Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0496

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-26 ta’ Marzu 2020.
    Hungeod Közlekedésfejlesztési, Földmérési, Út- és Vasúttervezési Kft. et vs Közbeszerzési Hatóság Közbeszerzési Döntőbizottság.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 89/665/KEE – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet – Direttiva 92/13/KEE – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE – Sorveljanza tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil ċerti korpi jibdew proċedura ex officio fil-każ ta’ bidla illegali ta’ kuntratt li jkun qiegħed jiġi eżegwit – Dekadenza tad-dritt li tinbeda l-proċedura ex officio – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.
    Kawżi magħquda C-496/18 u C-497/18.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:240

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    26 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Proċeduri ta’ reviżjoni fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet – Direttiva 89/665/KEE – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjonijiet – Direttiva 92/13/KEE – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE – Sorveljanza tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lil ċerti korpi jibdew proċedura ex officio fil-każ ta’ bidla illegali ta’ kuntratt li jkun qiegħed jiġi eżegwit – Dekadenza tad-dritt li tinbeda l-proċedura ex officio – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità”

    Fil-Kawżi magħquda C‑496/18 u C‑497/18,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2018, fil-proċeduri

    Hungeod Közlekedésfejlesztési, Földmérési, Út- és Vasúttervezési Kft. (C‑496/18),

    Sixense Soldata (C‑496/18),

    Budapesti Közlekedési Zrt. (C‑496/18 u C‑497/18)

    vs

    Közbeszerzési Hatóság Közbeszerzési Döntġbizottság,

    fil-preżenza ta’:

    Közbeszerzési Hatóság Elnöke,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Bobek,

    Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Settembru 2019,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Budapesti Közlekedési Zrt., minn T. J. Misefay, ügyvéd,

    għall-Közbeszerzési Hatóság Közbeszerzési Döntőbizottság, minn É. Horváth, bħala aġent,

    għall-Közbeszerzési Hatóság Elnöke, minn T. A. Cseh, bħala aġent,

    għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek, P. Ondrůšek u A. Sipos, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Novembru 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31, rettifika fil-ĠU 2018, L 176, p. 23) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”), u tal-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirrelataw mal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 315, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”), kif emendata bid-Direttiva 2007/66 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/13”), tal-Artikoli 83(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), tal-Artikolu 99(1) u (2) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU 2014, L 94, p. 243), tal-Artikolu 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità.

    2

    Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, Hungeod Közlekedéfejlesztési, Földmesi, Út- és Vasúttervezési Kft. (iktar ’il quddiem “Hungeod”), Sixense Soldata (iktar ’il quddiem “Sixense”) u Budapesti Közlekedési Zrt. (Kawża C‑496/18) kif ukoll, min-naħa l-oħra, Budapesti Közlekedési (Kawża C‑497/18) u l-Közbeszerzési Hatóság Közbeszerzési Döntġbizottság (il-Bord tal-Arbitraġġ tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Arbitraġġ”) dwar il-bidla, li qiegħda tiġi eżegwita, ta’ kuntratti konklużi fi tmiem proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva 89/665

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665 jipprevedi:

    “1.   […]

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, rigward kuntratti li jaqgħu fl-iskop [kamp ta’ applikazzjoni] tad-Direttiva 2004/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)]; id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni huma disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

    4

    L-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665, intitolat “Ineffettività”, ġie inkluż permezz tad-Direttiva 2007/66 u huwa fformulat kif ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-awtorità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:

    (a)

    jekk l-awtorità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ima dan ikun permissibbli skont id-Direttiva 2004/18/KE;

    […]

    2.   Il-konsegwenzi meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom jiġu stipulati mil-liġi nazzjonali.”

    Id-Direttiva 92/13

    5

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/13 jipprevedi:

    “1.   […]

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)]; l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-partijiet kontraenti tkun tista’ tiġi riveduta effettivament u b’mod partikolari malajr kemm jista’ jkun skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-direttiva, abażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam ta’ l-akkwist jew regoli nazzjonali li jimplementaw dik il-liġi. […]

    […]

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ lanqas għal kull persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

    6

    L-Artikolu 2d tad-Direttiva 92/13, intitolat “Ineffettività”, ġie inkluż permezz tad-Direttiva 2007/66 u jipprevedi dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kuntratt ikun meqjus bħala ineffettiv minn korp ta’ reviżjoni indipendenti mill-entità kontraenti jew li l-ineffettività tiegħu hija r-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tali korp ta’ reviżjoni f’xi wieħed mill-każi li ġejjin:

    a)

    jekk l-entità kontraenti tkun tat kuntratt mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma dan ikun permissibbli skont id-Direttiva 2014/17/KE;

    […]

    2.   Il-konsegwenzi ta’ meta kuntratt jiġi kkunsidrat ineffettiv għandhom ikunu stabbiliti mill-liġi nazzjonali.”

    Id-Direttiva 2007/66

    7

    Il-premessi 2, 25, 27 u 36 tad-Direttiva 2007/66 jipprevedu:

    “(2)

    Għaldaqstant, id-Direttivi [89/665] u [29/13] japplikaw biss għal kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi [2004/18] u [2004/17] kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, tkun xi tkun il-proċedura kompetittiva jew il-mezzi tas-sejħa għall-kompetizzjoni li jintużaw, inklużi kompetizzjonijiet tad-disinn, sistemi ta’ kwalifika u sistemi dinamiċi ta’ akkwist. Skond il-ġurisprudenza tal-[Qorti], l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli rimedji effettivi u rapidi kontra deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti dwar jekk kuntratt partikolari jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tad-Direttivi [2004/18] u [2004/17].

    […]

    (25)

    Barra minn hekk, il-bżonn li maż-żmien tkun żgurata ċ-ċertezza ġuridika tad-deċiżjonijet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti u mill-entitajiet kontraenti jeħtieġ l-istabbiliment ta’ perijodu minimu raġonevoli ta’ limitazzjoni fuq reviżjonijiet li jkunu qed ifittxu li jistabbilixxu li kuntratt hu ineffettiv.

    […]

    (27)

    Peress li din id-Direttiva ssaħħaħ il-proċeduri ta’ reviżjoni nazzjonali, speċjalment fil-każi ta’ għoti dirett illegali, l-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu mħeġġa jagħmlu użu minn dawn il-mekkaniżmi l-ġodda. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali l-infurzabbiltà ta’ l-ineffettività ta’ kuntratt hija limitata għal ċertu perijodu. L-effettività ta’ dawn it-termini ta’ żmien għandha tkun rispettata.

    […]

    (36)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal tribunal imparzjali, bi qbil ma’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta.”

    Id-Direttiva 2014/24

    8

    Il-premessi 121 u 122 tad-Direttiva 2014/24 jistipulaw:

    “(121)

    L-evalwazzjoni wriet li għad hemm ħafna titjib xi jsir fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku tal-Unjoni. Bil-ħsieb ta’ applikazzjoni aktar effiċjenti u konsistenti tar-regoli, huwa essenzjali li wieħed ikollu ħarsa ġenerali tajba tal-problemi strutturali u x-xejriet ġenerali possibbli fil-politiki nazzjonali dwar l-akkwist, sabiex il-problemi possibbli jiġu indirizzati b’miri aktar preċiżi. […]

    (122)

    Id-Direttiva [89/665] tipprevedi ċerti proċeduri ta’ reviżjoni li għandhom ikunu disponibbli għallinqas għal kull persuna li jkollha jew li kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li saritilha ħsara jew li qiegħda fir-riskju li ssirilha ħsara minn ksur allegat tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi. Dawk il-proċeduri ta’ reviżjoni ma għandhomx jiġu affettwati minn din id-Direttiva. Madankollu, iċ-ċittadini, il-partijiet interessati kkonċernati, kemm jekk organizzati jew le, u persuni jew korpi oħrajn li m’għandhomx aċċess għall-proċeduri ta’ reviżjoni skont id-Direttiva [89/665] xorta għandhom interess leġittimu, bħala persuni li jħallsu t-taxxa, fi proċeduri ta’ akkwist tajbin. Għaldaqstant huma għandhom jingħataw possibbiltà, b’mod differenti mis-sistema ta’ reviżjoni skont id-Direttiva [89/665] u mingħajr ma neċessarjament jinvolvi li huma jidhru quddiem qrati u tribunali, li jindikaw ksur possibbli ta’ din id-Direttiva lil awtorità jew struttura kompetenti. […]”

    9

    Skont l-Artikolu 83(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24:

    “1.   Sabiex jiżguraw implimentazzjoni korretta u effiċjenti b’mod effettiv, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-anqas il-kompiti stabbiliti f’dan l-Artikolu jitwettqu minn awtorità, korp jew struttura waħda jew aktar. Huma għandhom jindikaw lill-Kummissjoni l-awtoritajiet, il-korpi u l-istrutturi kompetenti kollha għal dawk il-kompiti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ akkwist pubbliku hija mmonitorjata.

