Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CJ0186

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-14 ta’ Ottubru 2021.
José Cánovas Pardo SL vs Club de Variedades Vegetales Protegidas.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti – Regolament (KE) Nru 2100/94 – Artikolu 96 – Kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 – Bidu tad-dekorrenza – Data tal-għoti tal-protezzjoni Komunitarja kif ukoll tal-għarfien bl-att u bl-identità tal-awtur – Data tat-tmiem tal-aġir inkwistjoni – Atti suċċessivi – Atti kontinwi – Limitazzjoni għall-atti mwettqa iktar minn tliet snin qabel.
Kawża C-186/18.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:849

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti – Regolament (KE) Nru 2100/94 – Artikolu 96 – Kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 – Bidu tad-dekorrenza – Data tal-għoti tal-protezzjoni Komunitarja kif ukoll tal-għarfien bl-att u bl-identità tal-awtur – Data tat-tmiem tal-aġir inkwistjoni – Atti suċċessivi – Atti kontinwi – Limitazzjoni għall-atti mwettqa iktar minn tliet snin qabel”

Fil-Kawża C‑186/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Marzu 2018 li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Marzu 2018 fil-proċedura

José Cánovas Pardo SL

vs

Club de Variedades Vegetales Protegidas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn I. Ziemele (Relatriċi), President tas-Sitt Awla, li taġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal José Cánovas Pardo SL, minn V. Venturini Medina, procurador, u minn A. Scasso Veganzones, avukata,

għal Club de Variedades Vegetales Protegidas, minn P. Tent Alonso, avukat, kif ukoll minn V. Gigante Pérez, I. Pérez-Cabrero Ferrández u G. Navarro Pérez, avukati,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos kif ukoll minn E. Leftheriotou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers, I. Galindo Martín u G. Koleva, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 96 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn José Cánovas Pardo SL (iktar ’il quddiem “Pardo”) u Club de Variedades Vegetales Protegidas (iktar ’il quddiem “CVVP”) fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni minn din il-kumpannija ta’ siġar tal-mandolin tal-varjetà “Nadorcott”, u dan mingħajr il-kunsens ta’ CVVP.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament 2100/94, “[s]istema ta’ drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti hija b’dan stabbilita bħala l-forma unika u esklussiva tal-Komunità tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali tal-varjetajiet ta’ pjanti”.

4

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet tad-detentur ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u atti pprojbiti”, jipprovdi li:

“1.   Dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti għandu jkollu l-effett li d-detentur jew id-detenturi ta’ dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘id-detentur’, ikollu d-dritt li jagħmel l-atti stabbiliti fil-paragrafu 2.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 u 16, l-atti li ġejjin dwar kostitwenti tal-varjetajiet, jew materjal maħsud tal-varjetajiet protetti, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘il-materjal’, għandu jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tad-detentur:

(a)

produzzjoni jew riproduzzjoni (moltiplikazzjoni);

(b)

kondizzjonar għall-għan ta’ propagazzjoni;

(ċ)

toffri għall-bejgħ;

(d)

bejgħ jew tqegħid tal-prodott fis-suq;

(e)

esportazzjoni mill-Komunità;

(f)

importazzjoni lejn il-Komunità;

(g)

ħażna għal xi wieħed mill-għanijiet imsemmija fi (a) sa (f).

Id-detentur jista’ jqiegħed fis-suq l-awtorizzazzjoni tiegħu suġġett għal kondizzjonijiet u limitazzjonijiet.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom japplikaw dwar materjal maħsud biss jekk dan kien akkwistat permezz ta’ l-użu awtorizzat ta’ kostitwenti tal-varjetajiet protetti, u sakemm id-detentur kellu opportunità raġonevoli li jeżerċita id-dritt tiegħu dwar l-imsemmija kostitwenti ta’ varjetajiet.

