This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0659
Judgment of the Court (Second Chamber) of 12 March 2020.#Criminal proceedings against VW.#Request for a preliminary ruling from the Juzgado de Instrucción de Badalona.#Reference for a preliminary ruling — Judicial cooperation in criminal matters — Directive 2013/48/EU — Article 3(2) — Right of access to a lawyer — Circumstances in which the right of access to a lawyer must be guaranteed — Non-appearance — Derogations from the right of access to a lawyer — Article 47 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union — Right to effective judicial protection.#Case C-659/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Marzu 2020.
Proċedura kriminali kontra VW.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Instrucción n.°4 de Badalona.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2013/48/UE – Artikolu 3(2) – Dritt ta’ aċċess għal avukat – Ċirkustanzi li fihom id-dritt ta’ aċċess għal avukat għandu jiġi żgurat – Nuqqas ta’ dehra – Derogi mid-dritt ta’ aċċess għal avukat – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Kawża C-659/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Marzu 2020.
Proċedura kriminali kontra VW.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de Instrucción n.°4 de Badalona.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2013/48/UE – Artikolu 3(2) – Dritt ta’ aċċess għal avukat – Ċirkustanzi li fihom id-dritt ta’ aċċess għal avukat għandu jiġi żgurat – Nuqqas ta’ dehra – Derogi mid-dritt ta’ aċċess għal avukat – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
Kawża C-659/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:201
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
12 ta’ Marzu 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2013/48/UE – Artikolu 3(2) – Dritt ta’ aċċess għal avukat – Ċirkustanzi li fihom id-dritt ta’ aċċess għal avukat għandu jiġi żgurat – Nuqqas ta’ dehra – Derogi mid-dritt ta’ aċċess għal avukat – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva”
Fil-Kawża C‑659/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Instrucción n. 4 de Badalona (il-Qorti Istruttorja Nru 4 ta’ Badalona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura kriminali kontra
VW,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez u J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán kif ukoll minn R. Troosters, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Novembru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra VW għal reati ta’ sewqan mingħajr liċenzja u ta’ falsifikazzjoni ta’ kitba. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 4, 6, 19, 30 sa 32 tad-Direttiva 2013/48 jistabbilixxu:
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-drittijiet tal-persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u tal-persuni soġġetti għal proċedimenti skont id-Deċiżjoni Kwadru [tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34)] […] li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat, id-dritt li tiġi infurmata parti terza biċ-ċaħda tal-libertà, u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari matul iċ-ċaħda tal-libertà.” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva tapplika għal persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali mill-mument meta dawn jiġu infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, b’notifika uffiċjali jew b’mod ieħor, li huma suspettati jew akkużati li jkunu wettqu reat kriminali, u irrispettivament minn jekk ikunux miċħuda mil-libertà. Din tapplika sal-konklużjoni tal-proċedimenti, li huwa mifhum li tfisser id-determinazzjoni finali tal-kwistjoni jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat, inkuż fejn applikabbli, l-għoti ta’ sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.” |
6 |
L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’ħin u b’mod li l-persuni konċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom ta’ difiża b’mod prattiku u b’mod effettiv. 2. Il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed. Fi kwalunkwe każ, il-persuni suspettati jew akkużati għandu jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mill-mument l-aktar qrib minn dawn li ġejjin:
3. Id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat għandu jimplika dan li ġej:
4. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jagħmlu l-informazzjoni ġenerali disponibbli biex jagħmluha faċli għall-persuni suspettati jew akkużati li jsibu avukat. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar il-preżenza obbligatorja ta’ avukat, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni suspettati jew akkużati li jinċaħdu mil-libertà tagħhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, sakemm ma jkunux irrinunzjaw dak id-dritt f’konformità mal-Artikolu 9. 5. Huwa f’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2 fejn id-distanza ġeografikament ’il bogħod ta’ persuna suspettata jew akkużata tagħmilha impossibbli li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara li persuna tkun inċaħdet mil-libertà tagħha. 6. F’ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 sakemm dan ikun iġġustifikat fiċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet konvinċenti li ġejjin:
|
7 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/48 jipprovdi: “1. Kwalunkwe deroga temporanja skont l-Artikolu 3(5) jew (6) jew skont l-Artikolu 5(3):
2. Derogi temporanji skont l-Artikolu 3(5) jew (6) jistgħu jiġu awtorizzati biss b’deċiżjoni debitament motivata meħuda skont il-każ, jew minn awtorità ġudizzjarja, jew minn awtorità kompetenti oħra bil-kondizzjoni li dik id-deċiżjoni tista’ tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Id-deċiżjoni debitament motivata għandha tiġi rreġistrata skont il-proċedura ta’ reġistrar skont il-liġi tal-Istat Membru konċernat. 3. Id-derogi temporanji skont l-Artikolu 5(3) jistgħu jiġu awtorizzati biss każ b’każ, minn awtorità ġudizzjarja jew minn awtorità kompetenti oħra bil-kondizzjoni li d-deċiżjoni tista’ tkun soġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.” |
Id-dritt Spanjol
8 |
L-Artikolu 24 tal-Constituciόn (il-Kostituzzjoni) jipprevedi: “1. Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni effettiva tal-imħallfin u tal-qrati fl-eżerċizzju tad-drittijiet u interessi leġittimi tagħha, mingħajr ma qatt jistgħu jiġu ppreġudikati d-drittijiet tad-difiża tagħha. 2. Bl-istess mod, kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għal qorti ordinarja ddeterminata mil-liġi, għal difiża u għal assistenza minn avukat, li tiġi informata bl-akkużi miġjuba kontra tagħha, għal smigħ pubbliku mingħajr dewmien żejjed u bil-garanziji kollha, għall-użu ta’ provi rilevanti għad-difiża tagħha, li ma tinkriminax ruħha, li twieġeb mhux ħatja, u għall-preżunzjoni tal-innoċenza. […]” |
9 |
L-Artikolu 118 tal-Ley de Enjuiciamiento Criminal (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), kif emendat bil-Ley Orgánica 13/2015 de modificación de la Ley de Enjuiciamiento Criminal para el fortalecimiento de las garantías procesales y la regulación de las medidas de investigación tecnológica (il-Liġi Organika 13/2015 dwar l-Emenda tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali bl-Għan li Jissaħħu l-Garanziji Proċedurali u l-Leġiżlazzjoni tal-Miżuri ta’ Investigazzjoni Teknoloġika), tal-5 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 239, tas-6 ta’ Ottubru 2015, p. 90192) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), jipprovdi: “1. Kull persuna akkużata b’reat punibbli tista’ teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha billi tintervjeni fil-proċeduri, mill-mument meta tiġi informata bl-eżistenza tal-proċeduri, jew tkun tqiegħdet taħt arrest jew kienet suġġetta għal kull miżura kawtelatorja oħra jew tkun tqiegħdet taħt eżami u għal dan il-għan hija għandha tiġi informata mingħajr dewmien żejjed bl-eżistenza tad-drittijiet li ġejjin: […]
[…]
[…] 2. Id-drittijiet tad-difiża huma eżerċitati mingħajr limitazzjoni oħra minbarra dawk espressament previsti mil-liġi, sa mill-attribuzzjoni tal-fatt punibbli kriminalment li kien is-suġġett ta’ investigazzjoni sakemm tispiċċa l-piena […]” |
10 |
Skont l-Artikolu 527 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali: “1. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 509, il-persuna li hija arrestata jew f’detenzjoni miżmuma taħt iżolament tista’ tiġi mċaħħda mid-drittijiet li ġejjin meta dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi tal-każ:
[…]
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 |
Fl-20 ta’ April 2018, il-pulizija ta’ Badalona (Spanja) ħarġet rapport għal allegat reat ta’ sewqan mingħajr liċenzja u ta’ falsifikazzjoni ta’ kitba fir-rigward ta’ VW, wara kontroll fit-triq li matulu l-persuna kkonċernata ppreżentat liċenzja tas-sewqan Albaniża. |
12 |
Fid-19 ta’ Mejju 2018, il-perizja kkonkludiet li dan id-dokument kien falz. |
