Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0412

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-13 ta’ Diċembru 2018.
Bundesrepublik Deutschland vs Touring Tours und Travel GmbH u Sociedad de Transportes SA.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (KE) Nru 562/2006 – Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) – Artikoli 20 u 21 – Tneħħija ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni taż-żona Schengen – Kontrolli fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal dawn ta’ kontrolli fuq il-fruntieri – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li operatur tat-trasport bil-karozzi tal-linja li jaqsam il-fruntieri interni taż-żona Schengen jikkontrolla l-passaporti u l-permessi ta’ residenza tal-passiġġieri – Sanzjoni – Theddida ta’ impożizzjoni ta’ multa.
Kawżi magħquda C-412/17 u C-474/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:1005

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (KE) Nru 562/2006 – Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) – Artikoli 20 u 21 – Tneħħija ta’ kontrolli fuq il-fruntieri interni taż-żona Schengen – Kontrolli fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal dawn ta’ kontrolli fuq il-fruntieri – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li operatur tat-trasport bil-karozzi tal-linja li jaqsam il-fruntieri interni taż-żona Schengen jikkontrolla l-passaporti u l-permessi ta’ residenza tal-passiġġieri – Sanzjoni – Theddida ta’ impożizzjoni ta’ multa”

Fil-Kawżi magħquda C-412/17 u C-474/17,

li għandha bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjonijiet tal-1 ta’ Ġunju 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Lulju 2017 (C-412/17) u fit-8 ta’ Awwissu 2017 (C-474/17), fil-proċeduri

Bundesrepublik Deutschland

vs

Touring Tours und Travel GmbH (C-412/17),

Sociedad de Transportes SA (C-474/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J.–C. Bonichot, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, A. Prechal (Relatur), C. Toader, A. Rosas u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Bundesrepublik Deutschland, minn W. Roth, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn S. Eisenberg u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 67(2) TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013 (ĠU L 182, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 562/2006”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, fil-Kawża C-412/17, Touring Tours und Travel GmbH kif ukoll, fil-Kawża C-474/17, Sociedad de Transportes SA, żewġ operaturi tal-ivvjaġġar bil-karozzi tal-linja stabbiliti, rispettivament, fil-Ġermanja u fi Spanja (iktar ’il quddiem, flimkien, it-“trasportaturi inkwistjoni”), u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundespolizeipräsidium (id-Direttorat tal-Pulizija Federali, Il-Ġermanja), dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet adottata minn dan tal-aħħar li jipprekludhom, taħt piena ta’ multa, milli jittrasportaw lejn it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz mingħajr passaport jew permessi ta’ residenza rikjesti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Protokoll Kontra t-Traffikar ta’ Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li jissupplementa l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali ġie ffirmat mill-Komunità Ewropea fit-12 ta’ Diċembru 2000, konformement mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/87/KE tat-8 ta’ Diċembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 36, p. 125, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”). Dan il-protokoll ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/616/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 (ĠU 2006, L 262, p. 24), sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Addizzjonali jaqgħu taħt l-Artikoli 179 u 181A KE, u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/617/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 (ĠU 2006, L 262, p. 34), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu taħt il-Parti III, Titolu IV tat-Trattat tat-Trattat KE.

4

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali:

“Għall-finijiet ta’ dan il-protokoll:

a)

il-frażi “traffikar illegali ta’ migranti” tirreferi għall-fatt li jiġi żgurat, bil-ħsieb li jinksieb, direttament jew indirettament, vantaġġ finanzjarju jew vantaġġ materjali ieħor, id-dħul illegali fi Stat kontraenti ta’ persuna li la hija ċittadina u lanqas residenti permanenti ta’ dan l-Istat;

b)

il-frażi “dħul illegali” tirreferi għall-qsim ta’ fruntieri meta ma jkunux ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet neċessarji għad-dħul legali fl-istat ospitanti;

[…]”

5

L-Artikolu 6(1)(a) ta’ dan il-protokoll jistabbilixxi:

“Kull Stat kontraenti għandu jadotta l-miżuri leġiżlattivi jew ta’ natura oħra li jkunu neċessarji sabiex jingħata n-natura ta’ ksur kriminali, meta l-atti jitwettqu intenzjonalment jew sabiex minnhom jinkiseb, b’mod dirett jew indirett, vantaġġ finanzjarju jew vantaġġ materjali ieħor:

a)

lit-traffikar illegali ta’ migranti”.

6

Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmi protokoll, intitolat “Miżuri konfinali”:

“[…]

2.   Kull Stat kontraenti għandu jadotta l-miżuri leġiżlattivi jew miżuri adewati oħra sabiex jipprevjeni, safejn dan ikun possibbli, l-użu ta’ mezzi ta’ trasport użati minn trasportaturi kummerċjali għat-twettiq tal-ksur stabbilit konformement mal-paragrafu 1(a) tal-Artikolu 6 ta’ dan il-protokoll.

3.   Fejn applikabbli, u bla ħsara għal konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, dawn il-miżuri li jikkonsistu b’mod partikolari f’obbligu fuq it-trasportaturi kummerċjali, inkluża kull kumpannija tat-trasport jew kull proprjetarju jew operatur ta’ kwalunkwe mezz ta’ transport, li jivverfikaw li l-passiġġieri jkollhom fil-pussess tagħhom dokumenti rikjesti tal-ivvjaġġar għad-dħul fl-Istat ospitanti.

4.   Kull Stat kontraenti għandu jadotta l-miżuri neċessarji konformement mad-dritt intern tiegħu, sabiex jipprovdi għal sanzjonijiet għall-obbligu stabbilit fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

[…]”

Id-dritt tal-Unjoni

Il-KFS

7

L-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2 p. 9,), iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990, (iktar ’il quddiem il-“KFS”) jistabbilixxi:

“1.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, li jinkorporaw ir-regoli li ġejjin fil-liġi nazzjonali tagħhom:

a)

[j]ekk aljeni ma jitħallewx jidħlu fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti, it-trasportatur li jkun ġabhom sal-fruntiera esterna bl-ajru, bil-baħar jew fuq l-art għandu jkun obbligat immedjatament li jerġa’ jassumi responsabbilità għalihom. […]

b)

[i]t-trasportatur huwa obbligat li jieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jassigura li aljen li jinġarr bl-ajru jew bil-baħar ikollu fil-pussess tiegħu d-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar meħtieġa sabiex jitħalla jidħol fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti..

