This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0658
Judgment of the Court (Second Chamber) of 16 July 2020.#UX v Governo della Repubblica italiana.#Request for a preliminary ruling from the Giudice di pace di Bologna.#Reference for a preliminary ruling — Admissibility — Article 267 TFEU — Definition of ‘court or tribunal of a Member State’ — Criteria — Social policy — Directive 2003/88/EC — Scope — Article 7 — Paid annual leave — Directive 1999/70/EC — Framework agreement on fixed-term work concluded by ETUC, UNICE and CEEP — Clauses 2 and 3 — Concept of ‘fixed-term worker’ — Magistrates and ordinary judges — Difference in treatment — Clause 4 — Principle of non-discrimination — Concept of ‘objective grounds’.#Case C-658/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Lulju 2020.
UX vs Governo della Repubblica italiana.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Giudice di pace di Bologna.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Kriterji – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 7 – Leave annwali mħallas – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżoli 2 u 3 – Kunċett ta’ ‘ħaddiem għal żmien determinat’ – Giudici di pace [membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja] u membri tal-ġudikatura ordinarji – Differenza fit-trattament – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’.
Kawża C-658/18.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Lulju 2020.
UX vs Governo della Repubblica italiana.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Giudice di pace di Bologna.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Kriterji – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 7 – Leave annwali mħallas – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżoli 2 u 3 – Kunċett ta’ ‘ħaddiem għal żmien determinat’ – Giudici di pace [membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja] u membri tal-ġudikatura ordinarji – Differenza fit-trattament – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’.
Kawża C-658/18.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:572
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ – Kriterji – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 7 – Leave annwali mħallas – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżoli 2 u 3 – Kunċett ta’ ‘ħaddiem għal żmien determinat’ – Giudici di pace [membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja] u membri tal-ġudikatura ordinarji – Differenza fit-trattament – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’”
Fil-Kawża C‑658/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2018, fil-proċedura
UX
vs
Governo della Repubblica italiana,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, P. G. Xuereb u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M R. Schiano, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal UX, minn G. Guida, F. Sisto, F. Visco, u V. De Michele, avvocati, |
– |
għall-Governo della Repubblica italiana, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. Fiandaca u minn F. Sclafani, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u M. van Beek, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 31(2) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3), u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), kif ukoll tal-klawżoli 2 u 4 tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn UX u l-Governo della Repubblica italiana (il-Gvern Taljan) rigward talba għal kumpens għal dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Istat Taljan. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 89/391/KEE
3 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349), jiddefinixxi l-oqsma ta’ attivitajiet li huma koperti minn din id-direttiva: “1. Din id-Direttiva għandha tgħodd għas-setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati (industrijali, agrikoli, kummerċjali, amministrattivi, ta’ servizz, edukattivi, kulturali, ta’ serħan etċ.). 2. Din id-Direttiva ma għandhiex tgħodd fejn karatteristiċi partikolari għal ċerti attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi speċifiċi, bħall-forzi armati jew il-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi tal-protezzjoni ċivili, b’mod inevitabbli jmorru kontra tagħha. F’dak il-każ, is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema għandhom ikunu żgurati sa fejn ikun possibbli fid-dawl ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.” |
Id-Direttiva 2003/88
4 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Din id-Direttiva tistabilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol. 2. Din id-Direttiva tapplika għal:
[…] 3. Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18, u 19 ta’ din id-Direttiva. […]” |
5 |
L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave annwali”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika. 2. Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.” |
Id-Direttiva 1999/70
6 |
Il-premessa 17 tad-Direttiva 1999/70 hija fformulata kif ġej: “Fejn għandhom x’jaqsmu t-termini użati fil-ftehim qafas imma mhux speċifikament definiti hemmhekk, din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri biex jiddefinixxu dawn it-termini f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali kif inhu l-każ għal Direttivi oħrajn dwar kwistjonijiet soċjali li jużaw termini simili, sakemm id-definizzjonijiet inkwistjoni jirrispettaw il-kontenut tal-ftehim qafas”. |
7 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi li din hija intiża “li jġib [iġġib] fis-seħħ il-ftehim qafas […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”. |
8 |
Skont il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, dan għandu l-għan, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi stabbilit qafas għall-prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu minn kuntratti jew minn relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. |
9 |
Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Il-kamp ta’ applikazzjoni]”, tipprevedi:
|
10 |
Il-klawżola 3 tal-ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, hija fformulata b’dan il-mod:
|
11 |
Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non‑diskriminazzjoni”, tistabbilixxi:
|
Id-dritt Taljan
12 |
L-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni Taljana fih dispożizzjonijiet fundamentali dwar l-aċċess għall-ġudikatura: “L-imħallfin jinħatru permezz ta’ kompetizzjoni. Il-liġi dwar l-ordinament ġudizzjarju tista’ tippermetti l-ħatra, ukoll permezz ta’ elezzjoni, ta’ mħallfin ‘onorarji’ [onorari] għall-funzjonijiet kollha attribwiti lil imħallfin individwali. […]” |
13 |
Fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, il-legge n. 374 – Istituzione del giudice di pace (il-Liġi Nru 374 dwar l-Istabbiliment tal-Giudice di Pace [membru tal-ġudikatura li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja]), tal-21 ta’ Novembru 1991 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 278, tas-27 ta’ Novembru 1991, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 374/1991”) tipprevedi: “Artikolu 1 Ħolqien u funzjonijiet tal-giudice di pace 1. Ser jinħoloq il-giudice di pace, li jeżerċita l-funzjoni ġudizzjarja fil-materja ċivili u kriminali u jeżerċita l-funzjoni ta’ konċiljazzjoni fil-materja ċivili skont ir-regoli previsti minn din il-liġi. 2. Il-funzjoni ta’ giudice di pace hija eżerċitata minn imħallef ‘onorarju’ li jagħmel parti mill-ordinament ġudizzjarju. […] Artikolu 3 Kompożizzjoni u tabella tal-persunal tal-giudice di pace 1. Il-kompożizzjoni tal-membri tal-ġudikatura ‘onorarji’ assenjati fil-pożizzjonijiet ta’ giudice di pace huwa ffissat għal 4700 pożizzjoni; […] […] Artikolu 4 Ħatra 1. Il-membri tal-ġudikatura ‘onorarji’ msejħa sabiex jidħlu fil-kariga ta’ giudice di pace jinħatru permezz ta’ digriet tal-President tar-Repubblika, wara deliberazzjoni mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura fuq proposta mill-kunsill ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni fit-territorju, ikkompletat minn ħames rappreżentanti maħtura, bi ftehim komuni, mill-kunsilli tal-Kamra tal-Avukati u tal-prosekuturi tad-distrett tal-Qorti tal-Appell. […] Artikolu 10 Dmirijiet tal-giudice di pace 1. Il-giudice di pace huwa marbut li josserva d-dmirijiet li huma imposti fuq il-membri tal-ġudikatura ordinarji. […] Artikolu 11 Kumpens dovut lill-giudice di pace 1. Il-funzjonijiet ta’ giudice di pace huma ‘onorarji’. 2. Il-membri tal-ġudikatura onorarji li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ giudice di pace jirċievu kumpens ta’ 70000 [liri Taljani (ITL) (madwar EUR 35)] għal kull seduta ċivili jew kriminali, anki jekk ma tkunx seduta għas-sottomissjonijiet orali, u għat-tqegħid tas-siġilli, u ta’ ITL 110000 [madwar EUR 55] għal kull proċedura oħra assenjata u magħluqa jew imħassra mil-lista. 3. Huma jirċievu wkoll kumpens ta’ ITL 500000 [madwar EUR 250] għal kull xahar ta’ servizz effettiv fil-forma ta’ rimbors għal spejjeż ta’ taħriġ, spejjeż ta’ taħriġ mill-ġdid u spejjeż ġenerali tal-funzjoni. […] 4 bis. Il-kumpens previst f’dan l-artikolu jista’ jiġi akkumulat mal-pensjonijiet u mal-benefiċċji tal-irtirar, indipendentement minn taħt liema isem jaqgħu. 4 ter. Il-kumpens previst f’dan l-artikolu fl-ebda każ ma jista’ jaqbeż l-ammont ta’ EUR 72000 gross fis-sena.” |
14 |
