This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CJ0482
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 3 December 2019.#Czech Republic v European Parliament and Council of the European Union.#Action for annulment — Approximation of laws — Directive (EU) 2017/853 — Control of the acquisition and possession of weapons — Validity — Legal basis — Article 114 TFEU — Amendment of an existing directive — Principle of proportionality — Absence of impact assessment — Interference with the right to property — Proportionality of the measures adopted — Measures creating barriers in the internal market — Principle of legal certainty — Principle of the protection of legitimate expectations — Measures obliging Member States to adopt legislation with retroactive effect — Principle of non-discrimination — Derogation for the Swiss Confederation — Discrimination affecting Member States of the European Union or Member States of the European Free Trade Association (EFTA) other than that State.#Case C-482/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta’ Diċembru 2019.
Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva (UE) 2017/853 – Kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi – Validità – Bażi legali – Artikolu 114 TFUE – Emenda ta’ direttiva eżistenti – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza ta’ analiżi tal-impatt – Preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità tal-miżuri adottati – Miżuri li joħolqu ostakoli fis-suq intern – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Miżuri li jobbligaw lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li għandha effett retroattiv – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Deroga għall-Konfederazzjoni Svizzera – Diskriminazzjoni li taffettwa lil Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew lil Stati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) minbarra dan l-Istat.
Kawża C-482/17.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta’ Diċembru 2019.
Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Rikors għal annullament – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva (UE) 2017/853 – Kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi – Validità – Bażi legali – Artikolu 114 TFUE – Emenda ta’ direttiva eżistenti – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza ta’ analiżi tal-impatt – Preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità tal-miżuri adottati – Miżuri li joħolqu ostakoli fis-suq intern – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Miżuri li jobbligaw lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li għandha effett retroattiv – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Deroga għall-Konfederazzjoni Svizzera – Diskriminazzjoni li taffettwa lil Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew lil Stati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) minbarra dan l-Istat.
Kawża C-482/17.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:1035
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
3 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )
“Rikors għal annullament – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva (UE) 2017/853 – Kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi – Validità – Bażi legali – Artikolu 114 TFUE – Emenda ta’ direttiva eżistenti – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza ta’ analiżi tal-impatt – Preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà – Proporzjonalità tal-miżuri adottati – Miżuri li joħolqu ostakoli fis-suq intern – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Miżuri li jobbligaw lill-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li għandha effett retroattiv – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Deroga għall-Konfederazzjoni Svizzera – Diskriminazzjoni li taffettwa lil Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew lil Stati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) minbarra dan l-Istat”
Fil-Kawża C‑482/17,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fid‑9 ta’ Awwissu 2017,
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, bħala aġenti,
rikorrenti,
sostnuta minn:
L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér, G. Koós u G. Tornyai, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, M. Wiącek u D. Lutostańska, bħala aġenti,
intervenjenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn O. Hrstková Šolcová u R. van de Westelaken, bħala aġenti,
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn A. Westerhof Löfflerová, E. Moro u M. Chavrier, imbagħad minn A. Westerhof Löfflerová u M. Chavrier bħala aġenti,
konvenuti,
sostnuti minn:
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A. Daly, E. De Moustier, R. Coesme u D. Colas, bħala aġenti,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Šimerdová, Y. G. Marinova u E. Kružíková, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev (Relatur), A. Prechal, M. Vilaras, M. Safjan u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, D. Šváby u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2019,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal‑11 ta’ April 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ċeka titlob, prinċipalment, l-annullament tad-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU 2017, L 137, p. 22, iktar ’il quddiem id-“Direttiva kkontestata”), u, sussidjarjament, l-annullament parzjali tal-punti 6, 7 u 19 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 91/477/KEE
2 |
Fi kliem l-ewwel sal-ħames premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 3): “[b]illi l-Artikolu 8a tat-Trattat jipprovdi li s-suq internazzjonali [intern] għandu jiġi stabbilit mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1992; billi s-suq intern fih żona mingħajra fruntieri interni fejn huwa żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital skond d-dispożizzjonijiet tat-Trattat; [b]illi, fil-laqgħa ta’ Fontainbleau fil-25 u 26 ta’ Ġunju 1984, il-Kunsill Ewropew espressament iddeċida li jabolixxi l-formalitajiet tal-pulizija u tad-dwana fil-fruntieri ta’ ġewwa l-Kommunità; [b]illi l-abolizzjoni totali tal-kontrolli u tal-formalitajiet fil-fruntieri ta’ ġewwa l-Kommunita teħtieġ li ċerti kondizzjonijiet fundamentali jiġu mħarsa; billi fil-white paper tagħha ‘Sabiex jitkompla s-suq intern’ il-Kummissjoni qalet illi l-abolizzjoni tal-kontrolli fuq is-sigurtà ta’ l-oġġetti ttrasportati u fuq il-persuni teħtieġ fost affarijiet oħra, l-approssimazzjoni tal-liġijiet dwar l-armi; [b]illi l-abolizzjoni tal-kontrolli dwar il-pussess ta’ l-armi fil-fruntieri interni tal-Kommunità tirrikjedi li jiġu adottati regoli effettivi li jippermettu li jsiru l-kontrolli fl-Istati Membri dwar l-akkwist u l-pussess ta’ l-armi tan-nar u dwar it-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor; billi l-kontrolli sistematiċi għandhom għaldaqstant jiġu aboliti fil-fruntieri interni tal-Kommunità; [b]illi l-kunfidenza reċiproka fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuni li dawn ir-regoli għandhom ikattru bejn l-Istati Membri tkun akbar jekk ir-regoli jkunu bbażati fuq liġijiet parzjalment armonizzati; billi għaldaqstant ikun utli li wieħed jiddetermina l-kategoriji ta’ armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn persuni privati huwa pprojbit, jew suġġett għall-awtorizzazzjoni jew għal dikjarazzjoni”. |
3 |
Il-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 tipprevedi l-kategoriji ta’ armi tan-nar A, B, C u D. L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprojbixxi, bħala prinċipju, l-akkwist u l-pussess ta’ armi tal-kategorija A, l-Artikolu 7 tagħha jimponi l-kisba ta’ awtorizzazzjoni għal dawk tal-kategorija B u l-Artikolu 8 tagħha jistabbilixxi l-obbligu li l-armi tal-kategorija C jiġu ddikjarati. L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti għall-persuni li jixtiequ jakkwistaw jew iżommu arma tan-nar u, taħt il-Kapitolu 3 tad-Direttiva 91/477, l-Artikoli 11 sa 14 tagħha jiddeterminaw il-formalitajiet meħtieġa għall-moviment tal-armi bejn l-Istati Membri. |
Id-Direttiva 2008/51/KE
4 |
Id-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 li temenda d-Direttiva 91/477 (ĠU 2008, L 179, p. 5), emendat lil din tal-aħħar, b’mod partikolari bl-għan li tintegra fid-dritt tal-Unjoni l-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Manifattura u t-Traffikar Illeċiti ta’ Armi tan-Nar, tal-Partijiet u l-Komponenti tagħhom u Munizzjoni, anness mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, li ġie ffirmat, f’isem il-Komunità Ewropea, fis-16 ta’ Jannar 2002, mill-Kummissjoni, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/748/KE tas-16 ta’ Ottubru 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 200). |
5 |
Fost l-emendi li saru, hemm l-istabbiliment ta’ rekwiżiti ddettaljati dwar l-immarkar u r-reġistrazzjoni tal-armi tan-nar fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51, u l-armonizzazzjoni tar-regoli applikabbli għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar fit-tieni paragrafu tal-Parti III tal-Anness I ta’ din id-direttiva, kif emendata. Id-Direttiva 2008/51 daħħlet ukoll, fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 91/477, l-obbligu għall-Kummissjoni li tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sa mhux iktar tard mit‑28 ta’ Lulju 2015, rapport dwar ir-riżultati tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, flimkien, skont il-każ, ma’ proposti. |
6 |
Fuq din il-bażi, ġiet adottata l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2013, intitolata “L-armi tan-nar u s-sigurtà interna fl-Unjoni Ewropea: il-ħarsien taċ-ċittadini u t-tfixkil tat-traffikar illegali” (COM(2013) 716 final), li tiddeskrivi ċerti problemi kkawżati mill-armi tan-nar fl-Unjoni u li tiddikjara t-tnehid ta’ serje ta’ studji u ta’ konsultazzjonijiet mal-atturi kkonċernati, li jkunu segwiti, jekk meħtieġ, bil-preżentazzjoni ta’ proposta leġiżlattiva. |
7 |
Permezz tal-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Novembru 2015, intitolat “Evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51”, (COM (2015) 751 final) (iktar ’il quddiem l-“evalwazzjoni REFIT”), il-Kummissjoni lestiet l-eżami tagħha tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 91/477 u żiedet miegħu Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Novembru 2015, li temenda d-Direttiva 91/477 (COM (2015) 750 final), li tinkludi espożizzjoni tal-motivi u li saret id-Direttiva kkontestata. |
Id-Direttiva kkontestata
8 |
Skont il-premessi 1, 2, 6, 9, 15, 20, 21, 23, 27, 33 u 36 tad-Direttiva kkontestata:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
9 |
Skont il-punt 6 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata: “L-Artikoli 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej: “Artikolu 5 […] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjoni ta’ akkwist u awtorizzazzjoni ta’ pussess ta’ arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija B għandha tiġi rtirata jekk il-persuna li tkun ingħatat dik l-awtorizzazzjoni tinstab li tkun fil-pussess ta’ apparat għat-tagħbija, adattat biex jitwaħħal fuq armi tan-nar semiawtomatiċi centre-fire jew armi tan-nar b’ripetitur, li:
sakemm dik il-persuna ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6 jew awtorizzazzjoni li tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew imtawwla skont l-Artikolu 7(4a). […] Artikolu 6 1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(2), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jipprojbixxu l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A. Huma għandhom jiżguraw li dawk l-armi tan-nar, il-komponenti u l-munizzjon essenzjali miżmuma illegalment bi ksur ta’ dik il-projbizzjoni jiġu kkonfiskati. 2. Għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-infrastruttura kritika, it-trasport marittimu kummerċjali, konvojs ta’ valur għoli u postijiet sensittivi, kif ukoll għal finijiet ta’ difiża nazzjonali, ta’ edukazzjoni, kultura, riċerka u finijiet storiċi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jagħtu f’każijiet individwali, eċċezzjonali u b’mod debitament ġustifikat, awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A fejn dan ma jmurx kontra s-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku. 3. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħtu lill-kolletturi, f’każijiet speċjali individwali, eċċezzjonalment u b’mod debitament ġustifikat, awtorizzazzjonijiet għall-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A soġġetti għal kundizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà, inkluża d-dimostrazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jkun hemm fis-seħħ miżuri sabiex jindirizzaw kwalunkwe riskji għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku u li armi tan-nar u l-komponenti essenzjali jew il-munizzjon ikkonċernati jiġu maħżuna b’livell ta’ sigurtà proporzjonat mar-riskji marbuta ma’ aċċess mhux awtorizzat għal tali oġġetti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kolletturi awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jkunu jistgħu jiġu identifikati fis-sistemi ta’ arkivjar tar-rekords imsemmija fl-Artikolu 4. Tali kolletturi awtorizzati għandhom ikunu obbligati jżommu reġistru tal-armi tan-nar kollha li jkunu fil-pussess tagħhom ikklassifikati fil-kategorija A, li għandu jkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ monitoraġġ xierqa fir-rigward ta’ tali kolletturi awtorizzati, filwaqt li jqisu l-fatturi rilevanti kollha. 4. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lin-negozjanti jew lis-sensara, fil-kapaċitajiet professjonali rispettivi tagħhom, biex jakkwistaw, jimmanifatturaw, jiddiżattivaw, isewwu, ifornu, jittrasferixxu u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, soġġett għal kundizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà. 5. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil mużewijiet biex jakkwistaw u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, soġġett għal kundizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà. 6. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil tiraturi fuq bersall jakkwistaw u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6 jew 7 tal-kategorija A, soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
