EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0754

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta’ Ġunju 2020.
Ryanair Designated Activity Company vs Országos Rendőr-főkapitányság.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 5, 10 u 20 – Dritt ta’ dħul, fi Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Prova taż-żamma ta’ tali dritt – Pussess ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Pussess ta’ permess ta’ residenza permanenti.
Kawża C-754/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:478

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Ġunju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2004/38/KE – Artikoli 5, 10 u 20 – Dritt ta’ dħul, fi Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Prova taż-żamma ta’ tali dritt – Pussess ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Pussess ta’ permess ta’ residenza permanenti”

Fil-Kawża C‑754/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

Ryanair Designated Activity Company

vs

Országos Rendőr-főkapitányság,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský (Relatur), F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Diċembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ryanair Designated Activity Company, minn Á. Csehó, A. Illés, Á. Kollár u V. Till, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, M. Tátrai u Zs. Wagner, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Brabcová, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn L. Kotroni, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti, Zs. Teleki, u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5, 10 u 20 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), u tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, ta’ l‑14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), ffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (iktar ’il quddiem il-“KTFS”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ryanair Designated Activity Company (iktar ’il quddiem “Ryanair”) u l-Országos Rendőr-főkapitányság (il-Kap tal-Pulizija Nazzjonali, l-Ungerija) dwar multa imposta fuq din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/38

3

Il-premessi 5 u 8 tad-Direttiva 2004/38 jistipulaw:

“(5)

Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza. […]

[…]

(8)

Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, dawk li diġà kisbu kard ta’ residenza għandhom jiġu eżentati mill-ħtieġa li jiksbu visa ta’ dħul fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal‑15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom il-visas meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65),] jew, fejn xieraq, il-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli.

[…]”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Benefiċjarji”, li jinsab fil-Kapitolu I ta’ din id-direttiva, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom […] li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ dħul”, li jinsab fil-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Dritt ta’ ħruġ u dħul”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

L-ebda visa ta’ dħul jew formalità ekwivalenti m’għandha tiġi mposta fuq iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni.

2.   Il-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru għandhom jiġu mitluba biss li jkollhom visa ta’ dħul skond ir-Regolament [Nru 539/2001] jew, fejn xieraq, skond il-liġi nazzjonali. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-pussess ta’ karta ta’ residenza valida msemmija fl-Artikolu 10 għandu jeżenta lil dawn il-membri tal-familja mill-ħtieġa ta’ visa.

[…]”.

6

Il-Kapitolu III tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 7, 9 u 10 tagħha.

7

Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Dritt ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur”:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur […]:

[…]

2.   Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, […]

[…]”.

8

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Formalitajiet amministrattivi għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta l-perjodu ppjanat tar-residenza hu ta’ aktar minn tliet xhur, l-Istati Membri għandhom joħorġu karta ta’ residenza lill-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.”

9

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħruġ tal-karta ta’ residenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni’ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. […]”.

10

Il-Kapitolu IV tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ residenza permanenti”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikoli 16 u 20 tagħha:

11

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/38, intitolat “Regola ġenerali għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom”, jistipula, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għex legalment għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin fl-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt ta’ residenza permanenti hemmhekk. […]

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għexu legalment maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin.”

12

L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Karta ta’ residenza permanenti għall-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu lill-membri tal-familja li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li huma ntitolati għal karta ta’ residenza permanenti fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni. Il-karta ta’ residenza permanenti għandha tiġġedded awtomatikament kull 10 snin.

2.   L-applikazzjoni għal karta ta’ residenza permanenti għandha tiġi ppreżentata qabel tiskadi l-karta ta’ residenza. […]”

Il-KTFS

13

It-titolu II tal-KTFS, intitolat “Tneħħija ta’ kontrolli fil-fruntieri interni u fuq il-moviment ta’ persuni”, jinkludi b’mod partikolari l-Kapitolu 6 iddedikat għall-“[m]iżuri li jakkumpanjaw” is-sistema li jipprevedi. Dan il-kapitolu jinkludi artikolu uniku, l-Artikolu 26, li jistipula, fil-paragrafu 1(b) u fil-paragrafu 2 tiegħu:

“1.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati tat‑28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal‑31 ta’ Jannar 1967, li jinkorporaw ir-regoli li ġejjin fil-liġi nazzjonali tagħhom:

[…]

b)

It-trasportatur huwa obbligat li jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jassigura li aljen li jinġarr bl-ajru jew bil-baħar ikollu fil-pussess tiegħu d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar meħtieġa sabiex jitħalla jidħol fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti.