    […]”

    Id-Direttiva 2014/25

    10

    Il-premessi 127 u 128 tad-Direttiva 2014/25 huma essenzjalment identiċi għall-premessi 121 u 122 tad-Direttiva 2014/24.

    11

    L-Artikolu 99(1) u (2) tad-Direttiva 2014/25 jipprevedi:

    “1.   Sabiex jiżguraw implimentazzjoni korretta u effiċjenti b’mod effettiv, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-inqas il-kompiti stabbiliti f’dan l-Artikolu jitwettqu minn awtorità, korp jew struttura waħda jew aktar. Huma għandhom jindikaw lill-Kummissjoni l-awtoritajiet u l-istrutturi kompetenti kollha għal dawk il-kompiti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ akkwist pubbliku tiġi mmonitorjata.

    […]”

    Id-dritt Ungeriż

    Il-Liġi tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi

    12

    L-Artikolu 303(1) tal-közbeszerzésekről szóló 2003. évi CXXIX. törvény (il-Liġi Nru CXXIX tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), tiddikjara kif ġej:

    “Il-partijiet jistgħu jwettqu tibdiliet fil-parti tal-kuntratt stabbilita fuq il-bażi tas-sejħa għal offerti jew fid-dokumentazzjoni relatata, u fuq il-bażi tal-kontenut tas-sejħa għal offerti, biss meta l-kuntratt, bħala riżultat ta’ ċirkustanza li seħħet wara li ġie konkluż il-kuntratt – għal raġuni li ma kinitx prevedibbli meta sar il-kuntratt – tikser l-aspettattivi leġittimi ta’ wieħed mill-kontraenti.”

    13

    L-Artikolu 306/A(2) tal-Liġi tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi huwa fformulat kif ġej:

    “Kwalunkwe kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi jkun null fejn

    a)

    il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ġiet illegalment miksura fil-mument li l-kuntratt imsemmi ġie konkluż […].

    […]”

    14

    L-Artikolu 307 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi:

    “(1)   L-entità kontraenti għandha l-obbligu li tirrediġi, konformement mal-mudell previst f’dispożizzjoni legali speċifika, stqarrija dwar it-tibdil fil-kuntratt kif ukoll dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, u li tippubblikah permezz ta’ avviż li għandu jidher fil-Közbeszerzési Értesítġ (il-Bullettin tal-Kuntratti Pubbliċi). Dan l-avviż għandu jingħata mhux iktar tard minn ħmistax‑il jum ta’ xogħol mit-tibdil fil-kuntratt, jew mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt miż-żewġ partijiet. Fil-każ ta’ kuntratt konkluż għal żmien ta’ iktar minn sena jew għal żmien indeterminat, kull sena għandha tiġi redatta, mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, stqarrija dwar l-eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt. Fil-kuntest tal-obbligu ta’ informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt — jekk l-eżekuzzjoni sseħħ f’data oħra, jew f’dati oħra li ma humiex previsti — għandha tiġi indikata speċifikament id-data ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt irrikonoxxuta mill-entità kontraenti, kif ukoll id-data tal-eżekuzzjoni tal-korrispettiv. Fil-komunikazzjoni, il-parti li kkonkludiet il-kuntratt bħala offerent għandha tiddikjara jekk taqbilx mal-elementi li jinsabu fih.

    […]

    (3)   Il-President tal-Kunsill tal-Kuntratti Pubbliċi għandu jieħu l-inizjattiva sabiex jibda proċedura ex officio quddiem il-[Bord tal-Arbitraġġ] jekk ikun possibbli li t-tibdil fil-kuntratt seħħ bi ksur tal-Artikolu 303, jew li l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tkun saret bi ksur tal-Artikolu 304 jew tal-Artikolu 305.”

    15

    L-Artikolu 327 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi:

    “(1)   L-organi jew persuni segwenti jistgħu jieħdu l-inizjattiva sabiex jibdew proċeduri ex officio quddiem [il-Bord tal-Arbitraġġ] jekk, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, huma jsiru jafu b’azzjoni jew ommissjoni kuntrarja għal din il-liġi:

    (a)

    il-President tal-Kunsill tal-Kuntratti Pubbliċi;

    […]

    (2)   Tista’ tinfetaħ proċedura ex officio minn organu quddiem [il-Bord tal-Arbitraġġ]:

    (a)

    fuq l-inizjattiva ta’ wieħed mill-organi msemmija fil-punt 1(a), (b) u (d) sa (i), fi 30 jum mid-data li fiha dan l-organu jsir jaf bil-ksur jew, fil-każ fejn il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tkun ġiet miksura, mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew, jekk din id-data ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, mid-data li fiha l-organu jsir jaf dwar il-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt minn waħda mill-partijiet, iżda mhux iktar tard minn sena wara t-twettiq tal-ksur, jew fi żmien 3 snin f’każijiet fejn il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tkun inkisret.

    […]”

    16

    L-Artikolu 328 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi:

    “(1)   Il-President tal-Kunsill tal-Kuntratti Pubbliċi għandu jieħu l-inizjattiva sabiex jibda proċedura ex officio quddiem [il-Bord tal-Arbitraġġ]

    […]

    c)

    fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 307(3).”

    (2)   L-Artikolu 327(2) sa (7) għandu japplika fuq l-inizjattiva msemmija fil-paragrafu 1 iktar ’il fuq.”

    17

    Skont l-Artikolu 379(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi:

    “Il-Kunsill [tal-Kuntratti Pubbliċi] […]

    […]

    l)

    għandu jsegwi bir-reqqa t-tibdil u l-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi wara proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi (l-Artikolu 307(4)).

    […]”

    Il-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi

    18

    L-Artikolu 2(8) tal-közbeszerzésekről szóló 2015. évi CXXIX. törvény (il-Liġi Nru CXXIX tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi”) jiddikjara kif ġej:

    “Sa fejn din il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tal- [Kodiċi Ċivili] japplikaw għall-kuntratti konklużi fi tmiem proċedura ta’ kuntratt pubbliku.”

    19

    L-Artikolu 148(1) tal-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi huwa fformulat kif ġej:

    “Il-proċedura quddiem il-[Bord tal-Arbitraġġ] għandha tinbeda fuq talba jew ex officio.”

