Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0312

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Settembru 2018.
Surjit Singh Bedi vs Bundesrepublik Deutschland u Bundesrepublik Deutschland in Prozessstandschaft für das Vereinigte Königreich von Großbritannien und Nordirland.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Hamm.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(2) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà — Ftehim kollettiv dwar is-sigurtà soċjali – Allowance addizzjonali temporanja mħallsa favur ex impjegati ċivili mal-forzi alleati fil-Ġermanja – Waqfien tal-ħlas ta’ din l-allowance meta l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ rtirar antiċipata għal persuni b’diżabbiltà, skont l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni.
Kawża C-312/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:734

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Artikolu 2(2) – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà – Ftehim kollettiv dwar is-sigurtà soċjali – Allowance addizzjonali temporanja mħallsa favur ex impjegati ċivili mal-forzi alleati fil-Ġermanja – Waqfien tal-ħlas ta’ din l-allowance meta l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ rtirar antiċipata għal persuni b’diżabbiltà, skont l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni”

Fil-Kawża C‑312/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Hamm (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Hamm, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Surjit Singh Bedi

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

Bundesrepublik Deutschland in Prozessstandschaft für das Vereinigte Königreich von Großbritannien und Nordirland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għal Bundesrepublik Deutschland in Prozessstandschaft für das Vereinigte Königreich von Großbritannien und Nordirland, minn B. von Buchholz, Rechtsanwältin,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Surjit Singh Bedi u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) u l-Bundesrepublik Deutschland in Prozessstandschaft für das Vereinigte Königreich von Großbritannien und Nordirland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li teżerċita b’rappreżentanza d-drittijiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq), dwar it-tmiem ta’ allowance addizzjonali temporanja, stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv, meta l-persuna kkonċernata tkun issodisfat il-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn pensjoni ta’ irtirar antiċipata għal persuni b’diżabbiltà skont l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 8, 11 sa 13 u 15 tad-Direttiva 2000/78:

“(8)

Il-Linji Gwida ta’ l-Impjieg għall-2000 miftehma mill-Kunsill Ewropew f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999 emfasizzaw il-bżonn li jiġi promoss suq tax-xogħol favorevoli għall-integrazzjoni soċjali permezz tal-formolazzjoni ta’ għadd ta’ linji politiċi koerenti bl-iskop li jikkumbattu diskriminazzjoni kontra gruppi bħal ta’ persuni b’disabilità. Jenfasizzaw wkoll il-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lis-sostenn ta’ ħaddiema anzjani, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol.

[…]

(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, disabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti it-twettiq tal-miri tat-Trattat tal-KE, speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)

B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti fil-Komunità kollha. Din il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni għandha wkoll tapplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjizi terzi imma ma tkoprix id-differenzi ta’ trattament ibbażati fuq ċittadinanza u ma tippreġudikax d-disposizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-aċċess tagħhom għall-impjieg u x-xogħol.

(13)

Din id-Direttiva ma tapplikax għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qligħ [remunerazzjoni] fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 141 ta’ t-Trattat tal-KE, lanqas għal ebda tip ta’ pagament mill-Istat bl-iskop li jipprovdi aċċess għall-impjieg jew li jżomm l-impjieg.

[…]

(15)

L-aprezzament tal-fatti li minnhom wieħed jippreżumi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi ġudizzjarji nazzjonali jew oħrajn kompetenti, skond ir-regoli tal-liġi jew il-prattika nazzjonali. Dawn ir-regoli jistgħu jipprovdu, b’mod partikolari illi d-diskriminazzjoni indiretta tiġi stabbilita b’kull mezz inkluż dak abbażi tal-prova statistika.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5

L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq [sabiex jintlaħaq] ikun[u] approprjati [xierqa] u neċessarji, jew

(ii)

fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn disposizzjoni, kriterju jew prattika simili.”

6

L-Artikolu 3(1) u (3) tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

3.   Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.”

7

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78 huwa fformulat kif ġej:

L-Istati Membri għandhom jieħdu il-miżuri neċessarji biex jiżguraw li:

(a)

kwalunkwe liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti;

(b)

kwalunkwe disposizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv, ir-regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti u l-professjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati.”

Id-dritt Ġermaniż

8

Il-Tarifvertrag zur sozialen Sicherung der Arbeitnehmer bei den Stationierungsstreitkräften im Gebiet der Bundesrepublik Deutschland (il-Ftehim Kollettiv dwar is-Sigurtà Soċjali għal Persuni Impjegati mill-Forzi Armati Stazzjonati fit-Territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-31 ta’ Awwissu 1971 (iktar ’il quddiem it-“TV SozSich”), ġie konkluż bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u trejdunjins differenti sabiex jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ impjegati ma’ forzi armati stazzjonati fit-territorju tiegħu f’isem l-Istati ta’ oriġini, li fosthom jidher ir-Renju Unit.