[…]”

5

Bis-saħħa tal-Artikolu 94 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ksur tal-liġi”:

“1.   Kull min:

(a)

jafftwa xi wieħed mill-atti stabbiliti fl-Artikolu 13(2) mingħajr ma jkun intitolat biex jagħmel dan, dwar varjetà li għaliha ikun ingħata dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti;

jew

(b)

iħalli barra l-użu korrett ta’ denominazzjoni ta’ varjetà li għaliha jirreferi l-Artikolu 17(1) jew iħalli barra t-tagħrif relevanti li għalih jirreferi l-Artikolu 17(2);

jew

(ċ)

kuntrarju għall-Artikolu 18(3) juża d-denominazzjoni ta’ varjetà li għaliha jkun ingħata dritttal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti jew deskrizzjoni li tista’ titħallat magħha,

jista’ jiġi mħarrek mid-detentur biex jordna t-tneħħija ta’ dak il-ksur tal-liġi jew biex iħallas kumpens raġonevoli jew it-tnejn.

2.   Kull min jaġixxi intenzjonalment jew b’mod traskurat għandu b’żieda jkun suġġett li jikkumpensa lid-detentur għal kull ħsara li tirriżulta minn dak l-att in kwistjoni. Fil-każi ta’ negliġenza ħafifa, dawk il-pretensjonijiet jistgħu jitnaqqsu skond il-grad ta’ dik in-negliġenza ħafifa, b’dan iżda mhux sal-limitu li jkunu anqas mill-vantaġġ mirbuħ minnhom mill-persuna li jkun għamel dak il-ksur.”

6

L-Artikolu 95 tal-istess regolament, intitolat “Atti qabel l-għoti tad-drittijiet tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti”, jipprovdi:

“Id-detentur jista’ jenħtieġ kumpens raġonevoli minn kull persuna li tkun, fiż-żmien ta’ bejn il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u l-għoti tiegħu, effettwat xi att li kienet tkun ipprojbita li tagħmel sussegwentement għalih.”

7

Skont l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94, intitolat “Preskrizzjoni”:

“Id-detentur jista’ jenħtieġ kumpens raġonevoli minn kull persuna li tkun, fiż-żmien ta’ bejn il-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u l-għoti tiegħu, effettwat xi att li kienet tkun ipprojbita li tagħmel sussegwentement għalih.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Wara applikazzjoni mressqa minn Nadorcott Protection SARL fit‑22 ta’ Awwissu 1995 quddiem l-Uffiċċju tal-Komunità ta’ Varjetajiet ta’ Pjanti (CPVO), fl‑4 ta’ Ottubru 2004 dan tal-aħħar taha dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti fir-rigward tal-varjetà ta’ siġar tal-mandolin bl-isem ta’ “Nadorcott”. Din id-deċiżjoni kienet suġġetta għal rikors b’effett sospensiv quddiem il-Bord tal-Appell taċ-CPVO, li ġie miċħud fit‑8 ta’ Novembru 2005 permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata fil-Bulletin Uffiċjali taċ-CPVO tal‑15 ta’ Frar 2006.

9

Sa mis-sena 2006 Pardo topera pjantazzjoni li tinkludi 4457 siġra tal-mandolin tal-varjetà Nadorcott.

10

Geslive, li ġiet fdata bil-ġestjoni tad-drittijiet relatati mal-varjetà Nadorcott, indirizzat lil Pardo, fit‑30 ta’ Ottubru 2007, ittra ta’ intimazzjoni li biha ordnatha twaqqaf l-operat f’din il-varjetà ta’ pjanta, fl-assenza ta’ liċenzja korrispondenti.

11

Fit‑30 ta’ Marzu 2011, CVVP, li lilha ġiet ittrasferita l-amministrazzjoni ta’ dawn id-drittijiet mit‑13 ta’ Diċembru 2008, bagħtet ittra ġdida lil Pardo fejn talbitha, jekk kien minnu li hija kienet topera 5000 siġra tal-mandolin tal-varjetà Nadorcott, twaqqaf dan l-operat.

