Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0385

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019.
    Arriva Italia Srl et vs Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Consiglio di Stato.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Kunċett – Impriża pubblika ferrovjarja f’diffikultà – Miżuri ta’ għajnuna – Għoti ta’ għajnuna finanzjarja – Għan – Tkomplija tal-attivitajiet tal-impriża pubblika ferrovjarja – Għoti u parteċipazzjoni fil-kapital ta’ din l-impriża pubblika – Trasferiment fil-kapital ta’ impriża pubblika oħra – Kriterju ta’ investitur privat – Obbligu ta’ notifika preliminari tal-għajnuna ġdida.
    Kawża C-385/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1121

      ( i )SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Kunċett – Impriża pubblika ferrovjarja f’diffikultà – Miżuri ta’ għajnuna – Għoti ta’ għajnuna finanzjarja – Għan – Tkomplija tal-attivitajiet tal-impriża pubblika ferrovjarja – Għoti u parteċipazzjoni fil-kapital ta’ din l-impriża pubblika – Trasferiment fil-kapital ta’ impriża pubblika oħra – Kriterju ta’ investitur privat – Obbligu ta’ notifika preliminari tal-għajnuna ġdida”

    Fil-Kawża C-385/18,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2018, fil-proċedura

    Arriva Italia Srl,

    Ferrotramviaria SpA,

    Consorzio Trasporti Aziende Pugliesi (CO.TRA.P)

    vs

    Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

    fil-preżenza ta’:

    Ferrovie dello Stato Italiane SpA,

    Gestione Commissariale per Le Ferrovie del Sud Est e Servizi Automobilistici Srl b’imsieħeb wieħed,

    Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala imħallef tat-Tieni Awla, P. G. Xuereb (Relatur), C. Vajda u A. Kumin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

    Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Mejju 2019,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Arriva Italia Srl, Ferrotramviaria SpA u Consorzio Trasporti Aziende Pugliesi (CO.TRA.P), minn G. L. Zampa u T. Salonico, avvocati,

    għal Ferrovie dello Stato Italiane SpA, minn A. Zoppini, G. M. Roberti, G. Bellitti u I. Perego, avvocati,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Palmieri, avvocatessa dello Stato,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Recchia u F. Tomat, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Lulju 2019,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107 u l-Artikolu 108(3) TFUE.

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Arriva Italia Srl, Ferrotramviaria SpA u Consorzio Trasporti Aziende Pugliesi (CO.TRA.P) (iktar ’il quddiem “Arriva Italia et”) u l-Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti (Il-Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport, l-Italja) dwar it-trasferiment, minn dan tal-aħħar, tal-holding tiegħu ta’ 100 % fil-kapital ta’ Ferrovie del Sud Est e Servizi Automobilistici Srl b’imsieħeb wieħed (iktar ’il quddiem “FSE”) lil Ferrovie dello Stato Italiane SpA (iktar ’il quddiem “FSI”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Il-punt 188 tal-Avviż tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, imsemmi fl-Artikolu 107(1) [TFUE] (ĠU 2016, C 262, p. 1, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2016”), jipprovdi:

    “Il-fatt li l-awtoritajiet jassenjaw servizz pubbliku lil fornitur intern (anki jekk dawn kienu ħielsa li jagħtu dak is-servizz lil partijiet terzi) bħala tali ma jeskludix il-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, tali distorsjoni hija eskluża jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    a)

    servizz ikun suġġett għal monopolju legali (stabbilit skont id-dritt tal-Unjoni) […];

    b)

    il-monopolju legali ma jeskludix biss il-kompetizzjoni fis-suq, iżda anke għas-suq, fis-sens li jeskludi kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni biex isir il-fornitur esklużiv tas-servizz inkwistjoni […];

    c)

    is-servizz ma jkunx f’kompetizzjoni ma’ servizzi oħra; u

    d)

    jekk il-fornitur tas-servizz ikun attiv f’suq (ġeografiku jew tal-prodott) ieħor li huwa miftuħ għal kompetizzjoni, għandu jiġi eskluż sussidju inkroċjat. Dan jeħtieġ li jintużaw kontijiet separati, li l-ispejjeż u d-dħul jiġu allokati b’mod xieraq u li l-finanzjament pubbliku pprovdut għas-servizz suġġett għall-monopolju legali ma jkunx jista’ jkun ta’ benefiċċju għal attivitajiet oħra.”

    4

    Il-punti 211 u 212 tal-Avviż tal-2016 huma fformulati kif ġej:

    “211.

    Hemm ċirkostanzi li fihom ċerti infrastrutturi ma jiffaċċjawx kompetizzjoni diretta minn infrastrutturi oħra tal-istess tip jew minn infrastrutturi ta’ tip differenti li joffru servizzi b’ċertu grad ta’ sostitwibbiltà, jew ma’ tali servizzi direttament […]. In-nuqqas ta’ kompetizzjoni diretta bejn l-infrastrutturi huwa probabbilment il-każ għal netwerk komprensiv ta’ infrastrutturi […] li huma monopolji naturali, jiġifieri ma jkunx ekonomikament vantaġġuż li jiġu replikati. Bl-istess mod, jista’ jkun hemm setturi fejn il-finanzjament privat għall-bini tal-infrastrutturi jkun insinifikanti […]. Il-Kummissjoni tqis li l-effett fuq l-iskambji bejn l-Istati Membru jew distorsjoni tal-kompetizzjoni hija ġeneralment eskluża fil-qasam tal-kostruzzjoni tal-infrastruttura fil-każijiet fejn il-kundizzjonijiet kumulattivi segwenti huma ssoddisfatti: i) l-infrastruttura ma tkunx normalment ikkonfrontata b’kompetizzjoni diretta, ii) il-finanzjament privat huwa insignifikanti fis-settur u l-Istat Membru kkonċernati u iii) l-infrastruttura ma hijiex maħsuba sabiex tiffavorixxi b’mod selettiv impriża jew settur partikolari, iżda tipprovdi vantaġġi lis-soċjetà kollha kemm hi.

    212.

    Sabiex il-finanzjament pubbliku kollu ta’ proġett partikolari ma jaqax taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-finanzjament ipprovdut għall-bini tal-infrastrutturi fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 211 ma jistgħux jintużaw biex jissussidjaw b’mod inkroċjat jew indirettament attivitajiet ekonomiċi oħra, inkluż l-operat tal-infrastruttura.”

    5

    Il-punt 219 tal-Avviż tal-2016 jipprovdi:

    “Filwaqt li l-operat ta’ infrastruttura ferrovjarja […] jista’ jikkostitwixxi attività ekonomika […], il-bini tal-infrastruttura ferrovjarja li hija disponibbli għall-utenti potenzjali fuq termini ugwali u nondiskriminatorji – għall-kuntrarju tal-operat tal-infrastruttura – tipikament jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 211 u għalhekk il-finanzjament tiegħu normalment ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew ifixkel l-kompetizzjoni […].

