-dritt, inkella t-terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ għaxar snin;

id-drittijiet nazzjonali għal salarju (remunerazzjoni), li ma humiex previsti mil-liġi, għandhom jiġu invokati f’perijodu ta’ żmien relattivament qasir, jiġifieri fis-sena finanzjarja li għaliha qed jintalbu?

4)

Il-fatt li s-sitwazzjoni legali ma hijiex ċara jew hija konfuża huwa rilevanti għar-risposta għat-tielet domanda?

5)

Sabiex terminu ta’ dekadenza jibda jiddekorri, huwa biżżejjed li l-grupp ta’ persuni żvantaġġati kienu jafu bid-differenza fit-trattament, jew ir-raġuni għal din id-differenza fit-trattament, jiġifieri l-kriterju ta’ differenzazzjoni, għandha wkoll tkun magħrufa?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

Fuq l-ammissibbiltà

26

Il-Land ta’ Sachsen Anhalt jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel u tat-tieni domandi preliminari billi jsostni li dawn ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, peress li l-kawżi prinċipali jirrigwardaw il-ħlas ta’ kumpens taħt l-Artikolu 15(2) tal-AGG, ma jkunx meħtieġ li jsir magħruf jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhomx dritt għal arretrati fuq ir-remunerazzjoni minħabba diskriminazzjoni ulterjuri allegatament imġarrba.

27

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha qiegħda tinstema’ l-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ulterjorment meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu quddiem il-qorti tar-rinviju li ż-żieda retroattiva tar-remunerazzjoni tal-imħallfin u tal-uffiċjali għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2008 sal‑31 ta’ Marzu 2011 tat lok għad-dekorrenza ta’ terminu ġdid taħt l-Artikolu 15(4) tal-AGG, peress li din tinkludi diskriminazzjoni ġdida bbażata fuq l-età.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tqis li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali jew li l-ewwel u t-tieni domandi huma ta’ natura ipotetika.

31

Minn dan isegwi li d-domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

32

Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura li tagħti lil uffiċjali u lil imħallfin, sabiex jiġi żgurat li jirċievu remunerazzjoni xierqa, arretrati fuq ir-remunerazzjoni li jammontaw għal perċentwali tar-remunerazzjoni bażika li rċevew preċedentement bis-saħħa, b’mod partikolari, ta’ skala ta’ remunerazzjoni bażika li kienet ġiet iddeterminata, għal kull grad, meta ġew irreklutati, skont l-età tagħhom.

33

Kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jinftiehem fis-sens ta’ din id-direttiva, bħala l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, ibbażata fuq wieħed mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

34

Għalhekk jeħtieġ li jiġi evalwat, inizjalment, jekk arretrati fuq ir-remunerazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkomportawx differenza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78.

35

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-arretrati fuq ir-remunerazzjoni previsti mil-Liġijiet tat‑18 ta’ Diċembru 2015 u tat‑8 ta’ Diċembru 2016 tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ingħataw lill-imħallfin u lill-uffiċjali kkonċernati sabiex ikunu jistgħu jirċievu remunerazzjoni adegwata mal-importanza tal-funzjonijiet tagħhom, hekk kif inhu impost mil-Liġi Fundamentali, għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2008 sal‑31 ta’ Diċembru 2011 li tammonta għal perċentwali tar-remunerazzjoni bażika rċevuta preċedentement, fejn l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika nnifisha ġiet iddeterminata, għal kull grad, waqt ir-reklutaġġ ta’ dawn l-imħallfin u ta’ dawn l-uffiċjali, skont l-età ta’ dawn tal-aħħar, konformement mal-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 2 u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludu miżura nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fi ħdan kull grad ta’ funzjoni, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika ta’ uffiċjal hija ddeterminata, meta jiġi rreklutat, skont l-età tiegħu (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 52).