2.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mill-isħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati tat‑28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal‑31 ta’ Jannar 1967, u b’mod konformi mal-liġi kostituzzjonali tagħhom, li jimponu penalitajiet fuq trasportaturi li jġorru aljeni li ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa għall-ivvjaġġar bl-ajru jew bil-baħar minn Stat Terz għat-territorji tagħhom.”

Il-leġiżlazzjoni Ungeriża

14

L-Artikolu 3(2) sa (4) tas-szabad mozgás és tartózkodás jogával rendelkező személyek beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi I. törvény (il-Liġi Nru I tal‑2007 dwar id-dħul u r-residenza tal-persuni li jgawdu mil-libertà ta’ moviment u ta’ residenza) tat‑18 ta’ Diċembru 2006 (Magyar Közlöny 2007/1.), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“2.   Membru tal-familja li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li jakkumpanja lil ċittadin taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] jew lil ċittadin Ungeriż, jew li jingħaqad ma’ ċittadin taż-ŻEE jew ċittadin Ungeriż li jirrisjedi fit-territorju tal-Ungerija, huwa awtorizzat jidħol fit-territorju Ungeriż jekk ikollu dokument tal-ivvjaġġar validu maħruġ fl-għaxar snin preċedenti u li l-perijodu ta’ validità tiegħu jaqbeż id-data tat-tluq previst b’mill-inqas tliet xhur, kif ukoll, salv dispożizzjoni kuntrarja ta’ att tad-dritt [tal-Unjoni] direttament applikabbli jew ta’ ftehim internazzjonali, ta’ viża valida li tagħti d-dritt ta’ residenza kkontemplata għal żmien li ma jaqbiżx disgħin jum matul perijodu ta’ mija u tmenin jum (iktar ’il quddiem ‘residenza kkontemplata għal perijodu li ma jaqbiżx disgħin jum’).

3.   Hija wkoll awtorizzata tidħol fit-territorju tal-Ungerija bħala membru tal-familja, jekk hija jkollha dokument tal-ivvjaġġar validu maħruġ fl-għaxar snin preċedenti u li l-perijodu ta’ validità tiegħu jaqbeż id-data tat-tluq previst b’mill-inqas tliet xhur, kif ukoll, salv dispożizzjoni kuntrarja ta’ att tad-dritt [tal-Unjoni] direttament applikabbli jew ta’ ftehim internazzjonali, ta’ viża valida li tagħti d-dritt ta’ residenza kkontemplata għal żmien li ma jaqbiżx disgħin jum, kull persuna ċittadina ta’ pajjiż terz.

[…]

4.   Il-persuni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 jistgħu jidħlu fit-territorju tal-Ungerija mingħajr viża jekk huma jkollhom dokument li jattesta d-dritt ta’ residenza previst f’din il-liġi jew karta ta’ residenza maħruġa minn Stat kontraent fil-Ftehim dwar iż-[ŻEE] lil ċittadin ta’ pajjiż terz membru tal-familja taċ-ċittadin taż-ŻEE.”

15

L-Artikolu 69(1) u (5) tal-harmadik országbeli állampolgárok beutazásáról és tartózkodásáról szóló 2007. évi II. törvény (il-Liġi Nru II tal‑2007 dwar id-dħul u r-residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi) tat‑18 ta’ Diċembru 2006 (Magyar Közlöny 2007/1.), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“1.   Kull trasportatur li jwassal ċittadin ta’ pajjiż terz lejn it-territorju tal-Ungerija bl-ajru jew bil-baħar, jew fuq linja regolari ta’ trasport bit-triq, jew li permezz tiegħu jaqsam it-territorju Ungeriż lejn pajjiż ta’ destinazzjoni ieħor, għandu jiżgura qabel it-trasport li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu, minħabba d-dħul jew it-tranżitu tiegħu, dokument ta’ vvjaġġar validu u, skont il-każ, viża valida li tagħti d-dritt ta’ residenza għal perijodu li ma jaqbiżx disgħin jum.

