EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0297

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tat-8 ta' Settembru 2011.
Sabine Hennigs (C-297/10) vs Eisenbahn-Bundesamt u Land Berlin (C-298/10) vs Alexander Mai.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja.
Direttiva 2000/78/KE - Artikoli 2(2) u 6(1) - Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 21 u 28 - Ftehim kollettiv dwar il-ħlas tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku ta’ Stat Membru - Remunerazzjoni ffissata skont l-età - Ftehim kollettiv li jħassar l-iffissar tar-remunerazzjoni skont l-età - Żamma tad-drittijiet miksuba.
Każijiet Magħquda C-297/10 u C-298/10.

European Court Reports 2011 I-07965

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:560

Kawżi magħquda C-297/10 u C-298/10

Sabine Hennigs

vs

Eisenbahn-Bundesamt

u

Land Berlin

vs

Alexander Mai

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht)

“Direttiva 2000/78/KE — Artikoli 2(2) u 6(1) — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 21 u 28 — Ftehim kollettiv dwar il-ħlas tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku ta’ Stat Membru — Remunerazzjoni stabbilita skont l-età — Ftehim kollettiv li jħassar l-iffissar tar-remunerazzjoni skont l-età — Żamma tad-drittijiet miksuba”

Sommarju tas-sentenza

1.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Dritt ta’ negozjati kollettivi — Drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 21 u 28; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2 u 6(1))

2.        Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Direttiva 2000/78 — Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Dritt ta’ negozjati kollettivi — Drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 21 u 28; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 2 u 6(1))

1.        Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit fl‑Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl‑impjieg u fix-xogħol u, b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 2 u 6(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura prevista fi ftehim kollettiv, li tipprovdi li, f’kull grad, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażi ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku hija ddeterminata, meta dan jiġi impjegat, skont l-età tiegħu. F’dan ir-rigward, il-fatt li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-imsemmija miżura u li din tinsab fi ftehim kollettiv ma jippreġudikax id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi ftehim kollettivi rrikonoxxut fl-Artikolu 28 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Għalkemm il-kriterju bbażat fuq l-anzjanità huwa, bħala regola ġenerali, xieraq sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti f’li tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali miksuba mill-membru tal-persunal qabel ma jiġi impjegat, id-determinazzjoni skont l-età tal-iskala ta’ remunerazzjoni bażi ta’ membru tal-persunal fis-settur pubbliku meta jiġi impjegat tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju u xieraq għal dan il-għan. Kriterju li jserraħ ukoll fuq l-anzjanità jew l-esperjenza professjonali miksuba, mingħajr referenza għall-età, jidher, fid-dawl tad-Direttiva 2000/78, aħjar għat-twettiq tal-għan leġittimu msemmi iktar ’il fuq. Il-fatt li, għal numru ta’ membri tal-persunal impjegati żgħażagħ, l-iskala ta’ klassifikazzjoni tikkorrispondi għall-esperjenza professjonali miksuba u li l-kriterju bbażat fuq l-età jitħallat fil-biċċa ’l kbira tal-każijiet mal-anzjanità tagħhom ma jibdilx din l-evalwazzjoni.

(ara l-punti 74, 77-78 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl‑impjieg u fix-xogħol kif ukoll l-Artikolu 28 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura prevista minn ftehim kollettiv, milli tissostitwixxi sistema ta’ remunerazzjoni ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku li toħloq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età b’sistema ta’ remunerazzjoni bbażata fuq kriterji oġġettivi, filwaqt li żżomm, għal perijodu tranżitorju u limitat fiż-żmien, uħud mill-effetti diskriminatorji tal-ewwel minn dawn is-sistemi sabiex tiżgura lill-membri tal-persunal it-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida mingħajr ma jsofru telf fid-dħul.

Fil-fatt, sistema tranżitorja għall-protezzjoni tal-vantaġġi miksuba għandha tiġi kkunsidrata li tfittex għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Barra minn hekk, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxuta lill-imsieħba soċjali fil-qasam tal-iffissar tar-remunerazzjonijiet, ma huwiex raġonevoli, għall-imsieħba soċjali, li jiġu adottati miżuri tranżitorji xierqa u neċessarji sabiex jiġi evitat telf ta’ qligħ għall-membri tal-persunal bil-kuntratt inkwistjoni.

(ara l-punti 91, 92, 98, 99 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Settembru 2011 (*)

“Direttiva 2000/78/KE – Artikoli 2(2) u 6(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 21 u 28 – Ftehim kollettiv dwar il-ħlas tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku ta’ Stat Membru – Remunerazzjoni stabbilita skont l-età – Ftehim kollettiv li jħassar l-iffissar tar-remunerazzjoni skont l-età – Żamma tad-drittijiet miksuba”

Fil-Kawżi magħquda C‑297/10 u C‑298/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-20 ta’ Mejju 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ġunju 2010, fil-proċeduri

Sabine Hennigs (C-297/10)

vs

Eisenbahn-Bundesamt,

u

Land Berlin (C-298/10)

vs

Alexander Mai,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, A. Ó Caoimh u P. Lindh (Relatur), Imħallfin.

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal S. Hennigs, minn M. Peiseler u A. Seulen, avukati,

–        għal A. Mai, minn H.‑W. Behm, avukat,

–        għal-Land Berlin, minn J. Zeisberg, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 21 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest tal-kawżi bejn żewġ membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku, S. Hennigs u A. Mai, u dawk li jħaddmuhom, l-Eisenbahn Bundesamt u l-Land Berlin, rispettivament,dwar l-iffissar tal-ammont tar-remunerazzjoni tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Il-premessi disa’, ħdax, ħamsa u għoxrin u sitta u tletin tad-Direttiva 2000/78 jipprovdu:

“(9)      L-Impjieg u x-xogħol huma elementi ewlenija biex jiggarantixxu opportunitajiet ugwali għal kulħadd u jikkontribwixxu f’miżura wiesgħa għall-parteċipazzjoni sħiħa taċ-ċittadini fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali u biex jilħqu l-potenzjal tagħhom.

[…]

(11)      Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

[…]

(25)      Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, it-trattament differenti abbażi tal-età jista’, f’ċerti ċirkostanzi, jiġi ġġustifikat u għalhekk jeħtieġ dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skont is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.

[…]

(36)      L-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, dwar id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-ftehim kollettiv, sakemm jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li [f’]kull ħin jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva.”

4        Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-iskop tad-Direttiva 2000/78 “huwa li tniżżel parametru [tistabbilixxi qafas] ġenerali biex tikkumbatti [d-]diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

5        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji […]”.

6        Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, din tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet tar-remunerazzjoni.

7        L-Artikolu 6 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1. Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Il-mezzi li jintużaw sabiex jitwettaq dan il-għan jistgħu jinkludu, b’mod partikolari:

a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)      l-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[…]”.

8        L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

[…]

b)      kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv […] jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.”