    20

    L-Artikolu 152(1) u (2) tal-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi:

    “(1)   L-organi jew persuni segwenti jistgħu jieħdu l-inizjattiva sabiex jibdew proċeduri ex officio quddiem [il-Bord tal-Arbitraġġ] jekk, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, huma jsiru jafu b’azzjoni jew ommissjoni kuntrarja għal din il-liġi:

    (a)

    il-Közbeszerzési Hatóság Elnöke [il-President tal-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi, l-Ungerija];

    […]

    (2)   Wieħed mill-entitajiet jew persuni li jsir riferiment għalihom fil-paragrafu 1 jista’ jieħu l-inizjattiva sabiex jibda proċedura ex officio quddiem [il-Bord tal-Arbitraġġ] f’60 jum mid-data li fiha dan l-organu jsir jaf bil-ksur, iżda

    (a)

    mhux iktar tard mit-terminu ta’ 3 snin mit-twettiq tal-ksur,

    (b)

    b’deroga minn (a) iktar ’il fuq, fejn isiru l-akkwisti mingħajr ma tkun ġiet organizzata proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, fi żmien massimu ta’ 5 snin mid-data li fiha l-kuntratt ikun ġie konkluż, jew, jekk din id-data ma tistax tiġi stabbilita, mill-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt minn waħda mill-partijiet, jew

    (c)

    b’deroga minn (a) u (b) iktar ’il fuq, fejn ikunu saru akkwisti b’riżultat ta’ għajnuna, għall-perijodu taż-żamma tad-dokumenti stabbilit speċifikament bil-liġi rigward il-ħlas u l-użu tal-għajnuna kkunsidrata, iżda bħala minimu f’terminu ta’ 5 snin mit-twettiq tal-ksur – fejn ikunu saru akkwisti mingħajr ma tkun ġiet organizzata proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mid-data li fiha l-kuntratt ikun ġie konkluż, jew, jekk din id-data ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, mill-bidu tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt minn waħda mill-partijiet.”

    21

    Skond l-Artikolu 153 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi:

    “Il-President tal-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi għandu jieħu l-inizjattiva sabiex jiftaħ il-proċedura ex officio quddiem [il-Bord tal-Arbitraġġ]

    […]

    c)

    jekk ikun possibbli, fid-dawl tar-riżultat tas-sorveljanza amministrattiva mwettqa mill-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi skont l-Artikolu 187(2)(j), jew anki mingħajr ma tkun twettqet is-sorveljanza amministrattiva, li t-tibdil jew l-eżekuzzjoni tal-kuntratt jkunu twettqu bi ksur ta’ din il-liġi, b’mod partikolari jekk ikun twettaq ksur tat-tip li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 142(2).

    […]

    (3)   L-Artikolu 152(2) sa (8) għandu japplika fuq l-inizjattiva msemmija fil-paragrafi 1 u 2.”

    22

    L-Artikolu 187(1) u (2) tal-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi:

    (1)   L-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi għandu jkollha l-kompitu li tikkontribwixxi b’mod effettiv, filwaqt li tqis l-interess pubbliku u l-interessi tal-entitajiet kontraenti u tal-offerenti, fit-tfassil tal-politika dwar il-kuntratti pubbliċi, fit-tnissil u fil-ġeneralizzazzjoni ta’ aġir konformi mad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, sabiex tippromwovi l-pubbliċità u t-trasparenza tan-nefqa pubblika.

    (2)   L-Awtorità:

    […]

    (j)

    għandha ssegwi bir-reqqa t-tibdil fil-kuntratti konklużi wara proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi u, fil-kuntest tas-superviżjoni amministrattiva […], l-eżekuzzjoni għandha wkoll tiġi ssorveljata — skont ir-regoli ddettaljati previsti speċifikament mil-liġi — u, inter alia, tadotta l-miżuri li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 153(1)(c) u fl-Artikolu 175;

    […]”

    23

    Skont l-Artikolu 197(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi:

    “Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi għandhom japplikaw għall-kuntratti konklużi wara proċeduri ta’ għoti […] jew ta’ kuntratti pubbliċi mibdija wara d-dħul fis-seħħ tagħha, għall-proċeduri ta’ kompetizzjoni mibdija wara din id-data, kif ukoll għall-proċeduri ta’ reviżjoni relatati li ġew mitluba, mibdija jew mibdija ex officio, inklużi l-proċeduri ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim li jippreċedu rikors. L-Artikolu 139, 141, 142, 153(1)(c) u 175 għandhom japplikaw għall-possibbiltà ta’ tibdil, mingħajr ma titwettaq proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ġdida, għal kuntratti li ġew konklużi wara proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li bdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, u għas-sorveljanza ta’ emendi u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu XXI għandhom japplikaw għall-proċeduri ta’ reviżjoni relatati ma’ dawn il-kuntratti.”

    Id-Digriet tal-Gvern Nru 4/2011

    24

    L-Artikolu 1(1) tal-2007‑2013 programozási időszakban az Európai Regionális Fejlesztési Alapból, az Európai Szociális Alapból és a Kohéziós Alapból származó támogatások felhasználásának rendjéről szóló 4/2011. (I. 28) Korm rendelet (id-Digriet tal-Gvern Nru 4/2011 tat‑28 ta’ Jannar 2011 dwar l-Użu ta’ Għajnuna mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007‑2013, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern 4/2011”) jipprevedi:

    “Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikopri t-teħid ta’ responsabbiltà u t-twettiq ta’ impenji — bi ħlas jew destinati għal sussidji — li joriġinaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond Soċjali Ewropew u mill-Fond ta’ Koeżjoni […] għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007‑2013 — bl-eċċezzjoni ta’ għajnuna mill-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea — għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni, għall-persuni fiżiċi, ġuridiċi u entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika li jipparteċipaw fl-użu, fil-likwidazzjoni u fis-sorveljanza, għall-applikanti, id-destinatarji u l-benefiċjarji ta’ sussidji.”

    25

    Skont l-Artikolu 80(3) tad-Digriet Amministrattiv Nru 4/2011.

    “Il-benefiċjarju u l-organi involuti fil-ħlas ta’ għajnuna għandhom iżommu kontijiet separati għal kull proġett, jirreġistraw id-dokumenti kollha relatati mal-proġett separatament u jżommuhom tal-inqas sal‑31 ta’ Diċembru 2020.”

    Il-Kodiċi Ċivili

    26

    L-Artikolu 200(2) tal-polgári perrendtartásról szóló 1959. évi III. törvény (il-Liġi Nru IV tal-1959 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

    “Huwa null kuntratt li jikser jew jevadi dispożizzjoni legali, sakemm l-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx tipprevedi konsegwenza legali oħra.”

    27

    L-Artikolu 6:95 tal-Polgári törvénykönyvrġl szóló 2013. évi V. törvény (il-Liġi Nru V tal-2013 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili) jipprevedi:

    “Huwa null kuntratt li jikser jew jevadi dispożizzjoni legali, sakemm l-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx tipprevedi konsegwenza legali oħra. Mingħajr preġudizzju għal sanzjonijiet legali oħra, kuntratt huwa wkoll null meta dispożizzjoni legali tipprevedi dan speċifikament jew meta l-għan tiegħu huwa li jipprojbixxi l-effett imfittex minn liġi permezz tal-kuntratt inkwistjoni.”

    Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

    Il-Kawża C‑496/18

    28

    Fit‑30 ta’ Settembru 2005, Budapesti Közlekedési ppubblikat, bħala awtorità kontraenti, sejħa għal offerti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li għandu bħala suġġett l‑“akkwist ta’ sistema ta’ monitoraġġ għas-sorveljanza ta’ movimenti tal-istrutturi u tal-kontroll tal-ħoss u tal-vibrazzjonijiet matul l-ewwel parti tal-kostruzzjoni tal-linja 4 tal-Metro ta’ Budapest [l-Ungerija]”, li l-valur stmat tiegħu kien jaqbeż il-limiti Komunitarji u li kien jibbenefika minn għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea. Il-kuntratt ingħata lil grupp ta’ impriżi, kompost minn Hungeod u minn Sixense.

    29

    Fl‑1 ta’ Marzu 2006, il-kuntratt relatat mas-sejħa għal offerti ġie ffirmat.

    30

    Fil‑5 ta’ Ottubru 2009, il-partijiet kontraenti ddeċidew li jibdlu l-kuntratt, peress li ddikjaraw li rriżultaw ċirkustanzi imprevedibbli. Dan it-tibdil kien is-suġġett ta’ avviż ippubblikat fil-Közbeszerzési Értesítő (il-Bullettin tal-Kuntratti Pubbliċi) fit‑18 ta’ Novembru 2009.