Fir-rigward ta’ armi tan-nar ikklassifikati fil-punt 6 tal-kategorija A, l-Istati Membri li japplikaw sistema militari msejsa fuq lieva ġenerali u li matul dawn l-aħħar 50 sena kellhom fis-seħħ sistema ta’ trasferiment ta’ armi tan-nar lil persuni li jitilqu mill-armata wara li jaqdu d-dmirijiet militari tagħhom jistgħu jagħtu lil dawk il-persuni, bħala dilettanti tal-isparar, awtorizzazzjoni biex iżommu arma waħda tan-nar użata waqt il-perijodu militari obbligatorju. L-awtorità pubblika rilevanti għandha tittrasforma dawk l-armi tan-nar f’armi tan-nar semiawtomatiċi u għandha tivverifika perjodikament li l-persuni li jużaw dawn l-armi tan-nar ma jirrappreżentawx riskju lis-sigurtà pubblika. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu. 7. Awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu rieżaminati perjodikament f’intervalli li ma jaqbżux il-ħames snin.” |
10 |
Il-punt 7 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “L-Artikolu 7 huwa emendat b’dan li ġej: […]
|
11 |
Il-punt 13 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata jipprovdi: “L-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej: […]
|
12 |
Il-punt 19 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata jemenda l-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif ġej: “[…]
[…]
[…]” |
Il-Ftehim Interistituzzjonali
13 |
Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (ĠU 2016, L 123, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Interistituzzjonali”), isemmi, fil-punti 12 sa 18 tiegħu, l-analiżijiet tal-impatt u jistipula, fil-punti 12 sa 15 tiegħu:
|
It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
14 |
Ir-Repubblika Ċeka titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
15 |
Il-Parlament u, prinċipalment, il-Kunsill jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Direttiva kkontestata, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna ż-żamma tal-effetti tagħha għal perijodu suffiċjentement twil sabiex tkun tista’ ssir l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji. |
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Jannar 2018, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Ċeka. |
17 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-istess jum, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill. |
18 |
B’mod parallel mal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-Repubblika Ċeka ressqet talba għal miżuri provviżorji li biha hija talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Direttiva kkontestata. |
19 |
B’digriet tas‑27 ta’ Frar 2018, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:119), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad din it-talba għal miżuri provviżorji, peress li r-Repubblika Ċeka ma wrietx li l-kundizzjoni dwar l-urġenza kienet issodisfatta, u rriżerva l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura. |
Fuq ir-rikors
20 |
Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-Repubblika Ċeka tqajjem erba’ motivi bbażati fuq il-ksur, fil-kuntest tal-ewwel motiv, tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi, fil-kuntest tat-tieni motiv, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, fil-kuntest tat-tielet motiv, tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, fil-kuntest tar-raba’ motiv, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi
L-argumenti tal-partijiet
21 |
Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li, għalkemm id-Direttiva 91/477 kienet issegwi l-għan ta’ armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali differenti dwar l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar sabiex jiġu eliminati l-ostakoli fis-suq intern, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-Direttiva kkontestata. Fil-fatt, mill-kontenut u mill-motivazzjoni tagħha jirriżulta li l-għanijiet li hija ssegwi jikkonsistu esklużivament f’li jiġi żgurat livell ogħla ta’ sigurtà pubblika fir-rigward tat-theddida terroristika u ta’ forom oħra ta’ kriminalità. B’mod partikolari, mill-espożizzjoni tal-motivi tad-Direttiva kkontestata jirriżulta li din la hija ġġustifikata minn ostakoli eżistenti u lanqas mir-riskji ta’ ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern, iżda hija ġġustifikata biss permezz tal-ġlieda kontra l-użu abbużiv tal-armi tan-nar għal finijiet kriminali jew terroristiċi. |
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li l-Artikolu 114 TFUE ma jistax jikkostitwixxi bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-moviment liberu tal-merkanzija għandha tkun l-għan prinċipali tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata abbażi ta’ dan l-artikolu, filwaqt li l-eventwali għanijiet l-oħra għandhom ikunu biss anċillari. Issa, il-projbizzjoni tal-pussess ta’ ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi u l-apparati tal-ikkargar tagħhom, li tikkostitwixxi n-novità prinċipali tad-Direttiva kkontestata, ma tippreżenta ebda rabta man-nuqqasijiet speċifiċi fil-funzjonament tas-suq intern identifikati mill-Kummissjoni. |
23 |
Barra minn hekk, fit-Trattati, attwalment ma teżistix bażi legali li tippermetti l-adozzjoni ta’ tali miżura ta’ projbizzjoni. Fil-fatt, fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità u tat-terroriżmu, l-armonizzazzjoni hija espressament eskluża mill-Artikolu 84 TFUE. Dan huwa rifless fl-Artikolu 4(2) TUE li bis-saħħa tiegħu l-Istati Membri huma unikament responsabbli għas-sigurtà nazzjonali fit-territorju tagħhom u għandhom ikollhom il-possibbiltà li jiżguraw fih iż-żamma tal-ordni pubbliku. Billi adotta d-Direttiva kkontestata, il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk mar lil hinn mill-kompetenzi mogħtija lilu u kiser l-Artikolu 5(2) TUE. |
24 |
Ir-Repubblika Ċeka tenfasizza li hija ma tikkontestax id-dritt tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jemenda d-direttivi fis-seħħ. L-emendi ta’ dawn għandhom madankollu jiġu adottati fuq bażi legali skont l-għanijiet tagħhom u fil-limiti tal-kompetenzi tal-Unjoni, bl-esklużjoni ta’ miżuri li ma setgħux jiġu inklużi fit-test inizjali, li ma humiex ibbażati fuq il-bażi legali tagħhom u li jmorru lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni. |
25 |
L-Ungerija ssostni l-argumenti tar-Repubblika Ċeka u żżid li filwaqt li, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali ta’ leġiżlazzjoni li temenda, għandu jiġi eżaminat fl-intier tiegħu l-att li fih tidħol il-leġiżlazzjoni inkwistjoni, madankollu ma jkunx jirriżulta li għandha tiġi stabbilita l-bażi legali tal-att li jemenda billi jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-għanijiet u l-kontenut tal-att emendat. Dan ikun jippermetti, fil-fatt, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jidderoga mir-regoli proċedurali previsti mit-Trattati, bħall-vot bil-maġġoranza kkwalifikata jew bl-unanimità, kif ukoll, bħal f’dan il-każ, li jevita l-prinċipju ta’ attribuzzjoni ta’ kompetenzi. |
26 |
F’dan il-każ, anki jekk għandu jiġi aċċettat li, fid-dawl tal-għanijiet inizjali tad-Direttiva 91/477, l-għan tad-Direttiva kkontestata ma huwiex totalment estranju għall-għanijiet tal-Artikolu 114 TFUE, dawn l-għanijiet ikunu, fir-rigward tad-Direttiva kkontestata, l-iktar l-iktar, ta’ natura anċillari meta pparagunati mal-għan prinċipali tal-emendi li jinsabu fiha, jiġifieri l-prevenzjoni tal-kriminalità. Konsegwentement, l-Artikolu 114 TFUE ma jistax iservi ta’ bażi legali għal din id-direttiva. |
27 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni wkoll l-argument tar-Repubblika Ċeka u żżid li l-essenza nnifisha tal-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi titqiegħed f’dubju meta tiġi adottata emenda ta’ att tal-Unjoni bl-użu tal-bażi legali inizjalment użata għall-adozzjoni ta’ tali att, indipendentement mill-għan u mill-kontenut tal-emenda magħmula. |
28 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-munizzjon biss, bl-esklużjoni tal-armi tan-nar, jikkostitwixxi merkanzija perikoluża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li ebda argument ma jista’ jiġi bbażat fuq in-natura allegatament perikoluża tal-armi tan-nar sabiex jiġġustifika miżuri li jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti armi tan-nar jew li jarmonizzaw il-kundizzjonijiet ta’ akkwist, ta’ pussess u ta’ moviment fi ħdan is-suq intern. |
29 |
Barra minn hekk, il-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-kategoriji speċifiċi ta’ armi tan-nar ma tkunx tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern. Għall-kuntrarju, id-Direttiva kkontestata toħloq ostakoli ġodda għal dan il-funzjonament, peress li hija naqset milli tuniformizza d-data li minnha l-armi tan-nar huma meqjusa bħala antiki u peress li hija mhux biss introduċiet definizzjonijiet ambigwi iżda wkoll regoli li jinkludu elementi li jistgħu jwasslu għal traspożizzjoni differenti fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. |
30 |
Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mir-Repubblika Franċiża u mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika Ċeka kif ukoll dawk imressqa, insostenn tagħha, mill-Ungerija u mir-Repubblika tal-Polonja. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
31 |
Għandu jitfakkar, b’mod preliminari, li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att. Jekk l-eżami tal-att ikkonċernat juri li dan għandu żewġ għanijiet jew li għandu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn ikun identifikabbli bħala ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ma jkunx għajr anċillari, dan l-att għandu jiġi bbażat fuq bażi legali waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et, C‑267/16, EU:C:2018:26, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi ddeterminata l-bażi legali xierqa, il-kuntest ġuridiku li fih taqa’ leġiżlazzjoni ġdida, b’mod partikolari sa fejn tali kuntest jista’ jipprovdi kjarifika dwar l-għan tal-imsemmija leġiżlazzjoni (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2009, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑166/07, EU:C:2009:499, punt 52). |
33 |
Skont l-Artikolu 114(1) TFUE, il-Parlament u l-Kunsill għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. |
34 |
Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li, għalkemm is-sempliċi konstatazzjoni ta’ differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat l-użu tal-Artikolu 114 TFUE, dan huwa differenti fil-każ ta’ diverġenzi bejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi tal-Istati Membri li jkunu ta’ natura li jostakolaw il-libertajiet fundamentali u li b’hekk ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Barra minn hekk, għalkemm l-użu tal-Artikolu 114 TFUE bħala bażi legali huwa possibbli għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ostakoli futuri għall-kummerċ minħabba l-iżvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, il-possibbiltà ta’ tali ostakoli għandha tkun verosimili u l-miżura inkwistjoni għandu jkollha bħala għan il-prevenzjoni tagħhom (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 114 TFUE jkun jista’ jintuża bħala bażi legali jiġu ssodisfatti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jitwaqqaf milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-protezzjoni tal-interessi ġenerali previsti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, fosthom is-sigurtà, hija determinanti fl-għażliet li għandhom isiru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Minn dan isegwi li meta jkunu jeżistu ostakoli għall-kummerċ jew ikun probabbli li fil-futur jista’ jkun hemm ostakoli bħal dawn, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw fir-rigward ta’ prodott jew ta’ kategorija ta’ prodotti, miżuri diverġenti b’tali mod li jiġi żgurat livell differenti ta’ protezzjoni u b’tali mod li, minħabba f’hekk, il-moviment liberu ta’ dan il-prodott jew ta’ dawn il-prodotti fl-Unjoni jiġi mfixkel, l-Artikolu 114 TFUE jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jintervjeni billi jadotta l-miżuri xierqa konformement, minn naħa, mal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat FUE jew identifikati mill-ġurisprudenza, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li meta att ibbażat fuq l-Artikolu 114 TFUE jkun diġà elimina kull ostakolu għall-kummerċ fil-qasam li huwa jarmonizza, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jadatta dan l-att għal kull tibdil fiċ-ċirkustanzi jew għal kull żvilupp tal-konoxxenzi fid-dawl tal-kompitu li huwa għandu li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi ġenerali rrikonoxxuti mit-Trattat (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jissodisfa b’mod korrett il-kompitu li huwa għandu li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi ġenerali rrikonoxxuti mit-Trattat biss jekk ikun possibbli għalih li jadatta l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni għal tali bidliet jew żviluppi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 77). |
