EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0501

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Campos Sánchez-Bordona, ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2020.
BT vs Balgarska Narodna Banka.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Skemi ta’ garanzija għal depożiti – Direttiva 94/19 – Punt 3(i) tal-Artikolu 1 – Artikolu 7(6) – Artikolu 10(1) – Kunċett ta’ ‘depożitu mhux disponibbli’ – Konstatazzjoni ta’ indisponibbiltà tad‑depożitu – Awtorità kompetenti – Dritt għal kumpens tad-depożitant – Klawżola kuntrattwali kuntrarja għad-Direttiva 94/19/KE – Prinċipju tas‑supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja – Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) – Regolament (UE) Nru 1093/2010 – Artikolu 1(2) – Punt 2(iii) tal-Artikolu 4 – Artikolu 17(3) – Rakkomandazzjoni tal-ABE lil awtorità bankarja nazzjonali dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 94/19 – Effetti legali – Validità – Riorganizzazzjoni u likwidazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Direttiva 2001/24/KE – Is-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘miżuri ta’ riorganizzazzjoni’ – Kompatibbiltà mal-Artikolu 17(1) u mal‑Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Responsabbiltà tal-Istati Membri f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.
Kawża C-501/18.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2020:729

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis-17 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑501/18

BT

vs

Balgarska Narodna Banka

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija))

“Domanda preliminari – Direttiva 94/19/KE – Skemi ta’ garanzija għad-depożiti – Kunċett ta’ depożitu mhux disponibbli – Depożiti dovuti u pagabbli – Konstatazzjoni ta’ depożiti mhux disponibbli – Depożiti li jistgħu jitħallsu lura – Klawżola kuntrattwali li tmur kontra d-Direttiva 94/19 – Prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Regolament (UE) Nru 1093/2010 – Awtorità Bankarja Ewropea – Rakkomandazzjoni dwar l-azzjonijiet neċessarji sabiex tiġi ssodisfatta d-Direttiva 94/19 – Interpretazzjoni u invokabbiltà – Validità”

1.

Fis-sena 2016, il-proprjetarju ta’ depożitu f’kont kurrenti miftuħ f’ismu fil-Korporativna Targovska Banka (iktar ’il quddiem, il-“KTB”) talab quddiem qorti Bulgara ( 2 ) li l-Balgarska Narodna Banka (il-Bank Ċentrali Bulgaru, iktar ’il quddiem il-“BNB”) jikkumpensa d-danni mġarrba minħabba d-dewmien fir-rimbors ta’ dan id-depożitu.

2.

Ir-rikorrenti f’dik il-kawża sostna li l-BNB kellu jiddikjara l-indisponibbiltà tad-depożiti fformalizzati fil-KTB skont iż-żmien stabbilit mid-Direttiva 94/19/KE ( 3 ). Peress li ma għamilx hekk, id-dewmien fir-rimbors kien attribwibbli lill-imsemmi bank u dan kellu jħallas l-interessi moratorji miżjuda sakemm jitħallas lura l-ammont ta’ depożitu.

3.

Il-qorti kompetenti ressqet talba għal deċiżjoni preliminari, li ġiet deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev ( 4 ).

4.

Meta s-sentenza Kantarev kienet għadha pendenti, qorti Bulgara oħra, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari f’kawża simili, li l-għan tagħha kien ukoll talba għal responsabbiltà patrimonjali tal-BNB ibbażata fuq argumenti li f’xi partijiet jikkoinċidu.

5.

Wara li tat is-sentenza Kantarev, il-Qorti tal-Ġustizzja informat lill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija) bid-deċiżjoni, biex tara jekk kinitx tixtieq iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari, xi ħaġa li din tal-aħħar ikkonfermat.

6.

Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jikkonċernaw tnejn biss mid-domandi magħmula hawnhekk, li jew ma ġewx indirizzati fis-sentenza Kantarev jew ġew indirizzati minn perspettiva differenti: a) il-kunċett ta’ “depożitu dovut u pagabbli” tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19; u b) l-effett tar-Rakkomandazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea (iktar ’il quddiem l-“ABE”) tas-17 ta’ Ottubru 2014 ( 5 ).

7.

Filwaqt li nillimita l-analiżi tiegħi għal dawn iż-żewġ domandi, ser nirreferi għas-sentenza Kantarev, meta tispjega l-kuntest ġuridiku, il-fatti li jiddeterminaw ir-rimbors tal-fondi ddepożitati fil-KTB u l-evalwazzjoni tiegħi ta’ dawn.

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Id-Direttiva 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/14 ( 6 )

8.

Fir-rigward tal-premessi u l-artikoli ta’ din id-direttiva, nirreferi għal punti 3 sa 6 tas-sentenza Kantarev.

2.   Ir-Regolament (UE) Nru 1093/201 0 ( 7 )

9.

Skont il-premessi 27 sa 29:

“(27)

Li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa u korretta tal-liġi tal-Unjoni huwa prerekwiżit fundamentali għall-integrità, it-trasparenza, l-effikaċja u l-operat xieraq tas-swieq finanzjarji, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u għall-kondizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni. Għalhekk għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li bih l-Awtorità tindirizza każijiet ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni jew applikazzjoni inkorretta tal-liġi tal-Unjoni li tammonta għal ksur tagħha. Dak il-mekkaniżmu għandu japplika f’oqsma fejn il-liġi tal-Unjoni tiddefinixxi obbligi ċari u inkondizzjonat.

(28)

Biex ikun hemm rispons proporzjonat għal każijiet ta’ applikazzjoni skorretta jew insuffiċjenti tal-liġi tal-Unjoni, għandu japplika mekkaniżmu fi tliet gradi. L-ewwel, l-Awtorità għandha tingħata s-setgħa li tinvestiga l-allegata applikazzjoni skorretta jew insuffiċjenti tal-obbligi legali tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali fil-prattika superviżorja tagħhom, konkluża b’rakkomandazzjoni. It-tieni, fejn l-awtorità kompetenti nazzjonali ma ssegwix ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li toħroġ opinjoni formali filwaqt li tieħu kont tar-rakkomandazzjoni tal-Awtorità, li titlob li l-awtorità kompetenti tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tiżgura l-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(29)

It-tielet, sabiex jingħelbu sitwazzjonijiet eċċezzjonali ta’ nuqqas ta’ azzjoni persistenti mill-awtorità kompetenti konċernata, l-Awtorità għandha tingħata s-setgħa, bħala l-aħħar alternattiva, li tadotta deċiżjonijiet indirizzati lejn istituzzjonijiet finanzjarji individwali. Dik is-setgħa għandha tkun limitata għal ċirkostanzi eċċezzjonali fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-opinjoni formali indirizzata lilha u li fiha l-liġi tal-Unjoni tkun tapplika direttament għall-istituzzjonijiet finanzjarji permezz ta’ regolamenti tal-Unjoni eżistenti jew futuri.”

10.

L-Artikolu 1(2) jipprevedi:

“L-Awtorità għandha taġixxi fil-qafas tas-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/48/KE, id-Direttiva 2006/49/KE, id-Direttiva 2002/87/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006, id-Direttiva 94/19/KE u, sal-punt li dawk l-atti japplikaw għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dawk finanzjarji u l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljawhom, fil-qafas tal-partijiet rilevanti tad-Direttiva 2005/60/KE, id-Direttiva 2002/65/KE, id-Direttiva 2007/64/KE u d-Direttiva 2009/110/KE, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti, u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att ieħor legalment vinkolanti tal-Unjoni li jikkonferixxi kompiti fuq l-Awtorità.”

11.

L-Artikolu 4(2)(iii) jiddefinixxi bħala “awtoritajiet kompetenti”:

“[F]’dak li jirrigwarda l-iskemi ta’ garanzija ta’ depożitu, il-korpi li jamministraw skemi ta’ garanzija ta’ depożitu skont id-Direttiva 94/19/KE, jew fil-każ fejn l-operat tal-iskema ta’ garanzija tad-depożitu hija amministrata minn kumpanija privata, l-awtorità pubblika li tissorvelja dawk l-iskemi skont dik id-Direttiva.”

12.

L-Artikolu 16 jindika:

“1.   L-Awtorità, sabiex tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effikaċi fi ħdan is-SESF, u biex tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni, għandha toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji.

[…]

3.   L-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma’ dawk il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet.

Fi żmien xahrejn mill-ħruġ ta’ linja gwida jew rakkomandazzjoni, kull awtorità kompetenti għandha tikkonferma jekk tikkonformax jew jekk hijiex biħsiebha tikkonforma ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni. F’każ li awtorità kompetenti ma tikkonformax jew ma tkunx biħsiebha tikkonforma, għandha tinforma lill-Awtorità u tagħti r-raġunijiet tagħha.

L-Awtorità għandha tippubblika l-fatt li awtorità kompetenti ma tikkonformax jew ma tkunx biħsiebha tikkonforma ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni. L-Awtorità tista’ tiddeċiedi wkoll, skont il-każ, li tippubblika r-raġunijiet provduti mill-awtorità kompetenti għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tirċievi notifika bil-quddiem dwar tali pubblikazzjoni.

Jekk ikun meħtieġ minn din il-linja gwida jew rakkomandazzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jirrappurtaw, b’mod ċar u dettaljat, jekk jikkonformawx jew le ma’ din il-linja gwida jew rakkomandazzjoni.

[…].”

13.

L-Artikolu 17 jistipula:

“1.   Fejn awtorità kompetenti ma tkunx applikat l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2), jew tkun applikathom b’mod li jidher li jkun ksur tal-liġi tal-Unjoni, inklużi l-istandards tekniċi regolatorji u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni stabbiliti skont l-Artikoli 10 sa 15, b’mod partikolari billi tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dawk l-atti, l-Awtorità għandha taġixxi skont is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fuq talba minn awtorità kompetenti waħda jew aktar, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati, jew fuq inizjattiva tagħha stess, u wara li tinforma lill-awtorità kompetenti kkonċernata, l-Awtorità tista’ tinvestiga l-ksur jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni allegati tal-liġi tal-Unjoni.

[…]

3.   L-Awtorità tista’, mhux aktar tard minn xahrejn mill-bidu tal-investigazzjoni tagħha, tindirizza rakkomandazzjoni lill-awtorità kompetenti konċernata li tistabbilixxi l-azzjoni meħtieġa sabiex tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni.

L-awtorità kompetenti għandha, fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi r-rakkomandazzjoni, tinforma lill-Awtorità bil-passi li tkun ħadet jew li jkun biħsiebha tieħu biex tiżgura l-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

4.   Fejn l-awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-liġi tal-Unjoni fi żmien xahar minn meta tkun irċeviet ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità, il-Kummissjoni tista’, wara li tkun ġiet infurmata mill-Awtorità, jew fuq inizjattiva tagħha stess, toħroġ opinjoni formali li tirrikjedi li l-awtorità kompetenti tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni. L-opinjoni formali tal-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjoni tal-Awtorità.

Il-Kummissjoni għandha toħroġ din l-opinjoni formali mhux iżjed tard minn tliet xhur wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ testendi dan il-perijodu b’xahar.

L-Awtorità u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa.

5.   L-awtorità kompetenti, fi żmien għaxart ijiem minn meta tirċievi l-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4, għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Awtorità dwar il-passi li tkun ħadet jew li jkun biħsiebha tieħu biex tikkonforma ma’ dik l-opinjoni formali.

