Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CC0355

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2019.
    Barbara Rust-Hackner et vs Nürnberger Versicherung Aktiengesellschaft Österreich et.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesgericht Salzburg u Bezirksgericht für Handelssachen Wien.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Assigurazzjoni diretta għall-ħajja – Direttivi 90/619/KEE, 92/96/KEE, 2002/83/KE u 2009/138/KE – Dritt ta’ rinunzja – Informazzjoni żbaljata dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja – Kundizzjonijiet formali tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja – Effetti fuq l-obbligi tal-impriża ta’ assigurazzjoni – Terminu – Skadenza tad-dritt ta’ rinunzja – Possibbiltà ta’ rinunzja wara x-xoljiment tal-kuntratt – Rimbors tal-valur tax-xiri mill-ġdid tal-kuntratt – Ħlas lura tal-primjums imħallsa – Dritt għall-interessi remunerattivi – Preskrizzjoni.
    Kawżi magħquda C-355/18 sa C-357/18 u C-479/18.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:594

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentanti fil‑11 ta’ Lulju 2019 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑355/18 sa C‑357/18 u C‑479/18

    Barbara Rust-Hackner (C‑355/18)

    Christian Gmoser (C‑356/18)

    Bettina Plackner (C‑357/18)

    vs

    Nürnberger Versicherung Aktiengesellschaft Österreich

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija))

    u

    KL,

    LK,

    MJ,

    MJ,

    vs

    UNIQA Österreich Versicherungen,

    Allianz Elementar Lebensversicherungs-Aktiengesellschaft,

    DONAU Versicherung AG Vienna Insurance Group (C‑479/18)

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni diretta (Assigurazzjoni għall-ħajja) – Direttivi 90/619/KEE, 92/96/KEE, 2002/83/KE u 2009/138/KE – Dritt ta’ rinunzja – Assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata dwar il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt – Tmiem tad-dritt ta’ rinunzja – Effetti legali tar-rinunzja”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Taħt liema ċirkustanzi u għal kemm żmien jista’ detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jirtira minn kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja billi jinvoka l-assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ rinunzja?

    2.

    Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu d-dritt jirtira minn kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja f’terminu qasir wara l-konklużjoni tal-kuntratt. L-assiguratur għandu jittrażmetti informazzjoni suffiċjenti dwar dan id-dritt mal-bidu tal-kuntratt.

    3.

    Fil-kawżi preżenti, li huma r-riżultat ta’ erba’ rinviji għal deċiżjoni preliminari minn żewġ qrati Awstrijaċi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha essenzjalment tiċċara f’liema każijiet informazzjoni li ma tiġix trażmessa b’mod xieraq u li tonqos milli tilħaq l-għan tagħha, għandha titqies bl-istess mod bħal fil-każ li t-trażmissjoni tal-informazzjoni ma ssirx. F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba wkoll tiċċara għal kemm żmien id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jista’ jgawdi minn tali dritt ta’ rinunzja. Jekk rinunzja straordinarja tardiva tkun ammissibbli legalment jew saħansitra meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, finalment, titqajjem il-kwistjoni ta’ liema huma d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-effetti legali ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja.

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    Peress li l-kuntratti tal-assigurazzjoni għall-ħajja inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ġew konklużi fi żminijiet differenti, huwa xieraq li jiġu applikati u interpretati dispożizzjonijiet ta’ direttivi differenti: filwaqt li d-domandi preliminari magħmula fil-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18 kif ukoll it-tieni domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18 għandhom jiġu eżaminati abbażi tat-Tieni ( 2 ) u tat-Tielet ( 3 ) Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja ( 4 ), għad-domandi preliminari l-oħra fil-Kawża C‑479/18 huma rilevanti wkoll id-Direttivi 2002/83 ( 5 ) u 2009/138 ( 6 ) sussegwenti. Madankollu, peress li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi li għandhom jiġu interpretati huma sostantivament identiċi, ma tirriżulta l-ebda differenza.

    5.

    L-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja kien jipprovdi:

    “Kull Stat Membru għandu jippreskrivi li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jikkonkludi kuntratt individwali ta’ assigurazzjoni għall-ħajja għandu jkollu perijodu ta’ bejn erbatax u tletin jum minn meta jiġi informat li l-kuntratt kien ġie konkluż sabiex fih jirrinunzja għall-effetti tal-kuntratt.

    In-notifika mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni tar-rinunzja tiegħu għall-kuntratt għandu jkollha l-effett li teħilsu minn kwalunkwe obbligu futur li jirriżulta mill-kuntratt.

    L-effetti legali l-oħra u l-kundizzjonijiet għar-rinunzja għandhom jiġu ddeterminati bil-liġi applikabbli għall-kuntratt, kif iddefinita fl-Artikolu 4, b’mod partikolari fir-rigward tal-modalitajiet sabiex id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jiġi informat li l-kuntratt ġie konkluż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    L-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83 u l-Artikolu186(1) tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II huma fil-biċċa l-kbira identiċi għal din id-dispożizzjoni.

    6.

    L-Artikolu 31(1) u (4) tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja kien jipprovdi:

    “1.   Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fil-punt A tal-Anness II għandha tiġi kkomunikata lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni.

    […]

    4.   Ir-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu u tal-Anness II għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru tal-impenn” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 u l-Artikolu 185 dwar is-Solvibbiltà II jinkludu dispożizzjonijiet simili.

    7.

    Taħt il-Parti A tal-Anness II (“Informazzjoni għad-detenturi ta’ polza ta’ assigurazzjoni”) għat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja kienet ġiet elenkata l-informazzjoni li kellha tingħata lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ( 7 ). Skont it-tieni sentenza tal-anness “l-informazzjoni [li għandha tiġi kkomunikata], għandha tiġi pprovduta b’mod ċar u preċiż, bil-miktub, f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-impenn [ikkonċernat]” ( 8 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-Parti A din l-informazzjoni kienet tinkludi, taħt il-punt a.13, “Modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja” ( 9 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    B.   Id-dritt nazzjonali

    8.

    L-Artikolu 165a tal-Versicherungsvertragsgesetzes (il-Liġi Awstrijaka dwar il-Kuntratt tal-Assigurazzjoni, iktar ’il quddiem il-“VersVG”), fil-verżjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑356/18 u C‑357/18 u għall-kawżi prinċipali A u B fil-Kawża C‑479/18 ( 10 ), kien jipprovdi:

    “(1)   Id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu d-dritt li jirrinunzja għall-effetti tal-kuntratt fi żmien ġimagħtejn mill-konklużjoni tal-kuntratt. Jekk l-assiguratur ikun ta kopertura provviżorja, huwa għandu jkun intitolat għal primjum li jikkorrispondi għat-tul tagħha.

    (2)   Jekk l-assiguratur ma jkunx ikkonforma mal-obbligu li jikkomunika l-indirizz tiegħu (punt 1 tal-Artikolu 9a(1) tal-[Versicherungsaufsichtsgesetz (il-Liġi Awstrijaka dwar il-Ġestjoni u s-Sorveljanza tal-Assigurazzjoni Privata, iktar ’il quddiem il-“VAG”)]), it-terminu għar-rinunzja skont il-paragrafu 1 ma għandux jibda jiddekorri qabel id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jsir jaf b’dan l-indirizz.

    (3)   Il-paragrafi preċedenti ma għandhomx japplikaw għal kuntratti ta’ assigurazzjoni ta’ grupp u għal kuntratti li għandhom tul massimu ta’ sitt xhur.”

    9.

    Il-verżjoni tal-Artikolu 165a tal-VersVG ( 11 ) applikabbli għall-kawża prinċipali fil-Kawża C‑355/18 kif ukoll għall-kawża prinċipali C fil-Kawża C‑479/18 estendiet it-terminu msemmi fil-paragrafu 1 għal 30 jum. Il-verżjoni tal-Artikolu 165a tal-VersVG rilevanti għall-kawża prinċipali D fil-Kawża C‑479/18 tinkludi paragrafu 2a ġdid ( 12 ), li għandu l-formulazzjoni li ġejja:

    “(2a)   Jekk id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni huwa konsumatur (punt 2 tal-Artikolu 1(1) tal-[Konsumentenschutzgesetz (il-Liġi Awstrijaka dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi)]), it-terminu għar-rinunzja skont il-paragrafi 1 u 2 jibda jiddekorri biss hekk kif dan ikun ġie informat b’dan id-dritt ta’ rinunzja.”

    10.

    L-Artikolu 9a(1) tal-VAG, fil-verżjonijiet tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (BGBl. Nru 447/1996 u BGBl. I Nru 34/2015) jipprovdi b’mod partikolari:

    “(1)   Meta jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni dwar riskju li jinsab fit-territorju nazzjonali, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu jirċievi bil-miktub, qabel ma jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt, informazzjoni dwar:

    […]

    6.

    iċ-ċirkustanzi li fihom id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jista’ jirrevoka l-kuntratt ta’ assigurazzjoni jew jirrinunzja għall-effetti tiegħu.”