13 |
Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Ġunju 2018, il-Juzgado de Instrucción n. 4 de Badalona (il-Qorti Istruttorja Nru 4 ta’ Badalona, Spanja), adita fil-kuntest tal-proċedura kriminali mibdija kontra VW, iddeċidiet li tisma’ lil dan tal-aħħar. Ġie maħtur avukat ex officio għal dan l-iskop. Wara li diversi taħrikiet biex il-persuna kkonċernata tidher quddiem il-qorti baqgħu ineffettivi, peress li dan tal-aħħar ma setax jiġi llokalizzat, inħareġ mandat ta’ arrest u ta’ akkumpanjament fil-konfront tiegħu fis-27 ta’ Settembru 2018. |
14 |
Fis-16 ta’ Ottubru 2018, avukata bagħtet, permezz ta’ faks, ittra li fiha ddikjarat li kienet qiegħda tintervjeni fil-proċedura għan-nom ta’ VW, flimkien ma’ mandat ad litem iffirmat u mal-ftehim ta’ trasferiment tal-fajl mogħti mill-avukat maħtur ex officio tal-persuna kkonċernata. Hija talbet li l-atti proċedurali futuri jiġu indirizzati lilha u li jiġi rtirat il-mandat ta’ arrest maħruġ kontra l-klijent tagħha, filwaqt li indikat li dan tal-aħħar xtaq fi kwalunkwe każ jippreżenta ruħu quddiem il-qorti. |
15 |
Sa fejn VW ma deherx wara l-ewwel taħrika u huwa suġġett għal mandat ta’ arrest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-benefiċċju tad-dritt ta’ aċċess tiegħu għal avukat jistax jiġi ttardjat sal-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet tad-difiża. |
16 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tesponi li din il-leġiżlazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni u li, fil-qasam kriminali, id-drittijiet tad-difiża tal-persuna akkużata huma rregolati mill-Artikolu 118 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. L-imsemmija qorti żżid li dawn id-dispożizzjonijiet huma interpretati mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) u mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), fis-sens li d-dritt ta’ aċċess għal avukat jista’ jkun suġġett għall-obbligu, għall-persuna akkużata, li tidher personalment quddiem il-qorti. B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), il-benefiċċju ta’ tali dritt jista’ jiġi rrifjutat meta din il-persuna tkun assenti jew ikun impossibbli li tiġi lokalizzata. Skont din il-ġurisprudenza, id-dehra personali tal-persuna kkonċernata titqies bħala rekwiżit raġonevoli li ma għandux effett kunsiderevoli fuq id-drittijiet tad-difiża. Essenzjalment, il-preżenza tal-persuna akkużata hija obbligu. Din tista’ tkun neċessarja sabiex jiġu ċċarati l-fatti. Barra minn hekk, fil-każ ta’ assenza persistenti ta’ din il-persuna fl-għeluq tal-investigazzjoni, is-seduta ma tistax tinżamm u s-sentenza ma tkunx tista’ tingħata, b’tali mod li l-proċedura tiġi pparalizzata għad-detriment tal-individwi kkonċernati kif ukoll tal-interessi pubbliċi inkwistjoni. |
17 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-imsemmija ġurisprudenza nżammet minkejja r-riforma li saret fl-2015, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni, fid-dritt Spanjol, tad-Direttiva 2013/48. Din il-qorti tosserva wkoll li, skont l-Artikolu 118 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, id-dritt ta’ aċċess għal avukat huwa limitat biss fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 527 ta’ dan il-kodiċi, li huwa espressament iċċitat f’din id-dispożizzjoni. |
18 |
Għaldaqstant, il-qorti msemmija tistaqsi dwar il-portata tad-dritt ta’ aċċess għal-avukat previst f’din id-direttiva. B’mod partikolari, din għandha dubji dwar il-konformità tal-istess ġurisprudenza mal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva u mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
19 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Instrucción n. 4 de Badalona (il-Qorti Istruttorja Nru 4 ta’ Badalona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 47 tal-[Karta] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(2) tad-[Direttiva 2013/48] għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt għas-servizzi ta’ avukat jista’ jiġi ttardjat b’mod ġustifikat jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata ma tidhirx għall-ewwel taħrika tal-qorti u fejn ikun inħareġ mandat ta’ arrest nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali, fejn is-servizzi ta’ avukat u l-intervent tiegħu fil-proċeduri jiġu ttardjati sakemm jiġi eżegwit il-mandat u l-pulizija tressaq lill-persuna ssuspettata quddiem il-qorti?” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20 |
Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba ġiet miċħuda b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Jannar 2019, VW (Dritt ta’ aċċess għal avukat fil-każ ta’ nuqqas ta’ dehra) (C‑659/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:45). |
Fuq id-domanda preliminari
21 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2013/48, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li tgħid li l-benefiċċju tad-dritt ta’ aċċess għal avukat jista’, matul il-fażi qabel il-proċedura kriminali, jiġi ttardjat minħabba l-assenza ta’ dehra tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, u dan wara li tkun saret taħrika għad-dehra quddiem qorti istruttorja, sal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ kontra l-persuna interessata. |
Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2013/48
22 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk id-Direttiva 2013/48 hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ persuna, bħal VW, li ġiet imħarrka sabiex tidher, diversi drabi, quddiem qorti istruttorja sabiex tinstema’ għall-ewwel darba fuq reati kriminali li hija ssuspettata li wettqet u li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ għal dan il-għan. |
23 |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol jesprimi dubji dwar il-fatt li tali sitwazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Dan il-gvern isostni li, sa fejn il-kwotazzjonijiet tal-persuna kkonċernata sabiex tidher baqgħu ineffettivi, din tal-aħħar ma ġietx informata li hija kienet issuspettata li wettqet reat kriminali, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva. |
24 |
Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2013/48 għandha l-għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tiddefinixxi r-regoli minimi dwar id-drittijiet li jibbenefikaw minnhom il-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, b’mod partikolari li jkollhom aċċess għal avukat. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa ddefinit fl-Artikolu 2 tagħha, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-imsemmija direttiva tapplika għall-persuni ssuspettati jew għall-persuni akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, mill-mument meta jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, permezz ta’ notifika uffiċjali jew b’kull mezz ieħor, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat kriminali. |
25 |
Minn naħa, persuna li ġiet imħarrka sabiex tidher quddiem qorti istruttorja, adita fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija għal reati kriminali li hija preżunta li wettqet, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “suspettat”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/48. Min-naħa l-oħra, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari l-kliem “għandhom ikunu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, permezz ta’ notifika uffiċjali jew b’mezzi oħra”, jindika li, għall-finijiet tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2013/48, informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru tal-persuna kkonċernata hija biżżejjed, u dan ikun xi jkun il-metodu. |
26 |
Konsegwentement, għandha titqies bħala suffiċjenti, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-adozzjoni minn dawn l-awtoritajiet ta’ deċiżjoni uffiċjali jew kwalunkwe miżura proċedurali oħra intiża li tinforma lill-persuna kkonċernata li hija kkunsidrata bħala persuna suspettata jew akkużata, skont id-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-mezz li bih tali informazzjoni tasal għand dan tal-aħħar huwa irrilevanti. |
27 |
F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta mingħajr ekwivoku mhux biss li tali deċiżjoni ġiet adottata fil-konfront ta’ VW, iżda wkoll li din waslet għand dan tal-aħħar, peress li dan ħatar avukata sabiex tirrappreżentah fil-kuntest tal-proċedura kriminali mibdija kontrih. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx li d-dubji tal-Gvern Spanjol dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2013/48 fil-kawża prinċipali huma fondati, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont id-Direttiva 2013/48
29 |
Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal avukat previst mid-Direttiva 2013/48, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu, qabel kollox, jiġi ppreċiżat li, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-benefiċċju ta’ dan id-dritt jistax jiġi ttardjat minħabba l-assenza ta’ dehra tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata. Min-naħa l-oħra, din it-talba ma tirrigwardax il-kontenut tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat skont din id-direttiva, fosthom l-elementi msemmija fl-Artikolu 3(3) tagħha. |
