EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0681

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ Marzu 2019.
slewo - schlafen leben wohnen GmbH vs Sascha Ledowski.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 6(1)(k) u Artikolu 16(e) – Kuntratt konkluż mill-bogħod – Dritt ta’ rtirar – Eċċezzjonijiet – Kunċett ta’ ‘oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene u li tneħħielhom is-siġill mill-konsumatur wara l-kunsinna’ – Saqqu li l-protezzjoni tiegħu tneħħiet mill-konsumatur wara l-kunsinna.
Kawża C-681/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:255

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 2011/83/UE – Artikolu 6(1)(k) u Artikolu 16(e) – Kuntratt konkluż mill-bogħod – Dritt ta’ rtirar – Eċċezzjonijiet – Kunċett ta’ ‘oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene u li tneħħielhom is-siġill mill-konsumatur wara l-kunsinna’ – Saqqu li l-protezzjoni tiegħu tneħħiet mill-konsumatur wara l-kunsinna”

Fil-Kawża C‑681/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

slewo – schlafen leben wohnen GmbH

vs

Sascha Ledowski,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal slewo – schlafen leben wohnen GmbH, minn F. Buchmann, Rechtsanwalt,

għal S. Ledowski, minn H. G. Klink, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J. Van Holm, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni tal-Artikolu 6(1)(k) u tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, slewo – schlafen leben Wohnen GmbH (iktar ’il quddiem “slewo”) u, min-naħa l-oħra, Sascha Ledowski dwar l-eżerċizzju, minn dan tal-aħħar, tad-dritt ta’ rtirar tiegħu fir-rigward ta’ saqqu mixtri mis-sit internet ta’ slewo.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont il-premessi 3, 4, 7, 34, 37, 47 u 49 tad-Direttiva 2011/83:

“(3)

L-Artikolu 169(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedu li l-Unjoni tikkontribwixxi biex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur permezz tal-miżuri li tadotta skont l-Artikolu 114 tiegħu.

(4)

[…] L-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-kuntratti tal-konsumatur mill-bogħod […] hija meħtieġa għall-promozzjoni ta’ suq intern realment tal-konsumatur li jsib l-aħjar bilanċ bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li jiżgura r-rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

[…]

(7)

L-armonizzazzjoni sħiħa ta’ wħud mill-aspetti regolatorji ewlenin għandha żżid konsiderevolment iċ-ċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-kummerċjanti. […] Barra dan il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell komuni għoli ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni kollha.

[…]

(34)

Il-kummerċjant għandu jagħti lill-konsumatur informazzjoni ċara u komprensibbli qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod […]

[…]

(37)

Minħabba li fil-każ ta’ bejgħ mill-bogħod, il-konsumatur ma jistax jara l-oġġetti qabel ma jikkonkludi l-kuntratt huwa għandu jkollu d-dritt ta’ reċess [d-dritt ta’ rtirar]. Għall-istess raġuni, il-konsumatur għandu jitħalla jipprova u jispezzjona l-oġġetti li jkun xtara sal-punt meħtieġ biex jistabbilixxi n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti. […]

[…]

(47)

Uħud mill-konsumaturi jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ reċess wara li jkunu użaw il-oġġetti sa tali punt li jmur lil hinn minn dak [li huwa] meħtieġ biex jistabbilixxu n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti. F’dan il-każ il-konsumatur ma għandux jitlef id-dritt ta’ reċess, iżda għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe valur imnaqqas tal-oġġetti. Sabiex jistabbilixxi n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti, il-konsumatur għandu biss joperah jew jispezzjonhom fl-istess mod kif ikun permess f’post fen [fejn] isir bejħ bl-imnut. Pereżempju, il-konsumatur għandu biss jipprova artiklu ta’ lbies u mhuwiex permess li jilbsu fit-tul. B’konsegwenza, waqt il-perjodu ta’ reċess il-konsumatur għandu jopera u jispezzjona l-oġġetti b’attenzjoni xierqa. L-obbligi tal-konsumatur fil-każ ta’ reċess ma għandhomx jiskoraġġixxu lill-konsumatur milli jeżerċita d-dritt ta’ reċess tiegħu.