2.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom, bla ħsara għall-obbligi li jirriżultaw mill-isħubija tagħhom għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li għandha x’taqsam ma’ l-Istatus ta’ Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967, u b’mod konformi mal-liġi kostituzzjonali tagħhom, li jimponu penalitajiet fuq trasportaturi li jġorru aljeni li ma jkollhomx id-dokumenti meħtieġa għall-ivvjaġġar bl-ajru jew bil-baħar minn Stat Terz għat-territorji tagħhom.

3.   Il-paragrafi 1(b) u 2 għandhom japplikaw ukoll għal trasportaturi internazzjonali li jitrasportaw gruppi fuq l-art permezz ta’ karozza tal-linja, bl-eċċezzjoni ta’ traffiku ta’ fuq il-fruntiera.”

8

L-Artikolu 27 tal-KFS, li ġie abrogat bl-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta’ Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 64), kien redatt kif ġej:

“1.   Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jimponu penalitajiet xierqa fuq kull persuna li, għal qligħ finanzjarju, jassisti jew jipprova jassisti lil aljen sabiex jidħol jew joqgħod fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti bi ksur tal-liġijiet ta’ dik il-Parti Kontraenti dwar id-dħul u r-residenza ta’ aljeni.

2.   Jekk parti Kontraenti tkun infurmata dwar azzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 li huma bi ksur tal-liġi ta’ Parti Kontraenti oħra, hija għandha tinforma lil din ta’ l-aħħar b’dan.

3.   Kull Parti Kontraenti li titlob lil Parti Kontraenti oħra sabiex tieħu, fuq il-bażi ta’ ksur tal-liġijiet tagħha stess, azzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 trid tispeċifika, permezz ta’ rapport uffiċjali jew ta’ ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti, id-dispożizzjonijiet tal-liġi li jkunu miksura.”

Id-Direttiva 2001/51/KE

9

Il-premessi 2 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta’ Ġunju 2001 li tissupplimenta d-disposizzjoni tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 160), jiddikjaraw:

“(2)

Din il-miżura hija fost id-disposizzjonijiet ġenerali mmirati sabiex irażżnu l-mixi migratorji u jikkumbattu l-immigrazzjoni illegali.

[…]

(4)

Ma għandhiex tiġi affettwata l-libertà ta’ l-Istati Membri li jżommu jew idaħħlu miżuri jew penali addizzjonali għat-trasportaturi, sewwa jekk riferiti f’din id-Direttiva u sewwa jekk le.”

Id-Direttiva 2002/90

10

Il-premessi 1 sa 4 tad-Direttiva 2002/90 jiddikjaraw:

“(1)

Waħda mill-għanijiet ta’ l-Unjoni Ewropea hija l-ħolqien gradwali ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li tfisser, inter alia, li immigrazzjoni illegali għandha tkun miġġielda.

(2)

Bħala konsegwenza, għandhom jittieħdu miżuri biex tkun miġġielda l-għajnuna lill-immigrazzjoni illegali kemm in konnessjoni mal-qsim mhux awtorizzat tal-konfini fis-sens strett u kemm għall-għan biex jinżammu networks (sistemi komplessi) li jesplojtjaw esseri umani.

(3)

Għal dak il-għan huwa essenzjali li jitqarrbu lejn xulxin id-disposizzjonijiet legali eżistenti, b’mod partikolari, min-naħa l-waħda, id-definizzjoni preċiża tal-ksur tal-liġi in kwestjoni u l-każijiet ta’ eżenzjoni, li huwa s-suġġett ta’ din id-Direttiva u, min-naħa l-oħra, regoli minimi għal pieni, obbligi ta’ persuni legali u ġurisdizzjoni, li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA tat-28 ta’ Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif ta’ dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 61)].

(4)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipprovdi definizzjoni tat-tħaffif ta’ immigrazzjoni illegali u bħala konsegwenza li tagħmel iktar effettiva l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni qafas 2002/946/JHA biex timpedixxi dik l-offiża.”

11

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/90, intitolat “Ksur tal-liġi ġenerali” jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jadotta sanzjonijiet xierqa dwar:

a)

kull persuna li intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex tidħol, jew taqsam fi transitu, it-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar id-dħul jew transitu ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernat;

b)

kull persuna li, għal qligħ finanzjarju, intenzjonalment tassisti persuna li mhix ċittadina ta’ Stat Membru biex toqgħod fit-territorju ta’ Stat Membru bi ksur tal-liġijiet dwar ir-residenza ta’ aljeni ta’ l-Istat ikkonċernati.”

12

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tixwix, parteċipazzjoni u attentat”, jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li s-sanzjonijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 1 jkunu wkoll applikabbli għal kull persuna li:

a)

tkun ix-xewwiex ta’,

b)

tkun kompliċi fi, […] ksur tal-liġi kif jirreferi għalih l-Artikolu 1(1)(a) jew (b).

[…]”

13

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Sanzjonijiet”, jipprovdi li kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-ksur tal-liġi li jirreferu għalih l-Artikoli 1 u 2 ikunu suġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/946

14

L-Artikolu 1er tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946 jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-ksur tal-liġi ddefinit fl-Artikolu 1 u 2 tad-Direttiva 2002/90/KE ikun ikkastigat b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi li jistgħu jinvolvu estradizzjoni.

2.   Fejn xieraq, il-pieni kriminali koperti fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu akkumpanjati bil-miżuri li ġejjin:

konfiska tal-mezzi ta’ trasport użati biex l-offiża tkun kommessa,

projbizzjoni fuq il-prattika direttament jew permezz ta’ intermedjarju ta’ l-attività tax-xogħol li fl-eżerċizzju tagħha l-offiża kienet kommessa,

[…]”

15

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Obbligi ta’ persuni legali”, jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuni legali jistgħu jinżammu responsabbli għall-ksur tal-liġi li jirreferi għalih l-Artikolu 1(1) u li jkun kommess għall-benefiċċju tagħhom minn kull persuna, li taġixxi kemm individwalment kif ukoll bħala parti minn organu tal-persuna legali, li għandha pożizzjoni ta’ tmexxija ġewwa l-persuna legali, […]

2.   Barra mill-każijiet li diġà jipprovdi għalihom il-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuna legali tista’ tinżamm responsabbli fejn nuqqas ta’ sorveljanza u kontroll minn persuna li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 tkun għamlet possibbli l-kommisssjoni tal-ksur tal-liġi li jirreferi għalih l-Artikolu 1(1) għall-benefiċċju ta’ dik il-persuna legali minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3.   Responsabbiltà ta’ persuna legali taħt il-paragrafi 1 u 2 m’għandhiex teskludi proċeduri kriminali kontra persuni naturali li huma awturi jew xewwiexa jew kompliċi fl-offiżi li jirreferi għalihom il-paragrafu 1.”

