EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0334

Kawża C-334/17 P: Appell ippreżentat fil-5 ta’ Ġunju 2017 mir-Repubblika tal-Estonja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-24 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-117/15, Ir-Repubblika tal-Estonja vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 256, 7.8.2017, p. 18–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 256/18


Appell ippreżentat fil-5 ta’ Ġunju 2017 mir-Repubblika tal-Estonja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-24 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-117/15, Ir-Repubblika tal-Estonja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-334/17 P)

(2017/C 256/17)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika tal-Estonja (rappreżentant: N. Grünberg)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika tal-Latvja

Talbiet

tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-24 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-117/15, sa fejn hija ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq it-talbiet magħmula mill-Estonja fir-rikors tagħha tal-4 ta’ Marzu 2015;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.

Il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni, meta hija ddeċidiet li s-sentenzi li ngħataw fil-kawżi Pimix (1), Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (2) u Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Kummissjoni (3) ma jistgħux jitqiesu li huma elementi ġodda u sostanzjali fis-sens tal-ġurisprudenza u li, minħabba f’hekk, kellu jitqies bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat fl-4 ta’ Marzu 2015 mir-Repubblika tal-Estonja għall-annullament tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tat-22 ta’ Diċembru 2014 [Ares (2014) 4324235].

2.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, indikat fil-punti 13 u 84 tas-sentenza tagħha tal-24 ta’ Marzu 2017 li r-Regolament Nru 60/2004 (4) ġie ppubblikat bl-Estonjan fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-4 ta’ Lulju 2004, meta, fir-realtà, din il-pubblikazzjoni seħħet fl-4 ta’ Lulju 2005. Minħabba f’hekk, il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq fatti żbaljati waslet għal konklużjoni li tikkonċerna l-possibbiltà li jintalab il-pagament, mill-operaturi, ta’ taxxa għan-nuqqas ta’ eliminazzjoni tal-istokkijiet żejda ta’ zokkor biss abbażi tad-dritt nazzjonali.

3.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni. B’mod iktar preċiż, il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx l-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-istokkijiet żejda ta’ zokkor miżmuma fl-1 ta’ Mejju 2004, raġuni għalfejn wieħed ma jifhimx il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-assenza ta’ pubblikazzjoni, fit-termini stabbiliti, tar-Regolament Nru 60/2004 bl-Estonjan fil-Ġurnal Uffiċjali ma pprekludietx lir-Repubblika tal-Estonja milli tibbaża ruħha fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tikseb mingħand l-operaturi l-pagament ta’ taxxa għan-nuqqas ta’ eliminazzjoni tal-istokkijiet żejda ta’ zokkor.


(1)  Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Pimix, C-146/11, EU:C:2012:450.

(2)  Sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni, T-248/07, EU:T:2012:170.

(3)  Sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Kummissjoni, T-262/07, EU:T:2012:171.

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 60/2004, tal-14 ta’ Jannar 2004, li jistabbilixxi miżuri transitorji fis-settur taz-zokkor bħala riżultat tad-dħul tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 125).


Top