    (*) [Nota uffiċċjali f’qiegħ il-paġna] Din l-osservazzjoni ma tippreġudika bl-ebda mod il-kwistjoni dwar jekk kwanlunkwe vantaġġ mogħti lill-operatur tal-infrastruttura mill-Istat jikkostitiwixxi għajnuna mill-Istat.

    Pereżempju, jekk l-operat tal-infrastruttura jkun suġġett għal monopolju legali u jekk tiġi eskluża kompetizzjoni sabiex is-suq iħaddem l-infrastruttura, vantaġġ mogħti lill-operatur tal-infrastruttura mill-Istat ma jistax ifixkel il-kompetizzjoni u għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. […] Kif spjegat fil-punt 188, jekk is-sid jew operatur ikun attiv f’suq liberalizzat ieħor, sabiex jevita sussidji inkroċjati, għandu jżomm kontijiet separati, jalloka l-ispejjeż u d-dħul b’mod xieraq u jiżgura li kwalunkwe finanzjament pubbliku ma jibbenefikax lil attivitajiet oħra.”

    Id-dritt Taljan

    6

    L-Artikolu 1(867) tal-legge 28 dicembre 2015, n. 208 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2016) [il-Liġi Nru 208, li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet sabiex Jitħejja l-Baġit Annwali u Pluriannwali tal-Istat (il-liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà)] tat‑28 ta’ Diċembru 2015) (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 15, tal-20 ta’ Jannar 2016, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà”), kien jipprevedi t-tqegħid taħt proċedura ta’ insolvenza ta’ FSE, minħabba “s-sitwazzjoni finanzjarja serja” tagħha. Din kellha titwettaq permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport.

    7

    It-tieni u l-ħames sentenza tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà kienu jeħtieġu li l-kummissarju speċjali, responsabbli għall-proċedura ta’ insolvenza ta’ FSE, minn naħa, sabiex “iħejji pjan għal ristrutturar industrijali” intiż għat-tnaqqis ta’ spejjeż operattivi ta’ din, u, min-naħa l-oħra, jissottometti proposti lill-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport sabiex FSE tiġi ttrasferita jew ċeduta skont kriterji u proċeduri ddefiniti b’digriet adottat mill-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport. Barra minn hekk, is-sitt u l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal‑2016 dwar l-Istabbiltà kienu jipprovdu li, sakemm jitwettaq il-pjan ta’ ristrutturar imsemmi iktar ’il fuq, “sabiex ikun żgurat li FSE tkompli taħdem”, tkun awtorizzata n-nefqa ta’ EUR 70 miljun għas-sena 2016.

    8

    B’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà, il-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport adotta d-Digriet Nru 9 tat-12 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem “id-Digriet tat-12 ta’ Ġunju 2016”), li kien jipprevedi t-tqegħid taħt proċedura ta’ insolvenza ta’ FSE. Skont l-Artikolu 6 ta’ dan id-digriet, is-somma ta’ EUR 70 miljun, allokata lil FSE abbażi tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà, kienet intiża sabiex iżżid progressivament il-kapital ta’ din tal-aħħar u setgħet tintuża mill-kummissarju speċjali mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-imsieħeb pubbliku “sabiex tiġi żgurata t-tkomplija u r-regolarità tas-servizz amministrat mill-kumpannija”.

    9

    Permezz tad-Digriet Nru 264 tal-4 ta’ Awwissu 2016 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-4 ta’ Awwissu 2016”), u filwaqt li kkunsidra li l-patrimonju negattiv ta’ FSE kien jitla’ għal EUR 200 miljun, il-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport iddeċieda li jittrasferixxi l-holding kollu tal-ministeru tiegħu fil-kapital ta’ din il-kumpannija lil FSI.

    10

    Skont id-Digriet tal-4 ta’ Awwissu 2016, l-akkwirent ta’ FSE intgħażel abbażi tal-kriterji elenkati fl-Artikolu 1(1) ta’ dan id-digriet, jiġifieri: a) “l-effiċjenza fiż-żamma tal-holdings pubbliċi fil-kuntest ta’ riorganizzazzjoni f’entità ekonomika waħda miżmuma mill-istess sid (l-Istat)”; (b) “il-pussess, mill-persuna li l-holding ġie ttrasferit lilha, ta’ kapaċità u assi industrijali biżżejjed sabiex ikun żgurat li jitkomplew l-impjiegi, is-servizzi u l-aċċess għall-finanzjament […]” u (c) “ir-ristrutturar tal-kumpannija, filwaqt li jitqies il-valur nett negattiv tal-patrimonju [ta’ FSE]”.

    11

    Skont l-Artikolu 2(2) tad-Digriet tal-4 ta’ Awwissu 2016, it-trasferiment kellu jsir mingħajr korrispettiv, taħt riżerva tal-irbit formali ta’ FSI li ttemm, fit-termini legali, l-iżbilanċ patrimonali ta’ FSE. L-Artikolu 2(3) ta’ dan id-digriet kien jipprevedi li t-trasferiment ma kienx jippreġudika d-dritt ta’ FSE li tuża l-allokazzjoni tas-somma ta’ EUR 70 miljun imsemmija fl-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà, sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti minn din il-liġi. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(4) tal-istess digriet jirriżulta li t-trasferiment seta’ jsir biss wara li l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) tkun iddeċidiet li ma tibdiex il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-operazzjoni ta’ fużjoni bejn FSI u FSE jew li tawtorizza l-imsemmija fużjoni.

    12

    Wara t-trasferiment tal-holding għall-kapital ta’ FSE lil FSI, l-Artikolu 47(7) tad-decreto-legge 24 aprile 2017, n. 50 – Disposizioni urgenti in materia finanziaria, iniziative a favore degli enti territoriali, ulteriori interventi per le zone colpite da eventi sismici e misure per lo sviluppo (id-Digriet-Liġi Nru 50 – Dispożizzjonijiet finanzjarji urġenti, inizjattivi favur entitajiet territorjali, interventi għaż-żoni milquta minn ċaqliq sismiku, u miżuri għall-iżvilupp), tal‑24 ta’ April 2017, (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 95, tal-24 ta’ April 2017) iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 50/2017”), li sar, wara emenda, il-Liġi Nru 96, tal-21 ta’ Ġunju 2017 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 31, tat-23 ta’ Ġunju 2017), biddel is-sitt sentenza tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà billi biddilha bit-test li ġej:

    “Mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti f’dan il-paragrafu, għall-2016 hija awtorizzata spiża ta’ EUR 70 miljun. Dawn ir-riżorsi huma ttrasferiti lill-patrimonju ta’ [FSE] sabiex jintużaw, fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam u fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni tal-kumpannija, esklużivament sabiex ikopru l-passiv, inkluż preċedenti, u l-bżonnijiet finanzjarji tas-settur tal-infrastruttura. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-atti, miżuri u tranżazzjoniiet li jkunu diġà saru abbażi tad-[Digriet tal-4 ta’ Awwissu 2016] […].”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    Fid-data tat-tqegħid tagħha taħt proċedura ta’ insolvenza, FSE kienet ingħatat ir-responsabbiltà, mir-Regione di Puglia (l-Italia), tal-operat u tal-manutenzjoni ta’ infrastruttura ferrovjarja lokali ta’ portata ta’ 474 km u ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju pubbliku ta’ passiġġieri kif ukoll ta’ servizzi addizzjonali u/jew ta’ sostituzzjoni ta’ trasport bit-triq.

