EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0572

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-22 ta’ April 2021.
thyssenkrupp Electrical Steel GmbH u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Unjoni doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Artikolu 211(6) – Awtorizzazzjoni għall-ipproċessar attiv ta’ ċerti grani orjentati rrumblati ċatti ta’ azzar manjetiku tas-silikon – Riskju ta’ effett ħażin għall-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni – Eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 – Artikolu 259 – Konklużjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi – Artikolu 263 TFUE – Att li ma jistax jiġi kkontestat.
Kawża C-572/18 P.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:317

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ April 2021 ( *1 )

“Appell – Unjoni doganali – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Artikolu 211(6) – Awtorizzazzjoni għall-ipproċessar attiv ta’ ċerti grani orjentati rrumblati ċatti ta’ azzar manjetiku tas-silikon – Riskju ta’ effett ħażin għall-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni – Eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 – Artikolu 259 – Konklużjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi – Artikolu 263 TFUE – Att li ma jistax jiġi kkontestat”

Fil-Kawża C‑572/18 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑13 ta’ Settembru 2018,

thyssenkrupp Electrical Steel GmbH, stabbilita f’Gelsenkirchen (il-Ġermanja),

thyssenkrupp Electrical Steel Ugo, stabbilita f’Isbergues (Franza),

irrappreżentati minn M. Günes u L. Heinisch, Rechtsanwälte,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland u F. Clotuche-Duvieusart, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, thyssenkrupp Electrical Steel GmbH u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑2 ta’ Lulju 2018, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni (T‑577/17, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2018:411), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li jinsabu fil-minuti tas-sitt laqgħa tat-taqsima “Proċeduri speċjali minbarra t-tranżitu” tal-grupp ta’ esperti doganali tat‑2 ta’ Mejju 2017, fis-sens li ma kienx hemm riskju li l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni Ewropea jiġu affettwati negattivament b’awtorizzazzjoni ta’ pproċessar attiv ta’ ċerti grani orjentati rrumblati ċatti ta’ azzar manjetiku tas-silikon, mitluba minn Euro-Mit Staal BV (iktar ’il quddiem “EMS”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 2913/92

2

L-Artikoli 130 sa 136 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2913/92”), kienu jirrigwardaw il-proċedura tal-ipproċessar taħt il-kontroll doganali.

3

L-Artikolu 130 tar-Regolament Nru 2913/92 kien jipprovdi:

“Il-proċedura ta’ l-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandha tippermetti li merkanziji mhux tal-Komunità jintużaw fit-territorju doganali tal-Komunità f’operazzjonijiet li jbiddlu n-natura jew l-istat tagħhom, mingħajr ma jiġu soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni jew miżuri ta’ politika kummerċjali, u għandha tippermetti li l-prodotti li jirriżultaw minn dawk l-operazzjonijiet jinħelsu għal ċirkolazzjoni libera bir-rata ta’ dazju fuq l-importazzjoni applikabbli għalihom. Dawk il-prodotti għandhom jissejħu prodotti proċessati.”

4

Skont l-Artikolu 132 ta’ dan ir-regolament:

“L-awtorizzazzjoni għall-ipproċessar taħt il-kontroll doganali għandha tingħata fuq talba tal-persuna li twettaq l-ipproċessar jew tagħmel l-arranġamenti biex jitwettaq.”

5

L-Artikolu 133 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

“L-awtorizzazzjoni għandha tingħata biss:

[…]

(e)

meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex il-proċedura tgħin biex tinħoloq jew tinżamm attività ta’ l-ipproċessar fil-Komunità mingħajr ma tolqot ħażin l-interessi essenzjali ta’ produtturi tal-Komunità li jipproduċu merkanzija simili (kondizzjonijiet ekonomiċi). Il-każi fejn il-kondizzjonijiet ekonomiċi jitqiesu bħala mwettqa jistgħu jiġu stabbiliti bi qbil mal-proċedura tal-kumitat.”

6

Konformement mal-Artikoli 247 sa 249 tal-istess regolament, il-Kummissjoni kienet assistita minn kumitat.

7

Ir-Regolament Nru 2913/92 tħassar u ġie ssostitwit permezz tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (ĠU 2008, L 145, p. 1), huwa nnifsu mħassar u ssostitwit permezz tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2013, L 269, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 287, p. 90, u fil-ĠU 2016, L 267, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

Ir-Regolament Nru 2454/93

8

L-Artikolu 502(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2001 tal‑4 ta’ Mejju 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 11, p. 286) (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2454/93”), kien jipprevedi:

“Ħlief fejn il-kondizzjonijiet ekonomiċi jitqiesu li jkunu mwettqa skond il-Kapitolu 3, 4 jew 6, l-awtorizzazzjoni [għall-ipproċessar taħt il-kontroll doganali] m’għandhiex tingħata mingħajr eżami tal-kondizzjonijiet ekonomiċi mill-awtoritajiet doganali.”