    III. Il-fatti u l-kawżi prinċipali

    11.

    Is-suġġett tal-kawżi prinċipali kollha jirrigwarda talbiet ta’ persuni fiżiċi għall-ħlas lura tal-primjums kollha ta’ assigurazzjoni mħallsa, inklużi interessi kapitalizzati, li dawn bħala detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni qegħdin jinvokaw kontra l-assiguraturi għall-ħajja rispettivi. Dawn it-talbiet huma bbażati fuq dikjarazzjonijiet ta’ rinunzja li d-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni kkonċernati ssottomettew wara perijodu ta’ żmien twil wara l-konklużjoni tal-kuntratt, xi drabi anki wara t-tmiem tal-kuntratt rilevanti (l-hekk imsejħa rinunzja tardiva).

    12.

    Insostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jinvokaw, essenzjalment, il-fatt li jew ma ġewx informati mill-assiguraturi rispettivi (il-proċedura B fil-Kawża C‑479/18) jew għall-inqas ġew informati b’mod żbaljat dwar id-dritt tagħhom ta’ rinunzja. L-irregolarità tat-trażmissjoni tal-informazzjoni tirriżulta mill-fatt li din tagħmel l-effikaċja tad-dikjarazzjoni tar-rinunzja dipendenti mill-osservanza tal-forma bil-miktub, filwaqt li skont id-dritt nazzjonali hija biżżejjed dikjarazzjoni li ma tkun suġġetta għall-ebda forma partikolari. Għaldaqstant, id-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni kienu preklużi milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ rinunzja ggarantit bid-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li t-terminu għad-dikjarazzjoni tar-rinunzja ma kienx għadu beda jiddekorri.

    13.

    It-tilwima bejn id-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni rikorrenti u l-assiguraturi konvenuti fil-kawżi prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk id-dritt ta’ rinunzja kienx diġà skada fil-mument tal-eżerċizzju tiegħu. Barra minn hekk, hemm nuqqas ta’ qbil dwar jekk id-drittijiet għall-ħlas lura tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni humiex limitati għall-valur tax-xiri mill-ġdid rilevanti fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt, jew jekk il-ħlasijiet kollha li ngħataw għandhomx jingħataw lura skont il-prinċipji ta’ tranżazzjonijiet ikkanċellati relatati mal-arrikkiment indebitu.

    14.

    Fil-Kawżi C‑355/18 sa C‑357/18, id-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni rikorrenti essenzjalment ibbażaw it-talbiet tagħhom fuq il-fatt li huma kienu intitolati għal rinunzja tardiva minħabba li ġew informati ħażin dwar il-forma tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja. Wara li l-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talbiet tagħhom, il-qorti tar-rinviju, il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg, l-Awstrija), bħala l-qorti tal-appell, tikkunsidra li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni, peress li tiddubita sa fejn trażmissjoni tal-informazzjoni għandha titqies bħala “żbaljata” meta ma kellhiex l-effett li tqarraq bid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ rinunzja tiegħu.

    15.

    Fil-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18 ir-rinunzja mill-kuntratt ġiet iddikjarata wara x-xoljiment jew ix-xiri mill-ġdid tiegħu. B’kuntrast ma’ dan, il-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja inkwistjoni fil-Kawża C‑357/18 ma kienx għadu ġie tterminat permezz ta’ xoljiment fil-mument tad-dikjarazzjoni tar-rinunzja.

    16.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑479/18 hija bbażata fuq erba’ proċeduri li l-qorti tar-rinviju, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija) tirreferi għalihom bħala proċeduri A sa D u li jittrattaw talbiet simili ta’ detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni kontra l-assiguratur rispettiv għall-ħlas lura ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għall-ħajja. Dawn id-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni kienu ddikjaraw ukoll ir-rinunzja tagħhom, minħabba assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata, ħafna żmien wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Fil-proċedura B, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ddikjara r-rinunzja tiegħu minħabba assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni wara x-xoljiment tal-kuntratt u l-ħlas sussegwenti tal-valur tax-xiri mill-ġdid.

    IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    17.

    Fil-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18, il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg), għamlet id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE (it-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja), fil-verżjoni tagħha kif emendata permezz tad-Direttiva 92/96/CEE (it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja), moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ rinunzja għandha tinkludi wkoll indikazzjoni li tgħid li r-rinunzja ma hija suġġetta għal ebda forma partikolari?

    2)

    Ikun għadu possibbli, minħabba t-trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja, li tiġi ddikjarata r-rinunzja għal kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja wkoll wara li dan il-kuntratt ġie xolt (u mixtri mill-ġdid) mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni?”

    18.

    Fil-Kawża C‑357/18, il-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg) għamlet biss l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

    19.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Ġunju 2018, il-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u għall-finijiet tas-seduta, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

    20.

    Fil-Kawża C‑479/18, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE, jew l-Artikolu 35(1) moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, jew inkella l-Artikolu 185(1), moqri flimkien mal-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li – fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-effetti ta’ informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt – it-terminu stabbilit għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja ma jibdiex jiddekorri jekk il-kumpannija ta’ assigurazzjoni ssemmi fl-informazzjoni pprovduta li r-rinunzja għandha tiġi fformulata bil-miktub, minkejja li r-rinunzja ma hija suġġetta għall-ebda forma partikolari taħt id-dritt nazzjonali?

    2)

    (fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:) L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE, moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ assenza ta’ informazzjoni jew ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, it-terminu stabbilit għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja jibda jiddekorri mid-data li fiha d-detentur tal-polza jkun ġie informat – indipendentement mill-mod kif – bid-dritt ta’ rinunzja tiegħu?

    3)

    L-Artikolu 35(1) moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li – fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-effetti ta’ assenza ta’ informazzjoni jew ta’ informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt – id-dritt tad-detentur tal-polza li jirrinunzja għall-kuntratt jintemm mhux iktar tard mill-mument wara li l-valur ta’ xiri mill-ġdid ikun tħallas lilu minħabba x-xoljiment minnu tal-kuntratt u wara li l-partijiet kontraenti, b’dan il-mod, ikunu wettqu b’mod sħiħ l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt?

    4)

    (fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv u/jew fil-każ li t-tielet domanda tingħata risposta fin-negattiv:) L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE jew l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, jew inkella l-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-detentur tal-polza għandu jiġi rrimborsat, jekk huwa jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, il-valur ta’ xiri mill-ġdid (jiġifieri l-valur attwali tal-assigurazzjoni, ikkalkolat skont ir-regoli attwarji rrikonoxxuti)?

    5)

    (fil-każ li r-raba’ domanda għandha tiġi eżaminata u li din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv:) L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE jew l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, jew inkella l-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li, fil-każ ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja, id-dritt għall-pagament ta’ interessi b’rata fissa fuq il-primjums irrimborsati jista’ jiġi limitat, minħabba l-preskrizzjoni, għall-parti relatata mal-perijodu tat-tliet snin li jippreċedu l-preżentata tar-rikors?”

    21.

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑26 ta’ Frar 2019, il-Kawża C‑479/18 u l-Kawżi magħquda C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18 ġew magħquda għall-finijiet tas-seduta kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

    22.

    Fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Italja u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali C fil-Kawża C‑479/18, l-Italja u r-Repubblika Ċeka, kienu wkoll irrappreżentati waqt is-seduta tal‑11 ta’ April 2019.

    V. Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari (Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18)

    A.   Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    23.

    B’riferiment għar-rilevanza tad-dritt nazzjonali għall-evalwazzjoni tad-dritt ta’ rinunzja, id-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni rikorrenti fil-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18 għandhom dubju dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari.

    24.

    Fil-fatt, l-evalwazzjoni tan-natura xierqa ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja f’każ individwali għandha tkun ibbażata primarjament fuq id-dritt nazzjonali applikabbli ( 13 ). Dan jirriżulta, l-ewwel nett, mill-fatt li, skont l-Artikolu 31(4) tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, skont l-Artikolu 36(4) tad-Direttiva 2002/83 u skont l-Artikolu 185(8) tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. Is-suġġett tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni huwa, inter alia, il-“modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal rinunzja” li wkoll għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83 jew mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 186(1) tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II.

    25.

    Għaldaqstant, fil-kawżi ineżami, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk id-dritt nazzjonali jipprekludix li l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja trażmessa tinkludi indikazzjoni fis-sens li d-dikjarazzjoni ta’ rinunzja għandha ssir skont forma partikolari sabiex tkun effettiva.

    26.

    Madankollu, meta jadottaw tali modalitajiet ta’ applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw “l-effettività [tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni] fid-dawl tal-għan tagħhom” ( 14 ). F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-konformità ma’ dan il-limitu ġenerali fuq il-kompetenza regolatorja tal-Istati Membri.

    27.

