SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

7 ta’ Ġunju 2005 (*)

"Suq intern ta' l-elettriku – Aċċess preferenzjali għas-sistema ta' trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku – Impriża li qabel kienet inkarigata mill-immaniġġjar ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali – Kuntratti fit-tul li kienu jeżistu qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq – Direttiva 96/92/KE – Prinċipju ta' nondiskriminazzjoni – Prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali"

Fil-kawża C-17/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (l-Olanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2003, fil-kawża

Vereniging voor Energie, Milieu en Water,

Amsterdam Power Exchange Spotmarket BV,

Eneco NV,

vs

Directeur van de Dienst uitvoering en toezicht energie,

fil-preżenza ta':

Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV, li qabel kienet Samenwerkende ElektriciteitsProduktiebedrijven NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas (Relatur), Presidenti ta’ Awla, J.‑P. Puissochet u R.Schintgen, N.Colneric, S. von Bahr, M.Ilešič, J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Vereniging voor Energie, Milieu en Water, minn I. VerLoren van Themaat u het Lam, advocaten,

–       għal Amsterdam Power Exchange Spotmarket BV, minn P. W. A. Goes, advocaat,

–       għal Eneco NV, minn J. J. Feenstra, advocaat,

–       għal Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV, minn J. de Pree u Y. de Vries, advocaten,

–       għall-Gvern Olandiz, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Lemaire, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Norveġiż, minn K. B. Moen u I. Djupvik, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Støvlbæk, M. van Beek u A. Bouquet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, ta' l-Artikolu 86(2) KE u, min-naħa l-oħra, ta' l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 96/92/KE tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU 1997 L 27, p. 20, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn l-impriżi Vereniging voor Energie, Milieu en Water, Amsterdam Power Exchange Spotmarket BV u Eneco NV u d-Directeur van de Dienst uitvoering en toezicht energie (Direttur tas-Servizz ta' l-Implementazzjoni u l-Kontroll fis-Settur ta' l-Enerġija, iktar 'il quddiem id-"DTE" jew il-"kontrollur ta' l-immaniġġjar tas-sistema") dwar id-deċiżjoni ta' dan ta' l-aħħar li jirriżerva, fuq bażi preferenzjali lil Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV (iktar 'il quddiem "NEA") li meta tqajmet il-kontroversja fil-kawża prinċipali kienet imsejħa Samenwerkende ElektriciteitsProductiebedrijven NV (iktar 'il quddiem "SEP"), parti mill-kapaċità tas-sistema transkonfini għall-importazzjoni ta' l-elettriku fl-Olanda.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3       Id-Direttiva tikkostitwixxi t-tieni fażi tal-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-elettriku fil-Komunità Ewropea. Skond it-tieni premessa tagħha, din hija intiża sabiex tikseb suq intern kompettitiv ta’ l-elettriku.

4       Skond ir-raba' premessa tagħha "t-twaqqif tas-suq intern ta’ l-elettriku huwa b’mod partikolari importanti sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-produzzjoni, it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta’ dan il-prodott, filwaqt illi tittejjeb is-sigurtà tal-produzzjoni u l-kompettitività ta’ l-ekonomija Ewropea […]".

5       Skond il-ħames premessa tagħha, "s-suq intern fl-elettriku għandu bżonn ikun stabbilit bil-mod, sabiex l-industrija tkun tista’ taġġusta b’mod flessibbli u ordnat għall-ambjent il-ġdid tagħha u biex jittieħed kont tal-metodi differenti illi bihom sistemi ta’ l-elettriku huma organizzati fil-preżent".

6       Fil-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva, huwa speċifikat li "kull sistema ta’ trasmissjoni għandh[a] tkun suġġetta għall-immaniġġjar ċentrali u kontroll sabiex tkun żgurata s-sigurtà, kemm tista’ toqgħod fuq l-effiċjenza [l-affidabbiltà u l-effiċjenza] tas-sistema fl-interessi ta’ produtturi u l-klijenti tagħhom; […] min iħaddem [operatur tas-]sistema ta’ trasmissjoni għandu għaldaqstant ikun innominat u fdat bl-operazzjoni, bil-manutenzjoni, u, jekk ikun hemm bżonn, bl-iżvilupp tas-sistema; […] l-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni għandu jġib ruħu b’mod oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju".

7       L-aħħar premessa ta' din id-Direttiva tipprovdi li "id-Direttiva tikkonstitwixxi fażi oħra ta’ liberalizzazzjoni; […] ġaladarba din ingħatat effett, ċerti ostakli għall-kummerċ fl-elettriku bejn Stati Membri għandhom jibqgħu xorta waħda; […] għaldaqstant, proposti għat-titjib ta’ l-operazzjoni tas-suq intern fl-elettriku tista’ tkun magħmula [jistgħu jsiru] fid-dawl ta’ esperjenza […]".

8       L-Artikolu 7, li jinsab fil-Kapitolu IV tad-Direttiva intitolat "Operazzjoni tas-sistema ta’ trasmissjoni" jiddisponi:

"1.      L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew għandhom jitolbu impriżi illi għandhom sistemi ta’ trasmissjoni illi jinnominaw, għal perjodu ta’ żmien li għandu jkun determinat minn Stati Membri wara li jikkunsidraw kunsiderazzjonijiet ta’ effiċjenza u bilanċ ekonomiku, sistema ta’ operatur li għandhom tkun [operatur tas-sistema li għandu jkun] responsabbli, waqt li [j]iżgura l-manutenzjoni ta’, u, jekk neċessarju, l-iżvilupp ta’ sistema ta’ trasmissjoni f’ċerta lokalità u interconnectors tagħha ma’ sistemi oħra, sabiex tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista.

2.       L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi regoli tekniċi li jistabbilixxu disinn tekniku minimu u rekwiziti ta’ operazzjoni għall-konnessjoni mas-sistema ta’ istallazzjonijiet ġenerali, sistemi ta’ distribuzzjoni, direttament kkunettjati ma’ l-apparat tal-konsumatur, ċirkwiti interconnector u linji diretti huma żviluppati u ppubblikati. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw l-interoperabilità tas-sistemi u għandhom ikunu oġġettivi u mhux diskriminatorji.

[…]

3.       Is-sistema ta’ operazzjoni għandhom tkun [L-operatur tas-sistema li għandu jkun] responsabbli għall-immaniġġar ta’ tixrid [tal-fluss] ta’ enerġija, waqt li jittieħed kont ta’ bdil ma’ sistemi oħra interkonnessi. Għall dik il-fini, l-operatur tas-sistema għandu jkun responsabbli illi jiżgura sistema ta’ l-elettriku żgura, ta’ min joqgħod fuqha u effiċjenti u, f’dak il-kuntest, biex jiżgura d-disponibbilità tas-servizzi anċillarji kollha.