[…]

5.   Multa amministrattiva, li l-ammont tagħha huwa stabbilit b’leġiżlazzjoni partikolari, tiġi imposta fuq kull trasportatur li ma jwettaqx l-obbligu li jimponilu l-paragrafu 1.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Fid‑9 ta’ Ottubru 2017, il-pulizija tal-ajruport Liszt Ferenc ta’ Budapest (l-Ungerija) għamlu kontroll fuq il-passiġġieri ta’ titjira operata minn Ryanair u provenjenti minn Londra (ir-Renju Unit). Hemmhekk huma kkonstataw li passiġġier ta’ nazzjonalità Ukraina u b’passaport mhux bijometriku, b’permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni maħruġa mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, iżda li sussegwentement ma baqgħetx valida, kif ukoll b’permess ta’ residenza permanenti validu, ukoll maħruġ mir-Renju Unit skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, ma kellux viża.

17

Peress li qiesu li dan il-passiġġier ma kellux, minħabba dan il-fatt, id-dokumenti kollha tal-ivvjaġġar meħtieġa sabiex ikun jista’ jidħol fit-territorju Ungeriż, il-pulizija ma awtorizzawhx jagħmel dan u talbu lil Ryanair jibagħtuh lura Londra. Barra minn hekk, huma qiesu li Ryanair ma kinitx ħadet, bħala trasportatur, il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li l-imsemmi passiġġier kien fil-pussess tad-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa u, għal din ir-raġuni, iddeċidew li jimponu multa fl-ammont ta’ EUR 3000 fuq din il-kumpannija.

18

Fil-kuntest tar-rikors li hija ppreżentat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest), Ryanair argumentat li l-passiġġier inkwistjoni kien awtorizzat, bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, sabiex jidħol fit-territorju Ungeriż mingħajr ma jkollu viża, peress li huwa kellu permess ta’ residenza permanenti maħruġ mir-Renju Unit skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, Ryanair sostniet, qabelxejn, li għalkemm l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jissuġġetta l-eżenzjoni mill-obbligu tal-pussess ta’ viża li huwa jipprevedi għar-rekwiżit, għal ċittadin ta’ Stat terz, li jkollu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 10 tal-istess direttiva, hija biss persuna li tkun kisbet tali permess minn qabel li sussegwentement tista’ tingħata permess ta’ residenza permanenti. Hija ddeduċiet minn dan li analiżi kuntestwali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kienet twassal sabiex jitqies li eżenzjoni minn viża teżisti wkoll fil-każ fejn ċittadin ta’ Stat terz ikollu permess ta’ residenza permanenti. Sussegwentement, Ryanair qieset li l-pussess ta’ tali permess kellu jitqies li huwa suffiċjenti, minnu nnifsu, sabiex jipprova li dan iċ-ċittadin huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, hija żiedet li, fi kwalunkwe każ, trasportatur ma għandux dritt li jagħmel verifiki addizzjonali dwar ir-rabta ta’ familja li tgħaqqad il-persuna kkonċernata ma’ ċittadin tal-Unjoni u li dan it-trasportatur għalhekk ma jistax jiġi ssanzjonat talli ma jkunx għamel tali verifiki addizzjonali.

19

Il-Kap tal-Pulizija Nazzjonali Ungeriża qies, qabelxejn, li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat litteralment, fis-sens li huwa biss il-pussess ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li t-titolu tiegħu stess jistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta ta’ familja ma’ ċittadin tal-Unjoni, li jeżenta liċ-ċittadini tal-Istati terzi mill-obbligu li jkollhom viża sabiex ikunu jistgħu jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri. Sussegwentement, huwa ddeduċa minn dan li l-pussess ta’ permess ta’ residenza permanenti, li ma jissemmiex fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, ma jistax jitqies li jeżenta lid-detentur tiegħu minn tali obbligu. Fl-aħħar nett, huwa qies li dan huwa l-każ a fortiori fil-każ fejn permess ta’ residenza permanenti jkun inħareġ minn Stat Membru li, bħar-Renju Unit meta seħħew il-fatti li wasslu għat-tilwima fil-kawża prinċipali, ma jagħmilx parti miż-żona Schengen. Konsegwentement, trasportatur bħal Ryanair jista’ jiġi ssanzjonat, konformement mal-Artikolu 26 tal-KTFS, fil-każ li jkun naqas milli jivverifika li d-detentur ta’ tali permess ta’ residenza permanenti kellu viża.