9

L-Artikolu 2 tat-TV SozSich, intitolat “Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà”, jistabbilixxi:

“Għandhom dritt għal benefiċċji previsti minn dan il-ftehim kollettiv l-impjegati li

1.   ingħataw is-sensja minħabba tnaqqis fil-persunal

(a)

li jirriżulta minn tnaqqis tal-persunal militari,

(b)

li jirriżulta minn tneħħija ta’ siti jew tat-trasferiment tagħhom barra mill-ambitu tal-lok attwali tax-xogħol permanenti, bħala konsegwenza ta’ deċiżjoni meħuda għal raġunijiet militari mill-ogħla awtorità ġerarkika.

2.   Meta, fil-mument tas-sensja, huma

(a)

jaħdmu full-time għal mill-inqas sena,

(b)

jistgħu jipproduċu l-prova ta’ mill-inqas ħames snin ta’ xogħol, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-[Tarifvertrag vom 16. Dezember 1966 für die Arbeitnehmer bei den Stationierungsstreitkräften im Gebiet der Bundesrepublik Deutschland (Ftehim Kollettiv dwar impjegati mal-Forzi stazzjonati fit-territorju tar-Repubblika Federali ta’ Ġermanja), tas-16 ta’ Diċembru 1966 (iktar ’il quddiem il- “TV AL II”], jew tal-[Tarifvertrag für die bei den Dienststellen, Unternehmen und sonstigen Einrichtungen der alliierten Behörden und der alliierten Streitkräfte im Gebiet von Berlin beschäftigten Arbeitnehmer (Ftehim Kollettiv dwar impjegati tas-servizzi, tal-impriżi, u tal-korpi oħra ta’ amministrazzjoni alleati u tal-Forzi Armati alleati fis-settur ta’ Berlin) tat-30 ta’ Jannar 1968 (iktar ’il quddiem il- “TV B II”)], li laħqu l-età ta’ 40 sena,

(c)

kellhom id-domiċilju permanenti tagħhom matul l-aħħar ħames snin fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ TV AL II jew ta’ TV B II,

(d)

ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw minn pensjoni ta’ rtirar jew pensjoni ta’ rtirar antiċipata taħt l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni, u

3.   meta l-ebda impjieg ieħor aċċettabbli fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-TV AL II ma ġie propost lilhom […]”

10

L-Artikolu 4 tat-TV SozSich, intitolat “Allowance addizzjonali temporanja”, jipprovdi:

“1.   Allowance addizzjonali temporanja għandha titħallas:

(a)

flimkien mar-remunerazzjoni riċevuta għal impjieg ieħor barra mill-forzi armati stazzjonati fuq it-territorju Ġermaniż,

(b)

flimkien mal-benefiċċji mogħtija mill-Bundesanstalt für Arbeit [(Uffiċċju Federali tal-Impjiegi, il-Ġermanja)] mogħtija minħabba qgħad jew programmi ta’ taħriġ professjonali (allowance tal-qgħad, għajnuna soċjali lil min hu qiegħed, allowance ta’ manteniment),

(c)

flimkien ma’ benefiċċji tal-mard imħallsa minn skema statutorja ta’ assigurazzjoni għall-mard minħabba mard jew benefiċċji għall-invalidità mħallsa minn skema legali tal-assigurazzjoni għal inċidenti f’każ ta’ inkapaċità għax-xogħol li tirriżulta minn inċident fuq il-post tax-xogħol.

[…]

3.   (a)(1) Il-bażi ta’ kalkolu tal-allowance temporanja mħallsa flimkien mar-remunerazzjoni riċevuta għal impjieg ieħor [(paragrafu 1(a))] hija r-remunerazzjoni bażika prevista mill-ftehim kollettiv fil-punt 1(a) tal-Artikolu 16 tal-TV AL II, li kienet ġiet lura lill-impjegat fid-data tas-sensja għal xahar kalendarju sħiħ, fuq il-bażi tal-ħin normali tax-xogħol previst fil-kuntratt tiegħu (formula tal-kalkolu: ħin tax-xogħol kull ġimgħa normali x 13: 3) […] 3). […]

(a)

L-impjegati, li fid-data tas-sensja tagħhom laħqu

20 sena ta’ servizz (Artikolu 8 tal-TV AL II jew tal-TV B II) u l-età ta’ 55 sena jew

25 snin ta’ servizz (Artikolu 8 tal-TV AL II jew TV B II) u l-età ta’ 50 sena

jibbenefikaw minn allokazzjoni addizzjonali temporanja skont il-paragrafi 1 sa 4 mingħajr limitu fiż-żmien.

[…]”

11

L-Artikolu 8 tat-TV SozSich, intitolat “Esklużjoni ta’ ħlas u ħlas lura ta’ allowances addizzjonali temporanji u kontribuzzjonijiet għal kontribuzzjonijiet mhux dovuti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(c) tiegħu:

“L-allowance temporanju u l-kontribuzzjoni għal kontribuzzjonijiet ma jitħallsux għall-perjodi:

[…]

(c)

wara ix-xahar li fih l-impjegat jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ rtirar antiċipata jew pensjoni tal-invalidità skont l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

S.S. Bedi, imwieled fl-1954, ġie rrikonoxxut bħala persuna b’diżabbiltà serja, b’rata ta’ diżabbiltà ta’ 50 %.