[…]

(49)

Għandhom jeżistu ċerti eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess, […] għall-kuntratt mill-bogħof [mill-bogħod] […]. Id-dritt ta’ reċess aktarx ma jkunx xieraq fid-dawl, pereżempju, tan-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’ kuntratt mill-bogħod […] il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

[…]

k)

fejn dritt ta’ reċess [dritt ta’ rtirar] mhuwiex previst skont l-Artikolu 16, l-informazzjoni li l-konsumatur mhuwiex se jibbenefika minn dritt ta’ reċess jew, jekk ikun il-każ, iċ-ċirkostanzi li fihom il-konsumatur jitlef id-dritt ta’ reċess;

[…]”

6

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ reċess [Dritt ta’ rtirar]” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ħlief fejn japplikaw l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16, il-konsumatur għandu jkollu perjodu ta’ 14 il jum biex jirreċedi minn kuntratt mill-bogħod […] mingħajr ma jagħti raġuni, u mingħajr ma jġarrab spejjeż differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14.”

7

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/83, intitolat “Effetti tar-reċess [tal-irtirar]”:

“L-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess [rtirar] għandu jittermina l-obbligi tal-partijiet:

a)

li jwettqu l-kuntratt mill-bogħod […]

[…]”

8

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligi tal-kummerċjant f’każ ta’ reċess [rtirar]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kummerċjant għandu jagħti rimbors għall-pagamenti kollha li rċieva mingħand il-konsumatur, inklużm jekk ikun il-każ, l-ispejjeż tal-kunsinna mingħajr dewmien mhux dovut u f’kull każ mhux aktar tard minn 14-il jum minn dak li fih ikun infurmat bid-deċiżjoni tal-konsumatur li jirreċedi mill-kuntratt skont l-Artikolu 11.

[…]”

9

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligi tal-konsumatur f’każ ta’ reċess [rtirar]”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-konsumatur għandu jkun responsabbli biss għal kwalunkwe valur imnaqqas tal-oġġetti li jirriżulta mill-manipulazzjoni tal-oġġetti minbarra dik meħtieġa biex tistabbilixxi n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim tal-oġġetti. […]”

10

L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ reċess [rtirar]”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri ma għandhomx jipprevedu d-dritt ta’ reċess stabbilit fl-Artikolu 9 sa 15 għall-kuntratti mill-bogħod […] fir-rigward ta’ dan li ġej:

[…]

e)

il-forniment ta’ oġġetti siġillati li mhumiex adatti biex jiġu rritornati minħabba raġunijiet iġjeniċi jew marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa u nfetħu wara l-kunsinna;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

slewo hija impriża ta’ bejgħ online, li tikkummerċjalizza b’mod partikolari saqqijiet.

12

Fil‑25 ta’ Novembru 2014, S. Ledowski ordna saqqu, għal skopijiet privati, mis-sit internet ta’ slewo, bil-prezz ta’ EUR 1 094.52. Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ riprodotti fuq il-fattura maħruġa minn slewo kienu jinkludu, b’mod partikolari, “informazzjoni għall-konsumaturi dwar l-irtirar”, ifformulati kif ġej:

“L-ispejjeż tar-ritorn tal-oġġett jitħallsu minna. […] Id-dritt ta’ rtirar jintilef qabel iż-żmien fil-każijiet li ġejjin: f’każ ta’ kuntratti li jirrigwardaw il-forniment ta’ oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene, jekk l-oġġetti jitneħħielhom is-siġill wara l-kunsinna.”

13

Mal-kunsinna, is-saqqu ordnat minn S. Ledowski kien miksi b’rita ta’ protezzjoni, li huwa neħħa sussegwentement.

14

Permezz ta’ posta elettronika tad‑9 ta’ Diċembru 2014, S. Ledowski informa lil slewo li huwa kien jixtieq jirritorna s-saqqu kkonċernat u talabha torganizza t-trasport tiegħu.

15

Peress li dan it-trasport ma ġiex organizzat minn slewo, S. Ledowski assuma huwa stess l-ispejjeż tat-trasport ta’ EUR 95.59.

16

S. Ledowski adixxa lill-Amtsgericht Mainz (il-Qorti Distrettwali ta’ Mainz, il-Ġermanja) b’talba għal rimbors, minn slewo, tal-prezz tax-xiri u tal-ispejjeż tat-trasport tas-saqqu ikkonċernat, ta’ ammont totali ta’ EUR 1 190.11, miżjuda bl-interessi, kif ukoll bl-ispejjeż tal-avukat.

17

B’sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2015, l-Amtsgericht Mainz (il-Qorti Distrettwali ta’ Mainz) laqgħet din it-talba.