9        L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78 jippreċiża:

“L-Istati Membri […] jistgħu jafdaw l-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għar-rigward ta’ dispożizzjonijet dwar ftehim kollettiv. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003, l-imsieħba soċjali jintroduċu l-miżuri neċessarji bi ftehim, u l-Istati Membri kkoncernati jkunu meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex fi kwalunkwe ħin ikunu f’pożizzjoni li jigarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. […]

Sabiex jittieħed kont ta’ kondizzjonijiet partikolari, l-Istati Membri jistgħu, jekk neċessarju, jkollhom perijodu addizzjonali ta’ 3 snin mit-2 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri total ta’ 6 snin, biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u ta’ diżabilità. F’dak il-kaz għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih. […]”

10      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet użu minn din il-possibbiltà, b’mod li t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-età u tad-diżabilità kellha ssir f’dan l-Istat Membru mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2006.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-leġiżlazzjoni federali dwar l-ugwaljanza fit-trattament

11      Il-Liġi Ġenerali dwar l-Ugwaljanza fit-Trattament (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz), tal-14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1897, iktar ’il quddiem l-“AGG”), ittrasponiet id-Direttiva 2000/78.

12      L-Artikolu 10 tal-AGG, intitolat “Awtorizzazzjoni għal trattament differenti abbażi tal-età”, jipprovdi:

“Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, trattament differenti minħabba l-età huwa awtorizzat ukoll meta jkun iġġustifikat oġġettivament u raġonevolment b’għan leġittimu. Il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan għandhom ikunu xierqa u neċessarji. Dawn id-differenzi ta’ trattament jistgħu b’mod partikolari jinkludu:

[…]

2. l-iffissar ta’ kundizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità fl-impjieg, għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta mal-impjieg;

[…]”

 Il-ftehim kollettiv applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku

13      Skont il-qorti tar-rinviju, il-livell tar-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku għandu jiġi ddeterminat mill-imsieħba soċjali permezz ta’ ftehim kollettiv.

–       Il-ftehim kollettiv applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Land Berlin (Kawża C-298/10)

14      Fiż-żmien meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali, ir-relazzjonijiet ta’ xogħol ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Land Berlin kienu rregolati permezz tal-ftehim kollettiv tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku federali (Bundes-Angestelltentarifvertrag), tat-23 ta’ Frar 1961 (iktar ’il quddiem il-“BAT”). Dan il-ftehim kollettiv kien ġie konkluż mill-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Istat Federali iżda kien japplika wkoll għall-membri tal-persunal tal-Länder u tal-komun.

15      Il-BAT kien ġie ssupplementat mill-ftehim kollettiv konkluż skont il-BAT Nru 35, dwar ir-remunerazzjoni (Vergütungstarifvertrag Nru 35 zum BAT).

16      L-Artikolu 27 tal-BAT huwa fformulat kif ġej:

“A.      Impjegati li jaqgħu taħt l-Anness 1a

[…]

1)      Fil-ftehim kollettiv dwar ir-remunerazzjoni, ir-remunerazzjoni bażi għandha tiġi kkalkolata, għal kull grad, skont il-grupp tal-età. Ir-remunerazzjoni bażi li tikkorrispondi għall-ewwwel grupp tal-età (remunerazzjoni bażi inizjali) hija dovuta sa mill-bidu tax-xahar li matulu membru tal-persunal tal-gradi III sa X ikun laħaq l-età ta’ 21 sena u membru tal-persunal tal-gradi I sa IIb l-età ta’ 23 sena. Kull sentejn, il-membru tal-persunal għandu jirċievi r-remunerazzjoni bażi li tikkorrispondi għall-grupp tal-età segwenti sakemm jilħaq ir-remunerazzjoni bażi li tikkorrispondi għall-aħħar grupp tal-età (remunerazzjoni bażi finali).

2)      Meta membru tal-persunal fil-gradi III sa X jibda jaħdem qabel l-aħħar tax-xahar tal-31 sena ta’ dan il-membru tal-persunal, dan tal-aħħar jikseb ir-remunerazzjoni bażi li tikkorrispondi għall-grupp ta’ età tiegħu. Meta l-membru tal-persunal jibda jaħdem wara, huwa jikseb ir-remunerazzjoni korrispondenti għall-grupp ta’ età kkalkolata billi jitnaqqas mill-età milħuqa fid-data ta’ meta beda jaħdem nofs is-snin li jkunu għaddew sa minn meta l-membru jkun laħaq l-età ta’ 31 sena. Kull darba li l-età tal-membru tikkorrispondi għal numru farrad, il-membru tal-persunal jikseb, sa mill-bidu tax-xahar ta’ għeluq sninu, ir-remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-grupp tal-età segwenti sakemm jilħaq ir-remunerazzjoni bażi finali. L-ewwel tliet fażijiet japplikaw mutatis mutandis għall-membri tal-persunal tal-gradi I sa IIb billi jiġi ssostitwit in-numru ‘31’ b’‘35’.

[…]”

17      Barra minn hekk, l-Artikolu 27(C) tal-BAT jipprovdi li l-esperjenza professjonali miksuba qabel mal-membru tal-persunal jiġi impjegat tista’, f’ċerti kundizzjonijiet, tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex dan jiġi kklassifikat fi skala superjuri għal dik li kieku normalment kien jiġi assenjat fiha minħabba l-età tiegħu.

18      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, dwar il-BAT, li r-remunerazzjoni bażi hija kkalkolata skont il-grad. Il-grad X jirrappreżenta l-grad inferjuri u l-grad I il-grad superjuri. Il-klassifikazzjoni fil-gradi I sa Iia, fil-prinċipju, tippreżupponi li l-membru tal-persunal għandu diploma universitarja. Fir-rigward tal-gruppi tal-età, huwa ppreċiżat, bħala eżempju, li għall-gradi I sa Ib, ir-remunerazzjoni bażi finali tintlaħaq fil-livell tal-grupp tal-età Nru 47, jiġifieri meta l-membru tal-persunal jilħaq l-età ta’ 47 sena. Il-BAT jipprovdi wkoll li r-remunerazzjoni bażi hija miżjuda bi premju msejjaħ “lokali” li jkopri f’parti l-ispejjeż finanzjarji li għandu membru tal-persunal marbuta mal-istatus familjari tiegħu.

19      Skont il-qorti tar-rinviju, l-Anness 1c tal-ftehim kollettiv konkluż skont il-BAT Nru 35, dwar ir-remunerazzjoni, iffissa r-remunerazzjonijiet bażi inizjali u finali għall-membri tal-persunal tal-gradi I sa X sa mill-1 ta’ Mejju 2004. Din il-qorti tippreċiża wkoll li l-BAT baqa’ fis-seħħ għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Land Berlin sal-1 ta’ April 2010.

–       Il-ftehim kollettiv applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Istat Federali (Kawża C‑297/10)

20      Ir-relazzjonijiet ta’ xogħol tal-membri tal-persunal tal-Istat Federali kienu rregolati mill-BAT u mill-ftehim kollettiv konkluż skont il-BAT Nru 35, dwar ir-remunerazzjoni, sal-1 ta’ Ottubru 2005.

21      Sa minn din id-data, il-BAT u l-ftehim kollettiv konkluż skont il-BAT Nru 35, dwar ir-remunerazzjoni, ġew issostitwiti, għal dak li jikkonċerna l-membri tal-persunal tal-Istat Federali u dawk tal-komun, mill-ftehim għas-settur pubbliku (Tarifvertrag für den öffentlichen Dienst, iktar ’il quddiem it-“TVöD”).