13

Huwa beda jaħdem fil-Ġermanja mal-Forzi Armati tar-Renju Unit matul is-sena 1978, bħala impjegat ċivili u fl-aħħar lok bħala gwardjan, fuq is-sit ta’ Münster (il-Ġermanja). Skont il-klawżoli tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, il-ftehimiet kollettivi tal-impjegati tal-forzi armati stazzjonati fuq it-territorju Ġermaniż, li jinkludu il-TV SozSich, kienu applikabbli fil-konfront tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu.

14

S.S. Bedi tkeċċa b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2013 minħabba l-għeluq tas-sit ta’ Münster. Mill-1 ta’ Jannar 2014, huwa rċieva l-allowance addizzjonali temporanja prevista fl-Artikolu 4 tat-TV SozSich (iktar ’il quddiem l-“allowance addizzjonali temporanja”). Din l-allowance għoliet fl-aħħar lok għal EUR 1 604.20 fix-xahar.

15

Fl-1 ta’ Marzu 2014, S.S. Bedi beda jaħdem bħala gwardjan ma’ kumpannija privata u, mill-1 ta’ April 2016, huwa impjegat minn din il-kumpannija fuq bażi full-time.

16

Permezz ta’ ittra tal-23 ta’ Marzu 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja informat lil S.S. Bedi minħabba li huwa kien jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar antiċipata għall-persuni li għandhom diżabbiltà serja, skont l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni, mill-1 ta’ Mejju 2015, u li, konsegwentement, id-dritt tiegħu li jirċievi allowance addizzjonali temporanja kellu jintemm fit-30 ta’ April 2015, skont l-Artikolu 8(1)(c), tat-TV SozSich. Ġie tterminat il-ħlas tal-imsemmija allowance f’dik id-data.

17

Fis-sitwazzjoni ta’ S.S. Bedi, il-pensjoni ta’ rtirar antiċipata għall-persuni li għandhom diżabbiltà serja tammonta għal EUR 909.50 fix-xahar, fid-dawl ta’ tnaqqis ta’ 10.80 % għal 36 xahar kalendarju li matulhom dan jibbenefika minn din il-pensjoni b’mod antiċipat. Il-limitu massimu ta’ remunerazzjonijiet addizzjonali li jista’ jirċievi flimkien ma’ din il-pensjoni ta’ rtirar, mingħajr ma l-ammont ta’ din tal-aħħar titnaqqas, tammonta għal EUR 450 fix-xahar għal pensjoni ta’ rtirar sħiħa. Il-limiti massimi għal remunerazzjoni kumulattiva ma’ pensjoni ta’ rtirar parzjali, possibbli wkoll fil-każ ta’ S.S. Bedi, jammontaw għal EUR 2310, EUR 1750 u EUR 1200 għall-pensjonijiet ta’ rtirar parzjali li jirrappreżentaw, rispettivament terz, 50 % u żewġ terzi ta’ pensjoni sħiħa. F’dan il-każ, S.S. Bedi jista’ jibbenefika minn irtirar parzjali li jirrappreżenta ż-żewġ terzi ta’ tali pensjoni.

18

S.S. Bedi ippreżenta rikors quddiem l-Arbeitsgericht Münster (il-Qorti Industrijali ta’ Münster, il-Ġermanja) kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn naħa, bħala Parti Kontraenti għal TV SozSich, u, min-naħa l-oħra, fuq il-bażi tal-Artikolu 56(8) tal-Ftehim li jissupplimenta l-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1951 bejn l-Istati Partijiet tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana rigward l-Istatus tal-Forzi tagħhom f’dak li jirrigwarda l-forzi barranin stazzjonati fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, iffirmat fil-3 ta’ Awwissu 1959 u emendat fit-21 ta’ Ottubru 1971, fit-18 ta’ Mejju 1981 u fit-18 ta’ Marzu 1993, biex jeżerċitaw id-dritt tar-Renju Unit. Huwa talab lil din il-qorti tikkonstata l-obbligu li jeżegwixxi fir-rigward tiegħu l-ħlas tal-allowance addizzjonali temporanja wara l-1 ta’ Mejju 2015. Permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata fil-11 ta’ Frar 2016, l-Arbeitsgericht Münster (il-Qorti Industrijali ta’ Münster) ċaħdet ir-rikors ta’ S.S. Bedi.

19

S.S. Bedi appella minn din is-sentenza quddiem il-Landesarbeitsgericht Hamm (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Hamm, il-Ġermanja). Huwa talab lil din il-qorti tikkonstata l-obbligu li teżegwixxi l-ħlas tal-allowance addizzjonali temporanja, kif ukoll il-ħlas ta’ din l-allowance mix-xahar ta’ April 2016 sax-xahar ta’ Diċembru 2016.

20

Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 8(1)(c) tat-TV SozSich jikser il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, imsemmija fl-Artikoli 1 u 16 tad-Direttiva 2000/78, f’sitwazzjoni fejn ħaddiem jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ftuħ tad-dritt għal pensjoni tal-irtirar antiċipata għal persuni b’diżabbiltà serja skont l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni.

21

Skont il-ġurisprudenza tal-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), l-Artikolu 8(1)(c) tat-TV SozSich ma jistabbilixxi ebda diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, għall-ħaddiema kkonċernati. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti sabiex wieħed jibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar antiċipata, ma tkunx ibbażata fuq id-diżabbiltà u, fi kwalunkwe każ, tkun iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dan huma xierqa u meħtieġa.