    Barra minn hekk, fil-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll liema rekwiżiti li jikkonċernaw il-forma tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja u t-trażmissjoni tal-informazzjoni dwarha jistgħu jiġu dedotti mid-dispożizzjonijiet tad-direttivi msemmija.

    28.

    Għaldaqstant, ma hemm l-ebda dubju dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula fil-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18.

    B.   Fuq l-espożizzjoni suffiċjenti tal-qafas legali

    29.

    Barra minn hekk, qiegħed jiġi argumentat li fil-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18 l-espożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma hijiex kompluta, b’tali mod li r-rinviji għandhom jitqiesu li huma inammissibbli.

    30.

    Dan l-argument tad-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni ma huwiex konvinċenti preċiżament fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali enfasizzat mill-istess partijiet. Fl-aħħar nett, sa fejn id-domandi preliminari dwar il-forma tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja jipprovaw jiċċaraw il-kompetenza regolatorja tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt għal rinunzja, l-espożizzjoni tal-formulazzjoni tar-regola nazzjonali li tista’ tkun applikabbli għal dawn il-kawżi kif ukoll tal-interpretazzjoni tagħha mill-qrati nazzjonali hija biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura.

    31.

    Għalhekk, id-domandi preliminari kollha magħmula fil-Kawżi magħquda C355/18, C‑356/18 u C‑357/18 huma ammissibbli.

    VI. Fuq id-domandi preliminari

    32.

    Id-domandi preliminari jirrigwardaw essenzjalment it-tliet punti ta’ liġi diġà msemmija fil-bidu ( 15 ).

    33.

    Fl-ewwel lok, għandha tiġi mistħarrġa l-kwistjoni dwar f’liema każijiet trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja li ma tilħaqx l-għan tagħha għandha titqies bl-istess mod bħal assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni (ara l-Parti A iktar ’il quddiem). Sa fejn id-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni rikorrenti fil-kawżi prinċipali jipprovaw jaslu għal dan mill-ineżattezza tad-dettalji mogħtija fl-informazzjoni trażmessa qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, bl-ewwel jew bl-unika domanda preliminari magħmula fil-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18, jekk u sa liema punt id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni sostantivament jiddeterminaw id-dettalji li għandhom jiġu pprovduti fil-qafas tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja.

    34.

    Fil-każ li trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ rinunzja titqies li hija ekwivalenti għal assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, għandha tiġi mistħarrġa, fit-tieni lok, fil-kuntest tal-eżami tat-tieni domanda preliminari magħmula fil-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18 u tal-ewwel tliet domandi preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18, il-kwistjoni dwar sa fejn id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni jirregolaw l-effetti ta’ tali assenza fuq it-terminu li fih għandu jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rinunzja (ara l-Parti B iktar ’il quddiem).

    35.

    Sa fejn jiġi kkunsidrat l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni anki ħafna żmien wara l-konklużjoni tal-kuntratt, minħabba li ma saritx trażmissjoni ta’ informazzjoni lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu indirizzati, fl-aħħar lok, il-kwistjonijiet dwar il-portata tad-drittijiet tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni fil-każ ta’ rinunzja tardiva (ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari fil-Kawża C‑479/18) (ara l-Parti C iktar ’il quddiem).

    A.   It-trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ rinunzja (l-ewwel jew l-unika domanda preliminari magħmula fil-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18)

    1. Fuq ir-rekwiżiti tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja (l-ewwel jew l-unika domanda preliminari magħmula fil-Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18)

    36.

    F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni jinkludu qabelxejn regoli għall-evalwazzjoni tad-dettalji li għandhom jiġu pprovduti mill-assiguratur rispettiv fil-kuntest tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja. Bħala prinċipju, l-Istati Membri għandhom essenzjalment is-setgħa li jiddeterminaw tali modalitajiet ( 16 ).

    37.

    Minkejja dan, sa mit-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għall-ħajja individwali għandu dritt jirtira mill-kuntratt f’terminu qasir ( 17 ). B’dan il-mod, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jingħata l-opportunità li jinħall mingħajr preġudizzju mill-kuntratt anki wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja. Il-perijodu jibda jiddekorri mid-data li fiha d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun informat bil-konklużjoni tal-kuntratt.

    38.

    Sabiex id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun jista’ jeżerċita effettivament dan id-dritt iggarantit bid-dritt tal-Unjoni, l-assiguratur għandu, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, jinforma lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni dwar il-modalitajiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja.

    39.

    Fis-sentenza Endress ( 18 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara li d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Tieni u tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tagħti lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni dritt ta’ rinunzja għal perijodu ta’ mhux iktar minn sena biss, li jibda jiddekorri mill-ħlas tal-ewwel primjum ta’ assigurazzjoni, meta dan id-detentur ma jkunx ġie informat bid-dritt ta’ rinunzja tiegħu.

    40.

    Fil-każ ta’ evalwazzjoni konkreta mill-qorti nazzjonali ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja, huwa ta’ importanza deċiżiva jekk id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, abbażi ta’ din it-trażmissjoni ta’ informazzjoni, ikollux id-dettalji kollha dwar l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ rinunzja tiegħu.

    41.

    Id-dettalji meħtieġa jistgħu jinstabu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva applikabbli ( 19 ). Rigward il-forma u l-kontenut tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja ( 20 ), id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja huma limitati għall-fatt li jirrikjedu li d-dettalji bil-miktub korrispondenti għandhom ikunu mfassla “b’mod ċar u u eżatt” ( 21 ).

    42.

    Minn dan isegwi li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja għandha, fi kwalunkwe każ, tinkludi informazzjoni dwar il-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja li għandha tiġi osservata jekk l-effettività ta’ din id-dikjarazzjoni teħtieġ konformità ma’ forma speċifika skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

    43.

    Skont il-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 165a tal-VersVG, li huwa d-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt nazzjonali, fl-ebda waħda mill-verżjonijiet tiegħu rilevanti għall-kawżi prinċipali ma ppreveda li l-effettività tad-dikjarazzjoni tar-rinunzja kienet teħtieġ konformità ma’ forma partikolari ( 22 ). F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fl-ewwel lok jekk huwiex neċessarju li, sabiex id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jiġi mgħarraf b’mod preċiż, l-informazzjoni trażmessa qabel il-konklużjoni tal-kuntratt għandha tindika espressament li r-rinunzja ma teħtieġx xi forma partikolari.

    44.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi mbagħad dwar jekk, f’dan l-isfond, huwiex possibbli għal assiguratur li, fl-informazzjoni trażmessa qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, jindika l-forma speċifika għas-sottomissjoni effettiva tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja.

    2. Fuq l-evalwazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni tal-possibbiltà ta’ rinunzja li ma tkun suġġetta għall-ebda forma partikolari

    45.

    Il-Gvern Awstrijak jenfasizza ġustament li l-kompetenza regolatorja tal-Istati Membri rrikonoxxuta espressament mid-Direttivi dwar l-assigurazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja testendi wkoll għall-kwistjoni dwar jekk ir-rinunzja tistax tiġi ddikjarata mingħajr l-ebda forma partikolari jew, min-naħa l-oħra, jekk din id-dikjarazzjoni għandhiex issir inkonformità ma’ forma speċifika.

    46.

    Jekk il-leġiżlatur nazzjonali ma jispeċifikax il-forma li għandha tiġi segwita għas-sottomissjoni effettiva ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja, għandu bħala prinċipju jiġi ddeterminat ukoll, skont id-dritt nazzjonali, jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema ċirkustanzi, huwiex possibbli li forma imperattiva tiġi miftiehma kuntrattwalament. Il-kawżi prinċipali jikkonċernaw speċifikament id-dettalji mogħtija fl-informazzjoni trażmessa qabel il-konklużjoni tal-kuntratt li jindikaw li l-effettività tar-rinunzja teħtieġ dikjarazzjoni bil-miktub jew forma bil-miktub. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑479/18, il-forma bil-miktub tirrikjedi ( 23 ), skont l-Artikolu 886 tal-Allgemeinen Bürgerlichen Gesetzbuchs (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak), firma miktuba tad-dikjarant jew firma elettronika kkwalifikata.

    47.

    Madankollu, il-qrati tar-rinviju jwieġbu b’modi differenti għal din il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali: filwaqt li l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑479/18 tidher, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, li hija tal-fehma li forma imperattiva, miftiehma kuntrattwalment permezz ta’ indikazzjoni fl-informazzjoni trażmessa dwar id-dritt ta’ rinunzja, tkun kuntrarja għal-liġi, li ma tipprevedi ebda forma partikolari, il-qorti tar-rinviju fil-Kawżi C‑355/18 sa C‑357/18 tenfasizza li “l-ftehim tal-forma bil-miktub għal dikjarazzjonijiet ta’ rinunzja […] skont id-dritt nazzjonali ma huwiex ipprojbit”.