40 |
Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali sabiex jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni. Dan japplika wkoll għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà pubblika (sentenza tat‑8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
F’dan il-każ, filwaqt li r-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Ungerija u mir-Repubblika tal-Polonja, tallega, essenzjalment, li l-bażi legali tad-Direttiva kkontestata għandha tiġi identifikata billi din tal-aħħar tiġi eżaminata b’mod iżolat, il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti fuq dan il-punt mir-Repubblika Franċiża, isostnu li dan l-eżami għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id-Direttiva 91/477 li d-Direttiva kkontestata hija intiża li temenda. |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32, 38 u 39 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod partikolari li, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li temenda leġiżlazzjoni eżistenti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-bażi legali tagħha, il-leġiżlazzjoni eżistenti li hija temenda u, b’mod partikolari, l-għan u l-kontenut tagħha. |
43 |
Peress li d-Direttiva kkontestata hija direttiva li temenda d-Direttiva 91/477, b’mod partikolari billi fiha tinkludi dispożizzjonijiet ġodda, din tal-aħħar tifforma l-kuntest ġuridiku tad-Direttiva kkontestata. Dan huwa kkonfermat, b’mod partikolari, fil-premessi 1 u 2 tad-direttiva kkontestata, li jirreferu għall-bilanċ stabbilit mid-Direttiva 91/477 bejn, minn naħa, l-impenn li tiġi żgurata ċerta libertà ta’ moviment għal ċerti armi tan-nar u l-komponenti essenzjali tagħhom fi ħdan l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li din il-libertà tiġi rregolata b’ċerti garanziji ta’ sigurtà, adattati għal dawn il-prodotti, kif ukoll il-ħtieġa li dan il-bilanċ jiġi aġġustat sabiex jiġi miġġieled l-użu abbużiv ta’ dawn l-armi għal finijiet kriminali filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“atti terroristiċi reċenti”. |
44 |
Min-naħa l-oħra, l-approċċ irrakkomandat mir-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Ungerija u mir-Repubblika tal-Polonja, jista’ jwassal għal riżultat paradossali, jiġifieri li, filwaqt li l-att li jemenda ma jkunx jista’ jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 114 TFUE, min-naħa l-oħra jkun possibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jasal għall-istess riżultat leġiżlattiv billi jħassar l-att inizjali u billi jipproċedi bir-riformulazzjoni sħiħa tiegħu f’att ġdid, adottat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. |
45 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jallegaw dawn l-Istati Membri u kif isostnu ġustament il-Parlament u l-Kunsill, għandha tiġi identifikata, f’dan il-każ, il-bażi legali li fuqha d-Direttiva kkontestata kellha tiġi adottata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kemm il-kuntest ikkostitwit mid-Direttiva 91/477 kif ukoll il-leġiżlazzjoni li tirriżulta mill-emendi magħmula lilha bid-Direttiva kkontestata. |
46 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-Direttiva 91/477, mit-tieni sar-raba’ premessi tagħha jirriżulta li din ġiet adottata bil-għan li jiġi stabbilit is-suq intern u li, f’dan il-kuntest, it-tneħħija tal-kontrolli tas-sigurtà tal-oġġetti ttrasportati kif ukoll tal-persuni kienet tippreżupponi, fost oħrajn, approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet permezz ta’ leġiżlazzjoni effikaċi dwar l-armi tan-nar, intiża li tistabbilixxi l-kontroll, fi ħdan l-Istati Membri, tal-akkwist tagħhom, tal-pussess tagħhom u tat-trasferiment tagħhom. Skont il-ħames premessa ta’ din id-direttiva, tali leġiżlazzjoni toħloq, fil-fatt, iktar fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuni (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et, C‑267/16, EU:C:2018:26, punt 43). |
47 |
Fir-rigward tal-kontenut tad-Direttiva 91/477, din tistabbilixxi qafas minimu armonizzat relatat mal-pussess u mal-akkwist tal-armi tan-nar kif ukoll mat-trasferiment tagħhom bejn l-Istati Membri. Għal dan il-għan, din id-direttiva tipprevedi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu akkwistati u miżmuma armi tan-nar ta’ diversi kategoriji, filwaqt li jipprovdu, għal rekwiżiti ta’ sigurtà pubblika, li l-akkwist ta’ ċerti tipi ta’ armi tan-nar għandu jiġi pprojbit. Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva tinkludi regoli li għandhom l-għan li jarmonizzaw il-miżuri amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-moviment tal-armi tan-nar għal użu ċivili li l-prinċipju bażiku tagħhom huwa l-projbizzjoni tal-moviment tal-armi, sakemm il-proċeduri previsti għal dan il-għan mill-istess direttiva ma jiġux segwiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et, C‑267/16, EU:C:2018:26, punti 49 sa 51). |
48 |
B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-Direttiva 91/477 tikkostitwixxi miżura intiża li tiżgura, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, jiġifieri armi tan-nar għal użu ċivili, approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri, filwaqt li tkopri din il-libertà b’garanziji ta’ sigurtà adattati għan-natura ta’ din il-merkanzija (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et, C‑267/16, EU:C:2018:26, punt 52). |
49 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-iskop tad-Direttiva kkontestata, qabelxejn, mill-premessa 2 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din hija intiża sabiex ittejjeb iktar ċerti aspetti tad-Direttiva 91/477 u taġġusta l-bilanċ bejn il-moviment liberu tal-merkanzija inkwistjoni u l-garanziji ta’ sigurtà, b’mod partikolari billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“atti terroristiċi reċenti”. Għalkemm mill-premessi 9, 15, 20, 21 u 23 tad-Direttiva kkontestata, li jikkonċernaw fost l-oħrajn l-armi tan-nar l-iktar perikolużi, l-armi ddiżattivati u semi-awtomatiċi, jirriżulta b’mod partikolari li l-preokkupazzjonijiet ta’ sigurtà assoċjati ma’ dawn it-tipi differenti ta’ armi tan-nar wasslu lil-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi regoli iktar stretti għalihom, xorta jibqa’ l-fatt li dan fittex ukoll, bl-adozzjoni ta’ din id-direttiva, li jiffaċilita l-moviment liberu ta’ ċerti armi, kif turi b’mod partikolari l-premessa 6 tal-imsemmija direttiva, dwar l-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom. |
50 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-kontenut tad-Direttiva kkontestata, għandu jiġi rrilevat li l-punt 1 tal-Artikolu 1 tagħha jipprovdi definizzjonijiet preċiżi, b’mod partikolari, tal-persuni, tal-oġġetti u tal-attivitajiet suġġetti għal-leġiżlazzjoni l-ġdida. Il-punt 3 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi sistema ġdida ta’ mmarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom, jirregola l-attività tan-negozjanti tal-armi u tas-sensara u jispeċifika d-data li għandha tiġi rreġistrata fid-databases tal-Istati Membri, il-konservazzjoni u l-aċċessibbiltà tagħha. Il-punt 6 tal-imsemmi artikolu jispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtorizzazzjonijiet għall-ksib u l-pussess tal-armi tan-nar jingħataw u għandhom jiġu rtirati, jinkludi r-regoli dwar is-sorveljanza tal-armi tan-nar sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ aċċess għal dawn il-persuni mhux awtorizzati, jipprojbixxi l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar tal-kategorija A u jispeċifika d-derogi minn din il-projbizzjoni. Il-punt 7 tal-istess artikolu jimponi kontroll regolari tal-awtorizzazzjonijiet għall-pussess ta’ armi tan-nar u jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jagħtu deroga oħra mill-projbizzjoni tal-pussess tal-armi tan-nar tal-kategorija A. Il-punt 8 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata jfakkar li l-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-akkwist jew il-pussess ta’ armi tan-nar tal-kategoriji B u C. Il-punt 9 ta’ dan l-artikolu jissuġġetta l-munizzjon u ċerti apparati tal-ikkargar għall-istess regoli bħal dawk applikabbli għall-akkwist u għall-pussess tal-armi tan-nar li għalihom dawn huma intiżi. Il-punt 10 tal-imsemmi artikolu jirregola l-armi ta’ allarm, l-armi ta’ ssenjalar u l-armi ddiżattivati. Il-punt 12 tal-istess artikolu jipprojbixxi, bħala prinċipju, it-trasferiment ta’ armi tan-nar minn Stat Membru għal ieħor u l-punt 13 tiegħu jipprevedi d-derogi applikabbli għal dan it-trasferiment. Il-punt 14 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata jsemmi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-punt 19 ta’ dan l-artikolu jemenda l-Anness I tad-Direttiva 91/477 billi jispeċifika l-klassifikazzjoni tal-armi fil-kategoriji A sa C. |
51 |
Id-Direttiva kkontestata tinkludi għalhekk, l-istess bħad-Direttiva 91/477, dispożizzjonijiet dwar il-pussess u l-akkwist tal-armi tan-nar kif ukoll dwar it-trasferiment tagħhom bejn l-Istati Membri. B’mod speċifiku, dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw l-akkwist u l-pussess minn individwi ta’ armi tan-nar billi jipprovdu, b’mod partikolari, li wħud minn dawn l-armi huma pprojbiti, filwaqt li oħrajn huma suġġetti għal awtorizzazzjoni jew għal dikjarazzjoni. Barra minn hekk huma jarmonizzaw il-miżuri amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-moviment tal-armi tan-nar għal użu ċivili. |
52 |
Fl-aħħar nett, minn diversi dokumenti li servew matul il-preparazzjoni tad-Direttiva kkontestata u mgħarrfa lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li permezz tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva l-leġiżlatur tal-Unjoni ried effettivament jiżgura, f’kuntest ta’ sigurtà li evolva, is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni filwaqt li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern tal-armi tan-nar billi jsib soluzzjonijiet għal problemi identifikati. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni REFIT enfasizzat li l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-armi tan-nar għal użu ċivili kien kompromess minn differenzi normattivi bejn l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni ta’ armi tan-nar fil-kategoriji C u D kif ukoll minn differenzi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-pass Ewropew tal-armi tan-nar. |
53 |
Issa, billi aġġusta b’dan il-mod il-bilanċ bejn il-moviment liberu tal-merkanzija u l-garanziji ta’ sigurtà, il-leġiżlatur tal-Unjoni sempliċement adatta r-regoli dwar il-pussess u l-akkwist tal-armi tan-nar previsti mid-Direttiva 91/477 għall-iżviluppi taċ-ċirkustanzi. |
54 |
Fil-fatt, l-ewwel nett, kif isostnu ġustament il-Parlament u l-Kunsill, billi adotta d-Direttiva kkontestata, il-leġiżlatur tal-Unjoni kompla jsegwi, fil-kuntest tal-iżvilupp tar-riskji ta’ sigurtà, l-għan iddikjarat fil-ħames premessa tad-Direttiva 91/477 li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuni billi, għal dan il-għan, jipprevedi kategoriji ta’ armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn individwi huma, rispettivament, ipprojbiti, suġġetti għal awtorizzazzjoni jew suġġetti għal dikjarazzjoni, għan li huwa intiż hu stess li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. |
55 |
F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li ċ-ċirkustanzi kienu evolvew b’mod sostanzjali mill-adozzjoni tad-Direttiva 91/477, peress li, qabelxejn, diversi drabi sar tkabbir tal-Unjoni, sussegwentement, iż-żona Schengen ġiet stabbilita u estiża għal parti sostanzjali tal-Unjoni u, finalment, it-theddid terroristiku u ta’ kriminalità transkonfinali kompla jiggrava. |
56 |
