EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0220

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-30 ta’ Jannar 2019.
Planta Tabak-Manufaktur Dr. Manfred Obermann GmbH & Co. KG vs Land Berlin.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Validità tad-Direttiva 2014/40/UE – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Regolamentazzjoni ta’ “ingredjenti” – Projbizzjoni ta’ prodotti tat-tabakk.
Kawża C-220/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:76

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Validità tad-Direttiva 2014/40/UE — Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk — Regolamentazzjoni ta’ “ingredjenti” — Projbizzjoni ta’ prodotti tat-tabakk”

Fil-Kawża C‑220/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ April 2017, fil-proċedura

Planta Tabak-Manufaktur Dr. Manfred Obermann GmbH & Co. KG

vs

Land Berlin,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Arabadjiev, E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Planta Tabak-Manufaktur Dr. Manfred Obermann GmbH & Co. KG, minn T. Masing u C. Eckart, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Coesme u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn G. Koós u Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u I. Rogers kif ukoll minn Z. Lavery, bħala aġenti,Fehér, bħala aġenti,

għall-Gvern Norveġiż, minn P. Wennerås u M. Schei kif ukoll minn M. Reinertsen Norum, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn L. Visaggio, U. Rösslein u J. Rodrigues, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn P. Plaza García, E. Karlsson u R. Wiemann, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑4 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 7(1), (7) u (14), l-Artikoli 8 sa 11, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1), it-tieni sentenza tal-Artikolu 9(4)(a), u l-Artikolu 9(6), l-Artikolu 10(1), (b), (e) u (f), u l-ewwel sentenza tal-l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 13(1)(ċ), u fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(14) kif ukoll tal-Artikolu 13(1)(ċ) u (3) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1) u rettifika ĠU 2015, L 150, p. 24).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Planta Tabak-Manufaktur Dr. Manfred Obermann GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Planta Tabak”) u l-Land Berlin (il-Land ta’ Berlin, il-Ġermanja), dwar il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti tat-tabakk u r-regoli dwar it-tikkettar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont il-premessa 9 tad-Direttiva 2014/40:

“Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti għadd ta’ definizzjonijiet ġodda sabiex jiżguraw li din id-Direttiva tiġi applikata b’mod uniformi mill-Istati Membri. Fejn obbligi differenti imposti minn din id-Direttiva japplikaw għal kategoriji ta’ prodotti differenti u l-prodott rilevanti jaqa’ taħt aktar minn kategorija waħda (eż. il-pipa, it-tabakk tal-brim) għandhom japplikaw l-obbligi aktar stretti.”

4

Il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“Il-probabbiltà tar-regolamentazzjoni diverġenti qed tiżdied aktar minħabba t-tħassib dwar il-prodotti tat-tabakk li jkollhom togħma karatterizzanti għajr waħda tat-tabakk, li jistgħu jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk jew jaffettwaw ix-xejriet tal-konsum. Miżuri li jintroduċu differenzi ta’ trattament mhux ġustifikati bejn tipi differenti ta’ sigaretti aromatizzati għandhom jiġu evitati. Madankollu, prodotti b’ togħma karatterizzanti b’volum ogħla ta’ bejgħ għandhom jitneħħew fuq perijodu ta’ żmien estiż sabiex il-konsumaturi jingħataw żmien adegwat biex jaqilbu għal prodotti oħra.”

5

L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward […]

[…]

sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni Qafas tal-WHO għall-Kontroll tat-Tabakk (‘FCTC’) [approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 63)].”

6

L-Artikolu 2 tal-istess direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

14)

‘prodott tat-tabakk ġdid’ tfisser prodott tat-tabakk li:

(a)

ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji li ġejjin: sigaretti, tabakk tal-brim, tabakk tal-pipa, tabakk tal-pipa tal-ilma, sigarri, sigarri żgħar, tabakk tal-magħda, tabakk tal-imnieħer jew tabakk għall-użu orali; […]

[…]”

7

L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2014/40 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti.

[…]

7.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom bħal filtri, karti, pakketti, kapsuli jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew l-intensità ta’ duħħan tagħhom. Il-filtri, il-karti u l-kapsuli ma għandux ikun fihom tabakk jew nikotina.