22

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, id-diskriminazzjoni ma tkunx eskluża fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar (C‑152/11, EU:C:2012:772).

23

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, b’mod partikolari, li l-kriterju previst fl-Artikolu 8(1)(c) tat-TV SozSich huwa bbażat fuq id-dritt għal pensjoni ta’ rtirar antiċipata. Sa fejn dan ma jkunx il-benefiċċju effettiv tal-pensjoni tal-irtirar li huwa importanti, iżda biss id-dritt ta’ ħaddiem li jibbenefika minn tali pensjoni, il-TV SozSich iwassal dejjem għal perijodu ta’ użu tal-allowance addizzjonali temporanja mnaqqsa għal ħaddiema b’diżabbiltà meta mqabbla mal-ħaddiema mingħajr diżabbiltà. Issa, is-sitwazzjoni ta’ tluq hija l-istess għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minn min iħaddem u li għandhom, minħabba l-età avvanzata tagħhom u fuq it-tul ta’ żmien tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom, jibbenefikaw minn għajnuna għaż-żamma ta’ livell ta’ għajxien deċenti li joffrulhom l-impjieg tagħhom u d-dħul marbutin miegħu, sakemm dawn jibbenefikaw minn pensjoni ta’ irtirar taħt l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni.

24

Jekk jittieħed bħala kriterju d-dritt għal pensjoni ta’ rtirar antiċipata għall-persuni li għandhom diżabbiltà serja, fil-kuntest tal-allowance addizzjonali temporanja, iwassal sabiex jiġi kompromess il-vantaġġ mogħti għall-għoti ta’ tali pensjoni bil-għan li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet u r-riskji partikolari li jiltaqgħu magħhom il-ħaddiema li jbatu minn diżabbiltà serja. Peress li jikkumpensa għall-iżvantaġġi li jirriżultaw biss minn tali diżabbiltà, dan il-benefiċċju ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-paragun bejn il-ħaddiema b’diżabbiltà serja u l-ħaddiema validi, u s-sitwazzjoni tagħhom fid-dawl tal-allowance addizzjonali temporanja. Il-kumpens previst mil-leġiżlatur għal diffikultajiet speċifiċi li jesperjenzaw il-persuni b’diżabbiltà serja li tipproduċi tali effetti għad-detriment tagħhom.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesarbeitsgericht Hamm (il-Qorti Industrijali Superjuri ta’ Hamm, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva [2000/78] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli ta’ ftehim kollettiv li jipprevedu li l-benefiċċju ta’ allowance addizzjonali temporanja mogħtija sabiex tiggarantixxi dħul deċenti lill-impjegati li tilfu l-impieg tagħhom, fuq il-bażi tar-remunerazzjoni bażika prevista mill-ftehim kollettiv u sakemm l-imsemmija impjegati jaċċedu għall-protezzjoni ekonomika mogħtija mid-dritt għal pensjoni fil-kuntest ta’ skema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni, jiġi fi tmiemu meta jingħata bidu għad-dritt għal pensjoni tal-irtirar antiċipata u li jieħdu bħala kriterju, għall-finijiet tal-applikazzjoni tagħhom, il-possibbiltà li tinkiseb pensjoni tal-irtirar antiċipata minħabba diżabbiltà?”

Fuq id-domanda preliminari

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv li jipprevedu t-terminazzjoni tal-ħlas ta’ allowance addizzjonali temporanja, mogħtija biex jiġi żgurat dħul diċenti lil ħaddiem li tilef l-impjieg tiegħu u sakemm ikollu dritt għal pensjoni ta’ rtirar skont l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni, meta dan il-ħaddiem jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar antiċipata prevista għal persuni b’diżabbiltà serja, skont din l-iskema.

27

F’dan il-każ, il-TV SozSich huwa ftehim kollettiv konkluż bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u trejdjunjins differenti fir-rigward tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema impjegati mal-forzi stazzjonati fit-territorju Ġermaniż.

28

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta kemm mit-titolu u mill-preambolu kif ukoll mill-kontenut u mill-għan tad-Direttiva 2000/78 li din tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tiżgura lil kulħadd ugwaljanza fit-trattament “fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol”, billi toffri protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 1 tagħha, fosthom id-diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 33, u tal-14 ta’ Marzu 2018, Stollwitzer, C‑482/16, EU:C:2018:180, punt 20).

29

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandha tiġi eżaminata, l-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjonijiet bħal dawk ta’ TV SozSich dwar l-allowance addizzjonali temporanja, jiġu allegati li huma ta’ natura diskriminatorja, jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

30

F’dan ir-rigward, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandu għalhekk jinftiehem, fid-dawl tal-Artikolu 3(1)(ċ) u (3) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 13 tagħha, bħala li ma jkoprix l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ protezzjoni soċjali li l-vantaġġi tagħhom ma humiex assimilati ma’ remunerazzjoni, skont it-tifsira mogħtija lil dan it-terminu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 157(2) TFUE (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et,C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, EU:C:2012:771, punt 31, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, C, C‑122/15, EU:C:2016:391, punt 20).

