EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0379

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2018.
Kawża mressqa mis-Società Immobiliare Al Bosco Srl.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Terminu previst fid-dritt tal-Istat Membru mitlub sabiex jiġi eżegwit digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju – Applikabbiltà ta’ dan it-terminu għal strument li jordna s-sekwestru kawtelatorju miksub fi Stat Membru ieħor u ddikjarat eżekuttiv fl-Istat Membru mitlub.
Kawża C-379/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:806

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Terminu previst fid-dritt tal-Istat Membru mitlub sabiex jiġi eżegwit digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju – Applikabbiltà ta’ dan it-terminu għal strument li jordna s-sekwestru kawtelatorju miksub fi Stat Membru ieħor u ddikjarat eżekuttiv fl-Istat Membru mitlub”

Fil-Kawża C‑379/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura mressqa minn

Società Immobiliare Al Bosco Srl

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Techert u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 38(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Società Immobiliare Al Bosco Srl (iktar ’il quddiem “Al Bosco”) intiża għall-eżekuzzjoni fil-Ġermanja, permezz tar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka bħala garanzija għal kreditu fuq proprjetà immobbli, ta’ digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju mogħti mit-Tribunale di Gorizia (il-Qorti ta’ Gorizia, l-Italja) kontra Gunter Hober u ddikjarat eżekuttiv fil-Ġermanja mil-Landgericht München (il-Qorti Reġjonali ta’ München, il-Ġermanja).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 6, 10, 16 u 17 tar-Regolament Nru 44/2001 huma fformulati kif ġej:

“(2)

Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[…]

(6)

Sabiex jintlaħaq l-obbjettiv ta’ moviment liberu ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkun regolat minn strument legali tal-Komunità li jkun jorbot u direttament applikabbli.

[…]

(10)

Għall-iskopijiet ta’ moviment ħieles ta’ sentenzi, sentenzi mgħotija fi Stat Membru marbut b’dan ir-Regolament għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru ieħor marbut b’dan ir-Regolament […]

[…]

(16)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)

Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.”

4

L-Artikolu 38(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

5

L-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Is-sentenza għandha tiġi ddikjarata eżegwibbli immedjatament mat-twettieq tal-formalitajiet fl-Artikolu 53 mingħajr xi reviżjoni permezz ta’ l-Artikoli 34 u 35. Il-parti li kontra tagħha tkun imfittxija l-eżekuzzjoni m’għandiex f’dan l-istadju tal-proċeduri tkun intitolata li tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.”

6

Skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), li ħassar ir-Regolament Nru 44/2001:

“[…] ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandu jkompli japplika għal sentenzi mogħtija fi proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi formalment imfassla jew irreġistrati u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi qabel l‑10 ta’ Jannar 2015 u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.”

Id-dritt Ġermaniż

7

L-Artikolu 929 taz-Zivilprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iktar ’il quddiem iz-“ZPO”), bit-titolu “Ordni eżekuttiva; terminu ta’ eżekuzzjoni” jagħmel parti mit-Taqsima 5, dwar is-sekwestri kawtelatorji u l-miżuri provviżorji, tal-Ktieb 8 taz-ZPO, dwar il-miżuri ta’ eżekuzzjoni. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tagħha:

“(2)   L-eżekuzzjoni ta’ digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju ma hijiex awtorizzata wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri mid-data li fiha l-ordni tkun ingħatat jew ġiet innotifikata lill-parti li fuq it-talba tagħha tkun inħarġet.

(3)   L-eżekuzzjoni hija legali qabel in-notifika tad-digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju lid-debitur. Din madankollu tkun mingħajr effett meta n-notifika ma ssirx matul il-ġimgħa sussegwenti għall-eżekuzzjoni u qabel l-iskadenza tat-terminu previst għaliha fil-paragrafu preċedenti.”