6.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4 fil-perijodu ta’ żmien speċifikat fiha, u fejn ikun meħtieġ sabiex tirrimedja f’ħin opportun tali nuqqas ta’ konformità sabiex iżżomm jew treġġa’ lura l-kondizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni fis-suq jew tiżgura l-operat sewwa u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-Awtorità tista’, fejn ir-rekwiżiti rilevanti tal-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) japplikaw direttament għall-istituzzjonijiet finanzjarji, tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja li tkun teħtieġ l-azzjoni meħtieġa sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-liġi tal-Unjoni fosthom il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun f’konformità mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

7.   Id-deċiżjonijiet adottati taħt il-paragrafu 6 għandhom jipprevalu fuq kwalunkwe deċiżjoni preċedenti adottata mill-awtoritajiet kompetenti fuq l-istess kwistjoni.

Meta tittieħed azzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma soġġetti għal opinjoni formali skont il-paragrafu 4 jew deċiżjoni skont il-paragrafu 6, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonformaw mal-opinjoni formali jew mad-deċiżjoni, skont il-każ.

[…].”

14.

Fl-Artikolu 26(2) huwa pprovdut kif ġej:

“L-Artikolu 16 dwar is-setgħat tal-Awtorità li tadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet għandu japplika għall-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti.”

B. Id-dritt nazzjonali

15.

Nirreferi għat-traskrizzjoni tal-liġi Bulgara li tinsab fil-punti 8 sa 25 tas-sentenza Kantarev.

16.

Ser nenfasizza biss li l-Artikolu 23(1) u (5) taż-Zakona za garantirane na vlogovete v bankite (il-Liġi dwar il-Garanzija tad-Depożiti Bankarji) ( 8 ) għandu dan il-kontenut:

“1.   Il-Fond għandu jirrimborsa d-djun tal-bank ikkonċernat lid-depożitanti tiegħu sal-livelli ggarantiti meta l-[BNB] ikun irrevoka l-liċenzja bankarja tal-bank kummerċjali.

[…]

5.   Ir-rimbors ta’ ammonti mill-Fond għandu jibda mhux iktar tard minn 20 jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-[BNB] ikun ħa d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1”.

II. Il-kawża u d-domandi preliminari

17.

Fis-snin 2008, 2010 u 2011, ir-rikorrenti BT u l-KTB iffirmaw tliet kuntratti dwar depożiti, miżmuma f’ewro u f’leva Bulgari (BGN), iggarantiti mill-Fond ta’ Garanzija għad-Depożiti Bankarji (iktar ’il quddiem il-“Fond”) sa BGN 196000 kull persuna.

18.

Is-sitwazzjoni tal-KTB fis-sena 2014 u l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali ġew deskritti b’dan il-mod fis-sentenza Kantarev (punti 27 u 28):

“Peress li l-Bank KTB kien affaċċja kriżi ta’ likwidità wara l-irtirar massiv ta’ depożiti li huwa kellu, ir-rappreżentanti tiegħu talbu, fl-20 ta’ Ġunju 2014, lill-BNB iqiegħed taħt sorveljanza speċjali lil din l-istituzzjoni ta’ kreditu. Huma għarrfu wkoll lil dan tal-aħħar bis-sospensjoni tal-pagamenti u bl-operazzjonijiet bankarji kollha tal-imsemmija istituzzjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, il-Bord tad-Diretturi tal-BNB qiegħed lill-bank KTB taħt sorveljanza speċjali għal perijodu ta’ tliet xhur. L-eżekuzzjoni tal-impenji ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu ġiet sospiża u l-attività tagħha ġiet ristretta. Inħatru kuraturi li ġew inkarigati mill-BNB sabiex jagħmlu permezz ta’ awditur estern evalwazzjoni tal-assi u tad-djun tal-imsemmija istituzzjoni.

[…] Minn din l-evalwazzjoni ħareġ li r-riżultat finanzjarju tal-Bank KTB kien negattiv u li dan ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ fondi proprji previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Konsegwentement, il-BNB, b’deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2014, l-ewwel nett, irrevoka l-liċenzja bankarja tal-Bank KTB, it-tieni nett, qabel li kellhom jittieħdu miżuri sabiex tinfetaħ proċedura ta’ falliment kontra tiegħu u, it-tielet nett, iddeċieda li kien hemm lok li l-Fond jiġi informat b’dan.”

19.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BNB tat-30 ta’ Ġunju 2014, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2014, ir-rati ta’ interessi tad-depożiti fil-KTB ġew imnaqqsa għal-livell medju abitwali tas-suq bankarju u ġiet implimentata gradazzjoni tar-rati ta’ interessi standard ( 9 ).

20.

Il-Kummissjoni Ewropea intimat formalment, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Awwissu 2014, lill-Ministru għad-Dħul u għat-Taxxi tal-Bulgarija, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE, rigward traspożizzjoni mhux korretta tad-Direttiva 94/19 u ksur tal-Artikolu 63 TFUE ( 10 ).

21.

Permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 2014, il-Bord tad-Diretturi tal-BNB ġedded il-miżuri ta’ sorveljanza sal-20 ta’ Novembru 2014.

22.

Fis-17 ta’ Ottubru 2014, l-ABE ħarġet, abbażi tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1093/2010, ir-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02, diretta lill-BNB u lill-Fond. F’din ir-rakkomandazzjoni ġie indikat li l-BNB kien kiser id-dritt tal-Unjoni, peress li ma għamilx dak li huwa neċessarju sabiex jikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti skont il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19, u fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjoni rigward is-sospensjoni tal-bqija tal-obbligi kollha u tan-nuqqas ta’ għoti ta’ permess lid-depożitanti sabiex jaċċedu għad-depożiti ggarantiti.

23.

Skont il-premessa 27 ta’ din ir-rakkomandazzjoni, id-deċiżjoni tal-BNB tal-20 ta’ Ġunju 2014, fejn issottomettiet lill-KTB għal sorveljanza speċjali u ssospendiet l-obbligi tiegħu, kienet ekwivalenti għal konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti skont il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 u, b’konsegwenza, il-Fond kellu jħallas l-ammonti ggarantiti tad-depożiti mhux disponibbli.

24.

Il-ħlas lura tad-depożiti lir-rikorrenti rriżulta f’termini analogi għal dawk stipulati fis-sentenza Kantarev ( 11 ), jiġifieri, b’konformità mal-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, huwa rċieva mill-Fond ir-rimbors tad-depożiti ggarantiti fil-KTB ammontanti għal BGN 196000, flimkien mal-interessi korrispondenti għaż-żmien ta’ bejn it-30 ta’ Ġunju u s-6 ta’ Novembru 2014. Id-depożiti l-oħra li għalihom kien intitolat, li jammontaw għal BGN 44070 (madwar EUR 22500), ġew irreġistrati fil-lista tal-krediti rrikonoxxuti, fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza, skont l-ordni previst mil-leġiżlazzjoni Bulgara applikabbli.

25.

Fis-7 ta’ Marzu 2015, is-Sofiyski apelativen sad (il-Qorti tal-Appell ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddikjarat l-20 ta’ Ġunju 2014 bħala d-data ta’ bidu tal-insolvenza tal-KTB, peress li f’dik id-data l-attiv nett tal-KTB sar negattiv.

26.

Il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mibdija mill-Kummissjoni kontra l-Bulgarija tħassret fl-10 ta’ Diċembru 2015.

27.

BT introduċa quddiem il-qorti tar-rinviju rikors għal kumpens ( 12 ) tad-danni li rriżultaw, direttament u indirettament, mill-azzjonijiet u l-ommissjonijiet tal-BNB fir-rigward tal-intervent ta’ dan tal-aħħar fil-KTB, li, fil-fehma ta’ BT, jiksru d-dritt tal-Unjoni.

28.

Ir-rikors jinkludi żewġ talbiet:

L-ewwel nett, il-ħlas tal-interessi legali li jikkorrispondu għall-ammonti ggarantiti tad-depożiti fil-KTB għall-perijodu ta’ bejn it-30 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Diċembru 2014, li jilħqu t-BGN 8 627.96 (madwar EUR 4400). Bħala bażi ta’ din it-talba, ir-rikorrenti jibbaża ruħu fuq il-fatt li, bħala awtorità kompetenti, il-BNB naqas milli jikkonstata li dawn id-depożiti kienu indisponibbli mit-30 ta’ Ġunju 2014, bi ksur tad-Direttiva 94/19 u dewwem b’mod illegali r-rimbors tagħhom sal-4 ta’ Diċembru 2014.

It-tieni nett, il-ħlas ta’ BGN 44070 (madwar EUR 22500), l-ammont ta’ depożiti fil-KTB li kienu jaqbżu l-minimu ggarantit. L-aġir tal-BNB għaġġel l-insolvenza tal-KTB u ġab fix-xejn il-possibbiltajiet li jiġi rkuprat dan l-ammont fil-proċess nazzjonali ta’ insolvenza, li jfisser ksur tal-Artikoli 17 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

29.

Sabiex tiddeċiedi dawn it-talbiet, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari li tinkludi diversi domandi, li minnhom ser ninkludi biss dawk li fuqhom ser nibbaża l-analiżi tiegħi:

“[…]

2)

Mill-premessa 27 tar-Regolament (UE) Nru 1093/201[…] jirriżulta li rakkomandazzjoni maħruġa fuq il-bażi tal-Artikolu 17(3) ta’ dan ir-regolament, li tikkonstata ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-bank ċentrali ta’ Stat Membru fir-rigward tat-terminu għall-ħlas tad-depożiti ggarantiti lid-depożitanti fl-istituzzjoni ta’ kreditu rispettiva, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali:

tagħti lid-depożitanti f’din l-istituzzjoni ta’ kreditu d-dritt li, quddiem qorti nazzjonali, jinvokaw din ir-rakkomandazzjoni bħala bażi għal rikors għad-danni kkawżati proprju minn dak il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni s-setgħa tal-Awtorità Bankarja Ewropea li tikkonstata ksur tad-dritt tal-Unjoni u filwaqt li jitqies li d-depożitanti la huma u lanqas ma jistgħu jkunu d-destinatarji tar-rakkomandazzjoni, li ma toħloq ebda konsegwenza legali diretta għalihom;

hija valida fid-dawl tar-rekwiżit li d-dispożizzjoni miksura għandha tipprevedi obbligi ċari u inkundizzjonati, meta jitqies li l-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19/KE […] moqri flimkien mat-tnax u mat-tlettax-il premessa ta’ din id-direttiva, ma jinkludix l-elementi kollha li huma meħtieġa sabiex ikun hemm obbligu ċar u inkundizzjonat għall-Istati Membri u ma jagħti ebda dritt dirett lid-depożitanti, kif ukoll li din id-direttiva tipprevedi biss livell minimu ta’ armonizzazzjoni li ma tinkludix il-punti ta’ referenza li fuq il-bażi tagħhom għandhom jiġu identifikati d-depożiti li ma jkunux disponibbli, u li r-rakkomandazzjoni ma kinitx ibbażata fuq obbligi ċari u inkundizzjonati oħra tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawn il-punti ta’ referenza, jiġifieri, b’mod partikolari, evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ likwidità u l-assenza ta’ prospett attwali ta’ ħlas; l-eżistenza ta’ obbligu li jiġu ordnati miżuri ta’ intervent fi stadju bikri u li titkompla l-attività kummerċjali tal-istituzzjoni ta’ kreditu;

hija valida, fid-dawl tas-suġġett inkwistjoni, jiġifieri l-garanziji għad-depożiti, u fid-dawl tas-setgħa tal-Awtorità Bankarja Ewropea li toħroġ, skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1093/2010, rakkomandazzjonijiet dwar l-iskema ta’ garanziji għad-depożiti, fir-rigward tal-bank ċentrali nazzjonali, li ma jkollu ebda konnessjoni mal-iskema nazzjonali ta’ garanziji għad-depożiti u li ma jkunx awtorità kompetenti fis-sens tal-punt 2(iii) tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament?