16

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni qafas, intitolat “Sanzjonijiet għal persuni legali”:

“1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuna legali miżmuma responsabbli skond l-Artikolu 2(1) tkun ikkastigata b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disswasivi, li għandhom jinkludu multi kriminali u mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra […]

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li persuna legali miżmuna responsabbli skond l-Artikolu 2(2) tkun ikkastigata b’sanzjonijiet jew miżuri effettivi, proporzjonati u disswassivi.”

Ir-Reoglament Nru 562/2006

17

Ir-Regolament Nru 562/2006, applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (ĠU 2016, L 77, p. 1).

18

Skont il-punti 9 sa 11 u 14 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 562/2006:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

9)

‘kontroll fuq il-fruntiera’ tfisser l-attività mwettqa fuq fruntiera, skond u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera;

10)

‘verifiki fuq il-fruntiera’ tfisser il-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri jew jitilqu minnu;

11)

‘sorveljanza fuq il-fruntiera’ tfisser is-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera u s-sorveljanza ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera barra mill-ħinijiet stabbiliti ta’ ftuħ, sabiex persuni ma jitħallewx jevitaw il-verifiki fuq il-fruntiera;

[…]

14)

‘trasportatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li l-professjoni tagħha hi dik li tipprovdi t-trasport ta’ persuni”.

19

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il-perjodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

a)

ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar li jintitola lid-detentur jaqsam il-fruntiera u li jkun jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

i)

il-validità tiegħu għandha tkun ta’ mill-inqas tliet xhur wara d-data ppjanata tat-tluq mit-territorju tal-Istati Membri. F’każ ta’ emerġenza ġġustifikat, dan l-obbligu jista’ jitneħħa.

ii)

għandu jkun inħareġ fl-għaxar snin preċedenti.;

b)

huma fil-pussess ta’ viża valida, jekk rikjesta […], ħlief meta jkunu detenturi ta’ permess validu ta’ residenza validu jew viża valida għal soġġorn fit-tul;

[…]”

20

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006 intitolat “Qsim tal-fruntieri interni” kien jipprovdi:

“Fruntieri interni jistgħu jinqasmu minn kull punt mingħajr ma jsiru verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom.”

21

L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Verifiki fit-territorju”, kien redatt kif ġej:

“It-tneħħija tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntieri interni m’għandhiex taffettwa:

a)

l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali, safejn l-eżerċizzju ta’ dawn is-setgħat ma jkollux effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera; dan japplika wkoll f’żoni tal-fruntiera. Fis-sens ta’ l-ewwel sentenza l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija ma jistax, b’mod partikolari, ikun ikkunsidrat ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera meta l-miżuri ta’ pulizija:

i)

ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera;

ii)

ikunu bbażati fuq informazzjoni u esperjenza ġenerali ta’ pulizija dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u jkunu mmirati, b’mod partikolari, biex jiġġieldu l-kriminalità trans-konfini;

iii)

huma maħsuba u mwettqa b’mod li huwa differenti b’mod ċar minn verifiki sistematiċi fuq persuni fil-fruntieri esterni;

iv)

huma mwettqa abbażi ta’ verifiki saltwarji;

b)

il-verifiki ta’ sigurtà fuq persuni mwettqa f’portijiet u ajruporti mill-awtoritajiet kompetenti taħt il-liġi ta’ kull Stat Membru, minn uffiċjali tal-port jew ajruport jew trasportaturi, basta li tali verifiki jitwettqu wkoll fuq persuni li jivvjaġġaw fi Stat Membru;

ċ)

il-possibbiltà għal Stat Membru li jipprovdi, permezz ta’ liġi, għal obbligu li wieħed ikun fil-pussess jew iġorr miegħu karti u dokumenti;

d)

il-possibbiltà għal Stat Membru li bil-liġi jipprevedi obbligu fuq ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrapportaw il-preżenza tagħhom fit-territorju tiegħu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tal-[KFS].”

Id-dritt Ġermaniż

22

L-Artikolu 13 tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali), tat-30 ta’ Lulju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1950), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“AufenthG”), intitolat “Qsim tal-frunitieri”, fil-paragrafu 1 tiegħu jinkludi l-obbligu ta’ kull barrani li jkollu fuqu passaport rikonoxxut u validu jew dokument li jissostitwixxi l-passaport meta jidħol jew joħroġ mit-territorju nazzjonali u li jissottometti ruħu għal kontroll mill-pulizija tat-traffiku transkonfinali.

23

L-Artikolu 63 tal-AufenthG, intitolat “Obbligi tal-impriżi tat-trasport”, jipprovdi:

“1.   Trasportatur jista’ jittrasporta barranin lejn it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja biss meta dawn ikollhom passaport u permess ta’ residenza rikjesti.

2.   Il-Ministeru Federali tal-Intern jew l-awtorità maħtura minnu jistgħu, bi ftehim mal-Ministeru Federali tat-Trasport u tal-Infrastruttura Diġitali, jipprojbixxu lil trasportatur milli jittrasporta barranin lejn it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bi ksur tal-paragrafu 1 u thedded lil din l-impriża b’multi f’każ ta’ ksur.[…]

3.   L-ammont ta’ multi impost fuq it-trasportatur għandu jkun ta’ mhux inqas minn EUR 1000 u ta’ mhux iktar minn EUR 5000 għal kull barrani li l-imsemmija impriża tittrasporta bi ksur ta’ deċiżjoni adottata konformement mal-paragrafu 2. […]

4.   Il-Ministeru Federali tal-Intern jew l-awtorità maħtura minnu jistgħu jiftehmu mat-trasportaturi fuq ir-regoli intiżi li jimplimentaw obbligu previst fil-paragrafu 1.”