9

L-Artikolu 503 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

“Eżami tal-kondizzjonijiet ekonomiċi li jinvolvu l-Kummissjoni jistgħu jsiru:

(a)

jekk l-awtoritajiet doganali konċernati jixtiequ jikkonsultaw qabel jew wara l-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjoni;

(b)

jekk amministrazzjoni doganali oħra toġġezzjona għall-awtorizzazzjoni maħruġa;

ċ)

fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.”

10

Skont l-Artikolu 504(1) u (4) tal-imsemmi regolament:

“1.   Fejn ikun inbeda eżami skond l-Artikolu 503, il-każ għandu jintbagħat lill-Kummissjoni. Għandu jkollu fih ir-riżultati ta’ l-eżami diġa mwettaq.

[…]

4.   Il-konklużjoni tal-Kumitat għandu jingħata kont tagħha mill-awtoritajiet doganali konċernati u mill-awtoritajiet doganali l-oħrajn li jittrattaw ma’ awtorizzazzjonijiet jew applikazzjonijiet simili.”

11

Ir-Regolament Nru 2454/93 tħassar bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/481 tal‑1 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 87, p. 24).

Il-Kodiċi Doganali

12

L-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali, intitolat “Definizzjonijiet”, jindika, fil-punt 39 tiegħu, li l-kunċett ta’ “deċiżjoni”, għall-finijiet ta’ dan il-kodiċi, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal “kwalunkwe att mill-awtoritajiet doganali marbut mal-leġislazzjoni doganali li jagħti deċiżjoni dwar każ partikolari, u li jkollu effetti legali fuq il-persuna jew persuni kkonċernati”.

13

L-Artikolu 22 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Deċiżjonijiet meħuda wara applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Fejn persuna tapplika għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni doganali, dik il-persuna għandha tagħti l-informazzjoni kollha mitluba mill-awtoritajiet doganali kompetenti biex huma jkunu jistgħu jieħdu dik id-deċiżjoni.

[…]

2.   L-awtoritajiet doganali għandhom, mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn 30 jum minn meta rċevew l-applikazzjoni għal deċiżjoni, jivverifikaw jekk humiex sodisfatti l-kondizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ dik l-applikazzjoni.

Fejn l-awtoritajiet doganali jistabbilixxu li l-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa, huma għandhom jikkomunikaw l-aċċettazzjoni tagħha lill-applikant fil-perijodu speċifikat fl-ewwel subparagrafu.

3.   L-awtorità doganali kompetenti għandha tieħu deċiżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 u għandha tinnotifika lill-applikant mingħajr dewmien u, mhux aktar tard minn 120 jum mid-data tal-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni, ħlief fejn provdut mod ieħor.

[…]

6.   Qabel tittieħed deċiżjoni li taffettwa b’mod negattiv lill-applikant, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkomunikaw ir-raġunijiet li fuqhom bi ħsiebhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom lill-applikant, li għandu jingħata l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu f’perijodu preskritt mid-data li fiha jkun irċieva dik il-komunikazzjoni jew li fiha jitqies li jkun irċeviha. Wara li jiskadi dak il-perijodu, l-applikant għandu jkun mgħarraf, fil-mod xieraq, bid-deċiżjoni.

[…]

7.   Deċiżjoni li taffettwa lill-applikant b’mod negattiv għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata u għandha tirriferi għad-dritt tal-appell previst fl-Artikolu 44.”

14

L-Artikolu 44 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Id-dritt ta’ appell”, jistipula fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tappella kontra kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet doganali marbuta mal-applikazzjoni ta’ legislazzjoni doganali li tikkonċernaha direttament u individwalment.

Kwalunkwe persuna li applikat għal deċiżjoni għand l-awtoritajiet doganali u ma ngħatatx deċiżjoni fuq dik l-applikazzjoni fil-limiti taż-żmien msemmija fl-Artikolu 22(3) għandha tkun ukoll intitolata li teżerċita d-dritt tal-appell.

[…]

3.   L-appell għandu jkun ippreżentat fl-Istat Membru fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet jew fejn tkun saret l-applikazzjoni għaliha.”

15

L-Artikolu 211 tal-istess kodiċi jipprevedi:

“1.   Awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet doganali hija meħtieġa għal dan li ġej:

(a)

l-użu tal-proċedura tal-ipproċessar attiv […];

[…]

4.   Ħlief meta jkun provdut mod ieħor u b’żieda mal-paragrafu 3, l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata biss fejn jkunu sodisfatti dawn il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jeżerċitaw superviżjoni doganali mingħajr ma jkollhom għalfejn jintroduċu arranġamenti amministrattivi li mhumiex proporzjonali għall-ħtiġijiet ekonomiċi involuti;

(b)

l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni ma jkunux affettwati ħazin minn awtorizzazzjoni għal proċedura tal-ipproċessar (kondizzjonijiet ekonomiċi).

5.   L-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni għandhom jitqiesu li m’humiex affettwati ħażin, kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 4, ħlief fejn teżisti prova li turi l-kontra jew fejn il-kondizzjonijiet ekonomiċi jitqiesu li ntlaħqu.

6.   Fejn teżisti prova li l-interessi essenzjali tal-produtturi tal-Unjoni x’aktarx ikunu affettwati ħażin, għandu jsir eżami tal-kondizzjonijiet ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni.”