    14

    FSI, kumpannija miżmuma fl-intier tagħha mill-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, hija l-kumpannija holding ta’ grupp li jopera fis-settur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u ta’ passiġġieri, bil-għajnuna tas-sussidjarja tagħha Trenitalia SpA, li hija l-impriża ferrovjarja prinċipali Taljana u konċessjonarja għall-operat tan-network ferrovjarju nazzjonali ta’ Rete Ferroviaria Italiana SpA, li tagħmel parti mill-istess grupp.

    15

    Fl-24 ta’ Ottubru 2016, Arriva Italia et, li joperaw kollha kemm huma fis-settur tat-trasport pubbliku, ferrovjarju jew bit-triq, u li kienu preċedentement informaw lill-kummissarju speċjali bl-interess tagħhom li jixtru lil FSE, ippreżentaw quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (il-Qorti Amministrattiva Regjonali tal-Lazio, l-Italia) rikors għall-annullament tad-digriet tal-4 ta’ Awwissu 2016 intiż għat-trasferiment lil FSI tal-holding kollu tal-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport lill-kapital ta’ FSE.

    16

    Insostenn ta’ dan ir-rikors, huma jsostnu, b’mod partikolari li l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun kif ukoll it-trasferiment lil FSI tal-holding kollu tal-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport lill-kapital ta’ FSE (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“miżuri inkwistjoni”) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u li, billi ma nnotifikax dawn il-miżuri lill-Kummissjoni u billi implementahom, l-Istat Taljan kien kiser l-Artikolu 108(3) TFUE.

    17

    Fis-26 ta’ Ottubru 2016, l-AGCM issenjalat lill-Gvern Taljan il-proġett ta’ trasferiment lil FSI, tal-holding miżmum 100 % mill-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport lejn il-kapital ta’ FSE, kif ukoll l-allokazzjoni ta’ EUR 70 miljun (iktar ’il quddiem is-“senjalazzjoni tal-AGCM”). Ir-raġuni ta’ din is-senjalazzjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li kull waħda mill-miżuri inkwistjoni kienet, skont l-AGCM, tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    18

    Fil-21 ta’ Novembru 2016, l-AGCM iddeċidiet li ma tibdiex investigazzjoni tal-operazzjoni ta’ fużjoni bejn FSI u FSE, peress li, skont din l-awtorità, tali fużjoni ma timplikax il-ħolqien jew it-tisħieħ ta’ pożizzjoni dominanti li tista’ telimina jew tnaqqas b’mod sostanzjali u fit-tul il-kompetizzjoni fuq is-swieq ikkonċernati.

    19

    Permezz ta’ nota tat-28 ta’ Novembru 2016, il-Ministru għall-Infrastruttura u għat-Trasport irrikonoxxa li kienu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li kienu suġġetti għalihom it-trasferiment lil FSI tal-holding kollu li huwa kellu fil-kapital ta’ FSE, jiġifieri li l-AGCM kienet iddeċidiet li ma tibdiex investigazzjoni tal-operazzjoni ta’ fużjoni bejn FSI u FSE u li FSI kienet intrabtet li ttemm, fit-termini legali, l-iżbilanċ patrimonjali ta’ FSE. Fl-istess ġurnata, sar permezz ta’ att notarili t-trasferiment tal-holding fil-kapital ta’ FSE lil FSI.

    20

    In-nota ministerjali tat-28 ta’ Novembru 2016 kienet tippreċiża li s-somma ta’ EUR 70 miljun allokata abbażi tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà, “[kellha] tkun intiża – u tirrigwarda esklużivament – il-kopertura tal-bżonnijiet finanzjarji tal-infrastrutturi ferrovjarji ta’ [FSE], fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni”.

    21

    Matul Jannar 2017, FSE ressqet talba ta’ ammissjoni għall-konkordat preventiv quddiem it-Tribunale di Bari (il-Qorti ta’ Bari, l-Italja).

    22

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2017, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja) ċaħdet ir-rikors li kien ġie ppreżentat quddiemha.

    23

    Arriva Italia et appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

    24

    Dan ikkunsidra li, sabiex jittratta t-tilwima quddiemu, kienet meħtieġa interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE.

    25

    Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji rigward il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri inkwistjoni kinux ġew iffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat u jekk kinux jagħtu vantaġġ lill-benefiċjarju, kif jeħtieġ l-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, it-trasferiment tal-holding fil-kapital ta’ FSE lil FSI jista’ jaqa’ f’kuntest u jkollu għanijiet li jippermettu li jiġi invokat il-prinċipju ta’ newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-iskema ta’ proprjetà tal-impriżi stabbilita fl-Artikolu 345 TFUE.

    26

    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li s-somma ta’ EUR 70 miljun allokata lil FSE, minkejja li ġiet integrata fil-kontabbiltà ta’ din tal-aħħar, ma ħarġitx sostanzjalment mill-baġit tal-Istat Taljan. Għalhekk hemm dubju dwar jekk il-fondi inkwistjoni jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li diġà ngħataw, u għalhekk suġġetti għall-obbligu ta’ notifika abbażi tal-Artikolu 108(3) TFUE.

    27

    Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tosserva li s-settur ekonomiku relevanti f’dan il-każ huwa dak tat-trasport reġjonali ta’ passiġġieri fuq it-territorju msemmi fil-kuntratt ta’ servizz konkluż bejn FSE u r-Regione di Puglia. Issa, l-AGCM stabbiliet li t-trasferiment tal-holding fil-kapital ta’ FSE lil FSI ma jikkostitwixxix fużjoni li għandha l-effett li tillimita l-kompetizzjoni fuq kwalunkwe mis-swieq tas-servizzi ta’ trasport inkwistjoni f’dan il-każ.

    28

    Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-ipoteżi fejn l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat kellha madankollu tiġi kkonstatata f’dan il-każ, is-somma allokata ta’ EUR 70 miljun kellhiex tiġi rtirata, u l-istruttura tal-proprjetà attwali ta’ FSE miżmuma jew jekk, għall-kuntrarju, kienx jaqbel li tiġi organizzata proċedura ta’ kompetizzjoni għall-akkwist ta’ din il-kumpannija.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Fiċ-ċirkustanzi fattwali u legali esposti iktar ’il fuq, miżura li tikkonsisti fl-allokazzjoni permezz ta’ liġi ta’ somma ta’ EUR 70 miljun lil operatur fis-settur tat-trasport ferrovjarju, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-Liġi Nru 208 tat-28 ta’ Diċembru 2015 (Artikolu 1(867)), kif emendata bid-Digriet Liġi Nru 50 tal-24 ta’ April 2017, segwita bit-trasferiment minn dan l-operatur favur operatur ekonomiku ieħor, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti u mingħajr korrispettiv, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE?