36

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, dwar il-punt jekk il-fatt li l-uffiċjali u l-imħallfin li jġarrbu żvantaġġ minħabba l-età tagħhom dovut għall-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali jirċievu, minħabba r-remunerazzjoni bażika tagħhom inferjuri għal dik tal-uffiċjali u tal-imħallfin b’esperjenza ekwivalenti iżda rreklutati f’età iktar avvanzata minn tagħhom, remunerazzjoni supplimentari inferjuri, f’ammonti assoluti, meta mqabbla ma’ dawk tal-aħħar għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2008 sal‑31 ta’ Marzu 2011, jinkludix differenza ġdida fit-trattament ibbażata fuq l-età.

37

F’dan ir-rigward, huwa minnu li arretrati fuq ir-remunerazzjoni ffissati għal perċentwali uniformi tar-remunerazzjoni bażika ta’ uffiċjal jew ta’ mħallef ma għandhomx, bħala tali, rabta intrinsika mal-età u ma jagħtux lok għal distinzjoni fost il-persuni kkonċernati minbarra dawk li jirriżultaw mis-sistema ta’ riferiment li tiddetermina l-imsemmija remunerazzjoni bażika.

38

Madankollu, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, peress li s-sistema ta’ riferiment hija, f’dan il-każ, l-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali, li kienet tiddetermina l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika, għal kull grad, mar-reklutaġġ ta’ dawn l-imħallfin u ta’ dawn l-uffiċjali, skont l-età ta’ dawn tal-aħħar, jidher li din ir-rabta għandha bħala konsegwenza li l-arretrati fuq ir-remunerazzjoni nnifishom inkwistjoni fil-kawża prinċipali, previsti mil-liġijiet tat‑18 ta’ Diċembru 2015 u tat‑8 ta’ Diċembru 2016 tal-Land ta’ Sachsen Anhalt, iwettqu mill-ġdid differenza fit-trattament skont l-età ta’ dawn l-imħallfin u ta’ dawn l-uffiċjali.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-arretrati fuq ir-remunerazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludu differenza ġdida fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78.

40

Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

41

L-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jispeċifika li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni meta tkun oġġettivament u raġonevolament iġġustifikata, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minn għan leġittimu, b’mod partikolari minn għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impiegi, tas-suq tax-xogħol u ta’ taħriġ professjonali, u meta l-mezzi sabiex dan l-għan jintlaħaq ikunu xierqa u neċessarji.

42

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu miżuri li jinkludu differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Huma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa mhux biss fl-għażla tal-għan li għandu jintlaħaq iddeterminat minn fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjiegi, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu dan l-għan (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 46).

43

Skont il-qorti tar-rinviju, id-differenza fit-trattament ikkonstatata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza tirriżulta mit-tiftix ta’ għan, li jirriżulta mil-Liġi Fundamentali, li jikkonsisti f’li tiġi żgurata remunerazzjoni adegwata għall-uffiċjali u għall-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt.

44

F’dan ir-rigward, l-għan intiż sabiex jiġi żgurat li l-uffiċjali u l-imħallfin ta’ dan il-Land jirċievu livell ta’ remunerazzjoni li tkun adegwata mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw għandu jiġi kkunsidrat bħala għan leġittimu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 66).

45

Jeħtieġ li jiġi vverifikat ulterjorment, skont it-termini stess tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, jekk, fil-kuntest ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rrikonoxxuta lill-Istati Membri u mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-mezzi implimentati sabiex dan l-għan jintlaħaq humiex xierqa u neċessarji.

46

F’dan ir-rigward, ir-rikors għal arretrati fuq ir-remunerazzjoni ffissati skont perċentwali uniformi tar-remunerazzjoni bażika jidher, bħala regola ġenerali, li huwa xieraq sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat li b’dan il-mod l-uffiċjali u l-imħallfin jiksbu livell ta’ remunerazzjoni li jkun adegwat mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw.

47

Fir-rigward tal-punt dwar jekk din il-miżura tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu msemmi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-arretrati fuq ir-remunerazzjoni misshomx ġew iffissati skont modalitajiet oħra, b’mod partikolari b’riferiment għall-iskala ogħla tal-grad ikkonċernat.

48

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-punti 63, 72 u 86 tas-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment li l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali intiża li telimina diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li jkollha bħala riferiment, għal perijodu tranżitorju, is-sistema ta’ remunerazzjonijiet preċedenti li kienet tistrieħ fuq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, sa fejn dan ir-riferiment ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba u sa fejn maż-żmien l-effetti tagħha jkunu tali li jonqsu u jisparixxu.