12

Wara li adixxiet, fix-xahar ta’ Novembru 2011, lill-Juzgado de lo Mercantil (il-Qorti Kummerċjali, Spanja), b’talba għal miżuri preliminari sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tad-drittijiet esklużivi relatati mal-varjetà Nadorcott, CVVP ippreżentat żewġ rikorsi kontra Pardo, jiġifieri, minn naħa, azzjoni abbażi tal-“protezzjoni provviżorja” li tikkonċerna l-atti mibdija minn din il-kumpannija qabel l-għoti tad-dritt, jiġifieri qabel il‑15 ta’ Frar 2006, u, min-naħa l-oħra, azzjoni għal ksur minħabba atti li seħħew wara din id-data. B’mod partikolari, CVVP talbet li jiġi kkonstatat il-ksur tad-drittijiet esklużivi relatati mal-varjetà Nadorcott sa mill‑15 ta’ Frar 2006 sat-tmiem tiegħu. CVVP talbet ukoll il-kundanna ta’ Pardo sabiex twaqqaf dan l-operat illegali, sabiex telimina u, jekk ikun il-każ, teqred kull materjal veġetali ta’ din il-varjetà fil-pussess tagħha, kif ukoll tħallasha remunerazzjoni bħala kumpens għall-imsemmi operat.

13

Peress li qieset li kien għadda perijodu ta’ żmien ta’ iktar minn tliet snin bejn id-data li fiha d-detentur tad-drittijiet dwar il-varjetà Nadorcott kien identifika lil Pardo bħala l-allegat operatur ta’ din il-varjetà, jiġifieri l-iktar tard fit‑30 ta’ Ottubru 2007, data tal-komunikazzjoni tal-intimazzjoni minn Geslive lil Pardo, u l-preżentata tar-rikorsi minn CVVP, fix-xahar ta’ Novembru 2011, din il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet l-imsemmi rikors, għar-raġuni li l-azzjoni għal ksur kienet preskritta skont l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94.

14

L-Audiencia Provincial de Murcia (il-Qorti Provinċjali ta’ Murcia, Spanja), adita b’appell minn din id-deċiżjoni minn CVVP, ikkonstatat li Pardo ma kinitx qiegħda tikkontesta l-operat tas-siġar tal-varjetà Nadorcott u lanqas in-nuqqas ta’ kunsens tal-proprjetarju ta’ din il-varjetà. Din il-qorti ddeċidiet li, permezz tal-attività tagħha, din il-kumpannija kienet twettaq atti ta’ ksur u li, biż-żamma fil-produzzjoni tal-imsemmija siġar, dawn l-atti kienu għadhom jeżistu. Barra minn hekk, hija qieset li l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 kellu jinqara fis-sens li l-azzjonijiet dwar l-atti ta’ ksur imwettqa inqas minn tliet snin qabel il-preżentata tar-rikorsi ta’ CVVP ma kinux preskritti, filwaqt li dawk li jirrigwardaw l-atti mwettqa iktar minn tliet snin qabel dan l-avveniment kienu preskritti.

15

Konsegwentement, Pardo ġiet ikkundannata tħallas EUR 31199 fir-rigward tal-atti ta’ ksur u tar-remunerazzjoni adegwata dovuta għall-atti mwettqa mingħajr il-kunsens tad-detentur tal-protezzjoni Komunitarja matul il-perijodu li jkopri l-protezzjoni provviżorja. Barra minn hekk, hija ġiet ordnata biex twaqqaf kull att ta’ ksur.

16

Pardo adixxiet lill-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), b’appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni tal-Audiencia Provincial de Murcia (il-Qorti Provinċjali ta’ Murcia), fejn ikkontestat l-interpretazzjoni adottata minn din tal-aħħar tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94.

17

Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali dwar il-proprjetà intellettwali, għandha ssir distinzjoni bejn l-att ta’ ksur innifsu u dak li għandu natura kontinwa. F’dan l-aħħar każ, it-termini ta’ preskrizzjoni jiġu estiżi sakemm jippersisti l-att li jikkostitwixxi l-ksur. Din il-qorti tistaqsi jekk tali ġurisprudenza tistax tiġi trasposta għar-regoli ta’ preskrizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 u, b’mod partikolari, jekk l-azzjonijiet kollha dwar l-atti ta’ ksur humiex preskritti, meta d-detentur tal-protezzjoni Komunitarja jkun ippreżenta r-rikors tiegħu iktar minn tliet snin wara li jkun sar jaf bl-atti ta’ ksur u bl-identità tal-awtur tagħhom jew jekk humiex biss l-azzjonijiet relatati ma’ atti mwettqa iktar minn tliet snin qabel il-preżentata tar-rikors li huma preskritti.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 96 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 jipprekludi interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li, sakemm ikun iddekorra t-terminu ta’ tliet snin minn meta, ladarba tkun ingħatat il-protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti, id-detentur ikun sar jaf bl-att li jikkostitwixxi ksur u bl-identità tal-parti responsabbli, l-azzjonijiet previsti fl-Artikoli 94 u 95 [ta’ dan ir-]Regolament ikunu saru preskritti, anki jekk l-atti li jikkostitwixxu ksur ikunu baqgħu fis-seħħ sal-mument tat-tressiq tal-azzjoni?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, għandu jitqies li, konformement mal-Artikolu 96 [tal-imsemmi regolament], il-preskrizzjoni jkollha effett biss fir-rigward tal-atti speċifiċi li jikkostitwixxu ksur imwettqa barra mit-terminu ta’ tliet snin, iżda mhux fir-rigward ta’ dawk imwettqa matul l-aħħar tliet snin?