[…]

4)

Mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1), flimkien mal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u mal-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 94/19, kif ukoll mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et (C‑76/15, EU:C:2016:975, punti 82 sa 84), jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/19 jinkludi d-depożitanti:

li d-depożiti tagħhom, matul il-perijodu bejn is-sospensjoni tal-ħlasijiet mill-istituzzjoni ta’ kreditu u l-irtirar tal-liċenzja tagħha sabiex topera fis-settur bankarju, ma setgħux jitħallsu lura minħabba dispożizzjonijiet kuntrattwali jew legali u li fir-rigward tagħhom id-depożitanti korrispondenti ma indikawx li xtaqu li jitħallsu lura,

li taw il-kunsens tagħhom għal klawżola li tipprevedi l-ħlas tad-depożiti fl-ammont iggarantit skont proċedura rregolata fid-dritt ta’ Stat Membru, inkluż b’mod partikolari wara l-irtirar tal-liċenzja tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qiegħda tamministra d-depożiti, u din il-kundizzjoni tkun issodisfatta, kif ukoll

meta, skont id-dritt tal-Istat Membru, il-klawżola msemmija prevista fil-kuntratt tad-depożitu jkollha saħħa vinkolanti bejn il-partijiet tal-kuntratt?

Mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, jew minn xi dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li l-qorti nazzjonali ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni tali klawżola prevista fil-kuntratt tad-depożitu u għandha teżamina r-rikors ippreżentat minn depożitant intiż għall-ħlas ta’ interessi minħabba dewmien fil-ħlas tad-depożiti fl-ammont iggarantit skont dan il-kuntratt fid-dawl tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni u fuq il-bażi legali tal-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 94/19?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Awwissu 2018.

31.

Il-BNB u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub, mingħajr ma tqieset neċessarja seduta.

32.

B’risposta għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja wara li ngħatat is-sentenza Kantarev, il-qorti tar-rinviju indikat, fid-9 ta’ Novembru 2018, li ser iżżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari, peress li baqgħu preżenti, fost l-oħrajn, id-dubji tagħha dwar l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni r-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02.

IV. Evalwazzjoni

A. Indisponibbiltà tad-depożiti, konstatazzjoni tad-depożiti li setgħu jitħallsu lura u l-ħlas tad-depożiti (ir-raba’ domanda preliminari)

33.

Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-garanzija rrikonoxxuta mid-Direttiva 94/19 (punt 3(i) tal-Artikolu 1, ikkunsidrat flimkien mal-Artikoli 7(6) u (10)) tapplikax għal dawk id-depożitanti:

li d-depożiti tagħhom, mis-sospensjoni tal-ħlasijiet mill-istituzzjoni ta’ kreditu u r-revoka tal-liċenzja tagħha sabiex topera fis-settur bankarju, ma setgħux jitħallsu lura minħabba dispożizzjonijiet kuntrattwali jew legali, u li fir-rigward tagħhom id-depożitant kien talab il-ħlas lura;

li taw il-kunsens tagħhom għal klawżola, b’effett ta’ liġi bejn il-partijiet kontraenti, li tipprovdi għal ħlas tal-ammont iggarantit skont id-dritt tal-Istat Membru, speċifikament rigward ir-revoka tal-liċenzja tal-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qiegħda tamministra d-depożiti.

34.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex ma tiġix applikata klawżola kuntrattwali bħal din, fl-eżami ta’ talba għal kumpens għad-danni kkawżati minħabba ħlas tardiv tal-ammont iggarantit tad-depożiti, fis-sens tad-Direttiva 94/19.

35.

Is-sentenza Kantarev tillimita ruħha għal kumpens għad-danni kkawżati lil persuna li d-depożiti tagħha fil-KTB kienu, mingħajr dubju, pagabbli (eżegwibbli) diġà fil-mument tad-determinazzjoni dwar l-indisponibbiltà tad-depożiti. Min-naħa l-oħra, il-kawża li issa qiegħda tiġi ttrattata tirrigwarda jekk l-istess dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/19 jipproteġux ukoll lil depożitant li d-depożiti tiegħu fil-KTB ma kinux pagabbli f’dak il-mument.

36.

L-analiżi ddettaljata tal-mekkaniżmu ta’ garanzija ta’ depożiti implimentata skont id-Direttiva 94/19 tippermetti, fil-fehma tiegħi, spjegazzjoni u applikazzjoni adegwata tal-ġurisprudenza Kantarev.

37.

L-intervent tas-sistemi ta’ garanzija ta’ depożiti (iktar ’il quddiem, “SGD”) nazzjonali jseħħ permezz ta’ proċedura li l-elementi essenzjali tagħha huma rregolati mid-Direttiva 94/19. L-għan tiegħu huwa doppju: protezzjoni tad-depożitanti ( 13 ) u garanzija tal-istabbiltà tas-sistema bankarja ( 14 ).

38.

Il-proċedura li tippermetti li jingħata effett lill-garanzija tad-depożiti bankarji, tinftiehem aħjar meta tiġi maqsuma fit-tliet fażijiet tagħha:

L-ewwel fażi, sabiex tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà tad-depożiti ta’ istituzzjoni bankarja, funzjoni li hija responsabbiltà tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

Il-fażi tan-nofs, li fiha jiġu identifikati d-depożiti li għandha tħallas lura s-SGD.

L-aħħar fażi, li fiha s-SGD tħallas lura lid-depożitanti d-depożiti ggarantiti.

1.   Il-fażi inizjali

39.

L-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiddeċiedi jekk id-depożiti f’istituzzjoni finanzjarja humiex disponibbli jew le. Sabiex tiġi meħuda din id-deċiżjoni, il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 jeżiġi:

Li d-depożiti “hu[m]a dovut[i] u pagabbli imma li ma [kinux] [ġew] [i]mħall[sa] mill-istituzzjoni ta’ kreditu permezz tal-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli ( 15 )”.

Li l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkonstata li, “fl-aspett tagħhom l-istituzzjoni ta’ kreditu […] tkun tidher li ma tkunx tista’ għal issa, għal raġunijiet li huma direttament relatati maċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħha, li jitħallas lura d-depożitu u li ma jkollha l-ebda prospett attwali li jkun jista jsir dan”.

40.

Iż-żmien li fih l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tieħu din id-deċiżjoni inizjali huwa qasir ħafna: “mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol wara li l-ewwel [tkun issodisfatta] li istituzzjoni ta’ kreditu tkun naqset milli tħallas lura depożiti li huma dovuti u pagabbli”.

41.

Is-sentenza Kantarev iċċarat diversi elementi tar-regolament ta’ din il-fażi inizjali, li jaqbel li jitfakkru:

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 jagħti dritt lill-individwi ( 16 ) u jipproduċi effett dirett, minkejja li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jinnominaw l-awtorità kompetenti sabiex tikkonstata l-indisponibbiltà ta’ depożiti u marġni ta’ diskrezzjoni lilha fir-rigward tal-eżami tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata ( 17 ).

L-awtorità kompetenti għandha tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol wara li l-ewwel tkun stabbilixxiet li istituzzjoni ta’ kreditu tkun naqset milli tħallas lura depożiti dovuti u pagabbli. Dan l-obbligu huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż ( 18 ).

L-indisponibbiltà tad-depożiti għandha tiġi deċiża permezz ta’ att espliċitu tal-awtorità nazzjonali kompetenti u ma tistax tiġi dedotta minn atti oħra tal-awtoritajiet nazzjonali ( 19 ).

Iż-żmien ( 20 ) ta’ ħamest ijiem sabiex tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà għandu karattru perentorju, sakemm ma jiġux indikati eċċezzjonijiet, b’mod li lanqas l-awtorità nazzjonali ma tista’ tintroduċihom ( 21 ).

Id-deċiżjoni li tiġi kkunsidrata l-indisponibbiltà tad-depożiti hija kundizzjonali biss għar-rekwiżiti (“neċessarji u suffiċjenti”) tal-ewwel paragrafu tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 ( 22 ). Għalhekk, la tista’ tiddependi mill-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu u lanqas mir-revoka tal-liċenzja bankarja tagħha ( 23 ).

42.

Madankollu, is-sentenza Kantarev ma indirizzatx id-domanda li issa tistaqsi l-qorti tar-rinviju: jekk id-definizzjoni ta’ “depożitu mhux disponibbli” tinkludix dak li, bħala konsegwenza ta’ klawżola kuntrattwali, ma għandux il-kwalità li huwa dovut u lanqas li huwa pagabbli, peress li l-kuntratt jirreferi għal-liġi nazzjonali, skont liema ser ikun eżegwibbli biss fil-każ ta’ revoka tal-liċenzja bankarja.

43.

Fil-fehma tiegħi, depożitu b’dawn il-karatteristiċi ma jistax jikkwalifika bħala “depożitu mhux disponibbli” f’din l-ewwel fażi tal-proċedura. Depożitu li ma huwiex dovut u lanqas ma huwa pagabbli, skont il-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli skont id-dritt nazzjonali, ma jistax jiġi kkunsidrat mill-awtorità nazzjonali kompetenti bħala depożitu mhux disponibbli.

44.

Il-kejl li bih jiġi ċċarat meta depożitu jsir dovut u pagabbli jiddependi, qabel kollox, mir-relazzjoni kuntrattwali tal-istituzzjoni finanzjarja u l-klijent tagħha. Jekk it-tnejn jaqblu li l-istituzzjoni finanzjarja mhux ser ikollha l-obbligu li tħallas lura lil klijent l-ammont tad-depożitu tiegħu sa mument partikolari, ma hemmx bżonn li wieħed jitkellem dwar l-iskadenza u lanqas l-eżegwibbiltà jekk dan il-mument ma seħħx.

45.

Għaldaqstant, depożitu b’dawn il-karatteristiċi ma jistax, minnu nnifsu, jwassal lill-istituzzjoni ta’ kreditu għas-“sitwazzjoni finanzjarja” li għaliha jirreferi l-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19, li tikkonstata l-impossibbiltà tagħha li tħallas lura d-depożiti.

46.

Madankollu, flimkien ma’ depożiti li ma jkollhomx il-kwalità ta’ dovuti u pagabbli f’mument partikolari, l-entità finanzjarja għandha ħafna depożiti li effettivament huma f’din il-pożizzjoni. Li kieku kien hekk, “biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali istituzzjoni ta’ kreditu ma ħallsetx lura ċerti depożiti u li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 huma ssodisfatti sabiex tiġi ddikjarata l-indisponibbiltà tad-depożiti kollha miżmuma minn din l-istituzzjoni” ( 24 ).

