This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62018CJ0310
Judgment of the Court (First Chamber) of 19 September 2018.#Criminal proceedings against Emil Milev.#Request for a preliminary ruling from the Spetsializiran nakazatelen sad.#Reference for a preliminary ruling — Urgent preliminary ruling procedure — Judicial cooperation in criminal matters — Directive (EU) 2016/343 — Presumption of innocence — Public references to guilt — Remedies — Procedure for reviewing the lawfulness of pre-trial detention.#Case C-310/18 PPU.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Settembru 2018.
Proċeduri kriminali kontra Emil Milev.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Referenzi pubbliċi għall-ħtija – Rimedji ġudizzjarji – Proċeduri ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja.
Kawża C-310/18 PPU.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Settembru 2018.
Proċeduri kriminali kontra Emil Milev.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Referenzi pubbliċi għall-ħtija – Rimedji ġudizzjarji – Proċeduri ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja.
Kawża C-310/18 PPU.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:732
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
19 ta’ Settembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Referenzi pubbliċi għall-ħtija – Rimedji ġudizzjarji – Proċeduri ta’ stħarriġ tal-legalità ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja”
Fil-Kawża C‑310/18 PPU,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura kriminali kontra
Emil Milev,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President ta’ Awla, J. ‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin (relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: R. Şereş, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub, u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal E. Milev, minnu stess, |
– |
għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u Y. Marinova, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Awwissu 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 4(1), u tal-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1), moqrija fid-dawl tal-premessi 16 u 48 tagħha, kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra Emil Milev dwar iż-żamma tiegħu taħt detenzjoni provviżorja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessa 10 tad-Direttiva 2016/343 tipprovdi: “Bl-istabbiliment ta’ regoli minimi komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati, din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin u b’hekk li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet fi kwistjonijiet kriminali. Tali regoli minimi komuni jistgħu wkoll ineħħu l-ostakli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini fit-territorji kollha tal-Istati Membri.” |
4 |
Il-premessa 16 ta’ din id-direttiva hija mfassla kif ġej: “Il-preżunzjoni tal-innoċenza tkun inkisret jekk dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi, jew deċiżjonijiet ġudizzjarji ħlief dawk dwar il-ħtija, ikunu rreferew għal persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja, sakemm ma ġiex ippruvat li dik il-persuna hija ħatja skont il-liġi. Tali dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet ġudizzjarji ma għandhomx jirreflettu opinjoni li dik il-persuna hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal atti ta’ prosekuzzjoni li għandhom l-għan li juru l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, bħall-att ta’ akkuża, u mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li bħala riżultat tagħhom issir effettiva sentenza sospiża, dment li d-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati. Din għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu minn awtoritajiet ġudizzjarji jew minn awtoritajiet kompetenti oħra u huma bbażati fuq suspetti jew fuq elementi ta’ prova inkriminanti, bħal deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jirreferux għall-persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja. Qabel ma tieħu deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, l-awtorità kompetenti għandha mnejn ikollha l-ewwel tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti kontra l-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata, u d-deċiżjoni tista’ tinkludi referenza għal dawk l-elementi.” |