31

Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk allowance addizzjonali temporanja bħal dik prevista mill-TV SozSich tista’ tiġi assimilata ma’ remunerazzjoni skont l-Artikolu 157 TFUE.

32

Skont l-Artikolu 157(2) TFUE “paga” tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand min iħaddmu.

33

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “paga”, fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE, għandu jiġi interpretat f’sens wiesa’. Huwa jinkludi kwalunkwe korrispettiv fi flus jew in natura, attwali jew futur, sakemm il-ħaddiem jirċevieh, anki jekk indirettament, mill-persuna li kienet timpjegah minħabba l-impjieg ta’ dan tal-aħħar, kemm jekk taħt kuntratt ta’ xogħol, bis-saħħa ta’ xi liġi jew fuq bażi volontarja. Barra minn hekk, il-fatt li ċerti benefiċċji jitħallsu wara t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol ma jeskludix li dawn jistgħu jkollhom natura ta’ remunerazzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et, C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, EU:C:2012:771, punt 35, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, C, C‑122/15, EU:C:2016:391, punt 21).

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li fost il-vantaġġi li huma kklassifikati bħala “paga” jinsabu preċiżament il-benefiċċji mħallsa mill-persuna li timpjega minħabba l-eżistenza ta’ relazzjonijiet tax-xogħol imħallsa b’salarju li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw sors ta’ dħul għall-ħaddiema, anki jekk dawn ma jeżerċitaw, f’każijiet speċifiċi, l-ebda attività prevista mill-kuntratt ta’ xogħol. Barra minn hekk, in-natura ta’ remunerazzjoni ta’ tali benefiċċji ma tistax tiġi kkontestata minħabba s-sempliċi fatt li huma jissodisfaw ukoll kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali (sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek, C‑19/02, EU:C:2004:779, punt 39 u tat-2 ta’ Ġunju 2016, C, C‑122/15, EU:C:2016:391, punt 22).

35

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kumpens mogħti mill-prinċipal lill-ħaddiem meta dan jingħata s-sensja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dan il-kumpens jikkostitwixxi forma ta’ paga differita li għaliha l-ħaddiem huwa intitolat minħabba l-impjieg tiegħu iżda li tingħatalu fil-mument meta tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-adattament tiegħu għaċ-ċirkustanzi ġodda li jirriżultaw minn dan (sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber, C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 13; u tad-9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek, C‑19/02, EU:C:2004:779, punt 37).

36

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk benefiċċju jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE, huwa biss il-kriterju bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-benefiċċju tħallas lill-ħaddiem minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg li torbtu ma min kien preċedentement jimpjegah, jiġifieri l-kriterju tal-impjieg, ibbażat fuq il-kliem stess ta’ dan l-Artikolu, li jista’ jkun determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et, C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, EU:C:2012:771, punt 37, kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2016, Parris, C‑443/15, EU:C:2016:897, punt 34).

37

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-allowance addizzjonali temporanja għandha l-għan li tippermetti lill-ħaddiema anzjani impjegati għal żmien twil, li kienu tkeċċew għal raġuni ekonomika u b’mod validu, jibbenefikaw minn benefiċċju ta’ sostenn wara t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol. L-għan ta’ din l-allowance huwa li tiggarantixxi l-mezzi tal-għajxien, biex jittaffew l-iżvantaġġi li jirriżultaw minn inqas remunerazzjoni fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ġdida jew minħabba sitwazzjoni ta’ qgħad. Dik l-allowance għandha wkoll bħala għan li toħloq inċentiv li l-ħaddiem jibqa’ fil-ħajja attiva u jidħol f’relazzjoni ġdida ta’ xogħol barra mis-settur tal-forzi armati stazzjonati fil-Ġermanja. Dan huwa partikolarment il-każ meta, fil-funzjonijiet il-ġodda tiegħu, il-ħaddiem jikseb remunerazzjoni inqas minn dik li kien jirċievi fi dmirijietu mill-imsemmija forzi armati, jew inferjuri għall-allowance tal-qgħad.

38

Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li l-allowance addizzjonali temporanja hija benefiċċju soċjali speċjali ffinanzjata mit-taxxa mħallsa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja abbażi tal-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-TV SozSich, barra tar-relazzjoni ta’ xogħol li kienet teżisti bejn il-ħaddiem u l-Istat ta’ impjieg tiegħu. Madankollu, din il-qorti tispeċifika li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tħallas din l-allowance f’isem l-Istati ta’ oriġini tal-forzi armati stazzjonati fuq it-territorju Ġermaniż.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’dan il-każ, dik l-allokazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala mogħtija lil S.S. Bedi mir-Renju Unit fil-kwalità tiegħu bħala persuna li tħaddem, kif tindika r-Repubblika Federali tal-Ġermanja li teżerċita b’rappreżentanza tad-drittijiet tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

40

Barra minn hekk, peress li l-allowance addizzjonali temporanja hija prevista minn ftehim kollettiv bħal TV SozSich, li jikkonċerna biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, jiġifieri l-impjegati fost il-forzi armati stazzjonati fuq it-territorju Ġermaniż, din l-allowance hija ddeterminata mit-termini tar-relazzjoni tax-xogħol miftiehma bejn il-ħaddiem li jirċievi l-imsemmija allowance u min iħaddem.