8

Skont l-Artikolu 932 taz-ZPO, bit-titolu “Sekwestru kawtelatorju mwettaq permezz ta’ reġistrazzjoni ipotekarja”:

“(1)   L-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ sekwestru kawtelatorju ta’ immobbli […] iseħħ permezz ta’ reġistrazzjoni ta’ ipoteka li tiggarantixxi l-kreditu […].

[…]

(3)   It-talba għar-reġistrazzjoni tal-ipoteka għandha titqies, fis-sens tal-Artikolu 929(2) u (3), bħala l-eżekuzzjoni tad-digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Al Bosco, kumpanija immobbiljarja rregolata mid-dritt Taljan, kisbet, fid‑19 ta’ Novembru 2013, digriet mit-Tribunale di Gorizia (il-Qorti ta’ Gorizia) li jawtorizzaha tipproċedi b’sekwestru kawtelatorju kontra G. Hober għal ammont ta’ EUR 1000000 fuq il-valuri mobbli u immobbli, materjali u immaterjali.

10

Fit‑22 ta’ Awwissu 2014, dan id-digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju ġie ddikjarat eżekuttiv fil-Ġermanja mil-Landgericht München (il-Qorti Reġjonali ta’ München) skont ir-Regolament Nru 44/2001.

11

Fit‑23 ta’ April 2015, Al Bosco talbet reġistrazzjoni ipotekarja fuq il-proprjetà immobbli tad-debitur li tinsab fil-Ġermanja, jiġifieri appartament bi sjieda konġunta u żewġ postijiet ta’ parkeġġ f’parkeġġ taħt l-art. It-talba tagħha ġiet miċħuda mill-Amtsgericht München - Grundbuchamt (il-Qorti tad-Distrett ta’ München, dipartiment inkarigat miż-żamma tar-reġistru tal-artijiet, il-Ġermanja).

12

Al Bosco kkontestat id-deċiżjoni ta’ din il-qorti quddiem l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja). Din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 929(2) taz-ZPO. Fil-fatt, din il-qorti qieset li dan it-terminu għandu japplika għall-eżekuzzjoni tal-istrument li jordna s-sekwestru kawtelatorju maħruġ minn qorti Taljana, li, peress li ġie rrikonoxxut fil-Ġermanja, huwa paragunabbli ma’ strument li jordna s-sekwestru kawtelatorju maħruġ minn qorti Ġermaniża. Barra minn hekk, hija qieset li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-validità ta’ strument li jordna s-sekwestru kawtelatorju miksub fi Stat Membru ieħor, iżda l-eżekuzzjoni tiegħu, li hija suġġetta għal-lex fori.

13

Fil‑15 ta’ Ġunju 2016, Al Bosco appellat mid-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München). Fl-appell tagħha, hija sostniet li t-terminu ta’ eżekuzzjoni tas-sekwestru previst fl-Artikolu 675 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Taljan, li abbażi tiegħu d-digriet li jawtorizza s-sekwestru jitlef l-effetti tiegħu jekk ma jiġix eżegwit f’terminu ta’ 30 jum mid-data tal-għoti tiegħu, ġie osservat, peress li mandati ta’ qbid saru fit-terminu ta’ tletin jum mid-data tad-digriet tad‑19 ta’ Novembru 2013. Hija sostniet li t-terminu tad-dritt Ġermaniż ma jistax ikollu jiġi osservat flimkien mat-terminu previst mid-dritt Taljan.

14

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 929(2) taz-ZPO, hijiex marbuta man-natura eżekuttiva tad-digriet li jawtorizza sekwestru kawtelatorju li, skont l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001, jaqa’ taħt id-dritt tal-Istat Membru li fih dan l-istrument ingħata, jew jekk din id-dispożizzjoni tirrigwardax l-eżekuzzjoni fiha nnifisha ta’ strument eżekuttiv maħruġ fi Stat Membru ieħor, fejn tali regoli jaqgħu bħala prinċipju taħt id-dritt tal-Istat Membru mitlub.