22      It-TVöD ma jipprovdix għal grupp tal-età u premji msejjħa “lokali”. Is-sistema ta’ remunerazzjoni unika sserraħ fuq kriterji bħall-attività eżerċitata, l-esperjenza professjonali u x-xogħol li jsir. L-attività eżerċitata tiddetermina l-grad. L-esperjenza professjonali u x-xogħol li jsir jiddetermina l-iskala.

23      Sa mill-1 ta’ Ottubru 2005, il-membri tal-persunal tal-Istat Federali reġgħu ġew ikklassifikati skont is-sistema l-ġdida prevista mit-TVöD. Id-dettalji tar-riklassifikazzjoni huma rregolati mill-ftehim kollettiv li jippreċiża l-mod tar-riklassifikazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Istat Federali skont it-TVöD u jinkludi dispożizzjonijiet tranżitorji (Tarifvertrag zur Überleitung der Beschäftigten des Bundes in den TVöD und zur Regelung des Übergangsrechts, iktar ’il quddiem it-“TVÜ-Bund”).

24      Ir-riklassifikazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-BAT u ssir f’żewġ fażijiet.

25      Skont l-Artikolu 5 tat-TVÜ-Bund, fl-ewwel lok, remunerazzjoni ta’ referenza ġiet ikkalkolata abbażi tar-remunerazzjoni mħallsa fix-xahar ta’ Settembru 2005. Skont il-qorti tar-rinviju, din it-tip ta’ riklassifikazzjoni tippermetti lill-membru tal-persunal jibbenefika minn remunerazzjoni ekwivalenti għar-remunerazzjoni preċedenti tiegħu, b’mod li d-drittijiet miksuba jiġu ppreżervati.

26      Skont l-Artikolu 6 tat-TVÜ-Bund, matul perijodu ta’ sentejn, abbażi tar-remunerazzjoni ta’ referenza, skala intermedjarja individwali ġiet attribwita lill-membri tal-persunal fi ħdan grad fejn kienu ġew ikklassifikati. Sa mill-1 ta’ Ottubru 2007, ir-riklassifikazzjoni definittiva saret permezz tal-bidla mill-iskala intermedjarja individwali għall-iskala normali immedjatament superjuri fil-grad.

27      Wara r-riklassifikazzjoni definittiva tal-membri tal-persunal, ir-remunerazzjoni ta’ dawn tal-aħħar għandha tevolvi skont il-kriterji stabbiliti mit-TVöD.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-298/10

28      A. Mai twieled fit-28 ta’ Diċembru 1967, ġie impjegat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt tal-Land Berlin bejn is-16 ta’ Marzu 1998 u l-31 ta’ Marzu 2009. Huwa kien jeżerċita l-funzjonijiet ta’ amministratur ta’ stabbiliment fejn jintlaqgħu l-persuni dipendenti. Għalhekk, huwa ġie kklassifikat fil-grad Ia tal-BAT u kien jirċievi remunerazzjoni bażi ta’ ammont gross fix-xahar ta’ EUR 3 336.09. L-ammont gross fix-xahar tar-remunerazzjoni bażi li tikkorrispondi għall-grupp tal-età Nru 47, kien ta’ EUR 3 787.14.

29      A. Mai talab lil dak li jħaddmu sabiex jiġi rremunerat skont il-grupp tal-età Nru 47 peress li kien laħaq l-età ta’ 47 sena. Fil-fatt, huwa jikkunsidra li l-iskalar tar-remunerazzjoni bażi skont il-gruppi tal-età jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tippreġudika lill-membri tal-persunal l-iktar żgħar. Huwa beda rikors sabiex jikseb mingħand il-Land Berlin il-ħlas tar-remunerazzjoni korrispondenti għall-grupp tal-età Nru 47 fil-grad Ia tal-BAT, għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2006 sal-31 ta’ Marzu 2009.

30      Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Land Berlin ippreżenta rikors għal “reviżjoni” quddiem il-Bundesarbeitsgericht. Skont din il-qorti, A. Mai qed jitlob remunerazzjoni li ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-BAT. It-talba tiegħu tista’ tiġi sodisfatta biss jekk jiġi aċċettat li l-kalkolu skont il-gruppi tal-età tar-remunerazzjonijiet bażi jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u li huwa kuntrarju għall-Artikolu 21 tal-Karta kif ukoll għad-Direttiva 2000/78.

31      Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-inċiż (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età tista’ ssir meta din tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-iffissar tal-kundizzjonijiet tal-età għall-aċċess għal ċerti vantaġġi marbuta mal-impjieg.

32      Il-gruppi tal-età previsti mill-BAT jistgħu jiġu kkunsidrati li jirrappreżentaw esperjenza professjonali. Madankollu, l-esperjenza professjonali mhux dejjem tiżdied mal-anzjanità. Xi kultant, din tista’ wkoll tonqos. F’dan il-każ, il-kriterju bbażat fuq l-età ma jirriflettix, b’mod ġenerali, l-esperjenza professjonali.

33      Il-Bundesarbeitsgericht tistaqsi jekk il-fatt li l-BAT huwa ftehim kollettiv innegozjat mill-imsieħba soċjali jibdilx l-approċċ tal-problematika li tqum fir-rigward tal-Artikolu 28 tal-Karta li jirrikonoxxi d-dritt għan-negozjati kollettivi u għall-konklużjoni tal-ftehim kollettiv.

34      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesgerichtshof ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Skala ta’ remunerazzjoni stabbilita fi ftehim kollettiv applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku li, bħall-Artikolu 27 [tal-“BAT”] moqri flimkien mal-Vergütungstarifvertrag Nr. 35 zum BAT (Ftehim kollettiv konkluż taħt il-BAT Nru 35, dwar ir-remunerazzjoni), tiddetermina abbażi tal-età r-remunerazzjonijiet bażiċi għal kull grad hija kuntrarju għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit fid-dritt primarju (u issa rikonoxxut fl-Artikolu 21 tal-Karta […]) u implementat permezz tad-Direttiva 2000/78/KE, fid-dawl ukoll tad-dritt li jiġu nnegozjati ftehim kollettivi rikonoxxut mid-dritt primarju lill-imsieħba soċjali (u issa rikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta […])?”

 Il-Kawża C-297/10

35      S. Hennigs ilha impjegata mill-Eisenbahn-Bundesamt, li hija awtorità federali, bħala inġinier ċivili sa mill-1 ta’ Frar 2004.

36      Fil-kuntest tal-BAT, S. Hennigs ġiet ikklassifikata fil-grad IVa tal-Anness Ia. Peress li meta bdiet l-impjieg tagħha kella 41 sena, hija ġiet ikklassifikata fil-grupp tal-età Nru 35, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(A)(2) tal-BAT.

37      Meta sar it-trasferiment mill-BAT għat-TVöD, S. Hennigs ġiet irriklassifikata abbażi ta’ remunerazzjoni ta’ referenza ta’ ammont totali ta’ EUR 3 185.33 ikkalkolat skont il-grupp tal-età Nru 37. B’konsegwenza ta’ dan l-ammont, hija ġiet ikklassifikata fil-grad Nru 11, għal skala intermedjarja individwali li tinsab bejn it-tielet u r-raba’ skala. Fl-1 ta’ Ottubru 2007, hija ġiet ikklassifikata fir-raba’ skala tal-grad Nru 11, li taha d-dritt għal remunerazzjoni gross fix-xahar ta’ ammont ta’ EUR 3 200.