    48.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-qrati nazzjonali fdati bl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali huma meħtieġa jibbażaw kemm jista’ jkun l-interpretazzjoni tagħhom fuq il-kliem u l-iskop tad-direttiva rilevanti ( 24 ). Sakemm id-dritt nazzjonali jipprekludi forma bil-miktub miftiehma reċiprokament li għandha tiġi segwita (jew ma tkun miftiehma l-ebda forma bil-miktub), l-obbligu ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja skont id-dritt tal-Unjoni jista’ jkun ineffettiv. Dan peress li s-sempliċi indikazzjoni li ebda forma partikolari ma hija meħtieġa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, ma tippermettix lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu b’mod effettiv.

    49.

    Is-sempliċi riferiment għall-possibbiltà li tiġi ddikjarata rinunzja li ma tkun suġġetta għall-ebda forma partikolari ma jippermettix lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu b’ċertezza legali. B’mod partikolari, huwa ġeneralment kważi impossibbli li tingħata prova tad-data u tal-kontenut preċiżi ta’ dikjarazzjoni ta’ rinunzja verbali jew telefonika. L-inċertezza legali li tirriżulta tmur partikolarment kontra l-għan segwit mid-Direttivi dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, jiġifieri li jippermettu lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja b’mod effettiv u b’ċertezza legali billi jingħata informazzjoni preċiża. Huwa barra minn hekk għalhekk li, sa mill‑1 ta’ Jannar 2019, id-dritt Awstrijak jipprevedi espressament il-forma bil-miktub ( 25 ). Dan jista’ wkoll jispjega għaliex, fi Stati Membri oħra fejn il-forma tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja ma ġietx irregolata legalment, id-dettalji dwar il-forma tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja mogħtija fit-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja jew fl-applikazzjoni tal-assigurazzjoni huma rilevanti ( 26 ).

    50.

    Fl-aħħar nett, paragun mad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/65 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ( 27 ), li huma applikabbli ( 28 ), bħala prinċipju, għal kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja, sa fejn dawn jiġu konklużi mill-bogħod mal-konsumaturi, jindika wkoll li huwa ammissibbli li tiġi miftiehma reċiprokament restrizzjoni formali li għandha tiġi segwita. Fir-rigward tal-forma tad-dikjarazzjoni ta’ rtirar, it-tieni sentenza tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2002/65 tipprovdi li l-konsumatur għandu jikkomunika r-rinunzja tiegħu “qabel l-iskadenza tad-data perentorja rilevanti, jinnotifika l-istruzzjonijiet prattiċi li ġejjin mogħtija lilu [mill-fornitur] b’mezzi li jistgħu jiġu ppruvati skond il-liġi nazzjonali”. Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti importanza partikolari lill-prova tad-dritt ta’ rtirar, b’mod partikolari fil-każ tad-distribuzzjoni ta’ servizzi finanzjarji, inklużi kuntratti individwali ta’ assigurazzjoni għall-ħajja.

    51.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja ma tiżgurax il-possibbiltà ta’ eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ rinunzja tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jekk tkun limitata għal indikazzjoni tal-possibbiltà li r-rinunzja tiġi ddikjarata mingħajr l-ebda forma partikolari. Għall-kuntrarju, din il-possibbiltà tista’ tkun żgurata biss permezz ta’ determinazzjoni vinkolanti tal-forma li għandha tiġi segwita għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ rinunzja. Għalhekk, forma bil-miktub li għandha tiġi segwita miftiehma reċiprokament mhux biss hija ammissibbli fid-dritt tal-Unjoni, iżda hija saħansitra meħtieġa. Sakemm il-forma li trid tiġi segwita ma tkunx ġiet iddeterminata bil-liġi, id-determinazzjoni tagħha għandha ssir billi jingħataw dettalji preċiżi dwar id-dritt ta’ rinunzja fl-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

    52.

    Huwa minnu li l-qrati nazzjonali fdati bl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali għandhom jiddeċiedu jekk huwiex possibbli li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat konformement mad-direttivi. Jekk dan huwa l-każ ( 29 ), id-dritt nazzjonali għandu jiġi interpretat konformement mad-dritt tal-Unjoni fis-sens li restrizzjoni formali tista’ tiġi miftiehma b’mod effettiv. F’dan il-każ, ikun eskluż li mill-eżistenza ta’ tali ftehim tiġi dedotta n-natura żbaljata tat-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja.

    53.

    Dan ma għandux jaffettwa s-setgħa tal-qrati tar-rinviju li jeżaminaw f’kull każ individwali jekk id-dettalji kkontestati, li jinsabu fit-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja, humiex ifformulati b’mod ċar u ddettaljat biżżejjed, u jekk il-forma miftiehma tagħmilx l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja eċċessivament diffiċli għad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni.

    54.

    Fir-rigward tad-dettalji kkontestati fil-kawżi prinċipali, il-qrati nazzjonali għandhom, pereżempju, jeżaminaw jekk id-dettalji rilevanti humiex biżżejjed sabiex id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun jista’, jekk ikun meħtieġ, jiddikjara d-dritt ta’ rinunzja tiegħu. F’sitwazzjoni fejn, skont dawn id-dettalji, ir-rinunzja teħtieġ dikjarazzjoni bil-miktub li, evidentement skont id-dritt nazzjonali trid tkun iffirmata ( 30 ), ikun neċessarju li jiġi partikolarment iċċarat jekk id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni kienx suffiċjentement informat b’dan.

    55.

    Meta teżamina jekk id-dettalji dwar il-forma li għandha tiġi segwita jagħmluhiex eċċessivament diffiċli għad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja, paragun ma’ dikjarazzjonijiet kuntrattwali oħra li huma suġġetti għal restrizzjoni formali jkun informattiv. Is-sempliċi eżistenza ta’ forma inqas stretta, bħal pereżempju forma bil-miktub meta mqabbla mal-forma bil-miktub skont id-dritt Awstrijak ( 31 ) tista’ ma tkunx biżżejjed sabiex jiġu preżunti ostakoli eċċessivi għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja.

    56.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel jew l-unika domanda preliminari magħmula fil-Kawżi magħquda C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18 għandha tingħata risposta kif ġej: l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE (it-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq l-ħajja), kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE (it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq l-ħajja), moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ rinunzja ma għandha tinkludi l-ebda indikazzjoni li tgħid li r-rinunzja ma hija suġġetta għall-ebda forma partikolari. Għall-kuntrarju, indikazzjoni ta’ forma partikolari li għandha tiġi segwita mhux biss hija ammissibbli fid-dritt tal-Unjoni iżda hija saħansitra meħtieġa.

    B.   Fuq l-effetti legali ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ rinunzja (l-ewwel u t-tieni domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18)

    1. Jirriżultaw l-istess effetti legali fil-każ ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata jew assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni? (l-ewwel domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18)

    57.

    Il-qorti tar-rinviju tidher li hija tal-fehma li riferiment għall-forma bil-miktub, anki jekk skont id-dritt nazzjonali huwa possibbli li r-rinunzja ma tkun suġġetta għall-ebda forma partikolari, iwassal għal trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata. Ma naqbilx ma din il-fehma ( 32 ). Għalhekk, ser nittratta biss sussidjarjament l-effetti legali ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ rinunzja. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni hija dwar l-applikazzjoni tal-għarfien mislut mis-sentenza Endress, fejn ġie deċiż li t-terminu ta’ rinunzja ma jibdiex jiddekorri f’każ ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni.

    58.

    Id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax l-effetti legali ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja u lanqas ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ rinunzja ( 33 ).

    59.

    Skont espożizzjoni konkordanti mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) u mill-Gvern Awstrijak, id-dritt Awstrijak, inizjalment, ma kienx jirregola espressament l-effetti tal-assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja fuq l-iskadenza tat-terminu ta’ rinunzja ( 34 ). Madankollu, f’sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2015 ( 35 ), l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) invokat l-Artikolu 165a(2) tal-VersVG, li, skont il-formulazzjoni tiegħu, jirreferi biss għall-każ ta’ nuqqas ta’ indikazzjoni tal-indirizz tal-assiguratur, u, filwaqt li rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 36 ), iddeċidiet li trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata dwar id-dritt ta’ rinunzja, li f’dak il-każ kienet tikkonċerna dettalji żbaljati dwar it-tul tat-terminu ta’ rinunzja, kienet ugwali għal assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni. Għalhekk, it-terminu ta’ rinunzja ma setax jibda jiddekorri.

    60.

    Fi kwalunkwe każ, interpretazzjoni bħal din tal-leġiżlazzjoni nazzjonali hija konsistenti mar-ratio legis tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-rinunzja skont id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni. Fil-fatt, sakemm id-dettalji mogħtija fl-informazzjoni trażmessa qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ma jkunux biżżejjed sabiex jiżguraw li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jista’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ rinunzja tiegħu, trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata bħal din ma tilħaqx l-iskop tagħha bl-istess mod bħalma lanqas ma tilħaq dan l-iskop l-assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni. Dan jista’ jkun minħabba l-ineżattezza tad-dettalji jew minħabba l-forma magħżula, li tagħmel l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja eċċessivament diffiċli. Tali dikjarazzjoni ta’ rinunzja żbaljata ma tistax tiskatta d-dekorrenza tat-terminu.

