EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0477

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-24 ta’ Jannar 2019.
Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank vs D. Balandin et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa miċ-Centrale Raad van Beroep.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (UE) Nru 1231/2010 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Ċertifikat A 1 – Artikolu 1 – Estensjoni tal-benefiċċju taċ-ċertifikat A 1 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru – Residenza legali – Kunċett.
Kawża C-477/17.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:60

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

24 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (UE) Nru 1231/2010 – Leġiżlazzjoni applikabbli – Ċertifikat A 1 – Artikolu 1 Estensjoni tal-benefiċċju taċ-ċertifikat A 1 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru – Residenza legali – Kunċett”

Fil-Kawża C‑477/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Raad van bestuur van de Sociale Verzekeringsbank

vs

D. Balandin,

I. Lukachenko,

Holiday on Ice Services BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot, E. Regan (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Raad van bestuur van de Sociale Verzekeringsbank, minn H. van der Most, bħala aġent,

għal Holiday on Ice Services BV, I. Lukachenko u D. Balandin, minn F. J. Webbink, advocaat,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort, M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Pavliš, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u C. David, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU 2010, L 344, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, ir-Raad van bestuur van de Sociale Verzekeringsbank (il-Bord tad-Diretturi tal-Bank tal-Assigurazzjoni Soċjali, il-Pajjiżi l-Baxxi; iktar ’il quddiem is-“Svb”) u, min-naħa l-oħra, D. Balandin u I. Lukachenko kif ukoll Holiday on Ice Services BV, li kienet Stage Entertainment Touring Services BV (iktar ’il quddiem “HOI”), dwar ir-rifjut tal-Svb li jagħti lil D. Balandin u lil I. Lukachenko, bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati minn HOI, ċertifikat fuq il-bażi tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1) (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat A 1”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1231/2010

3

Il-premessi 6 sa 8, 10 u 11 tar-Regolament Nru 1231/2010 jiddikjaraw:

“(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72)] u r-Regolament [Nru 987/2009] jaġġornaw u jissimplifikaw b’mod sinifikanti r-regoli ta’ koordinazzjoni għal persuni assigurati kif ukoll għall-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Għal dawn tal-aħħar, r-regoli ta’ koordinazzjoni aġġornati jimmiraw lejn it-tħaffif u l-faċilitazzjoni tal-ipproċessar tad-data dwar id-drittijiet tal-persuni assigurati għal benefiċċji u lejn it-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi korrispondenti.

(7)

Il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u t-titjib tal-istandard tal-għajxien u tal-kwalità tal-ħajja fl-Istati Membri huma obbjettivi tal-Unjoni.

(8)

Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn min iħaddem u l-korpi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jkollhom jitrattaw sitwazzjonijiet legali u amministrattivi kumplessi li jikkonċernaw biss grupp limitat ta’ persuni, huwa importanti li wieħed jibbenefika mill-benefiċċji kollha tal-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali permezz tal-użu ta’ strument legali uniku ta’ koordinazzjoni li jgħaqqad flimkien ir-Regolament [Nru 883/2004] u r-Regolament [Nru 987/2009].

[…]

(10)

L-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 883/2004] u tar-Regolament [Nru 987/2009] għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom mhumiex koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom ma għandha tagħtihom ebda dritt għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza fi Stat Membru jew li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol tiegħu. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 883/2004] u tar-Regolament [Nru 987/2009] għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru li jirrifjuta li jagħti, jirtira jew jirrifjuta li jġedded permess għad-dħul, għas-soġġorn, għar-residenza jew għax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat, skont il-liġi tal-Unjoni.

(11)

Ir-Regolament [Nru 883/2004] u r-Regolament [Nru 987/2009] għandhom ikunu, bis-saħħa ta’ dan ir-Regolament, applikabbli biss sa fejn il-persuna kkonċernata tkun diġà residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru. Għalhekk, ir-residenza legali għandha tkun prerekwiżit għall-applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Ir-Regolament [Nru 883/2004] u r-Regolament [Nru 987/2009] għandhom japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom mhumiex koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom, bil-kondizzjoni li huma jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li jkunu f’sitwazzjoni li fl-aspetti kollha tagħha ma tkunx limitata għal Stat Membru wieħed.”