    2)

    Jekk dan huwa l-każ, għandu jiġi stabblilit jekk l-għajnuna inkwistjoni hijiex madankollu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u liema huma l-konsegwenzi fattwali tan-nuqqas ta’ notifika tagħha konformement mal-Artikolu 10[8](3) TFUE?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel domanda

    30

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 107 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li minn naħa, l-għoti ta’ somma ta’ flus lil impriża pubblika ferrovjarja li tinsab f’diffikultajiet finanzjarji serji u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment tal-holding fl-intier tiegħu miżmum minn Stat Membru fil-kapital ta’ din l-impriża lil impriża pubblika oħra, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti u mingħajr korrispettiv, iżda bl-obbligu ta’ din tal-aħħar li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali tal-ewwel waħda, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

    31

    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teżiġi li l-kundizzjonijiet kollha msemmijin f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. Għalhekk, l-ewwel nett irid ikun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċċjarju. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti għall-miżuri inkwistjoni.

    F’dak li jikkonċerna l-allokazzjoni tas-somma ta’ EUR 70 miljun lil FSE

    33

    Fir-rigward tal-allokazzjoni tas-somma ta’ EUR 70 miljun lil FSE, għandu jitfakkar, f’dak li jikkonċerna l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Fir-riward, fl-ewwel lok, tal-imputabbiltà tal-miżura lill-Istat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-għoti tal-imsemmija somma lil FSE jirriżulta direttament mil-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà.

    35

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ħtieġa li l-vantaġġ jingħata direttament jew indirettament permezz tar-riżorsi tal-Istat, għandu jiġi rrelevat li l-fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, is-somma ta’ EUR 70 miljun ma ħarġitx materjalment mill-baġit tal-Istat Taljan u li għalhekk ma tatx lok għal spiża għall-baġit ta’ dan l-Istat Membru ma jfissirx, bħala tali, li tali somma ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “riżorsi tal-Istat”, b’mod partikolari, meta jkun inħoloq oneru potenzjali fuq il-baġit tal-Istat Taljan fl-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà.

    36

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, mill-mument fejn id-dritt għal assistenza, ipprovduta permezz ta’ riżorsi tal-Istat, jingħata lill-benefiċjarju abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala li ngħatat, b’tali mod li t-trasferiment effettiv tar-riżorsi inkwistjoni ma huwiex deċiżiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Magdeburger Mühlenwerke, C-129/12, EU:C:2013:200, punt 40).

    37

    Fil-fatt, fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ impriża benefiċjarja li tkun għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji, hija d-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li tagħti assistenza mill-Istat lil din, pjuttost milli l-ħlas effettiv, li jista’ jippermetti lill-persuni li jidderieġu tali impriża jikkonkludu li l-attività tagħhom hija ekonomikament vijabbli u għalhekk li jkompluha, sakemm din id-deċiżjoni toħloq, fil-konfronti tal-impriża benefiċjarja, dritt li tirċievi din l-assistenza, li, jekk ikun hemm bżonn, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    38

    F’dan l-aħħar rigward, għandu jiġi rrelevat li mill-Artikolu 1(867) tal-Liġu tal-2016 dwar l-Istabbiltà jirriżulta li l-għoti tas-somma ta’ EUR 70 miljun lil FSE kienet awtorizzata “fl-istennija tal-implementazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni” li għandu jiġi elaborat mill-kummissarju speċjali, li kien responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ FSE abbażi ta’ din l-istess dispożizzjoni.

    39

    Fil-fatt, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 1(867) tal-Liġi dwar l-Istabbiltà, il-leġiżlatur Taljan kien iddeċieda, fid-dawl tas-“sitwazzjoni finanzjarja serja” ta’ FSE fid-data tal-adozzjoni ta’ din il-liġi, li din is-somma titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ FSE sabiex jiġi ggarantit li jitkomplu l-attivitajiet tagħha, kif jirriżulta mill-Artikolu 6 tad-Digriet tat-12 ta’ Jannar 2016, li jimplika li din il-miżura kellha tiġi applikata immedjatament. Hija ma kinitx ikkundizzjonata mill-finalizzazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni.

    40

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rapport tekniku anness mal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà jirreferi għal effetti negattivi sinjifikanti fuq il-kontinwità tas-servizzi tat-trasport pubbliku fir-reġjun tal-Puglia li, fl-assenza ta’ intervent straordinarju min-naħa tal-Istat Taljan, ikunu ilhom jirriżultaw minn Diċembru 2015. Għandu jitfakkar ukoll li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-somma inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet kontabilizzata minn FSE wara l-adozzjoni tal-imsemmija liġi tal-2016.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-allokazzjoni tas-somma ta’ EUR 70 miljun lil FSE, abbażi tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà, tista’ tikkostitwixxi, anki fl-ipoteżi li din is-somma ma toħroġx materjalment mill-baġit tal-Istat Taljan, intervent bil-mezzi tar-riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, bil-kundizzjoni li din id-dispożizzjoni tkun diġà kkonferiet lil FSE dritt għal dan l-għoti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    42

    F’dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa lil dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C-74/16, EU:C:2017:496, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess fil-kummerċ intra-Komunitarju. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriżi, l-attività interna tista’ tinżamm jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-possibbiltajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw fis-suq tal-dan l-Istat Membru jitnaqqsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C-197/11 u C‑203/11,EU:C:2013:288, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kundizzjoni li l-għajnuna trid tkun ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma tiddependix fuq in-natura lokali jew reġjonali tas-servizzi ta’ trasport ipprovduti jew mill-kobor tas-settur ta’ attività kkonċernata (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 69).