49

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, li d-dannu li tali sistema tranżitorja tista’ tikkawża lill-uffiċjali kkonċernati huwa partikolarment kumpless biex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari fid-dawl tan-numru ta’ uffiċjali kkonċernati u fl-assenza ta’ sistema ta’ riferiment valida li tippermetti l-paragun bejn l-uffiċjali vvantaġġati u l-uffiċjali żvantaġġati.

50

Mill-perijodu li jippreċedi d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida, il-Kummissjoni siltet, fil-punt 96 tas-sentenza msemmija, li arretrati fuq ir-remunerazzjoni kkalkolati b’riferiment għall-ogħla skala tal-grad ikkonċernat għandhom japplikaw biss fir-rigward ta’ sistema ta’ riferiment valida u fejn tali sistema ta’ riferiment ma kinitx teżisti fil-kuntest tal-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali, ġaladarba l-aspetti diskriminatorji tagħha kienu potenzjalment jaffettwaw l-uffiċjali kollha kkonċernati.

51

Issa, fir-rigward ta’ dawn l-elementi ta’ ġurisprudenza, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, sa fejn miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba f’kuntest iddefinit, b’mod partikolari, kemm minn numru għoli ta’ uffiċjali u ta’ mħallfin ikkonċernati kif ukoll mill-assenza ta’ sistema valida ta’ riferiment u sa fejn din ma twassalx sabiex maż-żmien titwettaq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 ma jipprekludux li tali sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni tkun akkumpanjata b’arretrati fuq ir-remunerazzjoni intiżi li jiġi żgurat li l-uffiċjali u l-imħallfin jirċievu, għal perijodu qasir li jippreċedi d-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida intiża sabiex tiġi eliminata kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, livell ta’ remunerazzjoni li jkun adegwat mal-importanza tal-funzjonijiet li jeżerċitaw.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi u suġġett għal verifiki li, għaldaqstant, għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirx li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li jikkonsisti f’li tiġi żgurata remunerazzjoni adegwata lill-uffiċjali u lill-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt, hekk kif impost mil-Liġi Fundamentali.

53

Għalhekk, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi tkun li l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sa fejn tissodisfa l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba f’kuntest iddefinit b’mod partikolari kemm min-numru għoli ta’ uffiċjali u ta’ mħallfin ikkonċernati kif ukoll mill-assenza ta’ sistema valida ta’ riferiment u sa fejn ma twassalx sabiex maż-żmien titwettaq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, dawn ma jipprekludux miżura li tagħti lil uffiċjali u lil imħallfin, sabiex tiġi żgurata lilhom remunerazzjoni adegwata, arretrati fuq ir-remunerazzjoni li jammontaw għal perċentwali mir-remunerazzjoni bażika li preċedentement irċevew bis-saħħa, b’mod partikolari, ta’ skala ta’ remunerazzjoni bażika li kienet ġiet iddeterminata, għal kull grad, mar-reklutaġġ tagħhom, skont l-età tagħhom.

Fuq it-tielet sal‑ħames domandi

54

Permezz tat-tielet sal-ħames domandi, li wkoll jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jiffissa l-bidu tad-dekorrenza ta’ terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn għat-tressiq ta’ talba għal kumpens għad-danni li jirriżultaw minn miżura li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għall-jum tal-għoti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstatat in-natura diskriminatorja ta’ miżura simili, b’mod partikolari meta, fl-imsemmi Stat Membru teżisti kontroversja dwar il-possibbiltà li mal-miżura kkonċernata jiġu trasposti l-prinċipji li jirriżultaw minn din is-sentenza.