    31

    Fid‑29 ta’ Mejju 2017, il-President tal-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi ressaq talba quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ fejn talbu, minn naħa, jikkonstata li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu wettqu ksur billi wettqu tibdiliet fil-kuntratt bi ksur tal-Artikolu 303(1) tal-Liġi tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, u, min-naħa l-oħra, li jimponilhom multi. Huwa indika li kien ħa konjizzjoni tal-ksur fit‑30 ta’ Marzu 2017 u għamel riferiment, sabiex jibbaża t-talba tiegħu, għall-Artikolu 153(3) kif ukoll għall-Artikolu 152(2)(a) tal-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi.

    32

    Fid-deċiżjoni tiegħu tat‑3 ta’ Awwissu 2017, il-Bord tal-Arbitraġġ ikkunsidra, qabel kollox, li d-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi kienu applikabbli f’dan il-każ, peress li, għalkemm din il-liġi kienet daħlet fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Novembru 2015 u li, bħala prinċipju, kienet tikkonċerna biss il-kuntratti konklużi wara dik id-data, hija kienet tapplika, skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fl-Artikolu 197(1) tagħha, għas-sorveljanza tat-tibdiliet fil-kuntratti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha. Huwa ppreċiża li l-proġett eżegwit fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jibbenefika minn finanzjament tal-Unjoni u li, għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 80(3) tad-Digriet tal-Gvern 4/2011, it-terminu sabiex tinbeda proċedura ex officio kien jiskadi fil‑31 ta’ Diċembru 2020.

    33

    Fuq il-mertu, wara li kkonstata l-ksur tal-Artikolu 303 tal-Liġi tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, il-Bord tal-Arbitraġġ ikkundanna lil Budapesti Közlekedési għall-pagament ta’ multa ta’ 25000000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 81275) u, in solidum, lil Hungeod u Sixense għall-pagament ta’ multa ta’ HUF 5000000 (madwar EUR 16255).

    34

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Arbitraġġ quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija).

    35

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod iktar preċiż mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni l-ġdida ta’ Stat Membru, bħal-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, tawtorizza, għal kuntratt pubbliku konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, lill-awtorità ta’ sorveljanza tibda ex officio, minkejja l-iskadenza tat-termini ta’ dekadenza previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti, investigazzjoni dwar il-ksur fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi mwettaq qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, sabiex jiġi stabbilit il-ksur u tiġi deċiża sanzjoni mill-Bord tal-Arbitraġġ.

    36

    Il-qorti tar-rinviju tesponi li, kuntrarjament għall-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi fil-qasam tat-termini ta’ reviżjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi, il-Kawża C‑496/18 tikkonċerna d-dritt għal awtorità ta’ superviżjoni li twettaq reviżjoni fl-interess tal-protezzjoni oġġettiva tad-drittijiet. Hija tistaqsi dwar l-implimentazzjoni f’tali kuntest tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ effettività.

    37

    Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-kontenut tal-Artikolu 99 tad-Direttiva 2014/25 u tistaqsi jekk jeżistux limiti għas-setgħat mogħtija lill-Istati Membri fil-qasam tal-prerogattivi tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni u jekk ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-persuni kkonċernati li jiksbu kuntratt partikolari humiex ukoll validi f’dan il-kuntest.

    38

    Hija tesprimi d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-possibbiltà prevista, bħala miżura tranżitorja, fl-Artikolu 197(1) tal-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li jiġu ssorveljati t-tibdiliet kuntrattwali li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

    39

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li tiġi applikata r-regola li, fil-każ ta’ proġett iffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni, it-terminu ta’ reviżjoni huwa marbut mat-terminu ta’ konservazzjoni tad-dokumenti, peress li din ir-regola ġiet introdotta bil-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi.

    40

    Hija tistaqsi jekk huwiex rilevanti, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet ta’ liġi, li jsir magħruf liema kienu l-lakuni legali, regolamentari, tekniċi jew organizzattivi jew l-ostakoli l-oħra li minħabba fihom il-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi ma kienx is-suġġett ta’ investigazzjoni fil-mument meta twettaq.

    41

    Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-premessi 25 u 27 tad-Direttiva 2007/66 jinsistu fuq ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali biss fir-rigward tar-rikorsi intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-assenza ta’ effett tas-suq u mhux dawk intiżi sabiex jiġi kkonstatat ksur u sabiex jiġi ssanzjonat.

    42

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikoli 41(1) u 47 tal-[Karta], il-premessi 2, 25, 27 u 36 tad-Direttiva [2007/66], l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva [92/13] u, f’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u r-rekwiżit ta’ effettività u ċelerità tar-rimedji disponibbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-konfront tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, inkonnessjoni mal-kuntratti pubbliċi konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, ladarba jkunu skadew it-termini ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikors stabbiliti fil-leġiżlazzjoni preċedenti tal-Istat Membru sabiex jiġi investigat il-ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi mwettaq qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni, tawtorizza b’mod ġenerali lill-awtorità (ta’ superviżjoni) kompetenti sabiex din tistitwixxi, fit-terminu stabbilit fl-imsemmija leġiżlazzjoni, proċedura sabiex jiġi investigat ksur partikolari fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u, b’konsegwenza ta’ dan, li tiddikjara li twettaq ksur, timponi sanzjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u tapplika l-konsegwenzi tan-nullità tal-kuntratt pubbliku?

    2)

    Jistgħu jiġu applikati l-liġijiet u l-prinċipji li hemm riferiment għalihom fl-ewwel domanda — minbarra għall-eżerċizzju [kif ukoll l-eżerċizzju] effettiv tad-dritt (suġġettiv u personali) għal rimedju li għandhom il-persuni kkonċernati mill-għoti tal-kuntratt pubbliku — għad-dritt li tiġi istitwita u żvolġuta proċedura ta’ reviżjoni li għandhom l-awtoritajiet (ta’ superviżjoni) stabbiliti mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru, li għandhom il-fakultà jindividwaw u jinvestigaw ex officio ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u li għandhom l-għan li jiddefendu l-interess pubbliku?

    3)

    Mill-Artikolu 99(1) u (2) tad-Direttiva [2014/25] jista’ jiġi dedott li, permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida, id-dritt tal-Istat Membru jista’ — sabiex jiddefendi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi — jawtorizza b’mod ġenerali lill-awtoritajiet (ta’ superviżjoni), li għandhom il-fakultà mogħtija lilhom mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru sabiex jindividwaw u jinvestigaw ex officio ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u li għandhom l-għan li jiddefendu l-interess pubbliku, sabiex jinvestigaw ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi mwettaq qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni u sabiex jistitwixxu u jiżvolġu proċedura, minkejja jkunu diġà skadew it-termini ta’ dekadenza skont il-leġiżlazzjoni preċedenti?

    4)

    Sabiex tiġi evalwata — filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-liġijiet u l-prinċipji li hemm riferiment għalihom fl-ewwel domanda — il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-fakultà ta’ investigazzjoni mogħtija lill-awtoritajiet (ta’ superviżjoni) kif deskritta fl-ewwel u fit-tielet domanda, huwa rilevanti liema kienu dawk il-lakuni legali, leġiżlattivi, tekniċi u strutturali jew l-ostakoli ta’ xi tip ieħor li minħabba fihom ma kienx ġie investigat il-ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi fil-mument li dan kien twettaq?