Skont l-Artikolu 8 bis tal-legge n. 97 – Norme sullo stato giuridico dei magistrati e sul trattamento economico dei magistrati ordinari e amministrativi, dei magistrati della giustizia militare e degli avvocati dello Stato (il-Liġi Nru 97, Regoli dwar l-Istatus Ġuridiku tal-Membri tal-Ġudikatura u dwar ir-Remunerazzjoni tal-Membri tal-Ġudikatura Ordinarji u Amministrattivi, tal-Membri tal-Ġudikatura fil-Qasam Militari u tal-Avukati tal-Istat), tat-2 ta’ April 1979, applikabbli fiż-żmien tal-fatti f’dan il-każ: “[…] il-membri tal-ġudikatura ordinarji, amministrattivi, fil-qasam tal-kontabbiltà u dawk fil-qasam militari, kif ukoll l-avukati u l-prosekuturi tal-Istat (avvocati dello Stato et procuratori dello Stato) għandhom leave annwali ta’ 30 jum”. |
15 |
L-Artikolu 24 tad-decreto legislativo n. 116 – Riforma organica della magistratura onoraria e altre disposizioni sui giudici di pace, nonché disciplina transitoria relativa ai magistrati onorari in servizio, a norma della legge 28 aprile 2016, n. 57 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 116 – Riforma Organika tal-Ġudikatura Onorarja u Dispożizzjonijiet Oħra dwar il-Giudici di Pace, kif ukoll Dispożizzjonijiet Tranżitorji Applikabbli għall-Membri tal-Ġudikatura ‘Onorarji’ fis-Servizz, skont il-Liġi Nru 57, tat-28 ta’ April 2016), tat-13 ta’ Lulju 2017 (GURI Nru 177, tal-31 ta’ Lulju 2017, p. 1), jipprevedi kumpens għall-perijodu ta’ vaganzi għall-giudici di pace, iżda biss għall-membri tal-ġudikatura onorarji li daħlu fis-servizz wara s-16 ta’ Awwissu 2017. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali nħatret Giudice di pace (membru tal-ġudikatura li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja) fit-23 ta’ Frar 2001 u eżerċitat dawn il-funzjonijiet f’żewġ qrati differenti mis-sena 2002 sas-sena 2005, u mbagħad mis-sena 2005 sal-ġurnata tal-lum. |
17 |
Għall-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħarġet 478 sentenza inkwantu mħallef tal-qorti kriminali, 1 113‑il digriet li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ ssuspettati magħrufa u 193 digriet li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward ta’ ssuspettati mhux magħrufa inkwantu giudice dell’indagine preliminari (imħallef inkarigat mill-istruttorja preliminari). Fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha, hija żżomm, inkwantu mħallef uniku, żewġ seduti fil-ġimgħa, ħlief matul il-perijodu ta’ leave mhux irremunerat fix-xahar ta’ Awwissu, li matulu t-termini ta’ proċedura jiġu sospiżi. |
18 |
Fix-xahar ta’ Awwissu 2018, matul il-leave mhux irremunerat tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma eżerċitat l-ebda attività inkwantu giudice di pace u, konsegwentement, hija ma rċeviet l-ebda kumpens. |
19 |
Fit-8 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet quddiem il-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna) talba sabiex il-Governo della Republicca italiana (il-Gvern Taljan) jiġi ordnat iħallasha ammont ta’ EUR 4 500.00, li jikkorrispondi, fil-fehma tagħha, għas-salarju għax-xahar ta’ Awwissu 2018, li għalih ikun intitolat membru tal-ġudikatura ordinarju li jkollu l-istess anzjanità bħalha, bħala kumpens għad-dannu li hija tqis li sostniet minħabba ksur manifest, mill-Istat Taljan, b’mod partikolari tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas u tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll tal-Artikolu 31 tal-Karta. Sussidjarjament, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali titlob li l-Gvern Taljan jiġi ordnat iħallas, fuq l-istess bażi, is-somma ta’ EUR 3 039.76, ikkalkolata abbażi tar-remunerazzjoni netta li hija rċeviet għax-xahar ta’ Lulju 2018. |
20 |
F’dan il-kuntest, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-pagamenti rċevuti mill-giudici di pace huma marbuta max-xogħol imwettaq u kkalkolati b’rabta man-numru ta’ deċiżjonijiet mogħtija. Konsegwentement, matul il-perijodu ta’ leave fix-xahar ta’ Awwissu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma rċeviet l-ebda kumpens filwaqt li l-membri tal-ġudikatura ordinarji għandhom dritt għal leave mħallas ta’ 30 jum. L-Artikolu 24 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 116, tat-13 ta’ Lulju 2017, li jipprevedi, minn issa ’l quddiem, il-pagament tal-perijodu ta’ leave għall-giudici di pace, ma huwiex allegatament applikabbli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali minħabba d-data li fiha hija daħlet fis-servizz. |
21 |
Mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li l-giudici di pace huma suġġetti, fil-qasam dixxiplinari, għal obbligi li huma simili għal dawk tal-membri tal-ġudikatura ordinarji. Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura jiżgura, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja, li l-imsemmija obbligi jiġu osservati. |
22 |
Il-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna) tqis, bil-kontra ta’ dak li jqisu l-qrati supremi Taljani, li l-giudici di pace għandhom jitqiesu bħala “ħaddiema”, minkejja n-natura onorarja tas-servizz tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 u skont il-ftehim qafas. Insostenn ta’ dan l-approċċ, hija tirreferi, b’mod partikolari, għar-rabta ta’ subordinazzjoni li, fil-fehma tagħha, tikkaratterizza r-relazzjoni bejn il-giudici di pace u l-Ministero della giustizia (il-Ministeru għall-Ġustizzja). B’mod simili, il-giudici di pace huma mhux biss suġġetti għas-setgħa dixxiplinari tal-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, iżda huma inklużi wkoll fit-tabella tal-persunal ta’ dan tal-aħħar. Minbarra dan, iċ-ċertifikati ta’ pagamenti tal-giudici di pace jinħarġu bl-istess mod bħal dak previst għall-impjegati pubbliċi u d-dħul tal-giudice di pace huwa assimilat għal dak tal-ħaddiem impjegat. Għaldaqstant, id-Direttiva 2003/88 u l-ftehim qafas huma applikabbli għalihom. |
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Giudice di pace di Bologna (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Bologna), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ħames domandi preliminari. |
24 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2019, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tirtira r-raba’ u l-ħames domanda preliminari, filwaqt li kkonfermat li hija kienet qiegħda żżomm l-ewwel sat-tielet domanda preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
25 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
26 |
Fis-6 ta’ Novembru 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, u wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ din it-talba. |
Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura
27 |
Wara l-għoti tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2020, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
28 |
Insostenn tat-talba tagħha, hija ssostni, essenzjalment, li, f’dak li jirrigwarda l-elementi li jifformaw ir-remunerazzjoni tal-giudici di pace, l-Avukat Ġenerali, fil-konklużjonijiet tagħha, ibbażat ruħha fuq ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ma ġietx diskussa fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali tat-28 ta’ Novembru 2019. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Avukat Ġenerali rigward il-metodu għall-kalkolu tal-kumpens għal leave mħallas u, b’mod iktar speċifiku, ċerti aspetti tar-remunerazzjoni li għandha tintuża għall-kalkolu tal-imsemmi kumpens. Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tqis li l-Avukat Ġenerali introduċiet argument ġdid li ma ġiex diskuss fis-seduta. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, f’imparzjalità sħiħa u f’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet immotivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeżiġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li twassal lill-Avukat Ġenerali għall-imsemmija konklużjonijiet (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Għandu jingħad ukoll, f’dan il-kuntest, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà għall-partijiet jew għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-istatut li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali. In-nuqqas ta’ qbil ta’ parti jew ta’ tali persuna kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, indipendentment mill-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax, għaldaqstant, jikkostitwixxi fih innifsu raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Għaldaqstant, sa fejn it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tippermetti lil din tirrispondi għall-pożizzjoni meħuda mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tagħha, hija ma tistax tintlaqa’. |
32 |
Madankollu, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe ħin, u wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta parti tkun issottomettiet, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid li huwa tali li jkun ta’ influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew fejn il-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet jew il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
33 |
Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet l-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha l-elementi kollha li huma neċessarji sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li din il-kawża ma titlobx li tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-persuni kkonċernati. |