38      S. Hennigs tikkontesta mhux il-grad tagħha iżda l-iskala ta’ klassifikazzjoni. Hija ssostni li kieku ġiet ikklassifikata fil-ħames skala tal-grad Nru 11, hija kienet tirċievi EUR 435 gross iktar fix-xahar. Għalhekk hija bdiet rikors sabiex tikseb din il-klassifikazzjoni.

39      Hija ssostni li s-sistema ta’ gruppi ta’ età prevista mill-BAT kienet tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u li t-TVöD kompla din id-diskriminazzjoni.

40      Il-Bundesarbeitsgericht, fid-deċiżjoni tagħha dwar ir-rikors għal “reviżjoni” ippreżentat minn S. Hennigs, issostni li klassifikazzjoni ta’ S. Hennigs, bħal ma ssostni, fil-ħames skala tal-grad Nru 11, tkun tfisser li r-riklassifikazzjoni tagħha ma kinitx ibbażata fuq ir-remunerazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-BAT. Dan huwa possibbli biss kieku l-BAT, sa fejn kien jipprovdi għall-kalkolu tar-remunerazzjonijiet permezz ta’ gruppi tal-età, kien illegali minħabba ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età. F’dan ir-rigward, il- Bundesarbeitsgericht tirreferi għall-Kawża C‑298/10.

41      Fir-rigward tat-TVÜ-Bund, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-marġni ta’ manuvra li għandhom l-imsieħba soċjali sabiex jgħaddu minn sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita skont l-età bi ftehim kollettiv għal sistema bbażata fuq kriterji oħra fejn, parzjalment, jiġu riprodotti l-elementi tar-remunerazzjoni preċedenti. Hija tistaqsi wkoll jekk id-dritt fundamentali għan-negozjati kollettivi għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-leġittimità tal-għan intiż. Fl-ipoteżi fejn id-dispożizzjonijiet tranżitorji huma kuntrarji għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, il-Bundesarbeitsgericht tistaqsi jekk l-imsieħba soċjali kellhomx iwaqqfu mingħajr dewmien is-sistema diskriminatorja prevista mill-BAT jew jekk setgħux iżommu parzjalment, b’mod tranżitorju, ċerti dispożizzjonijiet diskriminatorji, sabiex jiġu ppreżervati temporanjament id-drittijiet miksuba mill-membri tal-persunal ikkonċernati u tiġi prevista t-tneħħija progressiva ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Dawn id-domandi huma s-suġġett tat-tieni u t-tielet domandi.

42      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk in-natura sproporzjonata tal-ispejjeż li għandu jbati min iħaddem f’każ tal-annullament immedjat tal-kawżi tad-diskriminazzjoni jistgħux jikkostitwixxu ġustifikazzjoni għaż-żamma temporanja tad-dispożizzjonijiet diskriminatorji. Dan il-punt huwa s-suġġett tar-raba’ domanda.

43      Permezz tal-ħames domanda, il-Bundesarbeitsgericht tistaqsi dwar it-terminu li għandhom l-imsieħba soċjali sabiex itemmu ftehim kollettiv diskriminatorju, fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li l-membri tal-persunal għandhom mill-ftehim kollettiv eżistenti.

44      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bundesarbeitsgricht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti fejn l-ewwel waħda hija identika għal dik magħmula fil-Kawża C‑298/10:

“1)      Skala ta’ remunerazzjoni stabbilita fi ftehim kollettiv applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku li, bħall-Artikolu 27 tal-[BAT] moqri flimkien mal-Vergütungstarifvertrag Nr. 35 zum BAT (Ftehim kollettiv konkluż taħt il-BAT Nru 35, dwar ir-remunerazzjoni), tiddetermina abbażi tal-età r-remunerazzjonijiet bażiċi għal kull grad hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit fid-dritt primarju (u issa rikonoxxut fl-Artikolu 21 tal-Karta […] u implementat permezz tad-Direttiva 2000/78/KE, fid-dawl ukoll tad-dritt li jiġu nnegozjati ftehim kollettivi rikonoxxut mid-dritt primarju lill-imsieħba soċjali (u issa rikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta […])?

2)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja […] jew il-Bundesarbeitsgericht, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrispondu fl-affermattiv għad-domanda 1:

a)      Id-dritt li jiġu nnegozjati ftehim kollettivi jagħti lill-imsieħba soċjali marġini ta’ diskrezzjoni suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jtemmu tali diskriminazzjoni billi jgħaddu lill-membri tal-persunal bil-kuntratt taħt sistema ġdida ta’ remunerazzjoni stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv li, filwaqt li tinkorpora d-drittijiet miksuba taħt is-sistema l-antika, tkun ibbażata fuq il-kriterji tal-attività mwettqa, tar-rendiment u tal-esperjenza professjonali?

b)      Hemm lok li f’kull każ tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 2(a), għall-inqas meta d-determinazzjoni finali tal-iskali rikonoxxuti lill-membri tal-persunal bil-kuntratt ikklassifikati mill-ġdid fi grad tas-sistema ġdida ta’ remunerazzjoni stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv ma tiddependix biss fuq l-età milħuqa fil-kuntest tas-sistema l-antika stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv u meta l-membri tal-persunal li jkunu laħqu skala ogħla tas-sistema l-ġdida, bħala regola ġenerali, jiddisponu minn esperjenza professjonali ikbar minn dik tal-membri tal-persunal ikklassifikati fi skala iktar baxxa?

3)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja […] jew il-Bundesarbeitsgericht, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrispondu fin-negattiv għad-domanda 2(a) u (b):

a)      Id-diskriminazzjoni indiretta fuq il-bażi tal-età hija ġġustifikata minħabba li l-preservazzjoni tad-drittijiet soċjali kweżiti [miksuba] tikkostitwixxi għan leġittimu u minħabba li jidher li huwa xieraq u neċessarju, sabiex jintlaħaq dan l-għan, li temporanjament tinżamm, bħala parti minn dispożizzjonijiet tranżitorji, inugwaljanza fit-trattament bejn l-impjegati ta’ etajiet differenti, meta din l-inugwaljanza fit-trattament titnaqqas gradwalment u meta, fil-fatt, l-unika soluzzjoni oħra possibbli tkun li titnaqqas ir-remunerazzjoni tal-impjegati ikbar fl-età?

b)      Fid-dawl tad-dritt li jiġu nnegozjati ftehim kollettivi u tal-libertà għal negozjati kollettivi li tirriżulta minnu, hemm lok li r-risposta għad-domanda 3(a) tkun f’kull każ fl-affermattiv, għall-inqas meta tali dispożizzjonijiet tranżitorji kienu s-suġġett ta’ ftehim bejn l-imsieħba soċjali?

4)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja […] jew il-Bundesarbeitsgericht, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrispondu fin-negattiv għad-domanda 3(a) u (b):

Huwa possibbli li l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq bażi tal-età, li jivvizja sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv u li jagħmilha kompletament illegali, jiġi rrimedjat biss billi tittieħed bħala bażi l-ogħla età f’kull każ matul l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv dwar ir-remunerazzjoni sad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda li jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, minkejja l-ispejjeż addizzjonali kkawżati lil min iħaddem u minkejja d-dritt tal-imsieħba soċjali sabiex jiġu nnegozjati ftehim kollettivi?