18

Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2016, il-Landgericht Mainz (il-Qorti Reġjonali ta’ Mainz, il-Ġermanja) ikkonfermat, fl-appell, l-imsemmija sentenza.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, slewo ppreżentat rikors għal Reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

20

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 jeskludi d-dritt ta’ rtirar biss jekk, wara li jkun tneħħielu s-siġill, l-oġġett definittivament ma jkunx jista’ jiġi kkummerċjalizzat iktar, minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene, bħalma huwa l-każ b’mod partikolari ta’ ċerti prodotti kożmetiċi jew ta’ iġjene, bħal xkupilji tas-snien.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet li jidderogaw minn dritt mogħti mil-liġi tal-Unjoni, bħad-dritt ta’ rtirar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

22

Issa, b’differenza mill-oġġetti ta’ iġjene fis-sens strett, saqqu rritornat minn konsumatur wara li jkun tneħħielu s-siġill ma jkunx definittivament mhux fi stat tajjeb għall-kummerċjalizzazzjoni. Din il-konklużjoni tirriżulta b’mod partikolari mill-użu ta’ saqqu fis-settur tal-lukandi, mill-eżistenza, b’mod partikolari fuq internet, ta’ suq għal saqqijiet użati kif ukoll mill-possibbiltà ta’ tindif tas-saqqijiet użati.

23

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, fil-każ li l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li oġġetti li jistgħu jiġu f’kuntatt dirett mal-ġisem tal-bniedem, bħas-saqqijiet, meta dawn jintużaw għall-iskop li għalih huma intiżi, minkejja li l-kummerċjant jista’ jirrendihom mill-ġdid fi stat tajjeb għall-kummerċjalizzazzjoni permezz ta’ miżuri ta’ tindif xierqa, jifformaw parti mill-oġġetti li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene indikati f’din id-dispożizzjoni, tqum il-kwistjoni dwar liema kundizzjonijiet ta’ ppakkjar ta’ tali oġġetti għandhom ikunu ssodisfatti u jekk għandux jirriżulta b’mod ċar mill-fatti konkreti, b’mod partikolari mit-tqegħid tal-kelma “issiġġillat” fuq l-ippakkjar, li dan ma jkunx sempliċi ppakkjar għall-finijiet tat-trasport, iżda li l-oġġett ġie ssiġillat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene.

24

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 6(1)(k) tad-Direttiva 2011/83 ma tipprovdix biżżejjed preċiżjonijiet dwar il-portata tal-informazzjoni li l-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur, qabel ma dan ikun marbut b’kuntratt mill-bogħod, f’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi li fihom il-konsumatur jitlef id-dritt ta’ rtirar tiegħu, skont Artikolu 16(e) ta’ din id-direttiva.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħmlu parti mill-oġġetti li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene previsti fl-imsemmija dispożizzjoni, oġġetti (bħal saqqijiet) li jistgħu jiġu f’kuntatt dirett mal-ġisem tal-bniedem meta dawn jintużaw għall-iskop li għalih huma intiżi, iżda li l-kummerċjant jista’ jrendi mill-ġdid fi stat tajjeb għall-kummerċjalizzazzjoni b’miżuri (ta’ tindif) xierqa?

2)

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

a)

Liema kundizzjonijiet ta’ ippakkjar ta’ oġġett għandhom ikunu ssodisfatti sabiex dan l-oġġett ikun jista’ jitqies li kien issiġillat fis-sens tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83?

u

b)

L-informazzjoni li l-kummerċjant għandu jipprovdi skont l-Artikolu 6(1)(k) tad-Direttiva 2011/83 qabel ma l-kuntratt jorbot lill-konsumatur, għandha tattira l-attenzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-fatt li huwa jitlef id-dritt ta’ rtirar tiegħu jekk huwa jneħħi l-issiġillar tal-oġġett, b’riferiment konkret għall-oġġett mixtri (f’dan il-każ, saqqu) u għall-fatt li dan huwa ssiġillat?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene u li tneħħielhom is-siġill mill-konsumatur wara l-kunsinna”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, oġġett bħal saqqu, li l-protezzjoni tiegħu tkun tneħħiet mill-konsumatur wara l-kunsinna tiegħu.

27

Qabel kollox, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2011/83, minbarra l-każijiet fejn l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16 tagħha huma applikabbli, il-konsumatur għandu terminu ta’ erbatax-il jum sabiex jirtira minn kuntratt mill-bogħod, b’mod partikolari mingħajr ma jkollu jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu.

