EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0666

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2019.
IT Development SAS vs Free Mobile SAS.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour d'appel de Paris.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter – Direttiva 2009/24/KE – Kuntratt ta’ liċenzja ta’ softwer – Tibdil mhux awtorizzat tal-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter minn persuna liċenzjata bi ksur tal-kuntratt ta’ liċenzja – Azzjoni għal ksur eżerċitata mill-awtur tas-softwer kontra l-persuna liċenzjata – Natura tas-sistema ta’ responsabbiltà applikabbli.
Kawża C-666/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1099

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter – Direttiva 2009/24/KE – Kuntratt ta’ liċenzja ta’ softwer – Tibdil mhux awtorizzat tal-kodiċi sors ta’ programm tal-kompjuter minn persuna liċenzjata bi ksur tal-kuntratt ta’ liċenzja – Azzjoni għal ksur eżerċitata mill-awtur tas-softwer kontra l-persuna liċenzjata – Natura tas-sistema ta’ responsabbiltà applikabbli”

Fil-Kawża C‑666/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura

IT Development SAS

vs

Free Mobile SAS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal IT Development SAS, minn B. Lamon, avocat,

għal Free Mobile SAS, minn J. Fréneaux, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Coesme, A.‑L. Desjonquères u A. Daniel, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier, S. L. Kalėda u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32, u rettifiki fil-ĠU 2004, L 195, p. 16, u ĠU 2007, L 204, p. 27), kif ukoll tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn IT Development SAS u Free Mobile SAS dwar l-allegata kontrafazzjoni ta’ softwer u d-danni rrekati minnha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/48

3

Skont il-premessi 10, 13 u 15 tad-Direttiva 2004/48:

“(10)

L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.

[…]

(13)

Huwa neċessarju li ssir definizzjoni ta’ l-għan wiesa’ kemm jista’ jkun ta’ din id-Direttiva ħalli tkopri d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti bid-dispożizzjonijiet [tad-dritt tal-Unjoni] f’dan il-qasam u/jew bil-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istat Membru konċernat. […]

[…]

(15)

Din id-Direttiva ma għandiex taffettwa il-liġi sostantiva fuq il-proprjetà intellettwali […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, li jiddefinixxi s-suġġett ta’ din tal-aħħar, huwa redatt kif ġej:

“Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.[…]”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti [fl-Unjoni] jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-[Unjoni] u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.

[…]

3.   Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:

a)

id-dispożizzjonijiet tal-[Unjoni] li jiggvernaw il-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali […]”

6

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 intitolat “Obbligu ġenerali”, jipprovdi dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.   Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

7

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-persuni ntitolati biex japplikaw għall-applikazzjoni tal-miżuri, tal-proċeduri u tar-rimedji”, huwa redatt kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu bħala persuni intitolati biex jistgħu japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji li għalihom saret riferenza f’dan il-kapitolu:

a)

id-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli;

[…]”

Id-Direttiva 2009/24

8

Skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2009/24:

“Ir-riproduzzjoni, traduzzjoni, adattament jew trasformazzjoni mhix awtorizzata tal-forma taċ-ċifrarju li fih kopja ta’ programm tal-kompjuter tkun saret disponibbli, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet esklussivi tal-awtur. […]”

9

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/24 li jiddefinixxi l-għan ta’ din tal-aħħar jipprovdi dan li ġej fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipproteġu programmi tal-kompjuter, bid-drittijiet tal-awtur, bħala xogħlijiet letterarji skont it-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi. […]”

10

L-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Atti ristretti”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6, id-drittijiet esklussivi tad-detentur tad-drittijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom jinkludu d-dritt li jagħmlu jew li jawtorizzaw:

[…]

b)

it-traduzzjoni, addattament, arranġament u kull alterazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter u r-riproduzzjoni tar-riżultati tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tibdel il-programm;

[…]”

11

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet għall-atti ristretti”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi kuntrattwali, l-atti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1) m’għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni mid-detentur tad-drittijiet fejn ikunu meħtieġa għall-użu tal-programm tal-kompjuter minn min jiksbu legalment skont il-fini maħsub tiegħu, inkluża l-korrezzjoni ta’ żball.”