20

Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, il-qorti tar-rinviju tispjega, fl-ewwel lok, li hija għandha xi dubji dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat litteralment jew jekk il-formulazzjoni tiegħu għandhiex tinftiehem fid-dawl tal-kuntest li jidħol fih. F’dan ir-rigward, hija tosserva, b’mod partikolari, li din id-direttiva tikkonċepixxi d-dritt ta’ residenza permanenti bħala dritt “imsaħħaħ”, mogħti liċ-ċittadini tal-Istati terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u li jkunu diġà bbenefikaw minn dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin.

21

Fit-tieni lok, din il-qorti tistaqsi dwar il-portata tal-eżenzjoni mill-viża prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, billi tistaqsi jekk din għandhiex tinftiehem fis-sens li jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini ta’ Stati terzi li huma membri tal-familji ta’ ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar liema Stat Membru ħarġilhom permess ta’ residenza jew jekk, għall-kuntrarju, din għandhiex tinftiehem bħala li hija rriżervata għal dawk li jkollhom permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru li jifforma parti miż-żona Schengen. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li, meta seħħew il-fatti fl-oriġini tat-tilwima li hija adita biha, ir-Renju Unit kien Stat Membru tal-Unjoni li ma jagħmilx parti miż-żona Schengen.

22

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-każ li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38 jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċċju tal-eżenzjoni minn viża li huwa jipprevedi jestendi għaċ-ċittadini ta’ Stati terzi li għandhom permess ta’ residenza permanenti maħruġ minn Stat Membru li ma jagħmilx parti miż-żona Schengen, hija tixtieq tkun taf jekk il-pussess ta’ tali permess huwiex suffiċjenti sabiex jipprova li d-detentur tiegħu għandu d-dritt ta’ dħul mingħajr viża fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk huwiex neċessarju li l-persuna kkonċernata tipproduċi dokumenti addizzjonali li juru r-rabta ta’ familja tagħha ma’ ċittadin tal-Unjoni.

23

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-portata tal-obbligu impost fuq it-trasportaturi għall-verifika tad-dokumenti tal-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta’ Stati terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u li jiċċaqilqu bl-ajru jew bil-baħar minn Stat Membru għal ieħor, bis-saħħa tal-Artikolu 26 tal-KTFS. Dwar dan il-punt, hija tistaqsi, minn naħa, jekk id-“dokumenti ta’ l-ivvjaġġar” li dan l-artikolu jobbligahom li jivverifikaw il-pussess tagħhom humiex limitati għad-dokumenti li jippruvaw li dawn il-persuni għandhom id-dritt li jidħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor jew jekk jinkludux ukoll id-dokumenti li jattestaw li huma għandhom rabta ta’ familja ma’ ċittadin tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi li għandu jkun hemm għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu ta’ verifika.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5(2) […] tad-[Direttiva 2004/38], għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, kemm il-pussess ta’ karta ta’ residenza, prevista fl-Artikolu 10 tad-direttiva, kif ukoll il-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti, prevista fl-Artikolu 20 tad-direttiva, jeżentaw membru tal-familja mir-rekwiżit li jkun fil-pussess ta’ viża fil-mument tad-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/38, u l-paragrafu 2 tiegħu, għandhom jiġu interpretati bl-istess mod meta persuna li tkun membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u ma tkunx ċittadina ta’ Stat Membru ieħor tkun akkwistat id-dritt għal residenza permanenti fir-Renju Unit u meta r-Renju Unit ikun l-Istat li ħareġ il-karta ta’ residenza permanenti fir-rigward ta’ din il-persuna? Fi kliem ieħor, il-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti prevista fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, kif maħruġa mir-Renju Unit, teżenta lill-pussessur ta’ din il-karta mir-rekwiżit li jikseb viża, indipendentement mill-fatt li la r-Regolament [Nru 539/2001], li jirreferi għalih l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, u lanqas ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) [(ĠU 2016, L 77, p. 1)] ma japplikaw fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru?