5 |
Skont il-premessa 48 tad-direttiva msemmija: “Ladarba din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-[Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950], kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.” |
6 |
L-Artikolu 1 tal-istess direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:
|
7 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.” |
8 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Preżunzjoni tal-innoċenza”, jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jitqiesu innoċenti sa meta jinstabu ħatja skont il-liġi.” |
9 |
L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Referenzi pubbliċi għall-ħtija”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sakemm ma jkunx ippruvat li persuna suspettata jew akkużata hija ħatja skont il-liġi, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi, u deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jirreferux għal dik il-persuna bħala li hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti.” |
10 |
Skont l-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Rimedji”: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni suspettati u akkużati jkollhom rimedju effettiv jekk id-drittijiet tagħhom taħt din id-Direttiva ma jiġux rispettati. 2. Mingħajr preġudizzju għar-regoli u s-sistemi nazzjonali dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-valutazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet magħmula minn persuni suspettati jew akkużati jew ta’ evidenza miksuba bi ksur tad-dritt li wieħed jibqa’ sieket jew tad-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu, id-drittijiet tad-difiża u l-ekwità tal-proċedimenti jiġu rispettati.” |
Id-dritt Bulgaru
11 |
Taħt it-titolu “Arrest preventiv”, l-Artikolu 63 tan-Nakazatelno protsesualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”) jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Il-miżura ta’ ‘arrest provviżorju’ tittieħed meta jeżisti suspett raġonevoli li l-persuna akkużata wettqet reat […]” |
12 |
L-Artikolu 64 tan-NPK, li jirrigwarda l-adozzjoni tal-miżura koerċittiva ta’ “arrest provviżorju” matul il-fażi prekontenzjuża, jipprovdi, fil-paragrafu (4) tiegħu, li: “Il-qorti għandha tadotta l-miżura koerċittiva ta’ arrest provviżorju meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonjiet imsemmija fl-Artikolu 63(1) […]” |
13 |
L-Artikolu 65 tan-NPK jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu, li, f’kull mument matul il-proċedura prekontenzjuża, il-persuna akkużata tista’ titlob l-eżami mill-ġdid tal-miżura koerċittiva ta’ ‘arrest provviżorju’ li ttieħdet fil-konfront tiegħu. B’hekk, il-qorti għandha tistħarreġ jekk għadhomx jeżistu raġunijiet li ġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din il-miżura, fosthom jekk jeżistux is-suspetti raġonevoli li l-akkużat wettaq il-ksur inkwistjoni. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 |
Fil-kuntest ta’ investigazzjoni miftuha minħabba serqa bi vjolenza mwettqa fl-2008 f’ħanut f’Sofia (il-Bulgarija), E. Milev kien issuspettat li kien wieħed mill-awturi tagħha. Madankollu, dan ma kienx ġie akkużat. |
15 |
Fil-31 ta’ Lulju 2009, din l-investigazzjoni ġiet sospiża, minħabba li ma seta’ jiġi identifikat l-ebda suspettat. |
16 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li E. Milev huwa s-suġġett ta’ żewġ kawżi kriminali pendenti oħrajn. |
17 |
Fl-ewwel waħda minn dawn il-kawżi, dwar serq bi vjolenza ta’ bank, din tindika li qorti Bulgara rrifjutat li tqiegħed lil E. Milev taħt arrest provviżorju, peress li x-xhieda tax-xhud prinċipali, BP, ma kinitx kredibbli. Ebda deċiżjoni ġudizzjarja fuq il-mertu għada ma ngħatat f’din il-kawża. |
18 |
Fit-tieni kawża, li tikkonċerna t-tmexxija ta’ grupp kriminali organizzat sabiex jitwettaq is-serq bi vjolenza, li fil-kuntest tagħha BP huwa wkoll ix-xhud prinċipali, din tesponi li E. Milev ġie arrestat mill-24 ta’ Novembru 2013 sad-9 ta’ Jannar 2018, data li fiha huwa nħeles mill-akkużi kollha miġjuba kontrih minħabba li x-xhieda ta’ BP ma kinitx meqjusa bħala kredibbli mill-qorti Bulgara. Madankollu, dan ma kienx inħeles. |
19 |
Fil-11 ta’ Jannar 2018, reġgħet infetħet il-proċedura li tikkonċerna s-serq bi vjolenza mwettaq fl-2008. BP reġa’ nstema’ bħala xhud. |
