SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE — Portata tal-obbligu ta’ rinviju mill-qrati tal-aħħar istanza — Artikolu 101 TFUE — Kodiċi tal-etika ta’ ordni professjonali li jipprekludi l-applikazzjoni tat-tariffi li ma jikkorrispondux għad-dinjità tal-professjoni”

Fil-Kawża C-136/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Marzu 2012, fil-proċedura

Consiglio nazionale dei geologi

vs

Autorità garante della concorrenza e del mercato

u

Autorità garante della concorrenza e del mercato

vs

Consiglio nazionale dei geologi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Consiglio nazionale dei geologi, minn A. Lagonegro, avvocatessa,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues kif ukoll minn E. Belliard u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér kif ukoll minn K. Molnár u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J.-P. Keppenne, L. Malferrari u G. Conte, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża mill-Consiglio nazionale dei geologi (Kunsill nazzjonali tal-ġeoloġi, iktar ’il quddiem iċ-“CNG”) kontra l-Autorità garante della concorrenza e del mercato (iktar ’il quddiem l-“Autorità”) u mill-Autorità kontra ċ-CNG fir-rigward tal-konstatazzjoni, minn din, ta’ akkordju li jirrestrinġi l-kompetizzjoni implementat permezz tar-regolamentazzjoni tal-etika adottata miċ-CNG u relattiva għall-iffissar tal-onorarji tal-ġeoloġi.

Il-kuntest ġuridiku

3

B’mod konformi mal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 112/1963 dwar il-protezzjoni tat-titolu u tal-professjoni ta’ ġeologu (legge n. 112 – Disposizioni per la tutela del titolo e della professione di geologo), tat-3 ta’ Frar 1963 (GURI Nru 57, tat-28 ta’ Frar 1963, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 112/1963”), l-eżerċizzju tal-professjoni msemmija fl-Italja huwa suġġett għall-inklużjoni fir-reġistru amministrat mill-Ordni Nazzjonali tal-Ġeoloġi.

4

L-Artikolu 8 ta’ din il-Liġi jipprovdi li l-ġeoloġi kollha mniżżla fir-reġistru msemmi jikkostitwixxu l-ordni u jaħtru ċ-CNG.

5

L-Artikolu 9 tal-liġi msemmija jipprovdi li:

“Iċ-[CNG] għandu jeżerċita s-segwenti attribuzzjonijiet, minbarra dawk li huma assenjati lilu abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra:

a)

iħares l-osservanza tar-regolamentazzjoni professjonali u tad-dispożizzjonijiet kollha l-oħra li jikkonċernaw il-professjoni;

b)

iħares iż-żamma tar-reġistru u tal-lista speċjali u jieħu ħsieb it-tniżżil u t-tħassir mir-reġistru;

c)

iħares il-protezzjoni tat-titolu professjonali u jeżerċita l-attivitajiet ta’ repressjoni tal-eżerċizzju abbużiv tal-professjoni;

d)

jadotta l-miżuri dixxiplinari;

e)

jipproċedi, fuq talba, għal-likwidazzjoni tal-onorarji;

f)

jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-beni tal-ordni nazzjonali u jfassal kull sena l-estimi tal-baġit u l-karta tal-bilanċ;

g)

jiffissa, fil-limiti strettament neċessarji biex ikopri l-ispejjeż tal-funzjonament tal-ordni nazzjonali, b’deċiżjoni suġġetta għall-approvazzjoni tal-ministru tal-ġustizzja, l-ammont tal-kontribuzzjoni annwali mħallsa mill-persuni mniżżla fir-reġistru jew fil-lista speċjali, kif ukoll l-ammont tal-miżata għall-inklużjoni fir-reġistru jew fil-lista, u tal-miżata għall-ksib ta’ ċertifikati u ta’ opinjonijiet fuq il-likwidazzjoni tal-onorarji.”

6

Skont l-Artikolu 14(1) tal-Liġi Nru 616, li fiha d-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-Liġi tat-3 ta’ Frar 1963, Nru 112, dwar il-protezzjoni tat-titolu u tal-professjoni ta’ ġeologu (legge n. 616 – Norme integrative per l’applicazione della L. 3 febbraio 1963, n. 112, contenente norme per la tutela del titolo e della professione di geologo), tal-25 ta’ Lulju 1966 (GURI Nru 201, tat-13 ta’ Awwissu 1966):

“Il-persuna mniżżla fir-reġistru jew fil-lista speċjali li taġixxi b’mod mhux konformi mal-prestiġju u mad-dinjità tal-professjoni tista’ tingħata, skont il-gravità tal-fatti, waħda mis-sanzjonijiet dixxiplinari segwenti:

1)

responsabbiltà;

2)

sospensjoni tal-eżerċizzju tal-professjoni għal perijodu li ma jeċċedix sena;

3)

tħassir.