30 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw li l-persuni suspettati u l-persuni akkużati jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat f’terminu u skont il-modalitajiet li jippermettulhom li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod konkret u effettiv (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 103). |
31 |
Għalkemm dan l-Artikolu 3(1) jistabbilixxi l-prinċipju fundamentali li jgħid li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat f’terminu u skont il-modalitajiet li jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom b’mod konkret u effettiv, dan il-prinċipju huwa ppreċiżat fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dak li jirrigwarda l-mument li minnu għandu jingħata dan id-dritt. |
32 |
Skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, il-persuni suspettati u l-persuni akkużati għandu jkollhom aċċess għal avukat mingħajr dewmien indebitu u, fi kwalunkwe każ, minn meta jseħħ l-ewwel minn erba’ avvenimenti speċifiċi elenkati fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni. |
33 |
Dan l-Artikolu 3(2) jipprovdi li l-persuni suspettati jew il-persuni akkużati għandhom aċċess għal avukat b’mod partikolari “qabel ma jiġu interrogati mill-pulizija jew minn awtorità oħra tal-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarja”, skont l-imsemmi Artikolu 3(2)(a) u, “fejn ġew imħarrka biex jidhru quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni f’materji kriminali, fi żmien debitu qabel ma jidhru quddiem dik il-qorti”, skont dan l-istess Artikolu 3(2)(d). |
34 |
Issa, f’dan il-każ, il-persuna kkonċernata ġiet imħarrka sabiex tidher quddiem il-qorti tar-rinviju, kompetenti fil-qasam kriminali, sabiex tinstema’ dwar ir-reati kriminali li hija ssuspettata li wettqet. F’tali sitwazzjoni, id-dritt ta’ aċċess għal avukat tal-persuna suspettata fil-kuntest tal-proċedura kriminali mibdija kontriha għandu, bħala prinċipju, jiġi ggarantit. |
35 |
Il-premessa 19 tad-Direttiva 2013/48 tiddikjara barra minn hekk li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati jew akkużati jkollhom id-dritt li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ avukat, mingħajr dewmien indebitu, u, fi kwalunkwe każ, jekk ma jkunux irrinunzjaw għal dan id-dritt, li jibbenefikaw mill-aċċess għas-servizzi ta’ avukat matul il-proċeduri kriminali quddiem qorti. |
36 |
Wara dan, għandu sussegwentement jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2013/48, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, tippermettix lill-Istati Membri jidderogaw mid-dritt ta’ aċċess għal avukat li, bħala prinċipju, għandu jiġi ggarantit lill-persuna ssuspettata li ġiet imħarrka sabiex tidher quddiem qorti istruttorja, minħabba l-assenza ta’ dehra tiegħu. |
37 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi li deroga temporanja għad-dritt ta’ aċċess għal avukat stabbilit mid-direttiva msemmija hija possibbli fi tliet sensiliet ta’ ċirkustanzi, imsemmija, rispettivament, fl-Artikolu 3(5), fl-Artikolu 3(6)(a) u fl-Artikolu 3(6)(b) tagħha. |
38 |
L-imsemmi Artikolu 3 jipprevedi, fil-paragrafi 5 u 6 tiegħu, li, f’“ċirkostanzi eċċezzjonali u biss fl-istadju ta’ qabel il-kawża, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni” ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. |
39 |
B’mod partikolari, skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2013/48, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tal-Artikolu 3(2)(ċ) ta’ din id-direttiva “fejn id-distanza ġeografikament ’il bogħod ta’ persuna ssuspettata jew akkużata tagħmilha impossibbli li jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat mingħajr dewmien żejjed wara li persuna tkun inċaħdet mil-libertà tagħha”. |
40 |
Skont l-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2013/48, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw temporanjament mill-applikazzjoni tad-drittijiet previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, sa fejn dan ikun iġġustifikat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, abbażi ta’ żewġ raġunijiet imperattivi. Dawn ir-raġunijiet imperattivi jirriżultaw, skont l-Artikolu 3(6)(a) ta’ din id-direttiva, “fejn hemm ħtieġa urġenti li jkunu evitati konsegwenzi negattivi serji għall-ħajja, il-libertà jew l-integrità fiżika ta’ persuna” jew, skont l-Artikolu 3(6)(b) tal-imsemmija direttiva, “fejn l-azzjoni immedjata mill-awtoritajiet investigattivi tkun essenzjali biex jiġu evitati li l-proċedimenti kriminali jiġu pperikolati b’mod sostanzjali.”. |