    61.

    Madankollu, it-terminu jibda fil-fatt jiddekorri jekk il-kumpannija ta’ assigurazzjoni ssemmi b’mod preċiż fl-informazzjoni pprovduta li r-rinunzja għandha tiġi fformulata bil-miktub, anki jekk ir-rinunzja ma hija suġġetta għall-ebda forma partikolari skont id-dritt nazzjonali ( 37 ).

    62.

    Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18 kif ġej:

    l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE (it-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE (it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE, l-Artikolu 35(1) moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, u l-Artikolu 185(1), moqri flimkien mal-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-effetti legali ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, it-terminu stabbilit għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja jibda jiddekorri f’sitwazzjoni fejn il-kumpannija ta’ assigurazzjoni ssemmi fl-informazzjoni pprovduta li r-rinunzja għandha tiġi fformulata bil-miktub, minkejja li r-rinunzja ma hija suġġetta għall-ebda forma partikolari skont id-dritt nazzjonali.

    2. It-terminu jibda jiddekorri f’każ ta’ ksib b’mod ieħor ta’ għarfien dwar id-dritt ta’ rinunzja? (it-tieni domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18)

    63.

    Bit-tieni domanda preliminari tagħha, li skont il-qorti tar-rinviju hija rilevanti biss għall-proċedura A, din tal-aħħar tistaqsi jekk it-terminu tar-rinunzja jibdiex jiddekorri mid-data li fiha d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jikseb l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja tiegħu minkejja l-assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata. Din id-domanda saret biss fil-każ li t-terminu xorta waħda ma jibdiex jiddekorri fil-każ inkwistjoni (“fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv”). Peress li hawnhekk huwa preżunt li t-terminu beda jiddekorri ( 38 ), il-kwistjoni dwar il-bidu tat-terminu f’każ ta’ ksib ta’ għarfien b’mod ieħor ser tiġi ttrattata sussidjarjament.

    64.

    Skont il-formulazzjoni tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni, l-obbligu ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja huwa esklużivament tal-assiguratur, fejn is-suġġett tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni ma huwiex biss id-dritt ta’ rinunzja, iżda huwa wkoll il-modalitajiet tal-eżerċizzju tiegħu ( 39 ). Huwa proprju minħabba li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni hija maħsuba sabiex tippermetti l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ rinunzja li s-sempliċi ksib ta’ għarfien dwar id-dritt ta’ rinunzja mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun biżżejjed sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ rinunzja ( 40 ).

    65.

    Barra minn hekk, l-inċertezza li dan iġib miegħu rigward il-mument tal-għarfien u rigward it-tressiq tal-prova f’dan ir-rigward teskludi l-kunsiderazzjoni tal-għarfien tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja tiegħu f’każijiet fejn l-assiguratur ma għamel l-ebda trażmissjoni ta’ informazzjoni xierqa. Għalhekk, sabiex jibda jiddekorri t-terminu, ma huwiex biżżejjed li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ikun kiseb għarfien b’mod ieħor dwar id-dritt ta’ rinunzja tiegħu.

    66.

    Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni ġustament jirrimarkaw li l-assiguraturi ma jkollhomx inċentiv sabiex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, jekk il-ksib tal-għarfien dwar id-dritt ta’ rinunzja mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun suffiċjenti, minkejja l-assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni xierqa, anki u proprju fir-rigward tal-modalitajiet tal-eżerċizzju tiegħu, sabiex jibda jiddekorri t-terminu ta’ rinunzja ( 41 ).

    67.

    Sussidjarjament, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tieni domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18 kif ġej: l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE (it-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE (it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ assenza ta’ informazzjoni jew ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, it-terminu stabbilit għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja jibda jiddekorri mid-data li fiha d-detentur tal-polza jkun ġie informat – indipendentement mill-mod ta’ kif seħħ dan – bid-dritt ta’ rinunzja tiegħu.

    3. Hija possibbli r-rinunzja wara x-xoljiment tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja u l-ħlas tal-valur tax-xiri mill-ġdid? (it-tieni domanda preliminari magħmula fil-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18, it-tielet domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18)

    68.

    Bid-domandi preliminari tagħhom, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni jirrikjedux li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun jista’ jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja anki wara x-xoljiment tal-kuntratt u l-ħlas sussegwenti tal-valur tax-xiri mill-ġdid.

    69.

    Fil-kawżi prinċipali kollha li huma bbażati fuq kuntratt li diġà ġie xolt, l-assiguraturi jikkontestaw il-possibbiltà ta’ rinunzja, billi jargumentaw li rinunzja minn kuntratt li jkun diġà ġie xolt hija diġà inammissibbli minħabba l-fatt li kuntratt xolt ma jistax jagħti lok għal obbligi futuri. Inkella, fil-fehma tagħhom, l-eżenzjoni tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni mill-obbligi kollha taħt il-kuntratt, prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, tiġi mċaħħda mis-sustanza tagħha.

    70.

    Il-Gvern Awstrijak jaqbel ma’ dan l-argument u jagħmel riferiment, barra minn hekk, għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Hamilton, fejn ġie deċiż li l-frażi “[i]l-konsumatur għandu jkollu d-dritt li jirrinunżja għall-effetti tal-ftehim tiegħu” fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/577 ( 42 ) loġikament timplika li l-obbligu inkwistjoni jkun għadu jeżisti fil-mument li d-dritt ta’ rinunzja jkun eżerċitat ( 43 ).

    71.

    Dan l-argument jista’, prima facie, jidher konvinċenti. Normalment, fil-każ li kuntratt ikun diġà ġie konkluż, ma jkunx għad hemm lok għall-eżerċizzju ta’ drittijiet estintivi bħalma huwa d-dritt ta’ rinunzja. Madankollu, l-effetti legali differenti li d-dritt nazzjonali jagħti lix-xoljiment u lir-rinunzja ( 44 ) jipprojbixxu restrizzjoni għal approċċ daqstant formali u superfiċjali. Għall-kuntrarju, hemm numru ta’ raġunijiet għaliex id-dritt ta’ rinunzja jinżamm, anki wara xoljiment, fil-każ ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew fil-każ ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata. Id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jista’ mbagħad ikun intitolat għad-differenza bejn l-ammont dovut minħabba l-ħlasijiet lura li għandhom isiru fil-każ ta’ rinunzja skont id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali u l-valur diġà mħallas tax-xiri mill-ġdid.

    72.

    Minn naħa, is-sentenza Endress tista’ fil-fatt tiġi interpretata fis-sens li, fl-assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni, ir-rinunzja għandha tkun ammissibbli anki wara x-xoljiment. Huwa minnu li d-dispożittiv jirreferi biss għall-fatt li t-terminu ma jibdiex jiddekorri fil-każ ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni. Madankollu, Walter Endress kien diġà xolja l-kuntratt u kien tħallas il-valur tax-xiri mill-ġdid tal-kuntratt ( 45 ). Għalhekk, li kieku a priori ma kienet possibbli l-ebda rinunzja, il-Qorti tal-Ġustizzja kien ikollha sempliċement tiċħad id-domanda preliminari magħmula bħala ipotetika.

    73.

    Il-konsegwenzi li jirriżultaw mis-sentenza Hamilton ( 46 ) b’rabta mad-Direttiva 85/577 jistgħu jiġu kkunsidrati hawnhekk. Fil-fatt, din is-sentenza tirrigwarda l-konformità, mal-imsemmija direttiva, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għal tali estinzjoni tad-dritt ta’ rinunzja xahar wara l-eżekuzzjoni kompleta, mill-partijiet kontraenti, tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt. Madankollu, f’din il-kawża, bħal fil-kawża Endress, lanqas ma hija inkwistjoni tali dispożizzjoni peress li l-leġiżlatur nazzjonali ma adottax tali dispożizzjoni fir-rigward ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ħajja. Għall-kuntrarju, jidher li hemm nuqqas ta’ dispożizzjoni fid-dritt Awstrijak dwar l-eżistenza temporali tad-dritt ta’ rinunzja, kif diġà jidher ċar mill-formulazzjoni tat-tielet domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18 ( 47 ).

    74.

    Barra minn hekk, id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja jiggarantixxu li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun jista’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ rinunzja tiegħu, kif inhu mfassal fl-ordinament ġuridiku nazzjonali rispettiv. Dan jinkludi wkoll il-libertà tal-għażla bejn ir-rinunzja u x-xoljiment. Madankollu, din l-għażla ma tistax tiġi eżerċitata minn detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li ma jkollu l-ebda għarfien tad-dritt ta’ rinunzja tiegħu u tal-modalitajiet speċifiċi tal-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

    75.