[…]

12.   Il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 7. […]

[…]

14.   Fil-każ ta’ prodotti tat-tabakk b’aroma karatterizzanti li l-volum tal-bejgħ tagħhom mal-Unjoni kollha jirrappreżenta 3 % jew aktar ta’ kategorija partikolari ta’ prodott, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mill-20 ta’ Mejju 2020.

[…]”

8

L-Artikoli 8 sa 11 ta’ din id-direttiva, tal-Kapitolu II, intitolat tat-Titolu II tad-direttiva jinkludu, rispettivament, id-dispożizzjonijiet ġenerali, id-dispożizzjonijiet dwar twissijiet ġenerali u messaġġi ta’ informazzjoni fuq il-prodotti tat-tabakk għat-tipjip, id-dispożizzjonijiet dwar twissijiet tas-saħħa kkombinati għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk tal-pipi tal-ilma.

9

Skont l-Artikolu 9 tal-istess direttiva:

“1.   Kull pakkett individwali u kwalunkwe ppakkjar estern tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għandhom juru waħda mit-twissijiet ġenerali li ġejjin:

‘It-tipjip joqtol – Ieqaf issa’

jew

‘It-tipjip joqtol’

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema minn dawn it-twissijiet ġenerali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tintuża.

[…]

4.   It-twissija ġenerali u l-messaġġ ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu:

a)

stampati b’tipa Helvetica sewda grassa fuq sfond abjad. Biex jiġu akkommodati l-ħtiġijiet lingwistiċi, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw id-daqs tat-tipa, dment li d-daqs tat-tipa speċifikat fil-liġi nazzjonali tiżgura li t-test rilevanti jokkupa l-akbar proporzjon possibbli tal-wiċċ riżervat għal dawn it-twissijiet tas-saħħa; […]

[…]

6.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddetermina l-pożizzjoni preċiża tat-twissija ġenerali u l-messaġġ ta’ informazzjoni fuq it-tabakk tal-brim ikkummerċjalizzat fil-boroż, b’kont meħud il-forom differenti ta’ boroż.”

10

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi:

“1.   Kull pakkett individwali u kull ippakkjar estern tal-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għandu juri twissijiet tas-saħħa kkombinati flimkien. It-twissijiet tas-saħħa kkombinati għandhom:

[…]

b)

jinkludu informazzjoni dwar waqfien mit-tipjip bħalma huma numri tat-telefon, indirizzi tal-email jew siti tal-Internet maħsuba biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-programmi li huma disponibbli biex jgħinu lil dawk li jridu jieqfu jpejpu;

[…]

e)

jidhru fuq ix-xifer ta’ fuq ta’ pakkett individwali u ta’ kwalunkwe ppakkjar estern, u għandu jkun fl-istess direzzjoni bħal kwalunkwe informazzjoni oħra li tidher fuq dak il-wiċċ tal-ippakkjar. Eżenzjonijiet tranżizzjonali minn dak l-obbligu dwar il-pożizzjoni ta’ twissija tas-saħħa kombinata jistgħu japplikaw fi Stati Membri fejn il-bolol tat-taxxa jew marki ta’ identifikazzjoni nazzjonali użati għal finijiet fiskali għadhom mandatorji, kif ġej:

i)

f’dawk il-każijiet, fejn il-bolla tat-taxxa jew il-marka ta’ identifikazzjoni nazzjonali użata għal finijiet fiskali hija mwaħħla fuq ix-xifer ta’ fuq ta’ pakkett individwali magħmul minn materjal tal-kartun, it-twissija tas-saħħa li għandha tidher fuq il-wiċċ ta’ wara tkun tista’ tiġi pożizzjonata direttament taħt il-bolla tat-taxxa jew il-marka ta’ identifikazzjoni nazzjonali.

ii)

Fejn il-pakkett individwali huwa magħmul minn materjal artab, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li erja rettangolari tiġi riżervata għall-bolla tat-taxxa jew il-marka ta’ identifikazzjoni nazzjonali użata għal finijiet fiskali b’għoli mhux aktar minn 13-il mm bejn ix-xifer ta’ fuq tal-pakkett u l-wiċċ u n-naħa ta’ fuq tat-twissijiet tas-saħħa kkombinati.