41 |
F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma ssemmi ebda waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 3(5) u (6) tad-Direttiva 2013/48. |
42 |
Issa, mill-istruttura kif ukoll mill-għanijiet tad-Direttiva 2013/48 jirriżulta li d-derogi temporanji li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu għad-dritt ta’ aċċess għal avukat huma elenkati b’mod eżawrjenti f’dan l-Artikolu 3(5) u (6). |
43 |
Fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2013/48, l-Artikolu 3(5) u (6) ta’ din id-direttiva, bħala dispożizzjonijiet derogatorji għall-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, intitolat“Kondizzjonijiet ġenerali għall-applikazzjoni ta’ derogi temporanji”, ikopri biss, fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat, id-derogi previsti fl-Artikolu 3(5) jew (6) tagħha. Il-premessi 30 sa 32 tad-Direttiva 2013/48 jirreferu wkoll għal dawn id-derogi biss. |
44 |
Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2013/48, mill-premessi 4 u 6 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża, b’mod partikolari, sabiex timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet kriminali, li jippresupponi fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali rispettivi tagħhom. L-imsemmija direttiva hija intiża li tiffavorixxi b’mod partikolari d-dritt li persuna tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll id-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 48(2) tagħha (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 104). |
45 |
Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/48 fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu derogi oħra mid-dritt ta’ aċċess għal avukat li ma humiex elenkati b’mod eżawrjenti minn dan l-artikolu, tmur kontra dawn l-għanijiet kif ukoll kontra l-istruttura ta’ din id-direttiva u l-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni u, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċċaħħad dan id-dritt mill-effett utli tiegħu. |
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-benefiċċju għal persuna ssuspettata jew akkużata tad-dritt ta’ aċċess għal avukat stabbilit mid-Direttiva 2013/48, li jibda, fi kwalunkwe każ, minn meta jseħħ l-ewwel wieħed mill-erba’ avvenimenti msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) sa (d) ta’ din id-direttiva, ma jiddependix mid-dehra tal-persuna kkonċernata. Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ dehra tal-persuna ssuspettata jew akkużata ma tifformax parti mir-raġunijiet għal deroga mid-dritt ta’ aċċess għal avukat elenkati b’mod eżawrjenti fid-direttiva msemmija, b’tali mod li l-fatt li persuna ssuspettata ma tkunx preżenti, minkejja t-taħrikiet għad-dehra maħruġa quddiem il-qorti istruttorja, ma jistax jiġġustifika li din tiġi mċaħħda mill-benefiċċju ta’ dan id-dritt. |
47 |
Finalment, għandu jingħad ukoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/48 li jgħid li l-benefiċċju tad-dritt ta’ aċċess għal avukat ma jistax jiġi ttardjat minħabba l-assenza ta’ dehra tal-persuna ssuspettata jew akkużata wara taħrika għad-dehra hija koerenti mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit mill-Artikolu 47 tal-Karta. |
48 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2013/48, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li tgħid li l-benefiċċju tad-dritt ta’ aċċess għal avukat jista’, matul il-fażi qabel il-proċedura kriminali, jiġi ttardjat minħabba l-assenza ta’ dehra tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, u dan wara li tkun inħarġet taħrika għad-dehra quddiem qorti istruttorja, sal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ kontra l-persuna interessata. |
Fuq l-ispejjeż
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li tgħid li l-benefiċċju tad-dritt ta’ aċċess għal avukat jista’, matul il-fażi qabel il-proċedura kriminali, jiġi ttardjat minħabba l-assenza ta’ dehra tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata, u dan wara li tkun inħarġet taħrika għad-dehra quddiem qorti istruttorja, sal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest nazzjonali maħruġ kontra l-persuna interessata. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.