[…]

5.       L-operatur tas-sistema ma għandux jiddiskrimina bejn utenti ta’ sistemi jew klassijiet ta’ utenti ta’ sistemi, b’mod partikolari favur is-sussidjarji tiegħu jew ta’ min għandu l-ishma [l-azzjonisti tiegħu].

[…]"

9       L-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 16 tad-Direttiva, li jinsab fil-Kapitolu VII tagħha, intitolat "Organizzazzjoni ta’ aċċess għas-sistema", tiddisponi li għal tali organizzazzjoni ta’ aċċess għas-sistema, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn l-aċċess negozjat għas-sistema u l-proċedura ta’ xerrej waħdieni. Skond it-tieni sentenza ta' l-istess Artikolu, "[i]z-zewġ proċeduri għandhom joperaw skond kriterji oġġettivi, trasparenti u li mhumiex diskriminatorji".

10     L-Artikolu 24(1) u (2) tad-Direttiva jipprovdi:

"1.      Dawk l-Istati Membri fejn rabtiet jew garanziji ta’ operazzjoni illi ngħataw qabel id-daħla fis-seħħ ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jiġu mwettqa minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu japplikaw għal reġim transitorju illi jista’ jingħata lilhom mill-Kummissjoni, waqt li jittieħed kont, fost affarijiet oħra, tad-daqs tas-sistema kkonċernata, il-livel ta’ interkonnessjoni tas-sistema u l-istruttura ta’ l-industrija ta’ l-elettriku tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’dawk l-applikazzjonijiet qabel hija tieħu deċiżjoni, waqt li tieħu kont tat-tħaris tal-kunfidenzalità. Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2.       Ir-reġim transitorju għandu jkun ta’ durata limitata u għandu jkun marbut ma’ l-iskadenza tar-rabta jew garanziji msemmija fil-paragrafu 1. Ir-reġim transitorju jista’ jkopri derogi minn Kapitoli IV, VI u VII ta’ din id-Direttiva. Applikazzjonijiet għal reġim transitorju għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sena wara d-daħla fis-seħħ ta’ din id-Direttiva."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11     Skond l-Artikolu 2 tal-liġi li tirregola l-produzzjoni, l-importazzjoni, t-trażmissjoni u l-bejgħ ta' l-elettriku (Elektriciteitswet) tas-16 ta' Novembru 1989 (Staatsblad 1989, p. 535, iktar 'il quddiem l-"EW 1989"), kumpannija magħżula għal dan l-iskop (iktar 'il quddiem il-"kumpannija magħżula") kienet inkarigata, flimkien mal-kunċessjonarji, li tassigura t-tħaddim affidabbli u effikaċi tad-distribuzzjoni pubblika ta' l-elettriku bi prezz baxx kemm jista' jkun u ġġustifikat fid-dawl ta' l-interess pubbliku.

12     Skond l-Artikolu 34 ta' l-EW 1989, il-kumpannija magħżula biss kienet awtorizzata timporta fl-Olanda l-elettriku intiż għad-distribuzzjoni pubblika.

13     Skond l-Artikolu 35 ta' l-EW 1989, din il-kumpannija ma setgħetx tikkonkludi kuntratti għall-importazzjoni ta' l-elettriku intiż għad-distribuzzjoni pubblika mingħajr l-approvazzjoni tal-ministru kompetenti. Dan seta' jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu biss jekk dan kien fl-interess ta' forniment tajjeb ta' l-elettriku u ta' l-enerġija elettrika.

14     Il-kumpannija magħżula fis-sens ta' l-Artikoli 2, 34, 35 ta' l-EW 1989 kienet SEP, u l-aventi kawża tagħha mill-1 ta' Jannar 2001 hija NEA.

15     Il-liġi li tirregola l-produzzjoni, l-importazzjoni, t-trażmissjoni u l-bejgħ ta' l-elettriku (Elektriciteitswet) tat-2 ta' Lulju 1998 (Staatsblad 1998, p. 427, iktar 'il quddiem l-"EW 1998"), kienet intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva u abrogat l-EW 1989, b'effett mill-1 ta' Lulju 1999.

16     Wara d-dħul fis-seħħ ta' l-EW 1998, SEP ittrasferixxiet l-immaniġġjar tas-sistema ta' vultaġġ qawwi lill-kumpannija sussidjarja tagħha TenneT BV (iktar 'il quddiem "TenneT"). Fl-2001, il-proprjetà ta' din is-sistema ġiet ċeduta lil Saranne BV (iktar 'il quddiem "Saranne"), ukoll kumpannija sussidjarja ta’ SEP. Matul l-istess sena, l-Istat sar il-proprjetarju ta' TenneT u mbagħad ta' Saranne.

17     Skond l-Artikolu 16 ta' l-EW 1998, TenneT għandha l-funzjoni, b'mod partikolari, li tistabbilixxi u li tieħu ħsieb il-manutenzjoni ta' l-imsemmija sistema, li tassigura l-affidabbiltà u s-sigurtà tagħha, li tassigura kapaċità suffiċjenti ta' riżerva u li tforni lill-partijiet terzi l-elettriku importat fl-Olanda u esportat mill-Olanda lejn pajjiżi oħra.

18     Skond l-Artikolu 24 ta' l-EW 1998, l-operatur tas-sistema għandu jassigura l-aċċess għaliha lill-produtturi, lill-intermedjarji, lill-fornituri u lix-xerrejja ta' l-elettriku taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji.

19     Is-sorveljanza ta' l-immaniġjar tas-sistema u ta' l-operatur tas-sistema hija fdata f’idejn, skond l-EW 1998, id-DTE. F’termini ġerarkiċi, dan jiddependi mill-Ministru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi, li jista' jagħtih kemm direttivi individwali kif ukoll ġenerali.

20     Skond, b'mod partikolari, l-Artikolu 36 ta' l-EW 1998, id-DTE għandu jistabbilixxi, fuq proposta ta' l-operatur tas-sistema, il-kundizzjonijiet ta' l-aċċess għal din ta' l-aħħar.

21     Għal dan l-iskop, id-DTE adotta, permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Novembru 1999, il-kundizzjonijiet dwar l-immaniġġjar ta' sistema transkonfini ta' l-elettriku (iktar 'il quddiem il-"kodiċi tas-sistema").

22     Skond, b'mod partikolari, il-punti 5.6.4 u 5.6.7 tal-Kapitolu 5 tal-kodiċi tas-sistema, għas-sena 2000, kapaċità ta' importazzjoni ta' l-elettriku ta' 1 500 MW mit-3 200 MW disponibbli fuq il-linji transkonfini ġiet irriżervata fuq bażi preferenzjali lil SEP għat-trażmissjoni ta' l-elettriku li kienet is-suġġett ta' kuntratti ta' xiri ffirmati minn SEP skond l-Artikolu 35 ta' l-EW 1989.