3)

Fil-każ li r-risposti għall-ewwel u għat-tieni domanda jkunu fl-affermattiv, il-pussess ta’ karta ta’ residenza maħruġa konformement mal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38 għandu jitqies fih innifsu bħala prova suffiċjenti li l-pussessur tal-karta huwa membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni u li, bħala membru tal-familja, huwa għandu d-dritt, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi prodotta prova jew attestazzjoni oħra, jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u huwa eżentat mir-rekwiżit li jikseb viża konformement mal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva?

4)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fin-negattiv għat-tielet domanda, l-[Artikolu 26(1)(b) tal-KTFS] għandu jiġi interpetat fis-sens li trasportatur tal-ajru għandu l-obbligu li jivverifika mhux biss id-dokumenti tal-ivvjaġġar iżda wkoll il-fatt li l-passiġġier li għandu l-intenzjoni jivvjaġġa b’karta ta’ residenza permanenti prevista fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38 huwa effettivament membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-mument tad-dħul?

5)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fl-affermattiv għar-raba’ domanda:

[a])

fil-każ li trasportatur tal-ajru ma jkunx f’pożizzjoni li jistabbilixxi li passiġġier li għandu l-intenzjoni jivvjaġġa b’karta ta’ residenza permanenti prevista fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38 huwa effettivament membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fil-mument tad-dħul, l-imsemmi trasportatur tal-ajru għandu jirrifjuta l-imbark fuq l-ajruplan u t-trasport ta’ din il-persuna lejn Stat Membru ieħor?

[b])

fil-każ li trasportatur tal-ajru ma jivverifikax dan il-fatt jew ma jirrifjutax it-trasport lil passiġġier li ma jistax jipproduċi prova li huwa membru tal-familja – u li, barra minn hekk huwa fil-pussess ta’ karta ta’ residenza permanenti — huwa possibbli li tiġi imposta multa fuq dan it-trasportatur tal-ajru abbażi ta’ dan il-fatt konformement mal-Artikolu 26(2) tal-[KTFS]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-pussess tal-permess ta’ residenza permanenti msemmi fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva jeżenta lil persuna li ma għandhiex iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, iżda li hija membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u li hija detentur ta’ tali permess, mill-obbligu li tikseb viża sabiex tidħol fit-territorju tal-Istati Membri.

26

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru huma suġġetti għall-obbligu li jiksbu viża ta’ dħul, konformement mar-Regolament Nru 539/2001 jew mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u, fit-tieni sentenza tiegħu, li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-pussess tal-permess ta’ residenza validu msemmi fl-Artikolu 10 tagħha għandu jeżenta lill-membri tal-familja kkonċernati minn tali obbligu.

27

Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment għall-permess ta’ residenza permanenti msemmi fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38. Madankollu, tali nuqqas ta’ riferiment ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jistabbilixxi, a contrario, ir-rhieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jeskludi l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandhom permess ta’ residenza permanenti mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-obbligu li jiksbu viża sabiex jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri previst fl-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva.

28

F’dawn il-kundizzjonijiet, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild impoġġi taħt kafala (għoti ta’ kura) Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 51).

29

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-permess ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u l-permess ta’ residenza permanenti msemmi fl-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva huma t-tnejn li huma dokumenti li l-pussess tagħhom, mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandux iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, juri li dawn igawdu minn dritt ta’ residenza, u għalhekk ta’ dħul, fit-territorju tal-Istati Membri.

30

B’mod iktar speċifiku, il-permess imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 huwa, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, dokument maħruġ mill-Istati Membri sabiex juri li l-persuni kkonċernati jgawdu minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur, kif previst fl-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva.

31

Fir-rigward tal-permess imsemmi fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38, dan huwa, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, dokument maħruġ mill-Istati Membri meta l-persuni kkonċernati jgawdu minn dritt ta’ residenza permanenti, kif previst fl-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva.