Ir-Regolament Nru 883/2004

5

Skont l-Artikolu 1(j) u (k) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 (ĠU 2012, L 149, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”):

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(j)

‘residenza’ tfisser il-post fejn persuna għandha r-residenza abitwali tagħha;

(k)

‘żjara’ [‘soġġorn’] tfisser residenza temporanja [soġġorn temporanju]”.

6

L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tkun soġġetta:

(a)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza jekk hija twettaq parti sostanzjali mill-attività tagħha f’dak l-Istat Membru, jew

(b)

jekk ma twettaqx parti sostanzjali tal-attività tagħha fl-Istat Membru tar-residenza:

(i)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċju rreġistrat jew il-post tan-negozju tal-impriża jew ta’ min iħaddem jekk hija impjegata minn impriża jew persuna li tħaddem waħda, jew

(ii)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tal-impriżi jew tal-persuni li jħaddmu jekk hija impjegata minn żewġ impriżi jew persuni li jħaddmu jew aktar, li għandhom l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tagħhom fi Stat Membru wieħed biss; jew

(iii)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tal-impriża jew tal-persuna li tħaddem barra mill-Istat Membru tar-residenza jekk hija impjegata minn żewġ impriżi jew persuni li jħaddmu jew aktar, li għandhom l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tagħhom f’żewġ Stati Membri, li wieħed minnhom ikun l-Istat Membru tar-residenza; jew

(iv)

għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tar-residenza jekk hija impjegata minn żewġ intrapriżi jew persuni li jħaddmu jew aktar, li mill-anqas tnejn minnhom għandhom l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju tagħhom fi Stati Membri differenti minbarra l-Istat Membru tar-residenza.”

Ir-Regolament Nru 987/2009

7

L-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament Nru 987/2009 jipprovdi:

“1.   Persuna li twettaq attivitajiet f’żewġ Stati Membri jew aktar għandha tinforma b’dan lill-istituzzjoni nominata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn hija tirrisjedi.

2.   L-istituzzjoni nominata tal-post ta’ residenza għandha, mingħajr dewmien, tiddetermina l-leġislazzjoni applikabbli għall-persuna kkonċernata, b’kont meħud tal-miżuri tal-Artikolu 13 tar-Regolament [Nru 883/2004] u tal-Artikolu 14 [ta’ dan ir-regolament]. Dik id-determinazzjoni iniżjali għandha tkun provviżorja. L-istituzzjoni għandha tinforma lill-istituzzjonijiet nominati ta’ kull Stat Membru li fih qed titwettaq attività tad-determinazzjoni provviżorja tagħha.”

8

L-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Fuq talba tal-persuna kkonċernata jew ta’ min iħaddimha, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu l-leġislazzjoni hija applikabbli taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004] għandha tipprovdi attestazzjoni li tali leġislazzjoni hija applikabbli u għandha tindika, fejn ikun il-każ, sa liema data u taħt liema kondizzjonijiet.”

Id-Direttiva 2011/98

9

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU 2011, L 343, p. 1), intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘ħaddiem ta’ pajjiż terz’ tfisser ċittadin minn pajjiż terz li jkun ġie ammess fit-territorju ta’ Stat Membru, u li jkun jirrisjedi legalment u jkun jista’ jaħdem fil-kuntest ta’ relazzjoni bi ħlas, f’dak l-istat Membru skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali;

[…]”

10

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

[…]

(b)

ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi fi Stat Membru għal finijiet oħra apparti xogħol skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, li jkunu jistgħu jaħdmu u li jħaddnu permess ta’ residenza f’konformità mar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiz terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 3)], u

(c)

ċittadini ta’ pajjiż terz li ġew ammessi fi Stat Membru għall-fini ta’ xogħol f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi:

[…]

(i)

li jkunu residenti għat-tul f’konformità mad-Direttiva [tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272)]

[…]

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-Kapitolu II ma japplikax għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jew ikunu ġew awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu li ma jeċċedix is-sitt xhur […]

[…]”

11

Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt għal trattament ugwali”:

“1.   Il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, kif imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) għandhom igawdu minn trattament ugwali maċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn jirrisjedu fir-rigward ta’:

[…]

(e)

fergħat tas-sigurtà soċjali, kif definiti fir-Regolament [Nru 883/2004];

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu t-trattament ugwali:

[…]

(b)

billi jillimitaw id-drittijiet konferriti fuq ħaddiema ta’ pajjiżi terzi taħt il-punt (e) tal-paragrafu 1, iżda ma jillimitawx tali drittijiet mogħtija lil ħaddiema ta’ pajjiżi terzi li jkollhom impjieg jew li jkunu f’impjeg għal mhux anqas minn sitt xhur u li jkunu reġistrati bħala qiegħda.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-punt (e) tal-paragrafu 1 rigward il-benefiċċji għall-familja ma għandux japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ żmien li ma jeċċedix is-sitt xhur, għal ċittadini ta’ pajjizi terzi li ġew ammessi għall-fini ta’ studju, jew għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom il-permess jaħdmu abbażi ta’ viża.