15

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-bażi tal-eżekuzzjoni forzata fil-Ġermanja ta’ strument li jordna s-sekwestru kawtelatorju adottat fi Stat Membru ieħor hija s-sentenza nazzjonali dwar id-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni. Jekk ir-reġistrazzjoni ta’ ipoteka bħala garanzija għal kreditu tiġi mitluba, il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni forzata previsti mid-dritt Ġermaniż ikunu eżaminati b’mod awtonomu mid-dipartiment inkarigat miż-żamma tar-reġistru tal-artijiet. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, il-qorti tal-appell ikklassifikat ġustament, u mingħajr ma dan ġie kkontestat fil-kuntest tal-appell, is-sekwestru kawtelatorju ddikjarat fl-Italja, fid-dawl tal-funzjoni tiegħu, bħala strument li jordna s-sekwestru kawtelatorju previst mid-dritt Ġermaniż, li għandu jiġi eżegwit, skont l-Artikolu 932 taz-ZPO, permezz tat-talba għar-reġistrazzjoni tal-ipoteka. Għaldaqstant il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni applikabbli f’dan il-każ huma dawk previsti mid-dispożizzjonijiet Ġermaniżi dwar l-eżekuzzjoni tal-istrument li jordna s-sekwestru kawtelatorju, b’mod partikolari l-Artikolu 929(2) taz-ZPO.

16

Il-qorti tar-rinviju tindika li, meta t-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taz-ZPO jkun skada, id-digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju ma jistax jiġi iktar eżegwit. F’dan ir-rigward, din il-qorti tippreċiża li, meta jkun japplika għal sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra, dan it-terminu għandu jiġi kkalkolat mid-data tan-notifika tad-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni lill-kreditur. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipproteġi lid-debitur sabiex jiġi evitat li sentenzi adottati wara proċedura sommarja għal miżuri provviżorji jibqgħu eżegwibbli għal perijodu relattivament twil u minkejja bidliet eventwali fis-sitwazzjoni.

17

Il-qorti tar-rinviju tqis li, minn naħa, mil-lat tat-teknika ġuridika, it-terminu ta’ eżekuzzjoni jista’ jaqa’ taħt id-dritt nazzjonali tal-qorti adita mingħajr ma jkun irregolat mir-Regolament Nru 44/2001, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 1985, Capelloni u Aquilini, 119/84, EU:C:1985:388, punt 16; tad‑29 ta’ April 1999, Coursier, C‑267/97, EU:C:1999:213, punt 28, kif ukoll tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 69). Min-naħa l-oħra, dan it-terminu jkollu l-konsegwenza li n-natura eżekuttiva tal-istrument tintemm meta jisakdi ċertu żmien. L-effett ta’ dan it-terminu ma huwiex, finalment, differenti minn dak ta’ annullament tal-istrument fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell. Konsegwentement, l-applikazzjoni ta’ dan l-istess terminu fir-rigward ta’ digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju mogħti minn Stat Membru ieħor tista’ tkun inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li abbażi tagħha l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex tippreġudika l-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001 billi ma jiġux applikati l-prinċipji stabbiliti minnu (sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 1985, Capelloni u Aquilini, 119/84, EU:C:1985:388, punt 21, kif ukoll tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 69).

18

Fl-aħħar nett, din il-qorti tindika li l-ġurisprudenza nazzjonali u d-duttrina huma maqsuma f’dak li jirrigwarda l-portata tal-Artikolu 929(2) taz-ZPO. F’dan ir-rigward, ċerti qrati Ġermaniżi ddikjaraw li din id-dispożizzjoni tirrigwarda n-natura eżekuttiva tad-digriet li jawtorizza sekwestru kawtelatorju u tista’ tapplika biss għall-istrumenti Ġermaniżi li jordnaw is-sekwestru, filwaqt li oħrajn iqisu li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-istrumenti li jordnaw is-sekwestru maħruġa fi Stati Membri oħra u li jkunu ġew iddikjarati eżekuttivi fil-Ġermanja. Il-qorti tal-appell qieset li għandha tiġi eżaminata l-osservanza tat-terminu ta’ eżekuzzjoni stabbilit mid-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni kif ukoll ta’ dak previst mid-dritt tal-Istat Membru mitlub waqt l-eżekuzzjoni nnifisha.