    5)

    L-Artikoli 41(1) u 47 tal-[Karta], il-premessi 2, 25, 27 u 36 tad-Direttiva [2007/66], l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva [92/13] u, f’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u r-rekwiżit ta’ effettività u ċelerità tar-rimedji disponibbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-konfront tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li — inkluż jekk, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, tista’ tingħata l-fakultà li hemm riferiment għaliha fl-ewwel u fir-raba’ domanda lill-awtoritajiet (ta’ superviżjoni), li għandhom il-fakultà mogħtija lilhom mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru sabiex jindividwaw u jinvestigaw ex officio ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u li għandhom l-għan li jiddefendu l-interess pubbliku — il-qorti nazzjonali tista’ tevalwa n-natura raġonevoli u l-proporzjonalità tal-perijodu ta’ żmien li jkun iddekorra bejn it-twettiq tal-ksur, l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza għall-preżentata tar-rikors previst preċedentement u l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-ksur u minn dan tiddeduċi l-konsegwenza legali tal-ineffikaċja tad-deċiżjoni kkontestata jew xi konsegwenza oħra stabbilita mid-dritt tal-Istat Membru?”

    Il-Kawża C‑497/18

    43

    Fit‑3 ta’ Jannar 2009, Budapesti Közlekedési ppubblikat, bħala awtorità kontraenti, sejħa għal offerti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li għandu bħala għan “il-provvista ta’ servizzi ta’ perizja rigward il-ġestjoni tal-proġett DBR matul l-ewwel stadju tal-kostruzzjoni tal-Linja 4 tal-Metro Parti 7: Espert fil-ġestjoni tar-riskji”, li l-valur stmat tiegħu kien jaqbeż il-limiti Komunitarji u li kien jibbenefika minn għajnuna finanzjarja tal-Unjoni. Il-kuntratt ingħata lil Matrics Consults Ltd, stabbilita fir-Renju Unit.

    44

    Fl‑14 ta’ Mejju 2009, il-kuntratt relatat mas-sejħa għal offerti ġie ffirmat. Huwa ġie xolt fis‑16 ta’ Novembru 2011 minn Budapesti Közlekedési b’effett mill‑31 ta’ Diċembru 2011.

    45

    Fit‑30 ta’ Mejju 2017, il-President tal-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi ressaq il-kwistjoni quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ fejn talbu, minn naħa, jikkonstata li Budapesti Közlekedési u Matrics Consults kienu wettqu ksur u, min-naħa l-oħra, li jimponilhom multi. Huwa kkonstata li, għalkemm il-partijiet fil-kuntratt ma kinux biddluh bil-miktub, huma kienu, permezz tal-aġir tagħhom waqt il-pagament tal-fatturi u tar-redazzjoni taċ-ċertifikati ta’ eżekuzzjoni, eskludew il-kundizzjonijiet ta’ pagament iddefiniti fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-offerta u inklużi f’dan il-kuntratt, b’tali mod li dawn il-bidliet kellhom jitqiesu bħala bidla tal-kuntratt. B’hekk, skont il-President tal-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi, dawn il-partijiet kienu kisru l-Artikolu 303(1) tal-Liġi tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Huwa indika li sar jaf bil-ksur fil‑31 ta’ Marzu 2017, li kien preżunt li seħħ fit‑8 ta’ Frar 2010.

    46

    Fid-deċiżjoni tiegħu tat‑18 ta’ Awwissu 2017, il-Bord tal-Arbitraġġ ikkunsidra, qabel kollox, li d-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi kienu applikabbli f’dan il-każ, peress li, għalkemm din il-liġi kienet daħlet fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Novembru 2015 u li, bħala prinċipju, kienet tikkonċerna biss il-kuntratti konklużi wara dik id-data, hija kienet tapplika, skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji li jinsabu fl-Artikolu 197(1) tagħha, għas-sorveljanza tat-tibdiliet fil-kuntratti li seħħew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

    47

    Fuq il-mertu, wara li kkonstata ksur tal-Artikolu 303 tal-Liġi tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, il-Bord tal-Arbitraġġ impona multa ta’ HUF 27000000 (madwar EUR 88938) fuq Budapesti Közlekedési kif ukoll multa ta’ HUF 13000000 (madwar EUR 42822) fuq Matrics Consults.

    48

    Budapesti Közlekedési u Matrics Consults ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Arbitraġġ quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest).

    49

    Il-qorti tar-rinviju tesponi kunsiderazzjonijiet simili għal dawk ifformulati fil-Kawża C‑496/18, kif esposti fil-punti 35 sa 41 ta’ din is-sentenza.

    50

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikoli 41(1) u 47 tal-[Karta], il-premessi 2, 25, 27 u 36 tad-Direttiva [2007/66], l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva [89/665] u, f’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u r-rekwiżit ta’ effettività u ċelerità tar-rimedji disponibbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-konfront tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, inkonnessjoni mal-kuntratti pubbliċi konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, ladarba jkunu skadew it-termini ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikors stabbiliti fil-leġiżlazzjoni preċedenti tal-Istat Membru sabiex jiġi investigat il-ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi mwettaq qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni, tawtorizza b’mod ġenerali lill-awtorità (ta’ superviżjoni) kompetenti sabiex din tistitwixxi, fit-terminu stabbilit fl-imsemmija leġiżlazzjoni, proċedura sabiex jiġi investigat ksur partikolari fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u, b’konsegwenza ta’ dan, li tiddikjara li twettaq ksur, timponi sanzjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u tapplika l-konsegwenzi tan-nullità tal-kuntratt pubbliku?

    2)

    Jistgħu jiġu applikati l-liġijiet u l-prinċipji li hemm riferiment għalihom fl-ewwel domanda — minbarra għall-eżerċizzju [kif ukoll l-eżerċizzju] effettiv tad-dritt (suġġettiv u personali) għal rimedju li għandhom il-persuni kkonċernati mill-għoti tal-kuntratt pubbliku — għad-dritt li tiġi istitwita u żvolġuta proċedura ta’ reviżjoni li għandhom l-awtoritajiet (ta’ superviżjoni) stabbiliti mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru, li għandhom il-fakultà jindividwaw u jinvestigaw ex officio ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u li għandhom l-għan li jiddefendu l-interess pubbliku?

    3)

    Mill-Artikolu 99[83](1) u (2) tad-Direttiva [2014/24] jista’ jiġi dedott li, permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida, id-dritt tal-Istat Membru jista’ — sabiex jiddefendi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi — jawtorizza b’mod ġenerali lill-awtoritajiet (ta’ superviżjoni), li għandhom il-fakultà mogħtija lilhom mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru sabiex jindividwaw u jinvestigaw ex officio ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u li għandhom l-għan li jiddefendu l-interess pubbliku, sabiex jinvestigaw ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi mwettaq qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni u sabiex jistitwixxu u jiżvolġu proċedura, minkejja jkunu diġà skadew it-termini ta’ dekadenza skont il-leġiżlazzjoni preċedenti?

    4)

    Sabiex tiġi evalwata — filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-liġijiet u l-prinċipji li hemm riferiment għalihom fl-ewwel domanda — il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-fakultà ta’ investigazzjoni mogħtija lill-awtoritajiet (ta’ superviżjoni) kif deskritta fl-ewwel u fit-tielet domanda, huwa rilevanti liema kienu dawk il-lakuni legali, leġiżlattivi, tekniċi u strutturali jew l-ostakoli ta’ xi tip ieħor li minħabba fihom ma kienx ġie investigat il-ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi fil-mument li dan kien twettaq?

    5)

    L-Artikoli 41(1) u 47 tal-[Karta], il-premessi 2, 25, 27 u 36 tad-Direttiva [2007/66], l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva [89/665] u, f’dan il-kuntest, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u r-rekwiżit ta’ effettività u ċelerità tar-rimedji disponibbli fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-konfront tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu interpretati fis-sens li — inkluż jekk, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, tista’ tingħata l-fakultà li hemm riferiment għaliha fl-ewwel u fir-raba’ domanda lill-awtoritajiet (ta’ superviżjoni), li għandhom il-fakultà mogħtija lilhom mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru sabiex jindividwaw u jinvestigaw ex officio ksur fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi u li għandhom l-għan li jiddefendu l-interess pubbliku — il-qorti nazzjonali tista’ tevalwa n-natura raġonevoli u l-proporzjonalità tal-perijodu ta’ żmien li jkun iddekorra bejn it-twettiq tal-ksur, l-iskadenza tat-terminu ta’ dekadenza għall-preżentata tar-rikors previst preċedentement u l-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni tal-ksur u minn dan tiddeduċi l-konsegwenza legali tal-ineffikaċja tad-deċiżjoni kkontestata jew xi konsegwenza oħra stabbilita mid-dritt tal-Istat Membru?”