[…]”

7

L-Artikolu 2 tad-Digriet Legali Nru 223 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet urġenti għall-irkupru ekonomiku u soċjali, għal-limitazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi u l-interventi fil-qasam tad-dħul u tal-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali (decreto-legge n. 223 – Disposizioni urgenti per il rilancio economico e sociale, per il contenimento e la razionalizzazione della spesa pubblica, nonchè interventi in materia di entrate e di contrasto all’evasione fiscale), tal-4 ta’ Lulju 2006 (GURI Nru 153, tal-4 ta’ Lulju 2006), ikkonvertit f’liġi, wara li ġie emendat, bil-Liġi Nru 248, tal-4 ta’ Awwissu 2006 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Legali Nru 223/2006”), jipprovdi:

“1.   B’mod konformi mal-prinċipju Komunitarju ta’ kompetizzjoni ħielsa u ma’ dak tal-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi, u sabiex jiġi żgurat li l-utenti jkollhom għażla effettiva fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u l-fakultà li jipparagunaw is-servizzi offerti fuq is-suq, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet għandhom jiġu mħassra l-liġijiet u r-regolamenti li jipprevedu, fir-rigward tal-professjonijiet liberali u l-attivitajiet intellettwali:

a)

tariffi fissi jew minimi obbligatorji jew il-projbizzjoni li jiġu ffissati onorarji stabbiliti skont il-kisba tal-għanijiet imfittxija;

[…]

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-etika u konvenzjonali kif ukoll il-kodiċijiet ta’ awtoregolamentazzjoni li fihom id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jiġu adattati, inkluż bl-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jiżguraw il-kwalità tas-servizzi professjonali, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007. Fin-nuqqas ta’ dan u sa minn din id-data, ir-regoli kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma f’kull każ nulli.”

8

Skont l-Artikolu 2233 tal-kodiċi ċivili, li jikkonċerna l-professjonijiet intellettwali:

“L-onorarji li ma ġewx iddefiniti bejn il-partijiet u li ma jistgħux jiġu ffisati b’mod konformi mat-tariffi jew mal-użanzi għandhom jiġu ffissati mill-qorti, wara konsultazzjoni mal-assoċjazzjoni professjonali li jappartjeni għaliha l-professjonist.

F’kull każ, l-ammont tar-remunerazzjoni għandu jkun adattat skont l-importanza tax-xogħol u d-dinjità tal-professjoni.

[…]”

9

L-Artikoli 17 sa 19 tal-kodiċi tal-etika dwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ ġeologu fl-Italja, approvat miċ-CNG fid-19 ta’ Diċembru 2006 u emendat l-aħħar fl-24 ta’ Marzu 2010 (iktar ’il quddiem il-“kodiċi tal-etika”) jipprovdu:

“Artikolu 17 – Parametri tariffarji

Meta jiffissa l-ammont tal-onorarji professjonali tiegħu, il-ġeologu huwa marbut li josserva d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Legali Nru 223/2006, il-prinċipju tal-adegwatezza msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2233 tal-kodiċi ċivili u, f’kull każ, id-dispożizzjonijiet legali kollha applikabbli f’dan il-qasam. It-tariffa professjonali approvata bid-digriet ministerjali tat-18 ta’ Novembru 1971 kif emendat u t-tariffa dwar ix-xogħlijiet pubbliċi approvata bid-digriet ministerjali tal-4 ta’ April 2001, sa fejn dawn jikkonċernaw lill-ġeoloġi, jikkostitwixxu element leġittimu u suġġett ta’ riferenza teknika u professjonali sabiex jiġu evalwati, iffissati u ddefiniti l-onorarji bejn il-partijiet.

Artikolu 18 – Iffissar tal-onorarji

Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, biex jiżgura l-kwalità tas-servizzi, il-ġeologu li b’xi mod jeżerċita l-attività tiegħu – b’mod individwali, f’kumpannija jew f’assoċjazzjoni – huwa dejjem marbut li jkejjel l-onorarji tiegħu mal-importanza u mad-diffikultà tal-inkarigu, u mad-dinjità tal-professjoni, mal-konoxxenzi tekniċi u mal-isforzi meħtieġa.

L-ordni, fid-dawl tal-prinċipji ta’ kompetittività professjonali, għandu jħares l-osservanza [ta’ dawn ir-regoli].

Artikolu 19 – Proċeduri ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi

Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti pubbliċi, li fihom l-amministrazzjoni pubblika ma tużax, legalment, it-tariffa professjonali bħala parametru ta’ retribuzzjoni, il-ġeologu xorta jkun marbut li jiddetermina l-offerta tiegħu skont l-importanza u d-diffikultà tal-inkarigu, id-dinjità tal-professjoni, il-konoxxenzi tekniċi u l-isforzi meħtieġa.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

B’deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 2010, adottata abbażi tar-riżultati ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Autorità”), l-Autorità kkonstatat li l-Ordni Nazzjonali tal-Ġeoloġi kien kiser l-Artikolu 101 TFUE billi ħeġġeġ lill-membri tiegħu sabiex japplikaw l-aġiri ekonomiċi tagħhom b’mod uniformi bl-applikazzjoni tat-tariffa professjonali. B’mod partikolari, l-Autorità kkunsidrat li l-kodiċi tal-etika kien jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li kellha l-effett li tirristrinġi l-kompetizzjoni bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

11

Skont l-Autorità, il-kwalifika, abbażi tal-Artikolu 17 tal-kodiċi msemmi, tat-tariffa professjonali bħala element leġittimu ta’ referenza għall-finijiet tal-iffissar tal-onorarji kienet tħeġġeġ lill-ġeoloġi biex jiffissaw l-onorarji tagħhom b’mod konformi ma’ din it-tariffa. Ir-referenza formali, fl-imsemmi Artikolu 17, għad-Digriet Legali Nru 223/2006 li jħassar it-tariffi fissi u minimi ma hijiex ta’ natura li tindika lill-ġeoloġi l-possibbiltà li jiffissaw l-onorarji professjonali abbażi tal-ftehim ħieles bejn il-partijiet.