23     Hemm tliet kuntratti ta' xiri ta' l-elettriku li SEP ikkonkludiet sabiex twettaq l-inkarigu tagħha previst mill-Artikolu 2 ta' l-EW 1989.

24     Dawn il-kuntratti ġew konklużi rispettivament:

–       fl-1989, ma' Électricité de France, għax-xiri ta' 600 MW fis-sena sal-31 ta' Marzu 2002 u ta' 750 MW fis-sena mill-1 ta' April 2002 sal-31 ta' Marzu 2009;

–       fl-1989, ma' Preussen Elektra AG, għax-xiri ta' 300 MW fis-sena sal-31 ta' Diċembru 2005;

–       fl-1990, ma' Vereinigte Elektrizitätswerke Westfalen AG, għax-xiri ta' 600 MW fis-sena sal-31 ta' Marzu 2003 (iktar 'il quddiem, dawn it-tliet kuntratti meħuda flimkien se jissejħu l-"kuntratti internazzjonali ta’ SEP").

25     Sussegwentement, l-allokazzjoni fuq bażi preferenzjali lil SEP ta' kapaċità annwali ta' trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku għall-perijodu ta’ wara s-sena 2000 kienet ġiet espressament irregolata mil-liġi tranżitorja dwar is-settur tal-produzzjoni ta' l-elettriku (Overgangswet elektriciteitsproduktiesector), tal-21 ta' Diċembru 2000, (Staatsblad 2000, p. 607, iktar 'il quddiem l-"Overgangswet 2000").

26     Din tipprovdi fl-Artikolu 13(1) tagħha:

"L-operatur tas-sistema nazzjonali b'voltaġġ għoli għandu, fuq talba, jalloka lill-kumpannija magħżula għat-trażmissjoni ta' l-elettriku, massimu ta' 900 MW sal-31 ta' Marzu 2005 u massimu ta' 750 MW mill-1 ta' April 2005 sal-31 ta' Marzu 2009, jekk din it-trażmissjoni sservi sabiex jiġu implementati l-kuntratti konklużi fl-1989 u 1990 bejn il-kumpannija magħżula minn naħa u Électricité de France, Preussen Elektra AG u Vereinigte Elektrizitätswerke Westfalen AG, rispettivament, min-naħa l-oħra, fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fil-1 ta' Awwissu 1998 u sakemm dawn il-kuntratti jkunu għandhom fis-seħħ. […]"

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu lment kontra l-adozzjoni mid-DTE tal-Kapitolu 5 tal-Kodiċi tas-Sistema.

28     Permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta' Lulju 2000, id-DTE ċaħad dan l-ilment. Huwa rrikonoxxa li l-preferenzi mogħtija lil SEP jikkostitwixxu ostakoli għat-tħaddim it-tajjeb tas-suq ta' l-elettriku. Huwa espona wkoll li l-kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-produzzjoni ta' l-elettriku fl-Olanda għadha limitata ħafna, tant li fil-prattika, il-kompetizzjoni tista' topera biss permezz ta’ l-elettriku prodott barra mill-pajjiż. Huwa fakkar, f'dan il-kuntest, li l-kapaċità disponibbli ta' trażmissjoni transkonfini internazzjonali hija ta' 3 200 MW u biex dan l-ammont jiżdied, ikunu involuti spejjeż kbar. Minn dan huwa kkonkluda li riżerva għall-perijodu relativ għall-kuntratti internazzjonali ta’ SEP li għad irid jiddekorri tinvolvi restrizzjoni serja fuq il-possibbiltajiet ta' importazzjoni u b'hekk fuq il-kummerċ ta' l-elettriku għal operaturi oħra fis-suq.

29     Madankollu, id-DTE ġġustifika d-deċiżjoni ta' ċaħda tiegħu billi qies li kuntratti in kwistjoni kienu kuntratti fit-tul li kienu għadhom ma skadewx konklużi minn SEP skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ f'dak iż-żmien u skond servizz ta' interess ekonomiku ġenerali fis-sens ta' l-Artikolu 86 KE. Barra minn hekk, l-EW 1998 ma fiha ebda dispożizzzjoni li tista' tqajjem dubji dwar il-validità ta' dawn il-kuntratti, b'mod li dawn kellhom, bħala regola, jiġu eżegwiti. L-interuzzjoni tal-kuntratti eżistenti tinvolvi ħsara inaċċettabli għaċ-ċertezza legali tal-partijiet kif ukoll ħsara finanzjarja kbira. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni ta' dawn il-kuntratti ma tkoprix il-kapaċità kollha ta' trażmissjoni transnazzjonali.

30     Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu rikors kontra d-deċiżjoni tad-DTE quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven. Huma sostnew li dan l-att ġie adottat bi ksur ta' l-Artikoli 28 KE, 81 KE, 82 KE u 86 KE, tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni li jinsab fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva u fl-Artikolu 24 ta' l-EW 1998, kif ukoll tal-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ta' oġġettività. Din id-deċiżjoni injorat ukoll l-interess li jiġi promoss l-iżvilupp tal-kummerċ fis-suq ta' l-elettriku fis-sens ta' l-Artikolu 36 tal-liġi msemmija l-aħħar. L-imsemmija rikorrenti sostnew, barra minn hekk, li l-metodu ta' allokazzjoni tal-kodiċi tas-sistema kellu jiġi kklassifikat bħala "regolament tekniku" u li, konsegwentement, dan kellu jinġieb għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, skond id-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE, tat-28 ta' Marzu 1983, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' standards u regolamenti tekniċi (ĠU L 109, p.8).

31     F'dan il-kuntest, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)       a) L-Artikolu 86(2) KE jista' jiġi invokat sabiex jiġi ġġustifikat il-fatt li impriża li qabel kienet inkarigata mill-immaniġġjar ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali u li kienet ħadet ċerti impenji għal dan l-iskop, terġa’ tingħata, wara t-twettiq ta' dan l-inkarigu partikolari fdat lilha, dritt partikolari sabiex hija tkun tista' tonera dawn l-impenji?

b) Jekk ir-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv, sistema li tipprovdi għall-allokazzjoni preferenzjali matul perijodu ta' għaxar snin (li tonqos maż-żmien) ta’ bejn nofs u kwart tal-kapaċità ta' trażmissjoni transnazzjonali ta' elettriku lill-impriża in kwistjoni, hija, madankollu, invalida peress li

1.      mhijiex proprozjonata ma' l-interess – pubbliku – li hija sservi;

2.       taffettwa l-kummerċ b'mod li jmur kontra l-interess Komunitarju?