    45

    Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jiġi rrilevat li waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri Arriva Italia, hija sussidjarja tal-grupp Ġermaniż Deutsche Bahn AG u li, bħalma osserva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għoti tas-somma ta’ EUR 70 miljun lil FSE naqqas il-possibbiltajiet ta’ din il-kumpannija, jew kumpanniji oħra stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana, li jiksbu l-ġestjoni tal-infrastruttura ferrovjarja fdata lil FSE jew li jipprovdu servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri fuq din l-infrastruttura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għajnuna finanzjarja li tippermetti li tiġi żgurata l-perennità ta’ impriża, bħal FSE, li għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji, tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    46

    Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ma ġiex ikkontestat li l-għajnuna tas-somma ta’ EUR 70 miljun lil FSE kienet tikkostitwixxi vantaġġ mogħti lil din l-impriża pubblika. Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kundizzjonijiet li miżura għandha tissodisfa sabiex taqa’ taħt il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE ma humiex issodisfatti jekk l-impriża benefiċjarja setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak mqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq, liema evalwazzjoni ssir, għall-impriżi pubbliċi, billi jiġi applikat, bħala prinċipju, il-kriterju ta’ investitur privat (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, EU:C:2012:318, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk kinitx tiġi adottata l-istess miżura fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn investitur privat li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat, huma biss il-benefiċċji u l-obbligi marbuta mas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar meta jaġixxi bħala azzjonist, bl-esklużjoni ta’ dawk li huma marbuta mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, EU:C:2012:318, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Barra minn hekk, f’każ ta’ dubju, l-imsemmi kriterju japplika biss jekk l-Istat Membru jkun f’pożizzjoni li juri, mingħajr ekwivoku u abbażi ta’ elementi oġġettivi u li jistgħu jiġu vverifikati stabbiliti minn qabel jew mad-deċiżjoni tal-għoti tal-vantaġġ ekonomiku, li l-miżura implementata tirriżulta mill-kapaċità tagħha ta’ azzjonist. F’dan ir-rigward jistgħu jkunu meħtieġa, b’mod partikolari, provi li juru li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi paragunabbli għal dawk li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, investitur privat razzjonali li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-imsemmi Stat Membru kien jagħmel, qabel ma jwettaq l-imsemmi investiment, sabiex jiddetermina l-profitabbiltà futura ta’ tali investiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, EU:C:2012:318, punti 82 sa 84).

    49

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà jirriżulta li s-somma ta’ EUR 70 miljun ġiet allokata lil FSE, fid-dawl tas-“sitwazzjoni finanzjarja serja” ta’ din tal-aħħar, “sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ [FSE]” sakemm jiġi implementat il-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Issa, investitur privat li jkun jinsab f’sitwazzjoni l-iktar simili possibbli għal din tal-Istat ma kienx, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, jagħti EUR 70 miljun lil impriża li tkun tinsab f’diffikultajiet finanzjarji serji mingħajr ma jkun evalwa minn qabel jekk tali investiment huwiex ta’ profitt.

    50

    Madankollu mill-provi tal-proċess ma jirriżultax li l-Istat Taljan għamel tali evalwazzjoni qabel l-adozzjoni tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà. Ċertament, ir-rapport tekniku ma’ din il-liġi jirreferi għal “analiżi finanzjarja u ekonomika” f’dan ir-rigward. Madankollu, kif ippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn ma jindika li din l-analiżi hija intiża sabiex tiddetermina l-profitabbiltà tal-għoti ta’ EUR 70 miljun għall-Istat Taljan.

    51

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li d-deċiżjoni li tingħata s-somma inkwistjoni lil FSE ttieħdet mill-Istat fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist ta’ din, li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, ma jidhirx possibbli li jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat sabiex jiġi konkluż li dan l-għoti ma kienx jikkostitwixxi vantaġġ selettiv.

    52

    F’dak li jikkonċerna l-aħħar waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, hemm lok li mhux tiġi stabbilita distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda sempliċement li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Għandu jitfakkar ukoll li minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-għajnuna intiża biex teħles lil impriża mill-ispejjeż li hija jkollha normalment issostni fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum jew tal-attivitajiet normali tagħha, bħala prinċipju toħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C-74/16, EU:C:2017:496, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    53

    Għoti ta’ fondi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermetti lil impriża li tinsab f’diffikultajiet finanzjarji serji li tkompli tkun preżenti fuq is-suq, jista’, għalhekk, joħloq distorsjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni.

    54

    Ċertament, FSI u l-Gvern Taljan isostnu, l-ewwel nett, li dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, u jinvokaw il-fatt li s-somma ta’ EUR 70 miljun setgħet tintuża biss sabiex tiffinanzja l-infrastruttura ferrovjarja operata minn FSE, it-tieni nett, li dan l-operat huwa suġġett għal monopolju legali fid-dritt Taljan u, it-tielet nett, li l-fatt li FSE żżomm kontijiet separati għal, minn naħa, l-operat ta’ din l-infrastruttura u, min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport jevita kwalunkwe riskju ta’ sovrappożizzjoni ta’ sussidji. Dan l-argument ma jistax madankollu jikkontesta l-konstatazzjoni li saret fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza dwar l-effetti fuq il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw miż-żamma fuq is-suq ta’ impriża, bħal FSE, li tinsab f’sitwazzjonijiet finanzjarji serji.

    55

    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrelevat li la l-verżjoni oriġinali tal-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà u lanqas id-Digrieti tat-12 ta’ Jannar u tal-4 ta’ Awwissu 2016 ma kienu jipprevedu li s-somma ta’ EUR 70 miljun mogħtija lil FSE setgħet tintuża biss sabiex tiffinanzja l-infrastruttura ferrovjarja użata minn din tal-aħħar. Huwa biss fil-verżjoni tagħha emendata bid-Digriet-Liġi Nru 50/2017, adottat fl-24 ta’ April 2017, li din id-dispożizzjoni tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà kienet issemmi tali użu għal din is-somma.

    56

    Issa, peress li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-mument deċiżiv għall-evalwazzjoni tal-konformità ta’ miżura fir-rigward tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat huwa dak meta d-dritt li tiġi rċevuta l-għajnuna kkunsidrata tingħata lill-benefiċjarju abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-bdil tal-iskop tas-somma inkwistjoni fil-kawża prinċipali permezz tad-Digriet-Liġi Nru 50/2017 ma jistax jaffettwa l-konklużjoni li l-allokazzjoni ta’ din is-somma kienet tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, bil-kundizzjoni li l-Artikolu 1(867) tal-Liġi tal-2016 dwar l-Istabbiltà, fil-verżjoni inizjali tagħha, diġà kkonferiet lil FSE id-dritt inkondizzjonali għal dan l-għoti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, kif jirriżulta mill-punt 41 ta’ din is-sentenza.

    57

    It-tieni nett, ċertament, kif esponiet il-Kummissjoni, essenzjalment, fil-punti 188 u 219 tal-Avviż tagħha tal-2016, li l-fatt li Stat Membru jafda servizz pubbliku suġġett għal monopolju legali lil impriża pubblika ma jwassalx, f’ċerti ċirkustanzi, għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, u li vantaġġ mogħti lill-operatur ta’ infrastruttura suġġetta għal monopolju legali ma jistax, f’tali ċirkustanzi, joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. Madankollu, kif tippreċiża wkoll il-Kummissjoni, fil-punt 188(b) ta’ dan l-avviż, huwa meħtieġ, sabiex tali distorsjoni tkun tista’ tiġi eskluża f’tali ċirkustanzi, li l-monopolju legali jeskludi mhux biss il-kompetizzjoni fuq is-suq, iżda wkoll għas-suq, fis-sens li jeskludi kull kompetizzjoni potenzjali sabiex isir il-fornitur esklużiv tas-servizz inkwistjoni.