28

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar għandu bħala effett li jittermina l-obbligu tal-partijiet li jeżegwixxu l-kuntratt mill-bogħod.

29

L-Artikolu 16(e), tal-imsemmija direttiva jipprevedi eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar, fir-rigward tal-kuntratti mill-bogħod, f’dak li jirrigwarda l-provvista ta’ oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene u li tneħħielhom is-siġill mill-konsumatur wara l-kunsinna.

30

Madankollu, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tipprovdix elementi dwar il-portata eżatta ta’ dan il-kunċett ta’ “oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene u li tneħħielhom is-siġill mill-konsumatur wara l-kunsinna”, li jippermettu li jiġu ddeterminati b’ċertezza liema huma l-oġġetti li jaqgħu taħt dan il-kunċett u, f’dan il-każ, jekk oġġett bħal saqqu li l-protezzjoni tiegħu tkun tneħħiet wara l-kunsinna tiegħu jaqax fl-ambitu tiegħu.

31

Għaldaqstant, għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest li tidħol fih u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Verbraucherzentrale Berlin, C‑485/17, EU:C:2018:642, punt 27 u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Starman, C‑332/17, EU:C:2018:721, punt 23).

32

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83, moqri fid-dawl tal-premessi 3, 4 u 7 tagħha, din id-direttiva hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Barra minn hekk, fil-politiki tal-Unjoni, il-protezzjoni tal-konsumaturi, li jinsabu f’pożizzjoni ta’ inferjorità fil-konfront ta’ kummerċjanti, peress li huma għandhom jitqiesu li huma inqas informati, ekonomikament iktar dgħajfa u b’inqas esperjenza legali mill-kontropartijiet tagħhom, hija stabbilita fl-Artikolu 169 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2017, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main, C‑568/15, EU:C:2017:154, punt 28; tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Kamenova, C‑105/17, EU:C:2018:808, punt 34, u tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch, C‑430/17, EU:C:2019:47, punt 34).

33

Fir-rigward tad-dritt ta’ rtirar, dan huwa intiż li jipproteġi lill-konsumatur fis-sitwazzjoni partikolari ta’ bejgħ mill-bogħod, li fiha huwa ma għandux il-possibbiltà in concreto li jara l-prodott jew li jaċċerta ruħu mill-karatteristiċi tas-servizz qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Dan id-dritt huwa għaldaqstant intiż jikkumpensa l-iżvantaġġ tal-konsumatur f’kuntratt mill-bogħod, billi jagħtih perijodu ta’ riflessjoni xieraq li matulu jkollu l-possibbiltà li jeżamina u jipprova l-oġġett akkwistat (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Walbusch Walter Busch, C‑430/17, EU:C:2019:47, punt 45).

34

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83, li jikkostitwixxi eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar, għandu, bħala dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tillimita d-drittijiet mogħtija għal finijiet ta’ protezzjoni, jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 77).

35

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda.

36

F’dan ir-rigward, il-premessa 49 tad-Direttiva 2011/83 tispeċifika li eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar tista’ ssib il-ġustifikazzjoni tagħha minħabba n-natura tal-oġġetti partikolari.

37

Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-Artikolu 16(e) ta’ din id-direttiva, hija n-natura ta’ oġġett li tista’ tiġġustifika l-issiġillar tal-ippakkjar tiegħu għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene u li, għaldaqstant, it-tneħħija tas-siġill ta’ tali ppakkjar iċċaħħad l-oġġett li jinsab fih mill-garanzija f’termini ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene.

38

Ladarba l-ippakkjar tiegħu jkun tneħħielu s-siġill mill-konsumatur u, għaldaqstant, ikun imċaħħad mill-garanzija f’termini ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene, hemm ir-riskju li tali oġġett ma jkunx jista’ jerġa jintuża minn terz, u, għalhekk, li ma jistax ikun iktar is-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-ġdid mill-kummerċjant.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aċċettazzjoni tad-dritt, għall-konsumatur, li jimplimenta d-dritt ta’ rtirar tiegħu billi jirritorna lill-kummerċjant tali oġġetti mingħajr li l-ippakkjar tiegħu jkun tneħħielu s-siġill tmur kontra r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, espressa fil-premessa 4 tad-Direttiva 2011/83, li din id-direttiva għandha timmira li ssib bilanċ xieraq bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u l-kompetittività tal-impriżi.