2)       a) L-Artikolu 7(5) tad-[Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni li jinsab fih huwa limitat għall-impożizzjoni ta’ obbligu fuq l-operatur tas-sistema li ma jwettaq ebda diskriminazzjoni fl-aċċess għas-sistema permezz ta' regoli tekniċi?

F’każ ta' risposta affermattiva, metodu ta' allokazzjoni relativ għall-kapaċità ta' trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku għandu jiġi meqjus bħala regola teknika fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni?

b) Jekk il-metodu ta' allokazzjoni għandu jiġi kklassifikat bħala regola teknika, jew jekk l-Artikolu 7(5) tad-[Direttiva] mhuwiex limitat għal regoli tekniċi, sistema li talloka fuq bażi preferenzjali kapaċità ta' trażmissjoni transnazzjonali favur kuntratti konklużi fil-kuntest ta' inkarigu pubbliku partikolari hija konformi mal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni li jinsab f'dan l-Artikolu?"

 Fuq it-tieni domanda

32     Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva tipprekludix miżuri bħall-punti 5.6.4 u 5.6.7 tal-Kodiċi tas-Sistema kif ukoll l-Artikolu 13(1) ta' l-Overgangswet 2000 (iktar 'il quddiem "il-miżuri in kwistjoni") li jallokaw fuq bażi preferenzjali lil SEP parti tal-kapaċità ta' importazzjoni ta' l-elettriku sabiex din tkun tista' tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti internazzjonali konklużi minnha meta hija kienet inkarigata tassigura t-tħaddim affidabbli u effikaċi tad-distibuzzjoni pubblika ta' l-elettriku bi prezz baxx kemm jista' jkun u ġġustifikat fid-dawl ta' l-interess pubbliku.

33     L-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva jikkonċerna l-operatur tas-sistema nazzjonali ta' trażmissjoni ta' l-elettriku (sentenza ta' l-14 ta' April 2005, AEM u AEM Torino, C-128/03 u C-129/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56). Minkejja li jidher li l-Kodiċi tas-Sistema stabbilit mid-DTE ma jistax jiġi attribwit lill-operatur Olandiż tas-sistema ta' elettriku, TenneT, il-qorti tar-rinviju xorta qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-portata ta' din id-dispożizzjoni.

34     Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill-Artikolu 234 KE, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità ta' deċiżjoni preliminari sabiex tkun f'pożizzjoni li tiddeċiedi kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja. Iċ-ċaħda min-naħa ta' din ta' l-aħħar ta' domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher, b'mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m'għandhiex konnessjoni mar-realtà jew l-għan tal-kawża prinċipali jew meta l-kwistjoni hija ġenerali jew ipotetika (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta' Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punti 59 sa 61; tas-27 ta' Novembru 1997, Somalfruit u Camar, C-369/95, Ġabra p. I-6619, punti 40 sa 41 u tat-13 ta' Lulju 2000, Idéal tourisme, C-36/99, Ġabra p. I-6049, punt 20).

35     Fil-kawża prinċipali, jidher li l-operatur tas-sistema ħa miżuri konkreti billi rrifjuta l-aċċess għas-sistema mill-inqas lil waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Eneco NV, skond il-punti 5.6.4 jew 5.6.7 tal-Kodiċi tas-Sistema. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ġustament qieset li l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva hija neċessarja għall-eżitu tal-kontroversja fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl ta' l-imsemmija punti 5.6.4 jew 5.6.7 tal-Kodiċi tas-Sistema.

36     Safejn il-kontroversja fil-kawża prinċipali tikkonċerna miżuri ta' l-Istat li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-operatur tas-sistema, għandha ssir referenza wkoll għall-Artikolu 16 tad-Direttiva. Fil-fatt, jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li jekk, għall-organizzazzjoni ta' l-aċċess għas-sistema, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn il-proċedura ta' l-aċċess negozjat għas-sistema jew dik tax-xerrej waħdieni, iż-żewġ proċeduri għandhom jiġu implementati skond kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji (sentenza AEM u AEM Torino, iċċitata iktar 'il fuq, punt 57). Għaldastant, dan l-Artikolu 16 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jorganizzaw l-aċċess għas-sistema b'mod diskriminatorju.

37     L-Artikolu 13(1) ta' l-Overgangswet 2000, li jipprovdi li, għas-snin 2001 et seq., l-operatur tas-sistema għandu jagħti aċċess preferenzjali għas-sistema ta’ trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku lil SEP, kien introdott wara li tressaq ir-rikors fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 16 tad-Direttiva.

38     Fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva, din id-dispożizzjoni ma tkoprix biss, skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-regoli tekniċi, iżda tipprojbixxi miżuri bħal dawk in kwistjoni.

39     Il-Gvernijiet Olandiżi, Franċiżi, Finlandiżi u Norveġiżi kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu wkoll li l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva ma japplikax biss għar-regoli tekniċi. Huma jqisu, madankollu, li l-miżuri in kwistjoni ma jikkostitwixxux diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-imsemmija dispożizzjoni.

40     Min-naħa l-oħra, skond NEA, billi l-paragrafi l-oħra ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva li jikkonċernaw dawn ir-regoli tekniċi, hemm lok li jiġi dedott li l-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu wkoll jikkonċerna biss ir-regoli tekniċi. Peress li l-miżuri in kwistjoni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala miżuri tekniċi, dawn ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva.

41     Għall-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni ta' dritt Komunitarju għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; tal-21 ta' Frar 1984, St. Nikolaus Brennerei, 337/82, Ġabra p. 1051, punt 10 u ta' l-14 ta' Ottubru 1999, Adidas, C-223/98, Ġabra p. I-7081, punt 23).

42     Fl-ewwel lok, l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva huwa fformulat f'termini ġenerali li jipprojbixxu "kull diskriminazzjoni bejn utenti ta’ sistemi jew klassijiet ta’ utenti ta’ sistemi". Għaldaqstant, il-kliem ta' din id-dispożizzjoni ma fihom ebda indikazzjoni favur interpretazzjoni restrittiva limitata għar-regoli tekniċi.

43     Fit-tieni lok, mill-kuntest ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva jirriżulta li l-paragrafu 5 tiegħu ma jistax jiġi limitat għar-regoli tekniċi. Fil-fatt, il-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu diġà jiddisponi li r-regoli tekniċi m'għandhomx ikunu diskriminatorji. Issa, kieku r-regola ta' nondiskriminazzjoni stabbilta fil-paragrafu 5 kienet limitata għar-regoli tekniċi, dik prevista fil-paragrafu 2 tkun inutli.

44     Fit-tielet lok, rigward l-għanijiet tad-Direttiva, il-ħamsa u għoxrin premessa tagħha tistipula, mingħajr ma tipprovdi ebda limitazzjoni relativa għar-regoli tekniċi, li l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jġib ruħu "b’mod oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju".