12

Barra minn hekk, l-obbligu, stabbilit fl-Artikoli 18 u 19 tal-kodiċi tal-etika, li jiġu stabbiliti l-onorarji skont klawżoli ta’ natura ġenerali, bħall-prestiġju u d-dinjità tal-professjoni, fin-nuqqas ta’ kriterji li jikkontribwixxu biex jikkaratterizzaw dawn il-klawżoli b’referenza speċifika għall-iffissar tat-tariffi tas-servizzi professjonali, ukoll iħeġġeġ li titqies bħala obbligatorja t-tariffa professjonali, u b’hekk jipprekludi l-adozzjoni ta’ aġiri indipendenti fis-suq. Apparti dan, il-fatt li l-Artikolu 17 tal-istess kodiċi jirreferi għall-Artikolu 2233 tal-kodiċi ċivili li jirreferi għad-dinjità tal-professjoni jsostni din it-teżi.

13

Iċ-CNG ikkontesta d-deċiżjoni tal-Autorità quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio.

14

Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Frar 2011, din il-qorti ċaħdet ir-rikors taċ-CNG. B’mod partikolari, din qablet mal-pożizzjoni tal-Autorità li tgħid li l-indikazzjoni tat-tariffa professjonali bħala element leġittimu ta’ referenza fl-iffissar tal-onorarji kienet tħeġġeġ lill-ġeoloġi sabiex jadattaw irwieħhom ma’ din it-tariffa, liema ħaġa kienet twassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Fl-istess ħin, il-qorti msemmija kkunsidrat li l-Autorità ma kinitx ippreżentat provi biżżejjed biex issostni t-teżi tagħha li tgħid li r-referenza għad-dinjità tal-professjoni bħala element li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-onorarji tal-ġeoloġi kienet timplika l-karattru obbligatorju tat-tariffa professjonali. Madankollu, hija qieset li dan l-iżball ma kienx biżżejjed sabiex jannulla d-deċiżjoni tal-Autorità.

15

Iċ-CNG ippreżenta appell quddiem il-Consiglio di Stato kontra s-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio. L-Autorità wkoll ippreżentat appell kontra din is-sentenza, sa fejn din tal-aħħar iddikjarat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Autorità kienet parzjalment żbaljata.

16

Fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, iċ-CNG ppropona li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi preliminari li jirrigwardaw il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, kemm ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari kif ukoll dawk li jinsabu fil-kodiċi tal-etika, mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

17

Għalkemm il-qorti tar-rinviju tqis li l-parti l-kbira tad-domandi mressqa miċ-CNG huma fil-prinċipju rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, madankollu, hija tikkonstata li dawn huma espressi f’termini vagi. Barra minn hekk, il-qorti msemmija tqis li xi wħud mid-domandi msemmija huma manifestament irrilevanti fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari dawk li jirreferu għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/85, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku (GEIE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 83).

18

B’hekk, il-qorti tar-rinviju tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar il-portata tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE f’dak li jikkonċerna l-kompetenza tagħha biex tagħżel u tifformula mill-ġdid id-domandi proposti minn waħda mill-partijiet fil-proċedura prinċipali u l-eventwali obbligu tagħha li tagħmel tali għażla u tali formulazzjoni mill-ġdid.

19

Fir-rigward tad-domandi li jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-qorti tar-rinviju twettaq formulazzjoni mill-ġdid tal-proposti ssuġġeriti miċ-CNG.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“I.

1)

it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, sa fejn jipprevedi li l-qorti tal-aħħar istanza għandha l-obbligu li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mqajma minn waħda mill-partijiet inkwistjoni, jipprekludi r-regoli ta’ proċedura nazzjonali li jipprevedu sistema ta’ restrizzjonijiet ta’ natura proċedurali, bħal dawk dwar it-termini ta’ rikors, l-ispeċifiċità tal-motivi, il-projbizzjoni ta’ tibdil tat-talba fil-mori tal-kawża, il-projbizzjoni għall-qorti li tbiddel it-talba tal-partijiet?

2)

it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, sa fejn jipprevedi li l-qorti tal-aħħar istanza għandha l-obbligu li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tressaq talba għal deċiżjoni preliminari dwar interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mqajma minn waħda mill-partijiet inkwistjoni, jipprekludi l-eżistenza ta’ setgħa ta’ selezzjoni tal-qorti nazzjonali, rigward l-evalwazzjoni tar-rilevanza tad-domanda u tal-livell ta’ ċarezza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja?

3)

it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, jekk huwa interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza obbligu inkondizzjonali ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari ta’ domanda ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mqajma minn waħda mill-partijiet inkwistjoni, huwa konformi mal-prinċipju rigward it-tul raġonevoli tal-proċedura, stabbilit ukoll mid-dritt Komunitarju?

4)

quddiem liema ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi, in-nuqqas ta’ osservanza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jikkostitwixxi, għall-qorti nazzjonali, ‘ksur manifest tad-dritt Komunitarju’, u dan il-kunċett jista’ jkollu portata differenti għall-finijiet tal-azzjoni speċjali kontra l-Istat fis-sens tal-liġi Nru 117 tat- 13 ta’ April 1988 dwar il-‘kumpens għad-danni kkawżati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji u r-responsabbiltà ċivili tal-maġistrati’ […]?

II.

Fil-każ fejn il-Qorti […] taderixxi mal-argument tal-‘filtru wiesgħa’ […] li jipprekludi l-applikazzjoni tar-regoli ta’ proċedura nazzjonali dwar l-ispeċifiċità tal-motivi ta’ rikors, għandha tiġi trażmessa d-domanda preliminari dwar dritt Komunitarju lill-Qorti […] fit-termini eżatti li fihom ġiet ifformulata mill-appellanti [ fil-proċedura prinċipali], iċċitati [iktar ’il quddiem].