32

Issa, mill-premessa 8 tal-imsemmija direttiva, li l-Artikolu 5(2) ta’ din tal-aħħar għandu jiġi interpretat fid-dawl tagħha, isegwi li eżenzjoni mill-obbligu li tinkiseb viża għal dħul fit-territorju tal-Istati Membri għandhom jibbenefikaw minnha l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkunu diġà kisbu “kard” ta’ residenza. Għalhekk, jidher li huwa l-fatt li persuna tkun kisbet permess ta’ residenza, liema jkun, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, li jiġġustifika li dawn tal-aħħar jitneħħielhom l-obbligu li jiksbu viża.

33

Min-naħa l-oħra, l-akkwist ta’ dritt ta’ residenza permanenti huwa suġġett, bħalma jsegwi mill-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38, għall-kundizzjoni li l-membri tal-familja jkunu rrisjedew legalment għal perijodu mhux interrott ta’ ħames snin maċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fl-Istat Membru ospitanti, li jimplika neċessarjament li huma jkunu bbenefikaw, minn qabel, minn dritt ta’ residenza ta’ iktar minn tliet xhur f’dan tal-aħħar.

34

Bl-istess mod, mill-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li l-permess ta’ residenza permanenti jista’ jinħareġ biss lil persuni li jkunu kisbu, minn qabel, permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

35

Minn dan isegwi li l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jinħarġilhom permess ta’ residenza permanenti huma neċessarjament persuni li qabel ikunu bbenefikaw, bħala detenturi ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, mill-eżenzjoni mill-obbligu li jiksbu viża prevista fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38.

36

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-għan imfittex minn din id-direttiva, għandu jiġi osservat li dan jikkonsisti, bħalma diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, f’li tiġi żgurata integrazzjoni gradwali taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li ma għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru fis-soċjetà tal-Istat Membru li huma stabbiliti fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punti 3841, kif ukoll tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punti 5154).

37

Issa, tali għan jipprekludi li l-akkwist ta’ dritt ta’ residenza permanenti, mill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, iwassal għat-telfa tal-eżenzjoni mill-obbligu li tinkiseb viża, li huma kienu jgawdu minnha qabel jiksbu dan id-dritt ta’ residenza permanenti, bħala pussessuri ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pussess tal-permess ta’ residenza permanenti msemmi fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva jeżenta lil persuna li ma għandhiex iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, iżda li hija membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u li hija detentur ta’ tali permess, mill-obbligu li tikseb viża sabiex tidħol fit-territorju tal-Istati Membri.

Fuq it-tieni domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-pussess tal-permess ta’ residenza permanenti msemmi fl-Artikolu 20 ta’ din id-diretiva jeżenta lill-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa detentur tiegħu mill-obbligu li jikseb viża meta dan il-permess ikun inħareġ minn Stat Membru li ma jagħmilx parti miż-żona Schengen.

40

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet applikabbli taż-żona Schengen jistipulaw espressament li dawn ma jaffettwawx il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom, kif iggarantit, b’mod partikolari, mid-Direttiva 2004/38, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 38 sa 40 tal-konklużjonijiet tiegħu.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod ġenerali, din id-direttiva tapplika mingħajr distinzjoni għall-Istati Membri kollha, irrispettivament minn jekk dawn jagħmlux parti miż-żona Schengen jew le.

42

Fir-rigward tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva, dan ma jagħmel ebda riferiment speċifiku għaż-żona Schengen, la sabiex jissuġġetta l-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-obbligu li tinkiseb viża li huwa jipprevedi għall-kundizzjoni li jkun inħareġ permess ta’ residenza minn Stat Membru li jagħmel parti minn din iż-żona u lanqas, għall-kuntrarju, li jeskludi mill-benefiċċju ta’ tali eżenzjoni lill-persuni li għandhom permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru li ma jagħmilx parti mill-imsemmija żona.

43

Minn dan isegwi li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-obbligu li tinkiseb viża, previst fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, ma huwiex limitat biss għall-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li għandhom permess ta’ residenza jew permess ta’ residenza permanenti maħruġ minn Stat Membru li jagħmel parti miż-żona Schengen.