12

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/24, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma għandhomx jinċidu fuq id-dispożizzjonijiet legali l-oħra li jikkonċernaw, b’mod partikolari, id-dritt tal-kuntratti.

Id-dritt Franċiż

13

L-Artikolu L. 112‑2 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali jipprovdi:

“Għandhom jitqiesu b’mod partikolari bħala xogħlijiet intellettwali fis-sens ta’ dan il-kodiċi:

[…]

13°

Is-softwers, inkluż il-materjal preparatorju tad-disinn tagħhom;

[…]”

14

Skont l-Artikolu L. 122‑6 ta’ dan il-kodiċi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 122‑6‑1, id-dritt tal-awtur li jagħmel użu minn softwer jinkludi d-dritt li jwettaq u jawtorizza:

Ir-riproduzzjoni permanenti jew provviżorja ta’ softwer […]

It-traduzzjoni, l-adattament, l-arranġament jew kwalunkwe emenda oħra f’softwer u r-riproduzzjoni tas-softwer li jirriżulta minn dan […]

[…]”

15

L-Artikolu L. 122‑6‑1 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“I. L-atti previsti fil-punti 1o u 2o tal-Artikolu L.122‑6, ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-awtur meta jkunu meħtieġa biex ikun permess l-użu tas-softwer, skont l-iskop tiegħu, mill-persuna li għandha d-dritt li tużah, inkluż biex jiġu kkorreġuti żbalji.

Madankollu, permezz ta’ kuntratt, l-awtur jista’ jirriżerva d-dritt li jikkorreġi l-iżbalji u jiddetermina l-modalitajiet partikolari li jiġu suġġetti għalihom l-atti previsti fil-punti 1o u 2o tal-Artikolu L‑122‑6, meħtieġa għall-użu tas-softwer, skont l-iskop tiegħu, mill-persuna li jkollha d-dritt li tużah.

[…]”

16

It-tieni paragrafu tal-Artikolu L. 335‑3 tal-istess kodiċi huwa redatt kif ġej:

“Il-ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ softwer iddefiniti fl-Artikolu L.122‑6 ukoll jikkostitwixxi delit de contrefaçon.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Permezz ta’ kuntratt tal-25 ta’ Awwissu 2010, emendat b’att tal-1 ta’ April 2012, IT Development qablet li tagħti lil Free Mobile, operatur tat-telefonija li toffri pakketti tal-mowbajl fis-suq Franċiż, liċenzja u kuntratt ta’ manutenzjoni fuq softwer imsejjaħ ClickOnSite, softwer ta’ ġestjoni ta’ proġett iċċentralizzat maħsub sabiex jippermetti lil Free Mobile torganizza u ssegwi f’ħin reali l-evoluzzjoni tal-użu tal-antenni kollha tagħha tar-radjutelefonija mit-teams tagħha u mill-operaturi tekniċi esterni tagħha.

18

Permezz ta’ att tat-18 ta’ Ġunju 2015, IT Development ħarrket lil Free Mobile quddiem it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) għal contrefaçon tas-softwer ClickOnSite u għal kumpens għad-danni tagħha. Hija allegat li Free Mobile kienet emendat is-softwer, b’mod partikolari billi ħolqot formularji ġodda. Minbarra in-natura fl-opinjoni tagħha sostanzjali ta’ dawn il-modifiki, hija invokat b’mod partikolari, biex issostni li Free Mobile ma kellhiex dritt twettaq tali modifiki, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-kuntratt ta’ liċenzja, intitolat “Portata tal-liċenzja”, li skontu, essenzjalment, il-klijent kien espressament ipprojbit milli jirriproduċi, direttament jew indirettament, is-softwer, milli iżarma u/jew iwettaq operazzjonijiet ta’ retroinġinerija fuq dan tal-aħħar, kif ukoll milli jbiddel, jikkoreġi, jadatta, joħloq xogħolijiet sekondarji u addizzjonali, direttament jew indirettament, inkonnessjoni ma’ dan is-softwer.

19

Free Mobile ressqet kontrotalba għal proċedura abbużiva u sostniet li t-talbiet ta’ IT Development kienu inammissibbli u infondati.