’1)

[…] aħna nippreżentaw lill-Qorti […] talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE […] rigward il-leġiżlazzjoni u r-regolamentazzjoni ta’ etika li jirregolaw il-professjoni ta’ ġeologu kif ukoll il-missjonijiet istituzzjonali u r-regoli ta’ funzjonament tal-[CNG], dwar il-każ ineżami deskritt iktar ’il quddiem, sabiex jiġu vverifikati l-validità u l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni Ewropea (jiġifieri, l-Artikolu 101 TFUE) li tirregola l-kompetizzjoni. […]

[riproduzzjoni tal-Artikolu 9 tal-Liġi Nru 112/1963]

[riproduzzjoni tal-Artikoli 14(1) u 17 tal-Liġi Nru 616, tal-25 ta’ Lulju 1966, li fih il-miżuri ta’ implementazzjoni tal-liġi tat-3 ta’ Frar 1963, Nru 112, dwar il-protezzjoni tat-titolu u tal-professjoni ta’ ġeologu]

[riproduzzjoni tal-Artikoli 6 u 7 tal-kodiċi tal-etika]

[riproduzzjoni tal-Artikolu 17 tal-kodiċi tal-etika]. B’mod partikolari, fuq dan il-punt, huwa mitlub lill-Qorti […] li tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk l-indikazzjoni, bħala regola legali applikabbli, obbligatorja fl-elementi kollha tagħha, tad-Digriet Liġi Nru 223/2006, li tinkludi sistema numerika u kronoloġika, l-unika sistema storika u legali, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll Komunitarju, li ċertament ma għandhiex impatt fuq l-għarfien u fuq il-portata obbligatorja tar-reġla ġuridika, hijiex konformi mal-Artikolu 101 TFUE.

[riproduzzjoni tal-Artikoli 18 u 19 tal-kodiċi tal-etika]

Billi:

ir-Regolament […] 2137/85 […] li għandu bħala għan li ‘iħaffef jew jiżviluppa l-attivitijatet ekonomiċi tal-membri tiegħu’ jipprovdi fis-sitt premessa tiegħu li ‘ma għandhux, madankollu, jippreġudika l-applikazzjoni f’livell nazzjonali tar-regoli legali u/jew il-kodiċijiet etiċi rigward il-kundizzjonijiet tat-twettieq ta’ attivitajiet tan-negozju u professjonali’;

[riproduzzjoni tal-premessa 43 tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, p. 22)]

[riproduzzjoni tal-premessa 115 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36)]

Huwa fl-aħħar nett mitlub lill-Qorti […] li tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-konformità mal-Artikolu 101 TFUE tad-distinzjoni deskritta iktar ’il fuq, magħmula fid-dritt u mill-aspett tal-organizzazzjoni tal-ordni, bejn l-impriża professjonali u l-impriża kummerċjali, kif ukoll bejn il-kompetizzjoni professjonali u l-kompetizzjoni kummerċjali.

2)

a)

l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu jew jipprekludu r-riferiment għall-elementi ta’ prestiġju u ta’ dinjità tal-professjonist — f’dan il-każ, il-ġeologu — fl-iffissar tal-onorarji professjonali?

b)

fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE jew ta’ kull regola oħra ta’ dritt tal-Unjoni, ir-riferiment għall-elementi ta’ prestiġju u ta’ dinjità professjonali jinkludu effetti restrittivi tal-kompetizzjoni professjonali?

ċ)

l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet ta’ prestiġju u ta’ dinjità, bħala elementi relatati mal-iffissar tal-onorarji tal-professjonist, flimkien mat-tariffi ddefiniti espressament bħala li jistgħu jiġu suġġetti għal deroga meta dawn ikunu des minima — fir-rigward tar-riferiment espress u formali, fl-Artikolu 17 tal-kodiċi […] ta’ etika tal-ġeologi, għal-leġiżlazzjoni li tippermetti tali deroga (Digriet Leġiżlattiv Nru 223/2006 […]) — jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jwasslu għal aġir restrittiv tal-kompetizzjoni?

d)

l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu r-riferiment għat-tariffa professjonali — stabbilita, għall-ġeoloġi, minn dispożizzjoni statali, jiġifieri digriet Ministerjali tal-Ministru tal-Ġustizzja wara konsultazzjoni mal-Ministru tal-Attivitajiet ta’ produzzjoni, li tista’ tiġi suġġetta għal deroga meta tkun des minima permezz tal-effett, għal darb’oħra, tal-Artikolu 17 tal-kodiċi […] ta’ etika — bħala sempliċi element tekniku u professjonali ta’ riferiment għall-iffissar tal-onorarji?

e)

l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jipprojbixxu kull element korrispondenti bejn, minn naħa, l-importanza tas-servizzi, il-kundizzjonijiet ta’ prestiġju u ta’ dinjità kif iddefiniti wkoll fl-Artikoli 6 u 7 tal-kodiċi […] ta’ etika tal-ġeologi u, min-naħa l-oħra, l-onorarji professjonali, kif jipprevedi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2233 tal-Kodiċi Ċivili, li fit-termini tiegħu ‘f’kull każ, l-ammont tal-onorarji (professjonali) għandu jiġi adattat mal-importanza tax-xogħlijiet u mad-dinjità tal-professjoni’?

f)

għaldaqstant, skont l-Artikolu 101 TFUE, ir-riferiment għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2233 tal-Kodiċi Ċivili jista’ jiġi kkunsidrat bħala leġittimu u mhux bħala li jwassal għal effetti restrittivi tal-kompetizzjoni?