45     Fil-dawl ta' dak li ntqal qabel, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva mhuwiex limitat għar-regoli tekniċi, iżda għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għal kull diskriminazzjoni.

46     L-istess konklużjoni tgħodd rigward l-Artikolu 16 tad-Direttiva. Fil-fatt, ir-regola ta' nondiskriminazzjoni, prevista fih, hija fformulata f'termini ġenerali u għandha tinqara fid-dawl ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-istess Direttiva, li jipprovdi li l-Istati Membri m'għandhomx jiddiskriminaw rigward id-drittijiet u l-obbligi ta' l-impriżi ta' l-elettriku.

47     Rigward il-kwistjoni jekk il-miżuri in kwistjoni jikkostitwixxux diskriminazzjoni bi ksur tad-Direttiva, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet tagħha, li jeżigu li l-aġir ta' l-operatur tas-sistema u dak ta' l-Istat fl-implementazzjoni ta' l-aċċess għas-sistema ma jkunx diskriminatorju, huma espressjonijiet speċifiċi tal-prinċipju ġenerali ta' l-ugwaljanza [ara s-sentenza AEM u AEM Torino, iċċitata iktar 'il fuq, punt 58; kif ukoll, b'analoġija, għal dak li jikkonċerna t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 40(3) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, it-tieni inċiz ta' l-Artikolu 34(2) KE), is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, Ġabra p. I-4973, punt 67 u, fil-qasam tal-protezzjoni kontra importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li huma dumped, is-sentenza tas-27 ta' Jannar 2005, Europe Chemi-Con (Deutschland) vs Il-Kunsill, C-422/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33].

48     Il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni, li hija waħda mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju, tirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b'mod differenti, sakemm tali distinzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar 'il fuq, punt 67).

49     Bis-saħħa tal-miżuri in kwistjoni, ġew allokati fuq bażi preferenzjali lil SEP, fl-2000, 1 500 MW mit-3 200 MW disponibbli tal-kapaċità transnazzjonali ta' trażmissjoni ta' l-elettriku, kapaċità li tikkorrispondi għal 47% ta’ dik disponibbli. Il-kapaċità massima rriżervata fuq bażi preferenzjali lil NEA mis-sena 2001 sal-31 ta' Marzu 2009 hija ta' 750 MW, skond l-Artikolu 13(1) ta' l-Overgangswet 2000, li tikkorrispondi għal 23.4% tal-kapaċità disponibbli. Kif tafferma Eneco NV mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, it-talba tagħha għal kapaċità ta' importazzjoni ta' l-elettriku ġiet irrifjutata minn TenneT, skond il-miżuri in kwistjoni u hija ma setgħetx, konsegwentement, tipprovdi l-forniment ta' l-elettriku li hija kienet rabtet ruħha li tipprovdi lill-klijenti tagħha, wara l-liberalizzazzjoni tas-suq. Konsegwentement, il-kompetituri ta’ SEP sostnew żvantaġġ ekonomiku kbir, peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-prattika, il-kompetizzjoni fil-qasam ta' forniment ta' l-elettriku fl-Olanda tista' topera permezz ta' l-elettriku prodott barra mill-pajjiż biss.

50     Huwa paċifiku li aċċess preferenzjali bħal dak mogħti lil SEP, u wara lil NEP, għas-sistema ta' trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku bis-saħħa ta’ miżuri bħal dawk in kwistjoni jikkostitwixxi trattament differenti.

51     Madankollu NEA, sostnuta mill-Gvern Olandiż u minn dak Franċiż, tafferma li s-sitwazzjoni tagħha ma tistax titqabbel ma' dik ta' l-operaturi l-oħra. Fil-fatt, il-kuntratti internazzjonali ta’ SEP kienu ġew konklużi fi żmien meta din kienet proprjetarja tas-sistema b'voltaġġ għoli u ta' l-interconnectors. Dawn il-kuntratti kienu ġew konklużi fil-kuntest tat-twettiq ta' inkarigu fl-interess ekonomiku ġenerali bbażat fuq l-EW 1989 u li l-għan tiegħu kien li jiġi assigurat il-forniment ta' l-elettriku fl-Olanda għall-finijiet ta' bejgħ mill-ġdid bi prezzijiet raġonevoli.

52     Qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-elettriku fl-Olanda, SEP kienet effettivament l-unika impriża awtorizzata timporta l-elettriku u kellha l-inkarigu ta' interess ekonomiku ġenerali li tassigura t-tħaddim affidabbli u effikaċi tad-distribuzzjoni pubblika ta' l-elettriku bi prezz baxx kemm jista' jkun u ġġustifikat fid-dawl ta' l-interess pubbliku.

53     Madankollu, minħabba l-liberalizzazzjoni tas-suq b’riżultat tat-trażposizzjoni tad-Direttiva, SEP tilfet il-monopolju ta' l-importazzjoni. Dan is-suq ta' l-importazzjoni nfetaħ għal operaturi kompetituri oħra. Fl-istess żmien, wara d-dħul fis-seħħ ta' l-EW 1998, SEP ma baqgħatx tiġi fdata b’dan l-inkarigu.

54     Għaldaqstant, huwa importanti, li jiġi vverifikat jekk it-trattament differenti li jikkonsisti fl-aċċess preferenzjali ta’ SEP, u wara ta' NEA, għas-sistema ta' trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku bis-saħħa tal-miżuri in kwistjoni huwiex iġġustifikat fid-dawl tad-Direttiva.

55     NEA kif ukoll, essenzjalment, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Norverġiż isostnu li tali trattament differenti huwa ġġustifikat minħabba l-fatt li SEP kienet obbligata tikkonkludi tali kuntratti fit-tul sabiex twettaq l-inkarigu tagħha. Dawn il-kuntratti, ikkaratterizzati minn spiża fissa għolja u prezz għal kull MW relativament baxx, jippenalizzaw ħafna lil NEA jekk din ma tkunx tista' timporta l-kwantitajiet ta' l-elettriku previsti, fid-dawl tan-nuqqas ta' kapaċità suffiċjenti fis-sistema ta' trażmissjoni transkonfini. Dan jiġġustifika l-fatt li tiġi rriżervata lil NEA ċerta kapaċità fuq bażi preferenzjali ta’ l-imsemmija sistema.

56     Dan l-argument ma jistax jintlaqa'.

57     Sabiex jittaffew ċerti konsegwenzi tal-liberalizzazzjoni, id-Direttiva tipprovdi fl-Artikolu 24 il-possibbiltà li jiġu applikati regoli tranżitorji taħt ċerti kundizzjonijiet. Skond din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jitolbu derogi, b'mod partikolari mill-Kapitoli VI u VII ta’ din id-Direttiva, li fihom jinsabu l-Artikoli 7 u 16 tad-Direttiva rispettivament, meta rabtiet jew garanziji ta’ operazzjoni illi ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jiġu onorati minħabba d-dispożizzjonijiet tagħha.

