EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CA0511

Kawżi magħquda C-511/18, C-512/18 u C-520/18: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2020 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d'État, tal-Cour constitutionnelle – il-Belġju, Franza) – La Quadrature du Net (C-511/18 u C-512/18), French Data Network (C-511/18 u C-512/18), Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs (C-511/18 u C-512/18), Igwan.net (C-511/18) vs Premier ministre (C-511/18 u C-512/18), Garde des Sceaux, ministre de la Justice (C-511/18 u C-512/18), Ministre de l’Intérieur (C-511/18), Ministre des Armées (C-511/18), Ordre des barreaux francophones et germanophone, Académie Fiscale ASBL, UA, Liga voor Mensenrechten ASBL, Ligue des Droits de l’Homme ASBL, VZ, WY, XX vs Conseil des ministres (Talba għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u fornituri ta’ aċċess għall-internet – Żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni – Analiżi awtomatizzata ta’ data – Aċċess f’ħin reali għad-data – Salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu – Ġlieda kontra l-kriminalità – Direttiva 2002/58/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(3) u Artikolu 3 – Kunfidenzjalità tal komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Artikolu 5 u Artikolu 15(1) – Direttiva 2000/31/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 4, 6 sa 8 u 11 u Artikolu 52(1) – Artikolu 4(2) TUE)

ĠU C 433, 14.12.2020, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 433/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2020 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d'État, tal-Cour constitutionnelle – il-Belġju, Franza) – La Quadrature du Net (C-511/18 u C-512/18), French Data Network (C-511/18 u C-512/18), Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs (C-511/18 u C-512/18), Igwan.net (C-511/18) vs Premier ministre (C-511/18 u C-512/18), Garde des Sceaux, ministre de la Justice (C-511/18 u C-512/18), Ministre de l’Intérieur (C-511/18), Ministre des Armées (C-511/18), Ordre des barreaux francophones et germanophone, Académie Fiscale ASBL, UA, Liga voor Mensenrechten ASBL, Ligue des Droits de l’Homme ASBL, VZ, WY, XX vs Conseil des ministres

(Kawżi magħquda C-511/18, C-512/18 u C-520/18) (1)

(Talba għal deċiżjoni preliminari - Ipproċessar ta’ data personali fis settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi - Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u fornituri ta’ aċċess għall-internet - Żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni - Analiżi awtomatizzata ta’ data - Aċċess f’ħin reali għad-data - Salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu - Ġlieda kontra l-kriminalità - Direttiva 2002/58/KE - Kamp ta’ applikazzjoni - Artikolu 1(3) u Artikolu 3 - Kunfidenzjalità tal komunikazzjonijiet elettroniċi - Protezzjoni - Artikolu 5 u Artikolu 15(1) - Direttiva 2000/31/KE - Kamp ta’ applikazzjoni - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 4, 6 sa 8 u 11 u Artikolu 52(1) - Artikolu 4(2) TUE)

(2020/C 433/03)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d'État, Cour constitutionnelle

Partijiet fil-kawża prinċipali

(Kawżi C-511/18 u C-512/18)

Rikorrenti: La Quadrature du Net (C-511/18 u C-512/18), French Data Network (C-511/18 u C-512/18), Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs (C-511/18 u C-512/18), Igwan.net (C-511/18),

Konvenuti: Premier ministre (C-511/18 u C-512/18), Garde des Sceaux, ministre de la Justice (C-511/18 u C-512/18), Ministre de l’Intérieur (C-511/18), Ministre des Armées (C-511/18)

En présence de: Privacy International (C-512/18), Center for Democracy and Technology (C-512/18),

(Kawża C-520/18)

Rikorrenti: Ordre des barreaux francophones et germanophone, Académie Fiscale ASBL, UA, Liga voor Mensenrechten ASBL, Ligue des Droits de l’Homme ASBL, VZ, WY, XX

Konvenuti: Conseil des ministres

Fil-preżenza ta’: Child Focus (C-520/18)

