SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

26 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bit-triq – Artikoli 91 u 92 TFUE – Regolament (UE) Nru 165/2014 – Artikolu 32(3), Artikolu 33(1) u Artikolu 41(1) – Ksur tar-regoli dwar l-użu tat-takografi – Obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu sanzjonijiet effettivi, dissważivi u mhux diskriminatorji – Impriżi żgħar u medji residenti u mhux residenti – Trattament iddifferenzjat”

Fil-Kawża C‑600/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szombathely, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Settembru 2018, fil-proċedura

UTEP 2006. SRL

vs

Vas Megyei Kormányhivatal Hatósági Főosztály, Hatósági, Építésügyi és Oktatási Osztály,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Malenovský u L. S. Rossi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UTEP 2006. SRL, minn Z. Szároz, jogtanácsos,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u L. Havas kif ukoll minn J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 92 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn UTEP 2006. SRL (iktar ’il quddiem “UTEP”) u l-Vas Megyei Kormányhivatal Hatósági Főosztály, Hatósági, Építésügyi és Oktatási Osztály (l-Uffiċċju Governattiv tad-Dipartiment ta’ Vas, Servizz Amministrattiv, Kostruzzjoni u Edukazzjoni, l-Ungerija) fir-rigward tal-impożizzjoni minn dan tal-aħħar ta’ multa amministrattiva akarigu ta’ UTEP abbażi ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni relattiva għall-użu tat-takografi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU 2014, L 60, p. 1), jipprovdi:

“1.   L-impriżi tat-trasport u s-sewwieqa għandhom jiżguraw il-funzjonament korrett u l-użu xieraq tat-takografi diġitali u tal-kards tas-sewwieqa. L-impriżi tat-trasport u s-sewwieqa li jużaw takografi analoġiċi, għandhom jiżguraw il-funzjonament korrett tagħhom u l-użu xieraq tal-folji ta’ reġistrazzjoni.

[…]

3.   Għandu jkun ipprojbit li wieħed jiffalsifika, jaħbi, jissopprimi jew jeqred data rreġistrata fuq il-folja ta’ reġistrazzjoni, jew maħżuna fit-takografu jew fuq il-kard tas-sewwieq, jew fuq il-kopji stampati li joħorġu mit-takografu. Kwalunkwe manipulazzjoni tat-takografu, tal-folja ta’ reġistrazzjoni jew tal-kard tas-sewwieq li tista’ tirriżulta fil-falsifikazzjoni, soppressjoni jew qerda tad-data u/jew tal-informazzjoni stampata għandha tkun ipprojbita wkoll. […]

[…]”

4

L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   L-impriżi tat-trasport għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li s-sewwieqa tagħhom huma mħarrġa u istruwiti tajjeb fir-rigward tal-funzjonament korrett tat-takografi, kemm dawk diġitali kif ukoll dawk analoġiċi, għandhom iwettqu kontrolli regolari biex jiżguraw li s-sewwieqa tagħhom jagħmlu użu korrett tagħhom u ma għandhomx jagħtu lis-sewwieqa tagħhom inċentivi diretti jew indiretti li jistgħu jħeġġuhom jużaw it-takografi b’mod skorrett.

[…]

3.   L-impriżi tat-trasport għandhom ikunu responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament imwettaq mis-sewwieqa tagħhom tal-impriża jew minn sewwieqa li jkunu għad-dispożizzjoni tagħha. […]”

5

L-Artikolu 41(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-arranġamenti kostituzzjonali nazzjonali, jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Dawk il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonali, dissważivi u nondiskriminatorji u għandhom ikunu f’konformità mal-kategoriji tal-ksur stabbiliti fid-Direttiva 2006/22/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU 2006, L 102, p. 35)].”