47.

Fil-qosor, id-dikjarazzjoni ta’ indisponibbiltà “hija marbuta mas-sitwazzjoni finanzjarja oġġettiva tal-istituzzjoni ta’ kreditu u tirrigwarda b’mod ġenerali l-integralità tad-depożiti miżmumin minn dik l-istituzzjoni u mhux kull wieħed mid-depożiti li hija żżomm ( 25 )”.

2.   Il-fażi tan-nofs

48.

Fit-tieni fażi tal-proċedura, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiddeċiedi liema depożiti għandha tħallas lura s-SGD ( 26 ).

49.

Fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, id-Direttiva 94/19 tinkludi l-punti segwenti:

Li huma esklużi (jiġifieri, mhux ser ikunu restitwibbli) id-depożiti magħmula mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra f’isimhom jew għal kont tagħhom, il-fondi tal-istituzzjonijiet finanzjarji nnifishom u d-depożiti li joriġinaw minn tranżazzjonijiet li b’konnessjoni magħhom kien hemm kundanna kriminali għal ħasil tal-flus (Artikolu 2).

Li l-Istati jistgħu jeskludu mill-garanzija, jew jiżguraw biss livell inferjuri ta’ garanzija, lil uħud mid-depożitanti jew għal ċerti depożiti (Artikolu 7(2)). Għandhom jagħmlu dan skont il-lista stabbilita fl-Anness I tad-Direttiva 94/19 ( 27 ). Ma hemmx prova li l-Bulgarija għamlet użu minn din il-possibbiltà.

50.

Is-SGD ser ikollha tħallas lura (loġikament, fl-ammonti ggarantiti) id-depożiti kollha tal-istituzzjoni bankarja affettwata mid-dikjarazzjoni tal-indisponibbiltà, minbarra dawk li jaqgħu taħt xi raġuni għall-esklużjoni. Minn din il-premessa joħorġu diversi konsegwenzi għall-preżenti kawża.

51.

L-ewwel nett, kif diġà indikajt, il-konstatazzjoni tal-impossibbiltà tal-ħlas lura tiddependi esklużivament mir-rekwiżiti tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19. La din id-dispożizzjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tal-istess artikolu ma tippermetti li l-imsemmija konstatazzjoni tiġi kkundizzjonata minn rekwiżiti addizzjonali jew differenti.

52.

Fis-sentenza Kantarev ġiet miċħuda l-konstatazzjoni li l-indisponibbiltà tad-depożiti tista’ tkun suġġetta għal talba minn qabel sabiex jiġu rtirati l-fondi li tkun baqgħet mingħajr suċċess (punt 81), l-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu jew ir-revoka tal-liċenzja bankarja tagħha (punt 51), jew it-tqegħid taħt sorveljanza speċjali minn qabel mill-awtoritajiet bankarji (punt 60).

53.

Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi dawn jew rekwiżiti oħrajn, differenti minn dawk li jinkludi l-punt 3(i) tal-Artikolu 1, tikser din l-istess dispożizzjoni, kif ukoll l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19.

54.

It-tieni nett, il-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà għandha ssir mill-awtorità kompetenti wara li tevalwa d-diffikultajiet li, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, għandha l-istituzzjoni ta’ kreditu sabiex tħallas lura d-depożiti. Għalkemm, kif diġà semmejt, ma huwiex loġiku li, sabiex tittieħed din id-deċiżjoni, jgħoddu l-istess depożiti li l-obbligu tagħhom ta’ ħlas lura huwa previst fil-futur, l-evalwazzjoni tal-awtorità kompetenti taffettwa, ladarba din issir deċiżjoni, it-totalità tad-depożiti miżmuma mill-istess istituzzjoni ta’ kreditu ( 28 ).

55.

Huwa għalhekk li r-regola ġenerali hija, minn dan il-mument, il-ħlas lura tad-depożiti kollha tal-istituzzjoni finanzjarja, indipendentement mill-iskadenza u l-eżiġibbiltà tagħhom (ħlief dawk previsti fil-lista eżawrjenti tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 94/19).

56.

Fi kliem ieħor, huma restitwibbli kemm id-depożiti dovuti u pagabbli kif ukoll dawk li ma għandhomx dawn iż-żewġ kwalitajiet, meta l-istituzzjoni tidħol f’sitwazzjoni oġġettiva ta’ inkapaċità finanzjarja sabiex taffaċċja l-obbligi tagħha ta’ ħlas lura. Din is-sitwazzjoni taffettwa kemm l-obbligi tal-passat u l-preżent (depożiti dovuti u pagabbli) kif ukoll dawk futuri (depożiti mhux dovuti u lanqas pagabbli).

57.

B’hekk, f’din il-fażi tan-nofs, id-depożiti kollha tal-istituzzjoni għandhom jiġu identifikati mill-awtorità kompetenti sabiex is-SGD tipproċedi, fil-każ tagħha, għall-ħlas sussegwenti tagħhom. Din l-interpretazzjoni tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 hija l-iktar waħda li taqbel mal-għanijiet tad-Direttiva 94/19 (il-protezzjoni tad-depożitanti u l-garanzija tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja).

58.

Jekk id-depożiti mhux dovuti u lanqas pagabbli ta’ istituzzjoni ta’ kreditu suġġetta għas-SGD ma kinux, f’dak il-mument, restitwibbli permezz tal-mekkaniżmu ta’ garanzija, id-depożitanti kienu jpoġġu lilhom innifishom f’riskju li ma jirkuprawx, fil-futur, it-tfaddil tagħhom fil-proċedura ta’ riorganizzazzjoni u stralċ tal-istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà. Barra minn hekk, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ssofri, minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja tal-klijenti fis-sigurtà tad-depożiti tagħhom ta’ żmien medju jew twil.

3.   Il-fażi finali

59.

F’din il-fażi s-SGD tħallas lura d-depożiti. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(1a) tad-Direttiva 94/19, l-ammont li l-Istati Membri jiggarantixxu l-ħlas lura tiegħu jilħaq il-EUR 100000.

60.

Il-ħlas lura għandu jsir fi żmien qasir (20 jum) ( 29 ) sabiex id-depożitanti ma jiġux imċaħħda mit-tfaddil tagħhom u ma jsibux ruħhom, minħabba f’hekk, f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li jipprovdu għall-ispejjeż ta’ kuljum tagħhom. L-istabbiltà tas-sistema bankarja titlob ukoll li l-ħlas lura jkun rapidu ( 30 ).

61.

Il-ħlas lura tad-depożiti mis-SGD ma huwiex marbut mal-proċeduri eventwali ta’ riorganizzazzjoni u stralċ tal-istituzzjoni ta’ kreditu, għax il-ħlas b’dan il-mod biss jista’ jsir malajr, fi żmien għoxrin jum mid-deċiżjoni ta’ indisponibbiltà ( 31 ). Id-dubji li jistgħu jitqajmu, f’dan ir-rigward, mill-premessa 12 tad-Direttiva 2009/14 ( 32 ) ġew ikkjarifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li dawk il-proċeduri ma jaffettwawx l-indisponibbiltà tad-depożiti u lanqas il-ħlas lura tagħhom ( 33 ).

62.

Lanqas ma jista’ jkun ikkundizzjonat il-ħlas lura tad-depożiti mal-eżistenza ta’ talba magħmula minn qabel mid-depożitanti għal kumpens, li baqgħet mingħajr suċċess ( 34 ). L-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 94/19 jindika li s-SGD mhux ser tkun tista’ tieħu vantaġġ miż-żmien ta’ għoxrin jum biex tiċħad il-benefiċċju ta’ garanzija lil depożitant li ma setax jissottometti fil-ħin it-talba għal ħlas skont il-garanzija.

63.

Jekk is-SGD tikser iż-żmien ta’ għoxrin jum għal ħlas lura tad-depożiti ggarantiti, id-depożitanti jistgħu jitolbu, barra minn hekk, il-ħlas tal-interessi korrispondenti ( 35 ).

4.   Garanzija ġudizzjarja u supremazija tad-dritt tal-Unjoni

64.

L-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 94/19 jindika li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-drittijiet tad-depożitaturi għal kumpens jista’ jkun suġġett għal azzjoni mid-depożitatur kontra l-iskema ta’ garanzija ta’ depożitu”.

65.

Għaldaqstant, id-depożitanti jistgħu jużaw ir-rimedji ġudizzjarji li jipprovdilhom l-ordinament nazzjonali sabiex jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet u l-ommissjonijiet tas-SGD u sabiex jitolbu kumpens għad-danni li s-SGD tkun ikkawżatilhom.

66.

Infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 “għandu effett dirett u jikkostitwixxi regola tad-dritt intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi ( 36 )”.

67.

Fir-rikorsi tagħhom quddiem il-qrati nazzjonali, id-depożitanti ser ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali għandha tħalli mhux applikata kwalunkwe liġi nazzjonali li tmur kontra d-Direttiva 94/19 ( 37 ): fir-rigward ta’ dak li huwa importanti f’din il-kawża, għandha tastjeni milli tapplika dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra l-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva ( 38 ).

68.

Dan id-dmir huwa indipendenti minn jekk il-leġiżlatur Bulgaru ttrasponiex jew le din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 94/19 fil-liġi nazzjonali ta’ implimentazzjoni ( 39 ).

69.

Il-prinċipju ta’ supremazija jistabbilixxi wkoll li, meta r-regola nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni tiġi inkorporata fil-kontenut ta’ klawżola kuntrattwali, il-qorti nazzjonali tista’ testendi fir-rigward ta’ din il-klawżola l-konsegwenzi inerenti għall-inkompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mad-dritt tal-Unjoni. Huwa irrilevanti li l-allegazzjoni tal-partijiet f’dan il-kuntest tinbidel f’rikors għal kumpens għad-danni kkawżati jew f’tip ieħor ta’ rimedji ġudizzjarji.

70.

Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ma hemm xejn li jfixkel lill-qorti nazzjonali milli tapplika l-prinċipju ta’ supremazija jekk: a) ir-regola nazzjonali tikkundizzjona d-dmir tas-SGD li jħallas lura lid-depożitanti d-depożiti li sa issa ma humiex dovuti u lanqas pagabbli, fejn il-liċenzja tal-istituzzjoni finanzjarja inkwistjoni li fiha saru l-imsemmija depożiti kienet preċedentement ġiet irrevokata, liema depożiti tagħha ġew iddikjarati bħala indisponibbli; u b) l-istess leġiżlazzjoni tiġi implimentata fi klawżola kuntrattwali aċċettata mid-dritt nazzjonali.

5.   Rikapitulazzjoni

71.

Ir-riflessjonijiet preċedenti jwassluni għas-segwenti risposta għar-raba’ domanda preliminari:

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19, f’relazzjoni mal-Artikoli 7(6) u 10, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Depożitu mhux dovut u lanqas pagabbli konformi mal-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-każ ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità kompetenti sabiex tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti.

Depożitu mhux dovut u lanqas pagabbli mal-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, għandu jiġi kklassifikat bħala depożitu restitwibbli, ladarba l-awtorità kompetenti tkun ikkonstatat l-indisponibbiltà tad-depożiti tal-istituzzjoni finanzjarja.