g)

l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxu, fil-kuntest tar-regolamentazzjoni tal-kompetizzjoni, l-ugwaljanza legali bejn ordni professjonali — f’dan il-każ, dik tal-ġeoloġi — kif irregolata minn regoli statali speċifiċi għat-twettiq ta’ għanijiet istituzzjonali, u l-entitajiet u konċentrazzjonijiet ta’ impriżi kummerċjali li jikkorrispondu għal entitajiet antikompetittivi?

h)

l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jippermettu li tiġi assimilata kontribuzzjoni lill-ordni professjonali, legalment obbligatorja — fid-dawl tat-twettiq tal-funzjonijiet u tal-għanijiet istituzzjonali — mal-attività ta’ bejgħ ta’ beni u servizzi u mal-profitt ekonomiku miksub permezz ta’ aġir antikompetittiv min-naħa ta’ konċentrazzjonijiet ta’ impriżi kummerċjali?

i)

l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jiġġustifikaw, f’dan il-każ, applikazzjoni ta’ sanzjoni ?

j)

l-Artikolu 101 TFUE jew regola oħra tad-dritt tal-Unjoni jiġġustifikaw l-issuġġettar għal imposta obbligatorja fuq il-kontribuzzjoni lill-ordni professjonali, legalment obbligatorja, billi din il-kontribuzzjoni tiġi kkunsidrata bħala profitt jew dħul li huwa r-riżultat ta’ akkordju ekonomiku jew kummerċjali antikompetittiv?

III.

1)

Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti […] tirrispondi għad-domandi dwar interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE fis-sens li r-regoli ta’ proċedura nazzjonali huma mingħajr effett u li jeżisti dmir ta’ assistenza min-naħa tal-qorti nazzjonali, u fejn hija tikkunsidra, rigward id-domanda preliminari magħmula mill-appellanti, li din hija wisq vaga: id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni u tal-professjonijiet, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet Komunitarji invokati mill-appellanti fid-domanda tagħha, jipprekludu l-adozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ etika professjonali li jqabblu l-onorarji mad-dinjità u mal-prestiġju tal-professjoni, mal-kwalità u mal-importanza tas-servizz, b’riżultat li l-onorarji inqas mit-tariffa minima (u, għaldaqstant, iktar kompetittivi) jistgħu jiġu ssanzjonati, fuq il-livell dixxiplinari, minħabba ksur tar-regoli ta’ etika?

2)

Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti […] tirrispondi għad-domandi dwar interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE fis-sens li r-regoli ta’ proċedura nazzjonali huma mingħajr effett u li jeżisti dmir ta’ assistenza min-naħa tal-qorti nazzjonali, u fejn hija tikkunsidra, rigward id-domanda preliminari magħmula mill-appellanti, li din hija wisq vaga: id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, u b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni li tipprjobixxi l-akkordji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, tista’ tiġi interpretata fis-sens li akkordju restrittiv jista’ jieħu l-forma ta’ regoli ta’ etika stabbiliti mill-ordnijiet professjonali meta dawn ir-regoli, billi jindikaw bħala kritejri ta’ fissazzjoni tal-onorarji tal-professjonist id-dinjità u l-prestiġju tal-professjoni kif ukoll il-kwalità u l-importanza tas-servizz, għandhom bħala effett il-projbizzjoni ta’ deroga għat-tariffi minimi u għaldaqstant għandhom ukoll effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni iminħabba din il-projbizzjoni?

3)

Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti […] tirrispondi għad-domandi dwar interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE fis-sens li r-regoli ta’ proċedura nazzjonali huma mingħajr effett u li jeżisti dmir ta’ assistenza min-naħa tal-qorti nazzjonali, u fejn hija tikkunsidra, rigward id-domanda preliminari magħmula mill-appellanti, li din hija wisq vaga: meta d-dritt nazzjonali jimponi regoli ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni iktar stretti mir-regoli Komunitarji, b’mod partikolari billi jistabbilixxi li tariffi minimi professjonali jistgħu jkunu suġġetti għal deroga, filwaqt li d-dritt Komunitarju jidher għadu jippermetti taħt ċerti kundizzjonijiet l-projbizzjoni ta’ deroga għat-tarrifi minimi, u meta bħala konsegwenza aġir tal-ordni professjonali li timponi l-projbizzjoni ta’ deroga għat-tariffi minimi jikkostitwixxi, għad-dritt nazzjonali, akkordju restrittiv tal-kompetizzjoni filwaqt li ma jistax ikun hekk fir-rigward tad-dritt Komunitarju, id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, u partikolarment il-leġiżlazzjoni Komunitarja tal-akkordji restrittivi tal-kompetizzjoni, jipprekludu tali riżultat, jiġifieri li ċertu aġir jista’ jiġi sanzjonat bħala akkordju restrittiv tal-kompetizzjoni abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda ma jkunx restrittiv abbażi tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, kull darba li r-regoli nazzjonali ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni huma iktar stretti mir-regoli Komunitarji?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq id-domandi li jirrigwardaw it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE

21

Bid-domandi tagħha dwar it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tiddetermina l-firxa tal-ġurisdizzjoni tagħha biex tagħżel u tifformula mill-ġdid id-domandi proposti minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali u l-obbligu eventwali tagħha li tagħmel tali għażla u tali formulazzjoni mill-ġdid.