20 |
Fl-istess jum, E. Milev ġie arrestat sabiex jidher quddiem il-qorti mitluba tiddeċiedi dwar it-tqegħid tiegħu taħt arrest provviżorju. |
21 |
Fl-ewwel istanza, it-talba tal-prosekutur intiża għat-tqegħid taħt arrest provviżorju ta’ E. Milev ġiet milqugħa, peress li, “prima facie”, ix-xhieda tax-xhud, BP, kienet kredibbli. Fit-tieni istanza, it-tqegħid taħt arrest provviżorju ġie kkonfermat abbażi tax-xiehda dettaljata ta’ BP u minħabba li r-responsabbiltà kriminali tiegħu setgħet tiskatta minħabba xhieda falza. Skont il-qorti tar-rinviju, iż-żewġ qrati aditi eżaminaw id-dikjarazzjonijiet ta’ BP meħuda separatament, mingħajr ma qabbluhom ma’ provi oħra li jiskaġunaw lil E. Milev. Barra minn hekk, il-qrati kkonċernati naqsu milli jiddeċiedu fuq il-motivi mressqa f’dan ir-rigward mill-avukat ta’ dan tal-aħħar. |
22 |
Il-Qorti tar-rinviju tenfasizza li, waqt l-istħarriġ għaż-żamma tal-miżura ta’ detenzjoni, il-qorti tal-ewwel istanza, billi qieset li ma kinitx meħtieġa analiżi ddettaljata tal-provi, eżaminat biss x-xhieda ta’ BP. Din l-aħħar qorti qieset ukoll li t-tqegħid taħt arrest provviżorju ta’ E. Milev seta’ jinżamm abbażi ta’ elementi ta’ prova inkriminanti li għandhom saħħa probatorja inqas kbira. Il-qorti tat-tieni istanza kkonfermat din l-evalwazzjoni billi eżaminat, b’mod ġenerali ħafna, l-evidenza tax-xhieda u billi kkonstatat l-provi, “għalkemm huma sommarji, […] [kienu jsostnu] t-teżi ta’ ħtija […] u li [ma kinux] ikkontestati minn provi oħra”. |
23 |
Waqt it-tieni stħarriġ tal-miżura ta’ arrest provviżorju, il-qorti tat-tieni istanza ddeċidiet li, skont in-NPK kif emendat, ix-xhieda u l-provi fil-proċess kellhom ikunu suġġetti għal eżami mhux fid-dettall, iżda ġenerali ħafna, li fil-kuntest tiegħu kien biżżejjed li jiġi kkonstatat li kien hemm probabbiltà ġenerali u suspett li E. Milev kien involut fit-twettiq tal-ksur inkwistjoni. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-motivi mressqa mill-avukat tal-akkużat dwar il-parzjalità u n-nuqqas ta’ kredibbiltà tax-xhieda ta’ BP ma kinux is-suġġett ta’ stħarriġ kontradittorju mill-qorti tat-tieni istanza, li barra minn hekk ma ddeċidietx fuq dawn il-motivi. |
25 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li hija ġiet adita minn E. Milev b’talba intiża għall-eżami mill-ġdid tal-legalità tal-arrest provviżorju tiegħu. |
26 |
Din tindika li E. Milev iqis li l-kundizzjoni, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għaliha hija suġġetta l-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżura ta’ arrest provviżorju, u li tirrigwarda l-eżistenza ta’ “suspett raġonevoli” li l-akkużat wettaq reat kriminali, għandha tiġi interpretata hekk kif ġiet iddefinita fis-sentenza tal-Qorti EDB tat-30 ta’ Awwissu 1990, Fox, Campbell u Hartley vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1990:0830JUD001224486). Għalhekk, din issostni li din il-kundizzjoni teżiġi l-eżistenza ta’ data oġġettiva li tista’ tipperswadi lil osservatur oġġettiv li l-persuna kkonċernata probabbilment wettqet il-ksur inkwistjoni. E. Milev ressaq ukoll argumenti konkreti dwar in-nuqqas ta’ kredibbiltà tax-xhud, BP, u l-avukat tiegħu ressaq bosta talbiet intiżi biex jinġabru l-provi sabiex tiġi vverifikata l-kredibbiltà tax-xhieda ta’ BP. |
27 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-istat tad-dritt nazzjonali u tal-ġurisprudenza nazzjonali żviluppaw f’dan il-qasam. |
28 |
Konsegwentement, żviluppat ġurisprudenza nazzjonali ġdida dwar l-eżami tas-“suspett raġonevoli”, li tgħid li l-qorti adita, kemm matul il-fażi prekontenzjuża kif ukoll dik kontenzjuża, għandha tiddeċiedi wara li tkun rat il-provi “prima facie” u mhux b’mod iddettaljat. |
29 |
Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li d-deċiżjonijiet relattivi għaż-żamma ta’ arrest provviżorju jikkostitwixxu “deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343, li għandhom ukoll ċerti karatteristiċi tad-deċiżjonijiet “dwar il-ħtija” msemmija fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni. |
30 |