[…]”

Id-dritt Olandiż

12

Il-beleidsregels van de Svb met betrekking tot de onderdanen van landen buiten de Europese Unie (SB2124) (il-Linji Gwida tas-Svb dwar iċ-ċittadini ta’ pajjiżi li ma humiex Membri tal-Unjoni Ewropea (SB2124)) huma fformulati kif ġej:

“Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament [Nru 883/2004] huwa bħala prinċipju limitat għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, ta’ pajjiżi [taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] u tal-Konfederazzjoni Svizzera. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan ir-regolament fil-każ biss li jkunu rrikonoxxuti bħala refuġjati jew fil-kwalità tagħhom bħala membri tal-familja jew bħala qraba. Madankollu, ir-Regolament [Nru 1231/2010] jipprevedi li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex diġà koperti mir-Regolament [Nru 883/2004] unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom xorta waħda jaqgħu taħt l-imsemmi regolament jekk dawn iċ-ċittadini jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u jiċċaqilqu legalment fi ħdan l-Unjoni.

Ir-Regolament [Nru 1231/2010] ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ residenza legali. Il-politika tas-Svb hija li tiġi rrikonoxxuta l-legalità tar-residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi jekk din ir-residenza tkun legali fis-sens tal-Artikolu 8 tal-[Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin tal-2000)], filwaqt li s-Svb ma jirrikonoxxix residenza legali fil-każ li ċ-ċittadin barrani jkun qiegħed jissoġġorna fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-istennija ta’ talba għal ammissjoni inizjali.

Mit-titolu, mill-premessi u mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1231/2010] jirriżulta li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw bl-istess mod bħaċ-ċittadini tal-Unjoni l-kriterju ta’ ċaqliq kif iddefinit fil-[beleidsregels van de Svb met betrekking tot de Verplaatsingscriterium (SB2120) (il-Linji Gwida tas-Svb dwar il-kriterju ta’ ċaqliq (SB2120))].

[…]”

13

Skont il-Linji Gwida tas-Svb dwar il-kriterju ta’ ċaqliq (SB2120), ir-Regolament Nru 883/2004 japplika għall-persuni li s-sitwazzjoni tagħhom ikollha elementi ta’ konnessjoni ma’ diversi Stati Membri. Dan ir-regolament ma jistax japplika la għal sitwazzjonijiet purament nazzjonali u lanqas meta s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata jkollha biss elementi ta’ konnessjoni ma’ Stat terz wieħed u ma’ Stat Membru wieħed.

14

Skont il-beleidsregels van de Svb met betrekking tot de territoriale werkingssfeer (SB2135) (il-Linji Gwida tas-Svb dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali (SB2135)), ir-Regolament Nru 883/2004, bħala prinċipju, japplika biss jekk persuna tirrisjedi u taħdem fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan ir-regolament jista’ japplika jekk persuna taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tiegħu iżda tirrisjedi jew taħdem barra mit-territorju tal-Unjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

D. Balandin u I. Lukachenko huma ċittadini ta’ pajjiż terz impjegati minn HOI, impriża bl-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) u bis-sede prinċipali tan-negozju tagħha f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi), li torganizza, bejn Ottubru u Mejju ta’ kull sena, spettakli ta’ skejzjar fuq is-silġ f’diversi pajjiżi, inklużi ċerti Stati Membri.

16

Il-kollaboraturi kollha ta’ HOI jqattgħu ftit ġimgħat fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jitħarrġu għall-ispettakli. Wara dan, uħud mill-persuni li jagħtu l-ispettaklu ta’ skejzjar fuq is-silġ iwettqu numru ta’ rappreżentazzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi filwaqt li l-oħrajn jagħmlu spettakli f’diversi Stati Membri, b’mod partikolari fi Franza u fil-Ġermanja. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi joqogħdu kollha legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi matul il-perijodu ta’ taħriġ, u eventwalment dak tar-rappreżentazzjonijiet u, fejn ikun il-każ, jinħarġilhom permess ta’ xogħol. Huma jkunu joqogħdu wkoll b’mod legali fl-Istati Membri l-oħra fejn jitwettqu r-rappreżentazzjonijiet, bis-saħħa ta’ viża msejħa “viża ta’ Schengen”.