24

Il-paragrafu 63(1) u (2) tal-Allgemeine Verwaltungsvorschrift zum Aufenthaltsgesetz (id-Dispożizzjonijiet Amministrattivi Ġenerali Marbuta mal-Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin), tas-26 ta’ Ottubru 2009 (GMBl. 2009, p. 878), huwa redatt kif ġej:

“63.1 Obbligi ta’ kontroll u ta’ sigurtà

63.1.1 [L-Artikolu 63 tal-AufenthG] jipprojbixxi lit-trasportaturi milli jittrasportaw lejn it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja barranin mingħajr id-dokumenti rikjesti tal-ivvjaġġar. Il-projbizzjoni tikkonċerna kemm it-trasporti bl-ajru u bil-baħar kif ukoll it-trasporti bl-art, bl-eċċezzjoni tat-traffiku ferrovjarju transkonfinali. […] Il-projbizzjoni legali kontra t-trasport ta’ barranin lejn it-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja meta dawn tal-aħħar ma jkollhomx passaport jew viża rikjesta minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom tinvolvi fl-istess ħin l-obbligu tat-trasportatur li jikkontrolla b’mod suffiċjenti l-passaport u l-viża. L-obbligi ta’ kontroll huwa intiż li jiġi żgurat li l-barrani jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti mill-Artikolu 13(1), sabiex jaqsam il-fruntiera. […]

[…]

63.1.3.1 L-obbligu ta’ kontroll previst mill-Artikolu 63(1), jobbliga lit-trasportatur jivverifika jekk il-barrani għandux id-dokumenti rikjesti […]

63.2 Projbizzjoni ta’ trasport u multi

63.2.0 Il-projbizzjoni ta’ trasport, kif ukoll it-theddida, l-istabbiliment u l-eżekuzzjoni ta’ multi huma intiżi li jġiegħlu lit-trasportatur jikkontrolla fil-każijiet kollha l-osservanza tal-obbligu tal-pussess ta’ passaport u ta’ viża.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

25

It-trasportaturi inkwistjoni joffru vjaġġi bil-karozza tal-linja u joperaw b’mod partikolari linji regolari lejn il-Ġermanja li jaqsmu l-fruntieri ta’ bejn il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi u ta’ bejn il-Ġermanja u l-Belġju.

26

Billi qies li dawn l-impriżi kienu trasportaw lejn il-Ġermanja numru kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma kellhomx id-dokumenti rikjesti tal-ivvjaġġar, bi ksur tal-Artikolu 63(1) tal-AufenthG, id-Direttorat tal-Pulizija Federali qabelxejn bagħtilhom, rispettivament fix-xahar ta’ Novembru 2013 u ta’ Marzu 2014, “avviż” li kien jelenka il-każijiet ta’ trasport mhux awtorizzat u jiddikjara, f’każ ta’ kontinwazzjoni tal-ksur, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 63(2) tal-AufenthG.

27

Sussegwentement, wara li kkonstata li t-trasportaturi inkwistjoni ppresistew bl-aġir illegali tagħhom, id-Direttorat tal-Pulizija Federali adotta tali deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni, rispettivament fis-26 ta’ Settembru 2014 u fit-18 ta’ Novembru 2014, li kienu akkumpanjati minn multa li tammonta għal EUR 1000 għal kull ksur ġdid.

28

Skont dawn id-deċiżjonijiet, it-trasportaturi inkwistjoni kienu obbligati, skont l-Artikolu 63(1) tal-AufenthG, li jagħmlu dak kollu li huwa fil-poter tagħhom sabiex iwaqqfu d-dħul fit-territorju Ġermaniż ta’ kull barrani li ma jkollux id-dokumenti rikjesti tal-ivvjaġġar. Għal dan l-għan, dawn it-trasportaturi kienu obbligati jivverifikaw dawn id-dokumenti fl-okkażjoni tal-kontroll tal-biljetti meta l-passiġġieri jitilgħu fil-karozza tal-linja u kellhom jirrifjutaw l-aċċess liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkollhomx id-dokumenti rikjesti tal-ivvjaġġar.

29

Meta ġiet adita b’rikors ippreżentat mit-trasportaturi inkwistjoni kontra dawn id-deċiżjonijiet, il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva, il-Ġermanja) annullathom, billi qieset, essenzjalment, li, fid-dawl tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 63(2) tal-AufenthG kellu jitħalla mhux applikat, peress li l-applikazzjoni tiegħu għall-impriżi li jittrasportaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-Ġermanja permezz tal-qsim ta’ fruntiera fi ħdan iż-żona Schengen kienet tmur kontra l-Artikolu 67(2) TFUE kif ukoll kontra l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006. Fil-fatt, il-kontrolli imposti fuq l-imsemmija impriżi kellhom jiġu kklassifikati bħala miżuri li għandhom “effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera”, fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006, tenut kont, b’mod partikolari, tan-natura sistematika tagħhom u tal-fatt li dawn kellhom isiru qabel il-qsim tal-fruntiera.

30

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors ta’ reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), li fih sostniet, b’mod partikolari, li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari id-Direttiva 2002/90 kif ukoll id-Deċiżjoni Qafas 2002/946, li huma dispożizzjonijiet speċjali meta mqabbla ma’ dawk previsti mir-Regolament Nru 562/2006, jimponi li għandu jiġi ssanzjonat ksur ta’ projbizzjonijiet ta’ trasport, bħal dawk previsti fl-Artikolu 63 tal-AufenthG.

31

Fi kwalunkwe każ, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar rikjest minn din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma jistax jiġi kklassifikat bħala miżura “[b’]effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera”, fis-sens tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006. Fil-fatt, l-għan segwit ma huwiex li jiġi kkontrollat il-qsim tal-fruntiera, iżda li jiġu osservati dispożizzjonijiet marbuta mad-dħul fit-territorju. Barra minn hekk, dawn il-kontrolli, billi ma jitwettqux minn aġenti pubbliċi, iżda minn persunal privat, ma humiex iddettaljati daqs dawk imwettqa fil-fruntieri. B’hekk, dan il-persunal ma għandux il-possibbiltà li jadotta miżuri koerċettivi jew ta’ tfittxija f’każ ta’ rifjut mill-persuni kkonċernati li jissottomettu ruħhom għal dan it-tip ta’ kontroll.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C-412/17 u C-474/17:

“1)

L-Artikolu 67(2) [TFUE], kif ukoll l-Artikoli [20 u 21] tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] jipprekludu dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li finalment teżiġi li l-impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linji li joperaw servizzi regolari transkonfinali fi ħdan iż-żona Schengen jikkontrollaw id-dokumenti ta’ qsim ta’ fruntieri tal-passiġġieri tagħhom qabel il-qsim ta’ fruntiera interna, sabiex jipprevjenu trasport ta’ barranin li ma għandhomx passaport u permess ta’ residenza fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja?