Il-qorti nazzjonali għandha tastjeni milli tapplika liġi nazzjonali li tikkundizzjona l-obbligu ta’ ħlas lura ta’ depożiti li sa issa ma humiex dovuti u lanqas pagabbli, iżda li fir-rigward tagħhom saret dikjarazzjoni ta’ indisponibbiltà, ma’ sitwazzjoni fejn il-liċenzja tal-istituzzjoni finanzjarja depożitarja tkun ġiet irrevokata minn qabel. Għandha wkoll tastjeni milli tapplika klawżola li tinkludi f’kuntratt ta’ depożitu bankarju l-liġi nazzjonali diġà msemmija li ma hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

B. It-tieni domanda preliminari: interpretazzjoni u validità tar-rakkomandazzjoni tal-ABE

72.

It-tieni domanda preliminari tirrigwarda r-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02, adottata taħt l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1093/2010. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf: a) jekk id-depożitanti, minkejja li ma kinux id-destinatarji tar-rakkomandazzjoni, jistgħux jinvokawha f’kawża għal danni kkawżati mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni; u b) jekk hijiex valida.

1.   Rakkomandazzjonijiet tal-ABE

73.

L-ABE għandha l-kompetenza sabiex tintervjeni fl-applikazzjoni tad-direttivi tal-Unjoni dwar is-SGD, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1093/2010 ( 40 ).

74.

Fl-eżerċizzju ta’ din il-funzjoni, l-ABE tista’ tindirizza lill-“awtoritajiet [nazzjonali] kompetenti” fir-rigward ta’ garanziji ta’ depożiti ( 41 ). Skont il-premessa 20 tar-Regolament Nru 1093/2010, sabiex tippromwovi approċċ konsistenti, l-awtorità għandha tiżgura kuntest ekwu u trattament ġust tad-depożitanti madwar l-Unjoni.

75.

Is-setgħat tal-ABE b’konnessjoni mas-SGD jimmaterjalizzaw fil-possibbiltà li:

Tadotta standards tekniċi regolatorji jew ta’ implimentazzjoni ( 42 ).

Toħroġ rakkomandazzjonijiet (u linji gwida), indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji, dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam mhux kopert mill-istandards tekniċi regolatorji jew ta’ implimentazzjoni ( 43 ). Din is-setgħa hija espressament applikabbli għas-SGD ( 44 ).

Tirreaġixxi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, kontra l-eventwali ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 45 ), jekk l-awtorità nazzjonali ma tapplikax is-sistema jew tapplika s-sistema b’mod mhux korrett ( 46 ).

76.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-ABE ma humiex ġuridikament vinkolanti. Kif tindika d-denominazzjoni tagħhom, ir-rakkomandazzjonijiet ma jinkludux mandat, iżda stedina sempliċi għal azzjoni. Huma jaqgħu fil-kategorija prevista mill-Artikolu 288(5) TFUE ( 47 ).

77.

Madankollu, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 1093/2010 jsostni li l-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jagħmlu dak kollu li huwa possibbli sabiex jikkonformaw ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

78.

Mifhuma b’dan il-mod, dawn ir-rakkomandazzjonijiet joħolqu ċertu effett ġuridiku, anki jekk mhux vinkolanti: l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkonfermaw, fi żmien xahrejn, jekk jissodisfawx, jew jekk humiex biħsiebhom jissodisfaw jew le dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Fil-każ tal-aħħar, għandhom jispjegaw lill-ABE r-raġunijiet li fuqhom huma jibbażaw ruħhom (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 1093/2010) u l-ABE mbagħad għandha tippubblika kemm in-nuqqas ta’ konformità kif ukoll dawn ir-raġunijiet ( 48 ).

79.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-ABE bbażati fuq l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1093/2010 jippreżentaw karatteristiċi li jiddistingwuhom minn dawk tal-Artikolu 16:

Dawn (dawk tal-Artikolu 16) huma ta’ natura ġenerali u jeħtieġu li l-awtorità li huma indirizzati lilha għandha tipprovdi spjegazzjonijiet jekk ma tikkonformax ruħha magħhom (“comply or explain”) ( 49 ).

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Artikolu 17(3) għandhom, min-naħa l-oħra, natura individwali, li tressaqhom iktar viċin lejn (iżda ma tagħmilhomx l-istess) id-deċiżjonijiet, u joħolqu proċedura ad hoc sabiex jiġu affaċċjati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità magħhom.

80.

L-awtorità nazzjonali destinatarja tar-rakkomandazzjonijiet tal-Artikolu 17(3) tirriskja, jekk ma tikkonformax ruħha magħhom ( 50 ), li ssir is-suġġett tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ser nagħmel riferiment għaliha iktar ’il quddiem. F’ċertu mod, dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma (jew jistgħu jwasslu biex isiru) l-ewwel stadju f’dik il-proċedura ( 51 ), li l-ABE tagħti bħala istruzzjoni bl-appoġġ tal-Kummissjoni.

81.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Artikolu 17(3) jistgħu wkoll jiġu kkontestati minn dawk ikkonċernati quddiem il-Bord tal-Appell tal-Awtoritajiet Ewropej ta’ Sorveljanza, skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1093/2010.

82.

Il-karattru mhux definittiv u n-nuqqas ta’ effetti ġuridiċi vinkolanti tar-rakkomandazzjonijiet tal-ABE tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1093/2010 jaffettwa l-possibbiltà tagħhom li jiġu invokati u r-reviżjoni ġudizzjarja tagħhom. B’mod partikolari, jagħmel mhux possibbli kontroll dirett tal-legalità tagħhom permezz tar-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE.

83.

Dan huwa minħabba li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta biss rikorsi għal annullament kontra atti ġuridiċi obbligatorji ( 52 ), ibbażati fuq il-kontenut attwali tagħhom, il-kuntest li fihom ġew adottati u s-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi tal-atti ( 53 ).

84.

Madankollu, huwa possibbli li jiġu invokati r-rakkomandazzjonijiet tal-ABE f’kawża quddiem il-qrati nazzjonali li fiha għandhom jiġu interpretati regoli vinkolanti tal-Unjoni li magħhom ir-rakkomandazzjonijiet huma relatati ( 54 ).

85.

Qabel ma nindirizza dan il-punt, ser nirreferi għal proċedura rregolata mill-Artikolu 17(1) sa (8) tar-Regolament Nru 1093/2010 ( 55 ) li permezz tagħha jinbidlu, bl-intervent tal-Kummissjoni, ir-rakkomandazzjonijiet tal-ABE f’deċiżjonijiet vinkolanti.

86.

Ladarba l-ABE ssib applikazzjoni allegatament mhux korretta jew insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni minn awtorità nazzjonali, hija għandha tibgħat rakkomandazzjoni fejn tindika lil din tal-aħħar il-miżuri li għandha tadotta.

87.

Jekk l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tikkonformax ruħha ma’ din ir-rakkomandazzjoni u tippersisti fin-nuqqas ta’ konformità, tista’ tintervjeni l-Kummissjoni. Dan tagħmlu permezz ta’ opinjoni formali fejn tħeġġeġ lill-awtorità nazzjonali sabiex tadotta l-miżuri indispensabbli sabiex tikkonforma ruħha mad-dritt tal-Unjoni.

88.

Fil-fażi finali tal-proċedura, l-ABE tista’ tieħu deċiżjoni individwali, indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja fejn tordna lil din tal-aħħar sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex twettaq l-obbligi mnissla mid-dritt tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ prattika, dejjem sakemm din tkun tirrigwarda regoli direttament applikabbli ( 56 ).

89.

Id-deċiżjonijiet tal-ABE f’din il-fażi finali għandhom ikunu konformi mal-opinjoni formali tal-Kummissjoni u għandhom jipprevalu fuq kwalunkwe deċiżjoni adottata preċedentement rigward l-istess suġġett. Għalhekk, l-opinjoni formali tal-Kummissjoni tobbliga lill-istituzzjonijiet finanzjarji destinatarji kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jikkonformaw ruħhom mal-atti ġuridiċi ta’ setgħa vinkolanti ( 57 ).

2.   Ir-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02 quddiem il-qorti nazzjonali

90.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk depożitant (f’din il-kawża, BT) jistax jinvoka r-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02 fil-kawża li beda kontra l-BNB.

91.

Ir-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02, miftiehma b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1093/2010, hija indirizzata, kif diġà spjegajt, lill-BNB u lill-Fond, fejn tindikalhom l-azzjoni neċessarja sabiex ikunu konformi mad-Direttiva 94/19 u jwaqqfu l-ksur tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tagħha.

92.

Qabel ma ġiet adottata r-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02, il-Kummissjoni kienet diġà bdiet rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (Artikolu 258 TFUE) kontra l-Bulgarija u bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru (l-1 ta’ Awwissu 2014), mingħajr ma kompliet il-proċedura ta’ ksur ( 58 ).

93.

Ir-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02 ma ġietx segwita, imbagħad, minn opinjoni formali tal-Kummissjoni, u dan wassal lill-ABE sabiex lanqas ma toħroġ ebda deċiżjoni għal protezzjoni tal-Artikolu 17(6) tar-Regolament Nru 1093/2010 ( 59 ).

94.

Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà tar-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02 mad-dritt tal-Unjoni (id-Direttiva 94/19 u r-Regolament Nru 1093/2010). Sabiex inwieġeb għal dawn id-dubji, ser nirreferi għaldaqstant għan-nuqqas ta’ possibbiltà, b’mod ġenerali, li dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-ABE jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali, bħal fil-każ tar-rakkomandazzjoni issa inkwistjoni.

a)   Nuqqas ta’ possibbiltà ta’ invokazzjoni b’mod ġenerali u domanda preliminari dwar il-validità

95.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, “għalkemm ir-rakkomandazzjonijiet ma humiex intiżi li jipproduċu effetti vinkolanti, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jitressqu quddiemhom, b’mod partikolari meta huma jiċċaraw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bil-għan li jimplementawhom jew meta l-għan tagħhom ikun li jikkomplementaw dispożizzjonijiet tal-Unjoni ta’ natura vinkolanti” ( 60 ).

96.

Naqbel mal-Avukat Ġenerali Bobek ( 61 ) li l-obbligu tal-qrati nazzjonali “li jieħdu inkunsiderazzjoni” r-rakkomandazzjonijiet, meta jiġu biex jiddeċiedu kawżi li fihom japplikaw dritt vinkolanti tal-Unjoni marbut mar-rakkomandazzjonijiet, ma jikkoinċidix mad-dmir ta’ “interpretazzjoni konformi” fis-sens tal-ġurisprudenza Von Colson u Kamann ( 62 ).

97.

Jekk il-qrati nazzjonali għandhom jagħtu attenzjoni għar-rakkomandazzjonijiet (inklużi dawk li toħroġ l-ABE) sabiex japplikaw id-dritt vinkolanti tal-Unjoni fl-Istati Membri, huwa loġiku li jistgħu jindirizzaw, lill-Qorti tal-Ġustizzja, rinviji għal interpretazzjoni dwar il-kontenut tal-istess rakkomandazzjonijiet ( 63 ). Allura, jistgħu jagħmlu dan ukoll għal evalwazzjoni dwar il-validità tagħhom?