55

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi osservat li huwa paċifiku li l-AGG tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Ġermaniż, li l-Artikolu 15(2) tal-AGG huwa intiż sabiex jikkontribwixxi sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi imposti fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bis-saħħa tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva u li din id-dispożizzjoni tal-AGG tipprevedi, f’dan ir-rigwarda, il-kumpens għad-danni mhux ta’ natura patrimonjali kkawżati minn diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

56

Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kisba ta’ tali kumpens tiddependi mis-sempliċi turija tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, li d-danni jiġu evalwati, konformement ma’ ġurisprudenza nazzjonali stabbilita, b’mod fiss għal EUR 100 fix-xahar għall-perijodu li matulu seħħet id-diskriminazzjoni u li d-drittijiet ibbażati fuq l-Artikolu 15(2) tal-AGG għandhom jiġu invokati, skont l-Artikolu 15(4) tal-AGG, bil-miktub indirizzati lill-persuna li timpjega f’terminu ta’ xahrejn mill-mument fejn l-impjegat kellu għarfien tad-diskriminazzjoni.

57

Il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu ġie ffissat, għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konformement mal-ġurisprudenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), fil-jum tal-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560).

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-tul ta’ dan it-terminu u l-iffissar, fit‑8 ta’ Settembru 2011, tal-bidu tad-dekorrenza tiegħu jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

59

Konformement ma’ din id-dispożizzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom iħarsu b’mod partikolari sabiex proċeduri amministrattivi intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/78 ikunu aċċessibbli għall-persuni kollha li jqisu li ġew leżi bin-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-konfront tagħhom.

60

B’hekk mill-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-kwistjoni tat-termini biex jitressqu proċeduri intiżi sabiex jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 24).

61

Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jirregola tali modalitajiet proċedurali, sa fejn dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 25).

62

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78 ma jipprekludix terminu bħal dak previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG, bil-kundizzjoni li, minn naħa, dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jirrigwarda rikorsi simili ta’ natura interna, u, min-naħa l-oħra, l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tal-imsemmi terminu ma jagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 42).

63

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 15(4) tal-AGG mal-prinċipju ta’ ekwivalenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-possibbiltà li jinkiseb kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li jirriżultaw mill-ksur tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-identità sesswali ġiet introdotta mill-AGG, u li għaldaqstant ma kinux jeżistu, effettivament, proċeduri ekwivalenti qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 30). Issa, tali konstatazzjoni tidher li hija kkonfermata mill-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

64

Barra minn hekk minn dan l-istess proċess jirriżulta li d-drittijiet ikkonferiti mill-Artikolu 15(2) tal-AGG jistgħu jiġu invokati indipendentement min-natura pubblika jew privata tar-relazzjoni tax-xogħol u mill-punt dwar jekk dawn ir-relazzjonijiet himiex koperti minn ftehim kollettiv jew le.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-azzjonijiet imsemmija fit-tielet domanda preliminari, li jidhru kollha kemm huma li huma relatati ma’ pretensjonijiet pekunjarji speċifiċi għar-relazzjonijiet tax-xogħol fis-servizz pubbliku, humiex simili għall-azzjoni għal kumpens ippreżentata taħt l-Artikolu 15 tal-AGG u jekk jinkludux modalitajiet proċedurali iktar favorevoli, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-proċeduri inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 29).

66

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju hija l-unika waħda li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali ta’ tali azzjonijiet fil-qasam tad-dritt tas-servizz pubbliku u hija, għalhekk, l-iktar waħda li aħjar tista’ teżamina kemm is-suġġett kif ukoll l-elementi essenzjali tal-proċeduri allegatament simili ta’ natura interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 28).

67

Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, jeħtieġ li jitfakkar li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza titlob li r-regola nazzjonali kkonċernata tapplika mingħajr distinzjoni għall-proċeduri bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq ksur tad-dritt intern li jkollhom għan u kawżalità simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Rudigier, C‑518/17, EU:C:2018:757, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, jeħtieġ li jiġi osservat li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, tal-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, TDC, C‑327/15, EU:C:2016:974, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività sa fejn dan jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali li jipproteġi kemm lill-persuna kkonċernata kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, bħala prinċipju, tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw it-termini filwaqt li jqisu, b’mod partikolari, l-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, il-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, in-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u l-interessi pubbliċi jew privati l-oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Suġġett għal din il-limitazzjoni, l-Istati Membri huma fil-libertà li jistabbilixxu termini itwal jew iqsar (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, TDC, C‑327/15, EU:C:2016:974, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

B’mod partikolari, fir-rigward tal-Artikolu 15(4) tal-AGG, li jipprevedi terminu ta’ xahrejn għat-tressiq ta’ lment quddiem il-persuna li timpjega, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jidhirx li t-tul ta’ dan it-terminu ta’ dekadenza jista’ jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punts 38 u 39).