    Għaldaqstant, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni lanqas ma jista’ sussegwentement jitlef id-dritt ta’ rinunzja tiegħu b’mod aċċidentali permezz ta’ xoljiment. F’tali każ, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, li jkun uża dik li fil-fehma tiegħu kienet l-unika possibbiltà miftuħa għalih sabiex jinħall minn kuntratt li ma jgħoddx għalih, jispiċċa f’sitwazzjoni agħar minn dik ta’ detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li ma użax tali possibbiltà. Fil-fatt, dan imur b’mod partikolari kontra l-għan segwit mid-dritt ta’ rinunzja skont id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jingħata l-possibbiltà li jinħall minn kuntratt li ma jissodisfax l-aspettattivi, il-ħtiġijiet jew ir-riżorsi finanzjarji tiegħu ( 48 ).

    76.

    Id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ma jitlifx id-dritt ta’ rinunzja tiegħu f’każ bħal dan. Dritt jintilef jekk mill-possibbiltà tal-invokazzjoni tiegħu jkun għadda perijodu twil u jekk iseħħu ċirkustanzi speċjali li fid-dawl tagħhom l-invokazzjoni tardiva tidher bħala ksur tal-bona fide minħabba li ma kinitx għadha mistennija. Fi kwalunkwe każ, fil-każ ineżami ma kienx hemm aspettattivi leġittimi min-naħa tal-assiguratur. Dan peress kien huwa stess li ġab din is-sitwazzjoni billi ma ttrażmettiex informazzjoni xierqa dwar ir-rinunzja lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ( 49 ).

    77.

    Barra minn hekk, il-valur tax-xiri mill-ġdid ( 50 ) ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni li għandu jiġi rrimborsat fil-każ ta’ xoljiment huwa ferm inqas mill-valur tal-primjums totali mħallsa, anki fil-każ ta’ kuntratti qodma. Madankollu, l-estinzjoni tad-dritt ta’ rinunzja wara x-xoljiment tal-kuntratt u l-ħlas sussegwenti tal-valur tax-xiri mill-ġdid tiegħu jipprevjenu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-effetti legali tar-rinunzja għar-rimbors tal-primjums diġà mħallsa, u b’hekk l-effetti legali tar-rinunzja jiġu allinjati ma’ dawk tax-xoljiment ( 51 ). Bħala riżultat, id-dritt ta’ rinunzja ggarantit taħt id-dritt tal-Unjoni jisfaxxa fix-xejn.

    78.

    Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrisponi għat-tieni domanda preliminari magħmula fil-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18 kif ukoll għat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑479/18 kif ġej: l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE (it-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE (it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE, u l-Artikolu 35(1) moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni xorta waħda jista’ jiddikjara r-rinunzja tiegħu minħabba assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata wara li dan ikun diġà ġie rrimborsat il-valur tax-xiri mill-ġdid abbażi tax-xoljiment tal-kuntratt tiegħu, f’sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali ma jirregolax l-effetti legali ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata.

    C.   Fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati max-xoljiment tal-kuntratt wara rinunzja tardiva (ir-raba’ u l-ħames domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18)

    79.

    Ir-raba’ u l-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑479/18 jittrattaw il-kwistjoni ta’ sa liema punt jistgħu jkunu limitati d-drittijiet tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni li jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja abbażi ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata.

    80.

    Id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni jiddeterminaw l-effetti ta’ rinunzja fil-każ ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni xierqa biss. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, u d-dispożizzjonijiet suċċessivi identiċi ( 52 ) f’dan ir-rigward, jispeċifikaw biss li d-dikjarazzjoni ta’ rinunzja magħmula mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu “jkollha effett li tirrilaxxa lid-detentur minn kwalunkwe obbligu futur li jirriżulta mill-kuntratt”, filwaqt li t-tielet subparagrafu, dwar l-“effetti l-oħra legali u l-kundizzjonijiet tar-rinunzja”, jirreferi għal-liġi applikabbli għall-kuntratti [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    81.

    La l-formulazzjoni u lanqas l-oriġini tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni ma jagħtu indikazzjoni dwar jekk ir-riferiment għal-liġi applikabbli għall-kuntratti fir-rigward tar-regolazzjoni tal-effetti legali ta’ rinunzja immedjatament wara l-konklużjoni tal-kuntratt għandux japplika wkoll fil-każ ta’ rinunzja tardiva minħabba assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata ( 53 ).

    82.

    Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, dwar l-effetti fid-dritt ċivili ta’ rinunzja, għandha tiġi evalwata biss fuq jekk din tiżgurax b’mod adegwat l-effett utli tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għan segwit minnhom.

    1. Fuq il-limitazzjoni tad-drittijiet tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għall-ħlas tal-valur tax-xiri mill-ġdid (ir-raba’ domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18)

    83.

    Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu jiġi rrimborsat il-valur tax-xiri mill-ġdid.

    84.

    Kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu jżomm id-dritt ta’ rinunzja tiegħu fil-każ ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew fil-każ ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata, u dan anki wara x-xoljiment tal-kuntratt u wara l-ħlas tal-valur tax-xiri mill-ġdid tal-kuntratt tiegħu ( 54 ). Dan huwa dovut, fl-aħħar mill-aħħar, għall-effetti legali differenti ta’ xoljiment u ta’ rinunzja, irrispettivament mill-modalitajiet li bihom dawn jiġu rregolati fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Ma huwiex rari għal xoljimenti li jkollhom effett ex nunc jew pro futuro, filwaqt li rinunzji jwasslu għal obbligu ta’ ħlas lura ex tunc. Ċertament, id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja jistipulaw li fil-każ ta’ rinunzja wara trażmissjoni ta’ informazzjoni xierqa, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu jiġi rrilaxxat “minn kwalunkwe obbligu futur li jirriżulta mill-kuntratt” ( 55 ). Madankollu, fir-rigward tal-effetti legali l-oħra tar-rinunzja, u għaldaqstant fir-rigward tal-effetti tagħha fuq il-prestazzjonijiet diġà pprovduti, id-Direttivi dwar l-assigurazzjoni jipprovdu li dawn għandhom jiġu rregolati mil-leġiżlatur nazzjonali inkonformità mal-prinċipju tal-effettività.

    85.

    Id-dritt ta’ rinunzja ggarantit mid-dritt tal-Unjoni ma jistax għalhekk jiġi nnewtralizzat mill-fatt li l-leġiżlatur nazzjonali joħloq regolament b’effett legali speċifiku għal rinunzji tardivi abbażi ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata li jikkorrispondu għall-effetti legali tax-xoljiment skont id-dritt nazzjonali ( 56 ). Fl-aħħar mill-aħħar, dan ma jkunx għadu dritt effettiv ta’ rinunzja, iżda dritt ta’ xoljiment straordinarju.

    86.

    Jekk regolament b’effetti legali bħal dan jirrestrinġi t-talbiet tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni meta mqabbla ma’ tranżazzjonijiet ikkanċellati skont ir-regoli applikabbli għall-arrikkiment indebitu, allura dan ir-regolament ma jistax iwassal sabiex l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja prattikament ma jibqax effettiv minħabba l-konsegwenzi finanzjarji mistennija.

    87.

    Dan jista’ jiġri fil-każ ta’ rinunzji tardivi, jekk l-effetti legali ta’ rinunzja jkunu approssimati ma’ dawk tax-xoljiment. Dan minħabba li iktar ma jgħaddi żmien mill-konklużjoni tal-kuntratt, iktar ikun għoli l-ammont tal-primjums li jkunu diġà tħallsu u li, minħabba din l-approssimazzjoni, il-biċċa l-kbira tagħhom jintilfu b’mod irrekuperabbli għad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni ( 57 ). Dan jikkontradixxi l-għan tad-Direttivi dwar l-assigurazzjoni li jiżguraw lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ rinunzja tiegħu.

    88.

    Limitazzjoni ġenerali bħal din tat-talbiet tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni lanqas ma tista’ tkun iġġustifikata billi tiġi żgurata l-assimilazzjoni għad-detenturi kollha tal-polza ta’ assigurazzjoni. Id-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni li jiddikjaraw rinunzja tardiva abbażi ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata ma humiex speċifikament f’sitwazzjoni komparabbli bħal dik tad-detenturi tal-polza ta’ assigurazzjoni li ma eżerċitawx id-dritt ta’ rinunzja tagħhom wara t-trażmissjoni ta’ informazzjoni xierqa u li f’data iktar tard jipprovaw jiksbu x-xoljiment prematur tal-kuntratt ( 58 ).

    89.

    Finalment, il-qorti nazzjonali hija libera li tieħu inkunsiderazzjoni riskju innegabbli ta’ abbuż (partikolarment fir-rigward ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni għall-ħajja relatati ma’ fondi) fuq bażi ta’ każ b’każ ( 59 ).

    90.