20

Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Jannar 2017, il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi iddikjarat bħala inammissibbli il-pretensjonijiet ta’ IT Development ibbażati fuq ir-responsabbiltà delittwali ta’ Free Mobile, ċaħdet it-talba għad-danni bl-interessi għal proċedura abbużiva mressqa minn din tal-aħħar u kkundannat lil IT Development għall-ispejjeż. Dik il-qorti qieset li kienu jeżistu żewġ sistemi separati ta’ responsabbiltà fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, waħda delittwali f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-użu tal-awtur tas-softwer, kif iddefiniti mil-liġi, u l-oħra kuntrattwali f’każ ta’ ksur ta’ dritt tal-awtur irriżervat bil-kuntratt, u li, fil-kawża odjerna, ġie manifestament allegat li Free Mobile kienet responsabbli għal nuqqasijiet fit-twettiq tal-obbligi kuntrattwali tagħha, li jaqgħu taħt kawża għal responsabbiltà kuntrattwali, u mhux taħt fatti delittwali ta’ contrefaçon ta’ softwer.

21

IT Development appellat minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) u kontestwalment talbet lil din tal-aħħar tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari, tħassar is-sentenza tal-ewwel istanza u tiddikjara ammissibbli l-kawża għal contrefaçon li hija kienet ippreżentat. Hija talbitha wkoll tiddikjara li l-modifiki tas-softwer imwettqa minn Free Mobile jikkostitwixxu atti ta’ contrefaçon, tikkundanna lil din tal-aħħar tħallasha s-somma ta’ EUR 1440000 rappreżentanti d-danni subiti kif ukoll, sussidjarjament, tikkundanna lil Free Mobile, fuq il-bażi kuntrattwali, tħallasha s-somma ta’ EUR 840000 bħala kumpens għal dawn id-danni. Barra minn hekk, hija titlob, fi kwalunkwe każ, li tipprojbixxi, taħt piena ta’ ħlas ta’ multa, lil Free Mobile u lis-subkuntrattur tagħha, Coraso, milli juża s-softwer kif ukoll milli jislet u juża mill-ġdid id-data li tirriżulta minn dan tal-aħħar.

22

Free Mobile titlob lill-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, b’mod partikolari, li tikkonferma d-dispożizzjonijiet tas-sentenza tal-ewwel istanza, li tikkundanna lil IT Development tħallasha s-somma ta’ EUR 50000 rappreżentanti danni bl-interessi minħabba proċedura abbużiva u li tiddikjara t-talbiet kollha ta’ IT Development inammissibbli u fi kwalunkwe każ infondati.

23

Il-qorti tar-rinviju tindika li d-dritt Franċiż tar-responsabbiltà ċivili huwa bbażat fuq il-prinċipju tan-non-cumul, li jimplika li, minn naħa, persuna ma tistax tinżamm responsabbli ex contracto u ex delicto minn persuna oħra għall-istess fatti u li, min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà delittwali tiġi eskluża favur dik kuntrattwali meta dawn il-persuni jkunu marbuta b’kuntratt validu u d-dannu mġarrab minn waħda minnhom jirriżulta min-nuqqas ta’ twettiq jew mit-twettiq difettuż ta’ wieħed mill-obbligi tal-kuntratt. Barra minn hekk, hija tindika li, fid-dritt Franċiż, il-contrefaçon, li toriġina minn reat kriminali, taqa’ taħt ir-responsabbiltà delittwali, iżda li, f’dan id-dritt, ma teżisti l-ebda dispożizzjoni li tistabbilixxi li contrefaçon ma tistax teżisti meta jkun hemm fis-seħħ kuntratt li jorbot lill-partijiet. F’dan ir-rigward, pereżempju, azzjoni għal contrefaçon tista’ tiġi eżerċitata fil-qasam tal-privattivi u tat-trade marks kontra l-persuna liċenzjata li kisret il-limiti tal-kuntratt tagħha.