3)

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, f’dan il-każ jistgħu jintlaqgħu l-azzjonijiet għal waqfien kif ukoll għal kumpens għad-danni biss fir-rigward ta’ dawn l-aħħar atti mwettqa matul l-aħħar tliet snin?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Frar 2019, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawża C‑176/18, dwar talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 2100/94, fil-kuntest ta’ kawża bejn CVVP u Adolfo Juan Martínez Sanchís dwar l-operat, minn dan tal-aħħar, ta’ siġar tal-mandolin tal-varjetà Nadorcott.

20

Wara l-għoti tas-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Club de Variedades Vegetales Protegidas (C‑176/18, EU:C:2019:1131), ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja kkomunika din is-sentenza lill-qorti tar-rinviju permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Jannar 2020 u stedinha tindikalha jekk, fid-dawl tagħha, xtaqitx iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha f’din il-kawża.

21

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Ottubru 2020, din il-qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kellha l-intenzjoni li żżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, previst minn din id-dispożizzjoni għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament, jibda jiddekorri, ladarba d-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti jkun finalment ingħata, mid-data li fiha d-detentur isir jaf bl-att u bl-identità tal-awtur tal-ksur, u dan indipendentement mill-fatt li dan l-att ta’ ksur ikun intemm jew ippersista sal-mument meta titressaq l-azzjoni.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2021, Heavyinstall, C‑420/19, EU:C:2021:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

L-ewwel, f’dak li jikkonċerna l-kliem tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94, minnhom jirriżulta espressament li l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament għandhom ikunu preskritti wara tliet snin mid-data li fiha jingħata b’mod finali d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u minn dik li fiha d-detentur ta’ dan id-dritt ikun konsapevoli bl-att u bl-identità tal-awtur tal-ksur u, fin-nuqqas ta’ dik il-konsapevolezza, wara 30 sena mit-twettiq tal-att inkwistjoni.

25

B’hekk, fl-ewwel lok, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi żewġ kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi ddeterminata d-data li fiha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin relattiv għall-azzjonijiet imressqa skont l-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament Nru 2100/94, fejn waħda minnhom għandha tiġi qabel l-oħra.

26

Il-bidu ta’ tali terminu jiddependi fil-fatt, minn naħa, minn avveniment oġġettiv, jiġifieri d-data li fiha finalment ingħatat il-protezzjoni Komunitarja, u, min-naħa l-oħra, minn avveniment suġġettiv, jiġifieri d-data li fiha d-detentur tal-protezzjoni Komunitarja sar jaf bl-att li jikkostitwixxi ksur kif ukoll bl-identità tal-awtur tiegħu.

27

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk teżistix ordni ta’ prijorità bejn dawn l-avvenimenti bħala li jattivaw it-terminu ta’ preskrizzjoni, għandu jitqies li l-punt tat-tluq ta’ dan it-terminu jinsab fid-data tal-avveniment li seħħ fl-aħħar lok, jiġifieri jew fid-data tal-għoti tal-protezzjoni Komunitarja, jew fid-data meta jkun hemm l-għarfien tal-att li jikkostitwixxi ksur kif ukoll tal-identità tal-awtur tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Glencore Céréales France, C‑584/15, EU:C:2017:160, punt 47).