5)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja […] jew il-Bundesarbeitsgericht, fuq il-bażi tal-indikazzjonijiet mogħtija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrispondu fin-negattiv għad-domanda 4:

Id-dritt tal-imsieħba soċjali li jiġu nnegozjati ftehim kollettivi, il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u n-neċessità ta’ sanzjonijiet effettivi fil-każ ta’ ksur ta’ dan il-prinċipju jippermettu l-iffissar lill-imsieħba soċjali ta’ terminu relattivament qasir (pereżempju ta’ sitt xhur) sabiex titwaqqaf b’mod retroattiv l-illegalità tas-sistema ta’ remunerazzjoni li dawn kienu qablu dwarha, filwaqt li jiġi ppreċiżat il-bżonn li tinżamm l-ogħla età matul l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv, jekk l-imsieħba soċjali jonqsu milli jadottaw dispożizzjonijiet ġodda li jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni fit-terminu stabbilit. Jekk ikun il-każ, liema marġni ta’ żmien, fir-rigward tar-retroattività ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jista’ jkun rikonoxxut f’dan il-kuntest lill-imsieħba soċjali?”

45      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Settembru 2010, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-Kawżi C‑297/10 u C‑298/10 jiġu magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

46      Permezz tad-domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilit fid-dritt primarju fl-Artikolu 21 tal-Karta, kif kien ġie kkonkretizzat mid-Direttiva 2000/78.

47      Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età li għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li ġie kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78 fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21). Il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq l-età hija inkorporata fl-Artikolu 21 tal-Karta li, sa mill-1 ta’ Diċembru 2009, għandha l-istess valur legali bħat-trattati.

48      Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jiġi vverifikat jekk il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

49      F’dan ir-rigward, kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u l-għan ta’ din id-direttiva jirriżulta li din għandha l-għan li tistabbilixxi kuntest ġenerali sabiex tiżgura lil kull persuna ugwaljanza fit-trattament “fl-impjieg u fix-xogħol”, billi toffri protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijet imsemmija fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hemm l-età (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark, C‑499/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19).

50      Mill-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika għal kwalunkwe persuna, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inkluż l-organi pubbliċi f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inkluż il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni.

51      Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirregolaw is-sistema ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku. Għalhekk, dawn il-miżuri jaffettwaw il-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni tal-imsemmija membri tal-persunal, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78.

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑297/10 u d-domanda unika fil-Kawża C‑298/10

52      Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑297/10 u d-domanda unika fil-Kawża C‑298/10, ifformulati f’termini identiċi, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78, u b’mod iktar partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura prevista għal ftehim kollettiv, bħall-każ fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, f’kull grad, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażi ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tas-settur pubblika hija ddeterminata, meta dan il-membru tal-persunal jibda jaħdem, skont l-età tiegħu. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk, għal din l-interpretazzjoni, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt ta’ negozjar tal-ftehim kolletiv stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta.

53      L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix trattament differenti skont l-età fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tal-imsemmija direttiva jispeċifika li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tas-subartikolu 1 tiegħu, diskriminazzjoni diretta tirriżulta ladarba persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva.

54      F’dan il-każ, minn informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fis-sistema implementata mill-BAT, ir-remunerazzjoni bażi għal kull impjieg tiddependi fl-ewwel lok mill-klassifikazzjoni fi grad. Il-grad X jirrappreżenta l-grad inferjuri u l-grad I, il-grad superjuri. Il-klassifikazzjoni f’kull grad issir skont il-karatteristiċi tal-attività mwettqa mill-membru tal-persunal.

55      Fit-tieni lok, f’kull grad, ir-remunerazzjoni bażi tal-membru tal-persunal hija stabbilita, meta jiġi impjegat f’dan il-grad, skont il-grupp tal-età li jaqa’ fih. Kull sentejn, jikseb remunerazzjoni bażi li tikkorrispondi għall-grupp tal-età segwenti sakemm jilħaq dik korrispondenti għall-aħħar grupp tal-età skont il-grad.

56      Għalhekk, membru tal-persunal li ġie impjegat fil-grad VIb fl-età ta’ 21 sena għandu jiġi kklassifikat fil-livell tal-grupp tal-età Nru 21 ta’ dan il-grad filwaqt li membru tal-persunal ta’ 27 sena impjegat fl-istess grad għandu jiġi kklassifikat fil-livell tal-grupp tal-età Nru 27.

57      Din ir-regola tintlaħaq meta l-membru tal-persunal jiġi impjegat f’data wara l-aħħar tax-xahar tal-għeluq tal-31 sena (jekk kien ġie kklassifikat f’wieħed mill-gradi III sa X) jew tal-egħluq tal-35 sena (jekk kien ġie kklassifikat f’wieħed mill-gradi I sa IIb). F’dan il-każ, ir-remunerazzjoni bażi hija dik tal-grupp tal-età kkalkolat billi titnaqqas mill-età tal-membru tal-persunal fid-data ta’ meta ġie impjegat nofs is-snin li jkunu għaddew minn meta jkun għalaq il-31 sena ( jew 35 sena, skont il-grad). Għalhekk, membru tal-persunal bħal S. Hennigs, li kienet laħqet l-età ta’ 41 meta ġiet impjegata fil-grad IVa, kisbet remunerazzjoni bażi li tikkorrispondi għall-grupp tal-età Nru 35, jiġifieri li l-perijodu mill-31 sal-41 sena tagħha ġie kkunsidrat biss b’nofs.

58      Għalhekk jidher li r-remunerazzjoni bażi miksuba minn żewġ membri tal-persunal impjegati fl-istess ġurnata fl-istess grad hija differenti skont l-età li kellhom fil-mument ta’ meta ġew impjegati. Minn dan jirriżulta li dawn iż-żewġ membri tal-persunal jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli u li wieħed minnhom ibbenefika minn remunerazzjoni inferjuri għal dik miksuba mill-ieħor. Għalhekk dan il-membru tal-persunal ġie suġġett għal trattament inqas favorevoli minn dak li bbenefika minnu l-membru tal-persunal l-ieħor.

59      Minn dan isegwi li s-sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita bl-Artikolu 27 tal-BAT moqrija flimkien mal-ftehim kollettiv konkluż skont il-BAT Nru 35, dwar ir-remunerazzjoni, toħloq trattament differenti direttament ibbażat fuq il-kriterju tal-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

60      It-tieni nett, jaqbel li jiġi eżaminat jekk dan it-trattament differenti jistax jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

61      L-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jistabilixxi li trattament differenti abbażi ta’ età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet ikunu xierqa u neċessarji.

62      F’dan l-istadju tal-eżami tad-domandi preliminari u kif il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, jaqbel li wieħed jara jekk il-fatt li l-BAT huwa ftehim kollettiv jibdilx l-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni tat-trattament differenti abbażi tal-età previst fl-Artikolu 27 tal-BAT, moqri flimkien mal-ftehim kollettiv konkluż skont il-BAT Nru 35, dwar ir-remunerazzjoni.

63      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta b’mod ċar li l-ftehim kollettiv għandhom, bħal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, jirrispettaw il-prinċipju implementat minn din id-direttiva.

64      Bl-istess mod, l-Artikolu 18 tal-istess direttiva jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-ftehim kollettiv.