24

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48, li jiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar, jipprovdi b’mod ġenerali li l-miżuri, proċeduri u rimedji previsti minnha japplikaw għal kull ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, mingħajr ma jagħmel distinzjoni fuq jekk dan il-ksur jirriżultax jew le minn nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Il-fatt li persuna mogħtija liċenzja ta’ softwer ma tosservax it-termini ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ softwer (bl-iskadenza ta’ perijodu ta’ prova, bil-fatt li jinqabeż in-numru ta’ utenti awtorizzati jew unità ta’ kejl oħra, bħall-proċessuri li jistgħu jintużaw sabiex jiġu eżegwiti l-istruzzjonijiet tas-softwer, jew billi jiġi emendat il-kodiċi sors tas-softwer meta l-liċenzja tirriżerva dan id-dritt lid-detentur inizjali) jikkostitwixxi:

kontrafazzjoni (fis-sens tad-Direttiva [2004/48] imġarrba mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq is-softwer irriżervati mill-Artikolu 4 tad-Direttiva [2009/24] dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter,

jew jista’ jaqa’ taħt sistema legali distinta, bħas-sistema tar-responsabbiltà kuntrattwali taħt id-dritt komuni?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2018, Crespo Rey, C‑2/17, EU:C:2018:511, punt 40, u tas-26 ta’ Settembru 2019, UTEP 2006., C‑600/18, EU:C:2019:784, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fil-kawża odjerna, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-problema tal-kawża prinċipali tirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-cumul, li abbażi tiegħu ir-responsabbiltà delittwali għandha titwarrab meta l-kawża, bħall-kawża prinċipali, tkun ibbażata fuq il-ksur allegat ta’ obbligi kuntrattwali u mhux fuq fatti ta’ contrefaçon ta’ natura delittwali.

28

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, dan il-prinċipju tad-dritt Franċiż jimplika li, minn naħa, persuna ma tistax tinżamm responsabbli ex contracto u ex delicto minn persuna oħra għall-istess fatti u, min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà delittwali tiġi eskluża favur dik kuntrattwali meta dawn il-persuni jkunu marbuta b’kuntratt validu u d-dannu mġarrab minn waħda minnhom jirriżulta min-nuqqas ta’ twettiq jew mit-twettiq difettuż ta’ wieħed mill-obbligi tal-kuntratt.

29

Il-qorti tar-rinviju rrilevat ukoll li fid-dritt Franċiż il-contrefaçon tikkostitwixxi reat kriminali li normalment jaqa’ taħt ir-responsabbiltà delittwali u mhux taħt in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż jindika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-kelma“contrefaçon” hija t-traduzzjoni, fid-dritt Franċiż, tal-espressjoni “ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”, fis-sens tad-Direttiva 2004/48, b’tali mod li r-regoli tad-dritt Franċiż marbuta mal-azzjoni għal contrefaçon jikkostitwixxu t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

30

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id-Direttivi 2004/48 u 2009/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-ksur ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ programm tal-kompjuter li tirrigwarda drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan il-programm jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”, fis-sens tad-Direttiva 2004/48, u li konsegwentement, l-imsemmi proprjetarju għandu jkun jista’ jibbenefika mill-garanziji previsti minn din id-direttiva, indipendentement mis-sistema ta’ responsabbiltà applikabbli skont id-dritt nazzjonali.

31

Jeħtieġ li jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju telenka, fid-domanda magħmula, diversi forom possibbli ta’ ksur ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ softwer, jiġifieri l-fatt li persuna liċenzjata ma tosservax l-iskadenza ta’ perijodu ta’ prova, li teċċedi n-numri ta’ utenti awtorizzati jew unità ta’ kejl oħra, bħall-proċessuri li jistgħu jintużaw sabiex jiġu eżegwiti l-istruzzjonijiet tas-softwer, jew billi jiġi emendat il-kodiċi-sors tas-softwer meta l-liċenzja tirriżerva dan id-dritt lid-detentur inizjali. Madankollu, fil-kawża prinċipali, huwa inkwistjoni biss dan l-aħħar imsemmi każ, b’tali mod li f’din il-kawża għandu jsir riferiment biss għal dan tal-aħħar.