17

Għal numru ta’ snin, is-Svb ħareġ għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati minn HOI ċertifikati A 1 li kienu jiċċertifikaw li l-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tas-sigurtà soċjali kienet tapplika għalihom u li l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali obbligatorji kellu jsir ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, mill-istaġun 2015/16, is-Svb irrifjuta li joħroġ tali ċertifikati, bl-argument li fis-snin preċedenti dawn iċ-ċertifikati kienu nħarġu b’mod żbaljat. Is-Svb għalhekk ċaħad it-talbiet ta’ HOI f’dan ir-rigward.

18

Wara konsultazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ miżuri provviżorji ordnati mill-voorzieningenrechter Amsterdam (l-Imħallef għal Miżuri Provviżorji ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), is-Svb ħareġ ċertifikati A 1 validi sal-1 ta’ Mejju 2016. Madankollu, l-istaġun 2015/2016 intemm fit-22 ta’ Mejju 2016, b’tali mod li għadha teżisti tilwima fir-rigward ta’ dawn l-aħħar ġimgħat ta’ Mejju 2016. F’sentenza tat-28 ta’ April 2016, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) qieset, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, li s-Svb kien imissu ħareġ ċertifikati A 1 li jkopru l-aħħar ġimgħat ta’ dan l-istaġun. Is-Svb appella minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

19

Il-qorti tar-rinviju tosserva li D. Balandin u I. Lukachenko ma jaqgħux direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 883/2004, kif iddefinit fl-Artikolu 2 tiegħu, peress li la huma ċittadini ta’ Stat Membru, la huma persuna bla Stat u lanqas ma huma refuġjati. Skont il-qorti tar-rinviju, huma jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament biss taħt ir-Regolament Nru 1231/2010, li estenda, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma kinux koperti diġà minn dawn ir-regolament unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat li D. Balandin u I. Lukachenko ma kinux jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fi Stat Membru ieħor iżda kienu joqogħdu u jaħdmu temporanjament fi ħdan l-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(k) tar-Regolament Nru 883/2004. Għalhekk, hemm inċertezza dwar il-kwistjoni ta’ jekk humiex biss iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi effettivament residenti, fis-sens tal-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004, li jistgħu jinvokaw il-benefiċċju tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010, jew jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ D. Balandin u I. Lukachenko humiex ukoll awtorizzati jinvokawh.

21

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar tqajjem problema minħabba d-diverġenzi li jeżistu bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha, fejn il-kunċett ta’ “residenza legali” jidher li jista’ jikkorrispondi kemm għal preżenza li ma tkunx neċessarjament għal żmien twil, u kemm għal soġġorn li jkollu ċertu livell ta’ permanenza.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ħaddiema li għandhom in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, li jgħixu barra mill-Unjoni iżda li jaħdmu temporanjament fi Stati Membri differenti għal persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, jistgħu jinvokaw (it-Titolu II tar-)Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament Nru 987/2009?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joqogħdu u li jaħdmu temporanjament f’diversi Stati Membri fejn ikunu fis-servizz ta’ persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru jistgħu jinvokaw il-benefiċċju tar-regoli ta’ koordinazzjoni previsti mir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali li għaliha huma suġġetti.

24

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010, ir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 għandhom japplikaw għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex diġà koperti mill-imsemmija regolament unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom, kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom u għas-superstiti tagħhom, meta dawn ikunu jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u meta jkunu jinsabu f’sitwazzjoni li l-aspetti kollha tagħha ma jkunux limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss.

25

B’hekk, ir-Regolament Nru 1231/2010 huwa intiż li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 għaċ-ċittadini ta’ pajiżi terzi li ma humiex diġà koperti minn dawn ir-regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom.