    Pereżempju, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) diġà qieset dan fis-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Frar 2019 dwar l-eżerċizzju ta’ rinunzja tardiva minħabba l-allegata trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata ( 60 ). Hija ddikjarat li l-qorti inferjuri ma tistax teskludi l-eżerċizzju abbużiv tad-dritt ta’ rinunzja mingħajr ma tevalwa b’mod adegwat id-data tar-rinunzja fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, il-livell ta’ edukazzjoni tiegħu u l-iskop speċifiku segwit mir-rinunzja.

    91.

    Għaldaqstant, ir-raba’ domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18 għandha tingħata risposta kif ġej: l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE, kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE, l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83/KE u l-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu jitħallas biss il-valur tax-xiri mill-ġdid (il-valur attwali tal-assigurazzjoni, ikkalkolat skont ir-regoli attwarji rrikonoxxuti).

    2. Fuq il-preskrizzjoni tad-dritt għall-interessi (il-ħames domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18)

    92.

    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja għandu jiġi kkanċellat skont il-prinċipji tal-arrikkiment indebitu wara l-eżerċizzju ta’ rinunzja tardiva, id-dritt tal-Unjoni jipprekludix il-limitazzjoni tad-dritt għall-interessi għall-aħħar tliet snin qabel il-preżentata ta’ rikors abbażi ta’ preskrizzjoni ġenerali.

    93.

    L-isfond għal din id-domanda huwa dispożizzjoni tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijakk (l-Artikolu 1480) li tipprovdi li “krediti għal kontribuzzjonijiet annwali b’lura, b’mod partikolari l-interessi, il-pensjonijiet, il-kontribuzzjonijiet għall-manteniment, benefiċċji lill-axxendenti, it-tnaqqis tal-kapital ta’ snin ta’ servizz miftiehma, jaqgħu wara perijodu ta’ tliet snin; id-dritt innifsu huwa preskritt b’nuqqas ta’ użu ta’ tletin sena”.

    94.

    Madankollu, id-drittijiet ma jistgħux isiru preskritti qabel ma jitnisslu jew qabel ma l-benefiċjarju jkun jaf bihom. It-terminu ta’ preskrizzjoni għalhekk jista’ jibda jiddekorri biss wara li jkun eżerċitat id-dritt ta’ rinunzja.

    95.

    B’mod partikolari, id-dritt ta’ rinunzja ggarantit mid-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi eżerċitat b’mod effettiv jekk id-drittijiet li jirriżultaw minnu diġà jisparixxu qabel ma d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jkun saħansitra ġie mgħarraf bid-dritt tiegħu.

    96.

    Għaldaqstant, il-ħames domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18 għandha tingħata risposta kif ġej: l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE, kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE, l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83/KE u l-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja abbażi ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata, id-dritt għall-pagament ta’ interessi b’rata fissa fuq il-primjums irrimborsati jista’ jiġi limitat, minħabba l-preskrizzjoni, għal dik il-parti relatata mal-perijodu ta’ tliet snin li jippreċedi l-preżentata tar-rikors.

    VII. Konklużjoni

    97.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mil-Landesgericht Salzburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Salzburg) (Kawżi C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18) kif ukoll għad-domandi preliminari magħmula mill-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali) (Kawża C‑479/18) kif ġej:

    1)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE (it-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE (it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ rinunzja ma għandha tinkludi l-ebda indikazzjoni li tgħid li r-rinunzja ma hija suġġetta għall-ebda forma partikolari. Għall-kuntrarju, indikazzjoni ta’ forma partikolari li għandha tiġi osservata mhux biss hija ammissibbli fid-dritt tal-Unjoni iżda hija saħansitra meħtieġa (l-ewwel domanda preliminari magħmula fil-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18, l-unika domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑357/18).

    2)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE (it-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE (it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE, l-Artikolu 35(1) moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, u l-Artikolu 185(1) moqri flimkien mal-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-effetti legali ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, it-terminu stabbilit għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja jibda jiddekorri f’sitwazzjoni fejn il-kumpannija ta’ assigurazzjoni ssemmi fl-informazzjoni pprovduta li r-rinunzja għandha tiġi fformulata bil-miktub, minkejja li r-rinunzja ma hija suġġetta għall-ebda forma partikolari skont id-dritt nazzjonali (l-ewwel domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18);

    u, sa fejn huwa rilevanti,

    3)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE (it-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE (it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ assenza ta’ informazzjoni jew ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, it-terminu stabbilit għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja jibda jiddekorri mid-data li fiha d-detentur tal-polza jkun ġie informat – indipendentement mill-mod ta’ kif seħħ dan – bid-dritt ta’ rinunzja tiegħu (it-tieni domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18).

    4)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE (it-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE (it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja), moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva 92/96/KEE u l-Artikolu 35(1) moqri flimkien mal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni xorta waħda jista’ jiddikjara r-rinunzja tiegħu minħabba assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata wara li dan ikun diġà ġie rrimborsat il-valur tax-xiri mill-ġdid abbażi tax-xoljiment tal-kuntratt tiegħu f’sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali ma jirregolax l-effetti legali ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata (it-tieni domanda preliminari magħmula fil-Kawżi C‑355/18 u C‑356/18, it-tielet domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18).

    5)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE, kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE, l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83/KE u l-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li jeżerċita d-dritt ta’ rinunzja tiegħu, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu jitħallas biss il-valur tax-xiri mill-ġdid (il-valur attwali tal-assigurazzjoni, ikkalkolat skont ir-regoli attwarji rrikonoxxuti) (ir-raba’ domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18).

    6)

    L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE, kif emendata bid-Direttiva 92/96/KEE, l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83/KE u l-Artikolu 186(1) tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ rinunzja abbażi ta’ assenza ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni żbaljata, id-dritt għall-pagament ta’ interessi b’rata fissa fuq il-primjums irrimborsati jista’ jiġi limitat, minħabba l-preskrizzjoni, għal dik il-parti relatata mal-perijodu ta’ tliet snin li jippreċedi l-preżentata tar-rikors (il-ħames domanda preliminari magħmula fil-Kawża C‑479/18).


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

    ( 2 ) It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE tat‑8 ta’ Novembru 1990 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-assigurazjoni diretta għall-ħajja, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 79/267/KEE (ĠU 1990, L 330, p. 50), kif emendata bit-Tielet Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE tal‑10 ta’ Novembru 1992 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-assigurazzjoni diretta għall-ħajja, u li temenda d-Direttivi 79/267/KEE u 90/619/KEE (ĠU 1992, L 360, p. 1).

    ( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE tal‑10 ta’ Novembru 1992 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati mal-assigurazzjoni diretta għall-ħajja, u li temenda d-Direttivi 79/267/KEE u 90/619/KEE (ĠU 1992, L 360, p. 1) (iktar ’il quddiem it-“Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja”).

    ( 4 ) Sa fejn iktar ’il quddiem isir riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/619, kif ġiet emendata bid-Direttiva 92/96, dawn ser isir riferiment għalihom bħala dispożizzjonijiet tat-“Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja”.

    ( 5 ) Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3).

    ( 6 ) Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 219, p. 66 u fil-ĠU 2016, L 262, p. 34) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Solvibbiltà II”). Sa fejn sussegwentement isir riferiment mingħajr distinzjoni għat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, it-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, id-Direttiva 2002/83 u d-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II, dawn id-direttivi huma msejħa kollettivament bħala d-“Direttivi dwar l-assigurazzjoni”.

    ( 7 ) Ara wkoll il-Parti A tal-Anness III għad-Direttiva 2002/83 u l-Artikolu 185 tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II.

    ( 8 ) Ara wkoll il-Parti A tal-Anness III għad-Direttiva 2002/83 u l-Artikolu 185(6) tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II.

    ( 9 ) Ara wkoll il-punt a. 13 tal-Parti A tal-Anness III għad-Direttiva 2002/83 u l-punt j tal-Artikolu 185(3) tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II.

    ( 10 ) BGBl. I Nru 6/1997

    ( 11 ) BGBl. I Nru 95/2006

    ( 12 ) BGB1. I Nru 34/2012.

    ( 13 ) Ara s-sentenza preċedenti tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 20), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, b’riferiment għall-fatti sottomessi mill-qorti tar-rinviju, li hija għandha tipproċedi fuq il-preżunzjoni li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni kkonċernat ma kienx informat jew tal-inqas ma kienx informat b’mod adegwat.

    ( 14 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 23).

    ( 15 ) Ara l-punt 3 iktar ’il fuq.

    ( 16 ) Ara d-dispożizzjonijiet diġà ċċitati fil-punt 24.

    ( 17 ) Dan it-terminu jista’ jkun ta’ 14 sa 30 jum skont il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni adottati minn kull Stat Membru.

    ( 18 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punti 25 u 26.).

    ( 19 ) Ara l-punt 24 iktar ’il fuq.

    ( 20 ) Artikolu 31 moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness II tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, l-Artikolu 36 moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness III tad-Direttiva 2002/83 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 185(6) tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II.