Issa, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38 sa 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jadatta, fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE, att bħad-Direttiva 91/477 għal kull bidla fiċ-ċirkustanzi jew għal kull żvilupp tal-għarfien fid-dawl tal-kompitu li huwa għandu li jiżgura l-protezzjoni tal-interessi ġenerali rrikonoxxuti mit-Trattati, fosthom iż-żamma tas-sigurtà pubblika. |
57 |
It-tieni nett, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tagħha, l-armonizzazzjoni tal-aspetti marbuta mas-sigurtà tal-merkanzija hija waħda mill-elementi essenzjali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, peress li leġiżlazzjonijiet differenti f’dan il-qasam jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ. Issa, billi l-karatteristika tal-armi tan-nar hija, kuntrarjament għal dak li r-Repubblika tal-Polonja tallega, il-periklu tagħhom mhux biss għall-utenti, iżda wkoll għall-pubbliku inġenerali, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà irrilevat fil-punt 54 tas-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et (C-267/16, EU:C:2018:26), kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà pubblika jidhru, kif il-ħames premessa tad-Direttiva 91/477 tfakkar, indispensabbli fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni dwar l-akkwist u l-pussess ta’ din il-merkanzija. |
58 |
It-tielet nett, bl-ebda mod ma huwa stabbilit, fid-dawl tal-elementi tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ikun injora l-bażi legali li l-Artikolu 114 TFUE jikkostitwixxi u, għaldaqstant, ikun eċċeda l-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni, li kieku, minflok ma adotta d-Direttiva kkontestata, ipproċeda bit-tfassil mill-ġdid id-Direttiva 91/477 li jinkludi, permezz ta’ dan il-mod leġiżlattiv alternattiv, l-emendi introdotti permezz tad-Direttiva kkontestata. |
59 |
Għall-kuntrarju, mill-istess elementi jirriżulta li l-att li jirriżulta mill-emendi għad-Direttiva 91/477 magħmula mid-Direttiva kkontestata jinvolvi leġiżlazzjoni tas-suq intern tal-armi tan-nar għal użu ċivili li hija adattata għall-karatteristiċi ta’ din il-merkanzija u li tiżgura dejjem, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fil-punt 52 tas-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Jannar 2018, Buhagiar et (C-267/16, EU:C:2018:26), fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri, filwaqt li tillimita din il-libertà permezz ta’ garanziji ta’ sigurtà adattati għan-natura tal-merkanzija inkwistjoni. |
60 |
Fit-tielet lok, sa fejn ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-projbizzjoni li jiġu kkummerċjalizzati ċerti kategoriji ta’ armi tan-nar ma tiffaċilitax il-funzjonament tas-suq intern u li d-Direttiva kkontestata toħloq ostakoli ġodda għall-moviment liberu tal-armi tan-nar għal użu ċivili, minn naħa, għandu jitfakkar li, permezz tal-espressjoni “miżuri għall-approssimazzjoni” li tidher fl-Artikolu 114 TFUE, l-awturi tat-Trattat xtaqu jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari f’oqsma li huma kkaratterizzati minn karatteristiċi tekniċi kumplessi (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Skont iċ-ċirkustanzi, dawn il-miżuri jistgħu jikkonsistu fl-obbligu fuq l-Istati Membri kollha li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew prodotti kkonċernati, li jissuġġettaw tali obbligu ta’ awtorizzazzjoni għal ċerti kundizzjonijiet, jew li jipprojbixxu, provviżorjament jew definittivament, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jew ta’ ċerti prodotti (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
Issa, f’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi rrilevati fil-punti 54 sa 57 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx li l-leġiżlatur tal-Unjoni mar lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilu mill-bażi legali tal-Artikolu 114 TFUE fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni, meta adotta, sabiex jiżgura ż-żamma ta’ moviment liberu limitat tal-armi tan-nar għal użu ċivili fi ħdan is-suq intern, il-miżuri sabiex jiżdiedu mal-kategorija A tal-armi tan-nar ipprojbiti mid-Direttiva 91/477 ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi u sabiex jiġu introdotti d-dispożizzjonijiet l-oħra li jwasslu, skont ir-Repubblika tal-Polonja, għal ostakoli ġodda. |
63 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn l-imsemmi argument huwa intiż sabiex jikkontesta l-fatt li l-miżuri kkritikati huma xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Artikolu 114 TFUE, għandu jiġi rrilevat li tali argument jirrelata ma’ dak li r-Repubblika Ċeka tressaq insostenn tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, b’tali mod li dawn għandhom jiġu evalwati flimkien taħt dik il-parti. |
64 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar l-eżami mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-proporzjonalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata
– L-argumenti tal-partijiet
65 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttiva kkontestata meta ma kellux manifestament biżżejjed informazzjoni dwar l-impatt potenzjali tal-miżuri adottati. Għaldaqstant huwa ma setax josserva l-obbligu tiegħu li jistudja jekk dawn il-miżuri kinux josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
66 |
Qabelxejn, la l-konstatazzjoni formali fil-premessa 33 tad-Direttiva kkontestata u lanqas is-siltiet korrispondenti tal-espożizzjoni tal-motivi ma jinkludu kunsiderazzjoni suffiċjentement konkreta fuq il-proporzjonalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. |
67 |
Sussegwentement, it-twettiq ta’ analiżi tal-impatt tal-leġiżlazzjoni proposta huwa impost fuq il-Kummissjoni fil-każijiet kollha fejn għandu jkun mistenni effett sinjifikattiv fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni. Għalhekk, analiżi tal-impatt tal-leġiżlazzjoni proposta huwa obbligu stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali. B’mod partikolari, it-tieni paragrafu tal-punt 12 ta’ dan il-ftehim ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Kummissjoni tirrinunzja għat-twettiq ta’ analiżi tal-impatt malli tqis li dan ikun opportun, iżda għandha tinftiehem bħala stedina lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li analiżi tal-impatt ma twassalx għad-dewmien tal-proċess leġiżlattiv. |
68 |
Issa, l-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata ma kienet ippreċeduta minn ebda analiżi tal-impatt, meta din għandha effett sinjifikattiv fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari fuq id-dritt għall-proprjetà taċ-ċittadini. B’mod partikolari, l-evalwazzjoni REFIT ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sostitut għal tali analiżi, peress li din ma tirrigwardax l-impatt tal-miżuri l-ġodda adottati. |
69 |
Barra minn hekk, l-esperjenza tar-Repubblika Ċeka tippermetti li jiġi ddubitat li l-miżuri adottati huma xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tal-ġlieda kontra l-użu abbużiv tal-armi tan-nar, peress li, f’dan l-Istat Membru u matul l-aħħar għaxar snin, twettaq ksur wieħed biss, li barra minn hekk kien involontarju, b’arma li issa taqa’ taħt il-kategorija A, u li l-kummerċjalizzazzjoni u l-pussess tagħha huma bħala prinċipju pprojbiti. |
70 |
Bl-istess mod, fir-rigward tal-possibbiltà li l-armi tan-nar semiawtomatiċi jiġu ttrasformati f’armi tan-nar awtomatiċi, l-evalwazzjoni REFIT stess ikkonstatat li ebda każ ta’ użu abbużiv għal finijiet kriminali ta’ armi tan-nar hekk ittrasformati ma ġie identifikat. Barra minn hekk, it-trasformazzjonijiet imsemmija fiha kienu saru jew permezz ta’ aċċessorji li d-Direttiva kkontestata ma tirregolax, jew billi ġew installati l-komponenti essenzjali tal-armi tan-nar awtomatiċi li kienu diġà pprojbiti mid-Direttiva 91/477 qabel l-emenda tagħha bid-Direttiva kkontestata. |
71 |
Fl-aħħar nett, għalkemm ir-Repubblika Ċeka tista’ taċċetta li evalwazzjoni tal-impatt potenzjali tal-miżuri adottati tista’ ssir b’mod ieħor milli permezz ta’ analiżi tal-impatt formali, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax jirrinunzja totalment għaliha. Issa, f’dan il-każ, dan lanqas ma jidher li kellu, minn sorsi oħra, informazzjoni suffiċjenti li tippermettilu jevalwa l-proporzjonalità ta’ ċerti miżuri introdotti mid-Direttiva kkontestata, billi ebda studju mill-istudji ċċitati għal dan il-għan mill-istituzzjonijiet konvenuti u mill-Kummissjoni ma kkonċerna l-impatt ta’ dawn il-miżuri. |
72 |
Fost l-imsemmija miżuri hemm il-projbizzjoni tal-armi tan-nar semiawtomatiċi li jaqgħu taħt il-punti 6 sa 8 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, fid-dawl tal-assenza ta’ informazzjoni dwar ir-rata ta’ użu, f’attivitajiet kriminali, tal-armi li jaqgħu taħt dawn il-punti u li huma legalment miżmuma meta mqabbla man-numru ta’ detenturi mhux problematiċi li jsofru din il-projbizzjoni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni pprojbixxa wkoll ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi, filwaqt li xejn ma jistabbilixxi li din il-miżura hija xierqa sabiex tilħaq l-għan imfittex. |
73 |
Barra minn hekk, huwa saħħaħ iktar il-leġiżlazzjoni applikabbli għal tipi oħra ta’ armi tan-nar, fosthom ir-repliki ta’ armi tan-nar antiki, mingħajr ma kellu data dwar ir-riskju li dawn l-armi jintużaw f’attivitajiet marbuta mat-terroriżmu u mal-forom serji ta’ kriminalità u mingħajr ma evalwa dan ir-riskju b’rabta mal-impatt ta’ tali tisħiħ fuq id-drittijiet tad-detenturi mhux problematiċi. |
74 |
L-Ungerija ssostni l-argumenti tar-Repubblika Ċeka u żżid li, bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali, analiżi tal-impatt għandha, bħala prinċipju, takkumpanja l-inizjattivi li jinsabu fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni aġixxiet kontra din id-dispożizzjoni billi ressqet il-proposta tagħha għal direttiva mingħajr ma wettqet analiżi tal-impatt u billi ma rrimedjatx dan sussegwentement. Barra minn hekk, fil-fażijiet sussegwenti tal-proċess leġiżlattiv, ma saret ebda analiżi tal-impatt mill-konvenuti. Għaldaqstant, u fid-dawl ukoll tal-fatt li la l-evalwazzjoni REFIT u lanqas l-istudji l-oħra invokati ma jinkludu tali analiżi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux informazzjoni suffiċjenti sabiex jeżamina n-natura proporzjonata tal-miżuri li jinsabu fid-Direttiva kkontestata. |
75 |
Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika Ċeka u dawk imressqa, insostenn tagħha, mill-Ungerija. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
76 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-miżuri implimentati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, Ġabra, EU:C:2010:321, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
77 |
Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma fejn l-azzjonijiet tiegħu jimplikaw għażliet ta’ natura kemm politika, kif ukoll ekonomika jew soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, il-kwistjoni ma tirrigwardax li jsir magħruf jekk miżura deċiża f’tali qasam kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, peress li hija biss in-natura manifestament inadegwata tagħha fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jridu jilħqu li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, EU:C:2010:321, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
Barra minn hekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li timplika stħarriġ ġudizzjarju limitat tal-eżerċizzju tiegħu, ma tapplikax esklużivament għan-natura u għall-portata tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati, iżda wkoll, f’ċerta miżura, għall-konstatazzjoni tad-data bażika (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
Anki fil-preżenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u li jeżamina jekk l-għanijiet li jridu jinkisbu mill-miżura magħżula humiex ta’ natura li jiġġustifikaw konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi. Fil-fatt, bis-saħħa tal-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji ta’ Sussidjarjetà u Proporzjonalità, anness mat-Trattat UE u mat Trattat FUE, l-abbozzi ta’ atti leġiżlattivi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġi żgurat li kwalunkwe oneru fuq l-operaturi ekonomiċi jiġi mminimizzat u proporzjonat għall-għan li għandu jintlaħaq (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punti 97 u 98). |
80 |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-validità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu fil-mument tal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 221). |
81 |
Minbarra dan kollu, anki stħarriġ ġudizzjarju ta’ portata limitata jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, awturi tal-att inkwistjoni, ikunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-att kien ġie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż li jirregola. Minn dan jirriżulta li dawn l-istituzzjonijiet għandhom, tal-inqas, ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu u jesponu b’mod ċar u mhux ekwivoku d-data bażika li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex fuqha jiġu bbażati l-miżuri kkontestati tal-imsemmi att u li fuqha kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 152 u 153 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