19

Barra minn hekk, bħala aspett tad-dritt komparattiv, il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tqis li t-terminu ta’ eżekuzzjoni ta’ ħames snin, previst fl-Artikolu 518 tal-Ley de Enjuiciamiento Civil (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) applikabbli b’mod partikolari għas-sentenzi ġudizzjarji, għandu jiġi applikat ukoll għas-sentenzi mogħtija fl-Istati Membri l-oħra u meqjusa li huma ddikjarati eżekuttivi fi Spanja, skont l-Artikoli 38 et seq. tar-Regolament Nru 44/2001.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Huwa kompatibbli mal-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru [44/2001], il-fatt li terminu, li huwa stabbilit fid-dritt tal-Istat fejn tintalab l‑eżekuzzjoni u li fuq il-bażi tiegħu strument ma jkunx jista’ jiġi eżegwit wara l-iskadenza ta’ perijodu partikolari, jiġi applikat ukoll għal strument komparabbli minn aspett funzjonali maħruġ fi Stat Membru ieħor u rrikonoxxut u ddikjarat bħala li jista’ jiġi eżegwit fl-Istat fejn tintalab l-eżekuzzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ terminu għall-eżekuzzjoni ta’ digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju, tiġi applikata fil-preżenza ta’ tali digriet adottat fi Stat Membru ieħor u li jista’ jiġi eżegwit fl-Istat Membru mitlub.

22

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, ir-Regolament Nru 44/2001 għandu jkompli japplika għas-sentenzi mogħtija fil-proċeduri ġudizzjarji mibdija qabel l‑10 ta’ Jannar 2015 li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-aħħar regolament. Dan huwa l-każ, f’dan il-każ, tad-digriet li permezz tiegħu l-istrument li jordna s-sekwestru kawtelatorju maħruġ fl-Italja ġie ddikjarat eżekuttiv fil‑Ġermanja fit‑22 ta’ Awwissu 2014.

23

Mill-kliem tal-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru u li huma eżekuttivi fih għandhom jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor wara li, fuq talba ta’ kull interessat, dawn ikunu ġew iddikjarati eżekuttivi fih.

24

Għall-finijiet tal-ħruġ tad-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlub, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 44/2001, l-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub għandhom jillimitaw ruħhom għal sempliċi kontroll formali tad-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments, C‑139/10, EU:C:2011:653, punti 28 sa 30).

25

In-natura ristretta ta’ dan il-kontroll hija ġġustifikata mill-iskop tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni li jikkonsisti mhux f’li tinbeda proċedura ġdida, iżda pjuttost f’li jiġi kkonsentit, abbażi ta’ fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Istati Membri, li s-sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru mitlub tiġi eżegwita f’dan tal-aħħar permezz tal-inklużjoni tagħha fis-sistema legali tiegħu. B’hekk, din il-proċedura tippermetti lil sentenza mogħtija fi Stat Membru differenti minn dak mitlub toħloq f’dan tal-aħħar l-effetti li jappartjenu lil strument nazzjonali li għandu natura eżekuttiva (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments, C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 31).

26

Għandu jitfakkar ukoll li r-Regolament Nru 44/2001 jillimita ruħu jirregola l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-istrumenti eżekuttivi mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlb u ma jikkonċernax l-eżekuzzjoni nnifisha, li tibqa’ suġġetta għad-dritt nazzjonali tal-qorti adita, mingħajr ma l-applikazzjoni tar-regoli proċedurali tal-Istat Membru mitlub fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tista’ tippreġudika l-effett utli tas-sistema prevista minn dan ir-regolament fil-qasam tal-eżekuzzjoni billi tonqos mill-prinċipji stabbiliti f’dan il-qasam, kemm jekk b’mod espliċitu jew impliċitu, mill-imsemmi regolament innifsu (sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 69).