6

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/22, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/403 tat-18 ta’ Marzu 2016 (ĠU 2016, L 74, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/22”), l-Anness III ta’ din id-Direttiva 2006/22 jikkonsisti f’lista ta’ ksur, b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 165/2014, ikklassifikati f’kategoriji differenti skont il-gravità tagħhom (“ksur l-aktar serju”, “ksur serju ħafna”, “ksur serju” u “ksur minuri”). Il-punt 2 ta’ dan l-anness, li jiġbor fih il-ksur ta’ dan l-aħħar regolament, jikklassifika, taħt il-punt H iddedikat għall-ksur relattiv għall-“[u]żu tat-tagħmir ta’ reġistrazzjoni [takografi], tal-karta tas-sewwieq jew tal-folja ta’ reġistrazzjoni”, il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 32 u 33 tar-Regolament Nru 165/2014 fost il-ksur “l-aktar serju” jew “serju ħafna”.

Id-dritt Ungeriż

7

L-Artikolu 12/A tal-a kis- és középvállalkozásokról, fejlődésük támogatásáról szóló 2004. évi XXXIV. törvény (il-Liġi Nru XXXIV tal-2004 dwar l-Impriżi Żgħar u Medji u s-Sussidji Intiżi għall-Iżvilupp Tagħhom), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-SMEs”), kien jipprovdi:

“1.   Ħlief fil-każ ta’ proċedura fiskali jew doganali u ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ stabbilimenti ta’ taħriġ għal adulti, l-awtoritajiet li jwettqu kontrolli amministrattivi fir-rigward ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju għandhom jippenalizzaw it-twettiq tal-ewwel ksur permezz ta’ twissija minflok bl-impożizzjoni ta’ multa, u għandhom jeżaminaw il-possibbiltà li jibdew il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 94(1)(a) tal-[a közigazgatási hatósági eljárás és szolgáltatás általános szabályairól szóló 2004. évi CXL. törvény (il-Liġi Nru CXL tal-2004 li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Ġenerali fil-Qasam tal-Proċedura u tas-Servizzi Amministrattivi)].

2.   L-impożizzjoni ta’ multa ma tistax titwarrab fil-każijiet li ġejjin:

a)

il-ksur jikkawża dannu lil, jew jikkostitwixxi theddida għall-ħajja, għall-integrità fiżika jew għas-saħħa tal-persuni;

[…]”

8

Skont l-Artikolu 20(7) tal-Liġi dwar l-SMEs:

“Din il-liġi hija intiża sabiex tittrasponi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju [ĠU 2003, L 124, p. 36].”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

UTEP hija kumpannija stabbilita fir-Rumanija li teżerċita, fost oħrajn, attivitajiet ta’ trasport. Huwa stabbilit li din il-kumpannija tissodisfa l-kriterji ta’ impriża żgħira u ta’ daqs medju (SME), fis-sens tal-Liġi dwar l-SMEs.

10

Fil-15 ta’ Mejju 2017, fil-kuntest ta’ kontroll fit-triq, l-awtoritajiet Ungeriżi kkonstataw li s-sewwieq ta’ trakk li jappartjeni lil UTEP kien irtira, bejn it-12 u l-14 ta’ Mejju 2017, id-diska tat-takografu u wettaq diversi manipulazzjonijiet tal-apparat kif ukoll tal-konnessjonijiet elettriċi tiegħu. Filwaqt li dan il-perijodu ta’ madwar 48 siegħa kien iddikjarat mis-sewwieq bħala perijodu ta’ mistrieħ, l-awtoritajiet Ungeriżi kkonstataw li, fir-realtà, dan kien intuża sabiex isiru operazzjonijiet ta’ tagħbija u ta’ mili ta’ karburant.