16

L-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali, intitolat “L-għoti ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni” jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-regoli ta’ proċedura għall-eżami tal-kondizzjonijiet ekonomiċi msemmijin fl-Artikolu 211(6).”

Ir-Regolament Delegat

17

L-Artikolu 166 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat‑28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament Nru 952/2013 fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, fil-ĠU 2017, L 101, p. 164, u fil-ĠU 2018, L 75, p. 41, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Delegat”), jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, ir-regola ġenerali li l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 211(4)(b) tal-Kodiċi Doganali ma hijiex applikabbli għall-awtorizzazzjonijiet ta’ pproċessar attiv filwaqt li tipprevedi tliet eċċezzjonijiet għal din ir-regola.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni

18

L-Artikolu 259 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 952/2013 (ĠU 2015, L 343, p. 558, u rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35, u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”), intitolat “Eżaminazzjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Meta wara applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-[Kodiċi Doganali], ikun meħtieġ li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet ekonomiċi skont l-Artikolu 211(6) [ta’ dan il-kodiċi], l-amministrazzjoni doganali tal-awtorità doganali kompetenti sabiex tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għandha tittrażmetti l-fajl lill-Kummissjoni mingħajr dewmien biex titlob tali eżaminazzjoni.

[…]

4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ esperti, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunux ġew sodisfatti jew le.

5.   Il-konklużjoni li ntlaħqet dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi għandha titqies mill-awtorità doganali kkonċernata u minn kwalunkwe awtorità doganali oħra li titratta applikazzjonijiet jew awtorizzazzjonijiet simili.

Fil-konklużjonijiet li saru, jistgħu jkunu speċifikati l-kundizzjonijiet ekonomiċi li l-każ eżaminat huwa uniku u għalhekk ma jistax iservi bħala preċedent għal applikazzjonijiet jew awtorizzazzjonijiet oħra.

[…]”

Id-Deċiżjoni C(2016) 3301 final

19

L-Artikolu 3(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni [C(2016) 3301 final], jipprevedi li dawn il-gruppi għandhom jipprovdu pariri u jipprovdu perizja lill-Kummissjoni fir-rigward, fost oħrajn, tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kif ukoll tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Istati Membri. Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni, il-mandat ta’ grupp ta’ esperti għandu jkun iddefinit b’mod ċar u l-kompiti tiegħu għandhom jiġu ddefiniti b’mod kemm jista’ jkun preċiż.

20

Il-grupp ta’ esperti fil-qasam doganali ġie stabbilit skont l-Artikolu 259(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni u huwa suġġett għar-regoli orizzontali msemmija fil-punt preċedenti. Ir-rwol ta’ dan il-grupp jikkonsisti, konformement mal-Artikolu 2(g) tat-“termini ta’ referenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] adottati fit‑3 ta’ Mejju 2016 (Ares (2016) 2109319), f’li jagħti pariri lill-Kummissjoni u lid-dipartimenti tagħha dwar l-eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi humiex issodisfatti.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

21

Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 8 tad-digriet appellat u jistgħu, għall-bżonnijiet ta’ din il-proċedura, jiġu mqassra kif ġej.

22

Fil‑21 ta’ Frar 2017, EMS ressqet quddiem l-awtorità doganali Olandiża, konformement mal-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, talba għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar attiv ta’ ċerti grani orjentati rrumblati ċatti ta’ azzar manjetiku tas-silikon li joriġinaw mill-Ġappun.

23

Fis‑27 ta’ Frar 2017, din l-awtorità, skont l-Artikolu 259(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, bagħtet il-fajl lill-Kummissjoni, filwaqt li talbitha teżamina l-kundizzjonijiet ekonomiċi.

24

Fit‑2 ta’ Mejju 2017, waqt is-sitt laqgħa tal-grupp ta’ esperti fil-qasam doganali, sezzjoni “Proċeduri speċjali minbarra t-tranżitu”, il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi kienet is-suġġett ta’ diskussjoni u sussegwentement ta’ vot favorevoli. Il-Kummissjoni kkonkludiet, fuq din il-bażi, li l-kundizzjonijiet ekonomiċi għall-awtorizzazzjoni tal-ipproċessar attiv kienu ssodisfatti (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet kontenzjużi”).

25

Fl-istess jum, l-awtorità doganali Olandiża ħarġet l-awtorizzazzjoni għal ipproċessar attiv lil EMS għall-perijodu bejn it‑2 ta’ Mejju 2017 u l‑1 ta’ Mejju 2020.

26

Fit‑12 ta’ Lulju 2017, l-appellanti ppreżentaw, lil din l-awtorità, oppożizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni.

27

Fid-deċiżjonijiet preliminari tagħha fuq dawn l-oppożizzjonijiet, tal‑11 ta’ Diċembru 2017, l-awtorità doganali Olandiża ddikjarat li hija kienet “obbligata” (verplicht) li tagħti l-awtorizzazzjoni mitluba, għaliex hija kellha “tieħu inkunsiderazzjoni [tal-konklużjonijiet kontenzjużi]”.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

28

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti f’dik il-kawża ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tal-konklużjonijiet kontenzjużi.