27

Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk it-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taz-ZPO huwiex marbut man-natura eżekuttiva tad-digriet li jawtorizza sekwestru kawtelatorju mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlub jew jekk din id-dispożizzjoni taqax taħt l-eżekuzzjoni nnifisha.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni huwa r-rikonoxximent tal-effetti ta’ sentenza ta’ Stat Membru ieħor fl-Istat Membru mitlub. Dan ir-rikonoxximent jirrigwarda l-karatteristiċi intrinsiċi ta’ dik is-sentenza, billi jsir distakk mill-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minnha (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments, C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 39).

29

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju mogħti mit-Tribunale di Gorizia (il-Qorti ta’ Gorizia) ġie ddikjarat eżekuttiv fil-Ġermanja, skont ir-regoli ta’ eżekuzzjoni.

30

Mid-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż, u b’mod partikolari mill-Artikolu 932(1) taz-ZPO jirriżulta li l-eżekuzzjoni ta’ digriet li jordna s-sekwestru kawtelatroju ta’ immobbli ssir permezz tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet ta’ ipoteka bħala garanzija għal kreditu. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni ta’ digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju ma hijiex awtorizzata wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 929(2) taz-ZPO. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-imsemmi terminu ta’ eżekuzzjoni jillimita l-eżekuzzjoni forzata ta’ digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju, iżda mhux il-validità tiegħu.

31

Issa, kemm ir-reġistrazzjoni ta’ ipoteka bħala garanzija għal kreditu mad-dipartiment inkarigat miż-żamma tar-reġistru tal-artijiet kif ukoll it-terminu applikabbli għat-twettiq ta’ din ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt l-eżekuzzjoni ta’ digriet li jawtorizza sekwestru kawtelatroju mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlub, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu saħħa eżekuttiva sussegwentement għar-rikonoxximent tiegħu fl-Istat Membru mitlub. Għaldaqstant dawn jaqgħu taħt ir-regoli proċedurali li ġew stabbiliti fid-dritt Ġermaniż għall-eżekuzzjoni tad-digrieti li jawtorizzaw sekwestri kawtelatorji.

32

Il-fatt li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ eżekuzzjoni, bħal dak previst fl-Artikolu 929(2) taz-ZPO, timplika limitazzjoni ratione temporis tal-effetti eżekuttivi ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlub ma jqiegħedx inkwistjoni l-interpretazzjoni li abbażi tagħha dan it-terminu jaqa’ taħt il-fażi tal-eżekuzzjoni nnifisha.

33

Fil-fatt, peress li l-eżekuzzjoni nnifisha ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlub u li għandha saħħa eżekuttiva f’dan l-Istat Membru ma kinitx is-suġġett ta’ armonizzazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru mitlub dwar l-eżekuzzjoni għandhom japplikaw.

34

B’mod partikolari, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 ma stabbilixxiex regoli dwar l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlub, dan tal-aħħar jibqa’ liberu li jipprevedi, fl-ordinament ġuridiku tiegħu, l-applikazzjoni ta’ terminu sabiex tiġi implimentata l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenzi, li ġew irrikonoxxuti u ddikjarati eżekuttivi f’dan l-aħħar Stat Membru.

35

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, ladarba din is-sentenza tiġi integrata fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub, ir-regoli nazzjonali ta’ dan tal-aħħar Stat dwar l-eżekuzzjoni għandhom japplikaw bl-istess mod bħas-sentenzi meħuda mill-qrati nazzjonali (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments, C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Id-dispożizzjonijiet proċedurali tal-Istat Membru mitlub huma l-uniċi applikabbli. Fil-fatt, il-qrati tal-Istat Membru mitlub ma humiex obbligati japplikaw eventwali dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini li jipprevedu, għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini, termini differenti mit-termini previsti mid-dritt tal-Istat Membru mitlub.

37

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 26 tar-Regolament Nru 1215/2012, moqrija flimkien mal-Artikolu 39 tiegħu, li inkorporat il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, u li tipprovdi li kull sentenza mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru għandha tiġi ttrattata daqslikieku kienet ingħatat fl-Istat Membru mitlub.