Għalhekk, din tistaqsi wkoll x’għandu jkun il-livell ta’ stħarriġ tagħha tal-provi inkriminanti ewlenin u sa fejn għandha tagħti risposta ċara u konkreta għall-argumenti tal-akkużat, fid-dawl tad-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/343 u fl-Artikolu 47(1) tal-Karta. Finalment, din tixtieq tkun taf jekk il-fatt li l-premessa 16 ta’ din id-direttiva tipprovdi li d-deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali “tista’ tinkludi referenza” għall-provi inkriminanti jfissirx li dawn il-provi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-qorti jew li din tal-aħħar tista’ biss issemmihom. |
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari
32 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
33 |
Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti tinvoka l-fatt li E. Milev jinsab attwalment taħt arrest provviżorju u li, abbażi tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, din ser tiddeċiedi fuq il-legalità tal-estensjoni ta’ din il-miżura ta’ detenzjoni. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2016/343, li taqa’ taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, relattiv għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għalhekk, dan jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
35 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju marbut mal-urġenza, jeħtieġ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha taħt detenzjoni tiddependi fuq l-eżitu tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ, C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
F’dan il-każ, mill-elementi trażmessi mill-qorti tar-rinviju u mfakkra fil-punti 19 sa 25 ta’ din is-sentenza jirriżulta li E. Milev huwa attwalment imċaħħad mil-libertà u li ż-żamma tiegħu f’detenzjoni tiddependi mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ir-risposta tagħha għad-domandi magħmula tista’ twassal għall-ħelsien immedjat tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 59). |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-5 ta’ Ġunju 2018, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id-domandi preliminari
38 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2016/343, moqrija fid-dawl tal-premessi 16 u 48 ta’ din id-direttiva kif ukoll tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti nazzjonali tivverifika jekk ikunx hemm “suspett raġonevoli”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li jitqies li persuna tkun wettqet reat, li għalih hija suġġetta ż-żamma f’detenzjoni tagħha, din il-qorti tistax tillimita ruħha li tikkonstata li, prima facie, din il-persuna setgħet twettaq dan ir-reat jew jekk dik il-qorti għandhiex tfittex jekk hemmx probabbiltà kbira li l-persuna msemmija wettqet tali reat. Il-Qorti nazzjonali tistaqsi wkoll jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar talba għal modifika ta’ miżura ta’ detenzjoni provviżorja tistax timmotiva d-deċiżjoni tagħha mingħajr ma tqabbel il-provi kontra u favur jew jekk din il-qorti għandhiex twettaq eżami iktar iddettaljat ta’ dawn l-elementi u tipprovdi risposta ċara għall-argumenti ppreżentati mill-persuna f’detenzjoni. |
39 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2016/343 jipprevedi li din għandha tapplika għall-persuni fiżiċi li huma ssuspettati jew akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, fl-istadji kollha tal-proċedura kriminali, mill-mument meta persuna tkun issuspettata li wettqet reat kriminali jew reat kriminali allegat, jew tiġi akkużata abbażi ta’ dan, sa meta ssir res judicata d-deċiżjoni finali intiża biex tiddetermina jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat. |
40 |
Peress li l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi dwar il-legalità taż-żamma taħt arrest provviżorju ordnata fil-kuntest ta’ kawża kriminali kontra E. Milev għar-raġuni li jeżistu suspetti raġonevoli li jitqies li dan wettaq reat kriminali, għandu jitqies li d-Direttiva 2016/343 tapplika għal E. Milev u għal din il-proċedura nazzjonali. |
41 |
Madankollu, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-eżistenza ta’ rimedju effettiv kif previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2016/343 jew waħda mill-materji rregolati mill-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, dan l-artikolu ma huwiex rilevanti għall-finijiet tar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti f’din il-kawża. |
42 |
Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 2016/343 imsemmija mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ssuspettati u l-persuni akkużati jitqiesu innoċenti sakemm jinstabu ħatja skont il-liġi. |
43 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jippreżentawx lil persuna ssuspettata jew lil persuna akkużata bħala ħatja, sakemm il-ħtija tagħha ma tkunx ġiet ipprovata skont il-liġi, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali li jittieħdu minn awtoritajiet ġudizzjarji u li huma bbażati fuq suspetti jew fuq elementi ta’ prova inkriminanti. |
44 |
Din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343, li tgħid li l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza testendi mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet ta’ arrest provviżorju, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jippreżentawx lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata bħala ħatja. Skont din l-istess premessa, qabel ma l-awtoritajiet ġudizzjarji jieħdu deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, dawn jistgħu l-ewwel ikunu marbuta li jivverifikaw li hemm biżżejjed provi inkriminanti fir-rigward tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni msemmija u li din tista’ tinkludi referenza għal dawk il-provi.” |
45 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-premessa 9 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2016/343 huwa li tistabbilixxi regoli minimi komuni applikabbli għall-proċeduri kriminali dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu. |
46 |
Barra minn hekk, konformement mal-premessa 10 tad-Direttiva 2016/343, din tillimita ruħha biex tistabbilixxi r-regoli minimi komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-persuni ssuspettati u tal-persuni akkużati sabiex issaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra u, konsegwentement, sabiex tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonjiet fi kwistjonijiet kriminali. |
47 |
Għaldaqstant, fid-dawl tal-karattru minimu tal-armonizzazzjoni mwettqa mid-Direttiva 2016/343, din ma tistax tiġi interpretata bħala strument komplet u eżawrjenti li għandu l-għan li jiffissa l-kundizzjonijiet kollha għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arrest provviżorju. |
48 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, id-Direttiva 2016/343 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) tagħha ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, bħal deċiżjoni ta’ żamma ta’ miżura ta’ arrrest provviżorju meħuda minn awtorità ġudizzjarja, li jkunu bbażati fuq suspetti jew provi kontra, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jippreżentawx lill-persuna arrestata bħala ħatja. Barra minn hekk, sa fejn, bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf il-kundizzjonijiet li fihom deċiżjoni ta’ arrest provviżorju tista’ tiġi adottata u tistaqsi ruħha, b’mod partikolari, dwar il-livell ta’ konvinzjoni li din għandu jkollha fir-rigward tal-awtur tar-reat, il-metodi ta’ eżami tal-provi differenti u l-firxa tal-motivazzjoni li din hija marbuta li tipprovdi bħala risposta għall-argumenti ppreżentati quddiemha, tali kwistjonijiet ma humiex irregolati minn din id-direttiva, iżda jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali biss. |
49 |
Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi li saru għandha tkun li l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, bħal deċiżjoni ta’ żamma ta’ miżura ta’ arrest provviżorju meħuda minn awtorità ġudizzjarja, li jkunu bbażati fuq suspetti jew provi kontra, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jippreżentawx lill-persuna arrestata bħala ħatja. Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma tirregolax il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu adottati d-deċiżjonijiet ta’ arrest provviżorju. |
Fuq l-ispejjeż
50 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, bħal deċiżjoni ta’ żamma ta’ miżura ta’ arrest provviżorju meħuda minn awtorità ġudizzjarja, li jkunu bbażati fuq suspetti jew provi kontra, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jippreżentawx lill-persuna arrestata bħala ħatja. Min-naħa l-oħra, din id-direttiva ma tirregolax il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu adottati d-deċiżjonijiet ta’ arrest provviżorju. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.