29

Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ibbażata, prinċipalment, fuq l-assenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u, sussidjarjament, fuq l-assenza ta’ interess dirett u individwali tar-rikorrenti, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

30

Filwaqt li ddeċidiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali qieset li t-talbiet kontenzjużi ma kinux jikkostitwixxu att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli, mingħajr ma ddeċidiet dwar il-kwistjoni tal-interess dirett u individwali tar-rikorrenti, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet fl-appell

31

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għat-tkomplija tal-istanza billi tidħol fil-mertu tal-kawża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ din l-istanza.

32

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell bħala infondat, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

33

Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Marzu 2019, thyssenkrupp Electrical Steel u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il‑Kummissjoni (C‑572/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:188), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talba għal intervent imressqa minn EMS insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għar-raġuni li EMS ma kinitx tiġġustifika interess fis-soluzzjoni tat-tilwima.

Fuq l-appell

34

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu ħames aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, sa fejn hija qieset li l-Kodiċi Doganali kif ukoll ir-Regolament Delegat u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma jagħtux lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet li jorbtu lill-awtoritajiet doganali nazzjonali fi proċedura għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal ipproċessar attiv. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, sa fejn hija ddeċidiet li r-rwol tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi huwa ta’ natura purament proċedurali. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, sa fejn hija qieset li s-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2006, Friesland Coberco Dairy Foods (C‑11/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza Friesland Coberco, EU:C:2006:312), hija legalment vinkolanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 259(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħala prova tan-natura vinkolanti tal-konklużjonijiet kontenzjużi, id-dokument intitolat “Prattika amministrattiva li tikkonċerna l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi konformement mal-Artikolu 211(6) tal-[Kodiċi Doganali] u l-Artikolu 259 tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni]” (Administrative practice regarding the examination of the economic conditions in accordance with Articles 211(6) [Union Customs Code (UCC)] and 259 [UCC Implementing Act (IA UCC)]), tal‑5 ta’ Awwissu 2016 (Ares(2016)4155451, iktar ’il quddiem l-“arranġament amministrattiv”). Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, sa fejn hija naqset milli tikkunsidra li r-rikorrenti kienu kkonċernati direttament u individwalment mill-konklużjonijiet kontenzjużi.

35

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni, mingħajr ma qajmet formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, indikat li, fil-każ fejn l-appellanti ma jkunux bdew proċeduri ġudizzjarji kontra ċ-ċaħda, mill-awtorità doganali Olandiża, tal-oppożizzjoni tagħhom għall-awtorizzazzjoni tal-ipproċessar attiv mogħtija lil EMS, din l-awtorizzazzjoni ssir definittiva, b’mod li huma ma jiġġustifikawx interess fit-tkomplija tal-appell.

36

Madankollu, fir-replika tagħhom, l-appellanti kkonfermaw li huma kienu bdew tali proċeduri quddiem il-qrati Olandiżi, li l-Kummissjoni ammettiet ukoll fil-kontroreplika tagħha.

37

Konsegwentement, hemm lok li l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq l-assenza ta’ ġustifikazzjoni ta’ interess fit-tkomplija tal-appell jiġu miċħuda.

Fuq l-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

38

Permezz ta’ dawn l-aggravji, li għandhom jiġu ttrattati flimkien fid-dawl tal-konnessjoni tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni dwar jekk il-konklużjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxux att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, tliet żbalji ta’ liġi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali, tar-Regolament Delegat u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-proċedura ta’ eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, tal-arranġament amministrattiv.

39

Insostenn tal-ewwel aggravju, intiż kontra l-punt 48 tad-digriet appellat, l-appellanti jsostnu li l-Kummissjoni, abbażi tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha, stabbilixxiet proċedura li fiha l-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi humiex issodisfatti għandha tiġi eżaminata fil-livell tal-Unjoni, peress li ebda kompetenza sabiex jiġu eżaminati dawn il-kundizzjonijiet ma ngħatat lill-awtoritajiet doganali nazzjonali. L-implimentazzjoni ta’ tali proċedura timmarka differenza fir-rigward tar-Regolament Nru 2913/92, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Friesland Coberco.

40

Skont l-appellanti, peress li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għal ipproċessar attiv huwa suġġett għall-issodisfar tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u peress li l-awtoritajiet doganali nazzjonali ma għandhomx is-setgħa li jeżaminaw din il-kwistjoni, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’dan il-qasam huma neċessarjament vinkolanti għal dawn l-awtoritajiet. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-arranġament amministrattiv kif ukoll mid-deċiżjonijiet preliminari tal-awtorità doganali Olandiża tal‑11 ta’ Diċembru 2017 fuq l-oppożizzjonijiet tal-appellanti.