L-eżenzjonijiet imsemmijin fil-punti (i) u (ii) għandhom japplikaw għal perijodu ta’ tliet snin mill-20 ta’ Mejju 2016. Ismijiet tad-ditta u logos ma għandhomx jiġu pożizzjonati ’il fuq mit-twissijiet tas-saħħa;

[…]

f)

ikunu riprodotti skont il-format, it-tqassim tal-informazzjoni, id-disinn u l-proporzjonijiet speċifikati mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4;”.

[…]”

11

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-prodotti tat-tabakk għat-tipjip għajr is-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk tal-pipi tal-ilma mill-obbligi li jintwera l-messaġġ tal-informazzjoni stabbilit skont l-Artikolu 9(2) u t-twissijiet tas-saħħa kkombinati stipulati fl-Artikolu 10.”

12

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   It-tikkettar ta’ pakketti individwali u kull ippakkjar estern u l-prodott tat-tabakk innifsu ma għandhom jinkludu ebda element jew karatteristika li:

[…]

ċ)

tirreferi għat-togħma, ir-riħa, kwalunkwe aromi jew addittivi oħra jew l-assenza tagħhom;

[…]

3.   L-elementi u l-karatteristiċi li huma pprojbiti skont il-paragrafi 1 u 2 jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, kliem, simboli, ismijiet, marki kummerċjali, sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn.”

13

Skont l-Artikolu 29(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis- Il-Ġimgħa, 20 ta’ Mejju 2016. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-20 ta’ Mejju 2016, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7(14), 10(1)(e), 15(13) u 16(3).”

14

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-prodotti li ġejjin, li mhumiex konformi ma’ din id-Direttiva, biex jitqiegħdu fis-suq sal-20 ta’ Mejju 2017:

(a)

prodotti tat-tabakk manifatturati jew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera u ttikkettati skont id-[Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (ĠU 2001, 2001 L 194, p. 26)], qabel l-20 ta’ Mejju 2016;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Planta Tabak timmanifattura u tikkummerċjalizza prodotti tat-tabakk b’mod partikolari tabakk tal-brim aromatizzat.

16

Il-Gesetz über Tabakerzeugnisse und verwandte Erzeugnisse (il-Liġi dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Prodotti Relatati (BGBl. 2016 I, p. 569, iktar ’il quddiem it-“TabakerzG”) ittrasponiet d-Direttiva 2014/40.

17

Permezz tar-rikors tagħha ppreżentat fil-25 ta’ April 2016 quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja), Planta Tabak titlob li jiġi kkonstatat li ċerti dispożizzjonijiet tat-TabakerzG, dwar il-projbizzjoni ta’ aromi, r-ritratti xokkanti u l-projbizzjoni ta’ reklamar tal-aromi, ma humiex applikabbli għall-prodott tagħhom. Planta Tabak issostni wkoll li l-Artikolu 7(1) u (7), l-Artikoli 8 sa 11 u l-Artikolu 13(1) (ċ) tad-Direttiva 2014/40, jiksru d-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza u ta’ proporzjonalità.

18

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-validità u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/40 dwar il-projbizzjoni ta’ ħwawar fil-prodotti tat-tabakk, ir-regoli tal-ittikkettjar u tal-ippakkjar ta’ dawn il-prodotti, u projbizzjoni fuq ir-reklamar tal-aromi.