26

Kif jirriżulta mill-premessa 7 tiegħu, permezz ta’ din l-estensjoni, ir-Regolament Nru 1231/2010 jikkontribwixxi għall-għan imfittex mill-Unjoni li jiġi promoss livell għoli ta’ protezzjoni soċjali, billi jiżgura li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jibbenefikaw, kif jiddikjaraw il-premessi 6 u 8 tiegħu, mill-vantaġġi tal-modernizzazzjoni u tas-semplifikazzjoni tar-regoli dwar il-koordinazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali introdotti permezz tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, kemm għall-persuni assigurati u kemm għall-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

27

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tagħhom bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ma humiex koperti diġà mir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 minħabba n-nazzjonalità tagħhom, peress li la huma ċittadini tal-Istati Membri u lanqas ma huma refuġjati jew persuni mingħajr Stat. Barra minn hekk, lanqas ma huwa kkontestat li dawn il-persuni ma jinsabux f’sitwazzjoni li l-aspetti kollha tagħha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss sa fejn iwettqu parti mir-rappreżentazzjonijiet ta’ skejzjar fuq is-silġ tagħhom fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali għandhom id-dritt, konformement mal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010, li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, sakemm “jirrisjedu legalment” fit-territorju ta’ Stat Membru.

29

Mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li, bħall-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010, ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Brey, C‑140/12, EU:C:2013:565, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-portata preċiża tal-kunċett ta’ “residenza legali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hijiex ċerta fid-dawl tad-diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tagħha. B’hekk, filwaqt li l-verżjoni bil-lingwa Olandiża tuża t-terminu “verblijven”, li jidher li jagħmel riferiment għal preżenza li ma tkunx neċessarjament għal żmien twil, il-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża jew Ingliża, li jużaw rispettivament “rechtmässignen Wohnsitz” u “legally resident”, jistgħu jinftiehmu bħala li jirreferu għal soġġorn b’ċertu livell ta’ permanenza.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ disparità bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-finalità tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Gusa, C‑442/16, EU:C:2017:1004, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest legali tar-Regolament Nru 1231/2010, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta diġà mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, dan ir-regolament huwa intiż li jestendi l-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jibbenefikawx minnhom unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom. Sa fejn l-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “residenza”, għandu jiġi ddeterminat, qabel kollox, jekk il-kunċett ta’ “residenza legali” li jinsab fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 għandux l-istess portata bħal dik li għandu l-kunċett ta’ “residenza” previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004.

33

Skont l-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004, il-kunċett ta’ “residenza” jirreferi għall-post fejn persuna tirrisjedi abitwalment. Dan il-kunċett għandu jiġi distint mill-kunċett ta’ “soġġorn” li, fl-Artikolu 1(k) ta’ dan ir-regolament huwa ddefinit bħala li jikkorrispondi għal soġġorn temporanju. Għaldaqstant, ir-residenza tal-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 1(j) tal-imsemmi regolament, hija s-suġġett ta’ evalwazzjoni fattwali u d-determinazzjoni tagħha titwettaq skont il-post fejn jinsab iċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, I, C‑255/13, EU:C:2014:1291, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “residenza”, fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004, u l-kunċett ta’ “residenza legali”, fis-sens tar-Regolament Nru 1231/2010, ma jintużawx għall-istess finijiet f’dawn iż-żewġ regolamenti.

35

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 15 tiegħu, l-għan tar-Regolament Nru 883/2004 huwa li jipprekludi li l-persuni kkonċernati, minħabba l-assenza ta’ leġiżlazzjoni applikabbli għalihom, jispiċċaw mingħajr protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, u jiżgura wkoll li dawn l-istess persuni jkunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, b’tali mod li jevita l-akkumulazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-komplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, I, C‑255/13, EU:C:2014:1291, punti 40 sa 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan il-kuntest, id-distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “residenza” u dak ta’ “soġġorn” hija intiża, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiġi ddeterminat l-Istat Membru li miegħu ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu marbutin l-iktar u li għal-leġiżlazzjoni tiegħu jkunu għalhekk suġġetti.

37

Mill-banda l-oħra, kif diġà ġie osservat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, l-għan tar-Regolament Nru 1231/2010 huwa li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex diġà koperti minn dawn ir-regolament unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom.

38

F’dan il-kuntest, kif jirriżulta mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 1231/2010, il-kunċett ta’ “residenza legali”, fis-sens ta’ dan ir-regolament, jirrifletti l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jissuġġetta l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-kundizzjoni preliminari li dawn ikunu joqogħdu b’mod regolari fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. B’hekk, dan il-kunċett huwa differenti minn dak ta’ “residenza”, fis-sens tal-Artikolu 1(j) tar-Regolament Nru 883/2004.