98.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, peress li ma jirriżultax possibbli l-istħarriġ dirett tal-legalità ta’ rakkomandazzjoni permezz ta’ rikors għal annullament, wieħed jista’ jaħseb li l-istess jiġri fir-rigward tal-istħarriġ indirett tal-legalità, u dan permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar evalwazzjoni tal-validità. Jagħmel sens li jiġi invalidat att li ma għandux effetti ġuridiċi obbligatorji?

99.

Jekk mhux sejjer żball, il-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum ( 64 ) għadha ma tatx deċiżjoni, b’mod kategoriku, f’dan ir-rigward. Is-sentenza Grimaldi tidher li taċċetta, b’mod impliċitu, il-possibbiltà ta’ domandi preliminari dwar evalwazzjoni tal-validità tar-rakkomandazzjonijiet ( 65 ) u l-Avukat Ġenerali Bobek jaċċetta dan b’mod espliċitu ( 66 ).

100.

Fl-opinjoni tiegħi, l-iktar li jagħmel sens huwa li tiġi aċċettata l-possibbiltà ta’ domandi preliminari dwar evalwazzjoni tal-validità tar-rakkomandazzjonijiet, jekk wieħed jitlaq mill-premessa li l-qorti nazzjonali għandha teħodhom inkunsiderazzjoni sabiex tinterpreta regola vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni. Ma jkunx loġiku li din il-qorti nazzjonali tirreferi, għal finijiet interpretattivi, għal rakkomandazzjoni li għandha dubju rigward il-validità tagħha, peress li tikkunsidra, u bir-raġun, li hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dikjarazzjoni li l-istess qorti ma tistax tagħmel ( 67 ).

101.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-ABE bbażati fuq l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1093/2010 huma, nirrepeti, wieħed mill-elementi li l-qorti kompetenti għandha tikkunsidra sabiex issolvi l-kawża. Infakkar li hawnhekk il-kwistjoni hija li wieħed għandu jiċċara jekk il-ksur tar-regola tal-Unjoni huwiex suffiċjentement serju u, bħala konsegwenza, jekk jissodisfax waħda mit-tliet kundizzjonijiet li fuqhom tiddependi r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni ( 68 ).

102.

Rakkomandazzjoni tal-ABE tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali biss sabiex issolvi kawża dwar jekk il-kontenut tagħha huwiex konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, liema dritt ir-rakkomandazzjoni tiffaċilita l-applikazzjoni tiegħu. Jekk il-qorti nazzjonali tqis, kif qiegħed jiġri hawnhekk, li ma huwiex hekk, għandha s-setgħa sabiex tressaq domanda preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-unika qorti kompetenti sabiex tiddikjara din l-inkompatibbiltà.

b)   Dubji tal-qorti tar-rinviju dwar ir-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02

103.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kompatibbiltà tar-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02 mad-dritt tal-Unjoni hija dubjuża peress li: a) hija indirizzata lil awtorità nazzjonali (il-BNB), li ma hijiex l-awtorità kompetenti sabiex tiddetermina l-indisponibbiltà tad-depożiti rigwardanti l-bank KTB, mingħajr ma tqis bħala destinatarji l-istituzzjonijiet finanzjarji; u b) tista’ ma tkunx konformi mal-premessa 27 tar-Regolament Nru 1093/2010, sa fejn il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 ma jistabbilixxix obbligi ċari u inkundizzjonati.

1) Awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti

104.

Skont l-Artikolu 4(2)(iii) tar-Regolament Nru 1093/2010, l-“awtoritajiet kompetenti” huma “f’dak li jirrigwarda l-iskemi ta’ garanzija ta’ depożitu, il-korpi li jamministraw skemi ta’ garanzija ta’ depożitu skont id-Direttiva 94/19/KE, jew fil-każ fejn l-operat tal-iskema ta’ garanzija tad-depożitu hija amministrata minn kumpanija privata, l-awtorità pubblika li tissorvelja dawk l-iskemi skont dik id-Direttiva”.

105.

Dawn l-awtoritajiet jistgħu jinkludu, minbarra s-SGD, l-awtorità inkarigata biex tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti, li f’ħafna mill-Istati Membri hija l-bank ċentrali nazzjonali ( 69 ).

106.

Min-naħa tiegħu, il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 “iħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jinnominaw l-awtorità kompetenti sabiex tikkonstata l-indisponibbiltà ta’ depożiti” ( 70 ).

107.

Fil-kawża Kantarev, il-qorti tar-rinviju u l-Qorti tal-Ġustizzja ħadu bħala fatt li l-BNB kien awtorità kompetenti sabiex jikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti skont il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 ( 71 ). Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tidher li tifhem l-argumenti tal-BNB f’sens oppost ( 72 ).

108.

Mill-25 ta’ Marzu 2014, bid-dħul fis-seħħ ta’ emenda fiż-Zakona za kreditnite institutsii ( 73 ) u skont il-punt 2 tal-Artikolu 1(2) tagħha, il-BNB huwa l-awtorità kompetenti fir-Repubblika tal-Bulgarija sabiex tissorvelja lill-istituzzjonijiet bankarji skont il-punt 40 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 ( 74 ).

109.

Il-Liġi l-ġdida dwar il-garanzija tad-depożiti bankarji (iż-Zakon za garantirane na vlogovete v bankite) tal-2015 tinkorpora fid-dritt Bulgaru d-Direttiva 2014/49, li taħtar bħala awtorità kompetenti sabiex tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti lill-istituzzjoni inkarigata mis-sorveljanza prudenzjali, skont ir-Regolament Nru 575/2013 ( 75 ). Għaldaqstant, mill-14 ta’ Awwissu 2015, ma hemmx dubju li l-BNB huwa l-awtorità kompetenti sabiex jikkonstata, fil-Bulgarija, l-indisponibbiltà tad-depożiti.

110.

Skont il-Kummissjoni, l-awtorità ta’ sorveljanza kellha wkoll il-kompetenza sabiex tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti, anki qabel l-14 ta’ Awwissu 2015.

111.

Madankollu nifhem li, sal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/49, l-ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma kienet tistabbilixxi dan il-paralleliżmu. Il-premessa 50 ta’ din id-direttiva tiddikjara li, “[m]inħabba d-diverġenzi fil-prattiki amministrattivi relatati mas-SGD fl-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu liema awtorità tiddetermina l-indisponibbiltà tad-depożiti”.

112.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk, skont id-dritt Bulgaru applikabbli fil-mument tal-aġir tal-BNB fir-rigward tal-KTB, l-awtorità kompetenti sabiex tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti kienet, jew ma kinitx, il-BNB.

113.

Wieħed ma għandux jinsa li fis-sentenza Kantarev il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li n-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti, fil-każ tal-bank KTB, mill-awtoritajiet Bulgari, jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 ( 76 ).

2) L-effett dirett tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19

114.

Fir-rigward tal-ħtieġa tar-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02 li tikkonċerna r-rekwiżiti direttament applikabbli tad-dritt tal-Unjoni (f’dan il-każ, tad-Direttiva 94/19), din il-ħtieġa jimponiha biss l-Artikolu 17(6) tar-Regolament Nru 1093/2010 sabiex l-ABE tadotta deċiżjonijiet indirizzati lill-istituzzjonijiet finanzjarji, fejn tħeġġiġhom sabiex jissodisfaw l-obbligi imposti mir-regoli tal-Unjoni.

115.

L-aħħar frażi tal-premessa 27 tar-Regolament Nru 1093/2010 ( 77 ) talludi għal dawn id-deċiżjonijiet finali tal-ABE, iżda mhux għar-rakkomandazzjonijiet li tista’ tadotta fil-bidu tal-proċedura. Dan huwa loġiku meta tkun inkwistjoni deċiżjoni tal-ABE ta’ natura vinkolanti, iżda mhux ta’ rakkomandazzjoni nieqsa mill-effetti ġuridiċi obbligatorji.

116.

Fi kwalunkwe każ, kif diġà esponejt, il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 għandu effett dirett, skont is-sentenza Kantarev, b’tali mod li dan ifisser li rakkomandazzjoni bħal din tista’ tiġi invokata mill-individwi quddiem il-qorti tar-rinviju ( 78 ). Għaldaqstant, id-dubji dwar dan l-element tar-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02 jirriżultaw infondati.

3.   Effett tas-sentenza Kantarev fuq ir-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02

117.

Skont ir-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02 ( 79 ), il-BNB kien kiser il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 għaliex ma ddikjarax l-indisponibbiltà tad-depożiti fi żmien ħamest ijiem minn meta l-KTB ma setax iħallas lura d-depożiti dovuti u pagabbli.

118.

L-ABE fehmet li d-deċiżjoni tal-BNB li tissottometti lill-KTB għal sorveljanza speċjali u li tissospendi b’mod provviżorju l-obbligi tiegħu, kienet tammonta għal dikjarazzjoni ta’ indisponibbiltà tad-depożiti, fis-sens tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19.

119.

Is-sentenza Kantarev tirrifjuta din l-ekwiparazzjoni. Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’dik is-sentenza li l-indisponibbiltà tad-depożiti għandha tiġi ddeterminata permezz ta’ azzjoni fl-affermattiv tal-awtorità nazzjonali kompetenti, mingħajr ma tista’ tiġi dedotta minn atti oħra tal-awtoritajiet nazzjonali (bħal, pereżempju, id-deċiżjoni tal-BNB li jissuġġetta lill-KTB għal sorveljanza speċjali) u lanqas tiġi preżunta minn ċirkustanzi bħal dawk f’dik il-kawża ( 80 ).

120.

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni dan l-element tar-Rakkomandazzjoni ABE/2014/02 sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, peress li huwa inkompatibbli mal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19.

V. Konklużjoni

121.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija) kif ġej:

“1)

Il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti, f’relazzjoni mal-Artikoli 7(6) u 10, għandu jiġi interpretat b’tali mod li:

Minnu nnifsu, depożitu mhux dovut u lanqas pagabbli skont il-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità kompetenti sabiex tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti.

Depożitu mhux dovut u lanqas pagabbli skont il-kundizzjonijiet legali u kuntrattwali applikabbli għandu jiġi kkwalifikat bħala depożitu restitwibbli, ladarba l-awtorità kompetenti tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti tal-istituzzjoni finanzjarja.

Il-qorti nazzjonali għandha tastjeni milli tapplika regola nazzjonali li tikkundizzjona l-obbligu li jitħallsu lura d-depożiti li għadhom ma humiex dovuti u lanqas pagabbli, iżda rigward liema nħarġet dikjarazzjoni ta’ indisponibbiltà, għar-revoka minn qabel tal-liċenzja tal-istituzzjoni finanzjarja depożitarja. Għandha wkoll tastjeni milli tapplika klawżola li tinkorpora f’kuntratt ta’ depożitu bankarju l-imsemmija regola nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

2)

Rakkomandazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea bbażata fuq l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE hija wieħed mill-elementi li qorti kompetenti għandha tqis sabiex tinterpreta d-Direttiva 94/19 u tiddeċiedi jekk il-ksur tar-regola tal-Unjoni huwiex suffiċjentement serju, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Madankollu, rakkomandazzjoni ta’ dan it-tip tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss mill-qorti nazzjonali jekk il-kontenut tagħha jkun konformi mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-applikazzjoni tiegħu jista’ jkun li tiffaċilita, wara li tagħmel domanda preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ikollha dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha ma’ dawn ir-regoli.