82 |
F’dan il-każ, għandu fl-ewwel lok jiġi kkonstatat, kif għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punti 94 sa 97 tal-konklużjonijiet tagħha, li obbligu li ssir analiżi tal-impatt fi kwalunkwe ċirkustanza ma jirriżultax, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Ungerija, mill-kliem tal-punti 12 sa 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali. |
83 |
Minn dawn il-punti jirriżulta, l-ewwel nett, li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jirrikonoxxu l-kontribut li jagħmlu l-analiżijiet tal-impatt għat-titjib tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li dawn l-analiżijiet jikkostitwixxu għodda intiża li tgħin lit-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati sabiex jiddeċiedu b’għarfien tal-fatti. It-tieni nett, l-imsemmija punti jippreċiżaw li l-analiżijiet tal-impatt ma għandhomx iwasslu għal dewmien indebitu tal-proċess leġiżlattiv u lanqas għal preġudizzju tal-fakultà tal-koleġiżlaturi li jipproponu emendi, li fir-rigward tagħhom huwa barra minn hekk previst li jistgħu jsiru analiżijiet tal-impatt addizzjonali meta l-Parlament u l-Kunsill jikkunsidraw li dan ikun xieraq u neċessarju. It-tielet nett, dawn l-istess punti jirrilevaw li l-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tal-impatt tal-inizjattivi leġiżlattivi tagħha mistennija li jkollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinjifikattivi. Ir-raba’ nett, huwa ppreċiżat li l-Parlament u l-Kunsill, waqt l-eżami tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ l-analiżijiet tal-impatt tal-Kummissjoni. |
84 |
Minn dan jirriżulta li l-preparazzjoni ta’ analiżijiet tal-impatt tikkostitwixxi stadju tal-proċess leġiżlattiv li għandu, bħala regola ġenerali, iseħħ meta inizjattiva leġiżlattiva jista’ jkollha tali effett. |
85 |
Issa, l-ommissjoni ta’ analiżi tal-impatt ma tistax tiġi kklassifikata bħala ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun jinsab f’sitwazzjoni partikolari li ma tkunx teħtieġ azzjoni ulterjuri u jkollu biżżejjed elementi li jippermettulu jevalwa l-proporzjonalità ta’ miżura adottata. |
86 |
F’dan ir-rigward u fit-tieni lok, sabiex effettivament jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom, il-koleġiżlaturi għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, matul il-proċedura leġiżlattiva, id-data xjentifika u konstatazzjonijiet oħra li jkunu saru disponibbli, inklużi dokumenti xjentifiċi użati mill-Istati Membri matul il-laqgħat tal-Kunsill u li dan tal-aħħar ma jżommx huwa stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 160 sa 163). |
87 |
Fir-rigward tal-informazzjoni disponibbli waqt l-abbozzar mill-Kummissjoni tal-inizjattiva leġiżlattiva tagħha li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, din l-istituzzjoni indikat li kienet ħadet inkunsiderazzjoni, qabelxejn, studju ddettaljat dwar il-funzjonament tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 91/477, intitolat “Evaluation of the Firearms Directive” u datat ix-xahar ta’ Diċembru 2014, u l-evalwazzjoni REFIT, li żvelaw diverġenzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-armi tan-nar, li ssuġġerixxew li jiġu ddefiniti kriterji uniformi għall-armi tal-allarm jew armi akustiċi għall-projbizzjoni tat-trasformazzjoni tagħhom f’armi tan-nar fi stat ta’ funzjonament, li pproponew li jiġu armonizzati r-regoli ta’ diżattivazzjoni tal-armi tan-nar, li enfasizzaw li fil-parti l-kbira tal-Istati Membri ma kienx possibbli li l-proprjetarju inizjali ta’ arma tan-nar jinstab, li pproponew li r-regoli ta’ mmarkar tal-armi tan-nar jiġu adattati u li l-funzjonament tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri jittejjeb jew ukoll li jiġu introdotti dispożizzjonijiet li jkopru l-attivitajiet tas-sensara, li enfasizzaw il-preokkupazzjonijiet li jirriżultaw mit-trasformazzjoni possibbli tal-armi tan-nar semiawtomatiċi f’armi tan-nar awtomatiċi u li fformulaw rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-oqsma li fihom il-funzjonament tas-suq intern tal-armi tan-nar għal użu ċivili għandu jittejjeb. |
88 |
Sussegwentement, l-imsemmija istituzzjoni bbażat ruħha fuq disa’ studji li jirrigwardaw rispettivament it-titjib tar-regoli ta’ diżattivazzjoni tal-armi tan-nar u tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni fl-Unjoni kif ukoll fuq l-armi ta’ allarm u r-repliki, fuq l-għażliet possibbli fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar ta’ armi tan-nar fi ħdan l-Unjoni, fuq l-omiċidji, fejn dan l-aħħar studju ġie żviluppat mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra d-Droga u l-Kriminalità, fuq ir-relazzjoni bejn l-imwiet vjolenti u l-aċċessibbiltà tal-armi tan-nar, fuq l-impatt tal-kontroll tal-akkwist u tal-pussess ta’ armi tan-nar fuq l-imwiet ikkawżati minnhom, fuq ir-regoli applikabbli għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar, fuq it-trasformazzjoni tagħhom, għall-armi tal-allarm u għall-armi tan-nar antiki u fuq l-armi tan-nar użati fi sparar fuq il-massa fl-Ewropa. |
89 |
Dawn l-istudji enfasizzaw, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kuntest ta’ sigurtà, ir-riskju ikbar ta’ trasformazzjoni tal-armi tan-nar iddiżattivati f’armi tan-nar fi stat li jiffunzjonaw u l-problemi ta’ identifikazzjoni tal-proprjetarji ta’ dawn l-armi, indikaw li l-immarkar u d-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar ma kinux suġġetti għal armonizzazzjoni bid-Direttiva 91/477 u pproponew, għalhekk, reviżjoni ta’ din id-direttiva bil-ħsieb ta’ armonizzazzjoni tar-regoli ta’ mmarkar u ta’ tisħiħ tar-regoli ta’ awtorizzazzjoni għall-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar, issuġġerixxew li jiġu stabbiliti regoli applikabbli għall-armi tan-nar iddiżattivati, indikaw in-neċessità li jiġu stabbiliti standards tekniċi marbuta mat-trasformazzjoni tal-armi tal-allarm, tal-armi akustiċi u tar-repliki, qiesu li kien meħtieġ titjib tal-ġbir tad-data dwar il-produzzjoni, l-akkwist u l-pussess ta’ armi tan-nar u dwar l-armi tan-nar iddiżattivati, l-armi tal-allarm u r-repliki, irrakkomandaw titjib tar-regoli applikabbli għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar, għat-trasformazzjoni tagħhom u għall-armi tal-allarm u antiki, invokaw in-neċessità li jiġu inklużi l-attivitajiet tan-negozjanti tal-armi u tas-sensara, stabbilixxew korrelazzjoni bejn il-kwantitjiet ta’ armi tan-nar tal-id miżmuma fi Stat, minn naħa, u r-rata ta’ reati li jinvolvu l-armi tan-nar, min-naħa l-oħra, indikaw li l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni iktar restrittiva dwar l-aċċess għall-armi tan-nar kienet ta’ natura li tiddiżattiva b’mod sinjifikattiv in-numru ta’ reati mwettqa kif ukoll ta’ omiċidji li jinvolvu l-armi tan-nar, irrilevaw li l-kważi totalità tal-armi tan-nar użati fi sparar fuq il-massa fl-Ewropa kienu miżmuma legalment, indikaw li dawn l-armi kienu armi tan-nar awtomatiċi, semiawtomatiċi, irriattivati jew komposti minn komponenti ta’ armi differenti u rrakkomandaw b’mod partikolari li l-aċċess legali għal tali armi tan-nar jiġi llimitat. |
90 |
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni invokat informazzjoni miksuba fil-kuntest ta’ konsultazzjoni pubblika, b’mod partikolari l-konsultazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, ta’ negozjanti tal-armi, ta’ esperti tal-armi, ta’ rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet Ewropej tal-manifatturi ta’ armi tan-nar u ta’ munizzjon għal użu ċivili, ta’ tiraturi, ta’ kollezzjonisti, ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru u ta’ organi ta’ riċerka. Hija rreferiet ukoll għall-informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-Istati Membri u tal-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea kif ukoll fil-kuntest tal-ħidma tal-kumitat stabbilit bid-Direttiva 91/477, fejn il-Kummissjoni stiednet lill-esperti tal-Istati Membri jifformulaw opinjonijiet u osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet prinċipali li kienu inklużi fl-evalwazzjoni REFIT. |
91 |
Fir-rigward tad-data miġbura matul il-proċedura leġiżlattiva, il-Parlament isemmi konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati, żjarat f’mużew li jiġbor l-armi, smigħ pubbliku, data teknika u statistika mitluba lill-Kummissjoni u konferenza dwar id-Direttiva 91/477. |
92 |
Fl-aħħar nett, il-Kunsill indika li wettaq il-ħidma tiegħu fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni u tal-istudji invokati minn din l-istituzzjoni, ta’ konsultazzjonijiet ma’ membri tal-Parlament kif ukoll ta’ evalwazzjonijiet tal-effetti tal-miżuri ppreżentati minn Stati Membri. |
93 |
L-elementi msemmija fil-punti 87 sa 92 ta’ din is-sentenza jippermettu b’hekk li jiġi kkonstatat li t-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati kellhom, matul il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva kkontestata, qabelxejn, analiżijiet iddettaljati tal-funzjonament tas-suq intern tal-armi tan-nar għal użu ċivili, kif jirriżulta mid-Direttiva 91/477 qabel l-emenda tagħha bid-Direttiva kkontestata, li tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi intiżi għat-titjib ta’ dan il-funzjonament. Sussegwentement, huma bbenefikaw minn diversi analiżijiet u rakkomandazzjonijiet li jkopru b’mod partikolari s-suġġetti kollha ta’ sigurtà msemmija fl-argumenti tar-Repubblika Ċeka, kif miġbura fil-qosor fil-punti 69 sa 73 ta’ din is-sentenza u billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba, b’mod partikolari, fir-rigward tal-periklu ta’ ċerti armi tan-nar fil-kuntest tas-sigurtà evalwat. Finalment, dawn it-tliet istituzzjonijiet ikkompletaw din id-data b’konsultazzjonijiet ta’ esperti u rappreżentanti tal-partijiet interessati u kif ukoll b’evalwazzjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. |
94 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, dwar il-proporzjonalità ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata
– L-argumenti tal-partijiet
95 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra, prinċipalment, li, fl-ewwel lok, il-miżuri meħuda mid-Direttiva kkontestata ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat livell ogħla ta’ sigurtà pubblika, peress li dan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ restrizzjoni addizzjonali tal-pussess legali tal-armi tan-nar. Għall-kuntrarju, riskju reali għas-sigurtà pubblika jkun jirriżulta mill-fatt li armi tan-nar miżmuma legalment jiġu miżmuma illegalment, minħabba ssikkar ikbar tal-leġiżlazzjoni applikabbli. |
96 |
B’mod partikolari, fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi, ebda attakk terroristiku ma ġie mwettaq fit-territorju tal-Unjoni matul l-aħħar għaxar snin permezz ta’ tali armi legalment miżmuma u ebda studju eżistenti ma jindika li dawn l-armi kienu ntużaw fi sparar fuq il-massa. Il-projbizzjoni tal-armi tan-nar semiawtomatiċi li ġew ittrasformati b’mod definittiv minn armi tan-nar awtomatiċi, imsemmija fil-punt 6 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, ma tagħmel ebda sens mill-perspettiva teknika peress li r-ritrasformazzjoni tagħhom f’armi tan-nar awtomatiċi hija iktar diffiċli u iktar għalja mill-akkwist ta’ arma semiawtomatika ordinarja ġdida u t-trasformazzjoni konsekuttiva tagħha f’arma tan-nar awtomatiku. |
97 |
Bl-istess mod, ikun prattikament ineżistenti r-riskju ta’ użu abbużiv ta’ armi tan-nar iddiżattivati b’mod irriversibbli u ta’ repliki ta’ armi tan-nar antiki, billi l-attivazzjoni mill-ġdid ta’ tali armi teħtieġ l-użu ta’ għodod professjonali u billi hija, tal-inqas, tant kumplessa u għalja daqs kemm hija l-manifattura ta’ arma ġdida. Il-fatt li armi tan-nar iddiżattivati b’mod irriversibbli jaqgħu taħt l-istess kategorija bħall-istess tip ta’ armi fi stat ta’ funzjonament juri n-natura sproporzjonata ta’ din il-miżura. |
98 |
Fit-tieni lok, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra li l-miżuri adottati mid-Direttiva kkontestata ma humiex neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat livell ogħla ta’ sigurtà pubblika. Il-projbizzjoni li jinżammu armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati taħt il-punti 6 sa 8 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, tikkostitwixxi l-iktar miżura stretta possibbli u tikkonċerna d-detenturi attwali u potenzjali kollha ta’ tali armi, minkejja n-nuqqas ta’ riskju li dawn iwettqu reat kriminali. L-issikkar tal-leġiżlazzjoni ta’ tipi oħra ta’ armi tan-nar, fosthom ir-repliki ta’ armi tan-nar antiki lanqas ma huwa neċessarju fid-dawl tal-periklu minimu assoċjat ma’ dawn l-armi. |
99 |
B’hekk, jeżistu miżuri inqas restrittivi, fosthom il-ġlieda sistematika kontra l-pussess illegali ta’ armi tan-nar, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet dwar ir-reati kriminali serji, it-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll l-issikkar tal-leġiżlazzjoni dwar l-armi tal-allarm u l-armi simili. |