39

Din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 1231/2010 li tiddikjara li l-applikazzjoni tar-Regolamenti Nru 883/2004 u 987/2009 għal dawn iċ-ċittadini, minn naħa, ma għandha tagħti lill-persuni kkonċernati ebda dritt għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza, u lanqas għall-aċċess għas-suq tax-xogħol fi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, ma għandhiex tippreġudika d-dritt tal-Istati Membri li jirrifjutaw li jagħtu jew li jirtiraw permess ta’ dħul, ta’ soġġorn, ta’ residenza jew ta’ xogħol fit-territorji rispettivi tagħhom jew li jirrifjutaw it-tiġdid tagħhom, konformement mad-dritt tal-Unjoni.

40

Din l-għażla ta’ kriterju bbażat fuq il-kundizzjonijiet legali tal-preżenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ Stat Membru hija kkonfermata mix-xogħlijiet preparatorji tar-Regolament Nru 1231/2010. Fil-fatt, mill-paġna 6 tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal regolament li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 u tar-Regolament Nru 987/2009 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawk id-dispożizzjonijiet unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (COM(2007) 439 final) jirriżulta li tali ċittadini għandhom jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u, għaldaqstant, għandhom jibbenefikaw f’dan l-Istat Membru minn dritt għal soġġorn temporanju jew permanenti. Din l-espożizzjoni tal-motivi tispeċifika wkoll li, sabiex ikunu jistgħu jinvokaw id-drittijiet misluta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004 fi Stat Membru ieħor, dawn iċ-ċittadini ma għandhomx neċessarjament jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ residenza, iżda jistgħu sempliċement jiċċaqilqu hemmhekk sakemm il-preżenza tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat l-ieħor tkun konformi mal-leġiżlazzjoni tiegħu dwar id-dħul u s-soġġorn.

41

Għaldaqstant, la t-tul tal-preżenza ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju ta’ Stat Membru u lanqas il-fatt li dawn iżommu ċ-ċentru abitwali tal-interessi tagħhom f’pajjiż terz ma huma determinanti, bħala tali, sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex “residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010.

42

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mid-Direttiva 2011/98, li tistabbilixxi, b’mod partikolari, bażi komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 12(1)(e) u (2)(b) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) kif ukoll mal-Artikolu 3(1)(b) u (c), (2)(i) u (3) tal-imsemmija direttiva, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi sabiex jaħdmu, anki temporanjament, fi Stat Membru jibbenefikaw, bħala prinċipju, mill-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-fergħat tas-sigurtà soċjali, fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004.

43

Għandu jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni hija barra minn hekk iktar ta’ natura li tiggarantixxi li jintlaħqu l-għanijiet imfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

44

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali, li huma impjegati minn impriża li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, joqogħdu u jaħdmu legalment fit-territorju tal-Istati Membri fejn iwettqu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom.

45

Minn dan jirriżulta li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu fis-sitwazzjoni tal-persuni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-regoli dwar il-koordinazzjoni previsti mir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fid-dawl tal-fatti msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprevedi, b’mod partikolari, kriterji ta’ konnessjoni applikabbli għall-persuni li jeżerċitaw attivitajiet bħala impjegati f’żewġ Stati Membri jew iktar. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk wieħed minn dawn il-kriterji ta’ konnessjoni japplikax għall-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Olandiża. Jekk dan ikun il-każ, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ssir applikabbli għandha tiċċertifika, bil-ħruġ ta’ ċertifikat A1, li din il-leġiżlazzjoni hija applikabbli u għandha tindika, jekk ikun il-każ, sa liema data u taħt liema kundizzjonijiet, konformement mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 987/2009.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li joqogħdu u li jaħdmu temporanjament f’diversi Stati Membri fis-servizz ta’ persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru, jistgħu jinvokaw il-benefiċċju tar-regoli dwar il-koordinazzjoni previsti fir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali li għaliha huma suġġetti, sakemm dawn ikunu joqogħdu u jaħdmu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadini ta’ pajjiżi terzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jissoġġornaw u li jaħdmu temporanjament f’diversi Stati Membri fis-servizz ta’ persuna li timpjega stabbilita fi Stat Membru, jistgħu jinvokaw il-benefiċċju tar-regoli dwar il-koordinazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u fir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali li għaliha huma suġġetti, sakemm dawn ikunu joqogħdu u jaħdmu legalment fit-territorju tal-Istati Membri

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top