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għall-finijiet previsti f’dan l-Artikolu 15(1), b’mod preventiv, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma jipprekludix miżuri leġiżlattivi

li jippermettu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jipproċedu b’żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat jaffaċċja theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, fejn id-deċiżjoni li tipprevedi din l-ordni tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet kif ukoll l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom jiġu previsti, u fejn l-imsemmija ordni għandha tingħata biss għal perijodu limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded jekk din it-theddida tippersisti;

li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika, żamma mmirata ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tkun limitata, abbażi ta’ elementi oġġettivi u nondiskriminatorji, skont il-kategoriji ta’ persuni kkonċernati jew permezz ta’ kriterju ġeografiku, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju, iżda li jista’ jiġġedded;

li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u tal-prevenzjoni ta’ attentati serji kontra s-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tal-indirizzi IP assenjati lis-sors ta’ konnessjoni, għal perijodu limitat ratione temporis għal dak li huwa strettament neċessarju;

li jipprevedu, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, tal-ġlieda kontra l-kriminalità u tas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data relatata mal-identità ċivili tal-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi; u

li jippermettu, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u, a fortiori, tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, l-għoti ta’ ordni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, sabiex jipproċedu, għal perijodu stabbilit, biż-żamma rapida ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li dawn il-fornituri ta’ servizzi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom,

sa fejn dawn il-miżuri jiżguraw, permezz ta’ regoli ċari u preċiżi, li ż-żamma tad-data inkwistjoni hija suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali applikabbli u li l-persuni kkonċernati għandhom garanziji effettivi kontra r-riskji ta’ abbuż.

2)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jwettqu, minn naħa waħda, analiżi awtomatizzata u ġbir f’ħin reali, b’mod partikolari, ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni u, min-naħa l-oħra, ġbir f’ħin reali ta’ data teknika dwar il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali użat, meta

l-użu tal-analiżi awtomatizzata huwa limitat għal sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jkun affaċċjat b’theddida serja għas-sigurtà nazzjonali li tirriżulta li hija reali u attwali jew prevedibbli, u fejn l-użu ta’ tali analiżi jista’ jkun suġġett ta’ stħarriġ effettiv, jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, bil-għan li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tiġġustifika l-imsemmija miżura u l-osservanza tal-kundizzjonijiet u tal-garanziji li għandhom ikunu previsti, u meta

l-użu ta’ ġbir f’ħin reali ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni huwa limitat għall-persuni li fir-rigward tagħhom teżisti raġuni valida ta’ suspett li huma involuti b’xi mod jew ieħor f’attivitajiet ta’ terroriżmu u huwa suġġett għal stħarriġ minn qabel, magħmul jew minn qorti, jew minn entità amministrattiva indipendenti, li jagħtu deċiżjoni vinkolanti, sabiex ikun żgurat li tali ġbir f’ħin reali huwa awtorizzat biss fil-limitu ta’ dak li huwa strettament neċessarju. F’każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, l-istħarriġ għandu jsir fl-iqsar żmien possibbli.

3)

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) għandha tiġi interpretata fis-sens li ma hijiex applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, peress li din il-protezzjoni hija rregolata jew mid-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, jew mir-Regolament 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46. L-Artikolu 23(1) tar-Regolament 2016/679, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq il-fornituri ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting l-obbligu taż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari, ta’ data personali relatata ma’ dawn is-servizzi.

4)

Qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tawtorizzaha tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità li hija għandha tagħmel, bis-saħħa ta’ dan id-dritt, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bil-għan, b’mod partikolari, tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità, obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni inkompatibbli mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Dan l-Artikolu 15(1), interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, jimponi fuq il-qorti kriminali nazzjonali li twarrab informazzjoni u provi miksuba minn żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, fil-qafas ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati li kkommettew atti ta’ kriminalità, jekk dawn il-persuni ma humiex f’pożizzjoni li jikkummentaw b’mod effettiv dwar dik l-informazzjoni u dwar dawk il-provi, li jkunu ġejjin minn qasam li dwaru l-imħallfin ma għandhomx informazzjoni u li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-fatti.


(1)  ĠU C 392, 29.10.2018

ĠU C 405, 12.11.2018


Top