58     Fid-dawl ta' l-eżistenza ta' din id-dispożizzjoni speċifika sabiex tirregola s-sitwazzjonijiet partikolari li jirriżultaw mill-kuntest ġuridiku eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, l-eżistenza ta' diskriminazzjoni fis-sens ta' l-Artikoli 7(5) u 16 ta' din ta' l-aħħar għandha tiġi evalwata mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet partikolari.

59     Skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva, it-talbiet għal derogi għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Skond l-istess dispożizzjoni, hija l-Kummissjoni li tiddeċiedi, u, għal dan l-iskop, għandha tieħu in kunsiderazzjoni, fost oħrajn, id-daqs tas-sistema kkonċernata, il-livell ta’ interkonnessjoni tas-sistema u l-istruttura ta’ l-industrija ta’ l-elettriku ta' l-Istat in kwistjoni. Barra minn hekk, qabel ma tieħu deċiżjoni l-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’dawk it-talbiet, li b'hekk ikollhom il-possibbiltà li jinfurmawha bil-pożizzjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, id-derogi eventwali fis-sens ta' l-imsemmi Artikolu għandhom ikunu jingħataw għal żmien limitat u għandhom ikunu marbuta ma’ l-iskadenza tar-rabtiet jew tal-garanziji in kwistjoni.

60     Ir-Renju ta' l-Olanda seta' rrikorra għall-Artikolu 24 tad-Direttiva sabiex jitlob, fi żmien raġonevoli, deroga temporanja mill-Artikoli 7(5) u 16 tagħha favur SEP, fil-forma ta' talba sabiex ikun jista' jalloka fuq bażi preferenzjali lil din l-impriża parti mill-kapaċità ta' trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku. Madankollu dan ma sarx, peress li huwa ppreżenta, u biss wara l-iskadenza tat-terminu previst, talba intiża sabiex jingħata kumpens għal parti mit-telf finanzjarju li rriżulta għal SEP mill-eżekuzzjoni tal-kuntratti internazzjonali konklużi għall-inkarigu preċedenti tagħha ta' servizz pubbliku (ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/796/KE tat-8 ta' Lulju 1999, dwar it-talba għal regoli tranżitorji mressqa mill-Olanda skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/92/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU L 319, p. 34, punt 44). Għaldaqstant, ir-Renju ta' l-Olanda ma talabx awtorizzazzjoni fuq il-miżuri in kwistjoni u l-Kummissjoni ma setgħetx tawtorizza l-miżura prevista minnu peress li din ġiet innotifikata wara t-terminu.

61     Issa, il-proċedura, il-kriterji u l-limiti previsti fl-Artikolu 24 tad-Direttiva ma jkunu jfissru xejn kieku jiġi rrikonoxxut li Stat Membru jista' unilateralment u mingħajr ma josserva l-imsemmija proċedura japplika trattament differenti għall-importaturi ta' l-elettriku minħabba kunsiderazzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw preċiżament, skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva, deroga mill-Artikoli 7(5) u 16 ta' din ta' l-aħħar.

62     Fil-fatt, minn naħa, interpretazzjoni differenti tirriskja li tikkomprometti, kontra l-għan tad-Direttiva, il-passaġġ minn suq ta’ l-elettriku monopolistiku u magħluq għal suq miftuħ u kompetittiv. B’riżultat tal-miżuri in kwistjoni, l-aċċess għas-suq ta' l-operaturi l-ġodda jiġi pperikolat serjament, u jekk mhux impedit, u l-pożizzjoni ta' l-ex monopolista Olandiża tista' tiġi protetta mill-kompetizzjoni ta' operaturi oħra b'mod iktar estiż mill-possibbiltajiet previsti mil-leġiżlatur Komunitarju fid-Direttiva sabiex jiġu rrikonċiljati l-ikkompletar tas-suq ta' l-elettriku u l-protezzjoni ta' l-impenji konklużi taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti.

63     Min-naħa l-oħra, is-sistema ta' deroga prevista fl-Artikolu 24 tad-Direttiva sservi, b'mod partikolari, sabiex tassigura l-ugwaljanza ta' trattament ta' l-ex monopolisti nazzjonali li jinsabu f'sitwazzjoni simili għal dik ta' BEA. Tali ugwaljanza ta' trattament tista' tiġi kompromessa jekk jiġi rikonoxxut li kull Stat Membru jista', mingħajr il-proċeduri u l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 24 tad-Direttiva, jagħti vantaġġ lill-ex monopolista tiegħu sabiex jiggarantixxi l-eżekuzzjoni tal-kuntratti fit-tul konklużi minn din ta' l-aħħar qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-elettriku. Dan imur kontra l-għan tad-Direttiva previst fit-tnax-il premessa tagħha, li tipprovdi: "tkun xi tkun in-natura ta’ l-organizzazzjoni tas-suq f’dak il-mument, l-aċċess għas-sistema għandu jkun miftuħ skond din id-Direttiva u għandu jwassal għal riżultati ekonomiċi ekwivalenti fl-Istati u b’hekk għal livell direttament komparabbli mal-ftuħ tas-swieq u grad direttament komparabbli ma’ aċċess ta’ swieq ta’ l-elettriku".

64     Madankollu, il-Gvern Olandiż isostni li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 3(3) u 17(5) tad-Direttiva, li jawtorizzaw lill-operatur tas-sistema, f'ċerti ċirkustanzi, jirrifjuta l-aċċess għal din ta' l-aħħar, juri li r-riżerva ta' ċerta kapaċità ta' trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku ma tmurx neċessarjament kontra l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni. Raġunament simili huwa żviluppat mill-Gvern Finlandiż, li jirreferi għall-Artikoli 8(2) u 17(5) tad-Direttiva, kif ukoll mill-Gvern Norverġiż u l-Kummissjoni, li jirreferu wkoll għal din l-aħħar dispożizzjoni u għall-Artikolu 3(3) ta' l-istess Direttiva.

65     L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-Artikoli 5, 6, 17, 18 u 21 tad-Direttiva. Huwa la jsemmi l-Artikolu 7 u lanqas l-Artikolu 16 tad-Direttiva. Għaldaqstant, dan ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika deroga mill-Artikoli 7(5) u 16 tagħha.