71

Fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ dekadenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tenfasizza li dan ma jistax jiġi ffissat b’tali mod li l-ħaddiem jgħaddi mir-riskju li ma jkunx f’pożizzjoni li jsir jaf, f’dan it-terminu, dwar l-eżistenza jew l-importanza tad-diskriminazzjoni li tagħha kien vittma, liema fatt ikun iqiegħdu f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li jinvoka d-drittijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 40).

72

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sa fejn il-bidu tad-dekorrenza previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG huwa l-mument meta l-ħaddiem ikun sar jaf bid-diskriminazzjoni allegata, din id-dispożizzjoni ma kinitx tali li tagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet ikkonferiti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 41).

73

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx bħala diffikultà eċċessiva l-fatt li jiġu imposti termini ta’ dekadenza li jibdew jiddekorru biss mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tkun saret taf bid-diskriminazzjoni allegata jew, minn tal-inqas, imissha saret taf biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Flausch et, C‑280/18, EU:C:2019:928, punt 55).

74

Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 71 sa 73 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex persuna tkun f’pożizzjoni li ssir taf bl-eżistenza jew bl-importanza tad-diskriminazzjoni li tagħha hija vittma, hija għandha tkun tista’ ssir taf kemm bid-differenza fit-trattament li għaliha kienet suġġetta, bir-raġuni għal din id-differenza fit-trattament u bin-natura diskriminatorja tad-differenza fit-trattament dovuta għal din ir-raġuni.

75

F’dan il-każ, sa fejn hija l-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali li kienet tipprevedi li l-iskala ta’ remunerazzjoni bażika ta’ uffiċjal jew ta’ mħallef fi ħdan kull grad ta’ funzjoni, mar-reklutaġġ tiegħu, kienet tiġi ddeterminata skont l-età ta’ din il-persuna, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, sa mir-reklutaġġ tagħhom, kemm bid-differenza fit-trattament li għaliha kienu suġġetti kif ukoll ir-raġuni għaliha.

76

Min-naħa l-oħra, fil-kawżi prinċipali ma jidhirx li ġie kkontestat l-argument li r-rikorrenti ma kellhomx għarfien u ma kinux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, meta ġew irreklutati, dwar in-natura diskriminatorja tad-differenza fit-trattament li għaliha kienu ġew esposti minħabba l-imsemmija raġuni. Fil-fatt mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li huma kellhom għarfien dwar dan biss ftit qabel ma ressqu l-ilmenti tagħhom.

77

Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kinux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien dwar l-imsemmija natura diskriminatorja mill-jum tal-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), hekk kif iddeċidietha l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), minħabba li l-punti ta’ liġi rilevanti kienu ġew stabbiliti b’mod suffiċjentement ċar permezz ta’ din is-sentenza.

78

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura u l-portata tal-obbligu li jaqa’ fuq l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikoli 2(2) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, fid-dawl ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-ex Liġi Federali dwar ir-Remunerazzjoni tal-Uffiċjali, ġew ikkjarifikati u spjegati sa mill-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560) (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 104).

79

Huwa paċifiku li f’dak iż-żmien il-Land ta’ Sachsen Anhalt ma informax lill-impjegati tiegħu dwar l-għoti ta’ din is-sentenza, iżda li din kienet disponibbli fil-jum innifsu tal-għoti tiegħu fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija sentenza kienet suġġetta għal xandira kemm lill-pubbliku b’mod ġenerali, permezz tal-mezzi tax-xandir Ġermaniżi, kif ukoll fost il-membri ta’ sindakat li jirrappreżenta l-uffiċjali ta’ dan il-Land.