65      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali jistgħu, bl-istess mod bħall-Istati Membri, jadottaw miżuri li jinkludu trattament differenti bbażat fuq l-età, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Bħall-Istati Membri, huma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss ta’ għan partikolari fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri sabiex jintlaħaq tali għan (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, Ġabra p. I‑8531, punt 68, u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41). Fil-kuntest ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, huwa meħtieġ li t-trattament differenti bbażat fuq l-età jkun xieraq u neċessarju għat-twettieq ta’ dan l-għan.

66      In-natura tal-miżuri adottati permezz ta’ ftehim kollettiv hija differenti min-natura ta’ dawk adottati unilateralment permezz ta’ leġiżlazzjoni jew regoli mill-Istati Membri, sa fejn l-imsieħba soċjali, fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tagħhom għan-negozjati kollettivi rrikonoxxut fl-Artikolu 28 ta’ din il-Karta, ħadu ħsieb jilħqu ekwilibriju bejn l-interessi speċifiċi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Peress li d-dritt għan-negozjati kollettivi stabbilit fl-Artikolu 28 tal-Karta jaqa’ taħt dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi dritt, jiġi eżerċitat skont dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, magħruf bħala “Viking Line”, C‑438/05, Ġabra p. I‑10779, punt 44, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C‑341/05, Ġabra p. I‑11767, punt 91).

68      Għalhekk, meta jadottaw miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, li tikkonkretizza, fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu fl-osservanza ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1993, Enderby, C‑127/92, Ġabra p. I-5535, punt 22).

69      Sabiex tiġi evalwata n-natura leġittima tal-għan intiż mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali u n-natura xierqa u neċessarja ta’ din il-miżura għat-twettiq tal-imsemmi għan, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju u l-Gvern Ġermaniż isostnu li din ir-remunerazzjoni iktar għolja hija ġġustifikata mill-esperjenza professjonali usa’ tal-membru tal-persunal u tikkumpensa l-fedeltà tiegħu lejn l-impriża. Barra minn hekk, skont parti mid-duttrina u l-qrati fil-mertu, ir-remunerazzjoni bażi iktar għolja li jibbenefikaw minnha l-membri tal-persunal ta’ età ikbar meta jiġu impjegati hija kumpens għall-bżonnijiet finanzjarji tagħhom li huma, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ogħla fid-dawl tal-ambjent soċjali tagħhom.

70      Fir-rigward tal-argument invokat mill-Gvern Ġermaniż li huwa intiż sabiex jikkumpensa l-bżonnijiet finanzjarji ogħla tal-membri tal-persunal ikbar, marbuta mal-ambjent soċjali ta’ dawn tal-aħħar, jaqbel, minn naħa, li jiġi rrilevat li ma ntweriex li teżisti rabta diretta bejn l-età tal-membri tal-persunal u l-bżonnijiet finanzjarji tagħhom. Fil-fatt, membru tal-persunal żagħżugħ jista’ jkollu spejjeż familjari sostanzjali filwaqt li membru tal-perusnal ikbar jista’ jkun waħdu u mingħajr responsabbiltà ta’ tfal. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li r-remunerazzjoni bażi tal-membri tal-persunal fis-settur pubbliku hija kkompletata bi premju msejjaħ “lokali”, li l-ammont tiegħu jvarja skont ir-responsabbiltajiet familjari tal-membru tal-persunal.

71      Fl-osservazzjonijiet tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniz jippreċiża li l-kriterju bbażat fuq l-età, użat sabiex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni bażi meta wieħed jiġi impjegat, hija sempliċi mod iktar komdu ta’ kif jiġu stabbiliti kategoriji ta’ membri tal-persunal filwaqt li jittieħed kont, b’mod globali, tal-esperjenza professjonali tagħhom. Meta ġiet implementata s-sistema li tirriżulta mill-BAT, kienet teżisti relazzjoni diretta bejn l-età tal-membri tal-persunal u s-servizzi li kienu jwettqu. Meta wieħed jiġi impjegat wara li l-membru tal-persunal ikun laħaq l-età ta’ 31 sena (jew 35 sena), l-età tal-membru tal-persunal ma tiddeterminax, waħidha, il-grupp tal-età ta’ remunerazzjoni. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li, sa minn ċertu mument, il-persuni li jkunu ġew impjegati tard ma jkollhomx esperjenza professjonali kompletament utli għall-finijiet tal-attività li jeżerċitaw. Din il-miżura għalhekk tissodisfa għan leġittimu u hija xierqa u neċessarja.

72      Minn dawn l-osservazzjonijiet jirriżulta li l-għan imsemmi kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż jikkonsisti f’li tinħoloq skala ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku bl-għan li tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali tal-membri tal-persunal. Dan l-għan għandu, bħala regola, jiġi kkunsidrat li jiġġustifika “[oġġettivament] u raġonevolment”, “fil-kuntest tad-dritt nazzjonali”, trattament differenti bbażat fuq l-età, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-fatt li tiġi kkumpensata l-esperjenza miksuba minn ħaddiem, li tpoġġih f’pożizzjoni li jwettaq aħjar id-doveri tiegħu, tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali għan leġittimu ta’ politika salarjali (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2006, Cadman, C‑17/05, Ġabra p. I‑9583, punt 34, u tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C‑88/08, Ġabra p. I‑5325, punt 47). Minn dan isegwi li dan l-għan huwa “leġittimu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

73      Għandu jiġi vverifikat ukoll, skont it-termini tal-istess dispożizzjoni, jekk fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxuta lill-imsieħba soċjali u mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan il-għan humiex “[xierqa] u neċessarji”.

74      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-rikors għal kriterju bbażat fuq l-anzjanità huwa, bħala regola ġenerali, xieraq sabiex jintlaħaq dan il-għan peress li l-anzjanità tmur flimkien mal-esperjenza professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1989, Danfoss, 109/88, Ġabra p. 3199, punti 24 u 25; Cadman, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35, kif ukoll Hütter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

75      Issa, għalkemm il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti lill-membru tal-persunal li jitla’ l-iskala fil-grad li jkun minħabba l-avvanz fl-età u għalhekk l-anzjanità tiegħu fl-impjieg, għandu jiġi kkonstatat li, meta jiġi impjegat membru tal-persunal, peress li dan ma jkollu ebda esperjenza professjonali, il-klassifikazzjoni inizjali tiegħu fi skala hija bbażata biss fuq l-età tiegħu.

76      Għalhekk, membru tal-persunal mingħajr ebda esperjenza professjonali, impjegat fl-età ta’ 30 sena f’impjieg ikklassifikat f’wieħed mill-gradi III sa X jirċievi, sa minn meta jiġi impjegat, remunerazzjoni bażi ekwivalenti għal dik li jirċievi membru tal-persunal tal-istess età, li jkollu l-istess impjieg, iżda li jkun ġie impjegat fl-età ta’ 21 sena u li jiġġustifika anzjanità u esperjenza professjonali fl-impjieg tiegħu ta’ disa’ snin. Bl-istess mod, l-ewwel membru tal-persunal jilħaq l-iskala massima tal-grad tiegħu b’anzjanità u esperjenza professjonali inqas minn dawk miksuba mit-tieni membru tal-persunal li jkun ġie impjegat fl-età ta’ 21 sena fl-iskala bażi tal-grad tiegħu. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 27(C) tal-BAT jipprovdi l-possibbiltà, f’ċerti kundizzjonijiet, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali miksuba mill-membru tal-persunal qabel ma ġie impjegat sabiex jiġi kklassifikat fi skala ogħla minn dik li kieku kienet tingħatalu minħabba l-età tiegħu, il-Gvern Ġermaniż ippreċiża fis-seduta li, f’każ kuntrarju, in-nuqqas ta’ esperjenza professjonali tal-membru tal-persunal ma twassalx għall-klassifikazzjoni tiegħu fi skala inferjuri għal dik li ngħatatlu minħabba l-età tiegħu.