40

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 japplika biss jekk, wara li l-ippakkjar tiegħu jkun tneħħielu s-siġill, l-oġġett li jkun jinsab fih definittivament ma jkunx għadu fi stat tajjeb għall-kummerċjalizzazzjoni, minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene, peress li jkun impossibbli jew eċċessivament diffiċli, minħabba n-natura stess ta’ dan l-oġġett, li l-kummerċjant jieħu miżuri li jippermettu li dan jerġa’ jitqiegħed għall-bejgħ mingħajr ma madankollu jkun ta’ perikolu għal wieħed jew l-ieħor minn dawn ir-rekwiżiti.

41

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, saqqu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-protezzjoni tiegħu tkun tneħħiet mill-konsumatur wara l-kunsinna tiegħu ma jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni għad-dritt ta’ rtirar previst fl-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83.

42

Fil-fatt, minn naħa, tali saqqu, għalkemm potenzjalment użat, ma jidhirx, minħabba dan il-fatt biss, definittivament mhux tajjeb sabiex jerġa’ jintuża minn terz jew sabiex ikun s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-ġdid. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar, b’mod partikolari, li l-istess saqqu wieħed iservi lill-klijenti suċċessivi ta’ lukanda, li jeżisti suq ta’ saqqijiet użati u li saqqijiet użati jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tindif fil-fond.

43

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dritt ta’ rtirar, saqqu jista’ jitqabbel ma oġġett ta’ lbies.

44

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessi 37 u 47 tad-Direttiva 2011/83, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li x-xerrej ta’ oġġett ta’ lbies ikun jista’, fil-kuntest ta’ bejgħ mill-bogħod, jipprovah sabiex “[j]istabbilixxi n-natura, il-karatteristiċi u t-tħaddim” u, jekk ikun il-każ, fi tmiem din il-prova, jeżerċita d-dritt ta’ rtirar tiegħu billi jerġa’ jibgħatu lura lill-kummerċjant.

45

Issa, huwa paċifiku li numru ta’ oġġetti ta’ lbies, meta jiġu pprovati għall-iskop li għalih huma intiżi, jistgħu jiġu f’kuntatt dirett mal-ġisem tal-bniedem, bħalma dan ma jistax jiġi eskluż fil-każ ta’ saqqijiet, mingħajr madankollu ma huma suġġetti fil-prattika għal rekwiżiti f’termini ta’ protezzjoni speċjali sabiex jiġi evitat dan il-kuntatt meta jiġu pprovati.

46

Tali assimilazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ oġġetti, jiġifieri l-oġġetti ta’ lbies u s-saqqijiet, hija, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, possibbli, sa fejn, anki fil-każ ta’ kuntatt dirett ta’ dawn l-oġġetti mal-ġisem tal-bniedem, jista’ jkun preżunt li l-kummerċjant jista’ jirrendihom, wara li jkunu ntbagħtu lura mill-konsumatur, permezz ta’ trattament bħal tindif jew diżinfestazzjoni, tajbin sabiex jerġgħu jintużaw minn terz u, għaldaqstant, għal kummerċjalizzazzjoni mill-ġdid, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene.

47

Xorta jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2011/83, moqri flimkien mal-premessa 47 tagħha, il-konsumatur huwa responsabbli għal kwalunkwe tnaqqis fil-valur ta’ oġġett li jirriżulta minn manipulazzjonijiet minbarra dawk li huma neċessarji għall-istabbiliment tan-natura, tal-karatteristiċi u tat-tħaddim tajjeb tiegħu, mingħajr ma jitlef għaldaqstant id-dritt ta’ rtirar tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Messner, C‑489/07, EU:C:2009:502, punt 29).

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene u li tneħħielhom is-siġill mill-konsumatur wara l-kunsinna”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, oġġett bħal saqqu, li l-protezzjoni tiegħu tkun tneħħiet mill-konsumatur wara l-kunsinna tiegħu.

Fuq it-tieni domanda

49

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 16(e) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “oġġetti ssiġillati li ma jistgħux jiġu rritornati minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa jew ta’ iġjene u li tneħħielhom is-siġill mill-konsumatur wara l-kunsinna”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, oġġett bħal saqqu, li l-protezzjoni tiegħu tkun tneħħiet mill-konsumatur wara l-kunsinna tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top