19

Hija tistaqsi, l-ewwel nett, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1), (7) u (14) tad-Direttiva 2014/40 kif ukoll dwar il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, fid-dawl tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq, mill-20 ta’ Mejju 2016, ta’ prodotti tat-tabakk b’aroma karatterizzanti sakemm il-volum tal-bejgħ fil-livell tal-Unjoni Ewropea ta’ dawn il-prodotti tkun ta’ inqas minn 3 % f’kategorija ta’ prodotti partikolari, u mill-20 ta’ Mejju 2020 fil-każ kuntrarju. Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati ma jkunux jistgħu jiksbu l-informazzjoni dwar il-volumi ta’ bejgħ fil-livell tal-Unjoni, minkejja l-introduzzjoni mill-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2186 tal-25 ta’ Novembru 2015 li tistabbilixxi l-format għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prodotti tat-tabakk u biex din issir disponibbli (ĠU 2015, L 312, p. 5), ta’ sistema ta’ rrappurtar u ta’ informazzjoni, f’nofs it-terminu, il-ġbir u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din l-informazzjoni. Lanqas is-siti tal-internet tal-Kummissjoni jew taż-żewġ awtoritajiet federali Ġermaniżi kompetenti ma jinkludu informazzjoni ta’ dan it-tip jew indikazzjonijiet li jippermettu l-kisba tagħhom. Għalhekk ma huwiex ċar x’inhi l-proċedura għall-applikazzjoni tad-deroga msemmija fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40.

20

Minn dan isegwi li, l-espressjoni “kategorija […] ta’ prodotti”, li tinsab f’din id-dipożizzjoni, ma hijiex iddefinita fid-Direttiva 2014/40 u ma tistax tiġi stabbilita b’ċertezza permezz ta’ interpretazzjoni. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-distribuzzjoni tal-kategoriji tal-prodotti għandu jsir biss skont it-tip ta’ prodott tat-tabakk jew tat-tip ta’ aroma li jkun hemm fih, jew jekk dawn iż-żewġ kriterji jridu jiġu kkombinati ma’ xulxin (sigaretti tal-mentol, tabakk imqatta’ fin b’togħma ta’ mentol, eċċ.).

21

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li, fir-rigward tad-data ta’ applikazzjoni tal-projbizzjonijiet ta’ moviment ta’ prodotti tat-tabakk, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li jagħmel distinzjoni bejn prodotti tat-tabakk aromatizzati abbażi tal-volum tal-bejgħ tagħhom, waqt li dawn il-prodotti jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi u l-għan ta’ eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-kummerċ imfittxija mill-imsemmija direttiva.

22

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tat-termini stabbiliti mid-Direttiva 2014/40, il-projbizzjoni tal-aromi hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-Artikolu 34 TFUE, fid-dawl tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi fuq kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju li jispeċjalizzaw f’“prodotti niċċa” li s-sehem tas-suq tagħhom fil-livell tal-Unjoni hija inqas minn 3 % u t-tqegħid fis-suq tagħhom huwa għalhekk, ipprojbit mill-20 ta’ Mejju 2016.

23

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li-qosor tat-terminu li jintemm fil-20 ta’ Mejju 2016, previst fl-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2014/40 għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u l-bidu tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, fid-dawl tad-dati tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1735 tal-24 ta’ Settembru 2015 dwar il-pożizzjoni preċiża tat-twissija ġenerali u tal-messaġġ ta’ informazzjoni fuq it-tabakk tal-brim ikkummerċjalizzat fil-boroż (ĠU 2015, L 252, p. 49), u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1842 tad-9 ta’ Ottubru 2015 dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-tqassim tal-għamla, id-disinn u l-forma ta’ twissijiet tas-saħħa kkombinati għal prodotti tat-tabakk għat-tipjip (ĠU 2015, L 267, p. 5).

24

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlatur nazzjonali huwa, b’mod ġenerali, intitolat li jadotta dispożizzjonijiet tranżitorji tagħha stess. Sussegwentement, f’każ ta’ risposta negattiva, hija tistaqsi wkoll jekk ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, li jeżiġi li l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva 2014/40 qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-Artikolu 29(1) ta’ din id-direttiva.

25

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-koinċidenza fiż-żmien l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/40 u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali hija diffiċilment kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, mingħajr ma l-preċiżjonijiet li d-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni 2015/1735 u 2015/1842 li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-pożizzjoni preċiża tat-twissija ġenerali u tal-messaġġ ta’ informazzjoni fuq it-tabakk tal-brim ikkummerċjalizzat fil-boroż, il-manifatturi ma jkunux kapaċi jippjanaw u jikkontrollaw tal-matriċi tal-ippakkjar u ta’ stampar u, skont il-każ, li jiġi previst it-tibdil ta’ magni tal-mili u tal-ippakkjar korrispondenti. Issa, perijodu ta’ madwar seba’ xhur issepara l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet u d-data tal-20 ta’ Mejju 2016 prevista fl-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2014/40.