22

F’dan il-kuntest, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, jekk id-dispożizzjoni msemmija tipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jwasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ma tkunx tista’ teżerċita l-ġurisdizzjoni ta’ rinviju preliminari tagħha jew sabiex ikollha tagħmel id-domandi proposti mill-partijiet.

23

Barra minn hekk, fil-każ li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE kellu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza obbligu inkundizzjonali ta’ rinviju fuq bażi preliminari ta’ talba għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma minn waħda mill-partijiet fil-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-effett eventwali tal-ħtieġa tat-tul raġonevoli tal-proċedura, stabbilita mid-dritt tal-Unjoni, fuq id-doveri ta’ qorti tal-aħħar istanza abbażi tad-dispożizzjoni msemmija.

24

Barra minn hekk, il-Consiglio di Stato iressaq domanda li tirrigwarda ċ-ċirkustanzi li fihom in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rinviju preliminari stabbilit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jista’ jikkostitwixxi ksur ċar tad-dritt tal-Unjoni bħala premessa tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat għall-ksur tad-dritt imsemmi.

25

F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li sa fejn ma jeżisti ebda rikors ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar hija, fil-prinċipju, marbuta li tirreferi għall-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE meta tiġi invokata quddiemha domanda relattiva għall-interpretazzjoni tat-Trattat FUE (ara s-sentenza tal-4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior, C-337/95, Ġabra p. I-6013, punt 26).

26

Mir-relazzjoni bejn it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-qrati msemmija mit-tielet paragrafu jgawdu mill-istess setgħa diskrezzjonali bħall-qrati nazzjonali kollha l-oħra f’dak li jirrigwarda l-punt jekk hijiex neċessarja deċiżjoni fuq punt ta’ liġi tal-Unjoni biex dawn ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom. Għalhekk, dawn il-qrati ma humiex marbuta li jirreferu talba għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma quddiemhom jekk id-domanda ma tkunx rilevanti, jiġifieri fil-każ fejn ir-risposta għal din id-domanda, tkun xi tkun, ma jkun jista’ jkollha ebda influwenza fuq is-soluzzjoni tal-kawża (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 10).

27

Min-naħa l-oħra, jekk dawn jikkonstataw li r-rikors għad-dritt tal-Unjoni jkun neċessarju bil-għan li tinstab is-soluzzjoni ta’ kwistjoni li tkun tressqet quddiemhom, l-Artikolu 267 TFUE jimponilhom, fil-prinċipju, l-obbligu li jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja b’kull domanda ta’ interpretazzjoni li tkun meħtieġa (ara s-sentenza Cilfit et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 11 sa 20).

28

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE biex tiżgura l-uniformità tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri tistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali permezz ta’ proċeduri mhux relatati mal-inizjattiva tal-partijiet (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C-210/06, Ġabra p. I-9641, punt 90, u tal-21 ta’ Lulju 2011, Kelly, C-104/10, Ġabra p. I-6813, punt 62).

29

Id-determinazzjoni u l-formulazzjoni tad-domandi li għandhom jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jappartjenu lill-qorti nazzjonali, u l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jistgħux ibiddlu s-sustanza tagħhom (ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2011, Vlaamse Dierenartsenvereniging u Janssens, C-42/10, C-45/10 u C-57/10, Ġabra p. I-2975, punt 43, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2011, Danske Svineproducenter, C-316/10, punt 32).

30

Għalkemm il-qorti hija libera li tistieden lill-partijiet fil-kawża mressqa quddiemha sabiex jissuġġerixxu l-formulazzjoni li tista’ tiġi adottata għad-domandi preliminari, xorta jibqa’ l-fatt li hija l-qorti waħedha li tiddeċiedi fl-aħħar mill-aħħar kemm dwar il-forma kif ukoll dwar il-kontenut tagħhom (sentenza Kelly, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

31

Minn dak li ntqal jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju biss li tista’ tiddetermina u tifformula d-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

32

Fir-rigward tar-regoli proċedurali nazzjonali li rreferiet għalihom il-qorti tar-rinviju mingħajr madankollu ma speċifikat il-portata eżatta tagħhom, huwa biżżejjed, f’kull każ, li jitfakkar, li tali regoli ma jistgħux jostakolaw il-kompetenza u l-obbligi ta’ qorti nazzjonali bħall-qorti tar-rinviju abbażi tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punti 93, 94 u 98).

33

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn ir-regoli u ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari proċedurali, li hija kuntrarja, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew bi kwalunkwe proċedura kostituzzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C-173/09, Ġabra p. I-8889, punt 31).

34

Sussegwentement, fir-rigward tal-eventwali effett tal-ħtieġa ta’ tul raġonevoli tal-proċedura invokata wkoll mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li d-domanda tal-qorti msemmija ġiet ifformulata minnha biss fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 267 TFUE kellu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjoni msemmija timponi fuq il-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza obbligu inkundizzjonat ta’ rinviju b’mod preliminari ta’ talba għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma minn waħda mill-partijiet fil-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl ta’ dak li jirriżulta mill-punti 25 sa 33 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda msemmija.

35

Finalment, f’dak li jikkonċerna l-ksur manifest tad-dritt tal-Unjoni bħala premessa tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat għall-ksur tad-dritt imsemmi, għandu jiġi rrilevat li din il-kwistjoni hija manifestament irrilevanti u ipotetika fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna r-responsabbiltà msemmija u lanqas li din il-kwistjoni ġiet invokata minn waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali abbażi ta’ inċident proċedurali.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi li jirrigwardaw it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandha tkun li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina u tifformula d-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li din tqis rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Regoli nazzjonali li għandhom l-effett li jostakolaw din il-ġurisdizzjoni ma għandhomx jiġu applikati.