    58

    Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, li, matul it-tul tal-kuntratt tagħha mar-Regione di Puglia, FSE tibbenefika mid-dritt esklużiv li tuża l-infrastruttura ferrovjarja koperta minn dan il-kuntratt sabiex tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku tal-passiġġieri. Madankollu, sabiex jiġi stabbilit li dan kien suq li għalih il-kompetizzjoni kienet eskluża, huwa meħtieġ li jintwera li r-Regione di Puglia kellha l-obbligu, permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew regolamentari, tattribwixxi l-użu ta’ din l-infrastruttura u dawn is-servizzi b’mod esklużiv lil din l-impriża (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Azienda Napoletana Mobilità, C-659/17, EU:C:2019:633, punt 38). Issa, ebda element tal-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistabbilixxi li kien jeżisti tali obbligu, b’mod li jidher li seta’ kien possibbli għal dan ir-reġjun li jattribwixxi l-imsemmi użu u l-imsemmija servizzi lil fornitur ieħor.

    59

    Għaldasqtant, l-għoti tas-somma ta’ EUR 70 miljun lil FSE, billi tippermetti lil din il-kumpannija li tibqa’ fuq is-suq, kienet suxxettibbli li tfixkel milli jingħataw lil impriża oħra, bħal Arriva Italia et, l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja użata minn FSE u l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport fuq din l-infrastruttura.

    60

    It-tielet nett, fir-rigward taż-żieda relatata maż-żamma ta’ kontijiet separati minn FSE għal, minn naħa, l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport, għandu jiġi rrilevat li, anki fl-ipoteżi li s-somma ta’ EUR 70 miljun ingħatat lil FSE u użata minnha esklużivament għall-finanzjament ta’ din l-infrastruttura ferrovjarja, skont il-każ mid-dħul fis-seħħ tad-Digriet-Liġi Nru 50/2017, għandu jiġi rrilevat li dan il-fatt ma jwarrabx l-effetti fuq il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, kif indikat il-Kummissjoni, fil-punt 219 tal-Avviż tagħha tal-2016, hija l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ferrovjarja mqegħda għad-dispożizzjoni tal-utenti potenzjali għal kundizzjonijiet ugwali u mhux diskriminatorji li tissodisfa ġeneralment il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 211 ta’ dan l-avviż, b’mod li l-finanzjament ta’ tali konstruzzjoni ma joħloqx ġeneralment distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    61

    Issa, anki fl-ipoteżi li l-għoti ta’ din is-somma lil FSE tista’ tinftiehem fis-sens li ngħatat biss għall-finijiet tal-bini ta’ infrastruttura ferrovjarja u mhux għal finijiet oħra, madankollu din hija infrastruttura ferrovjarja li ma hijiex għad-dispożizzjoni ta’ utenti potenzjali għal kundizzjonijiet ugwali u mhux diskriminatorji, peress li FSE tgawdi minn dritt esklużiv għal dan l-użu matul it-tul tal-kuntratt tagħha konkluż mar-Regione di Puglia. Il-fatt li FSE hija obbligata żżomm kontijiet separati ma jaffettwax għalhekk il-konklużjoni li l-għoti tas-somma ta’ EUR 70 miljun lil din l-impriża kien jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    62

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, taħt riżerva tal-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, miżura li tikkonsisti fl-għoti ta’ somma ta’ flus lil impriża pubblika ferrovjarja li tkun tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja serja, tista’ tiġi kkwalifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

    F’dak li jikkonċerna t-trasferiment tal-holding fil-kapital ta’ FSE lil FSI

    63

    Fir-rigward tat-tieni waħda miż-żewġ miżuri inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li din tinkludi żewġ elementi, jiġifieri, minn naħa, it-trasferiment tal-holding kollu miżmum mill-Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport fil-kapital ta’ FSE lil FSI, mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti u mingħajr korrispettiv, u, min-naħa l-oħra, l-obbligu meħud minn FSI li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali ta’ FSE.

    64

    Minkejja l-fatt li l-holding miżmum fil-kapital ta’ FSE ġie ttrasferit lil FSI mingħajr korrispettiv jindika, prima facie, li hija din l-impriża tal-aħħar li tista’ tiġi kkunsidrata bħala benefiċjarja ta’ possibbli għajnuna mill-Istat, għandu jitfakkar li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tirristabbilixxi l-profitabbiltà ta’ FSE. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li din tal-aħħar tista’ tiġi kkunsidrata bħala l-benefiċjarju tal-għajnuna potenzjali. Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika liema minn dawn iż-żewġ impriżi għandha tiġi kkunsidrata, skont il-każ, bħala l-benefiċjarju ta’ possibbli għajnuna mill-Istat jew jekk kemm FSE kif ukoll FSI jistgħu jiġu kkunsidrati flimkien bħala li bbenefikaw minn tali għajnuna abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

    65

    F’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk it-tieni waħda miż-żewġ miżuri inkwistjoni tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li t-trasferiment tal-holding kollu miżmum mill-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport fil-kapital ta’ FSE lil FSI għandu jiġi kkunsidrat bħala trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li wettaq dan tal-aħħar. Barra minn hekk, l-obbligu meħud minn FSI li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali ta’ FSE jikkostitwixxi wkoll trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, favur din tal-aħħar, bil-kundizzjoni li FSE kisbet dritt għal din l-għajnuna, li skont il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Peress li l-obbligu ta’ rimedju għall-iżbilanċ patrimonjali ta’ FSE ttieħed minn impriża pubblika miżmuma kompletament mill-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, dan huwa, fi kwalunkwe każ, responsabbiltà tal-Istat Taljan.

    66

    Kuntrarjament għal dak li l-Gvern Taljan u FSI jsostnu, il-fatt li, skont l-Artikolu 345 TFUE, dan it-trattat ma jippreġudika bl-ebda mod il-proprjetà fl-Istati Membri, ma jistax jiġi invokat insostenn tat-teżi li t-trasferiment tal-holding fil-kapital ta’ FSE lil FSI ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    67

    Fil-fatt, kif fakkar l-Avukat Ġenerali, fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 345 TFUE ma jeżonerax lill-iskemi ta’ proprjetà pubblika mill-osservanza tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, peress li mill-Artikolu 106(1) TFUE jirriżulta li r-regoli tat-Trattat TFUE fil-qasam tal-kompetizzjoni, inkluż dawk dwar l-għajnuna mill-Istat, japplikaw, fil-prinċipju, għall-impriżi pubbliċi wkoll. Barra minn hekk, u kif sostniet il-Kummissjoni, li jiġi aċċettat l-argument li r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma humiex applikabbli minħabba l-fatt li l-benefiċjarju huwa impriża pubblika u li l-vantaġġ mogħti jibqa’ fl-isfera ekonomika tal-Istat fis-sens wiesa’, jikkomprometti l-effett utli ta’ dawn ir-regoli u jintroduċi diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn il-benefiċjarji pubbliċi u l-benefiċjarji privati, bi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità msemmi fl-Artikolu 345 TFUE.