26

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk is-sempliċi indikazzjoni ta’ addittiv jew sustanza riħa jew togħma, legalment kontenut fil-prodotti tat-tabakk, b’mod newtrali, mhux pubbliċitarja fuq pakkett individwali jew ippakkjar estern, hija awtorizzata mill-Artikolu 13(1)(ċ) tad-Direttiva 2014/40.

27

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13(1)(ċ) tad-Direttiva 2014/40, billi jipprojbixxi l-użu ta’ ċerti trade marks, jikkostitwixxix esproprjazzjoni sproporzjonata fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Il-proprjetarji ta’ trade mark previsti minn din id-dispożizzjoni huma esklużi minn kwalunkwe użu raġonevoli jew rilevanti ta’ dawn it-trade marks u din l-esklużjoni teffetwahom ekonomikament bl-istess mod bħal esproprjazzjoni formali. Ir-rekwiżiti tat-tikkettar li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni għandhom bħala konsegwenza li l-proprjetarji ta’ trade marks ikunu mċaħħda b’mod permanenti minn ċerti użi essenzjali msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1).

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

a)

L-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40/UE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40/UE, huwa invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti tat-tabakk mingħajr ma jkun ċar liema minn dawn il-prodotti huma pprojbiti b’effett mill-20 ta’ Mejju 2016 u liema għandhom jiġu pprojbiti biss b’effett mill-20 ta’ Mejju 2020?

b)

L-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40/UE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40/UE, huwa invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li jagħmel distinzjoni, fir-rigward tal-projbizzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri, abbażi tal-volum tal-bejgħ, mingħajr ġustifikazzjoni għal dan?

ċ)

L-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40] huwa invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew ksur tal-Artikolu 34 TFUE peress li jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu, diġà b’effett mill-20 ta’ Mejju 201[6], it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li għandhom aroma karatterizzanti, u li l-volum tal-bejgħ tagħhom fi ħdan l-Unjoni huwa ta’ inqas minn 3 % f’kategorija ta’ prodotti partikolari?

d)

Fil-każ li r-risposta [għad-domandi 1(a) sa (ċ)] tkun fin-negattiv, kif għandha tinftiehem l-espressjoni “kategorija ta’ prodott” li tinsab fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40]? It-tqassim f’“kategoriji ta’ prodotti” għandha ssir abbażi tat-tip ta’ aroma karatterizzanti jew abbażi tat-tip ta’ prodott tat-tabakk (aromatizzat) jew inkella abbażi ta’ dawn iż-żewġ kriterji?

e)

Fil-każ li r-risposta għad-domandi 1(a) sa 1(c) tkun fin-negattiv, kif għandu jiġi stabbilit, fir-rigward ta’ prodott tat-tabakk partikolari, li ntlaħaq il-limitu ta’ 3 % previst fl-Artikolu 7(14) tad-[Direttiva 2014/40], fin-nuqqas ta’ ċifri u ta’ statistika li huma pubblikament aċċessibbli f’dan ir-rigward?

2)

a)

L-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw dispożizzjonijiet tranżitorji supplimentari fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-Artikoli 8 sa 11 tad-[Direttiva 2014/40]?

b)

F’każ ta’ risposta fin-negattiv għa[t-tieni]domanda […]:

(1)

L-Artikolu 9(6) u l-punt (f) tal-Artikolu 10(1) tad-[Direttiva 2014/40] huma invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew ksur tal-Artikolu 34 TFUE peress li jiddelegaw id-determinazzjoni ta’ ċerti regoli ta’ ttikkettjar u ta’ mballaġġ lill-Kummissjoni mingħajr ma jipprovdulha terminu f’dan ir-rigward u mingħajr ma jipprovdu dispożizzjonijiet jew termini tranżitorji iktar preċiżi intiżi sabiex jiġi ggarantit li l-impriżi kkonċernati jkollhom biżżejjed żmien sabiex jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti tad-Direttiva?