41

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li s-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti wara l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi ma tistax titqiegħed f’dubju, la mill-fatt li l-Artikolu 259 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jindika l-att li jirriżulta minn dan l-eżami bħala “konklużjonijiet”, u lanqas mill-fatt li din l-istituzzjoni hija assistita mill-grupp ta’ esperti fil-qasam doganali. Huma jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li l-forma li fiha att jiġi adottat ma tistax tbiddel in-natura tiegħu u li l-opinjonijiet ta’ dan il-grupp għandhom valur purament konsultattiv.

42

Insostenn tat-tieni aggravju, intiż kontra l-punti 49 u 50 tad-digriet appellat, l-appellanti jsostnu li ebda dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali, tar-Regolament Delegat jew tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma tillimita r-rwol tal-Kummissjoni li tiġbor il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-grupp ta’ esperti fil-qasam doganali u li tipproċedi għall-għadd ta’ dawn il-voti. Skont l-appellanti, peress li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata ssegwi l-pariri ta’ dan il-grupp ta’ esperti, hija għandha tkun “legalment responsabbli” għall-konklużjonijiet tagħha dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi.

43

Għaldaqstant, l-appellanti jqisu li tali konklużjonijiet jikkostitwixxu att intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti u, konsegwentement, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

44

Insostenn tar-raba’ aggravju, intiż kontra l-punt 66 tad-digriet appellat, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-eżami tagħha tal-portata tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi, sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-arranġament amministrattiv bħala prova tan-natura vinkolanti ta’ dawn il-konklużjonijiet, filwaqt li l-ewwel paragrafu tal-punt 3 ta’ dan l-arranġament jippreċiża li “l-konklużjoni[jiet] tal-Kummissjoni [huma] vinkolanti fuq l-awtoritajiet doganali kompetenti u […] ma jistgħux jidderogaw [minnhom]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, l-awtorità doganali Olandiża ddikjarat li kienet “obbligata” (verplicht), skont il-konklużjonijiet kontenzjużi, li tagħti l-awtorizzazzjoni mitluba.

45

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-aggravji.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46

Preliminarjament, għandu jitfakkar li huma meqjusa bħala “atti li jistgħu jiġu kkontestati”, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, id-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-istituzzjonijiet, irrispettivament mill-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod ikkaratterizzat s-sitwazzjoni legali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 37 kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47

Min-naħa l-oħra, joħroġ ’il barra mill-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 263 TFUE kull att li ma jipproduċix effetti legali vinkolanti, bħall-atti preparatorji u l-atti purament ta’ implimentazzjoni, is-sempliċi rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, kif ukoll, bħala prinċipju, l-istruzzjonijiet interni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/03 P, EU:C:2006:541, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 27).

48

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-att ikkontestat jipproduċix tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (sentenza tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 47).

49

Is-sitwazzjoni tkun differenti biss meta atti adottati matul il-proċedura preparatorja jikkostitwixxu huma stess l-aħħar stadju ta’ proċedura speċjali distinta minn dik li għandha tippermetti lill-istituzzjoni kkonċernata tiddeċiedi fuq il-mertu (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 11).

50

Fi kwalunkwe każ, għalkemm miżuri ta’ natura purament preparatorja ma jistgħux, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, l-eventwali illegalitajiet li jivvizzjawhom jistgħu jiġu invokati insostenn tar-rikors ippreżentat kontra l-att definittiv li huma jikkostitwixxu stadju fit-tħejjija tiegħu (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 12).

51

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali rrilevat, qabelxejn, fil-punt 48 tad-digriet appellat, li la l-Kodiċi Doganali, la r-Regolament Delegat u lanqas ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet, u wisq inqas deċiżjonijiet vinkolanti għall-awtoritajiet doganali nazzjonali fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi.

52

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 49 tad-digriet appellat, li l-Kodiċi Doganali bl-ebda mod ma jimponi fuq il-Kummissjoni l-obbligu li teżamina l-kundizzjonijiet ekonomiċi hija stess, u ddeskriviet ir-rwol ta’ din l-istituzzjoni fil-kooperazzjoni bejnha u l-esperti tal-Istati Membri, minn naħa, u l-awtoritajiet doganali kkonċernati, min-naħa l-oħra, bħala purament proċedurali. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, din il-kooperazzjoni ma hijiex konfuża ma’ mekkaniżmu ta’ teħid ta’ deċiżjoni fil-livell tal-Unjoni, li fih il-konklużjonijiet mogħtija f’kuntest informali jorbtu lill-Istati Membri.

53

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 50 tad-digriet appellat, li mill-proċedura implimentata mill-Kummissjoni, skont is-setgħat ta’ eżekuzzjoni li hija għandha skont l-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali, ma jirriżultax li din l-istituzzjoni għandha tesprimi l-opinjoni tagħha jew teżerċita setgħa diskrezzjonali dwar il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi humiex issodisfatti.

54

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 66 tad-digriet appellat, minn naħa, li l-arranġament amministrattiv sempliċement issostitwixxa dokument amministrattiv preċedenti dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 2454/93, u min-naħa l-oħra, li, sa fejn dan id-dokument ma kienx iddeduċa l-konsegwenzi tas-sentenza Friesland Coberco, dan ma setax iservi bħala bażi valida għall-interpretazzjoni li tinsab fil-ftehim amministrattiv.