B’mod partikolari:

a)

L-obbligu legali ġenerali jew l-obbligu impost mill-awtoritajiet fuq impriżi ta’ trasport individwali, li ma jittrasportawx barranin fit-territorju Ġermaniż mingħajr il-passaport meħtieġ jew il-permess ta’ residenza meħtieġ, li jista’ jiġi ssodisfatt biss billi jiġu kkontrollati d-dokumenti ta’ qsim ta’ fruntieri tal-passiġġieri kollha qabel il-qsim tal-fruntiera interna, jikkostitwixxi verifika fuq il-persuni fuq il-fruntieri interni fis-sens tal-Artikolu [20] tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] jew għandu jiġi assimilat għal tali verifika?

b)

L-impożizzjoni tal-obbligi msemmija fil-punt (1) għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-Artikolu [21](a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, minkejja li l-impriżi ta’ trasport ma jeżerċitawx “setgħat ta’ pulizija” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u minkejja li l-obbligu li jwettqu kontrolli li huwa impost fuqhom mill-Istat ma jawtorizzahomx formalment sabiex jeżerċitaw prerogattivi ta’ awtorità pubblika?

c)

Fil-każ li l-ewwel domanda, punt (b), tingħata risposta fl-affermattiv: fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu [21](a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-kontrolli mitluba mill-impriżi ta’ trasport jikkostitwixxu miżura illegali ta’ effett ekwivalenti għal kontrolli fuq il-fruntieri?

d)

L-impożizzjoni tal-obbligi msemmija fil-punt (1) sa fejn hija tirrigwarda impriżi ta’ trasport bil-karozzi tal-linji li joperaw servizzi regolari, għandha tiġi evalwata b’riferiment għall-Artikolu [21](b), tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jipprevedi li l-assenza ta’ kontroll fuq il-fruntieri interni ma għandhiex taffettwa l-kompetenza tal-impriżi ta’ trasport li jwettqu kontrolli ta’ sigurtà fuq il-persuni fil-portijiet jew fl-ajruporti? Minn dan jirriżulta li l-kontrolli fis-sens tal-ewwel domanda mwettqa barra minn portijiet u ajruporti ma humiex permessi meta ma jikkostitwixxux kontrolli ta’ sigurtà u ma jitwettqux ukoll fuq persuni li jivvjaġġaw fi ħdan l-Istat Membru?

2)

L-Artikoli [20] u [21] tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludu leġiżlazzjonijiet li jippermettu, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligu, li tiġi adottata deċiżjoni ta’ projbizzjoni taħt piena ta’ penalità kontra impriża ta’ trasport bil-karozzi tal-linji jekk, minħabba li l-kontrolli ma twettqux, barranin ġew ukoll ittrasportati fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja minkejja li ma kellhomx passaport u permess ta’ residenza?”

33

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ April 2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tgħaqqad flimkien il-Kawżi C-412/17 u C-474/17 għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

34

Permezz taż-żewġ domandi tagħha f’kull waħda mill-kawżi magħquda, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 67(2) TFUE, kif ukoll l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lil kull impriża tat-trasport bil-karozza tal-linja li tipprovdi servizz regolari transkonfinali fi ħdan iż-żona Schengen lejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru li tikkontrolla l-passaport u t-titolu ta’ residenza tal-passiġġieri qabel il-qsim ta’ fruntiera interna, bil-ħsieb li jiġi pprevenut it-trasport ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jkollhomx dawn id-dokumenti tal-ivvjaġġar lejn it-territorju nazzjonali, u li tippermetti, bil-għan li jiġi osservat dan l-obbligu ta’ kontroll, li l-awtoritajiet tal-pulizija jadottaw deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ tali trasporti akkumpanjat b’theddida ta’ multi kontra impriżi ta’ trasport li fir-rigward tagħhom ikun ikkonstatat li wasslu f’dan it-territorju ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma kellhomx l-imsemmija dokumenti tal-ivvjaġġar.

35

Preliminarjament, fir-rigward tal-portata tad-domandi preliminari, hemm lok li jiġi osservat li dawn tal-aħħar huma limitati għal eżami tad-dispożittiv tal-Artikolu 63 tal-AufenthG fid-dawl tal-Artikolu 67(2) TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006.

36

Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bħala parti fil-kawżi prinċipali sostniet, kemm fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-obbligu ta’ kontroll, taħt piena ta’ multa, impost fuq it-trasportaturi skont l-Artikolu 63 tal-AufenthG ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/90, tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946, tal-Protokoll Addizzjonali u tad-Direttiva 2001/51 kienu jobbligaw lill-Isati Membri li jimponu fuq it-trasportaturi ta’ persuni obbligi ta’ kontroll bħal dawk previsti fl-Artikolu 63 tal-AufenthG kif ukoll sanzjonijiet adegwati fil-konfront tat-trasportaturi li xjentement jassistu lil ċittadin ta’ pajjiż terz jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, li juża t-territorju ta’ tali Stat Membru bħala tranżitu jew li jirrisjedi illegalment f’dan it-territorju.

37

Madankollu, mid-domandi preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, b’risposta għal dan l-argument diġà avvanzat quddiemha mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja insostenn tar-rikors tagħha ta’ reviżjoni, indikat espressament li ma għandhiex bżonn ta’ kjarifiki fir-rigward tal-effett possibbli tad-Direttiva 2002/90, tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946 u tad-Direttiva 2001/51 fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula, filwaqt li speċifikat ir-raġunijiet li għalihom hija kellha din l-opinjoni.

38

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tar-rinviju, fid-domandi preliminari ma għamlet riferiment għal ebda wieħed minn dawn it-tliet atti tad-dritt tal-Unjoni u lanqas barra minn hekk, għall-Protokoll Addizzjonali.

39

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li hija l-qorti tar-rinviju biss li tista’ tiddetermina u tifformula d-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 31).

40

B’hekk, għalkemm il-qorti hija libera li tistieden lill-partijiet fil-kawża mressqa quddiemha sabiex jissuġġerixxu l-formulazzjoni li tista’ tiġi adottata għad-domandi preliminari, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-qorti waħedha li tiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar kemm dwar il-forma kif ukoll dwar il-kontenut tagħhom (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly, C-104/10, EU:C:2011:506, punt 65).

41

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, jekk il-qorti tar-rinviju tkun indikat espressament fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li hija ma qisitx neċessarju li tagħmel domanda jew jekk hija tkun irrifjutat li tressaq quddiem l-Qorti tal-Ġustizzja domanda mqajma minn waħda mill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti risposta għal din id-domanda u lanqas toħodha inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1988, Alsatel, 247/86, EU:C:1988:469, punt 8; tat-2 ta’ Ġunju 1994, AC-ATEL Electronics Vertriebs, C-30/93, EU:C:1994:224, punt 19, u tas-26 ta’ Settembru 2000, Engelbrecht, C-262/97, EU:C:2000:492, punti 2122).