(2)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) (test tat-twissija), it-tieni sentenza tal-punt (a) tal-Artikolu 9(4) (daqs tat-tipa), il-punt (b) (informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip) u l-punt (e) (pożizzjoni tat-twissija) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(1), u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(1) (ittikkettjar) tad-[Direttiva 2014/40], huma invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew ksur tal-Artikolu 34 TFUE peress li jikkonferixxu lill-Istati Membri diversi drittijiet ta’ selezzjoni u ta’ disinn mingħajr ma jipprovdulhom terminu f’dan ir-rigward u mingħajr ma jipprovdu dispożizzjonijiet jew termini tranżitorji iktar preċiżi intiżi sabiex jiġi ggarantit li l-impriżi kkonċernati jkollhom biżżejjed żmien sabiex jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti tad-Direttiva?

3)

a)

L-Artikolu 13(1)(c), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 13(3) tad-[Direttiva 2014/40], għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta’ informazzjoni li tirreferi għat-togħma, għar-riħa, għall-aroma jew għal addittivi oħra anki meta din l-informazzjoni ma tkunx pubbliċitarja u l-użu tal-ingredjenti jkun għadu permess?

b)

L-Artikolu 13(1)(c) tad-[Direttiva 2014/40] huwa invalidu minħabba ksur tal-Artikolu 17 tal-[Karta]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq id-domanda 1(a) sa (ċ)

29

Permezz tal-ewwel domanda, punti a) sa c) tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-paragrafi 1 u 7 tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40 u tal-paragrafu 14 tal-istess artikolu, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità kif ukoll l-Artikolu 34 TFUE.

Fuq il-validità tal-Artikolu 7(1) u (14) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

30

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1), (7) u (14), tad-Direttiva 2014/40, li jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti tat-tabakk mingħajr ma jispeċifika b’mod ċar u preċiż liema prodotti għandhom ikunu pprojbiti mill-20 ta’ Mejju 2016 u dawk il-prodotti li jeħtieġu li jkunu pprojbiti, biss, mill-20 ta’ Mejju 2020, jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

31

Ċertament, skont ġurisprudenza stabbilita, l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li liġi tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà li jieħdu konjizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jaġixxu fid-dawl tagħhom (is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Teglgaard et Fløjstrupgård, C-239/17, EU:C:2018:597, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li ma huwiex neċessarju li att leġiżlattiv jagħti huwa stess dettalji ta’ natura teknika, huwa possibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li juża qafas legali ġenerali li, jekk meħtieġ, jiġi speċifikat sussegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C-477/14, EU:C:2016:324, punti 78139).

33

Il-fatt li l-Artikolu 7(1), (7) u (14) tad-Direttiva 2014/40, minn naħa, ma tippreċiżax il-prodotti li fihom togħma karatterizzanti partikolari li l-volum tal-bejgħ tagħhom fil-livell tal-Unjoni jirrappreżenta 3 % jew iktar f’kategorija ta’ prodott partikolari jew, min-naħa l-oħra, ma tipprovdix għal proċess konkret għall-finijiet li jiġi ddeterminat liema prodotti huma koperti mill-Artikolu 7(14) ta’ din id-direttiva ma jfissirx li l-Artikolu 7, (1), (7) u (14), tal-imsemmija direttiva tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward fil-livell tal-Unjoni, huwa l-obbligu tal-Istati Membri jew, skont il-każ, tal-manifatturi nnifishom, li jagħżlu metodu affidabbli li jista’ jiżgura l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C-477/14, EU:C:2016:324, punt 101).

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 7(1), (7) u (14) tad-Direttiva 2014/40 ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Fuq il-validità tal-Artikolu 7(1), (7) u (14) tad-Direttiva 2014/40, fid-dawl tal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-Artikolu 34 TFUE

35

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minħabba d-distinzjoni tal-prodotti tat-tabakk skont il-volum tal-bejgħ, stabbilita mill-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40, din id-dispożizzjoni tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C-477/14, EU:C:2016:324, punt 35).

37

In-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Minbarra dan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-176/09, EU:C:2011:290, punt 32).

38

B’hekk skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2014/40 għandha għan doppju li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u ta’ prodotti relatati, billi tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, partikolarment għaż-żgħażagħ (is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-358/14, EU:C:2016:323, punt 80).