34 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
35 |
Ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu, l-ewwel nett, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli kollha kemm hi, għaliex il-Qorti Konċiljatorja li għamlet ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tistax titqies bħala qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, fl-assenza ta’ tlieta mill-kundizzjonijiet essenzjali f’dan ir-rigward. |
36 |
Fl-ewwel lok, ir-rekwiżit ta’ indipendenza ma huwiex osservat, b’mod partikolari, taħt it-tieni aspett tiegħu, ta’ natura interna, sa fejn il-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju għandha neċessarjament interess fis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali għaliex hija tagħmel parti mill-kategorija ta’ giudici di pace. Għaldaqstant, il-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju ma tistax titqies bħala imparzjali. |
37 |
Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda n-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni jsostnu, minn naħa, li l-allegazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jagħmlu parti mill-kuntest ta’ tilwima fil-qasam tad-dritt industrijali li tirrigwarda l-punt dwar jekk il-giudici di pace humiex ħaddiema u, min-naħa l-oħra, li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Konċiljatorja hija bbażata fuq diviżjoni, ipprojbita mid-dritt Taljan, tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-konfront tal-Istat Taljan. |
38 |
Fit-tielet lok, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni jqisu li, f’dan il-każ, in-natura kontradittorja tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas quddiem il-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju hija nieqsa. |
39 |
It-tieni nett, il-Kummissjoni tesprimi dubji, minn naħa, dwar in-neċessità tat-talba għal deċiżjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Hija tqis, fl-ewwel lok, li l-qorti tar-rinviju, filwaqt li affermat hija nnifisha, fil-punt 22 tad-deċiżjoni tar-rinviju, li rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex neċessarju, ma spjegatx b’mod ċar ir-raġunijiet li wassluha għal mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis, minn naħa, li t-tieni domanda ma hijiex imqajma sabiex tirrispondi dubju reali tal-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li t-tielet domanda ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
40 |
F’dan ir-rigward, għandha tiġi eżaminata, l-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-Qorti Konċiljatorja li għamlet dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tissodisfax il-kriterji sabiex titqies bħala qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
41 |
Din il-kwistjoni hija mqajma wkoll permezz tal-ewwel domanda li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi stabbilit jekk il-Qorti Konċiljatorja taqax taħt il-kunċett ta’ “qorti ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
42 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk il-korp ta’ rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-oriġini legali ta’ dan il-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt kif ukoll l-indipendenza tiegħu (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander,C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
F’dan il-każ, l-elementi li jinsabu fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li jiġu ddubitat il-fatt li l-Qorti Konċiljatorja tissodisfa l-kriterji marbuta mal-oriġini legali tagħha, il-permanenza tagħha u l-applikazzjoni, minnha, ta’ regoli tad-dritt. |
44 |
Min-naħa l-oħra, tqum, qabel kollox, il-kwistjoni dwar jekk hija tissodisfax il-kriterju ta’ indipendenza. Il-qorti tar-rinviju tesprimi, rigward l-indipendenza proprja tagħha, riżervi marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-giudici di pace Taljani. |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li hija inkorporata fil-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, sa fejn, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi attivitat biss minn istanza, li hija responsabbli sabiex tapplika d-dritt tal-Unjoni, li tissodisfa, b’mod partikolari, dan il-kriterju ta’ indipendenza (ta’ din is-sentenza21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
46 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “indipendenza” ikopri żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeżiġi li l-korp kkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’awtonomija sħiħa, mingħajr ma jkun suġġett għall-ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ kwalunke korp ieħor u mingħajr ma jirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, u b’hekk ikun protett mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jistgħu jikkompromettu l-indipendenza tas-sentenza mogħtija mill-membri tiegħu u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Fir-rigward ukoll tal-aspett estern tal-kunċett ta’ “indipendenza”, għandu jitfakkar li l-fatt li l-membri tal-korp ikkonċernat ma jistgħux jitneħħew jikkostitwixxi garanzija inerenti tal-indipendenza tal-imħallfin sa fejn huwa intiż sabiex jipproteġi l-persuna ta’ dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Il-prinċipju li persuni ma jistgħux jitneħħew, li l-importanza kardinali tiegħu għandha tiġi enfasizzata, jeżiġi, b’mod partikolari, li l-imħallfin ikunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu ta’ żmien determinat. Filwaqt li ma huwiex ta’ natura totalment assoluta, l-imsemmi prinċipju jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet biss bil-kundizzjoni li jkun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikaw dan, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk huwa normalment aċċettat li l-imħallfin ikunu jistgħu jitkeċċew jekk ma jkunux jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew minħabba nuqqas serju, permezz tal-osservanza ta’ proċeduri xierqa (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Għalhekk, il-garanzija li l-membri ta’ qorti ma jitneħħewx titlob li l-każijiet ta’ tkeċċija tal-membri ta’ dan il-korp jiġu ddeterminati permezz ta’ leġiżlazzjoni speċifika, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi espliċiti li joffru garanziji li jmorru lil hinn minn dawk previsti mir-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali li japplikaw fil-każ ta’ tkeċċija abbużiva (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
It-tieni aspett tal-kunċett ta’ “indipendenza”, ta’ natura interna, huwa konness mal-kunċett ta’ “imparzjalità” u huwa intiż għad-distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fis-suġġett tal-imsemmija tilwima. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kwalunkwe interess fis-soluzzjoni tat-tilwima lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeżiġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul ta’ żmien fil-kariga kif ukoll ir-raġunijiet għal astensjoni, għal rikuża u għal tkeċċija tal-membri tagħha, li għandhom ikunu xierqa sabiex jippermettu li l-partijiet fil-kawża ma jkollhom l-ebda dubju leġittimu dwar jekk l-imħallfin ikkonċernati jħallux lilhom infushom jiġu influwenzati minn fatturi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
52 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-ħatra tal-giudici di pace, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 374/1991, il-giudici di pace jinħatru permezz ta’ digriet tal-President tar-Repubblika Taljana, wara deliberazzjoni mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura fuq proposta mill-kunsill ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni fit-territorju, ikkompletat minn ħames rappreżentanti maħtura, bi ftehim komuni, mill-kunsilli tal-Kamra tal-Avukati u tal-prosekuturi tad-distrett tal-Qorti tal-Appell. |
53 |
Fir-rigward tat-tul ta’ żmien fil-kariga tal-giudici di pace, għandu jiġi osservat li mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn l-imħallfin għandhom mandat ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded, xħin dan jintemm, għall-istess tul ta’ żmien. Minbarra dan, il-giudici di pace jibqgħu, fil-prinċipju, fil-kariga sa tmiem il-mandat tagħhom ta’ erba’ snin, sakemm dan tal-aħħar ma jiġġeddidx. |
54 |
Fir-rigward tat-tkeċċija tal-giudici di pace, minn dan il-proċess jirriżulta li l-każijiet tat-tkeċċija tagħhom u l-proċeduri speċifiċi marbuta magħhom huma stabbiliti permezz tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi espliċiti fuq il-livell nazzjonali. |
55 |
Jidher, barra minn hekk, li l-giudici di pace jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom f’awtonomija sħiħa, suġġett għal regoli fil-qasam dixxiplinari, u mingħajr pressjonijiet esterni li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. |
56 |
Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ indipendenza kkunsidrat taħt it-tieni aspett tiegħu, ta’ natura interna, imsemmi fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondiet, diversi drabi, għal domandi preliminari rigward l-istatus tal-imħallfin, mingħajr ma esprimiet dubji rigward l-indipendenza tal-qrati tar-rinviju li għamlu dawn id-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et, C‑258/14, EU:C:2017:448; tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117; tas-7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel, C‑49/18, EU:C:2019:106, kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982). |