55

Fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni aggravju tal-appell, l-appellanti jqisu, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Doganali, tar-Regolament Delegat u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proċedura ta’ eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi, imwettqa, fil-livell tal-Unjoni, mill-Kummissjoni b’kollaborazzjoni mal-grupp ta’ esperti fil-qasam doganali, hija awtonoma u separabbli mill-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-ipproċessar attiv.

56

Madankollu, fl-ewwel lok, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi, bħall-konklużjonijiet kontenzjużi, jidħlu fil-proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-ipproċessar attiv, li fil-kuntest tagħha, konformement mal-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, it-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura tal-ipproċessar attiv huwa suġġett għal awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet doganali nazzjonali, u dawn jeżerċitaw b’mod esklużiv, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, is-setgħa deċiżjonali finali.

57

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tal-Kodiċi Doganali. Fil-fatt, konformement mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, hija l-awtorità doganali kompetenti li għandha tieħu d-deċiżjoni wara talba għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u li tinnotifika din id-deċiżjoni lill-applikant fit-termini legali. Min-naħa tiegħu, il-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu jimponi fuq l-awtoritajiet doganali, qabel ma jieħdu deċiżjoni li jista’ jkollha konsegwenzi sfavorevoli għall-applikant, l-obbligu li jikkomunikawlu r-raġunijiet li fuqhom huma jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom, li jagħtu l-possibbiltà lill-applikant li jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar dawn ir-raġunijiet. Fl-aħħar nett, skont il-paragrafu 7 ta’ dan l-istess artikolu, deċiżjoni li għandha konsegwenzi sfavorevoli għall-applikant għandha tesponi r-raġunijiet li jimmotivawha u ssemmi “id-dritt tal-appell previst fl-Artikolu 44 [tal-Kodiċi Doganali]”, u dan l-appell għandu jiġi ppreżentat, konformement mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu tal-aħħar, “fl-Istat Membru fejn id-deċiżjoni tkun ittieħdet jew fejn tkun saret l-applikazzjoni għaliha”.

58

Fir-rigward tal-punt 39 tal-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “deċiżjoni” bħala “kwalunkwe att mill-awtoritajiet doganali marbut mal-leġislazzjoni doganali li jagħti deċiżjoni dwar każ partikolari, u li jkollu effetti legali fuq il-persuna jew persuni kkonċernati”, din id-dispożizzjoni ma tħalli ebda dubju dwar il-fatt li huma l-awtoritajiet doganali nazzjonali li għandhom is-setgħa li jadottaw atti ta’ natura deċiżiva skont dan il-kodiċi.

59

Ċertament, fost il-kundizzjonijiet kumulattivi neċessarji għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni tal-ipproċessar attiv, l-Artikolu 211 tal-Kodiċi Doganali jeżiġi, fil-paragrafu 4(b) tiegħu, li l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu ssodisfatti, u jipprevedi, fil-paragrafu 6 tiegħu, fil-każijiet fejn eżami ta’ dawn il-kundizzjonijiet ikun neċessarju, li dan isir “fil-livell tal-Unjoni”. Madankollu, minn qari flimkien tal-Artikolu 211(1)(a), tal-Artikolu 211(4)(b) u tal-Artikolu 211(6) ta’ dan il-kodiċi jirriżulta li tali eżami jidħol fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni, wara talba għal awtorizzazzjoni f’dan is-sens, tad-deċiżjoni finali mill-awtoritajiet doganali nazzjonali u jikkostitwixxi biss stadju intermedjarju ta’ din il-proċedura.

60

Għalhekk, u filwaqt li l-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi Doganali jagħti b’mod espliċitu s-setgħa deċiżjonali fil-qasam ta’ sistema ta’ pproċessar attiv lill-awtoritajiet doganali nazzjonali, l-Artikolu 211(4)(b) u (6) ta’ dan il-kodiċi ma jagħti, min-naħa tiegħu, ebda setgħa deċiżjonali proprja lil entità tal-Unjoni fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi.

61

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, b’differenza minn dak li jipprevedu l-Artikolu 22 u l-Artikolu 44(3) tal-Kodiċi Doganali f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità doganali kompetenti wara applikazzjoni, ebda dispożizzjoni ta’ dan il-kodiċi ma timponi fuq l-entità tal-Unjoni li għandha twettaq l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi l-obbligu li tinnotifika r-riżultat ta’ dan l-eżami lill-applikant, jew li tibgħatlu r-raġunijiet li wasslu għal dan ir-riżultat. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, ebda dispożizzjoni ma tagħti dritt ta’ rikors lill-applikant kontra tali riżultat.

62

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali ma jirriżultax li r-rwol tal-awtorità doganali kompetenti huwa limitat għall-implimentazzjoni tar-riżultat miksub fi tmiem l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni. Fil-fatt, dan il-kodiċi, b’mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu, ma jagħtix lill-entità tal-Unjoni li għandha twettaq l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi s-setgħa li tadotta miżura li ma hijiex purament intermedja u preparatorja.