77      Minn dan isegwi li d-determinazzjoni skont l-età tal-iskala ta’ remunerazzjoni bażi ta’ membru tal-persunal fis-settur pubbliku meta jiġi impjegat tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju u xieraq sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu invokat mill-Gvern Ġermaniż u li jikkonsisti f’li tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza professjonali miksuba mill-membru tal-persunal qabel ma jiġi impjegat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kriterju li jserraħ ukoll fuq l-anzjanità jew l-esperjenza professjonali miksuba, mingħajr referenza għall-età, jidher, fid-dawl tad-Direttiva 2000/78, aħjar għat-twettiq tal-għan leġittimu msemmi iktar ’il fuq. Il-fatt li, għal numru ta’ membri tal-persunal impjegati żgħażagħ, l-iskala ta’ klassifikazzjoni tikkorrispondi għall-esperjenza professjonali miksuba u li l-kriterju bbażat fuq l-età jitħallat fil-biċċa ’l kbira tal-każijiet mal-anzjanità tagħhom ma jibdilx din l-evalwazzjoni.

78      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li jaqbel li r-risposta għall-unika domanda fil-Kawża C‑298/10 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑297/10 tkun li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta u kkonkretizzat bid-Direttiva 2000/78 u, b’mod iktar partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura prevista fi ftehim kollettiv, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, f’kull grad, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażi ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku hija ddeterminata, meta dan jiġi impjegat, skont l-età tiegħu. F’dan ir-rigward, il-fatt li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-imsemmija miżura u li din tinsab fi ftehim kollettiv ma jippreġudikax id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi ftehim kollettivi rrikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda fil-Kawża C‑297/10

79      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi fil-Kawża C‑297/10, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, kif ukoll l-Artikolu 28 ta’ din il-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-imsieħba soċjali milli jkollhom marġni biżżejjed sabiex itemmu d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età billi jgħaddu lill-membri tal-persunal bil-kuntratt għal sistema maqbula ta’ remunerazzjoni ġdida li tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, waqt li sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn l-imsemmija sistema ġdida ta’ remunerazzjoni, trattament differenti bejn impjegati ta’ etajiet differenti jekk id-diskriminazzjoni li tirriżulta minn dan tkun iġġustifikata mill-preservazzjoni tad-drittijiet miksuba, jekk din tiġi progressivament imnaqqsa u jekk l-unika soluzzjoni differenti possibbli tkun li titnaqqas ir-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal li jkunu ikbar fl-età.

80      Preliminarjament, fir-rigward tar-rapporti bejn l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età kif ikkonkretizzat mid-Direttiva 2000/78 u d-dritt għan-negozjati kollettivi rrikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta, jaqbel li jsir riferiment għall-iżviluppi li jinsabu fil-punti 62 sa 68 ta’ din is-sentenza.

81      Kif ġie ppreċiżat fil-punti 19 sa 25 ta’ din is-sentenza, il-BAT u l-ftehim kollettivi konklużi skont il-BAT Nru 35, dwar ir-remunerazzjoni, ġew mibdula, f’dak li jikkonċerna l-membri tal-persunal tal-Istat Federali, permezz tat-TVöD sa mill-1 ta’ Ottubru 2005. Is-sistema ta’ remunerazzjoni implementata mit-TVöD ma tapplikax iktar il-gruppi tal-età u lanqas il-premju msejjaħ “lokali”, iżda stabbiliet remunerazzjoni unika. Din hija stabbilita skont kriterji bħall-attività eżerċitata, l-esperjenza professjonali u x-xogħol tal-membru tal-persunal. Dawn l-aħħar żewġ kriterji jservu sabiex tiġi ddeterminata l-iskala ta’ remunerazzjoni f’kull grad. Id-dispożizzjonijiet tranżitorji għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal fil-kuntest tat-tranżizzjoni mis-sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita mill-BAT għal dik li tirriżulta mit-TVöD ġew deċiżi mit-TVÜ‑Bund.

82      Fis-sistema implementata mit-TVÜ-Bund, kull membru tal-persunal ikkonċernat mill-klassifikazzjoni mill-ġdid irċieva remunerazzjoni msejjħa “remunerazzjoni ta’ referenza”, ta’ ammont ekwivalenti għar-remunerazzjoni preċedenti tiegħu. Din ir-remunerazzjoni ta’ referenza tikkorrispondi għal skala intermedjarja individwali mogħtija għal tul ta’ sentejn. Fl-aħħar ta’ dan il-perijodu, il-klassifikazzjoni mill-ġdid definittiva saret permezz tat-tranżizzjoni mill-iskala intermedjarja individwali għall-iskala normali immedjatament superjuri fil-grad ikkonċernat.

83      Il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk is-sistema ta’ klassifikazzjoni tranżitorja implementata mit-TVÜ‑Bund għat-tranżizzjoni mis-sistema ta’ remunerazzjoni stabbilita mill-BAT għal dik li tirrużulta mit-TVöD minn naħa, toħloqx jew tkomplix trattament differenti bbażat fuq l-età u, min-naħa l-oħra, hijiex iġġustifikata permezz tal-fatt li l-imsieħba soċjali pprovaw iżommu d-drittijiet miksuba mill-membri tal-persunal fil-qasam tar-remunerazzjoni.

84      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-TVÜ‑Bund joħloqx trattament differenti abbażi tal-età fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78, minn konstatazzjonijiet li saru mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-klassifikazzjoni tal-membri tal-persunal fi skala intermedjarja individwali kienet tiżgura lill-membru tal-persunal remunerazzjoni ta’ referenza li l-ammont tagħha kien ekwivalenti għal dak li kien jirċievi fil-kuntest tal-BAT. Issa, ir-remunerazzjoni li kienet titħallas skont il-BAT kienet magħmula prinċipalment mir-remunerazzjoni bażi li kienet ġiet ikkalkolata, meta ġie impjegat, esklużivament skont l-età tiegħu. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, il-mod tal-kalkolu tar-remunerazzjoni bażi joħloq trattament differenti bbażat fuq il-kriterju tal-età, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78. Billi tieħu bħala bażi għall-iffissar tar-remunerazzjoni ta’ referenza, ir-remunerazzjoni mħallsa qabel, is-sistema implementata mit-TVÜ‑Bund kompliet il-fatt li l-membri tal-persunal jirċievu remunerazzjoni inqas minn dik li jirċievu membri tal-persunal oħra meta jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, u dan sempliċement minħabba l-età li kellhom meta ġew impjegati.

85      Dan it-trattament differenti huwa suxxettibbli li jkompli fil-kuntest tat-TVöD peress li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, il-klassifikazzjoni mill-ġdid definittiva saret mill-iskala intermedjarja individwali mogħtija lil kull membru tal-persunal fil-kuntest tat-TVÜ‑Bund.