57 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 44 sa 56 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li r-rekwiżit ta’ indipendenza huwa ssodisfatt f’dan il-każ. |
58 |
Sussegwentement, tqum il-kwistjoni tan-natura obbligatorja tal-qorti tar-rinviju. |
59 |
Ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni esprimew dubji rigward il-ġurisdizzjoni tal-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn, minn naħa, l-allegazzjonijiet ifformulati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jagħmlu parti mill-kuntest ta’ tilwima fil-qasam tad-dritt industrijali li tirrigwarda l-punt dwar jekk il-giudici di pace humiex ħaddiema. Issa, f’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li huwa stabbilit li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex azzjoni fil-qasam tad-dritt industrijali, iżda azzjoni għal kumpens kontra l-Istat. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni ma jikkontestawx li l-giudici di pace ma humiex kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ azzjonijiet bħal dawn. |
60 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-allegata diviżjoni tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-codice di procedura civile (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), il-giudice di pace għandu ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ tilwim dwar beni mobbli li l-valur tagħhom ma jaqbiżx EUR 5000, meta ma jkunx assenjat bil-liġi għall-ġurisdizzjoni ta’ qorti oħra. Skont din l-istess deċiżjoni, l-Artikolu 4(43) tal-legge 12 novembre 2011, n. 183 (il-Liġi Nru 183, tat-12 ta’ Novembru 2011), ma jipprevedi l-ebda riżerva fir-rigward tal-ġurisdizzjoni materjali, u, għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali intiża għall-ksib ta’ ordni għal ħlas kontra l-Gvern Taljan saret korrettament fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju abbażi tal-valur u tal-ġurisdizzjoni territorjali ta’ din. |
61 |
F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja la li tikkontesta l-evalwazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża prinċipali, li jaqa’, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali, u lanqas li tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju tteħditx b’mod konformi mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarji (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 30, kif ukoll id-digriet tas-17 ta’ Jannar 2019, Rossi et, C‑626/17, mhux ippubblikat, EU:C:2019:28, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għad-deċiżjoni tar-rinviju maħruġa minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm ma tkunx ġiet irrevokata fil-kuntest tar-rimedji li jistgħu jkunu previsti mid-dritt nazzjonali (sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2016, Genentech, C‑567/14, EU:C:2016:526, punt 23, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 24). |
62 |
Għandu jingħad ukoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tali sitwazzjoni hija distinta minn dawk inkwistjoni, b’mod partikolari, fil-kawża li tat lok għad-digrieti tas-6 ta’ Settembru 2018, Di Girolamo (C‑472/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:684), u tas-17 ta’ Diċembru 2019, Di Girolamo (C‑618/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1090), fejn il-qorti tar-rinviju kienet indikat b’mod ċar li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba magħmula quddiemha. |
63 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura kontradittorja tal-proċedura pendenti quddiem il-qorti li qiegħda tagħmel ir-rinviju, biżżejjed jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE ma jissuġġettax ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kundizzjoni tan-natura kontradittorja tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju. Min-naħa l-oħra, minn dan l-artikolu jirriżulta li l-qrati nazzjonali jistgħu jagħmlu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk tilwima tkun pendenti quddiemhom u jekk huma msejħa sabiex jiddeċiedu fil-kuntest ta’ proċedura intiża sabiex twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 56, u tal-4 ta’ Settembru 2019, Salvoni, C‑347/18, EU:C:2019:661, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. |
64 |
Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li talba għal deċiżjoni preliminari tista’ wkoll tiġi indirizzata lilha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni għal ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1971, Politi, 43/71, EU:C:1971:122, punti 4 u 5 kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France, C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 23). |
65 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandhom jiġu esklużi d-dubji espressi mill-Kummissjoni u mill-Gvern Taljan u għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Konċiljatorja tissodisfa l-kriterji sabiex titqies bħala “qorti ta’ ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. |
66 |
It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda n-neċessità tat-talba għal deċiżjoni preliminari u r-rilevanza tad-domandi magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bit-tilwima u li hija responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tevalwa, fid-dawl tal-aspetti partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-prinċipju, hija marbuta li tiddeċiedi (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
67 |
Għaldaqstant id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema), C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult, C‑101/16, EU:C:2017:775, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
68 |
Għalhekk, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju tikkostitwixxi l-bażi tal-proċedura segwita quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din id-deċiżjoni, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih tinsab it-tilwima fil-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 73, kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Jannar 2020, Telecom Italia et, C‑368/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:21, punt 37). |
69 |
Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi rigward il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni jinsabu b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura. Minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi “espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali”. |
70 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta b’mod ċar mill-punt 22 tad-deċiżjoni tagħha li, f’dak il-punt, il-qorti tar-rinviju sempliċement tippreżenta l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jgħid li huwa possibbli li tintlaqa’ t-talba tagħha mingħajr ma jsiru domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja u bl-ebda mod ma tafferma li rinviju għal deċiżjoni preliminari ma huwiex neċessarju sabiex tiġi deċiża t-tilwima mressqa quddiemha. |
71 |
Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punti 32 u 33 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jiġi enfasizzat, fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, li din ma hijiex irrilevanti sa fejn, permezz ta’ din id-domanda, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tistax titlob danni minħabba r-rifjut ta’ leave mħallas, il-qorti tar-rinviju titlob kjarifika dwar il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-ftehim qafas sabiex jiġi ddeterminat jekk huma japplikawx għall- giudici di pace Taljani. |
72 |
Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn id-domandi jeżiġu kjarifika. |
73 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat, fir-rigward tat-tielet domanda, li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax ir-responsabbiltà personali tal-imħallfin, iżda talba għal kumpens għal leave mħallas. Il-qorti tar-rinviju ma spjegatx kif interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta hija neċessarja sabiex hija tiddeċiedi u lanqas ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn id-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
74 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju bl-ebda mod ma jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tista’ tinżamm responsabbli għal aġir doluż jew nuqqas serju. |
75 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli bl-eċċezzjoni tat-tielet domanda. |
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel domanda
76 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti Konċiljatorja taqa’ taħt il-kunċett ta’ “qorti ta’ Stat Membru”, fis-sens ta’ dan l-artikolu. |
77 |
Hawnhekk, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 42 sa 65 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li dan huwa l-każ. Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Qorti Konċiljatorja taqa’ taħt il-kunċett ta’ “qorti ta’ Stat Membru”, fis-sens ta’ dan l-artikolu. |
Fuq it-tieni domanda
78 |