41

F’dan ir-rigward, l-ammont tal-imsemmija allowance għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-aħħar salarju mħallas. Fil-fatt, skont kif indikat mill-qorti tar-rinviju, l-allowance addizzjonali temporanja għandha tingħata fuq il-bażi tar-remunerazzjoni bażika li l-ħaddiem kellu fid-data tat-tkeċċija tiegħu, skont l-Artikolu 4(3)(a)(1) tat-TV SozSich.

42

Minn dan isegwi li l-allowance addizzjonali temporanja tirrappreżenta vantaġġ attwali fi flus kontanti, imħallsa mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem minħabba l-impjieg ta’ dan tal-aħħar. Hija tikkostitwixxi, konsegwentement, “paga” fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE. Għaldaqstant, din l-allowance taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

43

Għandu, it-tieni nett, jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 8(1)(c) tat-TV SozSich jistabbilixxi diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, ipprojbita mid-Direttiva 2000/78.

44

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva, li fosthom tinsab, b’mod partikolari, id-diżabbiltà.

45

Għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, din il-forma ta’ diskriminazzjoni sseħħ meta persuna tkun ittrattata b’mod inqas favorevoli minn dak li bih tkun ittrattata persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

46

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li kemm il-ħaddiema b’diżabbiltà serja kif ukoll il-kategoriji l-oħra ta’ persuni li għandhom dritt għal pensjoni ta’ rtirar antiċipata taħt l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni Ġermaniża.

47

Konsegwentement, il-waqfien tal-ħlas tal-allowance addizzjonali temporanja fis-sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar antiċipata jew pensjoni tal-invalidità skont l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni, skont l-Artikolu 8(1)(c), tat-TV SozSich, ma tirrigwardax biss il-ħaddiema b’diżabbiltà serja.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħudin flimkien tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, peress li hija tibbaża fuq il-kriterju li ma huwiex intrinsikament marbut mad-diżabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punti 7274, kif ukoll tat-18 ta’ Jannar 2018, Ruiz Conejero, C‑270/16, EU:C:2018:17, punt 37).

49

F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta, hemm lok li jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Artikolu 2(2)(b)(ii) tad-Direttiva 2000/78 huwa irrilevanti fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, peress li ma ġiex allegat li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tobbliga lil min iħaddem lil S.S. Bedi, persuna jew organizzazzjoni li għaliha tapplika din id-direttiva, tieħu miżuri xierqa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biex telimina l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TV SozSich inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50

Fir-rigward tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, din id-dispożizzjoni tipprevedi li diskriminazzjoni indiretta titqies li tkun twettqet meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika ta’ apparenza newtrali jistgħu jimplikaw żvantaġġ partikolari għal persuni b’mod partikolari b’diżabbiltà meta mqabbla ma’ persuni oħra, sakemm din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika ma jkunux oġġettivament iġġustifikati b’għan leġittimu u sakemm il-mezzi użati sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

51

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ħaddiema b’diżabbiltà serja jirċievu pensjoni ta’ rtirar antiċipata taħt l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni, skont is-sena tat-twelid tagħhom, u li, għaldaqstant, dawn ġeneralment jingħataw allowance addizzjonali temporanja għal perijodu ta’ mhux iktar minn tliet snin għal dik tal-allowance mogħtija lill-ħaddiema validi tal-istess età, qabel ma dawn tal-aħħar jibbenefikaw mill-ftuħ ta’ dritt għal pensjoni ta’ rtirar antiċipata għal affiljati ta’ żmien twil. F’dan il-każ, l-allowance addizzjonali temporanja ngħatat lil S.S. Bedi biss sal-età ta’ 60 snin u 8 xhur, minflok sal-età ta’ 63 snin jekk ma kienx b’diżabiltajiet serji.

52

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dawl tat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar rċevut b’mod antiċipat u l-limiti massimi ta’ remunerazzjoni addizzjonali li ħaddiem jista’ jirċievi ma’ tali pensjoni, id-dħul totali ta’ persuna b’diżabbiltà li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ S.S. Bedi hija inqas mid-dħul akkumulat, kompost mill-ammont tal-allowance addizzjonali temporanja li żżid miegħu r-remunerazzjoni mħallsa fil-kuntest ta’ relazzjoni ġdida ta’ xogħol, li huma rċevuti minn persuna valida li qiegħda fl-istess sitwazzjoni.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’kawża bħal dik prinċipali, l-Artikolu 8(1)(c) tat-TV SozSich għandha l-effett li d-dħul ta’ ħaddiem b’diżabbiltà serja, għall-perijodu li matulu tingħatalu pensjoni ta’ rtirar antiċipata, huwa inqas minn dak irċevut minn ħaddiem mingħajr diżabbiltà. Jidher għalhekk li r-regola prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tiżvantaġġa lill-ħaddiema b’diżabbiltà u għalhekk twassal għal differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq id-diżabbiltà fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

54

F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja li teżerċita b’rappreżentanza tad-drittijiet tar-Renju Unit isostnu li, fid-dawl tad-data ta’ bidu ta’ dritt għall-pensjoni ta’ rtirar antiċipata taħt l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni, il-ħaddiema b’diżabbiltà serja u l-ħaddiema validi jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ bidu oġġettivament differenti f’dak li jikkonċerna l-ħtieġa ta’ allowance addizzjonali temporanja. Fil-fatt, tal-ewwel ma jkollhomx iktar bżonn, għall-kuntrarju ta’ dawk tal-aħħar.