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax fil-kawża odjerna testendi s-suġġett tad-domandi preliminari magħmula billi teżaminhom fid-dawl mhux biss tal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006, iżda wkoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/90, tad-Deċiżjoni Qafas 2002/946 u tad-Direttiva 2001/51.

43

Barra minn hekk, jista’ jiġi indikat li, anki jekk jiġi preżunt li, taħt ċerti kundizzjonijiet, Stat Membru jista’, bħala prinċipju, ikun obbligat, skont taħt ċerti dispożizzjonijiet ta’ dawn it-tliet atti jew skont dispożizzjonijiet tal-Protokoll Addizzjonali, li jimponi, taħt piena ta’ sanzjonijiet b’mod partikolari kriminali, fuq impriżi li jittrasportaw bil-karozza tal-linja ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru obbligu ta’ kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar li huma għandu jkollhom fil-pussess tagħhom, dan l-obbligu għandu jiġi implimentat fil-kuntest tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 562/2006.

44

Fir-rigward tal-mertu tad-domandi magħmula u, għaldaqstant, tal-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 63 tal-AufenthG, mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 562/2006, hemm lok li jiġi kkonstatat li din tal-aħħar ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006.

45

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, peress li l-kontrolli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitwettqu mhux “fuq il-fruntieri” jew “fil-mument tal-qsim tal-fruntiera”, iżda, bħala prinċipju, ġewwa t-territorju ta’ Stat Membru, f’dan il-każ f’dak li fih il-passiġġieri jitilgħu fil-karozza tal-linja fil-bidu tal-vjaġġ transkonfinali, dawn il-kontrolli ma jikkostitwixxux kontrolli fuq il-fruntieri, ipprojbiti mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 562/2006, iżda kontrolli fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru, previsti mill-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki et Abdeli, C-188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 68, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C-278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 56).

46

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk kontrolli fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru, bħal dawk maħsuba u mwettqa abbażi tal-Artikolu 63 tal-AufenthG, humiex ipprojbiti skont l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006. Dan ikun il-każ jekk l-imsemmija kontrolli jkollhom, fir-realtà effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntieri, fis-sens ta’ din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni (ara, b’anaolġija, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C-278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 57).

47

Madankollu, qabel ma jsir tali eżami, tqum il-kwistjoni preliminari tal-applikabblità tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 għal kontrolli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dawn għandhom isiru mhux mill-awtoritajiet tal-pulizija ekwivalenti tagħhom, iżda mill-persunal impjegat mit-trasportaturi suġġett għad-dritt privat li ma għandux prerogattivi ta’ setgħa pubblika, filwaqt li l-imsemmi Artikolu 21(a) jagħmel riferiment għal-“l-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ pulizija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali” u għal “setgħat ta’ pulizija”.

48

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fil-kawża odjerna, il-kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar fdat f’idejn it-trasportaturi inkwistjoni huwa impost kemm abbażi tal-obbligu legali ġenerali previst fl-Artikolu 63(1) tal-AufenthG kif ukoll tal-obbligu legali speċifiku naxxenti mid-deċiżjonijiet, taħt piena ta’ multa, adottati kontra dawn tal-aħħar mid-Direttorat tal-Pulizija Federali abbażi tal-Artikolu 63(2) tal-AufenthG.

49

Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li, skont id-dritt nazzjonali, jimponu fuq l-impriżi tat-trasport li jwettqu, fejn xieraq taħt piena ta’ multi, il-kontrolli ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar li normalment isiru mill-awtoritajiet tal-pulizija jew dawk ekwivalenti għalihom. B’hekk, anki jekk dawn l-impriżi ma għandhomx prerogattivi ta’ setgħa pubblika, huma jwettqu dawn il-kontrolli fuq l-ordni u taħt il-kontroll tal-awtoritajiet mogħtija tali prerogattivi.

50

Għaldaqstant, tali kontrolli, anki jekk jitwettqu mit-trasportaturi, jaqgħu taħt l-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006. Kieku dan ma kienx hekk, din id-dispożizzjoni setgħet faċilment tiġi evitata u l-effett utli tagħha kien ikun kompromess.

51

Fir-rigward tal-Artikolu 21(a), jeħtieġ li jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tinkludi kundizzjoni li tirrikjedi li l-kontrolli tal-pulizija f’żona ta’ konfini għandhom ikunu identiċi fir-rigward tal-modalitajiet u l-għanijiet tagħhom għal dawk imwettqa fuq it-territorju nazzjonali kollu. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt, minn naħa, li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea maħsuba sabiex tistabbilixxi tali kundizzjoni ma ġietx aċċettata mil-leġiżlatur tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li għall-kuntrarju hija prevista espliċitament mill-Artikolu 21(b) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward ta’ kontrolli ta’ sigurtà mwettqa fil-portijiet u fl-ajruporti li huma awtorizzati biss jekk jitwettqu wkoll fir-rigward tal-persuni li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fi ħdan Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C-278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 73).

52

Minn dan isegwi wkoll, b’risposta għall-paragrafu (d) tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li, għalkemm l-Artikolu 21(b) tar-Regolament Nru 562/2006 jsemmi espressament it-“trasportaturi”, ma jistax jiġi dedott minn qari a contrario ta’ din id-dispożizzjoni li kontrolli bħal dawk imwettqa abbażi tal-Artikolu 63 tal-AufenthG huma pprojbiti minħabba l-fatt waħdieni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni u li għaldaqstant la huma kontrolli ta’ sigurtà eżerċitati f’portijiet u f’ajruporti u lanqas kontrolli li jirrigwardaw ukoll persuni li jkunu qegħdin jivvjaġġaw fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat.

53

Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 u dawk tal-Artikolu 21(b) ta’ dan ir-regolament għandhom kamp ta’ applikazzjoni u kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni speċifiċi.

