Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0721

    Kawża T-721/17: Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ottubru 2017 – Topor-Gilka vs Il-Kunsill

    ĠU C 424, 11.12.2017, p. 56–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 424/56


    Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Ottubru 2017 – Topor-Gilka vs Il-Kunsill

    (Kawża T-721/17)

    (2017/C 424/81)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrent: Sergey Topor-Gilka (Moska, ir-Russja) (rappreżentant: N. Meyer, Rechtsanwalt)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kunsill (PESK) 2017/1418 (1) tal-4 ta’ Awwissu 2017;

    sussidjarjament, u f’kull każ, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata tal-Kunsill (PESK) 2017/1418 sa fejn, b’din id-deċiżjoni, ir-rikorrent ġie inkluż taħt in-Nru 160 fil-lista ta’ persuni u organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni; u

    tgħaqqad din il-proċedura mal-proċedura parallela rigward OOO WO Technopromexport skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

    1.

    L-ewwel motiv, ibbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

    Invokazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1351/2014 (2).

    Dan ir-regolament jikkonċerna kategorija ta’ persuni li ma jagħmilx parti minnha r-rikorrent, u għaldaqstant ma huwiex xieraq sabiex jiġġustifika l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista inkwistjoni.

    Allegazzjoni ta’ ksur ta’ kuntratt

    Il-Kunsill jibbaża d-deċiżjoni li jżid lir-rikorrent fil-lista inkwistjoni, fost l-oħrajn, fuq il-fatt li S. Topor-Gilka kien mexxa n-negozjati tal-kuntratt ma’ Siemens Gas Turbine Technology OOO rigward il-kuntratt ta’ provvista oriġinali, u iktar tard id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt ta’ provvista oriġinali nkisru. L-evalwazzjoni dwar jekk hemmx effettivament ksur ta’ kuntratt għandha ssir taħt id-dritt Russu. Il-partijiet fil-kuntratt ta’ provvista ressqu l-kwistjoni quddiem it-tribunal ta’ arbitraġġ ta’ Moska. Qabel ma dan it-tribunal ta’ arbitraġġ jiddeċiedi dwar il-kawża, l-allegazzjoni ta’ ksur ta’ kuntratt ma tikkostitwixxix bażi fattwali suffiċjentement solida u għaldaqstant ma hijiex xierqa bħala motivazzjoni għad-Deċiżjoni 2017/1418 (PESK).

    Trasport ta’ turbini ta’ gass lejn il-Krimea

    L-allegazzjoni kontra r-rikorrent hija li huwa responsabbli għat-trasport ulterjuri ta’ turbini ta’ gass lejn il-Krimea. L-istqarrijiet għall-istampa ppubblikati ma humiex ċari u huma bbażati fuq sorsi anonimi. Huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni li għandhom jistabbilixxu li l-motivi huma fondati, u mhux l-impriża kkonċernata li għandha tipproduċi l-prova negattiva, jiġifieri li dawn il-motivi ma humiex fondati.

    Ksur tal-prinċipji tad-dritt internazzjonali umanitarju

    Ir-Russja hija obbligata, taħt id-dritt internazzjonali, li terġa’ tistabbilixxi u żżomm l-ordni pubbliku fil-Krimea, u f’dawn iż-żminijiet dan jinkludi l-garanzija u l-konsistenza tal-provvista ta’ enerġija. Il-bżonnijiet umanitarji għal tali provvista ta’ enerġija ma humiex ikkunsidrati fil-motivazzjoni għad-Deċiżjoni 2017/1418 (PESK), bħalma lanqas ma huma r-regoli tad-dritt internazzjonali umanitarju.

    2.

    It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE

    Id-Deċiżjoni 2017/1418 tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Il-motivazzjoni msemmija fin-Nru 160 tal-Anness tad-Deċiżjoni hija, b’mod ġenerali, vaga u mhux suffiċjentement iddettaljata. Hija ma ssemmiex il-motivi konkreti għalfejn il-Kunsill iddeċieda, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li japplika l-miżuri restrittivi għar-rikorrent u konsegwentement, meħuda b’mod sħiħ, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

    3.

    It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet għad-difiża u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

    Peress li l-Kunsill ma ssodisfax l-obbligu ta’ motivazzjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, huwa kiser id-drittijiet tar-rikorrent għad-difiża u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għaliex ir-rikorrent, peress li ma kellux għarfien tal-motivi prinċipali li għalihom huwa ġie miżjud fil-lista inkwistjoni, ma setax jifformula l-aħjar difiża possibbli.


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1418, tal-4 ta’ Awwissu 2017, li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2017, L 203I, p. 5).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1351/2014, tat-18 ta’ Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 692/2014 dwar miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol (ĠU 2014, L 365, p. 46).


    Top