32

Fir-rigward tad-Direttiva 2009/24, li tistabbilixxi d-drittijiet materjali tal-awturi ta’ programmi tal-kompjuter, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, li jipproteġu l-programmi tal-kompjuter bid-dritt tal-awtur bħala xogħolijiet letterarji. Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, id-drittijiet esklużivi tal-proprjetarju ta’ dawn il-programmi li għandhom ikunu protetti mill-Istati Membri jinkludu, b’riżerva għal ċerti eċċezzjonijiet previsti minnha, b’mod partikolari, id-dritt għal jew li tiġi awtorizzata t-traduzzjoni, l-adattament, l-arranġament u kull trasformazzjoni oħra ta’ programm tal-kompjuter. Għaldaqstant, il-projbizzjoni tal-modifika tal-kodiċi-sors ta’ softwer taqa’ taħt id-drittijiet tal-awtur ta’ programm tal-kompjuter li d-Direttiva 2009/24 tipprevedi l-protezzjoni tiegħu. Jeħtieġ jiżdied li, skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, tali protezzjoni għandha tingħata lil kull persuna fiżika jew legali li hija intitolata tibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tad-dritt tal-awtur applikabbli għal dawn ix-xogħolijiet.

33

Minn dan isegwi li d-Direttiva 2009/24 ma tikkundizzjonax il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur ta’ programm tal-kompjuter fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ksur allegat ta’ dawn id-drittijiet jammontax jew le għal ksur ta’ kuntratt ta’ liċenzja.

34

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-premessa 15 tal-imsemmija direttiva sempliċement tindika li l-addattament jew it-trasformazzjoni tal-kodiċi li taħtu ngħatat kopja tal-programm tal-kompjuter jikkostitwixxu “ksur tad-drittijiet esklużivi tal-awtur”, mingħajr ebda speċifikazzjoni inkonnessjoni mal-oriġini, kuntrattwali jew xi oriġini oħra, ta’ dan il-ksur.

35

Fir-rigward tad-Direttiva 2004/48, din tipprevedi, kif jirriżulta mill-premessi tagħha 10 u 15 kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jiġbru fihom id-drittijiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2009/24.

36

Skont l-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2004/48 tapplika għal “kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-aġġettiv “kull”, jirriżulta li din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tkopri wkoll l-istanzi ta’ ksur li jirriżultaw minn inosservanza ta’ klawżola kuntrattwali marbuta mal-użu ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, inkluż dak ta’ awtur ta’ programm tal-kompjuter.

37

Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata kemm mill-għanijiet tad-Direttiva 2004/48 kif ukoll mill-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 2(1) ta’ din tal-aħħar, li skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2016, Envirotec Denmark, C‑550/14, EU:C:2016:354, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fir-rigward, qabelxejn, tal-għan tad-Direttiva 2004/48, mill-premessi 10 u 13 ta’ din tal-aħħar, rispettivament, jirriżulta li dan l-għan huwa li jiġu approssimati l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern u li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandu jiġi ddefinit b’mod l-iktar wiesa’ possibbli sabiex ikun jinkludi fih id-drittijiet kollha tal-proprjetà intellettwali koperti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

39

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tad-Direttiva 2004/48 huwa li l-Istati Membri jiżguraw, b’mod partikolari fis-soċjetà tal-informazzjoni, il-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali (ara, f’din is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 131).

40

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma intiżi sabiex jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li huma inerenti, minn naħa, għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, għall-ksur tal-imsemmija drittijiet, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi sabiex jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali eżistenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014, ACI Adam et, C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Sussegwentement, fir-rigward tal-kuntest li jaqa’ fih l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/48, din tal-aħħar tipprovdi, fl-Artikolu 4 tagħha, li l-proprjetarji kollha ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jistgħu japplikaw għall-miżuri, għall-proċeduri u għar-rimedji previsti minnha, skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni applikabbli. Madankollu, il-possibbiltà li ssir tali talba ma hija suġġetta għal ebda limitazzjoni inkonnessjoni mal-oriġini, kuntrattwali jew ta’ xorta oħra, tal-ksur ta’ dawn id-drittijiet.