B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li t-tieni domanda għandha tliet aspetti distinti intiżi sabiex jiġi evalwat eventwali dritt tal-giudici di pace li jibbenefikaw minn leave mħallas abbażi tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, din id-domanda tirrigwarda, qabel kollox, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-Direttiva 2003/88, sabiex jiġi stabbilit jekk giudice di pace, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jistax jaqa’ taħt dan il-kunċett, sa fejn l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex kull ħaddiem jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat. L-imsemmija domanda tirreferi, imbagħad, għall-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-ftehim qafas. Fl-aħħar nett, jekk il-kunċett imsemmi l-aħħar kellu jkopri l-giudice di pace, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwa jistax jiġi pparagunat mal-membri tal-ġudikatura ordinarji għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-klawżola 4 ta’ dan il-ftehim qafas, li jibbenefikaw minn leave annwali mħallas addizzjonali, ta’ 30 jum b’kollox. |
– Fuq id-Direttiva 2003/88
79 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li giudice di pace, li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod prinċipali u li jirċievi kumpens marbut mas-servizzi mwettqa kif ukoll kumpens għal kull xahar ta’ servizz effettiv, jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
80 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk din id-direttiva hijiex applikabbli f’dan il-każ. |
81 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2003/88 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din billi jirreferi għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391. |
82 |
Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/391, din tapplika għas-“setturi ta’ attività kollha, kemm pubbliċi u kemm privati”. |
83 |
Madankollu, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, din ma hijiex applikabbli meta aspetti partikolari inerenti f’ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizz pubbliku, b’mod partikolari fil-forzi armati jew fil-pulizija, jew għal ċerti attivitajiet speċifiċi fis-servizzi ta’ protezzjoni ċivili, jipprekludu dan b’mod imperattiv. |
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju użat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 sabiex jiġu esklużi ċerti attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u, indirettament, minn dak tad-Direttiva 2003/88 huwa bbażat, mhux fuq l-appartenenza tal-ħaddiema f’wieħed mis-setturi tas-servizz pubbliku msemmija f’din id-dispożizzjoni, meqjus fil-globalità tiegħu, iżda esklużivament fuq in-natura speċifika ta’ ċerti kompiti partikolari eżerċitati mill-ħaddiema tas-setturi msemmija minn din id-dispożizzjoni, natura li tiġġustifika eċċezzjoni mir-regoli fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, minħabba n-neċessità assoluta li tiġi ggarantita protezzjoni effettiva tal-komunità (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 55). |
85 |
F’dan il-każ, minkejja li l-attività ġudizzjarja tal-giudice di pace ma tissemmiex b’mod espliċitu fl-eżempji ċċitati fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/391, hija tagħmel parti mis-settur pubbliku ta’ attività. Għalhekk, hija taqa’, fil-prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/391 u tad-Direttiva 2003/88. |
86 |
Barra minn hekk, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, ma hemmx ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 fir-rigward tal-giudici di pace u għall-esklużjoni globali tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ direttivi. |
87 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li d-Direttiva 2003/88 hija applikabbli fil-kawża prinċipali. |
88 |
Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88, l-interpretazzjoni li tingħata lill-kunċett ta’ “ħaddiem” ma tistax tvarja skont id-dritt nazzjonali, iżda dan il-kunċett għandu portata awtonoma speċifika għad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 25, u tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
89 |
Din il-konstatazzjoni hija neċessarja wkoll għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, u tal-Artikolu 31(2) tal-Karta sabiex tiġi ggarantita l-uniformità tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dritt għal leave mħallas tal-ħaddiema (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 26). |
90 |
L-imsemmi kunċett għandu jiġi ddefinit skont kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol fid-dawl tad-drittijiet u tal-obbligi tal-persuni kkonċernati (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
91 |
Fil-kuntest tal-klassifikazzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ “ħaddiem”, li fl-aħħar mill-aħħar għandha ssir mill-qorti nazzjonali, din għandha tibbaża ruħha fuq il-kriterji oġġettivi u għandha tevalwa globalment iċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża mressqa quddiemha, li jirrigwardaw in-natura kemm tal-attivitajiet ikkonċernati kif ukoll tar-relazzjoni bejn il-partijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère, C‑428/09, EU:C:2010:612, punt 29). |
92 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tindika lill-qorti tar-rinviju l-prinċipji u l-kriterji li din għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha. |
93 |
Għaldaqstant għandu jitfakkar, minn naħa, li għandha titqies bħala “ħaddiem” kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet tant żgħar li jkunu purament marġinali u anċillari (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 27). |
94 |
Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li persuna tipprovdi, matul ċertu żmien, għal persuna oħra u taħt id-direzzjoni ta’ din, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi remunerazzjoni (sentenza tal-20 novembre 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
95 |
Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda s-servizzi pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali inkwantu giudice di pace, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn huma reali u effettivi u li, barra minn hekk, hija tipprovdihom b’mod prinċipali. B’mod partikolari, matul ċertu żmien, f’dan il-każ matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2017 u t-30 ta’ Ġunju 2018, hija, minn naħa, qatgħet, bħala mħallef tal-qorti kriminali, 478 sentenza kif ukoll 1326 digriet u, min-naħa l-oħra żammet seduti darbtejn fil-ġimgħa. Dawn is-servizzi ma jidhrux li huma purament marġinali u anċillari. |
96 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, f’dak li jirrigwarda n-natura tar-relazzjoni ġuridika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ liema r-rikorrenti fil-kawża prinċipali teżerċita l-funzjonijiet tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li n-natura ġuridika sui generis ta’ relazzjoni ta’ impjieg taħt id-dritt nazzjonali ma jistax ikollha konsegwenzi fuq il-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Fenoll, C‑316/13, EU:C:2015:200, punt 31). |
97 |
Sussegwentement, fir-rigward tar-remunerazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk is-somom rċevuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitħallsux lilha b’korrispettiv għall-attività professjonali tagħha. |
98 |
F’dan ir-rigward, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-giudici di pace jirċievu kumpens marbut mas-servizzi li huma jipprovdu, li jammonta għal EUR 35 jew 55, suġġett għall-istess taxxi bħar-remunerazzjoni ta’ ħaddiem ordinarju. B’mod partikolari, dawn jibbenefikaw minn tali kumpens għal kull seduta ċivili jew kriminali, anki jekk ma tkunx seduta għat-trattazzjoni, u għat-tqegħid ta’ siġilli, kif ukoll għal kwalunkwe proċedura oħra assenjata u magħluqa jew mħassra mil-lista. Barra minn hekk, dawn l-imħallfin jirċievu kumpens għal kull xahar ta’ servizz effettiv fil-forma ta’ rimbors għal spejjeż ta’ taħriġ, spejjeż ta’ taħriġ mill-ġdid u spejjeż ġenerali tal-funzjoni. |
99 |
Filwaqt li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-funzjonijiet ta’ giudice di pace huma “onorarji” u xi wħud mis-somom imħallsa huma fil-forma ta’ kumpens għal rimbors ta’ spejjeż, jibqa’ l-fatt li l-volum ta’ xogħol imwettaq mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, is-somom rċevuti minn din tal-aħħar għal dan ix-xogħol huma importanti. Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2017 u t-30 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għalqet madwar 1800 proċedura. |
100 |
Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-funzjonijiet ta’ giudice di pace huma kklassifikati bħala “onorarji” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jfissirx li l-benefiċċji finanzjarji li giudice di pace jirċievi għandhom jitqiesu li ma humiex ta’ natura remuneratorja. |
101 |
Barra minn hekk, minkejja li huwa minnu li r-remunerazzjoni għas-servizzi pprovduti tikkostitwixxi karatteristika fundamentali tar-relazzjoni ta’ xogħol, jibqa’ l-fatt li la l-livell limitat ta’ din ir-remunerazzjoni u lanqas l-oriġini tar-riżorsi għal din tal-aħħar ma jista’ jkollhom konsegwenzi fuq il-kwalità ta’ “ħaddiem”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Mattern u Cikotic, C‑10/05, EU:C:2006:220, punt 22, kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 27). |
102 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-evalwazzjoni tal-fatti, li għalihom hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fl-aħħar mill-aħħar, jekk l-ammonti rċevuti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha ta’ giudice di pace, humiex ta’ natura remuneratorja tali li jagħtuha vantaġġ materjali u li jiżgurawlha mezz ta’ għajxien. |
103 |