80

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, minn 10667 talba għall-ħlas ta’ kumpens taħt l-Artikolu 15(2) tal-AGG imressqa quddiem l-awtoritajiet tal-imsemmi Land, 7071 ġew miċħuda, fosthom 6516 minħabba li t-tressiq tardiv tagħhom fid-dawl tat-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG. Għalhekk, 4151 minn dawn it-talbiet tressqu f’dan it-terminu, li minnhom iktar minn 700 minn sindakat li jkun qed jaġixxi f’isem il-membri tiegħu.

81

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-uffiċjali u l-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt kienu kkonċernati, matul il-perijodu rilevanti għall-kawża prinċipali, mhux mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), iżda minn dik inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561).

82

Hija tenfasizza li, wara l-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), il-Land ta’ Sachsen Anhalt qies, bħall-Ministru Federali għall-Intern fiċ-ċirkolari tiegħu tas‑27 ta’ Jannar 2012 u t‑23 ta’ Marzu 2012, li l-prinċipji li jirriżultaw minn din is-sentenza ma setgħux jiġu trasposti għas-sitwazzjoni tal-uffiċjali jew tal-imħallfin fis-servizz tiegħu, peress li dawn kienu jirrigwardaw biss lill-membri tal-persunal bil-kuntratt.

83

Il-qorti tar-rinviju tispjega li din il-fehma kienet kondiviża, sal-għoti tas-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561), mill-maġġoranza tal-qrati amministrattivi Ġermaniżi, fejn il-kjarifika mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) kienet ingħatat biss wara l-għoti tas-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005).

84

B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, il-punti ta’ liġi rilevanti għall-kawża prinċipali ġew ikkjarifikati biss progressivament mas-sentenzi suċċessivi tal-Qorti tal-Ġustizzja u, sal-għoti tas-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 51), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561, punti 3334), dawn il-punti ma kinux ġew stabbiliti b’mod ċar biżżejjed.

85

Fl-aħħar nett, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhomx għarfien mill-ewwel dwar is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), u lanqas ma qiesu l-importanza tagħha fir-rigward tar-remunerazzjoni rispettiva tagħhom.

86

Minn dawn l-elementi, b’mod partikolari miċ-ċirkustanza li eluf ta’ uffiċjali u ta’ imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ressqu t-talbiet tagħhom fit-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG, jidher b’mod ċar li l-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu, hekk kif ġie ffissat f’dan il-każ, ma kienx jagħmel prattikament impossibbli l-eżerċizzjoni tad-drittijiet ikkonferiti mill-Artikolu 15(2) tal-AGG.

87

Min-naħa l-oħra, hekk kif jidher li tqis il-qorti tar-rinviju, elementi oħra intiżi li juru li, fiċ-ċirkustanzi partikolari deskritti minnha, l-eżerċizzju mill-uffiċjali u l-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ta’ dawn id-drittijiet ġie magħmul eċċessivament diffiċli, fejn il-bidu tad-dekorrenza ġie ffissat b’mod li kienu jgħaddu mir-riskju li ma jkunux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, fit-terminu ta’ xahrejn, dwar l-eżistenza jew l-importanza tad-diskriminazzjoni li tagħha kienu vittmi.

88

Fil-fatt, fil-punti 81 sa 84 ta’ din is-sentenza tfakkar li s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), ma kinitx tirrigwarda l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l-Land ta’ Sachsen Anhalt u l-awtoritajiet federali kompetenti kienu qiesu, wara l-għoti ta’ din is-sentenza, li l-prinċipji li jirriżultaw minnha ma kinux transponibbli għas-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin, u li, sal-għoti tas-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, point 51), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561, punti 3334), il-maġġoranza tal-qrati amministrattivi Ġermaniżi kienu tal-istess fehma.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tidher li qed tqis ġustament, minkejja l-kjarifiki u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), fir-rigward tan-natura u tal-portata tal-obbligu li jaqa’ fuq l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikoli 2(2) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, il-punti ta’ liġi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tar-regoli relatati mar-remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ma’ dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx ikkjarifikati suffiċjentement, mill-għoti ta’ din is-sentenza, la mill-awtoritajiet kompetenti tal-Land ta’ Sachsen Anhalt, la mill-awtoritajiet federali kompetenti, u lanqas mill-maġġoranza tal-qrati amministrattivi Ġermaniżi.