28

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-waqfien tal-att ta’ ksur jikkostitwixxi l-avveniment li jagħti bidu għat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament.

29

Tali interpretazzjoni, sostnuta minn CVVP fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mhux biss tmur kontra l-kliem tal-Artikolu 96, iżda twassal, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tiżdied kundizzjoni ma’ dawk imsemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li ma hijiex prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

30

Fit-tieni lok, il-kliem tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 sempliċement jindika li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin jibda jiddekorri mill-mument meta d-detentur ikollu għarfien tal-“att” ta’ ksur bħala tali kif ukoll tal-awtur tiegħu. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda preċiżazzjoni oħra dwar il-possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs tal-perijodu li matulu l-atti ta’ ksur twettqu bi ksur tad-drittijiet tal-proprjetarju jew tan-natura kontinwa ta’ dawn l-atti. Minn din il-formulazzjoni jirriżulta biss li dan l-“att” huwa dak li jista’ jkun is-suġġett ta’ waħda mill-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament Nru 2100/94.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, wara li jkun ingħata d-dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti, it-twettiq mhux awtorizzat tal-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 2100/94 fir-rigward tal-varjetà ta’ pjanti suġġetta għal dan id-dritt jikkostitwixxi “użu [mhux] awtorizzat” fis-sens tal-Artikolu 13(3) ta’ dan ir-regolament. B’hekk, konformement mal-Artikolu 94(1)(a) tar-regolament imsemmi, kull persuna li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, twettaq wieħed minn dawn l-atti tista’ tkun suġġetta għal azzjoni, ippreżentata minn dan id-detentur, għall-waqfien tal-ksur jew għall-ħlas ta’ kumpens raġonevoli jew għat-tnejn flimkien (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Club de Variedades Vegetales Protegidas, C‑176/18, EU:C:2019:1131, punt 41).

32

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perijodu li jippreċedi l-għoti ta’ dan id-dritt, l-imsemmi detentur jista’ jirrikjedi, konformement mal-Artikolu 95 tar-Regolament Nru 2100/94, kumpens raġonevoli min-naħa ta’ kull persuna li tkun wettqet, matul il-perijodu inkluż bejn il-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal dritt tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti u l-għoti tal-imsemmi dritt, att li kien jiġi pprojbit lil din l-aħħar persuna wara l-imsemmi perijodu abbażi tal-imsemmi dritt (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Club de Variedades Vegetales Protegidas, C‑176/18, EU:C:2019:1131, punt 42).

33

Konsegwentement, mill-punti 24 sa 32 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, skont il-kliem tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin previst minn din id-dispożizzjoni għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament ma jibdiex jiddekorri mill-mument li fih l-atti ta’ ksur li minħabba fihom jiġu ppreżentati dawn l-azzjonijiet ikunu waqfu, iżda mid-data li fiha d-detentur tal-protezzjoni Komunitarja jkun sar jaf bl-eżistenza ta’ dawn l-atti u bl-identità tal-awtur tagħhom, sa fejn dan il-kliem ma fih ebda riferiment u lanqas allużjoni għall-kunċetti ta’ tul tal-ksur kif ukoll ta’ kontinwità tal-att li jikkostitwixxi ksur.

34

Tali interpretazzjoni hija kkonfermata, it-tieni, mill-kuntest tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94.

35

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament huma diretti, b’mod partikolari, kontra l-atti msemmija fl-Artikolu 13(2) tiegħu. Issa, din id-dispożizzjoni tirrigwarda atti, identifikati individwalment, b’tali mod li ċ-ċirkustanza li att ikompli fiż-żmien ma hijiex determinanti f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu previst mill-Artikolu 96 tal-imsemmi regolament.

36

It-tielet, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kif imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, hija kkorroborata mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 2100/94 permezz tal-imsemmija dispożizzjoni, sa fejn din tistabbilixxi regola ta’ preskrizzjoni.