42

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-ksur ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ programm tal-kompjuter li tikkonċerna drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-proprjetarju ta’ drittijiet tal-awtur ta’ dan il-programm jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”, fis-sens tad-Direttiva 2004/48, u li, konsegwentement, l-imsemmi proprjetarju għandu jkun jista’ jibbenefika mill-garanziji previsti minn din id-direttiva.

43

Madankollu, għalkemm id-Direttiva 2004/48 hija intiża li tistabbilixxi l-miżuri, proċeduri u rimedji favur il-proprjetarji tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jiġbru fihom id-drittijiet tal-awtur tal-programmi tal-kompjuter previsti mid-Direttiva 2009/24, din l-ewwel imsemmija direttiva ma tistabbilixxix il-modalitajiet eżatti ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-garanziji u ma tippreskrivix l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà partikolari f’każ ta’ ksur ta’ dawn id-drittijiet.

44

Minn dan isegwi li l-leġiżlatur nazzjonali jibqa’ fil-libertà li jistabbilixxi l-modalitajiet konkreti ta’ protezzjoni tal-imsemmija drittijiet u li jiddefinixxi, b’mod partikolari, in-natura, kuntrattwali jew delittwali, ta’ azzjoni li l-proprjetarju ta’ dawn ta’ aħħar jista’ jippreżenta, f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tiegħu ta’ proprjetà intellettwali, fil-konfront ta’ persuna li tkun liċenzjata tuża programm tal-kompjuter. Madankollu, huwa indispensabbli li, f’kull każ, jiġu osservati r-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/48.

45

F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikun leali u ekwi, ma għandhomx ikunu inutilment kumplessi u li jiswew ħafna flus u ma għandhomx ikunu suġġetti għal termini mhux raġonevoli u lanqas li jwasslu għal dewmien mhux iġġustifikat. Dawn għandhom ukoll ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’tali mod u li jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ leġittimu u li jiġu pprovduti protezzjonijiet kontra l-użu abbużiv tagħhom.

46

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà applikabbli f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ programm tal-kompjuter minn persuna liċenzjata biex tuża dan il-programm taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ responsabbiltà partikolari fl-ebda każ ma għandha tikkostitwixxi ostakolu għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan il-programm kif stabbilita mid-Direttivi 2004/48 u 2009/24.

47

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali marbuta mal-contrefaçon ma tiddisponi espressament li din tal-aħħar tista’ tiġi invokata unikament fil-każijiet li fihom il-partijiet ma jkunux marbuta b’kuntratt. Hija tirrileva wkoll li l-contrefaçon hija ddefinita, fis-sens iktar wiesa’ tagħha, bħala ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, b’mod partikolari ksur ta’ wieħed mid-drittijiet tal-awtur ta’ programm tal-kompjuter.

48

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali hija marbuta, skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt intern, li tagħti lid-dritt intern, sa fejn ikun possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, u li b’hekk tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta hija tiddeċiedi kawża li hija tkun adita biha. Dan il-prinċipju jirrikjedi li l-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollha sabiex tevalwa sa liema punt dan tal-aħħar jista’ jirċievi applikazzjoni li ma tkunx twassal għal riżultat kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punti 7576, kif ukoll tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 55). Fid-dawl tal-elementi indikati fil-punt preċedenti u b’riżerva għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li fil-każ odjern hija possibbli interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-Direttivi 2004/48 u 2009/34.

49

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li d-Direttivi 2004/48 u 2009/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ksur ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ programm tal-kompjuter, li tirrigwarda drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan il-programm, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”, fis-sens tad-Direttiva 2004/48, u li konsegwentement, l-imsemmi proprjetarju għandu jkun jista’ jibbenefika mill-garanziji previsti minn din id-direttiva, indipendentement mis-sistema ta’ responsabbiltà applikabbli skont id-dritt nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u d-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter għandhom jiġu interpretati fis-sens li ksur ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ programm tal-kompjuter, li tirrigwarda drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur ta’ dan il-programm, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”, fis-sens tad-Direttiva 2004/48, u li, konsegwentement, l-imsemmi proprjetarju għandu jkun jista’ jibbenefika mill-garanziji previsti minn din id-direttiva, indipendentement mis-sistema ta’ responsabbiltà applikabbli skont id-dritt nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top