44

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38.

45

Fil-fatt, id-“dispożizzjoni ġenerali” li tinsab fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva tipprevedi li din tal-aħħar jibbenefikaw minnha ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru differenti minn dak li għandhom iċ-ċittadinanza tiegħu, kif ukoll l-membri tal-familja tagħhom li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

46

Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, li l-membri tal-familja kollha taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mill-obbligu li jiksbu viża prevista f’din id-dispożizzjoni. Issa, il-fatt li ssir distinzjoni bejn tali membri tal-familja, skont l-Istat Membru li jkun ħarġilhom permess ta’ residenza permanenti, jeskludi wħud minnhom mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni u għalhekk ikun imur kontra l-imsemmija dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

47

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pussess tal-permess ta’ residenza permanenti msemmi fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva jeżenta lill-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa detentur tiegħu mill-obbligu li jikseb viża meta dan il-permess ikun inħareġ minn Stat Membru li ma jagħmilx parti miż-żona Schengen.

Fuq it-tielet domanda

48

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-pussess tal-permess ta’ residenza msemmi f’dan l-artikolu jikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-fatt li d-detentur ta’ dan il-pussess għandu l-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’tali mod li l-persuna kkonċernata għandha d-dritt, mingħajr ma tkun meħtieġa verifika jew ġustifikazzjoni addizzjonali, li tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru u tkun eżentata mill-obbligu li tikseb viża bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva.

49

F’dan ir-rigward, mill-kliem stess tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2004/38, jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Istati Membri jistgħu joħorġu permess ta’ residenza permanenti biss lill-persuni li għandhom il-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

50

Minn dan isegwi li l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza permanenti minn Stat Membru jimplika li dan ikun neċessarjament ivverifika, minn qabel, li l-persuna kkonċernata għandha din il-kwalità.

51

Konsegwentement, ma hemmx lok li ssir verifika addizzjonali tal-imsemmija kwalità.

52

Barra minn hekk, bħalma diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħruġ tal-permess ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 jiswa bħala konstatazzjoni formali tas-sitwazzjoni fattwali u legali tal-persuna kkonċernata fid-dawl ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Dias, C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 48; tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 49, kif ukoll tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Diallo, C‑246/17, EU:C:2018:499, punt 48).

53

Għandu jitqies, b’analoġija, li l-ħruġ tal-permess ta’ residenza permanenti msemmi fl-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva jiswa, huwa wkoll, bħala konstatazzjoni formali tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, kif murija b’dan id-dokument.

54

Minn dan isegwi li permess ta’ residenza permanenti huwa ta’ natura li jiġġustifika, fih innifsu, il-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-persuna li hija detentur ta’ dan il-permess.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pussess tal-permess ta’ residenza msemmi f’dan l-artikolu jikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-fatt li d-detentur ta’ dan il-permess għandu l-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’tali mod li l-persuna kkonċernata għandha d-dritt, mingħajr ma tkun meħtieġa verifika jew ġustifikazzjoni addizzjonali, li tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru u tkun eżentata mill-obbligu li tikseb viża bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva.

Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda

56

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ u l-ħames domanda.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pussess tal-permess ta’ residenza permanenti msemmi fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva jeżenta lil persuna li ma għandhiex iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, iżda li hija membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni u li hija detentur ta’ tali permess, mill-obbligu li tikseb viża sabiex tidħol fit-territorju tal-Istati Membri.

 

2)

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pussess tal-permess ta’ residenza permanenti msemmi fl-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva jeżenta lill-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa detentur tiegħu mill-obbligu li jikseb viża meta dan il-permess ikun inħareġ minn Stat Membru li ma jagħmilx parti miż-żona Schengen.

 

3)

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pussess tal-permess ta’ residenza msemmi f’dan l-artikolu jikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-fatt li d-detentur ta’ dan il-permess għandu l-kwalità ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’tali mod li l-persuna kkonċernata għandha d-dritt, mingħajr ma tkun meħtieġa verifika jew ġustifikazzjoni addizzjonali, li tidħol fit-territorju ta’ Stat Membru u tkun eżentata mill-obbligu li tikseb viża bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

Top