38

Minn perspettiva sistematika iktar wiesgħa, għandu jiġi osservat li din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li jistabbixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2014, L 189, p. 59), li jipprovdi li d-digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju għandu jiġi eżegwit skont il-proċeduri applikabbli għall-eżekuzzjoni ta’ digrieti ekwivalenti fuq il-livell nazzjonali fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

39

Il-fatt li n-nuqqas ta’ osservanza mill-applikant tat-terminu, previst fl-Artikolu 929(2) taz-ZPO, għandu bħala effett li l-eżekuzzjoni ta’ digriet li jawtorizza sekwestru kawtelatorju mogħti minn qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlub ma tkunx iktar possibbli permezz tar-reġistrazzjoni ta’ ipoteka bħala garanzija għal kreditu fir-reġistru tal-artijiet tal-Istat Membru mitlub, filwaqt li din is-sentenza tibqa’ eżekuttiva fl-Istat Membru ta’ oriġini, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta tali interpretazzjoni.

40

Fil-fatt, għalkemm ir-rikonoxximent għandu jkollu l-effett, bħala prinċipju, li jagħti lis-sentenzi l-awtorità u l-effettività li dawn igawdu minnhom fl-Istat Membru fejn ingħataw, madankollu ma teżisti l-ebda raġuni għalfejn sentenza tingħata, meta tiġi eżegwita, effetti li sentenza tal-istess tip mogħtija direttament fl-Istat Membru mitlub ma tipproduċix (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Prism Investments, C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni ta’ terminu, bħal dak previst fl-Artikolu 929(2) taz-ZPO, tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti.

42

Fil-fatt, minn naħa, ladarba d-digriet li jawtorizza sekwestru kawtelatorju mogħti minn qorti bħall-qorti Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi ddikjarat eżekuttiv fil-Ġermanja, dan jista’ jgawdi f’dan l-Istat Membru l-awtorità u l-effikaċja li dan kellu fl-Istat Membru ta’ oriġini. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ applikazzjoni tat-terminu ta’ eżekuzzjoni previst fl-Artikolu 929(2) taz-ZPO għas-sentenzi tal-istess tip fl-Istat Membru mitlub ikollu l-konsegwenza li d-digrieti li jawtorizzaw sekwestru kawtelatorju mogħtija mill-qrati ta’ Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wara li ġew rikonoxxuti eżekuttivi, ikollhom effetti differenti minn dawk mogħtija mid-dritt nazzjonali lid-digrieti li jawtorizzaw sekwestru kawtelatorju mogħtija minn qorti nazzjonali, b’mod partikolari dawn jistgħu jiġu eżegwiti mingħajr limitazzjoni ratione temporis jew matul żmien spoporzjonament itwal mis-sentenzi nazzjonali.

43

Barra minn hekk, interpretazzjoni li tipprovdi li terminu, stabbilit għall-eżekuzzjoni tad-digrieti li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju, huwa marbut mas-saħħa eżekuttiva tas-sentenzi, li hija rregolata mid-dritt proċedurali tal-Istat Membru ta’ oriġini, b’mod li t-terminu ta’ eżekuzzjoni eventwalment previst minn dan tal-aħħar għandu japplika għall-eżekuzzjoni tad-digrieti li jawtorizzaw sekwestru kawtelatorju mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru mitlub u li għandhom saħħa eżekuttiva f’dan l-aħħar Stat Membru, tkun timplika piż sproporzjonat għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jipproċedu bl-eżekuzzjoni. Hekk kif il-qorti tar-rinviju tindika fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, f’dan il-każ, l-awtorità Ġermaniża inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-artijiet ma tistax tiddetermina jekk id-dritt tal-Istat Membru li fih ingħata d-digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju jipprevedix terminu ta’ eżekuzzjoni, lanqas il-modalitajiet ta’ din l-eżekuzzjoni, u lanqas li hija ma tistax tkun awtorizzata tapplika dispożizzjoni legali ta’ dan l-Istat Membru.