    51

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Settembru 2018, il-Kawżi C‑496/18 u C‑497/18 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

    Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

    52

    Il-President tal-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi u l-Gvern Ungeriż iqisu li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma inammissibbli minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod iktar partikolari l-Artikolu 303 tal-Liġi tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi u l-Artikolu 197 tal-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

    53

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Fil-fatt, meta dawn id-domandi jkunu jirrigwardaw interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Comida paralela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    54

    Għaldaqstant, huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom tkun tressqet it-tilwima u li huma responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Comida paralela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 19 u l-ġurisprudeza ċċitata).

    55

    Madankollu, jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mitluba bl-ebda mod ma hija relatata mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha, hija tista’ tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Comida paralela 12, C‑579/18, EU:C:2019:875, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    56

    F’dan il-każ, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt jekk diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kemm jekk huma tal-Karta, tad-Direttivi 89/665 u 92/13, dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jew tad-Direttivi 2014/24 u 2014/25, dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kif ukoll ċerti prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari dawk ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità, jipprekludux il-possibbiltà, prevista mil-leġiżlazzjoni Ungeriża, li tiġi awtorizzata awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza sabiex tibda ex officio, taħt liġi ġdida, proċedura ta’ sorveljanza ta’ bidliet li saru għal kuntratt pubbliku, sabiex sanzjonijiet jiġu imposti fuq il-partijiet f’dan il-kuntratt mill-awtorità ta’ sorveljanza u li, possibbilment, in-nullità ta’ dawn it-tibdiliet kuntrattwali tiġi kkonstatata mill-qorti nazzjonali.

    57

    Issa, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratti li kienu s-suġġett tal-bidliet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jaqgħu, fid-data tal-konklużjoni tagħhom, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-kuntratti pubbliċi relatati magħhom kienu jaqbżu l-limiti previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti.

    58

    Barra minn hekk, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidher li huwa partikolarment neċessarju li l-qorti tar-rinviju tkun informata dwar jekk id-direttivi jew il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li hija tinvoka jipprekludux proċedura ex officio, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    59

    Fl-aħħar nett, l-ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi preżunt li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali, jew li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula.

    60

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

    Fuq id-domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    61

    Skont il-qorti tar-rinviju, is-soluzzjoni tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali tiddependi fuq il-punt dwar jekk id-direttivi u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, imsemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tista’ tibda ex officio proċedura ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ tibdiliet li saru għal kuntratti pubbliċi, minkejja li dawn it-tibdiliet seħħew taħt leġiżlazzjoni preċedenti u li t-terminu ta’ dekadenza previst minnha kien diġà skada fid-data li fiha nbdiet il-proċedura ex officio.

    62

    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Karta, invokati mill-qorti tar-rinviju, ma humiex rilevanti sabiex din tingħata kjarifikazzjonijiet fil-kuntest tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali.

    63

    Fil-fatt, minn naħa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 41 tal-Karta jirriżulta b’mod ċar li dan ma huwiex indirizzat lill-Istati Membri iżda biss lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, EU:C:2011:868, punt 28, u tad‑9 ta’ Marzu 2017, Doux, C‑141/15, EU:C:2017:188, punt 60).

    64

    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji legali intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-kandidati u lill-offerenti ppreġudikati minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw li ma jiġux ippreġudikati d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u ta’ aċċess għal qorti jew tribunal imparzjali, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punti 43 sa 45, kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ Frar 2019, Cooperativa Animazione Valdocco, C‑54/18, EU:C:2019:118, punt 30).

    65

    Issa, minn ebda element tal-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li l-proċedura ta’ rimedju ex officio fir-rigward tal-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għandha l-effett li tippreġudika d-dritt għal rimedju effettiv jew dak ta’ aċċess għal qorti jew tribunal imparzjali.

    66

    Fit-tieni lok, peress li d-diversi domandi preliminari jikkoinċidu fuq diversi livelli, dawn għandhom jingħaqdu u jiġu fformulati mill-ġdid, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata l-iktar risposti preċiżi possibbli.

    67

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, l-ewwel nett, permezz tat-tieni domandi tagħha, jekk il-premessi 25 u 27 tad-Direttiva 2007/66, l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 92/13, l-Artikolu 83(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 99(1) u (2) tad-Direttiva 2014/25 jimponux jew jipprojbixxux lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li skontha awtorità ta’ sorveljanza tista’ tagħti bidu, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, proċedura ta’ reviżjoni ex officio sabiex tissorvelja l-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar kuntratti pubbliċi, it-tieni nett, permezz tal-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi tagħha, jekk il-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali jipprekludix li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni ex officio mibdija minn awtorità ta’ sorveljanza, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li, sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ modifiki ta’ kuntratti pubbliċi, il-bidu ta’ tali proċedura fit-terminu ta’ dekadenza li hija tistabbilixxi, għalkemm it-terminu ta’ dekadenza previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, applikabbli għad-data ta’ dawn il-modifikazzjonijiet skada u, it-tielet nett, mill-ħames domandi tagħha, jekk, fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel, għat-tielet u għar-raba’ domandi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludix lil qorti nazzjonali milli tkun tista’ tevalwa n-natura raġonevoli u proporzjonali tal-perijodi li għaddew bejn it-twettiq tal-ksur, l-iskadenza tat-termini ta’ dekadenza preċedenti u l-proċedura mibdija sabiex jiġi investigat il-ksur, u tistax tiġbed konsegwenzi minn dan dwar il-validità tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata jew kwalunkwe konsegwenza legali oħra prevista mid-dritt tal-Istat Membru.

    Fuq it-tieni domandi

    68

    Permezz tat-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-premessi 25 u 27 tad-Direttiva 2007/66, l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 92/13, l-Artikolu 83(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 99(1) u (2) tad-Direttiva 2014/25 jimponux jew jipprojbixxux lill-Istati Membri milli jadottaw leġiżlazzjoni li bis-saħħa tagħha awtorità ta’ superviżjoni tista’ tagħti bidu, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għal proċedura ta’ reviżjoni ex officio sabiex tissorvelja l-ksur tar-leġiżlazzjoni dwar kuntratti pubbliċi.

    69

    Fl-ewwel lok, għalkemm il-Gvern Ungeriż isostni li l-premessi ta’ att tal-Unjoni ma humiex ta’ natura obbligatorja, għandu jitfakkar li d-dispożittiv ta’ att huwa indiviżibbli mill-motivazzjoni tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi interpretat, jekk ikun meħtieġ, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑404/97, EU:C:2000:345, punt 41, u tal‑4 ta’ Diċembru 2019, Consorzio Tutela Aceto Balsamico di Modena, C‑432/18, EU:C:2019:1045, punt 29).

    70

    Minn dan isegwi li d-Direttiva 2007/66 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-premessi 25 u 27 tagħha.

    71

    Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li, ċertament, id-Direttivi 89/665 u 92/13, b’mod partikolari l-Artikoli 1(3) tagħhom, huma intiżi li jipprevedu li l-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu aċċessibbli tal-inqas lil kull persuna li għandha jew kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li ġiet jew li tista’ tiġi ppreġudikata minn allegat ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Symvoulio Apochetefseon Lefkosias, C‑570/08, EU:C:2010:621, punt 37).

    72

    Dawn id-dispożizzjonijiet, li huma intiżi sabiex jipproteġu l-operaturi ekonomiċi mill-arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti, għandhom l-għan għalhekk li jiżguraw l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ rimedji ġudizzjarji effikaċi, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari fi stadju fejn il-ksur ikun għadu jista’ jiġi kkorreġut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 41).