55

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħaddiema li jappartjenu f’kategorija ta’ età li toqrob lejn l-irtirar jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ ħaddiema oħra kkonċernati minn sensja peress illi r-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom ma’ min jimpjegahom tieqaf għall-istess raġuni u fl-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar, C‑152/11, EU:C:2012:772, punt 61).

56

Fil-fatt, il-vantaġġ mogħti lill-ħaddiema b’diżabbiltà serja, li jikkonsisti li jkunu jistgħu jitolbu pensjoni tal-irtirar minn età li hija inqas minn dik stabbilita għall-ħaddiema li ma għandhomx diżabbiltà, ma jistax iqegħedhom f’sitwazzjoni speċifika meta pparagunati ma’ dawn il-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar, C‑152/11, EU:C:2012:772, punt 62).

57

Issa, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(c) tat-TV SozSich tikkonċerna lill-ħaddiema li jkunu qed javviċinaw l-età tal-irtirar, li ngħataw is-sensja. Konsegwentement, il-ħaddiema b’diżabbiltà severa jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-ħaddiema validi tal-istess kategorija ta’ età, fid-dawl tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

58

Għaldaqstant, skont din id-dispożizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament ibbażata li teżisti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ħaddiema hijiex oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata minn għan leġittimu, jekk il-miżuri implimentati biex dan jitwettaq humiex xierqa u jekk jaqbżux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

59

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali fuq livell nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss ta’ tfittxija ta’ għan partikolari fost oħrajn fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri biex jintlaħaq tali għan (sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 68, u tas-26 ta’ Settembru 2013, Dansk Jurist- og Økonomforbund, C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 50).

60

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-allowance addizzjonali temporanja, previsti mill-TV SozSich, huma intiżi li jikkumpensaw, tal-inqas parzjalment, għat-telf ta’ dħul ikkawżat minn tkeċċija u tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-persuni kkonċernati. F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dritt għal pensjoni ta’ rtirar antiċipata taħt l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni, tiżgura dħul lill-persuna kkonċernata, li fid-dawl tagħha li tibqa’ titħallas allowance addizzjonali temporanja tista’ ma tidhirx indispensabbli għall-protezzjoni ta’ dik il-persuna.

61

Għaldaqstant, għandu jitqies li, f’kawża bħal dik prinċipali, l-għoti ta’ kumpens għal ġejjieni tal-ħaddiema mkeċċija u l-għajnuna għar-reintegrazzjoni professjonali tagħhom, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni il-bżonn ta’ tqassim ġust tal-mezzi finanzjarji limitati, jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala għanijiet leġittimi, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar, C‑152/11, EU:C:2012:772, punti 4243).

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi ammess li dawn l-għanijiet għandhom, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati li huma ta’ natura li jiġġustifikaw “objettivament u raġonevolment” differenza fit-trattament ibbażata fuq id-diżabbiltà.

63

Għad irid jiġi vverifikat jekk il-miżuri implimentati biex jitwettqu dawn l-għanijiet humiex xierqa u neċessarji u jekk ma jeċċedux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

64

Fir-rigward tan-natura xierqa tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tat-TV SozSich, għandu jiġi rrilevat li t-tmiem tal-ħlas tal-allowance addizzjonali temporanja għall-ħaddiema li jibbenefikaw minn pensjoni ta’ rtirar antiċipata ma jidhirx li huwa irraġonevoli fid-dawl tal-għan ta’ din l-allowance, li jikkonsisti fl-għoti wara t-tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ sostenn addizzjonali u temporanju, offrut b’mod volontarju minn min iħaddem minħabba relazzjoni ta’ impjieg preċedenti sakemm tinkiseb għall-ħaddiem protezzjoni ekonomika li tirriżulta mid-dritt għal pensjoni tal-irtirar skont l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni.

65

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li dispożizzjoni bħall-Artikolu 8(1)(c) tat-TV SozSich ma tidhirx manifestament mhux xierqa sabiex tilħaq l-għan leġittimu ta’ politika tal-impjieg bħal dik segwita mill-imsieħba soċjali Ġermaniżi.

66

Sabiex jiġi eżaminat jekk din id-dispożizzjoni tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet imfittxija, dik id-dispożizzjoni għandha titqiegħed fil-kuntest tagħha u għandhom jiġu kkunsidrati l-effetti ħżiena li setgħet tikkawża għall-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar, C‑152/11, EU:C:2012:772, punt 65).