11

Matul il-proċedura amministrattiva, magħluqa permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2017, l-awtoritajiet Ungeriżi kkunsidraw li UTEP kienet kisret l-Artikolu 32(3) kif ukoll l-Artikolu 33(1) u (3) tar-Regolament Nru 165/2014 u imponew fuqha multa amministrattiva ta’ HUF 800000 (forint Ungeriż) (madwar EUR 2600), filwaqt li ċaħdu l-argumenti ta’ din il-kumpannija li jgħidu li l-Artikolu 12/A(1) tal-Liġi dwar l-SMEs kien jippermetti s-sostituzzjoni ta’ twissija bil-miktub minflok il-multa. Fil-fatt, skont dawn l-awtoritajiet, l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu tibbenefika biss lill-SMEs stabbiliti fl-Ungerija.

12

Wara li ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szombathely, l-Ungerija), prinċipalment, rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2017 u, sussidjarjament, talba intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, UTEP issostni li r-rifjut tal-awtoritajiet Ungeriżi, minħabba li din il-kumpannija hija stabbilita fi Stat Membru differenti mill-Ungerija, li jagħtuha l-benefiċċju ta’ twissija bil-miktub minflok il-multa imposta fuqha huwa diskriminatorju u jmur kontra l-Artikolu 92 TFUE.

13

F’dawk iċ-ċirkustanzi, is-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali ta’ Szombathely) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 92 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tal-Artikolu 12A tal-[Liġi dwar l-SMEs] u l-prattika amministrattiva segwita f’dan ir-rigward, li skonthom din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal impriżi (entitajiet legali) ta’ Stati Membri oħra li ma humiex irreġistrati fl-Ungerija iżda li jissodisfaw il-kunċett ta’ [SME] fis-sens tal-imsemmija liġi?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

14

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ungeriż isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għal żewġ motivi.

15

Minn naħa, dan il-gvern iqis li l-Artikolu 92 TFUE, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, huwa irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-multa kienet ġiet imposta fuq UTEP abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta r-Regolament Nru 165/2014. Issa, dan ir-regolament stess kien ġie adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu 91 TFUE, liema ħaġa għandha l-effett li ttellef kull rilevanza lill-Artikolu 92 TFUE.

16

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ungeriż jiddubita li l-Artikolu 12/A(1) tal-Liġi dwar l-SMEs huwa applikabbli għall-kawża prinċipali, sa fejn, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-użu ta’ twissija huwa eskluż meta l-aġir inkwistjoni jkun jista’ jipperikola l-ħajja jew l-integrità tal-persuni. Issa, hekk kif jirriżulta mid-Direttiva 2006/22, il-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-użu tat-takografu għandhom jiġu kklassifikati fil-kategorija tal-iktar ksur serju. Konsegwentement, u indipendentement mill-eventwali differenza fit-trattament, fl-Ungerija, bejn l-SMEs residenti u dawk mhux residenti, is-sostituzzjoni tal-multa bi twissija ma hijiex possibbli. Għaldaqstant, fl-opinjoni tal-Gvern Ungeriż, id-domanda preliminari għandha natura ipotetika.

17

Fir-rigward tal-ewwel argument imressaq minn dan il-gvern, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa l-obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew ippreżentati lilha (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás, C‑90/17, EU:C:2018:498, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Konsegwentement, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari tad-dritt tal-Unjoni, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju, kemm jekk din il-qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

F’dan il-każ, id-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 92 TFUE, li madankollu japplika għas-settur tat-trasport biss fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, adottata abbażi tal-Artikolu 91(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2019, L‑Awstrija vs Il‑Ġermanja, C‑591/17, EU:C:2019:504, punti 158, 161163).

20

Issa, fil-qasam tat-trasport bit-triq, ir-regoli dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ takografi, kif ukoll il-ksur tar-regoli msemmija, huma s-suġġett, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 165/2014, li b’mod partikolari għandu bħala bażi legali l-Artikolu 91 TFUE.