    73

    Madankollu, għalkemm id-Direttivi 89/665 u 92/13 jimponu l-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji għad-dispożizzjoni ta’ impriżi li għandhom jew li kellhom interess li jiksbu kuntratt partikolari u li kienu, jew hemm riskju li jiġu, leżi minn ksur allegat, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 92/13 ma jistgħux jitqiesu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jwettqu armonizzazzjoni sħiħa u, għaldaqstant, bħala li jipprevedu r-rimedji ġudizzjarji kollha possibbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

    74

    Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li la jimponu u lanqas jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jipprevedu l-eżistenza ta’ rimedji favur awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, sabiex dawn ikunu jistgħu jikkonstataw, bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

    75

    La l-premessi 25 u 27 u lanqas l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2007/66, li inkludew l-Artikolu 2d rispettivament fid-Direttiva 89/665 u fid-Direttiva 92/13, ma jikkontestaw tali interpretazzjoni.

    76

    Fil-fatt, billi pprevedew li, essenzjalment, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw li kuntratt jiġi ddikjarat ineffettiv minn istanza indipendenti mill-awtorità kontraenti, l-Artikolu 2d tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 2d tad-Direttiva 92/13 sempliċement isaħħu l-effetti tar-rimedji li dawn id-direttivi jimponu fuq l-Istati Membri li jimplimentaw, jiġifieri rimedji għad-dispożizzjoni tal-impriżi li għandhom jew li kellhom interess li jiksbu kuntratt partikolari u li kellhom jew kienu f’riskju li jiġu leżi minn ksur allegat.

    77

    Fit-tielet lok, għandu jitqies li l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 99 tad-Direttiva 2014/25, li huma redatti f’termini identiċi, la jistgħu jiġu interpretati bħala li jimponu u lanqas bħala li jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jipprevedu mekkaniżmu ta’ reviżjoni ex officio fl-interess pubbliku, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    78

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 99 tad-Direttiva 2014/25, kif iċċarati rispettivament mill-premessi 121 u 122 tal-ewwel u mill-premessi 127 u 128 tat-tieni, jinsabu fit-Titolu IV, intitolat “Governanza”, ta’ kull waħda minn dawn id-direttivi.

    79

    B’hekk, il-premessa 121 tad-Direttiva 2014/24 u l-premessa 127 tad-Direttiva 2014/25 jillimitaw ruħhom li jiddikjaraw li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jiżguraw “li wieħed ikollu ħarsa ġenerali tajba tal-problemi strutturali u x-xejriet ġenerali possibbli fil-politiki nazzjonali dwar l-akkwist, sabiex il-problemi possibbli jiġu indirizzati b’miri aktar preċiżi”.

    80

    Dwar il-premessa 122 tad-Direttiva 2014/24 u l-premessa 128 tad-Direttiva 2014/25, huma jispeċifikaw li l-proċeduri ta’ reviżjoni previsti mid-Direttivi 89/665 u 92/13 rispettivament ma għandhomx jiġu affettwati mid-Direttivi 2014/24 u 2014/25. Huma jżidu li ċ-ċittadini, il-partijiet ikkonċernati kif ukoll persuni jew korpi oħrajn li ma għandhomx aċċess għal dawn il-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom interess leġittimu bħala persuni li jħallsu t-taxxa li jkun hemm proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt tajbin u li, għaldaqstant, għandhom jingħataw il-possibbiltà, b’mod differenti mis-sistema ta’ reviżjoni skont id-Direttivi 89/665 u 92/13 u mingħajr neċessarjament ma jagħtu locus standi, li jindikaw ksur possibbli tad-Direttivi 2014/24 u 2014/25 lil awtorità jew struttura kompetenti.

    81

    F’dan il-kuntest, l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 99 tad-Direttiva 2014/25 jipprevedu kull wieħed, fil-paragrafu 1 tagħhom, li, sabiex jiżguraw effettivament l-applikazzjoni tajba u l-implimentazzjoni effikaċi ta’ dawn id-direttivi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, tal-inqas, il-kompiti msemmija f’dawn l-artikoli jitwettqu minn awtorità, korp jew struttura waħda jew iktar, u, fil-paragrafu 2 tagħhom, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tkun issorveljata.

    82

    B’dan il-mod, dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu rekwiżiti minimi li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu mekkaniżmi li jippermettu s-sorveljanza tal-applikazzjoni tar-regoli dwar il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    83

    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprojbixxux lill-Istati Membri milli jipprevedu l-eżistenza ta’ proċeduri ta’ reviżjoni ex officio favur awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, li jippermettulhom, bil-għan li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li jikkonstataw ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Għall-kuntrarju, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, proċedura ta’ din in-natura tikkostitwixxi waħda mill-espressjonijiet possibbli tar-rwol il-ġdid assenjat lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni mill-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/24 u mill-Artikolu 99 tad-Direttiva 2014/25.

    84

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-diversi dispożizzjonijiet u premessi eżaminati fil-punti 69 sa 83 ta’ din is-sentenza la jimponu u lanqas jipprojbixxu lill-Istati Membri li jippermettu lil awtorità ta’ superviżjoni tagħti bidu, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, għal proċedura ta’ reviżjoni ex officio sabiex tissorvelja l-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

    85

    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, meta tali proċedura ta’ reviżjoni ex officio hija prevista, hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-kuntratti pubbliċi li huma s-suġġett ta’ tali rikors jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi.

    86

    Għaldaqstant, tali proċedura ta’ reviżjoni ex officio għandha tosserva d-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, li minnhom jagħmel parti l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali.

    87

    Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domandi magħmula għandha tkun li l-premessi 25 u 27 tad-Direttiva 2007/66, l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 92/13, l-Artikolu 83(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 99(1) u (2) tad-Direttiva 2014/25 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jimponux u lanqas ma jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jadottaw leġiżlazzjoni li bis-saħħa tagħha awtorità ta’ sorveljanza tista’ tagħti bidu, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għal proċedura ta’ reviżjoni ex officio sabiex tissorvelja l-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Madankollu, fejn hija prevista din il-proċedura, hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-kuntratti pubbliċi li huma s-suġġett ta’ tali reviżjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u għandhom għaldaqstant josservaw dan id-dritt, inklużi l-prinċipji ġenerali tiegħu, li l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jifforma parti minnu.

    Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi

    88

    Permezz tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jipprekludix li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni ex officio mibdija minn awtorità ta’ sorveljanza għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida tipprevedi, sabiex tiġi ssorveljata l-legalità ta’ tibdiliet f’kuntratti pubbliċi, il-ftuħ ta’ tali proċedura fit-terminu ta’ dekadenza li hija tistabbilixxi, minkejja li t-terminu ta’ dekadenza previst mil-leġiżlazzjoni, li kien applikabbli fid-data ta’ dawn il-bidliet, skada.

    89

    Qabel kollox, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix ħlief it-tibdiliet sostanzjali ta’ dispożizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku, li jikkorrispondu għat-tibdiliet magħmula għall-kundizzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku matul il-perijodu tal-validità tiegħu li jikkostitwixxu għoti ġdid ta’ kuntratt fis-sens tad-Direttiva 2014/24 għar-raġuni li jkollhom karatteristiċi sostanzjalment differenti minn dawk tal-kuntratt inizjali u li, konsegwentement, ikunu ta’ tali natura li juru l-volontà tal-partijiet li jinnegozjaw mill-ġdid it-termini essenzjali ta’ dan il-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2008, pressetext Nachrichtenagentur, C‑454/06, EU:C:2008:351, punt 34, u tad‑29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08, EU:C:2010:230, punt 99).