37

Fil-fatt, għandu jitfakkar li t-termini ta’ preskrizzjoni jissodisfaw, b’mod ġenerali, il-funzjoni li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Nelson Antunes da Cunha, C‑627/18, EU:C:2020:321, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Sabiex jaqdu dan ir-rwol b’mod effettiv, dawn it-termini għandhom jiġu stabbiliti minn qabel u kull applikazzjoni “b’analoġija” ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għandha tkun suffiċjentement prevedibbili għall-individwi (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 li tgħid li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst minnu jibda jiddekorri biss mill-waqfien tal-att ta’ ksur inkriminat ikollu l-effett li, sakemm dan jibqa’ jippersisti, id-detentur tal-protezzjoni Komunitarja jista’ jressaq l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament sa tliet snin wara l-waqfien ta’ dan l-att, u dan indipendentement mid-dati li fihom ikun beda l-imsemmi att u minħabba l-fatt li dan id-detentur sar jaf bl-eżistenza tiegħu u bl-identità tal-awtur tiegħu.

40

Tali interpretazzjoni toħloq inċertezza kostanti fuq l-awtur tal-atti ta’ ksur, peress li d-detentur tal-protezzjoni Komunitarja, minkejja li jkun ittollera l-eżistenza ta’ dawn l-atti sal-punt li jagħti lill-awtur tagħhom l-impressjoni li jaġixxi in bona fide, jista’ validament iressaq waħda mill-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament Nru 2100/94 għal dawn l-atti kollha, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni d-data li fiha jkun twettaq kull wieħed minnhom.

41

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin previst minn din id-dispożizzjoni għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament jibda jiddekorri, indipendentement mill-fatt li l-att ta’ ksur ta’ varjetà protetta jippersisti kif ukoll mid-data li fiha l-imsemmi att waqaf, fid-data li fiha, minn naħa, id-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti ġie finalment mogħti u, min-naħa l-oħra, id-detentur tad-dritt Komunitarju jkun sar jaf bl-eżistenza ta’ dan l-att u bl-identità tal-awtur tiegħu.

Fuq it-tieni u t-tielet domada

42

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 għandux jiġi interpretat fis-sens li huma preskritti l-azzjonijiet kollha msemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament, relatati ma’ numru ta’ atti ta’ ksur ta’ varjetà protetta u li ġew ippreżentati iktar minn tliet snin wara li, minn naħa, id-drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti ġew finalment mogħtija u li, min-naħa l-oħra, id-detentur isir jaf b’dan il-grupp ta’ atti u bl-identità tal-awtur tagħhom, u dan indipendentement mid-data meta twettaq kull wieħed mill-atti, li jifforma parti mill-imsemmi grupp ta’ atti, ikkunsidrat individwalment, jew jekk humiex preskritti biss azzjonijiet relattivi għal atti mwettqa iktar minn tliet snin qabel l-introduzzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet.

43

Kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 jikkonċerna l-preskrizzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament relatati ma’ atti ta’ ksur identifikati individwalment.

44

Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, tali atti huma dawk imsemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament li kienu jeħtieġu awtorizzazzjoni min-naħa tal-proprjetarju tad-dritt Komunitarju, jiġifieri, il-produzzjoni jew ir-riproduzzjoni (multiplikazzjoni), l-ippakkjar għall-finijiet tal-multiplikazzjoni, l-offerta għall-bejgħ, il-bejgħ jew kull forma oħra ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-esportazzjoni mill-Unjoni Ewropea, l-importazzjoni fl-Unjoni u ż-żamma għall-finijiet ta’ kull wieħed minn dawn l-atti tal-kostitwenti tal-varjetà jew tal-materjal tal-ħsad tal-varjetà protetta.

45

Għaldaqstant, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod individwali, kull att ta’ ksur li jikkorrispondi għal wieħed minn dawk elenkati fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament, indipendentement mill-fatt li jkun is-suġġett ta’ repetizzjoni, ta’ kontinwazzjoni ratione temporis jew li jista’ jintrabat ma’ grupp ta’ atti.

46

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 jipprevedi l-preskrizzjoni ta’ “att”, u mhux dik ta’ aġir li jitqies bħala “grupp ta’ atti”, jimmilita favur eżami individwali tal-preskrizzjoni ta’ kull wieħed mill-atti ta’ vjolazzjoni li jifformaw parti minn “grupp ta’ atti”.