54

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-indizji elenkati fit-tieni sentenza tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 jikkostitwixxu wkoll indikazzjonijiet tal-eżistenza ta’ effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki fil-fruntiera. Fil-preżenza ta’ wħud minn dawn l-indizji, il-kontrolli inkwistjoni huma awtorizzati biss jekk l-eżerċizzju tagħhom ikun suġġett, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreskrivihom, minn speċifikazzjonijiet u limitazzjonijiet, li jkunu huma wkoll suffiċjentement speċifiċi u ddettaljati, fir-rigward tal-intensità, tal-frekwenza u tas-selettività tal-imsemmija kontrolli. Għaldaqstant, iktar ma huma numerużi l-indizji li għandhom jintlaħqu minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, irrispettivament minn jekk dawn ikunux għall-għan segwit mill-kontrolli mwettqa f’żona konfinali, għall-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn il-kontrolli u għall-eżistenza ta’ distinzjoni bejn il-bażi tal-imsemmija kontrolli u dawk tal-kontrolli mwettqa fil-kumplament tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iktar għandhom ikunu stretti u jkunu strettament osservati dawn l-ispeċifikazzjonijiet u l-limitazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, A, C-9/16, EU:C:2017:483, punti 38 sa 41).

55

Fir-rigward, fil-kawża odjerna, tal-analiżi tal-Artikolu 63(2) tal-AufenthG fid-dawl, fl-ewwel lok, tal-indizju li jinsab fl-inċiż i) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, li skontu l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-pulizija ma jistgħux jitqiesu bħala “ekwivalenti għall-eżerċizzju ta’ kontrolli fuq il-fruntiera” b’mod partikolari jekk il-kontrolli previsti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali “ma jkollhomx bħala objettiv il-kontrolli fuq il-fruntiera”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jirriżulta mill-paragrafi 9 sa 11 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament li dan l-għan huwa intiż, minn naħa li jiġi żgurat li l-persuni jistgħu jiġu awtorizzati jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru jew li joħorġu minnu u, min-naħa l-oħra, li jiġu preklużi l-persuni milli jevitaw il-verifiki fil-fruntiera. Dawn huma kontrolli li jistgħu jitwettqu b’mod sistematiku (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil, C-278/12 PPU, EU:C:2012:508, punt 61).

56

Issa, mid-dispożizzjonijiet amministrattivi ġenerali marbuta mal-liġi fuq ir-residenza tal-barranin jirriżulta li l-obbligu ta’ kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar naxxenti mill-Artikolu 63(1) tal-AufenthG huwa intiż sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat “jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti mill-Artikolu 13(1)[tal-AufenthG] sabiex jaqsam il-fruntiera”.

57

Dan l-Artikolu 13, intitolat “Qsim tal-fruniteri”, jinkludi fil-paragrafu 1 tiegħu, l-obbligu ta’ kull barrani ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu fil-pussess tiegħu passaport rikonoxxut u validu jew dokument li jissostitwixxi l-passaport waqt id-dħul jew il-ħruġ mit-territorju nazzjonali u li jissottometti ruħu għal kontroll tal-pulizija tat-traffiku transkonfinali.

58

Għandu jiġi kkonstatat li l-kontrolli inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom bħala l-għan tagħhom il-“kontroll fil-fruntieri”, fis-sens tal-punt (i) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, sa fejn dawn huma intiżi li jiġi vverifikat li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tad-dħul fl-Istati Membri li jikkomponu ż-żona Schengen, elenkati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 562/2006 inkonnessjoni mad-dokumenti rikjesti tal-ivvjaġġar, liema dispożizzjoni hija riprodotta fl-Artikolu 13(1) tal-AufenthG.

59

Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kontrolli li għandhom isiru abbażi tal-Artikolu 63 tal-AufenthG għandhom l-għan ewlieni li jiġi ggarantit li l-persuni abbord il-karozza tal-linja kkonċernata, li jkollhom l-intenzjoni li jaqsmu l-fruntiera tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, ikunu effettivament awtorizzati li jidħlu fit-territorju ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant dawn għandhom l-għan li jipprekludu lil passiġġieri li jilħqu t-territorju ta’ dan l-Istat jekk ma jkollhomx id-dokumenti rikjesti tal-ivvjaġġar, bl-istess mod bħal dak segwit minn kontrolli mwettqa mill-pulizija tal-fruntieri fl-okkażjoni tal-qsim tal-fruntieri esterni.

60

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-analiżi tal-Artikolu 63(2) tal-AufenthG fid-dawl tal-indizju previst fil-punt (ii) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, jista’ jitqies li l-kontrolli imposti mid-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 63(2) tal-AufenthG fuq trasportaturi li joperaw ċerti linji ta’ karozzi tal-linja transkonfinali huma bbażati fuq informazzjoni ġenerali u l-esperjenza tad-dipartimenti tal-pulizija marbuta ma’ possibbli theddid għall-ordni pubbliku, sa fejn dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu wara li jkun intbagħat avviż lit-trasportaturi kkonċernati peress li jkun ġie kkonstatat li xi barranin daħlu mingħajr il-pussess tad-dokumenti rikjesti tal-ivvjaġġar fit-territorju Ġermaniż permezz tal-użu ta’ ċerti linji ta’ karozzi tal-linja ġestiti minn dawn it-trasportaturi.

61

Għall-kuntrarju, dan ma jistax ikun il-każ fir-rigward ta’ kontrolli imposti abbażi tal-obbligu previst fl-Artikolu 63(1) tal-AufenthG, peress li dan l-obbligu huwa ta’ natura ġenerali, li jikkonċerna l-linji kollha ta’ karozzi tal-linja transkonfinali, indipendentement mill-aġir tal-persuna kkonċernata u taċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu riskju ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, A, C-9/16, EU:C:2017:483, punt 55).

62

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-indizju li jinsab fil-punti (iii) u (iv) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, huwa minnu li l-kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar imwettaq mill-persunal tat-trasportaturi abbażi tal-Artikolu 63 tal-AufenthG huwa, min-natura tiegħu stess, inqas iddettaljat minn dak imwettaq mill-pulizija, u dan tal-inqas minħabba l-fatt li dan il-persunal la għandu l-perizja, la r-riżorsi, pereżempju l-aċċess għal databases, u lanqas prerogattivi ta’ setgħa pubblika tal-pulizija jew awtoritajiet ekwivalenti. B’hekk tali persunal jista’ jinnota biss il-falsifikazzjonijiet manifesti tal-passaporti.

63

Xorta jibqa’ l-fatt, kif irrilevat ukoll mill-qorti tar-rinviju, li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li dan il-kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar għandu jsir b’mod sistematiku fir-rigward ta’ kull persuna li tivvjaġġa fuq il-linji kollha ta’ karozzi tal-linja transkonfinali.