100 |
Fit-tielet lok, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-miżuri adottati fid-Direttiva kkontestata jmorru kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità stricto sensu. Fil-fatt, dawn il-miżuri jippreġudikaw b’mod sinjifikattiv id-dritt għall-proprjetà ta’ numru kbir ta’ detenturi ta’ armi tan-nar li ma humiex problematiċi u l-leġiżlatur tal-Unjoni b’ebda mod ma naqqas dan l-impatt u lanqas ma eżaminah. |
101 |
Sussidjarjament, sa fejn għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva kkontestata għandha l-għan li telimina l-ostakoli għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ir-Repubblika Ċeka ssostni, permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, li l-miżuri adottati minn din id-direttiva lanqas ma josservaw il-kundizzjonijiet ta’ adegwatezza, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità stricto sensu. Dawn il-miżuri, li jistabbilixxu regoli ambigwi u impossibbli li jiġu applikati fil-prattika, ma humiex fil-fatt adegwati sabiex jeliminaw dawn l-ostakoli. |
102 |
Qabelxejn, il-punt 7 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, issa jinkludi l-armi tan-nar semiawtomatiċi li fihom huwa inkluż apparat tal-ikkargar li jaqbeż il-limiti stabbiliti. Konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-direttiva kkontestata, l-Istati Membri huma għalhekk obbligati li jissekwestraw dawn l-armi. Issa, il-premessa 23 tad-Direttiva kkontestata tindika li l-possibbiltà li tali apparat tal-ikkargar jiġi inserit ma hijiex determinanti għall-klassifikazzjoni tal-armi inkwistjoni. B’hekk, l-istess arma hija, skont il-każ, arma li taqa’ taħt il-kategorija A jew taħt il-kategorija B, billi l-passaġġ minn kategorija għall-oħra jista’ jsir permezz tat-tibdil tal-apparat tal-ikkargar. Fl-istess ħin, il-pussess ta’ tali apparat tal-ikkargar huwa ssanzjonat, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, bl-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-akkwist u tal-pussess ta’ armi tan-nar tal-kategorija B, li hija distinta mis-sanzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess direttiva. |
103 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li huwa mingħajr ma tippreċiża kif dawn għandhom jiġu identifikati li d-Direttiva kkontestata issa tikklassifika taħt il-punt 8 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, l-armi tan-nar semiawtomatiċi li kienu inizjalment maħsuba bħala armi tan-nar twal li t-tul tagħhom jista’ jitnaqqas għal inqas minn 60 ċentimetru bl-użu ta’ kanna li titqassar jew teleskopika, mingħajr ma dawn jitilfu l-funzjonalità tagħhom. Issa, kważi dawn l-armi kollha huma maħsuba sabiex jiffunzjonaw bi jew mingħajr l-imsemmija kanen, b’mod li ma jeżisti ebda mod sabiex jiġi identifikat dak li għalih huma kienu inizjalment maħsuba. Lanqas ma huwa speċifikat kif għandu jiġi stabbilit it-tul tal-imsemmija armi, b’mod partikolari bit-tagħmir relatat mal-bokka jew id-diversi estensjonijiet jew mingħajrhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li apparat kumpensatur jew silenzjatur jiġi invitat mal-arma jista’ jwassal għal bidla fil-kategorija. |
104 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-passaġġ ta’ ċerti armi tan-nar fil-kategorija A, jiġifieri l-armi tan-nar ipprojbiti, id-Direttiva kkontestata tawtorizza lill-Istati Membri jagħżlu approċċ differenti fil-konfront tad-detenturi attwali ta’ dawn l-armi, li jkun ifisser li, f’ċerti Stati Membri jkun hemm dejjem numru kbir ta’ detenturi awtorizzati filwaqt li f’oħrajn il-pussess ta’ dawn l-armi huwa pprojbit. Issa, din is-sitwazzjoni toħloq ostakoli ġodda li ma jistgħux jiġu megħluba mill-pass Ewropew tal-armi tan-nar. Fil-fatt, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, jagħmel il-possibbiltà ta’ vvjaġġar b’dawn l-armi dipendenti fuq id-deċiżjoni tal-Istati Membri l-oħra, li issa jistgħu jirrifjutaw li japplikaw id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu 12(2) u jissuġġettaw il-vjaġġ għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. |
105 |
Fir-rigward tan-neċessità u tal-proporzjonalità stricto sensu tal-miżuri adottati mid-Direttiva kkontestata, ir-Repubblika Ċeka tirreferi għall-argumenti miġbura fil-qosor fil-punti 98 sa 100 ta’ din is-sentenza. Hija tikkunsidra, barra minn hekk, li l-annullament tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ta’ din id-direttiva għandu jwassal għall-annullament tagħha kollha kemm hi. |
106 |
L-Ungerija għandha dubju, l-ewwel nett, fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-immarkar tad-diversi partijiet tal-armi tan-nar, li jista’ jikkawża tfixkil sostanzjali fil-kuntest tal-kontrolli tal-ajruport. |
107 |
It-tieni nett, dan l-Istat Membru jqis li huwa kuntrarju għall-għanijiet imfittxija mill-obbligu ta’ eżami mill-ġdid, fil-kuntest tal-estensjoni tal-awtorizzazzjonijiet li jaslu għall-iskadenza tagħhom, tal-kundizzjonijiet kollha għall-ħruġ tagħhom. |
108 |
It-tielet nett, l-Ungerija tqis inġustifikat li l-armi tan-nar iddiżattivati akkwistati jew miżmuma legalment qabel tmiem it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva kkontestata, anki fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni uffiċjali, jiġu kklassifikati fil-kategorija tal-armi tan-nar li għandhom b’mod obbligatorju jkunu suġġetti għal awtorizzazzjoni. It-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni ma jbiddel xejn mill-assenza ta’ periklu ta’ dawn l-armi, b’mod li l-leġiżlazzjoni l-ġdida timponi obbligi ġodda fuq id-detenturi tagħhom, mingħajr ma dan ikun iġġustifikat minn xi raġuni imperattiva. |
109 |
Ir-raba’ nett, l-Ungerija ssostni li t-tul tal-perijodu ta’ żamma obbligatorja tad-data li tinsab fir-reġistri uffiċjali tal-armi tan-nar tal-Istati Membri, mid-data tal-qerda ta’ dawn tal-aħħar, tikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantit mill-Artikolu 16 TFUE u l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
110 |
Ir-Repubblika tal-Polonja tikkunsidra, l-ewwel nett, li, peress li ma ġiet prodotta ebda prova ta’ użu għal finijiet kriminali fit-territorju tal-Unjoni tal-armi tan-nar awtomatiċi ttrasformati f’armi tan-nar semiawtomatiċi miżmuma legalment, il-projbizzjoni li jinżammu dawn l-armi ma ssaħħaħx is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni. |
111 |
It-tieni nett, il-projbizzjoni ta’ armi tan-nar semiawtomatiċi ċentrali, meta dawn ikollhom apparat tal-ikkargar b’kapaċità li taqbeż il-limiti previsti, hija wkoll inadegwata sabiex tiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni. Qabel xejn, peress li dawn l-apparati ta’ kkargar ma humiex marbuta ma’ arma speċifika, ma jkunx possibbli li jiġi pprovat li tali apparat ta’ kkargar jagħmel parti minn tali arma tan-nar, lanqas li dan jappartjeni għall-persuna li żżomm din l-arma u lanqas li persuna żżomm arma li hija konformi mal-awtorizzazzjoni mogħtija. Barra minn hekk, din il-kapaċità ma għandhiex effett sinjifikattiv la fuq ir-rata tal-isparar u lanqas fuq in-numru ta’ skrataċ li jistgħu jiġu sparati. Fl-aħħar nett, l-imsemmija projbizzjoni taffettwa b’mod sproporzjonat il-persuni li għandhom armi tan-nar tal-kategorija B, anki meta dawn ma jkollhomx il-possibbiltà li jinserixxu tali apparati tal-ikkargar fl-armi tan-nar tagħhom. |
112 |
It-tielet nett, għall-kunsiderazzjonijiet diġà esposti fil-punti 97 u 103 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li ma teżisti ebda rabta bejn, minn naħa, il-klassifikazzjoni taħt il-punti 6 u 7 tal-kategorija C tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, tal-armi tan-nar iddiżattivati u tar-riproduzzjonijiet ta’ armi tan-nar antiki u l-projbizzjoni tal-armi tan-nar iddefiniti fil-punt 8 tal-kategorija A tal-Parti II ta’ dan l-anness u, min-naħa l-oħra, il-garanzija ta’ livell għoli ta’ sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni. |
113 |
Ir-raba’ nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-klassifikazzjoni tal-armi tan-nar imsemmija fil-punti 110 sa 112 ta’ din is-sentenza hija sproporzjonata stricto sensu peress li jeżistu miżuri preventivi iktar effikaċi u inqas vinkolanti sabiex tissaħħaħ is-sigurtà pubblika, bħal eżamijiet psikjatriċi u psikoloġiċi obbligatorji u uniformi għax-xerrejja u għad-detenturi ta’ armi tan-nar kif ukoll eżamijiet li jirrigwardaw ir-regoli ta’ użu ta’ dawn l-armi u l-leġiżlazzjoni dwar il-pussess u l-użu tagħhom. |
114 |
Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika Ċeka kif ukoll dawk imressqa, insostenn tagħha, mill-Ungerija u mir-Repubblika tal-Polonja. |
115 |
B’mod partikolari, il-Parlament u l-Kunsill isostnu li l-argumenti tal-Ungerija bbażati fuq ksur tal-Artikolu 16 TFUE u tal-Artikolu 8 tal-Karta huma inammissibbli peress li jinkludu motiv ġdid. Dan jgħodd ukoll kemm għall-argumenti tal-Ungerija u kif ukoll għal dawk tar-Repubblika tal-Polonja li permezz tagħhom dawn l-Istati Membri jikkontestaw il-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata li r-Repubblika Ċeka ma tikkontestax. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
116 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li parti li, taħt l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, hija ammessa bħala intervenjenti f’kawża mressqa quddiem din tal-aħħar ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża kif iċċirkoskritt mit-talbiet u l-motivi tal-partijiet prinċipali. Minn dan jirriżulta li huma ammissibbli biss l-argumenti ta’ intervenjent li jaqgħu taħt il-kuntest iddefinit minn dawn it-talbiet u motivi (sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2014, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 27). |
117 |
Issa, peress li l-argumenti tal-Ungerija miġbura fil-qosor fil-punti 106, 107 u 109 ta’ din is-sentenza jikkontestaw, kif isostnu ġustament il-Parlament u l-Kunsill, il-proporzjonalità ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva kkontestata li ma humiex dawk ikkontestati mir-Repubblika Ċeka, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-argumenti huma ta’ natura li jbiddlu s-suġġett tal-kawża hekk kif iddefinita mit-talbiet u l-motivi ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar u li l-imsemmija argumenti għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
118 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tas-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju li għandu jsir mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 77 sa 79 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni b’dik tagħha. |
119 |
Fil-fatt, bis-saħħa ta’ din il-ġurisprudenza, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni marx manifestament lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu fir-rigward tal-evalwazzjonijiet kumplessi li ntalab iwettaq f’dan il-każ, meta għażel miżuri manifestament inadegwati fid-dawl tal-għan imfittex. |
120 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-projbizzjoni tal-armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punti 6 sa 8 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, l-ewwel nett, kif isostnu l-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, mill-istudji msemmija fil-punti 88 u 89 ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod partikolari li tista’ tiġi stabbilita korrelazzjoni bejn il-kwantitajiet ta’ armi tan-nar miżmuma fi Stat, minn naħa, u r-rata ta’ reati li jinvolvu tali armi tan-nar, min-naħa l-oħra, li l-istabbiliment ta’ leġiżlazzjoni li tillimita l-aċċess għall-armi tan-nar jista’ jkollu impatt sinjifikattiv fuq it-tnaqqis tan-numru kemm tar-reati mwettqa kif ukoll tal-omiċidji li jinvolvu l-armi tan-nar, li l-kważi totalità tal-armi tan-nar użati fi sparar fuq il-massa fl-Ewropa kienu miżmuma legalment u li dawn l-armi kienu armi tan-nar awtomatiċi, semiawtomatiċi, attivati mill-ġdid minn armi tan-nar iddiżattivati jew komposti minn komponenti li joriġinaw minn armi differenti. |
121 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li xi wħud minn dawn l-istudji jirrakkomandaw ukoll il-miżuri invokati mir-Repubblika Ċeka u, insostenn tagħha, mir-Repubblika tal-Polonja, kif imqassra fil-punti 99 u 113 ta’ din is-sentenza, dan sar, kif enfasizza l-Parlament, b’mod kumplimentari għal issikkar tar-regoli tal-akkwist u tal-pussess tal-armi tan-nar, b’mod partikolari l-iktar perikolużi minnhom, u mhux bħala alternattiva ta’ effikaċja ugwali għal dik tal-projbizzjoni tal-armi tan-nar ikkonċernati. |
122 |
It-tieni nett, il-projbizzjoni tal-armi tan-nar ikklassifikati taħt il-punti 6 sa 8 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, għandha, kif jirrilevaw il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, diversi eċċezzjonijiet u derogi msemmija fl-Artikolu 6(2) sa (6) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, li jnaqqsu l-impatt ta’ din il-projbizzjoni fuq numru kbir ta’ detenturi jew xerrejja potenzjali ta’ dawn l-armi u għalhekk huma intiżi sabiex jiggarantixxu l-proporzjonalità tal-imsemmija projbizzjoni. |