63

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi mwettaq fil-livell tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 211(6) tal-Kodiċi Doganali, jirriżulta ċertament minn qari flimkien tal-Artikolu 259(1) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni li, meta tali eżami huwa neċessarju, dan għandu jsir mill-Kummissjoni flimkien ma’ grupp ta’ esperti, kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Membri, minn elementi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha mill-awtorità doganali kompetenti. Barra minn hekk, mill-Artikolu 259(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jsegwi li l-Kummissjoni tagħti r-riżultat tal-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi mwettaq fil-livell tal-Unjoni f’“konklużjonijiet” u li dawn “għandhom jitqiesu” mill-awtorità doganali kompetenti u minn kull awtorità doganali oħra li tittratta awtorizzazzjonijiet jew applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni simili.

64

Għalhekk, l-Artikolu 259 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jikkorrobora l-konstatazzjoni li l-konklużjonijiet li tasal għalihom il-Kummissjoni wara l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi jikkostitwixxu sempliċi miżura intermedjarja, intiża sabiex tipprepara d-deċiżjoni finali tal-awtoritajiet doganali dwar l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar attiv.

65

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-espressjoni “għandha titqies” li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 259(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tissuġġerixxi, fid-dawl tas-sens abitwali tagħha fil-lingwaġġ ta’ kuljum, ċerta marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità doganali kompetenti fir-rigward tal-mod kif għandhom jiġu segwiti l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi. Din l-espressjoni timplika għalhekk li l-awtorità doganali kompetenti għandha teżamina l-konklużjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil magħhom, tipprovdi r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha li ma ssegwihomx (ara, b’analoġija, is-sentenza Friesland Coberco, punt 27).

66

Huwa minnu, kif jenfasizzaw l-appellanti, li, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 259(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-awtorità doganali kompetenti li quddiemha titressaq applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ pproċessar attiv hija obbligata, meta eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi mwettaq fil-livell tal-Unjoni jkun neċessarju skont l-Artikolu 211(6) tal-Kodiċi Doganali, tibgħat il-fajl lill-Kummissjoni filwaqt li titlobha twettaq l-imsemmi eżami.

67

Madankollu, bħalma ddeċidiet, essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 28 u 29 tas-sentenza Friesland Coberco fir-rigward tar-Regolament Nru 2913/92, l-obbligu għall-awtorità doganali kompetenti li tibgħat, f’ċerti ċirkustanzi, il-fajl lill-Kummissjoni ma jimplikax l-obbligu ta’ din l-awtorità li ssegwi l-konklużjonijiet ifformulati minn din l-istituzzjoni. Kif ġustament enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punti 53 u 54 tad-digriet appellat, li ma ġewx ikkritikati fil-kuntest ta’ dan l-appell, iċ-ċirkustanza li l-konklużjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ekonomiċi issa saru mill-Kummissjoni u mhux iktar, kif kien il-każ taħt ir-Regolament Nru 2913/92, minn kumitat stabbilit minn dan ir-regolament tal-aħħar, ma tistax tinvalida din il-konklużjoni. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tal-imsemmi eżami jibqa’ identiku, u huwa biss l-awtur tiegħu li jkun inbidel.

68

Barra minn hekk, l-obbligu impost fuq l-awtoritajiet doganali nazzjonali, meta jkollhom l-intenzjoni li jwarrbu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, jikkorrobora l-konstatazzjoni li dawn il-konklużjonijiet ma jipproduċux effetti legali vinkolanti, li jistgħu jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali ta’ rikorrent. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jiżvela l-eżistenza ta’ ċertu effett ġuridiku prodott mill-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, dan l-effett ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jikkonferixxi lil dawn il-konklużjonijiet in-natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

69

Fir-rigward tal-argument tal-appellanti bbażat fuq il-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 259(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni – li jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tippreċiża, fil-konklużjonijiet tagħha, li l-każ eżaminat huwa uniku u ma jistax jikkostitwixxi preċedent għal applikazzjonijiet jew awtorizzazzjonijiet oħra –, lanqas ma jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu. Fil-fatt, anki f’tali każ, l-awtoritajiet doganali nazzjonali kkonċernati jistgħu jinjoraw dawn il-konklużjonijiet, sakemm huma jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom f’dan is-sens.

70

Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellanti jinvokaw l-arranġament amministrattiv insostenn tal-pożizzjoni tagħhom li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi jikkostitwixxu att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tad-digriet appellat – punt li ma huwiex ikkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell – minkejja li prassi amministrattiva tista’ titqies bħala motiv validu sabiex tiġi interpretata n-natura ta’ tali konklużjonijiet, hija ma għandhiex saħħa vinkolanti fid-dritt u għalhekk ma tistax tbiddel il-portata tal-att li għalih hija tirreferi.