66     L-Artikolu 17(5) tad-Direttiva jipprovdi li l-operatur tas-sistema jista' jirrifjuta l-aċċess għal din ta' l-aħħar jekk huwa m'għandux il-kapaċità neċessarja u li tali rifjut għandu jkun debitament immotivat u ġġustifikat. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 56 sa 63 ta' din is-sentenza, aċċess preferenzjali minħabba l-eżistenza ta' kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u mogħti mingħajr ma ġiet osservata l-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tad-Direttiva ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ġġustifikat.

67     L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jipprovdi:

"Mingħajr preġudizzju għall-provvisti ta’ elettriku fuq bażi ta’ obbligi kontrattwali, inkluż dawk illi jiġu minn speċifikazzjonijiet ta’ l-offerti, id-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni [produzzjoni] u l-użu ta’ interconnectors għandhom ikunu stabbiliti a bażi ta’ kriterji li jistgħu jkunu approvati minn Stat Membru u li għandhom ikunu oġġettivi, ippublikati u applikati b’manjiera mhux diskriminatorja illi tiżgura t-tħaddim xieraq tas-suq intern fl-elettriku. Huma għandhom jieħdu kont tal-preċedenza ekonomika ta’ istallazzjonijiet illi jiġġeneraw l-elettriku disponibbli [jew] ta’ trasferimenti ta’ interconnector u r-restrizzjonijiet tekniċi fuq is-sistema."

68     Din id-dispożizzjoni ma tillimitax, direttament jew indirettament, il-portata tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni previst fl-Artikolu 7(5) u 16 tad-Direttiva. Għaldaqstant, hija ma tistax tiġi invokata inutilment.

69     F'dan il-kuntest, lanqas ma tista' tiġi invokata l-aħħar premessa tad-Direttiva, imsemmija mill-Kummissjoni, u li tipprovdi li d-Direttiva tikkostitwixxi fazi oħra ta’ liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-elettriku bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, din il-premessa, ifformulata b'mod ġenerali ħafna, ma tistax tiġġustifika d-derogi mill-Artikoli 7(5) u 16 tad-Direttiva.

70     L-istess jgħodd għal dak li jikkonċerna l-ħames premessa tad-Direttiva, invokata minn NEA, li tipprovdi li s-suq intern fl-elettriku għandu jiġi stabbilit bil-mod. In-natura gradwali tal-liberalizzazzjoni tirriżulta mill-fatt li s-suq kellu jinfetaħ għall-konsumaturi l-kbar biss fis-sena 2000, imbagħad għall-konsumaturi medji fl-2002 u, fl-aħħar nett, għall-konsumaturi kollha fl-2004. Din in-natura gradwali tinsab, barra minn hekk, fid-dispożizzjonijiet tranżitorji u derogatorji ta' l-Artikolu 24 tad-Direttiva. Mandankollu, din il-ħames premessa ma tistax tiġġustifika derogi mill-Artikoli 7(5) u 16 tad-Direttiva.

71     Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li aċċess preferenzjali għal parti mill-kapaċità ta' trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku mogħti lil operatur minħabba impenji assunti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, iżda mingħar ma ġiet osservata l-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tad-Direttiva, għandu jiġi kkunsidrat bħala diskriminatorju fis-sens ta' l-Artikoli 7(5) u 16 tad-Direttiva u, għaldaqstant, li jmur kontra dawn l-Artikoli.

72     NEA u l-Gvern Finlandiż josservaw, mandankollu, li operatur bħal NEA għandu d-dritt jeżegwixxi l-kuntratti internazzjonali ta’ SEP minħabba l-prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali.

73     Il-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettivattivi leġittimi jinsab fost il-prinċipji fundamentali tal-Komunità (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-14 ta' Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I-6983, punt 52; u tal-15 ta' Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C-37/02 u C-38/02, Ġabra p. I-6945, punt 70).

74     Skond ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li xi istituzzjoni nisslet fih aspettattivi fondati. Madankollu, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f'pożizzjoni fejn jista' jipprevedi l-adozzjoni ta' miżura Komunitarja ta' natura tali li tolqot l-interessi tiegħu, huwa ma jkunx jista' jinvoka l-benefiċċju ta' dan il-prinċipju meta tiġi adottata din il-miżura. (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, punt 52, kif ukoll Di Lenardo u Dilexport, punt 70).

75     F'dan il-każ, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma ħadu ebda miżura u ma adottaw ebda aġir li minnhom wieħed seta’ jipprevedi ż-żamma tas-sitwazzjoni leġiżlattiva fis-seħħ fl-1989 u fl-1990, li fiha ġew konklużi l-kuntratti internazzjonali ta’ SEP.

76     B'mod partikolari, għalkemm, fis-sentenza tagħha tat-23 ta' Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-157/94, Ġabra p. I-5699), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors tal-Kummissjoni intiż sabiex jiġi kkonstatat, taħt il-liġi qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, ksur ta' l-Artikolu 37 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 31 KE) mil-leġiżlazzjoni Olandiża, f’dan il-każ, l-EW 1989, li kienet tagħti lil SEP drittijiet esklużivi għall-importazzjoni ta' l-elettriku, ma ggarantiet bl-ebda mod status quo leġiżlattiv fuq livell Komunitarju.

77     Barra minn hekk, id-Direttiva tikkostitwixxi biss it-tieni stadju ta' proċess li hija ddikjarat li dan kellu jwassal għall-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-elettriku filwaqt li l-ewwel stadju kien ikkostitwit mid-Direttiva tal-Kunsill 90/547/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1990, dwar it-transitu ta’ l-elettriku minn grids ta’ trażmissjoni (ĠU L 313, p. 30). Skond l-ewwel premessa ta' din l-aħħar Direttiva, il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa, fil-laqgħat suċċessivi tiegħu, li hemm bżonn ta’ suq intern wieħed fl-enerġija. Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha fuq iż-żieda fl-iskambji intrakomunitarji ta' l-elettriku: element fondamentali fl-ikkompletar tas-Suq Intern ta' l-Enerġija, tad-29 ta' Settembru 1989 [COM(89) 336 finali], inkluża ma' l-abbozz tad-Direttiva 90/547, il-Kummissjoni kkunsidrat il-possibbiltà li s-sistemi ta' trażmissjoni ta' l-elettriku rriżervati għall-monopolji nazzjonali jew reġjonali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' terzi u hija kkunsidrat neċessarja t-tneħħija tal-monopolji ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni (ara l-punti 2 u 52 ta' l-imsemmija Komunikazzjoni).

78     Għaldaqstant, ma jistax jiġi affermat li l-istituzzjonijiet Komunitarji nisslu f’SEP aspettattivi fondati rigward iż-żamma ta' monopolju ta' importazzjoni ta' l-elettriku fl-Olanda jew rigward il-fatt li ser tibbenefika minn dritt preferenzjali ta' użu tas-sistema ta' trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku sa l-iskadenza tal-kuntratti internazzjonali konklużi.