123 |
It-tielet nett, fir-rigward tad-definizzjoni tal-armi tan-nar ikklassifikati taħt il-punti 7 u 8 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, kif isostnu l-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, l-imsemmija punti jidentifikaw b’mod ċar l-armi tan-nar ipprojbiti skont il-kapaċità tal-apparat tal-ikkargar inserit jew skont it-tul tal-arma. B’mod partikolari, xejn ma jipprekludi l-interpretazzjoni proposta minn dawn l-istituzzjonijiet li armi li nbnew sabiex jippermettu li jsir sparar fuq l-ispalla u kif ukoll sparar mill-id libera għandhom jitqiesu li huma maħsuba, inizjalment, għall-isparar fuq l-ispalla, b’tali mod li dawn jaqgħu taħt il-punt 8 tal-imsemmija Kategorija A. |
124 |
Bl-istess mod, fir-rigward tal-premessa 23 tad-Direttiva kkontestata kif ukoll tal-Artikolu 5(3) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, minn naħa, jidher b’mod ċar li, kif irrilevaw il-Parlament u l-Kunsill, huwa sabiex jiġu preklużi tentattivi ta’ evitar tal-klassifikazzjoni ta’ ċerti armi tan-nar fid-diversi kategoriji li l-imsemmi Artikolu 5(3) jipprojbixxi essenzjalment li wieħed ikollu, fl-istess ħin, arma tan-nar semiawtomatika li taqa’ taħt il-kategorija B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-direttiva kkontestata, u apparat tal-ikkargar li jaqbeż il-limiti previsti fil-punt 7 tal-Kategorija A tal-Parti II ta’ dan l-anness. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija premessa 23 u l-imsemmi Artikolu 6(1) jipprovdu biss, rispettivament, spjegazzjoni għall-klassifikazzjoni inkwistjoni u l-projbizzjoni kkonċernata. |
125 |
Ir-raba’ nett, peress li l-Istati Membri diġà setgħu jipprojbixxu l-armi tan-nar li jaqgħu, b’mod partikolari, taħt il-kategoriji B u C tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, qabel il-klassifikazzjoni ta’ dawn l-armi fil-kategorija A mid-Direttiva kkontestata, it-tliet istituzzjonijiet ikkonċernati jsostnu ġustament li d-dispożizzjonijiet dwar il-pass Ewropew tal-armi tan-nar u l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, ma jbiddlux l-istat tad-dritt, iżda sempliċement jieħdu nota ta’ dan. |
126 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx li l-imsemmija istituzzjonijiet marru lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Ungerija u mir-Repubblika tal-Polonja, ma jistax jitqies li l-miżuri kkritikati huma manifestament inadegwati fid-dawl tal-għanijiet li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika taċ-ċittadini tal-Unjoni u li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern rispettivament. |
127 |
Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-proporzjonalità tal-inklużjoni tal-armi tan-nar iddiżattivati u tar-riproduzzjonijiet ta’ armi tan-nar antiki fil-kategorija A jew C tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, l-ewwel nett, il-Parlament u, insostenn tiegħu, il-Kummissjoni ppreċiżaw li esperti kkonfermaw, fil-kuntest tas-seduti msemmija fil-punti 90 u 91 ta’ din is-sentenza, li r-riskju ta’ attivazzjoni mill-ġdid ta’ arma tan-nar iddiżattivata ma jistax jiġi totalment eskluż. Issa, diġà ġie rrilevat, fil-punt 120 ta’ din is-sentenza, li mill-istudji msemmija fil-punti 88 u 89 tal-imsemmija sentenza jirriżulta, b’mod partikolari, li l-armi tan-nar użati fi sparar fuq il-massa fl-Ewropa jinkludu armi tan-nar attivati mill-ġdid minn armi tan-nar iddiżattivati jew komposti minn partijiet provenjenti minn diversi armi u li kienu miżmuma legalment. |
128 |
It-tieni nett, kif ifakkru l-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, huwa paċifiku li l-inklużjoni ta’ armi tan-nar iddiżattivati fil-kategorija C tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, toħloq biss, essenzjalment, l-obbligu li dawn jiġu ddikjarati u li, sa fejn dawn l-armi għandhom jiġu inklużi fil-kategorija A tal-Parti II ta’ dan l-Anness I, l-eċċezzjonijiet u d-derogi msemmija fl-Artikolu 6(2) sa (6) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, huma applikabbli. Barra minn hekk, la r-Repubblika Ċeka u lanqas, insostenn tagħha, l-Ungerija jew ir-Repubblika tal-Polonja ma ressqu xi element konkret li jista’ jqiegħed f’dubju l-argument tal-Parlament li l-fatt li ma tkunx saret dikjarazzjoni ta’ arma tan-nar iddiżattivata jrendi l-pussess tagħha illegali ma jżidx fih innifsu r-riskju għas-sigurtà pubblika. |
129 |
It-tielet nett, fir-rigward tar-riproduzzjonijiet ta’ armi antiki, għandu jiġi kkonstatat ukoll li la r-Repubblika Ċeka u lanqas, insostenn tagħha, l-Ungerija jew ir-Repubblika tal-Polonja ma ressqu xi element konkret li jista’ jikkonfuta l-konstatazzjonijiet, magħmula fil-premessa 27 tad-Direttiva kkontestata u invokati mill-Parlament u mill-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, li tali riproduzzjonijiet, minn naħa, ma għandhomx l-istess importanza jew interess storiku li għandhom l-armi antiki veri u, min-naħa l-oħra, jistgħu jinbnew bl-użu ta’ teknika moderna li ttejjeb is-sostenibbiltà u l-preċiżjoni tagħhom, b’mod li jissuġġerixxi li tali armi jistgħu jkunu ta’ periklu ikbar minn dak tal-armi antiki veri. |
130 |
Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-alternattivi msemmija mir-Repubblika Ċeka u, insostenn tagħha, mir-Repubblika tal-Polonja, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-konstatazzjoni magħmula fil-punt 121 ta’ din is-sentenza. |
131 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat ukoll li ma jidhirx li t-tliet istituzzjonijiet marru lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom u li, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Ungerija u mir-Repubblika tal-Polonja, ma jistax jitqies li l-miżuri kkritikati huma manifestament inadegwati fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika taċ-ċittadini tal-Unjoni. |
132 |
Fil-ħames lok, ir-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Ungerija u mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li, b’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ armi tan-nar semiawtomatiċi msemmija fil-punti 6 sa 8 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, tikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fid-dritt għall-proprjetà tad-detenturi tagħhom. |
133 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 17(1) tal-Karta ma jipprekludix, b’mod assolut, it-teħid ta’ proprjetà, din id-dispożizzjoni tipprevedi, madankollu, li dan jista’ jsir biss għal raġunijiet ta’ utilità pubblika, f’każijiet u kundizzjonijiet previsti minn liġi, u filwaqt li jingħata, fi żmien xieraq, kumpens ġust għat-telf ta’ din il-proprjetà. L-użu ta’ beni jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn dan ikun meħtieġ fl-interess pubbliku. |
134 |
Fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, ukoll, il-preċiżazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, dispożizzjoni li abbażi tagħha jistgħu jsiru limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet stabbiliti minnha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 88). |
135 |
F’dan il-każ, qabelxejn, ma huwiex ikkontestat li l-punt 7(b) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata jżid mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/477 paragrafu 4a li jippermetti, essenzjalment, lill-Istati Membri li jżommu l-awtorizzazzjonijiet diġà mogħtija għal tali armi, sakemm dawn ikunu ġew legalment akkwistati u rreġistrati qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017. Konsegwentement, minn naħa, id-Direttiva kkontestata ma timponix l-esproprjazzjoni mid-detenturi ta’ tali armi li ġew akkwistati qabel id-dħul fis-seħħ tagħha u, min-naħa l-oħra, kull ċaħda ta’ proprjetà ta’ tali armi li sseħħ wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva kkontestata fid-dritt tal-Istati Membri għandha titqies li twettqet minħabba l-għażla tal-Istati Membri. |
136 |
Sussegwentement, sa fejn l-Istati Membri huma obbligati, skont din id-direttiva, li jipprojbixxu, bħala prinċipju, l-akkwist u l-pussess ta’ tali armi wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, tali projbizzjoni, minn naħa, hija limitata, bħala prinċipju, għall-prevenzjoni tal-akkwist tal-proprjetà ta’ beni u, min-naħa l-oħra, hija suġġetta għall-eċċezzjonijiet u għad-derogi kollha msemmija fl-Artikolu 6(2) sa (6) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, li jipprevedu b’mod partikolari l-protezzjoni tal-infrastrutturi kritiċi, il-konvojs ta’ valur għoli u l-postijiet sensittivi kif ukoll is-sitwazzjoni speċifika tal-kolletturi, tan-negozjanti, tas-sensara, tal-mużewijiet jew ukoll tat-tiraturi sportivi. |
137 |
Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Repubblika Ċeka kif ukoll, insostenn tagħha, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Polonja jipprevedu, bl-argumenti rispettivi tagħhom, li jikkontestaw, fid-dawl tad-dritt għall-proprjetà, il-projbizzjoni tal-akkwist tal-proprjetà ta’ ċerti armi u miżuri tad-Direttiva kkontestata minbarra dawn il-projbizzjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn il-miżuri l-oħra jikkostitwixxu leġiżlazzjoni tal-użu tal-beni fl-interess pubbliku, fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta, u li, fid-dawl tal-elementi rrilevati fil-punti 120 sa 131 ta’ din is-sentenza, ma ntweriex li dawn il-miżuri jaqbżu, f’dan ir-rigward, dak li huwa neċessarju għal dan il-għan. |
138 |
Minn dan isegwi li ma huwiex stabbilit, abbażi tal-elementi tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-limitazzjonijiet imposti mid-Direttiva kkontestata fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà rrikonoxxut mill-Karta, b’mod partikolari fir-rigward tal-armi tan-nar semiawtomatiċi msemmija fil-punti 6 sa 8 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, jikkostitwixxu ndħil sproporzjonat f’dan id-dritt. |
139 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni parti tat-tieni motiv u, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
L-argumenti tal-partijiet
140 |
Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-Repubblika Ċeka tikkunsidra, qabelxejn, li ċ-ċirkustanzi rrilevati fil-punti 102 u 103 ta’ din is-sentenza ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa mill-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
141 |
Sussegwentement, iċ-ċirkustanzi rrilevati fil-punt 104 ta’ din is-sentenza jirreferu għal ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, li kieku Stat Membru kellu jagħmel użu mid-deroga għall-pussess ta’ ċerti armi tan-nar minn issa ’l quddiem ipprojbiti minn persuni li kellhom din l-awtorizzazzjoni fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, huwa jkollu jkompli jagħti awtorizzazzjonijiet mitluba abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, bejn il-mument ta’ dan id-dħul fis-seħħ u dak tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, iżda jkollu sussegwentement jirtira lil dawn il-persuni l-imsemmija awtorizzazzjonijiet u l-armi nnifishom, peress li huma ma jkunux jistgħu jibbenefikaw, ratione temporis, minn din id-deroga. |
142 |
Issa, dan ikun ifisser li l-Istat Membru kkonċernat ikollu, bi ksur tal-imsemmija prinċipji, japplika b’mod retroattiv il-projbizzjoni l-ġdida għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha jew jagħti effett dirett lid-Direttiva kkontestata, għad-detriment tal-individwi kkonċernati. Għaldaqstant, il-possibbiltà li tiġi applikata l-imsemmija deroga tiġi fi tmiemha fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata, filwaqt li l-Istati Membri ma jistgħux, skont id-dritt tal-Unjoni, jillimitawha għal din id-data. |
143 |
Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ċeka tqis li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandhom iwasslu għall-annullament tal-punti 6, 7 u 19 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva kkontestata kif ukoll, konsegwentement, ta’ din id-direttiva kollha kemm hi. |
144 |
L-Ungerija ssostni li ċ-ċirkustanzi esposti fil-punti 102 u 111 ta’ din is-sentenza jiksru l-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li dawn ma humiex suffiċjentement ċari sabiex id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jiġu ddeterminati mingħajr ambigwità. B’hekk, ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk l-awtorizzazzjoni tal-akkwist u tal-pussess ta’ arma tan-nar ikklassifikata taħt il-kategorija B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, għandhiex tiġi rtirata indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk kienx ġie kkonstatat li l-persuna kkonċernata tinsab fil-pussess ta’ apparat tal-ikkargar li jaqbeż il-limiti previsti, meta din il-persuna hija fil-pussess ta’ armi tan-nar semiawtomatiċi ċentrali. |
145 |
Dan l-Istat Membru jqis li lanqas ma huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, li permezz tiegħu n-negozjanti tal-armi u s-sensara jistgħu jirrifjutaw li jikkonkludu kull tranżazzjoni intiża għall-akkwist ta’ skrataċ sħaħ ta’ munizzjon, jew komponenti ta’ munizzjon, li huma jkunu jistgħu raġonevolment iqisu li tqanqal suspetti, minħabba n-natura tagħha. Din id-dispożizzjoni, sa fejn tippermetti lin-negozjanti tal-armi jqiegħdu f’dubju d-deċiżjoni tal-awtorità emittenti, tista’ twassal għal diskriminazzjoni u użu abbużiv. |