    68

    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li, fil-kawża prinċipali, ma hijiex biss kwistjoni ta’ trasferiment tal-kapital ta’ impriża pubblika f’diffikultà finanzjarja lil impriża pubblika oħra, iżda wkoll tal-obbligu aċċettat mill-impriża pubblika destinatarja ta’ dan it-trasferiment li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali ta’ din l-impriża pubblika f’diffikultà.

    69

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu jiġi rrilevat li t-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istess bħall-għoti tas-somma ta’ EUR 70 miljun lil FSE, inaqqas il-possibbiltà għal Arriva Italia, kif ukoll għal impriżi oħra stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Taljana, li joperaw fuq is-swieq fdati lil FSE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-trasferiment tal-holding fil-kapital ta’ FSE lil FSI, mingħajr korrispettiv, iżda permezz tal-obbligu ta’ din tal-aħħar li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali ta’ FSE, għandu jiġi kkunsidrat bħala miżura li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    70

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment tal-holding miżmum mill-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport fil-kapital ta’ FSE lil FSI huwiex suxxettibbli li jikkostitwixxi vantaġġ selettiv għal FSI, għandu jiġi rrilevat li tali trasferiment ta’ kapital, mingħajr korrispettiv finanzjarju, jiġġenera, fil-prinċipju, vantaġġ selettiv fil-konfront tal-entità li lilha ġie ttrasferit il-kapital jekk, fid-data ta’ dan it-trasferiment, il-valur ta’ dan il-kapital jaqbeż l-ispiża ta’ eventwali obbligi meħuda minn din l-entità fil-kuntest ta’ din it-tranżazzjoni ta’ trasferiment. Għalhekk, f’dan il-każ, it-trasferiment inkwistjoni jista’ jikkostitwixxi vantaġġ selettiv għal FSI, peress li l-valur ta’ FSE fid-data ta’ dan it-trasferiment, kif miżjud, skont il-bżonn, permezz tal-għoti ta’ EUR 70 miljun favur tagħha mill-Istat Taljan, jaqbeż l-ammont tal-investiment li FSI għandha tagħmel sabiex twettaq l-obbligu tagħha li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali ta’ FSE, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    71

    Tali trasferiment huwa wkoll suxxettibbli li jikkostitwixxi vantaġġ selettiv fil-konfront tal-entità li lilha huwa ttrasferit il-kapital jekk din it-tranżazzjoni tippermetti li tiġi żgurata l-perennità tagħha. Fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ tali vantaġġ, mogħti lil FSE, tiddependi għalhekk mill-kwistjoni dwar jekk l-obbligu meħud minn FSI li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali ta’ FSE jippermettix lil din tal-aħħar li tkompli tuża l-infrastruttura ferrovjarja fdata lilha mir-Regione di Puglia u li tipprovdi servizzi ta’ trasport fuq din l-infrastruttura, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    72

    Kuntrarjament għal dak li l-Gvern Taljan u FSI sostnew fis-seduta, mill-elementi tal-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li, b’applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, l-impriża pubblika benefiċjarja ta’ dan il-vantaġġ, kemm jekk tkun FSI jew FSE, setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħala dak imqiegħed għad-dispożizzjoni permezz tar-riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq peress li, kif ġie osservat fir-rapport tal-AGCM, l-Istat Taljan ma wettaqx evalwazzjoni tal-profitabbiltà tat-trasferiment tal-holding fil-kapital ta’ FSE, mingħajr korrispettiv, lil FSI, bl-obbligu ta’ din tal-aħħar li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali ta’ FSE, qabel ma jsir it-trasferiment, li madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari r-rapport tal-awditu li l-Gvern Taljan irrefera għalih fl-osservazzjonijiet tiegħu u l-istudji li jirriżultaw mix-xhur ta’ Marzu u ta’ Mejju 2016 li rreferiet għalihom FSI matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    73

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, sabiex japplika l-kriterju tal-investitur privat, f’każ ta’ dubju, għandu jkun possibbli li jiġi stabbilit mingħajr dubju u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implementata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ azzjonist (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, EU:C:2012:318, punt 82). Issa, mid-digriet tal-4 ta’ Awwissu 2016 jirriżulta li t-trasferiment tal-holding fil-kapital ta’ FSE lil FSI kien intiż, b’mod partikolari, sabiex jiggaratixxi l-kontinwità tal-użu u tas-servizzi ta’ trasport ipprovduti minn FSE. Barra minn hekk, din it-tranżazzjoni kellha wkoll l-għan li żżomm il-holding fil-kapital ta’ FSE fis-settur pubbliku. Madankollu, tali kunsiderazzjonijiet ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni minn investitur privat.

    74

    Sussegwentement, għandu jitfakkar li evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula wara l-għoti tal-imsemmi vantaġġ jew il-konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà effettiva tal-investiment imwettaq mill-Istat Membru kkonċernat ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-Istat Membru ħa, qabel jew fl-istess waqt ta’ dan l-għoti, tali deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C-124/10 P, EU:C:2012:318, punt 85). Ir-riżultat pożittiv, skont FSI, tat-tqegħid taħt proċedura ta’ insolvenza ta’ FSE għalhekk ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk it-trasferiment tal-holding fil-kapital ta’ FSE lil FSI huwiex konformi mal-prinċipju tal-kriterju tal-investitur privat.

    75

    Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ma jidhirx possibbli, taħt riżerva tal-verifika msemmija fil-punt 72 tal-imsemmija sentenza, li jiġi applikat il-kriterju tal-investitur privat sabiex jiġi konkluż li t-tranżazzjoni ta’ trasferiment tal-holding miżmum mill-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport fil-kapital ta’ FSE lil FSI ma jikkostitwixxix, f’dan il-każ, vantaġġ selettiv.

    76

    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali trasferiment huwiex suxxettibbli li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiġi rrilevat, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-imsemmi trasferiment, flimkien mal-obbligu ta’ FSI li tirrimedja għall-iżbilanċ tal-patrimonju ta’ FSE, fixkel il-possibbiltà li kompetituri potenzjali ta’ din tal-aħħar, bħal Arriva Italia et, jiġu fdati l-użu tal-infrastruttura ferrovjarja użata minn FSE u l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport fuq din l-infrastruttura.