3)

Ir-Rakkomandazzjoni EBA/REC/2014/02 tas-17 ta’ Ottubru 2014 lill-Bank Ċentrali Bulgaru u l-Fond Bulgaru ta’ Garanzija għad-Depożiti dwar l-azzjoni neċessarja sabiex tiġi ssodisfatta d-Direttiva 94/19 tmur kontra l-punt 3(i) tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, sa fejn tekwipara d-deċiżjoni ta’ dak il-Bank Ċentrali li jissuġġetta istituzzjoni ta’ kreditu għal sorveljanza speċjali u li jissospendi b’mod provviżorju l-obbligi tagħha mal-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) L-Administrativen sad Varna (il-Qorti Amministrattiva ta’ Varna, il-Bulgarija).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 2, p. 252).

( 4 ) Sentenza C-571/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Kantarev, EU:C:2018:807.

( 5 ) Rakkomandazzjoni EBA/REC/2014/02 tas-17 ta’ Ottubru 2014 lill-Bank Ċentrali Bulgaru u l-Fond Bulgaru ta’ Garanzija għad-Depożiti dwar l-azzjoni neċessarja sabiex tiġi ssodisfatta d-Direttiva 94/19 (Bulgarian National Bank and Bulgarian Deposit Insurance Fund on action necessary to comply with Directive 94/19/EC, iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni ABE/2014/02”).

( 6 ) Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimbors (ĠU 2009, L 68, p. 3). Id-Direttiva 94/19 ġiet konsegwentement imħassra u ssostitwita għal tfassil mill-ġdid, b’effett biss mill-4 ta’ Lulju 2019 (ara l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti, ĠU 2014, L 173, p. 149). It-terminu li fih kellhom jiġu trasposti wħud mid-dispożizzjonijiet għat-tfassil mill-ġdid kien jiskadi fit-3 ta’ Lulju 2015 (l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/49). Fil-mument relevanti sabiex tiġi solvuta din il-kawża, kienet applikabbli biss id-Direttiva 94/19 (kif emendata mid-Direttiva 2009/14).

( 7 ) Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12).

( 8 ) Din il-liġi, ippubblikata fid-DV Nru 49 tad-29 ta’ April 1998, tirregola l-ħolqien, il-missjonijiet u l-attività tal-Fond ta’ garanzija tad-depożiti bankarji. Il-paragrafu 1a tad-dispożizzjonijiet kumplimentari tal-2009 (DV Nru 44 tat-12 ta’ Ġunju 2009) jindika li din il-liġi tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 94/19 u 2009/14.

( 9 ) Ir-rati ta’ interessi għad-depożiti tar-rikorrenti sas-6 ta’ Novembru 2014 ġew ikkalkolati skont din id-deċiżjoni. Huwa mifhum li dawn ir-rati ta’ interessi huma ekwivalenti għal dawk kuntrattwalment miftiehma.

( 10 ) Proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu Nru 2014/2240. Ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni (Bulgaria must allow bank customers to access their money) tal-25 ta’ Settembru 2014, f’https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/IP_14_1041.

( 11 ) Skont il-punt 30 ta’ dik is-sentenza, “[f]l-4 ta’ Diċembru 2014, istituzzjoni ta’ kreditu Bulgara, inkarigata mill-Fond sabiex tirrimborsa d-depożiti miżmuma mill-Bank KTB, ħallset lil N. Kantarev ammont ta’ BGN 86 973.81 leva Bulgari (madwar EUR 44465), bl-inklużjoni f’dan l-ammont tal-interessi akkumulati sas-6 ta’ Novembru 2014, id-data tar-revoka tal-liċenzja tal-Bank KTB, jiġifieri BGN 2 673.81. F’dan ir-rigward, sal-1 ta’ Lulju 2014, ir-rata tal-interessi applikata għad-depożitu tal-attur fil-kawża prinċipali kienet konformi mal-kundizzjonijiet kuntrattwali filwaqt li, b’effett minn din id-data u sas-6 ta’ Novembru 2014, ir-rata tal-interessi applikata kienet dik stabbilita permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BNB, tat-30 ta’ Ġunju 2014, li naqqset ir-rati tal-interessi applikati għad-depożiti tal-Bank KTB”.

( 12 ) Ir-rikors tressaq skont il-leġiżlazzjoni Bulgara dwar ir-responsabbiltà amministrattiva.

( 13 ) Fil-konklużjonijiet tiegħi tal-kawża Anisimovienė et (C‑688/15 u C‑109/16, EU:C:2017:475, punt 85), sostnejt li, “fid-delimitazzjoni tal-kunċett ta’ ‘depożitu’ użat mid-Direttiva 94/19, il-punt ewlieni huwa l-obbligu ta’ ħlas lura. Huwa inerenti għall-kuntratt tad-depożitu li wieħed jirċievi l-oġġett ta’ ħaddieħor bl-obbligu li jżommu u jirrestitwixxih. Wieħed ma għandux jinsa, madankollu, li d-Direttiva 94/19, fundamentalment, għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jfaddlu fil-każ tal-għeluq ta’ istituzzjoni ta’ kreditu insolventi. Għalhekk, jiġi ggarantit, l-ewwel u qabel kollox, li din l-insolvenza ma tagħmilx impossibbli l-irkupru lil dawk li jfaddlu (sa ċertu limitu, mill-inqas) tal-fondi tagħhom, li l-istituzzjoni ta’ kreditu impenjata kienet legalment marbuta li tħallashom lura”.

( 14 ) Sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Anisimovienė et (C‑688/15 u C‑109/16, EU:C:2018:209, punt 83), u Kantarev, punt 56: id-Direttiva “intiża […] tevita l-fenomeni ta’ rtirar massiv ta’ depożiti mhux biss minn istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà, iżda wkoll minn istituzzjonijiet b’saħħithom bħala riżultat ta’ telf tal-fiduċja tal-pubblika fis-saħħa ta’ din is-sistema [bankarja]”.

( 15 ) Il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni jippreżentaw differenzi. Fir-rigward ta’ dawk li jien ikkonsultajt, l-Ispanjola tuża l-espressjoni “depósito que haya vencido y sea pagadero”, fl-istess sens tal-Ingliża (“deposit that is due and payable”), it-Taljana (“deposito dovuto e pagabile”) u l-Ġermaniża (“eine Einlage, die […] zwar fällig und von einem Kreditinstitut zu zahlen ist”). Il-Franċiża u l-Portugiża jirreferu, minflok, għall-eżiġibbiltà (“dépôt qui est échu et exigible”, “depósito que, tendo-se vencido e sendo exigível”, rispettivament).

( 16 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni, “[t]ikkostitwixxi regola tad-dritt tal-Unjoni intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet lill-individwi”, peress li “għandha l-għan b’mod partikolari li tipproteġi lid-depożitanti”. Barra minn hekk, “il-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti għandha impatt dirett fuq is-sitwazzjoni legali ta’ depożitant peress li din il-konstatazzjoni tiskatta l-mekkaniżmu ta’ garanzija tad-depożiti u, konsegwentement, ir-rimbors lid-depożitanti” (sentenza Kantarev, punti 102 sa 104).

( 17 ) Skont is-sentenza Kantarev, punt 59: “Ċertament, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 1(3)(i) tad-Direttiva 94/19 u b’mod partikolari tal-fatt li din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-awtorità kompetenti għandha tikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti meta “[fil-fehma tagħha]”, il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan il-għan ikunu ssodisfatti, din l-awtorità għandha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni. Madankollu, tali marġni ta’ diskrezzjoni jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u mhux dawn il-kundizzjonijiet bħala tali u lanqas il-mument li fih għandha ssir tali konstatazzjoni”.

( 18 ) Ibidem, punti 99 u 100.

( 19 ) Bħal, pereżempju, id-deċiżjoni tal-BNB li jissottometti lill-KTB għal sorveljanza speċjali waqt perijodu ta’ żmien konsegwenti għall-emerġenza tal-problemi ta’ insolvenza ta’ dan tal-aħħar (sentenza Kantarev, punt 78).

( 20 ) Il-qosor ta’ dan it-terminu huwa fundamentali sabiex jiġu protetti d-depożitanti u tiġi ppreżervata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Id-Direttiva 2009/14 tirriduċi dan it-terminu minn 21 għal 5 ijiem.

( 21 ) Sentenza Kantarev, punti 60 u 61.

( 22 ) Ibidem, punti 49 u 50.

( 23 ) Ibidem, punt 52.

( 24 ) Ibidem, punt 82. Mingħajr korsiv fl-oriġinal.

( 25 ) Ibidem, punt 82.

( 26 ) Dwar id-diffikultajiet li tippreżenta din il-fażi fid-diversi Stati Membri, ara l-analiżi tal-ABE, Opinion of the European Banking Authority on the eligibility of deposits, coverage level and cooperation between deposit guarantee schemes, 8 ta’ Awwissu 2019.

( 27 ) Peress li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/49 (li ma huwiex applikabbli għal din il-kawża ratione temporis) jinkludi ħafna mid-depożiti msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 94/19, l-istess artikolu estenda l-lista ta’ depożiti esklużi mill-ħlas lura mis-SGD: depożiti minn ditti tal-investiment; depożiti li d-detenturi tagħhom qatt ma ġew identifikati; depożiti minn impriżi tal-assigurazzjoni u minn impriżi tar-riassigurazzjoni; depożiti minn impriżi tal-investiment kollettiv; depożiti minn fondi tal-pensjonijiet u tal-irtirar; depożiti minn awtoritajiet pubbliċi; titoli ta’ dejn maħruġin minn istituzzjoni ta’ kreditu; u obbligi li joriġinaw mill-aċċettazzjonijiet proprji u kambjali.

( 28 ) Sentenza Kantarev, punt 82.

( 29 ) Skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19, is-SGD għandhom jinżammu f’kundizzjonijiet tali li jissodisfaw it-talbiet debitament ivverifikati tad-depożitanti fir-rigward ta’ depożiti mhux disponibbli fi żmien ta’ għoxrin jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti jadottaw id-deċiżjoni dwar l-indisponibbiltà. F’ċirkustanzi assolutament eċċezzjonali, is-SGD tista’ tistaqsi lill-awtoritajiet kompetenti għal estensjoni taż-żmien, li ma taqbiżx l-għaxart ijiem ta’ xogħol.

( 30 ) Sentenza Kantarev, punt 58: huwa f’dan iż-żmien li għandu “jiġi evitat li d-diffikultajiet finanzjarji li istituzzjoni ta’ kreditu tkun qiegħda taffaċċja, anki temporanji, joħolqu fenomenu ta’ irtirar massiv ta’ depożiti u li dawn id-diffikultajiet ma jinxterdux b’hekk mal-kumplament tas-sistema bankarja”.

( 31 ) Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti tal-4 ta’ Ġunju 1992 (COM (92) 188 finali, ĠU 1992, C 163, p. 6).

( 32 )

( 33 ) Sentenza Kantarev, punti 64 u 65: “din il-premessa 12 tirreferi biss għall-possibbiltà li d-depożiti jkunu kkunsidrati li huma indisponibbli fil-każ li jkunu fallew il-miżuri ta’ intervent bikri jew ta’ riorganizzazzjoni mingħajr ma tissuġġetta l-konstatazzjoni ta’ indisponibbiltà għall-fatt li tali miżuri preventivi jkunu fallew […]. Min-naħa l-oħra, […] [i]t-tieni sentenza tal-imsemmija premessa tippreċiża li din il-possibbiltà “m’għand[hiex] [iżżomm] lill-awtoritajiet kompetenti milli jagħmlu aktar sforzi ta’ ristrutturar matul il-perijodu ta’ rimbors” u timplika, konsegwentement, li miżuri ta’ dan it-tip ma jaffettwawx il-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti u lanqas ir-rimbors tagħhom”.