Fl-aħħar nett, relazzjoni ta’ xogħol tippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah. L-eżistenza ta’ tali rabta għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari abbażi tal-elementi kollha u abbażi taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
104 |
Ċertament, huwa inerenti fil-kariga tal-imħallfin li dawn għandhom jiġu protetti mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jkollhom mnejn jikkompromettu l-indipendenza tagħhom fl-eżerċizzju tal-attivitajiet ġudizzjarji tagħhom u fil-kompitu ta’ teħid ta’ deċiżjoni. |
105 |
Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali osservat, fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tagħha, dan ir-rekwiżit ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tal-giudici di pace bħala “ħaddiema”. |
106 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-imħallfin huma suġġetti għal regoli ta’ servizz u li huma jistgħu jitqiesu bħala ħaddiema bl-ebda mod ma jippreġudika l-prinċipju ta’ indipendenza tal-poter ġudizzjarju u s-setgħa tal-Istati Membri li jipprevedu l-eżistenza ta’ status partikolari li jirregola l-korp tal-ġudikatura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 47). |
107 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li s-sempliċi fatt li, f’dan il-każ, il-giudici di pace huma suġġetti għas-setgħa dixxiplinari eżerċitata mill-Consiglio superiore della magistratura (il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, l-Italja, iktar ’il quddiem iċ-“CSM”), ma huwiex suffiċjenti sabiex huma jitqiesu li jinsabu, fir-rigward ta’ persuna li timpjega, f’relazzjoni ġuridika ta’ subordinazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Il-Baxxi,235/85, EU:C:1987:161, punt 14), dan il-fatt għandu, madankollu, jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-fatti kollha fil-kawża prinċipali. |
108 |
B’dan il-mod, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-mod kif huwa organizzat ix-xogħol tal-giudici di pace. |
109 |
F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minkejja li huma jistgħu jorganizzaw ix-xogħol tagħhom b’mod iktar flessibbli mill-membri ta’ professjonijiet oħra, il-giudici di pace huma mistennija li josservaw tabelli li jindikaw il-kompożizzjoni tal-Qorti Konċiljatorja li huma jagħmlu parti minnha, tabelli li jirregolaw fid-dettall u b’mod vinkolanti l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħhom, inklużi l-assenjazzjoni tal-fajls, id-dati u l-ħinijiet tas-seduti. |
110 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-giudici di pace għandhom josservaw l-istruzzjonijiet tal-Capo dell’Ufficio (il-Kap tal-Uffiċċju, Superjur Ġerarkiku, l-Italja). Dawn l-imħallfin huma obbligati wkoll josservaw deċiżjonijiet speċjali u ġenerali ta’ organizzazzjoni taċ-CSM. |
111 |
Il-qorti tar-rinviju żżid li l-imsemmija mħallfin għandhom ikunu disponibbli b’mod kostanti u huma suġġetti, fil-qasam dixxiplinari, għal obbligi analogi għal dawk tal-membri professjonali tal-ġudikatura. |
112 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-giudici di pace jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ relazzjoni ġuridika ta’ subordinazzjoni fuq il-livell amministrattiv, li ma taffettwax l-indipendenza tagħhom fil-kompitu ta’ teħid ta’ deċiżjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
113 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u l-Artikolu 31(2) tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li giudice di pace, li, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, jipprovdi servizzi reali u effettivi, li ma jkunu la purament marġinali u lanqas anċillari, u li għalihom huwa jirċievi kumpens li jkun ta’ natura remuneratorja, jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
– Fuq il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-ftehim qafas
114 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li giudice di pace, maħtur għal perijodu limitat, li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod prinċipali u li jirċievi kumpens marbut mas-servizzi pprovduti kif ukoll allowances għal kull xahar ta’ servizz effettiv, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
115 |
F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din huwa wiesa’, peress li huwa jkopri b’mod ġenerali l-“ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema għal żmien determinat” fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-ftehim qafas, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li magħha huma marbuta, u indipendentement mill-klassifikazzjoni tal-kuntratt tagħhom taħt id-dritt nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 108). |
116 |
Il-ftehim qafas japplika, għaldaqstant, għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi rremunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom, sakemm dawn ikunu marbuta b’kuntratt jew b’relazzjoni ta’ xogħol, fis-sens tad-dritt nazzjonali, u bl-unika kundizzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri permezz tal-klawżola 2(2) tal-ftehim qafas fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol kif ukoll bl-esklużjoni, skont ir-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas, tal-ħaddiema temporanji (sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 109). |
117 |
Minkejja li, kif jirriżulta mill-premessa 17 tad-Direttiva 1999/70 u mill-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas, din id-direttiva tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu t-termini “kuntratt ta’ xogħol” jew “relazzjoni ta’ xogħol” użati f’din il-klawżola b’mod konformi mad-dritt nazzjonali u/jew mal-prattiki nazzjonali, jibqa’ l-fatt li s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddefinixxu tali kunċetti ma hijiex mingħajr limiti. Fil-fatt, tali termini jistgħu jiġu ddefiniti b’mod konformi mad-dritt nazzjonali u/jew mal-prattiki nazzjonali bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-effett utli ta’ din id-direttiva u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 34). |
118 |
F’dan il-kuntest, is-sempliċi fatt li attività professjonali, li l-eżerċizzju tagħha jagħti vantaġġ materjali, tkun ikklassifikata bħala “onorarja” taħt id-dritt nazzjonali huwa irrilevanti, f’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tal-ftehim qafas, inkella jiġu kompromessi b’mod serju l-effett utli tad-Direttiva 1999/70 u dak tal-ftehim qafas kif ukoll l-applikazzjoni uniformi ta’ dawn fl-Istati Membri, billi dawn tal-aħħar jingħataw il-possibbiltà li jeskludu, fid-diskrezzjoni tagħhom, ċerti kategoriji ta’ persuni mill-benefiċċju tal-protezzjoni intiża minn dawn l-istrumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 29 u tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 36). |
119 |
Kif tfakkar fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas huma applikabbli għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi rremunerati fil-kuntest ta’, relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom. |
120 |
Madankollu, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 95, 98 u 99 ta’ din is-sentenza kif ukoll mit-talba għal deċiżjoni preliminari, jidher li giudice di pace bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jipprovdi f’din il-kapaċità servizzi reali u effettivi, li ma huma la purament marġinali u lanqas anċillari, u li jagħtu lok, b’korrispettiv, għal kumpens għal kull servizz u kull xahar, li n-natura remuneratorja tiegħu ma tistax tiġi eskluża. |
121 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehim qafas ma jeskludi l-ebda settur partikolari u li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-ftehim huma intiżi sabiex japplikaw għall-kuntratti kif ukoll għar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u mal-entitatjiet l-oħra tas-settur pubbliku (digriet tad-19 ta’ Marzu 2019, CCOO, C‑293/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:224, punt 30). |
122 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fatt li, f’dan il-każ, il-giudici di pace għandhom kariga ġudizzjarja ma huwiex suffiċjenti, inkwantu tali, sabiex jeskludihom mill-benefiċċju tad-drittijiet previsti minn dan il-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 41). |
123 |
Fil-fatt, min-neċessità li jiġi protett l-effett utli tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mill-imsemmi ftehim qafas jirriżulta li tali esklużjoni tista’ tiġi ammessa biss, għaliex inkella titqies bħala arbitrarja, jekk in-natura tar-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni tkun sostanzjalment differenti minn dik li torbot l-impjegati li jaqgħu, skont id-dritt nazzjonali, taħt il-kategorija ta’ ħaddiema, u l-persuni li jimpjegawhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 42). |
124 |
Fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn ir-relazzjoni li torbot lill-giudici di pace mal-Ministeru għall-Ġustizzja hija, min-natura tagħha, sostanzjalment differenti minn relazzjoni ta’ xogħol li torbot persuna li timpjega ma’ ħaddiem. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, tindika lill-qorti tar-rinviju ċerti prinċipji u kriterji li din tal-aħħar għandha tieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 43). |
125 |