Fuq id-domandi li jirrigwardaw ir-regolamentazzjoni tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni

37

Peress li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju effettivament wettqet il-formulazzjoni mill-ġdid tad-domandi proposti miċ-CNG, għandu jsir l-eżami tad-domandi kif ifformulati mill-ġdid.

38

Essenzjalment, il-qorti msemmija trid tistabbilixxi jekk l-Artikolu 101 TFUE jipprekludix li ordni professjonali, bħall-Ordni Nazzjonali tal-Ġeoloġi fl-Italja, jadotta regoli tal-etika li jipprevedu bħala kriterji għall-iffissar tal-onorarji, minbarra l-kwalità u l-importanza tal-provvista ta’ servizz, id-dinjità tal-professjoni, bil-konsegwenza li l-iffissar tal-onorarji ’l fuq minn ċertu livell, sitwazzjoni paragunabbli għall-każ tal-istabbiliment ta’ tariffi minimi, tista’ tkun issanzjonata minħabba l-ksur tar-regoli msemmija.

39

Barra minn hekk, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt nazzjonali jistax jistabbilixxi protezzjoni tal-kompetizzjoni iktar stretta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rilevanza ta’ din id-domanda għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ma tirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, din tal-aħħar ma fihiex provi li jippermettu li tiġi identifikata l-utilità tar-risposta f’dan ir-rigward għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Madankollu, tali spjegazzjoni kienet neċessarja peress li mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-kawża tikkonċerna l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Autorità, li applikat l-Artikolu 101 TFUE u mhux ir-regolamenti nazzjonali fil-qasam tal-akkordji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Konsegwentement, id-domanda msemmija għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

40

L-istess japplika f’dak li jirrigwarda d-domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2137/85 u tad-Direttivi 2005/36 u 2006/123.

41

Fir-rigward tal-kwistjoni msemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat sa fejn organizzazzjoni professjonali bħall-Ordni Nazzjonali tal-Ġeoloġi fl-Italja għandha titqies bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE meta din tadotta regoli bħal dawk stabbiliti fil-kodiċi tal-etika.

42

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, għandu jiġi vverifikat jekk, meta jadotta regoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ordni professjonali għandux jitqies bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi jew, b’mod kuntrarju, bħala awtorità pubblika minħabba l-fatt li l-attività tiegħu hija relatata mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika (ara s-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fir-rigward tan-natura tal-attivitajiet taċ-CNG, mill-Artikoli 8 u 9 tal-Liġi Nru 112/1963 jirriżulta li l-ġeoloġi kollha mniżżla fir-reġistru stabbilit minn din id-dispożizzjoni jikkostitwixxu l-ordni u jaħtru ċ-CNG, u dan tal-aħħar huwa inkarigat sabiex iħares l-osservanza tal-regolamentazzjoni professjonali u tad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha li jikkonċernaw il-professjoni, u sabiex jadotta l-miżuri dixxiplinari.

44

B’hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta tadotta att bħall-kodiċi tal-etika, organizzazzjoni professjonali bħall-Ordni Nazzjonali tal-Ġeoloġi ma teżerċita la missjoni soċjali bbażata fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà u lanqas prerogattivi tipiċi ta’ setgħa pubblika. Din tidher bħala l-organu ta’ regolazzjoni ta’ professjoni li, barra minn hekk, l-eżerċizzju tagħha jikkostitwixxi attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

45

Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li organizzazzjoni professjonali bħall-Ordni Nazzjonali tal-Ġeoloġi taġixxi bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, fil-kuntest tal-elaborazzjoni ta’ regoli ta’ etika bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

46

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk ir-regoli tal-etika inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux deċiżjoni fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, għandu jitfakkar li anki rakkomandazzjoni ta’ prezzijiet, ikun xi jkun l-istat legali eżatt tagħha, tista’ titqies li tikkostitwixxi tali deċiżjoni (sentenza tas-27 ta’ Jannar 1987, Verband der Sachversicherer vs Il-Kummissjoni, 45/85, Ġabra p. 405, punt 32).

47

F’dan il-każ, in-natura vinkolanti tal-kodiċi tal-etika fir-rigward tal-ġeoloġi kif ukoll il-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet fuq dawn tal-aħħar f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kodiċi msemmi għandhom iwasslu sabiex ir-regoli li huma espressi fih jitqiesu fis-sens li jikkostitwixxu deċiżjoni fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE.

48

Sabiex ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni japplikaw għal akkordju jew għal prassi abbużiva, hemm bżonn li din tkun tista’ tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et, C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619, punt 40).

49

Għal dan il-għan, deċiżjoni, ftehim jew prattika għandhom, abbażi ta’ numru ta’ punti oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħtu x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twettiq ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri (ara s-sentenza Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

50

Akkordju li jkun mifrux fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida d-diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-35/96, Ġabra p. I-3851, punt 48, u Manfredi et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

51

Dan jista’ jkun l-effett tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali peress li d-dritt Taljan jipprevedi appartenenza obbligatorja tal-ġeoloġi, fit-territorju kollu tar-Repubblika Taljana, għall-ordni professjonali, liema ħaġa timplika s-suġġettar tagħhom għar-regoli tal-etika u għar-responsabbiltà dixxiplinari tagħhom għall-ksur ta’ dawn ir-regoli.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-regoli tal-etika, li bħala kriterji għall-iffissar tal-onorarji tal-professjonist jindikaw id-dinjità tal-professjoni kif ukoll il-kwalità u l-importanza tas-servizz, jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni ġewwa s-suq intern.