146 |
Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika Ċeka u dawk imressqa, insostenn tagħha, mill-Ungerija. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
147 |
Fl-ewwel lok, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, l-argumenti tal-Ungerija miġbura fil-qosor fil-punt 145 ta’ din is-sentenza, peress li dawn jikkontestaw il-legalità ta’ dispożizzjoni tad-Direttiva kkontestata li ma hijiex fost dawk ikkontestati mir-Repubblika Ċeka u għalhekk għandhom l-effett li jbiddlu s-suġġett tal-kawża kif iddefinit mit-talbiet u mill-motivi mressqa minn dan l-Istat Membru. |
148 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-konformità tad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 7 u 8 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li r-regoli tad-dritt għandhom ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il‑Kunsill, C-147/13, EU:C:2015:299, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
149 |
F’dak li jirrigwarda l-konformità ma’ dan il-prinċipju tad-definizzjonijiet li jinsabu fil-punti 7 u 8 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, għandu jiġi kkonstatat, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 123 u 124 ta’ din is-sentenza, li dawn il-punti 7 u 8 jidentifikaw b’mod ċar, preċiż u prevedibbli l-armi tan-nar ipprojbiti minħabba l-apparat tal-ikkargar inserit jew minħabba t-tul tal-arma. B’mod partikolari, hekk kif isostnu ġustament il-Parlament u l-Kunsill, jekk armi tan-nar jiġu mmanifatturati sabiex jippermettu kemm l-isparar fuq l-ispalla u kif ukoll l-isparar mill-id libera, dawn l-armi jistgħu jitqiesu li huma maħsuba, inizjalment, għall-isparar fuq l-ispalla, b’tali mod li jaqgħu taħt il-punt 8 tal-imsemmija kategorija A. |
150 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Ungerija, qari tal-punt 7 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, flimkien mal-premessa 23 ta’ din id-direttiva u kif ukoll mal-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, ma huwa b’ebda mod ta’ natura li joħloq konfużjoni. |
151 |
Fil-fatt, hekk kif isostnu ġustament il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, huwa sabiex jiġu evitati tentattivi ta’ evitar tal-projbizzjonijiet ġodda li jirriżultaw mill-inklużjoni tal-imsemmi punt 7 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477 li l-imsemmi Artikolu 5(3) jipprojbixxi essenzjalment li wieħed ikollu, fl-istess ħin, arma tan-nar semiawtomatika li taqa’ taħt il-kategorija B tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, u apparat tal-ikkargar li jaqbeż il-limiti msemmija fl-imsemmi punt. Barra minn hekk, l-imsemmija premessa 23 u l-imsemmi Artikolu 6(1) jipprovdu biss spjegazzjoni għall-klassifikazzjoni inkwistjoni u l-projbizzjoni kkonċernata. |
152 |
Minn dan isegwi li r-Repubblika Ċeka ma stabbilixxietx, u lanqas barra minn hekk l-Ungerija li ssostniha, li dawn id-dispożizzjonijiet fihom ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. |
153 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-konformità tad-deroga prevista fl-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jitfakkar li d-dritt li wieħed jitlob il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ ċertezza legali mfakkar fil-punt 148 ta’ din is-sentenza, għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni nisslet fih speranzi fondati. Tikkostitwixxi garanzija li tista’ tnissel tali aspettattivi, irrispettivament mill-forma li fiha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u koerenti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fl-assenza ta’ garanziji preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni. Bl-istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ tali prinċipju meta din il-miżura tiġi adottata (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota tas-sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
154 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li d-dispożizzjoni kkritikata hija intiża sabiex tipprekludi żieda, bejn id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kkontestata fit‑13 ta’ Ġunju 2017 u l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha fid-dritt tal-Istati Membri fl‑14 ta’ Settembru 2018, tal-akkwisti tal-armi tan-nar ipprojbiti minn din id-data tal-aħħar. |
155 |
Sussegwentement, peress li d-Direttiva kkontestata ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea 20 jum qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, kull persuna li xtaqet tikseb, wara d-dħul fis-seħħ tagħha, tali arma setgħet tkun taf li, skont din id-direttiva, l-Istat Membru tagħha huwa marbut, sa mhux iktar tard minn tmiem it-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha, li jirrevoka kull awtorizzazzjoni mogħtija fir-rigward ta’ tali arma. |
156 |
Fl-aħħar nett, xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jemendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jillimitaw għall‑14 ta’ Settembru 2018 il-validità tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija wara t‑13 ta’ Ġunju 2017. |
157 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 153 ta’ din is-sentenza, li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ ħalaq aspettattivi leġittimi fir-rigward ta’ individwi li xtaqu jakkwistaw wara t‑13 ta’ Ġunju 2017 armi li jaqgħu taħt il-punti 7 u 8 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, u lanqas li huwa impona fuq l-Istati Membri applikazzjoni retroattiva tad-Direttiva kkontestata. |
158 |
Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
159 |
Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li d-deroga prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, hija intiża għall-Konfederazzjoni Svizzera, li fir-rigward tagħha d-Direttiva kkontestata tikkostitwixxi, skont il-premessa 36 tagħha, żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera għall-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen. Issa, peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni huma nieqsa minn kull motivazzjoni fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva kkontestata, din tikkostitwixxi dispożizzjoni diskriminatorja li għandha tiġi annullata. |
160 |
Fil-fatt, il-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ regoli militari bbażati fuq il-lieva ġenerali u li, matul l-aħħar ħamsin sena, inkludew sistema ta’ trasferiment tal-armi tan-nar militari lill-persuni li jitilqu mill-armata, kif ukoll il-kundizzjoni li dawn jistgħu jkunu biss armi tan-nar li jaqgħu taħt il-punt 6 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, ma jistgħu jiġu ġġustifikati minn ebda wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva kkontestata u huma tali li jiżguraw li din id-deroga tapplika biss għall-Konfederazzjoni Svizzera, għan li ġie rrikonoxxut b’mod espress matul il-proċedura leġiżlattiva. |
161 |
Issa, peress li ebda Stat Membru ma jista’, minħabba l-kundizzjoni storika hekk stabbilita, jibbenefika mill-imsemmija deroga, din toħloq differenza fit-trattament bejn, minn naħa, il-Konfederazzjoni Svizzera, u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) għajr il-Konfederazzjoni Svizzera, li ma tistax tiġi ġġustifikata b’mod oġġettiv. Fil-fatt, it-tul stess tal-eżistenza tas-sistema relatata mal-konservazzjoni tal-armi tan-nar wara t-tmiem tal-obbligi militari bl-ebda mod ma jiżgura livell ogħla ta’ garanziji fil-qasam tas-sigurtà. Anki jekk jiġi aċċettat li t-tul ta’ żmien ta’ tali sistema jista’ jkollu ċerta rilevanza, iż-żamma tal-perijodu tal-aħħar ħamsin sena hija xorta waħda arbitrarja u sproporzjonata. |
162 |
L-Ungerija tirrileva li, kieku t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, kellu jinqara bħala li huwa intiż biss sabiex jikkjarifika l-konsegwenzi tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 6(6) għall-Istati li, skont tradizzjoni twila, jawtorizzaw lil dawk li kienu bil-lieva sabiex, ladarba l-obbligi militari tagħhom ikunu ġew issodisfatti, iżommu l-arma tagħhom, din id-dispożizzjoni tkun timponi rekwiżit addizzjonali mhux iġġustifikat għall-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, fid-dawl tal-fatt li jkollu jiġi vverifikat perijodikament jekk dawn il-persuni, kuntrarjament għat-tiraturi sportivi li ma jkunux ġejjin mis-servizz militari u li jkollhom liċenzja abbażi tal-imsemmi l-ewwel subparagrafu, jikkostitwixxux theddida għas-sigurtà pubblika. |
163 |
Il-Parlament u l-Kunsill, sostnuti mill-Kummissjoni, jikkontestaw l-argumenti tar-Repubblika Ċeka u dawk imressqa, insostenn tagħha, mill-Ungerija. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
164 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑504/09 P, EU:C:2012:178, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
165 |
Għaldaqstant, għalkemm ma huwiex ikkontestat li, kif issostni r-Repubblika Ċeka, sostnuta mill-Ungerija, il-kundizzjonijiet previsti sabiex wieħed jibbenefika mid-deroga stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, huma ssodisfatti biss mill-Konfederazzjoni Svizzera, huwa meħtieġ ukoll, sabiex ir-raba’ motiv jista’ jintlaqa’, li, minn naħa, il-Konfederazzjoni Svizzera u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri tal-Unjoni u l-Istati Membri tal-EFTA għajr il-Konfederazzjoni Svizzera jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan ta’ din id-deroga, f’sitwazzjoni komparabbli. |
166 |
Issa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 139 u 140 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ regoli militari bbażati fuq il-lieva ġenerali u li pprevedew, matul l-aħħar ħamsin sena, sistema ta’ trasferiment tal-armi tan-nar militari lill-persuni li telqu mill-armata tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kultura u t-tradizzjonijiet tal-Konfederazzjoni Svizzera kif ukoll il-fatt li, minħabba dawn it-tradizzjonijiet, l-imsemmi Stat jibbenefika minn esperjenza u minn kapaċità pprovata li jittraċċa u jissorvelja l-persuni u l-armi kkonċernati li jippermettu li jiġi preżunt li l-għanijiet ta’ sigurtà pubblika mfittxija mid-Direttiva kkontestata jiġu, minkejja l-imsemmija deroga, milħuqa. |
167 |
Peress li ma jistax jiġi preżunt li dan huwa l-każ fir-rigward tal-Istati li la għandhom it-tradizzjoni ta’ sistema ta’ trasferiment ta’ armi tan-nar militari u lanqas, għaldaqstant, l-esperjenza u l-kapaċità pprovata li jittraċċaw u jissorveljaw il-persuni u l-armi kkonċernati, għandu jiġi kkunsidrat li l-Istati li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-Konfederazzjoni Svizzera huma biss dawk li għandhom ukoll, għal żmien twil, tali sistema. Issa, il-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludix indikazzjonijiet f’dan ir-rigward u lanqas, għaldaqstant, elementi li jistgħu jistabbilixxu diskriminazzjoni għad-detriment tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-EFTA. |
168 |
Sa fejn ir-Repubblika Ċeka tikkritika bħala arbitrarju l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta l-kundizzjoni tal-aħħar ħamsin sena marbuta mal-eżistenza ta’ sistema ta’ trasferiment ta’ armi tan-nar militari, kif ukoll il-kundizzjoni li din tista’ jirrigwarda biss l-armi tan-nar li jaqgħu taħt il-punt 6 tal-kategorija A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-Istat Membru ma semma ebda Stat ieħor li kellu, għal inqas minn 50 sena, sistema ta’ trasferiment ta’ armi tan-nar militari, jew armi oħra li ma jaqgħux taħt din il-kategorija, b’tali mod li din il-kritika għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda bħala ineffettiva. |
169 |
Fl-aħħar nett, sa fejn l-Ungerija ssostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva kkontestata, jimponi, b’paragun mal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 6(6), ir-rekwiżit “supplimentari” li jiġi vverifikat perijodikament li l-persuni kkonċernati ma jikkostitwixxux theddida għas-sigurtà pubblika, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-imsemmi tieni subparagrafu jipprevedi deroga distinta minn dik li tinsab fl-imsemmi l-ewwel subparagrafu u li din id-deroga distinta hija suġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi. Għaldaqstant, peress li dawn is-subparagrafi jirrigwardaw sitwazzjonijiet differenti, il-fatt li huma jipprevedu kundizzjonijiet distinti ma jinkludix diskriminazzjoni. |
170 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
171 |
Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Fuq l-ispejjeż
172 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Parlament u l-Kunsill talbu l-kundanna tar-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li r-Repubblika Ċeka tiġi kkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji. |
173 |
Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom bħala intervenjenti fil-kawża. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.