F’dan ir-rigward, fl-eżami intiż sabiex jiġi stabbilit jekk in-natura tal-imsemmija relazzjoni hijiex sostanzjalment differenti minn dik tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot l-impjegati li jaqgħu, skont id-dritt nazzjonali, taħt il-kategorija ta’ ħaddiema u l-persuni li jimpjegawhom, il-qorti tar-rinviju għandha, skont l-ispirtu u l-għan tal-ftehim qafas, tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntrast bejn din il-kategorija u dik ta’ dawk li jaħdmu għal rashom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10, EU:C:2012:110, punt 44). |
126 |
F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet għall-ħatra u għat-tkeċċija tal-giudici di pace, iżda wkoll il-mod kif xogħolhom huwa organizzat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, O’Brien, C‑393/10,EU:C:2012:110, punt 45). |
127 |
F’dak li jirrigwarda l-giudici di pace, l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 374/1991 jipprevedi li dawn l-imħallfin jinħatru permezz ta’ digriet tal-President tar-Repubblika Taljana, wara deliberazzjoni mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura fuq proposta mill-kunsill ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni fit-territorju, ikkompletat minn ħames rappreżentanti maħtura, bi ftehim komuni, mill-kunsilli tal-Kamra tal-Avukati u tal-prosekuturi tad-distrett tal-Qorti tal-Appell. |
128 |
Madankollu, ma huwiex deċiżiv, f’dan ir-rigward, il-fatt li dawn ir-relazzjonijiet ta’ xogħol ġew stabbiliti permezz ta’ digriet Presidenzjali minħabba l-istatus pubbliku tal-persuna li timpjega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 115). |
129 |
Fir-rigward tat-tkeċċija tal-giudici di pace, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li l-każijiet tat-tkeċċija tagħhom u l-proċeduri speċifiċi marbuta ma’ dawn huma stabbiliti permezz tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi espliċitu fuq il-livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-modalitajiet għat-tkeċċija tal-giudici di pace stabbiliti fuq il-livell nazzjonali jirrendux ir-relazzjoni li torbot lill-giudici di pace mal-Ministeru għall-Ġustizzja sostanzjalment differenti minn relazzjoni ta’ xogħol li torbot persuna li timpjega ma’ ħaddiem. |
130 |
Fir-rigward tal-mod kif huwa organizzat ix-xogħol tal-giudici di pace u, b’mod iktar partikolari, jekk dawn l-imħallfin jeżerċitawx il-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ relazzjoni ġuridika ta’ subordinazzjoni, kif jirriżulta mill-punti 107 sa 112 ta’ din is-sentenza, għalkemm jidher li l-imsemmija mħallfin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ tali relazzjoni ġuridika, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan. |
131 |
Fir-rigward tal-punt dwar jekk ir-relazzjoni li torbot il-giudici di pace mal-Ministeru għall-Ġustizzja hijiex għal żmien determinat, mill-kliem tal-klawżola 3(1) tal-ftehim qafas jidher li kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat huma kkaratterizzati mill-fatt li t-tmiem tal-imsemmi kuntratt jew tal-imsemmija relazzjoni ta’ xogħol “hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku” (digriet tad-19 ta’ Marzu 2019, CCOO, C‑293/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:224, punt 31). |
132 |
Fil-kawża prinċipali, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-mandat tal-giudici di pace huwa limitat għal perijodu ta’ erba’ snin, li jista’ jiġġedded. |
133 |
Għaldaqstant, jidher li, f’dan il-każ, ir-relazzjoni li torbot il-giudici di pace mal-Ministeru għall-Ġustizzja hija għal żmien determinat. |
134 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-klawżola 2(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, jista’ jinkludi giudice di pace, maħtur għal perijodu limitat, li, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, jipprovdi servizzi reali u effettivi, li ma jkunu la purament marġinali u lanqas anċillari, u li għalihom huwa jirċievi kumpens li jkun ta’ natura remuneratorja, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
– Fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fis-sens tal-ftehim qafas
135 |
Permezz tat-tielet parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix id-dritt għal giudice di pace li jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ 30 jum, bħal dak previst għall-membri tal-ġudikatura ordinarji, fil-każ li fih dan il-giudice di pace jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 2(1) ta’ dan il-ftehim qafas. |
136 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tipprevedi projbizzjoni ta’ trattament, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg, tal-ħaddiema għal żmien determinat li jkun inqas favorevoli minn dak tal-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, biss għar-raġuni li huma jeżerċitaw attività taħt kuntratt għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi. |
137 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi applikat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għall-ħaddiema għal żmien determinat b’mod li jiġi prekluż li relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura tintuża minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma mogħtija lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punt 35). |
138 |
Fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-ftehim qafas, il-klawżola 4 ta’ dan għandha tinftiehem fis-sens li hija tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod strett (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 41). |
139 |
F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li d-differenza fit-trattament invokata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinsab fil-fatt li l-membri tal-ġudikatura ordinarji għandhom dritt għal 30 jum ta’ leave annwali mħallas, filwaqt li l-giudici di pace ma għandhomx tali dritt. |
140 |
Fit-tieni lok, għandu jitqies li d-drittijiet għal leave annwali mħallas mogħtija lill-ħaddiema jaqgħu, mingħajr ebda dubju, taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas. |
141 |
Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tiegħu l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas tikkostitwixxi espressjoni partikolari, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
142 |
F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u mogħti forma konkreta mill-ftehim qafas biss f’dak li jirrigwarda d-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
143 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-ftehim qafas, għandu, skont il-klawżola 3(2), u l-klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim qafas, jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ sett ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
144 |
F’dan ir-rigward, jekk huwa stabbilit li, meta huma kienu impjegati, il-ħaddiema għal żmien determinat kienu jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-ħaddiema impjegati mill-istess persuna li timpjega għal żmien indeterminat jew kienu jokkupaw l-istess pożizzjoni bħal dawn, hemm lok, fil-prinċipju, li s-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jitqiesu bħala komparabbli (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2020, Baldonedo Martín, C‑177/18, EU:C:2020:26, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
145 |
F’dan il-każ, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’, inkwantu giudice di pace, titqies bħala komparabbli għal togato (membru tal-ġudikatura ordinarju) li jkun għadda mit-tielet evalwazzjoni ta’ kapaċità professjonali u li jkun kiseb mill-inqas erbatax‑il sena ta’ anzjanità, peress li hija eżerċitat attività ġudizzjarja ekwivalenti għal dik ta’ membru tal-ġudikatura ordinarju, u kellha l-istess responsabbiltajiet fuq il-livell amministrattiv, dixxiplinari u fiskali u peress li hija kompliet tkun inkluża fit-tabella tal-persunal tal-uffiċċji fejn hija ħadmet, u rċeviet l-benefiċċji finanzjarji previsti fl-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 374/1991. |
146 |
B’mod iktar partikolari, mill-proċess jirriżulta li, l-istess bħal membru tal-ġudikatura ordinarju, il-giudice di pace huwa, l-ewwel nett, imħallef li jagħmel parti mis-sistema ġudizzjarja Taljana u li jeżerċita funzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili u kriminali kif ukoll funzjoni ta’ konċiljazzjoni fil-qasam ċivili. It-tieni nett, skont l-Artikolu 10(1) tal-Liġi Nru 374/1991, il-giudice di pace huwa marbut bid-dmirijiet li huma imposti fuq il-membri tal-ġudikatura ordinarji. It-tielet nett, il-giudice di pace, l-istess bħal membru tal-ġudikatura ordinarju, huwa mistenni li josserva t-tabelli li jindikaw il-kompożizzjoni tal-Qorti Konċiljatorja li huma jagħmel parti minnha, tabelli li jirregolaw fid-dettall u b’mod vinkolanti l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħhom, inklużi l-assenjazzjoni tal-fajls, id-dati u l-ħinijiet tas-seduti. Ir-raba’ nett, kemm il-membru tal-ġudikatura ordinarju kif ukoll il-giudice di pace huma marbuta li josservaw l-istruzzjonijiet tal-Kap tal-Uffiċċju kif ukoll id-deċiżjonijiet speċjali u ġenerali ta’ organizzazzjoni taċ-CSM. Il-ħames nett, il-giudice di pace għandu, l-istess bħal membru tal-ġudikatura ordinarju, ikun disponibbli b’mod kostanti. Is-sitt nett, fil-każ li jonqos mid-dmirijiet tiegħu ta’ etika u tas-servizz, il-giudice di pace huwa suġġett, bħal membru tal-ġudikatura ordinarju, għas-setgħa dixxiplinari taċ-CSM. Is-seba’ nett, il-giudice di pace huwa suġġett għall-istess kriterji rigorużi li huma applikabbli għall-evalwazzjonijiet ta’ kapaċità tal-membru tal-ġudikatura ordinarju. It-tmien nett, giudice di pace huwa suġġett għall-istess regoli fil-qasam ta’ responsabbiltà ċivili u ta’ dannu finanzjarju kkawżat lill-Istat, bħal dawk li l-liġi tipprevedi għall-membru tal-ġudikatura ordinarju. |