21

F’dan ir-rigward, hekk kif ammetta l-Gvern Ungeriż stess, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-multa li wasslet għall-kawża prinċipali ġiet imposta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi r-Regolament Nru 165/2014, għal ksur tal-Artikolu 32(3) u tal-Artikolu 33(1) u (3) ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, l-imsemmi regolament jipprovdi, fl-Artikolu 41(1) tiegħu, li s-sanzjonijiet, li s-sistema tagħhom hija ddeterminata mill-Istati Membri u li huma applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, għandhom, b’mod partikolari, ikunu effettivi, proporzjonati, dissważivi u mhux diskriminatorji.

22

Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 17 u 18 ta’ din is-sentenza, id-domanda preliminari għandha tiġi fformulata mill-ġdid fis-sens li tirrigwarda l-interpretazzjoni mhux tal-Artikolu 92 TFUE, iżda tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014.

23

Fir-rigward tat-tieni argument imressaq mill-Gvern Ungeriż u bbażat fuq l-allegata natura ipotetika tad-domanda preliminari, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument iwassal, fir-realtà, sabiex tiġi kkontestata l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12/A tal-Liġi dwar l-SMEs adottata mill-qorti tar-rinviju. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, kif esposta mill-qorti msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2019, Kuhar, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi amministrattiva ta’ Stat Membru, li permezz tagħha, għad-differenza tal-SMEs ta’ trasport bit-triq mhux residenti, dawk li huma stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tista’ tiġi imposta fuqhom sanzjoni mnaqqsa, li tikkonsisti fi twissija minflok multa amministrattiva, meta dawn l-SMEs iwettqu, għall-ewwel darba, ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 165/2014 tal-istess livell ta’ serjetà.

26

Hekk kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014, is-sanzjonijiet, li s-sistema tagħhom hija ddeterminata mill-Istati Membri u li huma applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, għandhom, b’mod partikolari, ikunu effettivi, dissważivi u mhux diskriminatorji.

27

Ir-rekwiżit li jgħid li s-sanzjonijiet għandhom ikunu nondiskriminatorji jkopri mingħajr dubju s-sitwazzjoni fejn ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 165/2014, tal-istess livell ta’ gravità, iwassal għal sanzjonijiet differenti skont jekk l-impriżi ta’ trasport bit-triq ikunux stabbiliti jew le fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun twettaq l-imsemmi ksur. Dan ir-regolament jitlaq mill-premessa li tgħid li dawn l-impriżi, indipendentement mill-post fejn huma stabbiliti, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, meta jiksru d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 165/2014 fit-territorju tal-istess Stat Membru. Konsegwentement, Stat Membru għandu jiżgura li s-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita fit-territorju tiegħu, konformement mal-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014, tapplika mingħajr distinzjoni abbażi tal-post ta’ stabbiliment tal-impriża ta’ trasport bit-triq li kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

28

Minn dan isegwi li prattika amministrattiva li bis-saħħa tagħha SME ta’ trasport bit-triq mhux residenti tista’ tiġi ssanzjonata b’mod iktar qawwi minn SME residenti, minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 165/2014 tal-istess livell ta’ gravità, tmur kontra l-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament, sa fejn dan jipprovdi li s-sanzjonijiet għandhom ikunu nondiskriminatorji.

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 165/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi amministrattiva ta’ Stat Membru li permezz tagħha, għad-differenza tal-SMEs ta’ trasport bit-triq mhux residenti, dawk li huma stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tista’ tiġi imposta fuqhom sanzjoni mnaqqsa, li tikkonsisti fi twissija minflok multa amministrattiva, meta dawn l-SMEs iwettqu, għall-ewwel darba, ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 165/2014 tal-istess livell ta’ serjetà.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 41(1) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi amministrattiva ta’ Stat Membru li permezz tagħha, għad-differenza tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju ta’ trasport bit-triq mhux residenti, dawk li huma stabbiliti fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru tista’ tiġi imposta fuqhom sanzjoni mnaqqsa, li tikkonsisti fi twissija minflok multa amministrattiva, meta dawn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju jwettqu, għall-ewwel darba, ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 165/2014 tal-istess livell ta’ serjetà.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.