53

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tillimita l-libertà ta’ azzjoni tal-partijiet jew ta’ waħda minnhom ma taqax neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal każ partikolari, għandu qabel kollox jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest globali li fih ġiet adottata jew toħloq l-effetti tagħha deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi inkwistjoni, u b’mod iktar partikolari tal-għanijiet tagħha, li f’dan il-każ jikkonsistu fil-ksib tal-garanziji neċessarji għall-konsumaturi finali tas-servizzi inkwistjoni. Wara għandu jiġi eżaminat jekk l-effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li jirriżultaw minnha humiex inerenti għat-tfittxija tal-imsemmija għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wouters et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97).

54

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mistħarreġ jekk ir-restrizzjonijiet hekk imposti mir-regoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex limitati għal dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni ta’ għanijiet leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C-519/04 P, Ġabra p. I-6991, punt 47).

55

Fir-rigward tal-proċess li jinsab għand il-Qorti tal-Ġustizzja, din ma hijiex f’pożizzjoni li tevalwa jekk l-eżistenza tal-kriterju relattiv għad-dinjità tal-professjoni jistax jitqies bħala neċessarju għall-implementazzjoni ta’ għan leġittimu bħal dak marbut mal-garanziji mogħtija lill-konsumaturi finali tas-servizzi tal-ġeoloġi, peress li, b’mod partikolari, l-imsemmi kriterju jiżdied ma’ kriterji oħra ta’ determinazzjoni tal-onorarji strettament marbuta mal-kwalità tax-xogħol tal-imsemmija ġeoloġi, bħall-importanza u d-diffikultà tax-xogħol, l-għarfien tekniku u l-isforzi meħtieġa.

56

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-kuntest globali li fih japplika l-effett tiegħu l-kodiċi tal-etika, inkluż fir-rigward tal-kuntest legali nazzjonali kollu kif ukoll tal-prattika tal-applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi mill-Ordni Nazzjonali tal-Ġeoloġi, jekk jinħoloqx effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni ġewwa s-suq intern. Il-qorti msemmija għandha tivverifika wkoll jekk, fid-dawl tal-provi rilevanti kollha li għandha quddiemha, ir-regoli tal-kodiċi msemmi, b’mod partikolari sa fejn dawn jirrikorru għall-kriterju relattiv għad-dinjità tal-professjoni, jistgħux jitqiesu bħala neċessarji għall-implementazzjoni tal-imsemmi għan leġittimu marbut ma’ garanziji mogħtija lill-konsumaturi.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi li jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni għandha tkun li r-regoli bħal dawk stabbiliti mill-kodiċi tal-etika li bħala kriterji għall-iffissar tal-onorarji tal-ġeoloġi jipprevedu, minbarra l-kwalità u l-importanza tal-provvista ta’ servizz, id-dinjità tal-professjoni, jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE li jista’ jkollha l-effett li tirristrinġi l-kompetizzjoni ġewwa s-suq intern. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-kuntest globali li fih japplika l-effetti tiegħu dan il-kodiċi, inkluż fid-dawl tal-kuntest legali nazzjonali kollu kif ukoll tal-prattika tal-applikazzjoni tal-kodiċi msemmi mill-Ordni Nazzjonali tal-Ġeoloġi, jekk l-effett imsemmi jinħoloqx f’dan il-każ. Il-qorti msemmija għandha wkoll tivverifika jekk, fid-dawl tal-provi rilevanti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, ir-regoli ta’ dan l-istess kodiċi, b’mod partikolari sa fejn jirrikorru għall-kriterju relattiv għad-dinjità tal-professjoni, jistgħux jitqiesu bħala neċessarji għall-implementazzjoni tal-għan leġittimu marbut ma’ garanziji mogħtija lill-konsumaturi tas-servizzi tal-ġeoloġi.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina u tifformula d-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li din tqis rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Regoli nazzjonali li għandhom l-effett li jostakolaw din il-ġurisdizzjoni ma għandhomx jiġu applikati.

 

2)

Ir-regoli bħal dawk stabbiliti mill-kodiċi tal-etika dwar l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ ġeologu fl-Italja, approvat mill-Consiglio nazionale dei geologi fid-19 ta’ Diċembru 2006 u emendat l-aħħar fl-24 ta’ Marzu 2010, li bħala kriterji għall-iffissar tal-onorarji tal-ġeoloġi jipprevedu, minbarra l-kwalità u l-importanza tal-provvista ta’ servizz, id-dinjità tal-professjoni, jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE li jista’ jkollha l-effett li tirristrinġi l-kompetizzjoni ġewwa s-suq intern. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-kuntest globali li fih japplika l-effetti tiegħu dan il-kodiċi, inkluż fid-dawl tal-kuntest legali nazzjonali kollu kif ukoll tal-prattika tal-applikazzjoni tal-kodiċi msemmi mill-Ordni Nazzjonali tal-Ġeoloġi, jekk l-effett imsemmi jinħoloqx f’dan il-każ. Il-qorti msemmija għandha wkoll tivverifika jekk, fid-dawl tal-provi rilevanti kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, ir-regoli ta’ dan l-istess kodiċi, b’mod partikolari sa fejn jirrikorru għall-kriterju relattiv għad-dinjità tal-professjoni, jistgħux jitqiesu bħala neċessarji għall-implementazzjoni tal-għan leġittimu marbut ma’ garanziji mogħtija lill-konsumaturi tas-servizzi tal-ġeoloġi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.