    90

    Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa impost, skont id-dritt tal-Unjoni, fuq kull awtorità nazzjonali, dan huwa biss sa fejn din hija inkarigata li tapplika d-dritt tal-Unjoni (sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia, C‑347/06, EU:C:2008:416, punt 65, u tal‑21 ta’ Marzu 2019, Unareti, C‑702/17, EU:C:2019:233, punt 34).

    91

    Issa, kif jirriżulta mill-punt 85 ta’ din is-sentenza, meta awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tibda ex officio proċedura ta’ reviżjoni kontra t-tibdiliet magħmula, matul l-eżekuzzjoni tiegħu, għal kuntratt pubbliku li jaqa’ taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, tali reviżjoni taqa’ wkoll taħt id-dritt tal-Unjoni.

    92

    Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk tali reviżjoni, mibdija ex officio sabiex tiġi deċiża sanzjoni fir-rigward tal-partijiet kontraenti li biddlu illegalment il-kuntratt li jorbothom, jew sabiex tiġi kkonstatata l-assenza ta’ effett ta’ dan il-kuntratt għal din ir-raġuni, tosservax il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida li tirregolah tippermetti l-ftuħ mill-ġdid tat-termini ta’ dekadenza fir-rigward tal-bidliet li saru, anki jekk dawn ikunu seħħew taħt il-liġi preċedenti u li t-terminu ta’ dekadenza previst minn din tal-aħħar ikun diġà skada fid-data meta nbdiet il-proċedura ex officio.

    93

    F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jirrikjedi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi (sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, ASM Brescia, C‑347/06, EU:C:2008:416, punt 69, u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, X-Steuerberatungsgesellschaft, C‑342/14, EU:C:2015:827, punt 59).

    94

    Għandu jitfakkar li, minkejja li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li leġiżlazzjoni tiġi applikata retroattivament, jiġifieri għal sitwazzjoni li tkun seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, u dan indipendentement mill-effetti favorevoli jew sfavorevoli li tali applikazzjoni jista’ jkollha għall-parti kkonċernata, l-istess prinċipju jirrikjedi li kull sitwazzjoni ta’ fatt tiġi normalment, u sakemm ma jkunx hemm indikazzjoni espressa kuntrarja, evalwata fid-dawl tar-regoli ta’ dritt li huma kontemporanji għaliha, u b’hekk il-leġiżlazzjoni l-ġdida tapplika biss għall-futur u tapplika wkoll, ħlief fil-każ ta’ deroga, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet preċedenti li nħolqu taħt il-liġi l-antika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2015, A2A, C‑89/14, EU:C:2015:537, punt 37, kif ukoll tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț u Județul Bacău, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 55).

    95

    Barra minn hekk, fir-rigward speċifikament tat-termini ta’ dekadenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jissodisfaw il-funzjoni tagħhom li jiżguraw iċ-ċertezza legali, dawn għandhom jiġu stabbiliti minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, EU:C:1970:71, punt 19, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, C‑201/10 u C‑202/10, EU:C:2011:282, punt 52) u jkunu suffiċjentement prevedibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, C‑201/10 u C‑202/10, EU:C:2011:282, punt 34, kif ukoll tas‑17 ta’ Settembru 2014, Cruz & Companhia, C‑341/13, EU:C:2014:2230, punt 58).

    96

    F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tad-dati li fihom seħħew il-bidliet tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 327(2)(a) tal-Liġi tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi kien applikabbli. Issa, it-terminu li din id-dispożizzjoni kienet tagħti lill-President tal-Kunsill tal-Kuntratti Pubbliċi sabiex jibda proċedura ex officio kontra dawn it-tibdiliet quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ kien diġà skada b’diversi snin fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    97

    B’hekk, billi ppermetta l-bidu ta’ proċeduri ex officio fir-rigward ta’ bidliet magħmula għal kuntratti pubbliċi li kienu dekaduti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi tal-2003 dwar il-Kuntratti Pubbliċi applikabbli għal dawn il-bidliet, l-Artikolu 197(1) tal-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi ma huwiex intiż sabiex ikopri sitwazzjonijiet ġuridiċi pendenti, iżda jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura retroattiva.

    98

    Fil-fatt, kif enfasizzaw Budapesti Közlekedési u l-Kummissjoni, din il-leġiżlazzjoni tawtorizza lill-awtorità kompetenti sabiex tibda tali proċedura sabiex tiftaħ mill-ġdid it-termini ta’ dekadenza minkejja li din inkisbet taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti.

    99

    Ċertament, id-dritt tal-Unjoni jaċċetta, b’eċċezzjoni, li att jista’ jingħata effett retroattiv, meta l-għan li jrid jintlaħaq jirrikjedi dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu debitament osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Gerekens u Procola, C‑459/02, EU:C:2004:454, punt 24).

    100

    Madankollu, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludi li tibdiliet magħmula għal-leġiżlazzjoni nazzjonali jippermettu lil awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tibda proċedura ta’ reviżjoni minkejja li t-terminu ta’ dekadenza previst mil-leġiżlazzjonipreċedenti, applikabbli fid-data ta’ dawn it-tibdiliet, ikun skada.

    101

    Fl-aħħar nett, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 90 sa 100 ta’ din is-sentenza ma jistgħux jiġu kkontestati mill-fatt li l-Liġi tal-2015 dwar il-Kuntratti Pubbliċi hija intiża li tiżgura l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li ttaffi l-lakuni legali, tekniċi jew organizzattivi li rriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni preċedenti.

    102

    Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel, għat-tielet u għar-raba’ domandi għandha tkun li l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jipprekludi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni ex officio mibdija minn awtorità ta’ sorveljanza għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida tipprevedi, sabiex tiġi ssorveljata l-legalità ta’ bidliet f’kuntratti pubbliċi, il-ftuħ ta’ tali proċedura fit-terminu ta’ dekadenza li hija tistabbilixxi, anki jekk it-terminu ta’ dekadenza previst mil-leġiżlazzjoni preċedenti, li kien applikabbli fid-data ta’ dawn il-bidliet, skada.

    Fuq il-ħames domandi

    103

    Permezz tal-ħames domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fl-ipoteżi li tingħata risposta negattiva għall-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludix li qorti nazzjonali tista’ tevalwa n-natura raġonevoli u proporzjonata tal-perijodi li għaddew bejn it-twettiq tal-ksur, l-iskadenza tat-termini ta’ dekadenza preċedenti u l-proċedura mibdija sabiex jiġi investigat il-ksur, u tista’ tislet minn dan konsegwenzi fuq il-validità tad-deċiżjoni amministrattiva kkontestata jew kull konsegwenza ġuridika oħra prevista mid-dritt tal-Istat Membru.

    104

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel, għat-tielet u għar-raba’ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames domandi.

    Fuq l-ispejjeż

    105

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Il-premessi 25 u 27 tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effikaċja tal-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet], kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE, l-Artikolu 1(1) sa (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li jirrelataw mal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, l-Artikolu 83(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, u l-Artikolu 99(1) u (2) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jimponux u lanqas ma jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jadottaw leġiżlazzjoni li bis-saħħa tagħha awtorità ta’ sorveljanza tista’ tagħti bidu, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, għal proċedura ta’ reviżjoni ex officio sabiex tissorvelja l-ksur tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. Madankollu, fejn hija prevista din il-proċedura, hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-kuntratti pubbliċi li huma s-suġġett ta’ tali reviżjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u għandhom għaldaqstant josservaw dan id-dritt, inklużi l-prinċipji ġenerali tiegħu, li l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jifforma parti minnu.

     

    2)

    Il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jipprekludi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reviżjoni ex officio mibdija minn awtorità ta’ sorveljanza għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida tipprevedi, sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ tibdiliet fil-kuntratti pubbliċi, il-ftuħ ta’ tali proċedura fit-terminu ta’ dekadenza li hija tistabbilixxi, anki jekk it-terminu ta’ dekadenza previst mil-leġiżlazzjoni preċedenti, li kien applikabbli għal dawn it-tibdiliet, skada.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top