    77

    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-AGCM ma wettaqx eżami tat-tranżazzjoni ta’ fużjoni bejn FSI u FSE fid-dawl tar-regoli Taljani dwar il-fużjonijiet, peress li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ tranżazzjoni fid-dawl ta’ dawn ir-regoli ma hijiex identika għal dik li tikkunsidra l-eżistenza possibbli ta’ għajuna mill-Istat. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tal-AGCM jirriżulta li l-evalwazzjoni magħmula minn din kienet intiża li tivverifika jekk tali fużjoni kinitx tagħti lok għall-ħolqien jew għat-tisħieħ ta’ pożizzjoni dominanti li tista’ telimina jew tnaqqas b’mod sostanzjali u fit-tul il-kompetizzjoni fuq is-swieq ikkonċernati, u mhux jekk hijiex suxxettibbli li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Barra minn hekk, mir-rapport tal-AGCM jirriżulta li din tal-aħħar kienet tikkunsidra li t-trasferiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien suxxettibbli, skont l-AGCM, li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

    78

    Minn dan isegwi li, taħt riżerva tal-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, trasferiment ta’ holding fil-kapital ta’ impriża pubblika li tinsab f’diffikultajiet finanzjarji serji, mingħjar korrispettiv, iżda bl-obbligu ta’ din tal-aħħar li tirrimedja għall-iżbilanċ tal-impriża pubblika f’diffikultà, jista’ jiġi kkwalifikat bħala “għajnuna mill-Istat”.

    79

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, taħt riżerva tal-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, kemm l-għoti ta’ somma ta’ flus lil impriża pubblika li tkun tinsab f’kundizzjonijiet finanzjarji serji kif ukoll it-trasferiment tal-holding kollu miżmum minn Stat Membru fil-kapital ta’ din l-impriża lil impriża pubblika oħra, mingħajr korrispettiv, iżda bl-obbligu għal din tal-aħħar li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali tal-ewwel impriża, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 107 TFUE.

    Fuq it-tieni domanda

    80

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li, fit-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 107(3) TFUE, mid-deċiżjoni tagħha jirriżulta li din il-kwistjoni tirreferi, fil-fatt, għall-Artikolu 108(3) TFUE, skont liema l-Istati Membri huma obbligati jinformaw lill-Kummissjoni fi żmien utli bil-proġetti tagħhom intiżi sabiex jistabbilixxu jew jemendaw għajnuna.

    81

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fl-ipoteżi fejn id-dritt tal-Unjoni kellu jiġi interpretat fis-sens li miżuri, bħall-għoti ta’ somma ta’ flus lil impriża pubblika li tkun tinsab f’diffikultajiet finanzjarji serji jew it-trasferiment tal-holding kollu miżmum minn Stat Membru fil-kapital ta’ din l-impriża lil impriża pubblika oħra, mingħajr korrispettiv, iżda bl-obbligu ta’ din tal-aħħar li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali tal-ewwel waħda, għandhom jiġu kkwalifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, liema konsegwenzi għandhom jiġu miġbuda mill-fatt li din l-għajnuna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) TFUE.

    82

    Ċertament, permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll jekk, fil-każ fejn tiġi kkonstatata l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat, tali għajnuna hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, mid-deċiżjoni tagħha jirriżulta li permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex fil-verità li ssir taf jekk, fil-każ fejn il-miżuri inkwistjoni jiġu kkunsidrati bħala li jagħtu vantaġġ lid-destinatarji tagħhom, il-kundizzjonijiet l-oħra neċessarji għall-kwalifika bħala miżura ta’ “għajnuna mill-Istat” humiex ukoll issodisfatti, u li, għaldaqstnat, it-tieni domanda hija koperta mill-ewwel domanda.

    83

    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita, li hija, barra minn hekk, ikkwotata fid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 42, kif ukoll tad-29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke vs Il-Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    84

    Fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li huma l-qrati nazzjonali, aditi b’kawża bbażata fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ notifika lill-Kummissjoni ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 108(3) TFUE li għandhom jiġbdu l-konsegwenzi kollha ta’ tali ksur, b’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom, kemm f’dak li jikkonċerna l-validità tal-atti li jinkludu l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 100 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    85

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-ritorn lejn is-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas ta’ għajnuna illegali jew inkompatibbli mas-suq intern jikkostitwixxi rekwiżit meħtieġ għaż-żamma tal-effettività tad-dispożizzjonijiet tat-trattati dwar l-għajnuna mill-Istat (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il-Kummissjoni, C-127/16 P, EU:C:2018:165, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    86

    Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, u sa fejn il-miżuri inkwistjoni jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tiġbed il-konklużjonijiet kollha li jirriżultaw mill-fatt li din l-għajnuna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala illegali.

    87

    F’dak li jikkonċerna l-għoti tas-somma ta’ EUR 70 miljun, hija b’mod iktar preċiż il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-vantaġġ, inkluż tal-interessi akkumulati fuq dan, li rriżulta għal FSE mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħha ta’ din is-somma u tordna lil din tal-aħħar tirrestitwixxi dan il-vantaġġ.

    88

    F’dak li jikkonċerna t-trasferiment tal-holding fil-kapital ta’ FSE lil FSI, ir-ritorn għas-sitwazzjoni preċedenti jimplika, skont il-każ, li jirritorna dan it-trasferiment permezz tal-attribuzzjoni mill-ġdid tal-holding f’FSE lill-Ministeru għall-Infrastruttura u għat-Trasport, kif ukoll in-newtralizzazzjoni tal-effetti ta’ dan it-trasferiment.

    89

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li tali miżuri, bħall-għoti ta’ somma ta’ flus lil impriża pubblika li tkun tinsab f’diffikultajiet finanzjarji serji jew it-trasferiment tal-holding kollu miżmum minn Stat Membru fil-kapital ta’ din l-impriża lil impriża pubblika oħra, mingħajr kontroparti, iżda bl-obbligu għal din tal-aħħar li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali tal-ewwel waħda, huma kkwalifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiġbed il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-fatt li din l-għajnuna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) TFUE u għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala illegali.

    Fuq l-ispejjeż

    90

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, taħt riżerva tal-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, kemm l-għoti ta’ somma ta’ flus lil impriża pubblika li tkun tinsab f’kundizzjonijiet finanzjarji serji kif ukoll it-trasferiment tal-holding kollu miżmum minn Stat Membru fil-kapital ta’ din l-impriża lil impriża pubblika oħra, mingħajr korrispettiv, iżda bl-obbligu ta’ din tal-aħħar li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali tal-ewwel impriża, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 107 TFUE.

     

    2)

    Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li tali miżuri, bħall-għoti ta’ somma ta’ flus lil impriża pubblika li tkun tinsab f’diffikultajiet finanzjarji serji jew it-trasferiment tal-holding kollu miżmum minn Stat Membru fil-kapital ta’ din l-impriża lil impriża pubblika oħra, mingħajr kontroparti, iżda bl-obbligu għal din tal-aħħar li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali tal-ewwel waħda, huma kkwalifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiġbed il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-fatt li din l-għajnuna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) TFUE u għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala illegali.

     

    Firem


    ( i ) « Le(s) point(s) … [compléter avec les numéros des points concernés] du présent texte a/ont fait l’objet d’une modification d’ordre linguistique, postérieurement à sa première mise en ligne ».

    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top