67

Fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 8(1)(c) tat-TV SozSich, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-imsieħba soċjali, fir-rigward tal-ftehimiet kollettivi, ma jkunux obbligati jagħżlu l-iktar soluzzjoni ġusta, raġonevoli jew xierqa. Huma jibbenefikaw mill-privileġġi li jirrigwardaw il-libertà tan-negozjar kollettiv, skont l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

68

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura tal-miżuri adottati permezz ta’ ftehim kollettiv hija differenti min-natura ta’ dawk adottati unilateralment permezz ta’ leġiżlazzjoni jew regolament mill-Istati Membri sa fejn l-imsieħba soċjali, fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tagħhom għan-negozjati kollettivi rrikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta, kellhom jiddefinixxu bilanċ bejn l-interessi rispettivi tagħhom (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai, C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69

Meta d-dritt għal negozjar kollettiv iddikjarat fl-Artikolu 28 tal-Karta jaqa’ taħt dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huwa għandu, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi dritt, jiġi eżerċitat skont dan (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai, C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70

Għalhekk, meta huma jadottaw miżuri li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu fl-osservanza ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs u Mai, C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 68, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay, C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 27).

71

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu ddikjarati nulli u bla effett, jew jiġu emendati, id-dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju tat-trattament ugwali li huma inklużi fil-kuntratti jew fil-ftehimiet kollettivi.

72

F’dak li jikkonċerna l-iżvantaġġ li l-Artikolu 8(1)(c) tat-TV SozSich jista’ jikkawża għall-persuni kkonċernati, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-qorti tar-rinviju, il-kriterju adottat minn din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-waqfien tad-dritt għall-ħlas tal-allowance supplimentari temporanja huwa bbażat fuq il-ftuħ tad-dritt għal pensjoni ta’ rtirar antiċipata, ftit jimporta li l-persuna kkonċernata tgawdi effettivament minn pensjoni ta’ rtirar jew tkun talbet li tirċievi din. Konsegwentement, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, il-waqfien tal-ħlas tal-allowance addizzjonali temporanja huwa awtomatiku.

73

Ċertament, ħaddiem b’diżabbiltà serja jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn, għal raġunijiet tiegħu stess, jqis preferibbli li jibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar antiċipata, għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(c) tat-TV SozSich twassal, bħala prinċipju, li d-dħul ta’ dan il-ħaddiem, meta dan jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jibbenefika minn tali pensjoni tal-irtirar, ma humiex ekwivalenti għal dawk ta’ ħaddiem validu li jirċievi allowance addizzjonali temporanja.

74

Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tagħha, b’differenza minn ħaddiem mingħajr diżabbiltà, ħaddiem b’diżabbiltà serja, jekk ikun jixtieq, ma għandux il-possibbiltà li jkompli jaħdem u li jirċievi apparti allowance addizzjonali temporanja sakemm jikseb pensjoni ta’ rtirar mhux mistennija.

75

Għandu jingħad ukoll li l-persuni li għandhom diżabbiltà serja għandhom bżonnijiet speċifiċi marbutin kemm mal-protezzjoni li jeħtieġ l-istat tagħhom kif ukoll il-ħtieġa li jqisu aggravament possibbli ta’ dan. B’hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li l-persuni li għandhom diżabbiltà serja jkunu esposti għal bżonnijiet finanzjarji fissi marbuta mad-diżabbiltà tagħhom u/jew li, meta jixjieħu, dawn il-persuni jaraw il-bżonnijiet finanzjarji tagħhom jiżdiedu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Odar, C‑152/11, EU:C:2012:772, punt 69).

76

Konsegwentement, l-imsieħba soċjali, billi jsegwu l-objettivi leġittimi li jikkostitwixxu l-għoti ta’ kumpens għall-futur tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u l-għajnuna għar-reintegrazzjoni professjonali tagħhom, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità ta’ tqassim ġust tal-mezzi finanzjarji limitati, naqsu li jieħdu kunsiderazzjoni l-elementi rilevanti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-ħaddiema b’diżabbiltà serja.

77

Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1)(c) tat-TV SozSich għandu l-effett li jippreġudika b’mod eċċessiv l-interessi leġittimi tal-ħaddiema b’diżabbiltà serja u jeċċedi għalhekk dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika soċjali segwiti mill-imsieħba soċjali Ġermaniżi.

78

Għalhekk, id-differenza fit-trattament li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni tat-TV SozSich ma tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża bħal dik prinċipali, jipprekludi d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv li jipprevedu l-waqfien tal-ħlas ta’ allowance addizzjonali temporanja, li tingħata biex jiġi żgurat dħul diċenti lil ħaddiem li tilef l-impjieg tiegħu u sakemm dan ikollu dritt għal pensjoni ta’ rtirar taħt l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni, meta dan il-ħaddiem jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar antiċipata prevista għal persuni b’diżabbiltà serja skont din l-iskema.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kawża bħal dik prinċipali, jipprekludi d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv li jipprevedu l-waqfien tal-ħlas ta’ allowance addizzjonali temporanja, li tingħata biex jiġi żgurat dħul diċenti lil ħaddiem li tilef l-impjieg tiegħu u sakemm dan ikollu dritt għal pensjoni ta’ rtirar taħt l-iskema legali tal-assigurazzjoni għal pensjoni, meta dan il-ħaddiem jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar antiċipata prevista għal persuni b’diżabbiltà serja skont din l-iskema.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top