44

Fit-tieni lok, hekk kif jirriżulta mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni tar-regoli proċedurali tal-Istat Membru mitlub fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tistax tippreġudika l-effett utli tas-sistema prevista mir-Regolament Nru 44/2001.

45

Għal dak li jirrigwarda l-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001, mill-premessi 2, 6, 16 u 17 tiegħu jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jiżgura l-moviment liberu ta’ sentenzi minn Stati Membri f’materji ċivili u kummerċjali, billi jiġu ssemplifikati l-formalitajiet bl-għan li jiġu mħaffa u ssemplifikati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Lebek, C‑70/15, EU:C:2016:524, punt 33).

46

Dan l-għan ma jistax madankollu jintlaħaq permezz tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ prinċipju importanti ieħor, dak taċ-ċertezza legali tar-reġistrazzjonijiet fir-reġistri tal-artijiet, kemm għall-protezzjoni tad-detenturi tad-drittijiet rreġsitrati fihom kif ukoll għall-protezzjoni ta’ terzi.

47

Tali limitazzjoni ratione temporis tal-eżekuzzjoni hija ġġustifikata wkoll fid-dawl tan-natura tal-proċedura ta’ sekwestru kawtelatorju, li hija distinta minħabba n-natura provviżorja tagħha, peress li b’mod ġenerali din hija suġġetta għall-kundizzjoni ta’ urġenza sabiex jiġi ggarantit il-ħlas ta’ kreditu li l-irkupru tiegħu jidher li jinsab f’riskju. Din il-viżjoni hija komuni fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fl-irkupru tal-krediti.

48

Hekk kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, din il-limitazzjoni ratione temporis tal-eżekuzzjoni għandha l-għan li timpedixxi li s-sentenzi adottati wara proċedura sommarja jibqgħu eżegwibbli għal perijodu twil u minkejja bidliet eventwali fis-sitwazzjoni.

49

Barra minn hekk, terminu għall-eżekuzzjoni tad-digrieti li jawtorizzaw sekwestru kawtelatorju, bħal dak previst fl-Artikolu 929(2) taz-ZPO, ma jippreġudikax l-effett utli tar-Regolament Nru 44/2001, peress li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru li ma huwiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huma, bħala prinċipju, irrikonoxxuti u ddikjarati eżekuttivi ipso jure f’dan l-aħħar Stat Membru, b’tali mod li l-għan ta’ dan ir-regolament li jiġi żgurat il-moviment liberu tas-sentenzi ġudizzjarji huwa osservat. Dan it-terminu, li huwa applikat inkwantu regola proċedurali għall-eżekuzzjoni tad-digrieti li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju, skont id-dritt tal-Istat Membru mitlub, jikkostitwixxi kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-eżekuzzjoni ta’ strument li għandu saħħa eżekuttiva.

50

Issa, it-terminu ta’ xahar hekk impost għall-eżekuzzjoni tad-digrieti li jordnaw is-sekwestru kawtelatorju, inkluż fil-każ ta’ digrieti mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri li ma humiex l-Istat Membru mitlub, u li għandu jiġi kkalkolat mid-data li fiha d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni ġiet innotifikata lill-kreditur, ma jimplikax riskju reali li dan tal-aħħar ma jistax jeżegwixxi fl-Istat Membru mitlub digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju mogħti fi Stat Membru ieħor u li għandu saħħa eżekuttiva.

51

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ terminu għall-eżekuzzjoni ta’ digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju, tiġi applikata fil-preżenza ta’ tali digriet adottat fi Stat Membru ieħor u li jista’ jiġi eżegwit fl-Istat Membru mitlub.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ terminu għall-eżekuzzjoni ta’ digriet li jordna s-sekwestru kawtelatorju, tiġi applikata fil-preżenza ta’ tali digriet adottat fi Stat Membru ieħor u li jista’ jiġi eżegwit fl-Istat Membru mitlub.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top