79     Ċertament, l-awtoritajiet pubbliċi Olandiżi adottaw qafas leġiżlattiv nazzjonali li fih SEP ikkonkludiet kuntratti internazzjonali sabiex twettaq l-inkarigu tagħha ta' interess ekonomiku ġenerali li tassigura t-tħaddim affidabbli u effikaċi tad-distribuzzjoni pubblika ta' l-elettriku bi prezz baxx kemm jista' jkun u ġġustifikat fid-dawl ta' l-interess pubbliku. Madankollu, Stat Membru ma jistax jorbot lill-Komunità b'tali mod li din ta' l-aħħar ma tkunx tista' twettaq jew tkompli bil-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-elettriku.

80     Rigward il-prinċipju ta' ċertezza legali, dan jeħtieġ, b'mod partikolari, li leġiżlazzjoni li tinvolvi konsegwenzi sfavorevoli fir-rigward ta' individwi tkun ċara u preċiża u l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1987, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, 325/85, Ġabra p. 5041; tat-13 ta' Frar 1996, Van Es Douane Agenten, C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27, u tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C-63/93, Ġabra p. I-569, punt 20).

81     Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, persuna ma tistax tibbaża l-aspettattivi tagħha fuq l-assenza totali ta' emenda leġiżlattiva, iżda tista' biss tikkontesta l-modalitajiet ta' applikazzjoni ta' tali emenda (ara, għal dak li jikkonċerna emenda leġiżlattiva li tneħħi d-dritt li titnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud għal ċerti spejjeż relatati mal-kiri ta' immobbli, is-sentenza tad-29 ta' April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep, C-487/01 u C‑7/02, Ġabra p. I-5368, punt 81). Bl-istess mod, il-prinċipju ta' ċertezza legali ma jirrikjedix li ma tkunx saret emenda leġiżlattiva, iżda jirrikjedi pjuttost li l-leġiżlatur iżomm in kunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet partikolari ta' l-operaturi ekonomiċi u jipprovdi, jekk ikun neċessarju, adattamenti għar-regoli legali l-ġodda.

82     F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-Direttiva fiha dispożizzjonijiet li jippermettu li jittieħdu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet partikolari ta' l-operaturi ekonomiċi bħal SEP fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni tas-suq ta' l-elettriku. B'mod partikolari, fl-Artikolu 24 tagħha, id-Direttiva kienet toffri lill-Istati Membri l-possibbiltà li jitolbu deroga mill-Artikoli 7(5) u 16 għal dak li jikkonċerna r-rabtiet jew il-garanziji ta’ operazzjoni illi ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Issa, ir-Renju ta' l-Olanda ma għamilx użu minn din il-possibbiltà (ara d-Deċiżjoni 1999/796, punt 44).

83     Il-Kummissjoni tosserva n-nuqqas, fid-Direttiva, ta' obbligu ta' rexissjoni ta' kuntratti bħall-kuntratti internazzjonali ta’ SEP. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma tawtorizzax il-ksur tar-regoli tad-Direttiva minħabba li dan il-ksur huwa neċessarju sabiex dawn il-kuntratti jiġu onorati. Barra minn hekk, ir-rexissjoni ta' dawn ta' l-aħħar tkun biss konsegwenza indiretta u eventwali ta' din id-Direttiva. Barra minn hekk, din ma timpedixxix operatur bħal SEP (li saret NEA wara l-2001) milli jbigħ, barra mill-Olanda, l-elettriku li huwa ntrabat li jixtri permezz tal-kuntratti internazzjonali tiegħu.

84     Barra min hekk, NEA tinvoka r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1228/2003 tas-26 ta' Ġunju 2003, dwar kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (ĠU L 176, p.1) u, b'mod partikolari, il-punt 2 taħt it-titolu "Posizzjoni ta' kuntratti għal żmien fit-tul" ta' l-Anness ta' dan ir-Regolament, li jipprovdi "[l-a]ppalti eżistenti ta' natura ta' żmien twil ma għandu jkollom ebda drittijiet ta' prelazzjoni meta dawn jiġu biex jiġġeddu." Skond NEA, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-imsemmi Regolament għandhom ikunu jistgħu jiġu onorati.

85     Dan l-argument ma jistax ibiddel l-evalwazzjoni magħmula s’issa. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li ma kinitx fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, hija għal kollox koerenti ma' l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 7(5) u 16 tad-Direttiva, mogħtija fil-punt 56 sa 63 ta' din is-sentenza u għaldaqstant ma tistax tqajjem dubji dwarha. Hija tikkonferma biss f'dan il-każ li derogi eventwali mill-imsemmija Artikoli mogħtija skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva ma jistgħux imorru lil hinn mit-terminu tar-rabtiet assunti fil-kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva.

86     Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jippreġudikawx ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk u safejn impriża bħal NEA tistax tistenna, abbażi tad-dritt nazzjonali, li tikseb kumpens għall-ħsara li hija setgħet sostniet minħabba l-għażla ta' l-awtoritajiet Olandiżi li ma jitolbux deroga taħt l-Artikolu 24 tad-Direttiva li tikkonċerna l-miżuri in kwistjoni.

87     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ċirkustanzi bħal dawk imsemmija mill-partijiet fil-kawża u mill-partijiet interessati li ressqu osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li jiġu invokati b’mod effettiv il-prinċipji ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali.

88     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li:

–       l-Artikoli 7(5) u 16 tad-Direttiva mhumiex limitati għar-regoli tekniċi, iżda għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal kull diskriminazzjoni;

–       l-imsemmija Artikoli jipprekludu miżuri nazzjonali li jagħtu lil impriża kapaċità preferenzjali ta' trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku, kemm jekk dawn il-miżuri jirriżultaw mill-operatur tas-sistema jew mill-kontrollar ta' l-immaniġġjar tas-sistema jew mil-leġiżlatur, meta tali miżuri ma kinux ġew awtorizzati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tad-Direttiva.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

89     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 86(2) KE għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jiġġustifika miżuri bħal dawk ikkontestati fil-kawża prinċipali.

90     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

 Fuq l-ispejjeż

91     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikoli 7(5) u 16 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/92/KE tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku mhumiex limitati għar-regoli tekniċi, iżda għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal kull diskriminazzjoni;

2)      L-imsemmija Artikoli jipprekludu miżuri nazzjonali li jagħtu lil impriża kapaċità preferenzjali ta' trażmissjoni transkonfini ta' l-elettriku, kemm jekk dawn il-miżuri jirriżultaw mill-operatur tas-sistema jew mill-kontrollur ta' l-immaniġġjar tas-sistema jew mil-leġiżlatur, meta tali miżuri ma kinux ġew awtorizzati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 96/92.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.