    ( 21 ) Ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 25), li skontha d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jrid ikun partikolarment informat dwar id-dritt ta’ rinunzja tiegħu b’mod “preċiż”.

    ( 22 ) Ara l-verżjonijiet suċċessivi tal-Artikolu 165a tal-VersVG iċċitati fil-punti 8 u 9 iktar ’il fuq. L-Artikolu 165a tal-VersVG ġie rrevokat fil‑31 ta’ Diċembru 2018 bil-Gesetz zur Änderung des Versicherungsvertragsgesetzes, des Konsumentenschutzgesetzes und des Versicherungsaufsichtsgesetzes 2018 (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kuntratti tal-Assigurazzjoni, il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Liġi dwar il-Ġestjoni u s-Sorveljanza tal-Assigurazzjoni (BGBl. I Nru 51/2018). Mill‑1 ta’ Jannar 2019, l-Artikolu 5c(4) tal-VersVG issa jiddetermina li r-rinunzja għandha tiġi ddikjarata “bil-miktub”.

    ( 23 ) Dan għandu jkun distint mill-“forma bil-miktub” fis-sens tal-Artikolu 1d tal-VersVG, li jippresupponi biss li d-dikjarazzjoni tippermetti li tiġi “identifikata” l-persuna li qiegħda tagħmel id-dikjarazzjoni.

    ( 24 ) Ara, inter alia, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 ) Ara iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.

    ( 26 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 177(2) tal-Codice delle Assicurazioni Private (il-Kodiċi Taljan tal-Assigurazzjoni Privata), li jipprovdi li “I termini e le modalità per l’esercizio dello stesso devono essere espressamente evidenziati nella proposta e nel contratto di assicurazione”. Similarment fir-Renju Unit taħt l-Insurance Conduct of Business Sourcebook (ICOBS) (https://www.handbook.fca.org.uk/handbook/ICOBS/): ara l-paragrafu 2 tal-ICOBS 6.3.1, moqri flimkien ma’ ICOBS 7.1.

    ( 27 ) Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 321, rettifika fil-ĠU 2013, L 228, p. 14).

    ( 28 ) Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(2)(a) tad-Direttiva 2002/65, li jirrigwarda partikolarment kuntratti tal-assigurazzjoni għall-ħajja relatati ma’ fondi.

    ( 29 ) Ara, f’dan is-sens, il-preżunzjoni tal-qorti tar-rinviju ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq fil-Kawżi magħquda C‑355/18 sa C‑357/18.

    ( 30 ) Ara l-punt 46 iktar ’il fuq.

    ( 31 ) Ara l-punt 23 iktar ’il fuq.

    ( 32 ) Ara l-osservazzjonijiet tiegħi fil-Parti A, iktar ’il fuq.

    ( 33 ) Dwar il-każ ta’ assenza ta’ trażmissjoni, ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 22).

    ( 34 ) Dispożizzjoni korrispondenti ġiet miżjuda biss mill‑1 ta’ Lulju 2012 fl-Artikolu 165a tal-VersVG (bil-paragrafu 2a ġdid introdott f’dan l-artikolu). Ara iktar ’il fuq il-punt 9.

    ( 35 ) Az. 7 Ob 107/15h.

    ( 36 ) L-Oberste Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Endress (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, C‑209/12, EU:C:2013:864), u Hamilton (sentenza tal‑10 ta’ April 2008, C‑412/06, EU:C:2008:215).

    ( 37 ) Ara l-proposta tiegħi għal risposta għall-ewwel jew għall-unika domanda preliminari magħmula fil-Kawżi magħquda C‑355/18, C‑356/18 u C‑357/18, punt 56.

    ( 38 ) Ara l-punt 61 iktar ’il fuq.

    ( 39 ) L-Artikolu 31(1) tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, moqri flimkien mal-punt a.13 tal-Parti A tal-Anness II; l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 moqri flimkien mal-punt a.13 tal-Parti A tal-Anness III; l-Artikolu 185(3)(j) tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II.

    ( 40 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Endress (C‑209/12, EU:C:2013:472, punt 47).

    ( 41 ) Dan japplika wkoll fil-każ li, skont id-dritt nazzjonali, il-ksur mill-assiguratur tal-obbligu li jittrażmetti informazzjoni jista’ jkun suġġett għal miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza (bħal pereżempju impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi).

    ( 42 ) Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE tal‑20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262). Din id-direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur (ĠU 2011, L 304, p. 64).

    ( 43 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Hamilton (C‑412/06, EU:C:2008:215, punt 42)

    ( 44 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu fil-Kawża C‑479/18, il-Gvern Awstrijak, bi qbil mal-qorti tar-rinviju, jiċċara li, f’każ ta’ rinunzja wara trażmissjoni ta’ informazzjoni xierqa, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu jiġi rrimborsat għall-ħlasijiet kollha li jkun diġà għamel, bit-tnaqqis ta’ dawk il-partijiet tal-primjum attribwiti għal kwalunkwe kopertura diġà mogħtija.

    ( 45 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013 (C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 14)

    ( 46 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013 (C‑209/12, EU:C:2013:864).

    ( 47 ) Id-domanda ssir, b’mod partikolari, fil-każ ta’ “assenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-effetti ta’ assenza ta’ informazzjoni jew informazzjoni żbaljata rigward id-dritt ta’ rinunzja qabel il-konklużjoni tal-kuntratt”.

    ( 48 ) Ara b’mod partikolari Binon, J.-M., Droit des assurances de personnes – Aspects civils, techniques et sociaux, it-tieni edizzjoni 2016, Larcier, Bruxelles, punt 379. Ir-rinunzja għalhekk tikkontribwixxi għall-possibbiltà ta’ użu effettiv tal-varjetà tal-prodotti fis-suq intern tal-assigurazzjoni. Ara f’dan ir-rigward il-premessa 23 tat-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja u l-premessa 52 kważi identika tad-Direttiva 2002/83, kif ukoll il-premessa 46 tagħha.

    ( 49 ) Ara s-sentenza preċedenti tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 30), fejn ġie deċiż li l-assiguratur “ma jistax validament jinvoka raġunijiet ta’ ċertezza legali sabiex jirrimedja sitwazzjoni kkawżata min-nuqqas tiegħu li jikkonforma ruħu mar-rekwiżit […] li jikkomunika […] informazzjoni […] dwar id-dritt tal-persuna assigurata li tikkanċella l-kuntratt”.

    ( 50 ) Il-valur ta’ xiri mill-ġdid huwa ddefinit fl-Awstrija permezz tal-Artikolu 176(3) tal-VersVG bħala l-valur ġust tal-assigurazzjoni, li għandu jiġi kkalkolat “skont ir-regoli attwarjali rrikonoxxuti fuq il-bażi tal-prinċipji tal-kalkolu tal-primjums mal-iskadenza tal-perijodu ta’ assigurazzjoni attwali”.

    ( 51 ) Dwar il-limiti tal-kompetenza regolatorja nazzjonali fir-rigward tal-effetti legali tar-rinunzja, ara wkoll il-Parti C, iktar ’il quddiem.

    ( 52 ) L-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83 u l-Artikolu 186 tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II.

    ( 53 ) Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) fil-kawża Endress (BGH IV ZR 76/11, punt 42) b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess kawża (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 22).

    ( 54 ) Ara l-punt 78 iktar ’il fuq.

    ( 55 ) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-ħajja, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 186(1) tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II.

    ( 56 ) Fil-verżjoni tiegħu sal‑31 ta’ Diċembru 2018, l-Artikolu 176(1) tal-VersVG ipprovda li l-assiguratur ikollu jħallas lura l-valur tax-xiri mill-ġdid attribwibbli lill-assigurazzjoni jekk “assigurazzjoni kapitali fil-każ ta’ mewt maħruġa b’tali mod li jkun ċert li ser jistkatta l-obbligu tal-assiguratur li jħallas il-kapital miftiehem tiġi kkanċellata permezz ta’ rinunzja, xoljiment jew kontestazzjoni”.

    ( 57 ) Huwa minnu li dan it-telf ikun ikbar jew iżgħar skont il-mument li fih issir ir-rinunzja. Madankollu, ir-regolamentazzjoni tal-effetti legali inkwistjoni tirrinunzja ġustament għal kull distinzjoni. F’dan il-każ, ma hemmx lok li tiġi indirizzata l-verżjoni l-ġdid tal-Artikolu 176 tal-VersVG, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019 u li tintroduċi regolamentazzjoni tal-effetti legali ddifferenzjata skont il-mument tar-rinunzja, għaliex tali verżjoni ġdida ma tapplikax ratione temporis għall-fatti fil-kawżi prinċipali.

    ( 58 ) Ara wkoll il-punt 76 iktar ’il fuq.

    ( 59 ) Il-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Ara s-sentenza reċenti tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 49).

    ( 60 ) Sentenza tat-Tieni Awla Ċivili tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tas‑7 ta’ Frar 2019, F-P+B+I, Referenza 17-27.223.

    Top