47

Minn dan jirriżulta li hija d-data li fiha d-detentur tal-protezzjoni Komunitarja sar jaf bl-eżistenza tal-att ta’ ksur meħud individwalment kif ukoll bl-identità tal-awtur tiegħu li hija determinanti sabiex jiġi stabbilit jekk l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament 2100/94 humiex preskritti fid-dawl tat-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 96 ta’ dan ir-regolament.

48

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, għal kull wieħed mill-atti ta’ ksur allegati fil-konfront ta’ Pardo, jekk CVVP saritx taf b’dawn l-atti u bl-awtur tagħhom iktar minn tliet snin qabel ma ppreżentat l-azzjonijiet għal kumpens inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ġew ippreżentati f’Novembru 2011.

49

Interpretazzjoni f’sens kuntrarju tal-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94, li tgħid li l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet snin previst f’din id-dispożizzjoni timplika preskrizzjoni li testendi għall-atti kollha li jippreġudikaw id-drittijiet tal-proprjetarju, kif sostnuta minn Pardo fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, tmur kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni.

50

Fil-fatt, minn tali interpretazzjoni jirriżulta li l-preskrizzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw att ta’ ksur li jitqies li jikkostitwixxi l-bidu ta’ aġir, jew bħala l-oriġini ta’ numru ta’ atti ta’ ksur li jikkonċernaw varjetà protetta, ikollha bħala effett li twassal ukoll għall-preskrizzjoni tal-azzjonijiet relatati ma’ kull att ieħor sussegwenti li jista’ jkun imputabbli għal dan l-aġir jew li jkun marbut ma’ dan il-grupp ta’ aġir, indipendentement mid-data li fiha d-detentur tad-drittijiet Komunitarji jkun sar jaf bl-eżistenza u bl-identità tal-awtur ta’ tali att.

51

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-regoli ta’ preskrizzjoni jistgħu jikkonċernaw biss l-azzjonijiet relatati ma’ atti li jkunu twettqu u mhux dawk li jistgħu jitwettqu fil-futur.

52

Barra minn hekk, kieku azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 tar-Regolament Nru 2100/94 kellhom jiġu ddikjarati preskritti minħabba li dawk li jirrigwardaw l-“att inizjali” li ta lok għall-aġir inkriminat huma preskritti, id-detentur tal-protezzjoni Komunitarja jkun imċaħħad minn kull protezzjoni fir-rigward tal-atti ta’ ksur imwettqa wara t-terminu ta’ preskrizzjoni li jirrigwarda dan l-att inizjali.

53

Tali aċċettazzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 96 ta’ dan ir-regolament tkun inkompatibbli mal-għan stess tal-imsemmi regolament li jikkonsisti, skont l-Artikolu 1 tiegħu, fl-istabbiliment ta’ drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 96 tar-Regolament Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li huma preskritti biss l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwardaw numru ta’ atti ta’ ksur ta’ varjetà protetta, li ġew introdotti iktar minn tliet snin wara li, minn naħa, id-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti jkun finalment ingħata u li, min-naħa l-oħra, id-detentur ikun sar jaf bl-eżistenza ta’ kull wieħed mill-atti, li jifformaw parti minn dan il-grupp ta’ atti, meħuda individwalment u bl-identità tal-awtur tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ talba mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din tal-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 96 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin previst minn din id-dispożizzjoni għall-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament jibda jiddekorri, indipendentement mill-fatt li l-att ta’ ksur ta’ varjetà protetta jippersisti kif ukoll mid-data li fiha l-imsemmi att waqaf, fid-data li fiha, minn naħa, id-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti ġie finalment mogħti u, min-naħa l-oħra, id-detentur tad-dritt Komunitarju jkun sar jaf bl-eżistenza ta’ dan l-att u bl-identità tal-awtur tiegħu.

 

2)

L-Artikolu 96 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2100/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li huma preskritti biss l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwardaw numru ta’ atti ta’ ksur ta’ varjetà protetta, li ġew introdotti iktar minn tliet snin wara li, minn naħa, id-dritt Komunitarju ta’ varjetajiet ta’ pjanti jkun finalment ingħata u li, min-naħa l-oħra, id-detentur ikun sar jaf bl-eżistenza ta’ kull wieħed mill-atti, li jifformaw parti minn dan il-grupp ta’ atti, meħuda individwalment u bl-identità tal-awtur tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Top