90

Hawnhekk, jidher li kien jeżisti riskju li l-uffiċjali, u saħansitra l-imħallfin, tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ma jkunux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, fix-xahrejn mill-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), dwar l-eżistenza jew l-importanza tad-diskriminazzjoni li tagħha kienu vittmi.

91

L-eżistenza ta’ tali riskju tidher li hija kkorroborata kemm bil-fatt li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma qisux immedjatament l-importanza ta’ din is-sentenza fir-rigward tar-remunerazzjoni tagħhom stess kif ukoll bil-fatt li iktar minn 60 % tal-ilmenti tagħhom imressqa mill-uffiċjali u l-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt ġew miċħuda minħabba n-natura tardiva tagħhom.

92

Għalhekk dawn l-elementi jippermettu li wieħed jiddubita li l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG għall-jum tal-għoti tas-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), ħa suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-kriterji msemmija fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari dawk dwar il-kumplessità tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata u n-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati.

93

Madankollu hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tal-kawżi prinċipali, li għandha tipproċedi, fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha fattwali u ġuridiċi rilevanti, għall-verifiki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu previst fl-Artikolu 15(4) tal-AGG ġie ffissat b’tali mod li l-eżerċizzju mill-uffiċjali u l-imħallfin tal-Land ta’ Sachsen Anhalt tad-drittijiet ikkonferiti lilhom mill-Artikolu 15(2) tal-AGG ġie magħmul eċċessivament diffiċli.

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tielet u għall-ħames domandi preliminari tkun li l-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jiffissa l-bidu tad-dekorrenza ta’ terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn għat-tressiq ta’ talba għal kumpens għad-danni li jirriżultaw minn miżura li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-jum tal-għoti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstatat in-natura diskriminatorja ta’ miżura simili, meta l-persuni kkonċernati jgħaddu mir-riskju li ma jkunux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, fl-imsemmi terminu, dwar l-eżistenza jew l-importanza tad-diskriminazzjoni li tagħha kienu vittmi. B’mod partikolari dan jista’ jkun il-każ meta, fl-imsemmi Stati Membru, tkun teżisti kontroversja dwar il-possibbiltà li mal-miżura kkonċernata jiġu transposti l-prinċipji li jirriżultaw minn din is-sentenza.

Fuq l-ispejjeż

95

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, sa fejn tissodisfa l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba f’kuntest iddefinit b’mod partikolari kemm min-numru għoli ta’ uffiċjali u ta’ mħallfin ikkonċernati kif ukoll mill-assenza ta’ sistema valida ta’ riferiment u sa fejn ma twassalx sabiex maż-żmien titwettaq differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età, dawn ma jipprekludux miżura li tagħti lil uffiċjali u lil imħallfin, sabiex tiġi żgurata lilhom remunerazzjoni adegwata, arretrati fuq ir-remunerazzjoni li jammontaw għal perċentwali mir-remunerazzjoni bażika li preċedentement irċevew bis-saħħa, b’mod partikolari, ta’ skala ta’ remunerazzjoni bażika li kienet ġiet iddeterminata, għal kull grad, mar-reklutaġġ tagħhom, skont l-età tagħhom.

 

2)

Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jiffissa l-bidu tad-dekorrenza ta’ terminu ta’ dekadenza ta’ xahrejn għat-tressiq ta’ talba għal kumpens għad-danni li jirriżultaw minn miżura li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-jum tal-għoti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstatat in-natura diskriminatorja ta’ miżura simili, meta l-persuni kkonċernati jgħaddu mir-riskju li ma jkunux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien, fl-imsemmi terminu, dwar l-eżistenza jew l-importanza tad-diskriminazzjoni li tagħha kienu vittmi. B’mod partikolari dan jista’ jkun il-każ meta, fl-imsemmi Stati Membru, tkun teżisti kontroversja dwar il-possibbiltà li mal-miżura kkonċernata jiġu transposti l-prinċipji li jirriżultaw minn din is-sentenza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top