71

Issa, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 259 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, kif esposta fil-punti 63 sa 69 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kienet ukoll korretta meta ċaħdet, fil-punt 68 tad-digriet appellat, l-interpretazzjoni li tinsab fl-arranġament amministrattiv bħala li ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet stess tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-arranġament amministrattiv ma jistax jikkontesta l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni li tinsab fil-punti 56 sa 69 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li l-argument tal-appellanti bbażat fuq dan l-arranġament ma jistax jintlaqa’. Iċ-ċirkustanza li, f’dan il-każ, l-awtorità doganali kompetenti ddeċidiet billi emmnet li hija marbuta bil-konklużjonijiet kontenzjużi ma għandux l-effett, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jagħmel minn dawn il-konklużjonijiet att li għandu saħħa vinkolanti fid-dritt.

73

Minn dan isegwi li l-argument tal-appellanti intiż sabiex juri li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kwistjoni dwar jekk il-konklużjonijiet kontenzjużi jikkostitwixxux att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, tliet żbalji ta’ liġi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali, tar-Regolament Delegat u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar il-proċedura ta’ eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, tal-arranġament amministrattiv, ma jistax jintlaqa’.

74

Għaldaqstant, l-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

75

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 60 u 61 tad-digriet appellat meta ddeċidiet li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 504(4) tar-Regolament Nru 2454/93, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Friesland Coberco, hija rilevanti wkoll għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 259(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, applikabbli f’dan il-każ. Huma jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet “jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti”.

76

Fil-konfront ta’ din il-konstatazzjoni, l-appellanti jargumentaw li l-proċedura ta’ pproċessar taħt il-kontroll doganali, li kienet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Friesland Coberco, ma tinsabx iktar fil-Kodiċi Doganali. Barra minn hekk, din l-emenda wasslet għal bidla fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ekonomiċi”. Barra minn hekk, il-kumitat stabbilit mir-Regolament Nru 2913/92 ma għandu l-ebda rwol fl-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi, peress li l-konklużjonijiet dwar dawn il-kundizzjonijiet issa huma mogħtija mill-Kummissjoni.

77

L-appellanti jenfasizzaw ukoll id-differenza fil-kliem bejn, minn naħa, l-Artikolu 502(1) tar-Regolament Nru 2454/93 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 211(6) tal-Kodiċi Doganali kif ukoll l-Artikolu 259(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. It-termini “għandha titqies”, li jinsabu fl-Artikolu 259(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandhom għalhekk jinftiehmu fis-sens li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi huma vinkolanti għall-awtoritajiet doganali nazzjonali.

78

Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-aggravju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

79

Permezz ta’ dan l-aggravju, intiż kontra l-punti 60 u 61 tad-digriet appellat, l-appellanti jallegaw li, fid-dawl tal-portata tal-emendi li saru fil-leġiżlazzjoni doganali wara l-interpretazzjoni, adottata mis-sentenza Friesland Coberco, tar-Regolamenti Nri 2913/92 u 2454/93, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Artikolu 504(4) tar-Regolament Nru 2454/93 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 259(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ekwivalenti u, b’dan il-mod, adottat interpretazzjoni tat-tieni dispożizzjoni identika għal dik li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tat għall-ewwel dispożizzjoni, fis-sens li l-konklużjonijiet tal-kumitat stabbilit mir-Regolament Nru 2913/92 kienu nieqsa minn natura vinkolanti għall-awtoritajiet doganali nazzjonali.

80

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 56 sa 69 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 60 u 61 tad-digriet appellat, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 504(4) tar-Regolament Nru 2454/93, adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Friesland Coberco, tibqa’ rilevanti għall-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 259(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, peress li l-ewwel u t-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti.

81

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-argument tal-appellanti intiż li juri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 504(4) tar-Regolament Nru 2454/93, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Friesland Coberco, tibqa’ rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 259(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, applikabbli f’dan il-każ, lanqas ma jista’ jintlaqa’.

82

Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

83

Permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikkonstata li huma kienu direttament u individwalment ikkonċernati mill-konklużjonijiet kontenzjużi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

84

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa ineffettiv, u fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85

Peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, li l-konklużjonijiet kontenzjużi ma jikkostitwixxux att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, hija ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball ta’ liġi sa fejn naqset milli teżamina jekk ir-rikorrenti f’dik il-kawża kinux direttament u individwalment ikkonċernati minn tali att, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ rikors kontra att li jista’ jiġi kkontestat, ir-rikors seta’ biss jiġi miċħud bħala inammissibbli, u dan anki jekk jitqies li l-appellanti huma, kif isostnu, direttament u individwalment ikkonċernati mill-konklużjonijiet kontenzjużi.

86

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

87

Peress li l-ebda wieħed mill-ħames aggravju tal-appell ma ntlaqgħu, dan għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

88

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

89

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess, il-parti li tilfet il-kawża għandha tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż jekk dawn ġew mitluba fit-talbiet tal-parti li rebħet il-kawża.

90

Peress li l-Kummissjoni talbet il-ħlas tal-ispejjeż u l-appellanti tilfu l-appell tagħhom, l-appellanti għandhom jiġu ordnati jħallsu l-ispejjeż tagħhom u li jħallsu dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell fil-Kawża C‑572/18 P huwa miċħud.

 

2)

thyssenkrupp Electrical Steel GmbH u thyssenkrupp Electrical Steel Ugo għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top