147 |
Madankollu, fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ giudice di pace, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li t-tilwim irriżervat għall-ġudikatura onorarja u, b’mod partikolari, għall-giudici di pace, ma għandux il-kumplessità li għandu t-tilwim assenjat lill-membri tal-ġudikatura ordinarji. Il-giudici di pace jittrattaw prinċipalment kawżi ta’ inqas importanza, filwaqt li l-membri tal-ġudikatura ordinarji li huma sedenti f’istanzi superjuri jittrattaw kawżi ta’ importanza u ta’ kumplessità ikbar. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni Taljana, il-giudici di pace jistgħu jaġixxu fil-kwalità ta’ mħallef uniku u ma jistgħux għaldaqstant jiġu assenjati fi qrati b’iktar minn membru wieħed. |
148 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tistabbilixxi, fl-aħħar mill-aħħar, jekk giudice di pace, bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ membru tal-ġudikatura ordinarju li jkun għadda mit-tielet evalwazzjoni ta’ kapaċità professjonali u li jkun kiseb mill-inqas erbatax‑il sena ta’ anzjanità matul l-istess perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
149 |
Jekk jiġi stabbilit li giudice di pace bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-membri tal-ġudikatura ordinarji huma komparabbli, ikun għadu neċessarju li jiġi vverifikat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika differenza fit-trattament bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
150 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, għandu jinftiehem fis-sens li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat abbażi tal-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola ġenerali jew astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
151 |
L-imsemmi kunċett jeżiġi, skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata bl-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest speċifiku li fih hija tinsab u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax bżonn ġenwin, hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura speċifika tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ġew konklużi kuntratti għal żmien determinat u karatteristiċi inerenti f’dawn jew, jekk ikun il-każ, mill-fatt li qiegħed jiġi segwit għan leġittimu ta’ politika soċjali minn Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
152 |
Ir-riferiment għas-sempliċi natura temporanja ta’ impjieg ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti u ma tistax għaldaqstant tikkostitwixxi “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 4(1) jew (4) tal-ftehim qafas. Fil-fatt, jekk jiġi aċċettat li s-sempliċi natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat, dan ikun ineħħi l-essenza tal-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 kif ukoll tal-ftehim qafas u jkun jammonta għal tkomplija ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 38). |
153 |
Is-sempliċi fatt li l-ħaddiem għal żmien determinat ikun ikkkompleta l-imsemmija perijodi ta’ servizz abbażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat ma jikkostitwixxix tali raġuni oġġettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 39). |
154 |
F’dan il-każ, sabiex jiġġustifika d-differenza fit-trattament allegata fil-kawża prinċipali, il-Gvern Taljan isostni li l-eżistenza ta’ kompetizzjoni inizjali maħsuba speċifikament għall-membri tal-ġudikatura ordinarji għall-finijiet tal-aċċess għall-ġudikatura, li ma hijiex inerenti fil-ħatra tal-giudici di pace, tikkostitwixxi raġuni oġġettiva. Fil-fatt, dan il-gvern iqis li l-kompetenza tal-giudici di pace hija differenti minn dik tal-membri tal-ġudikatura ordinarji ingaġġati abbażi ta’ kompetizzjoni. B’mod differenti minn dawn tal-aħħar, f’dak li jirrigwarda n-natura partikolari tal-kompiti u tal-karatteristiċi inerenti tagħhom, il-giudici di pace huma inkarigati b’tilwim li l-livell ta’ kumplessità u l-volum tagħhom ma jikkorrispondux għal dawk tal-kawżi tal-membri tal-ġudikatura ordinarji. |
155 |
Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, kemm mil-lat kwalitattiv kif ukoll mil-lat kwantitattiv, il-Gvern Taljan iqis iġġustifikat li l-giudici di pace u l-membri tal-ġudikatura ordinarji jiġu ttrattati b’mod differenti. |
156 |
F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri, fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, dawn jistgħu, fil-prinċipju, mingħajr ma jmorru kontra d-Direttiva 1999/70 u lanqas kontra l-ftehim qafas, jipprevedu kundizzjonijiet għall-aċċess għall-ġudikatura kif ukoll kundizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli kemm għall-membri tal-ġudikatura ordinarji kif ukoll għall-giudici di pace (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 43). |
157 |
Madankollu, minkejja din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji li l-Istati Membri jistabbilixxu għandha ssir b’mod trasparenti u għandha tkun tista’ tiġi mistħarrġa sabiex jiġi prekluż kull trattament sfavorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat fuq is-sempliċi bażi tat-tul ta’ żmien tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jiġġustifikaw l-anzjanità tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 44). |
158 |
Meta tali trattament differenti jirriżulta min-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti oġġettivi marbuta mal-impjieg li l-proċedura ta’ reklutaġġ hija intiża li timla u li ma jkollhomx x’jaqsmu mat-tul determinat tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-ħaddiem mal-persuna li timpjegah, dan jista’ jiġi ġġustifikat, fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew (4) tal-ftehim qafas (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 45). |
159 |
F’dan ir-rigward, għandu jitqies li ċerti differenzi fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien indeterminat irreklutati wara kompetizzjoni u ħaddiema għal żmien determinat irreklutati wara proċedura differenti minn dik prevista għall-ħaddiema għal żmien indeterminat jistgħu, fil-prinċipju, ikunu ġġustifikati abbażi tad-differenzi fil-kwalifiki meħtieġa u n-natura tal-kompiti li għalihom għandhom ikunu responsabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 46). |
160 |
L-għanijiet allegati mill-Gvern Taljan, jiġifieri li jiġu riflessi d-differenzi fl-eżerċizzju professjonali bejn giudice di pace u membru tal-ġudikatura ordinarju, jistgħu għaldaqstant jitqiesu li jikkostitwixxu “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew (4) tal-ftehim qafas, sakemm ikunu jissodisfaw bżonn ġenwin, ikunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit u jkunu neċessarji għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Motter, C‑466/17, EU:C:2018:758, punt 47). |
161 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li d-differenzi bejn il-proċeduri għar-reklutaġġ tal-giudici di pace u tal-membri tal-ġudikatura ordinarji ma jeżiġux neċessarjament li l-giudici di pace jiġu mċaħħda minn leave annwali mħallas, li jikkorrispondi għal dak previst għall-membri tal-ġudikatura ordinarji, jibqa’ l-fatt li dawn id-differenzi u, b’mod partikolari, l-importanza speċjali mogħtija mill-ordinament ġuridiku nazzjonali u, b’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 106(1) tal-Kostituzzjoni Taljana, lill-kompetizzjonijiet maħsuba b’mod speċifiku għall-finijiet tar-reklutaġġ tal-membri tal-ġudikatura ordinarji, donnhom jindikaw natura partikolari tal-kompiti li għalihom dawn tal-aħħar huma responsabbli u livell differenti tal-kwalifiki mitluba għall-finijiet tat-twettiq ta’ dawn il-kompiti. F’kull każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, għal dan il-għan, l-elementi kwalitattivi u kwantitattivi disponibbli rigward il-funzjonijiet eżerċitati mill-giudici di pace u mill-membri tal-ġudikatura professjonali, l-irbit ta’ ħin u l-obbligi li għalihom huma suġġetti kif ukoll, b’mod ġenerali, iċ-ċirkustanzi u l-fatti kollha li huma rilevanti. |
162 |
Suġġett għall-verifiki li jaqgħu taħt l-unika ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, jidher li l-għanijiet invokati mill-Gvern Taljan f’dan il-każ, jiġifieri li jiġu riflessi d-differenzi fl-eżerċizzju professjonali bejn giudici di pace u membri tal-ġudikatura professjonali, jistgħu jkunu tali li jissodisfaw bżonn ġenwin u d-differenzi fit-trattament li jeżistu bejn dawn iż-żewġ kategorija, inkluż fil-qasam ta’ leave annwali mħallas, jistgħu jitqiesu bħala proporzjonati mal-għanijiet segwiti. |
163 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix id-dritt għal giudice di pace li jibbenefika minn leave annwali mħallas ta’ 30 jum, bħal dak previst għall-membri tal-ġudikatura ordinarji, fil-każ li dan il-giudice di pace jkun jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 2(1) ta’ dan il-ftehim qafas, u fil-każ li huwa jkun jinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ membru tal-ġudikatura ordinarju, sakemm tali differenza fit-trattament ma tkunx iġġustifikata abbażi tad-differenzi fil-kwalifiki meħtieġa u n-natura tal-kompiti li għalihom l-imsemmija membri tal-ġudikatura huma responsabbli, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
Fuq l-ispejjeż
164 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.