( 34 ) Ibidem, punt 81.

( 35 ) Din il-possibbiltà issa jipprevediha espressament l-Artikolu 7(7) tad-Direttiva 2014/49, rigward il-konstatazzjoni tal-ammont li jista’ jitħallas lura: “L-imgħax fuq id-depożiti li ġew akkumulati sad-data li fiha awtorità amministrattiva rilevanti tagħmel determinazzjoni kif imsemmija fil-punt (8)(a) tal-Artikolu 2(1) jew meta awtorità ġudizzjarja tagħti deċiżjoni kif imsemmija fil-punt (8)(b) tal-Artikolu 2(1) iżda li ma jkunux ġew ikkreditat f’din id-data għandhom jiġu rimborżati mill-SGD. Il-limitu msemmi fl-Artikolu 5(1) [6(1)] ma għandux jinqabeż”.

( 36 ) Sentenza Kantarev, punt 4 tad-dispożittiv.

( 37 ) Sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána (C-378/17, EU:C:2018:979, punt 35), u tad-19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinarja tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 160161 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 38 ) Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Kantarev, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19 “jipprekludu […] leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti tiddependi mill-insolvenza tal-istituzzjoni ta’ kreditu u mir-revoka tal-liċenzja bankarja ta’ din l-istituzzjoni”.

( 39 ) Skont il-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 94/19, emendata bid-Direttiva 2009/14, ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru mil-Liġi dwar il-Garanzija tad-Depożiti Bankarji tal-1998 u l-emenda tagħha tal-2009, fis-seħħ mit-12 ta’ Ġunju 2009. Iżda l-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19 ma ġiex inkorporat fid-dritt nazzjonali waqt il-perijodu inkwistjoni, iżda mill-14 ta’ Awwissu 2015, bid-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Garanzija tad-Depożiti Bankarji l-ġdida, li wkoll ittrasponiet id-direttiva l-ġdida jiġifieri Direttiva 2014/48/UE tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2014 li temenda d-Direttiva 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil fil-forma ta’ pagamenti ta’ imgħax (ĠU 2014, L 111, p. 59), li ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

( 40 )

( 41 ) Ara l-punt 2(iii) tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1093/2010, li huwa traskritt fil-punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Artikolu 26(3) tar-Regolament Nru 1093/2010.

( 43 ) Premessa 26 u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1093/2010.

( 44 ) Skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1093/2010 “L-Artikolu 16 dwar is-setgħat tal-Awtorità li tadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet għandu japplika għall-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti”.

( 45 ) Il-premessa 27 tar-Regolament Nru 1093/2010 tiddeskrivi b’dan il-mod l-għan ta’ din il-proċedura: “Li tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa u korretta tal-liġi tal-Unjoni huwa prerekwiżit fundamentali għall-integrità, it-trasparenza, l-effikaċja u l-operat xieraq tas-swieq finanzjarji, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u għall-kondizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni. Għalhekk għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li bih l-Awtorità tindirizza każijiet ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni jew applikazzjoni inkorretta tal-liġi tal-Unjoni li tammonta għal ksur tagħha. Dak il-mekkaniżmu għandu japplika f’oqsma fejn il-liġi tal-Unjoni tiddefinixxi obbligi ċari u inkondizzjonat”.

( 46 ) Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1093/2010.

( 47 ) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[b]illi stabbilixxa r-rakkomandazzjonijiet bħala kategorija partikolari ta’ atti tal-Unjoni u billi ppreveda espressament li dawn “ma jkunux vinkolanti”, l-Artikolu 288 TFUE kien intiż li jagħti lill-istituzzjonijiet awtorizzati li jadottawhom is-setgħa ta’ inċitazzjoni u ta’ persważjoni, distinta mis-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti mogħtija effett vinkolanti” (sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 26).

( 48 ) It-tielet paragrafu tal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 1093/2010. Ir-raba’ paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jżid li “[j]ekk ikun meħtieġ minn din il-linja gwida jew rakkomandazzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jirrappurtaw, b’mod ċar u dettaljat, jekk jikkonformawx jew le ma’ din il-linja gwida jew rakkomandazzjoni”.

( 49 ) Dwar in-natura u l-portata ta’ dan it-tip ta’ atti, ara, b’analoġija, Vabres, R., “La portée des recommandations de l’Autorité européenne de marchés financiers”, f’L’Europe bancaire, financière et monétaire. Liber amicorum Blanche Sousi, edizzjoni RD, Pariġi, 2016, pp. 95 sa 104.

( 50 ) L-awtorità nazzjonali destinatarja hija obbligata, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mir-riċezzjoni tar-rakkomandazzjonijiet, li tinforma lill-ABE bil-miżuri li adottat jew li biħsiebha tadotta sabiex tiggarantixxi l-kumplament tad-dritt tal-Unjoni.

( 51 ) F’ċertu mod, huma simili għall-ittra ta’ intimazzjoni mill-Kummissjoni fil-proċeduri tal-Artikolu 258 TFUE.

( 52 ) Huma “atti li jistgħu jiġu kkontestati” taħt l-Artikolu 263 TFUE dawk adottati minn istituzzjonijiet, tkun liema tkun il-forma tagħhom, destinati sabiex jipproduċu effetti ġuridiċi obbligatorji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, AETR, 22/70, EU:C:1971:32, punti 3942; tal-25 ta’ Ottubru 2017, Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni, C-599/15 P, EU:C:2017:801, punt 47; u tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-16/16 P, EU:C:2018:79, punt 31).

( 53 ) “Sabiex jiġi ddeterminat jekk att ikkontestat jipproduċix tali effetti [obbligatorji] għandu jsir riferiment għas-sustanza tiegħu (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑147/96, EU:C:2000:335, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn l-effetti għandhom jiġu evalwati skont kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-att, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar, kif ukoll tas-setgħat tal-istituzzjoni awtriċi (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata)” (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Is-Slovakkja vs Il-Kummissjoni, C‑593/15 P u C‑594/15 P, EU:C:2017:800, punt 47).

( 54 ) Sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi (C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 8); tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 30); u tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 44).

( 55 ) Ir-regolament ta’ din il-proċedura ġie komplut bl-adozzjoni ta’ Decision EBA/DC/2014/100, 14 July 2014, adopting Rules of Procedure for Investigation of Breach of Union Law, f’https://eba.europa.eu/sites/default/documents/files/documents/10180/15718/22650774-0ff2-42e7-bfca-b163fc2c95ae/EBA%20DC%20100%20(Decision%20on%20Rules%20of%20Procedure%20for%20Investigation%20of%20Breach%20of%20Union%20Law).pdf, issostitwita mid-Decision EBA/DC/2016/174, 23 December 2016, adopting Rules of Procedure for Investigation of Breach of Union Law, f’https://eba.europa.eu/sites/default/documents/files/documents/10180/1712606/404eb483-e1ec-4b56-9e31-e5988138455d/EBA%20DC%20174%20%28Decision%20on%20adopting%20Rules%20of%20Procedures%20for%20Investigation%20of%20Breach%20of%20Union%20Law%29.pdf.

( 56 ) B’konformità mal-premessa 29 tar-Regolament Nru 1093/2010, “[…] Dik is-setgħa għandha tkun limitata għal ċirkostanzi eċċezzjonali fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-opinjoni formali indirizzata lilha u li fiha l-liġi tal-Unjoni tkun tapplika direttament għall-istituzzjonijiet finanzjarji permezz ta’ regolamenti tal-Unjoni eżistenti jew futuri”.

( 57 ) Artikolu 17(7) tar-Regolament Nru 1093/2010.

( 58 ) Ara n-noti 10 u 27.

( 59 ) Kif ikkonfermat il-Kummissjoni, ma kienx jagħmel sens li hija tadotta deċiżjoni peress li l-KTB ma setax jirrimedja l-ksur tad-dritt tal-Unjoni mwettaq mill-BNB rigward in-nuqqas ta’ konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti b’konformità mal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19.

( 60 ) Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Koninklijke KPN et (C‑28/15, EU:C:2016:692, punt 41).

( 61 ) Konklużjonijiet tat-12 ta’ Diċembru 2017, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-16/16 P, EU:C:2017:959, punti 99 sa 102).

( 62 ) Sentenza tal-10 ta’ April 1984 (14/83, EU:C:1984:153).

( 63 ) “Hija ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li miżura tad-dritt Komunitarju ma għandhiex effett vinkolanti ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tagħha fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 177” (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 9, u tal-21 ta’ Jannar 1993, Deutsche Shell, C‑188/91, EU:C:1993:24, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 ) Il-kwistjoni għadha pendenti fil-kawża C-911/19, FBF, li fiha l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament u tiġi indirizzata domanda preliminari dwar evalwazzjoni tal-validità tal-Linji Gwida tal-ABE/GL/2015/18 tat-22 ta’ Marzu 2016 dwar proċeduri ta’ governanza u sorveljanza ta’ prodotti bankarji bl-imnut. L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1093/2010 huwa ekwivalenti għal linji gwida u rakkomandazzjonijiet tal-ABE.

( 65 ) “[…] kuntrarju għall-Artikolu 173 tat-Trattat KEE, li jeskludi eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ atti li jkunu ta’ natura ta’ rakkomandazzjonijiet, l-Artikolu 177 jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti kollha tal-istituzzjonijiet tal-Komunità mingħajr eċċezzjoni” (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi (C‑322/88, EU:C:1989:646, punt 8); mingħajr korsiv fl-oriġinal).

( 66 ) Konklużjonijiet tat-12 ta’ Diċembru 2017, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-16/16 P, EU:C:2017:959, punt 108).

( 67 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452).

( 68 ) Sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomášová (C‑168/15, EU:C:2016:602, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 69 ) Ara d-dokument EBA, Report on the Guarantee Schemes Payouts, 2019, pp. 16 u 17.

( 70 ) Sentenza Kantarev, punt 99.

( 71 ) Ibidem, punti 36, 88, 97, 100 u 106.

( 72 ) Skont dawn l-argumenti, fid-data tas-sottomissjoni għal sorveljanza speċjali tal-KTB, il-BNB ma kienx inħatar bħala awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 4(2)(iii) tar-Regolament Nru 1093/2010, u, għaldaqstant, ma kellux is-setgħa sabiex jikkonstata l-indisponibbiltà tad-depożiti ta’ istituzzjoni finanzjarja fl-applikazzjoni tad-Direttiva 94/19.

( 73 ) Il-Liġi dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu (DV Nru 59, tal-21 ta’ Lulju 2006).

( 74 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1).

( 75 ) Artikolu 2(8)(a) u (17) tad-Direttiva 2014/49.

( 76 ) Sentenza Kantarev, punti 115 u 117.

( 77 )

( 78 ) Sentenza Kantarev, punti 100, 106 sa 108 u 117.

( 79 ) Premessi 25 u 27.

( 80 ) Sentenza Kantarev, punt 78.

Top