86      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li kemm fil-kuntest tat-TVÜ‑Bund kif ukoll f’dak tat-TVöD, fost il-membri tal-persunal li kienu afftettwati mit-tranżizzjoni mis-sistema ta’ remunerazzjoni skont il-BAT għal dik skont it-TVöD, uħud jirċievu remunerazzjoni inqas minn dik li jirċievu oħrajn minkejja li jinsabu f’sitwazzjoni kumparabbli, sempliċment minħabba l-età li kellhom meta ġew impjegati, li jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78.

87      Għalhekk, jaqbel li jiġi eżaminat jekk dan it-trattament differenti bbażat fuq l-età jistax jiġi ġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.

88      F’dan ir-rigward, għandu jsir magħruf, fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fil-punti 61 u 65 ta’ din is-sentenza, jekk it-trattament differenti bbażat fuq l-età fit-TVÜ‑Bund, u konsegwentement, fit-TVöD huwiex miżura li għandha għan leġittimu u li hija xierqa u neċessarja għat-twettiq ta’ dan l-għan.

89      Fir-rigward tal-għan intiż mill-imsieħba soċjali matul in-negozjati tat-TVöD u tat-TVÜ‑Bund, kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż jirriżulta li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal fis-sistema ta’ remunerazzjoni maqbula saret billi ġie żgurat li l-membri tal-persunal jkomplu jżommu d-drittijiet tagħhom miksuba u r-remunerazzjoni preċedenti tagħhom kellha tinżamm.

90      F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-protezzjoni tad-drittijiet miksuba minn kategorija ta’ persuna tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika din ir-restrizzjoni, bil-kundizzjoni madankollu li l-miżura restrittiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal din il-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑456/05, Ġabra p. I‑10517, punti 63 u 65).

91      Jidher, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-imsieħba soċjali kellhom l-għan li jibdlu sistema maqbula ta’ remunerazzjoni bbażata, fil-parti l-kbira tagħha, fuq l-età u, għalhekk, diskriminatorja, b’sistema ġdida bbażata fuq kriterji oġġettivi. Skont l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Ġermaniż, kieku t-tranżizzjoni mis-sistema stabbilita mill-BAT għal dik li tirriżulta mit-TVöD kienet saret mingħajr miżuri tranżitorji, 55 % tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Istat Federali kienu jitilfu medja ta’ EUR 80 fix-xahar. Sabiex jiġi evitat dan l-inkonvenjent, l-imsieħba soċjali żammew ir-remunerazzjonijiet preċedenti. Skont il-Gvern Ġermaniż, l-istabbiliment ta’ sistema tranżitorja għall-protezzjoni tal-vantaġġi miksuba jagħmel parti integranti mill-kompromess milħuq bejn l-imsieħba soċjali meta ġie konkluż it-TVöD.

92      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-imsieħba soċjali jitħallew jiddefinixxu bilanċ bejn l-interessi rispettivi tagħhom joffri flessibbiltà kunsiderevoli, peress li kull wieħed mill-partijiet jista’, skont il-każ, jittermina l-kuntratt (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Palacios de la Villa, punt 74, u Rosenbladt, punt 67). Għalhekk jidher li ż-żamma tar-remunerazzjonijiet preċedenti u, konsegwentement, dik ta’ sistema diskriminatorja bbażata fuq l-età għandha l-għan li tevita telf ta’ remunerazzjonijiet u kienet determinanti sabiex tippermetti lill-imsieħba soċjali jwettqu t-tranżizzjoni mis-sistema stabbilita mill-BAT għal dik li tirriżulta mit-TVöD. Konsegwentement, is-sistema tranżitorja tat-TVÜ‑Bund għandha tiġi kkunsidrata li tfittex għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

93      Huwa wkoll neċessarju li jiġi eżaminat, skont it-termini ta’ din l-istess dispożizzjoni, jekk il-miżuri li ġew implementati sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet humiex xierqa u neċessarji.

94      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-uniku mod li jippermetti li jiġi evitat tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal kien il-klassifikazzjoni fi skala intermedjarja individwali li tiżgura remunerazzjoni li tikkorrispondi għal dik li kienu jirċievu qabel.

95      Għandu jiġi rrilevat li s-sistema ta’ riklassifikazzjoni tal-membri tal-persunal implementata mit-TVöD u t-TVÜ-Bund tikkonċerna biss lill-membri tal-persunal diġà impjegati.

96      Barra minn hekk, wara l-klassifikazzjoni mill-ġdid definittiva, ir-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal għandha tevolvi sempliċement skont il-kriterji previsti mit-TVöD, fejn l-età ma hijiex rilevanti. Minn dan jirriżulta li l-effetti diskriminatorji se jisparixxu matul l-evoluzzjoni tar-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal.

97      Permezz tan-natura tranżitorja u limitata fiż-żmien, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik li wasslet għas-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li possibbiltà ta’ deroga, mingħajr limitu fiż-żmien, għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, kienet kuntrarja għat-twettiq tal-għan ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

98      Għalhekk, jidher li ma huwiex raġonevoli, għall-imsieħba soċjali, li jiġu adottati l-miżuri tranżitorji implementati mit-TVÜ‑Bund u dawk li huma xierqa sabiex jiġi evitat telf ta’ qligħ għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Istat Federali u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxuta lill-imsieħba soċjali fil-qasam tal-iffissar tar-remunerazzjonijiet.

99      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li jaqbel li r-risposta għat-tieni u t-tielet domandi fil-Kawża C‑297/10 tkun li l-Artikoli 2 u 6(1) tad‑Direttiva 2000/78 kif ukoll l-Artikolu 28 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura prevista minn ftehim kollettiv, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tissostitwixxi sistema ta’ remunerazzjoni li toħloq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età b’sistema ta’ remunerazzjoni bbażata fuq kriterji oġġettivi, filwaqt li żżomm, għal perijodu tranżitorju u limitat fiż-żmien, uħud mill-effetti diskriminatorji tal-ewwel minn dawn is-sistemi sabiex tiżgura lill-membri tal-persunal it-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida mingħajr ma jsofru telf fid-dħul.

100    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni u t-tielet domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

101    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u kkonkretizzat bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol u, b’mod iktar partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura prevista fi ftehim kollettiv, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li, f’kull grad, l-iskala ta’ remunerazzjoni bażi ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku hija ddeterminata, meta dan jiġi impjegat, skont l-età tiegħu. F’dan ir-rigward, il-fatt li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-imsemmija miżura u li din tinsab fi ftehim kollettiv ma jippreġudikax id-dritt li jiġu nnegozjati u konklużi ftehim kollettivi rrikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2)      L-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura prevista minn ftehim kollettiv, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil‑Kawża C‑297/10, milli tissostitwixxi sistema ta’ remunerazzjoni li toħloq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età b’sistema ta’ remunerazzjoni bbażata fuq kriterji oġġettivi, filwaqt li żżomm, għal perijodu tranżitorju u limitat fiż-żmien, uħud mill-effetti diskriminatorji tal-ewwel minn dawn is-sistemi sabiex tiżgura lill-membri tal-persunal it-tranżizzjoni lejn is-sistema l-ġdida mingħajr ma jsofru telf fid-dħul.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top