64

Fil-fatt, l-Artikolu 63(1) tal-AufenthG la jinkludi speċifikazzjonijiet u lanqas limitazzjonijiet dwar l-intensità, il-frekwenza u s-selettività tal-kontrolli li għandhom isiru fuq din il-bażi legali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2017, A, C-9/16, EU:C:2017:483, punti 5759).

65

F’dan il-kuntest, huwa stabbilit li l-kontrolli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jitwettqux abbazi ta’ verifiki mwettqa għal għarrieda.

66

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-elementi li jistgħu, kif tfakkar fil-punt 54 tas-sentenza odjerna, jservu bħala indizji dwar l-eżistenza ta’ effett ekwivalenti għal dak tal-verifiki fil-fruntiera, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn il-kontrolli u d-distinzjoni bejn il-bażi tal-imsemmija kontrolli u dik tal-kontrolli mwettqa fuq il-kumplament tat-territorju Ġermaniż, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-kontrolli li għandhom isiru skont l-Artikolu 63 tal-AufenthG huma kkaratterizzati miċ-ċirkustanza li fatt li jagħti lok għalihom huwa speċifikament il-qsim ta’ fruntiera interna.

67

Din il-karatteristika essenzjali tal-kontrolli inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, irrilevata wkoll mill-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, jiddifferenzjawhom minn dawk inkwistjoni f’kawżi oħra li taw lok għal sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, b’mod iktar partikolari s-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C-188/10 u C-189/10, EU:C:2010:363), tad-19 ta’ Lulju 2012, Adil (C‑278/12 PPU, EU:C:2012:508), u tal-21 ta’ Ġunju 2017, A (C-9/16, EU:C:2017:483), li kienu dwar kontrolli tal-pulizija f’żoni ta’ konfini li ma jeċċedux 20 jew 30 kilometru minn fruntiera interna taż-żona Schengen.

68

Issa, iċ-ċirkustanza li, fil-kawża odjerna, il-kontrolli inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kkaratterizzati minn rabta partikolarment mill-qrib li huma għandhom mal-qsim ta’ fruntiera interna, sa fejn dan il-qsim jikkostitwixxi speċifikament il-fatt li jagħti lok għal dawn il-kontrolli, tixhed b’mod partikolari “effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera”, fis-sens tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006.

69

Huwa daqshekk ieħor minnu li l-kontrolli imposti abbażi tal-Artikolu 63 tal-AufenthG u dawk imwettqa fil-kumplament tat-territorju Ġermaniż huma bbażati fuq bażijiet legali separati, peress li t-tieni tip ta’ kontroll jista’ jikkonċerna linji interni li jkopru distanza paragunabbli għall-vjaġġi transkonfinali li huma suġġetti għall-ewwel tip ta’ kontroll. Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 tas-sentenza odjerna, tali ċirkustanza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni kumplessiva li tirrikjedi l-klassifikazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll ta’ miżura li għandha “effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera”, fis-sens tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006.

70

Fil-fatt, kif irrilevat ukoll il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 63 tal-AufenthG japplika biss għal-linji ta’ transport bil-karozza tal-linja li jaqsmu fruntiera interna fi ħdan iż-żona Schengen u ma jkoprix dawk li huma limitati biss għat-territorju Ġermanż, liema linji jistgħu xorta waħda jkunu ta’ distanza ugwali jew anki itwal mill-imsemmija linji transkonfinali.

71

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-preżenza ta’ diversi indizji elenkati fit-tieni sentenza tal-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006, ta’ evalwazzjoni tal-piżijiet marbuta ma’ dawn tal-aħħar kif ukoll tal-azzenza, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ speċifikazzjonijiet u ta’ limitazzjonijiet suffiċjenti dwar l-intensità, il-frekwenza u s-selettività tal-kontrolli imposti skont l-Artikolu 63(1) tal-AufenthG, tali kontrolli għandhom jiġu kklassifikati bħala miżura li għandha “effett ekwivalenti għal verifiki fuq il-fruntiera”, ipprojbit mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(a) ta’ dan ir-regolament.

72

Mill-Artikolu 21(a) tar-Regolament Nru 562/2006 jirriżulta wkoll li dan jipprekludi l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 63(2) tal-AufenthG sa fejn dan huwa intiż li jissanzjona nuqqas inkonnesjoni mal-obbligu ġenerali ta’ kontroll previst fl-Artikolu 63(1) tal-AufenthG fil-forma ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ transport akkumpanjata minn theddida ta’ impożizzjoni ta’ multa. Fil-fatt, tali sistema ta’ ssanzjonar ma hijiex kompatibbli mal-imsemmi Artikolu 21(a), sa fejn din hija imposta sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ obbligu ta’ kontroll li lanqas ma huwa konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

73

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 67(2) TFUE kif ukoll l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lil kull impriża tat-transport bil-karozza tal-linja li tipprovdi servizz regolari transkonfinali fi ħdan iż-żona Schengen lejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru li tikkontrolla l-passaport u l-permess ta’ residenza tal-passiġġieri qabel il-qsim ta’ fruntiera interna, bil-ħsieb li jiġi pprevenut it-trasport ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkollhomx dawn id-dokumenti tal-ivvjaġġar lejn it-territorju nazzjonali, u li tippermetti, bil-għan li jiġi osservat dan l-obbligu ta’ kontroll, li l-awtoritajiet tal-pulizija jadottaw deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ tali transporti, akkumpanjati b’theddida ta’ multi kontra impriżi tat-trasport li fir-rigward tagħhom jiġi stabbilit li wasslu f’dan it-territorju ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr l-imsemmija dokumenti tal-ivvjaġġar.

Fuq l-ispejjeż

74

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 67(2) TFUE kif ukoll l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lil kull impriża tat-transport bil-karozza tal-linja li tipprovdi servizz regolari transkonfinali fi ħdan iż-żona Schengen lejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru li tikkontrolla l-passaport u l-permess ta’ residenza tal-passiġġieri qabel il-qsim ta’ fruntiera interna, bil-ħsieb li jiġi pprevenut it-trasport ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkollhomx dawn id-dokumenti tal-ivvjaġġar lejn it-territorju nazzjonali, u li tippermetti, bil-għan li jiġi osservat dan l-obbligu ta’ kontroll, li l-awtoritajiet tal-pulizija jadottaw deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ tali transporti, akkumpanjati b’theddida ta’ multi kontra impriżi tat-trasport li fir-rigward tagħhom jiġi stabbilit li wasslu f’dan it-territorju ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr l-imsemmija dokumenti tal-ivvjaġġar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top