39

Bil-ħsieb li jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2014/40, jiġu evitati l-miżuri li jintroduċu differenzi ta’ trattament mhux iġġustifikati bejn tipi differenti ta’ sigaretti aromatizzati.

40

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 114), li l-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, għandhom, minn naħa, karatteristiċi oġġettivi simili u, min-naħa l-oħra, effetti simili fuq il-bidu tal-konsum tat-tabakk u ż-żamma tat-tipjip.

41

Għalhekk, prodotti tat-tabakk b’aroma karatterizzanti li l-volum tal-bejgħ tagħhom fil-livell tal-Unjoni huwa ta’ inqas minn 3 % f’kategorija ta’ prodotti partikolari ma jiddistingwuwx ruħhom mill-prodotti tat-tabakk b’aroma karatterizzanti li l-volum tal-bejgħ tagħhom mal-Unjoni kollha jirrappreżenta 3 % jew iktar ta’ kategorija partikolari ta’ prodott, la fir-rigward tal-għan li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati u lanqas fir-rigward tal-għan li jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem.

42

Minn dan isegwi li prodotti aromatizzati koperti mill-projbizzjonijiet ta’ togħmiet karatterizzanti previsti fl-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40 isibu ruħhom f’sitwazzjonijiet komparabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

43

Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36, differenza fit-trattament bejn sitwazzjonijiet komparabbli hija ġġustifikata meta din tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, EU:C:2008:728, punt 47).

44

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, meta l-azzjoni tiegħu tkun timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u meta jkun mitlub jagħmel evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi (is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, EU:C:2008:728, punt 57). Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, seta’ jipproċedi biss għal armonizzazzjoni gradwali u seta’ jeżiġi biss tneħħija gradwali tal-miżuri unilaterali meħuda mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, (C-547/14, EU:C:2016:325, punti 63134).

45

Issa, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 7(14) ta’ din id-direttiva, jirriżulta mill-premessa 16 tal-imsemmija direttiva li prodotti b’togħma karatterizzanti, li jirrappreżentaw, volum ogħla ta’ bejgħ għandhom jitneħħew fuq perijodu ta’ żmien estiż sabiex il-konsumaturi jingħataw żmien adegwat sabiex jaqilbu għal prodotti oħra.

46

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterju tal-volum tal-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti f’kategorija partikolari ta’ prodott ma tikkonċernax il-prodotti tat-tabakk b’togħma speċifika u dan il-kriterju huwa newtrali rigward il-manifatturi. Fil-fatt, ma jirriżultax mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti partikolari li l-volum tal-bejgħ tagħhom mal-Unjoni kollha jirrappreżenta inqas minn 3 % f’kategorija partikolari ta’ prodotti huma prinċipalment immanifatturati minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Għalhekk, l-imsemmi kriterju għandu jitqies li huwa oġġettivament iġġustifikat.

47

Barra minn hekk, għandu jitqies bħala xieraq il-konsumaturi jingħataw żmien adegwat biex jaqilbu għal prodotti oħra, billi jippermetti, għaldaqstant, bejn il-konsegwenzi ekonomiċi tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40 u l-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

48

Fil-fatt, kriterju bbażat fuq il-volum tal-bejgħ ta’ prodotti, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirrifletti, hekk kif l-Avukat Ġenerali indika fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, ix-xejriet tal-konsum u l-importanza ekonomika tal-produzzjoni tal-prodotti msemmija.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 7(1), (7) u (14) tad-Direttiva 2014/40 ma jiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza.

50

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7, (1) u (7) tad-Direttiva 2014/40 huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, minħabba li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, b’sehem tas-suq ta’ inqas minn 3 %.

51

Sussegwentement, jeħtieġ li jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-358/14, EU:C:2016:323, punt 78).

52

F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam, bħal dak f’dan il-każ, li jimplika għażliet, min-naħa tiegħu, ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u li fih ikollu jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi.

53

Madankollu, fid-dawl tal-għan segwit permezz tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, għandu jiġi rrilevat li din il-projbizzjoni hija wkoll xierqa sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li ċerti togħmiet huma partikolarment attraenti għal dawn tal-aħħar u li jiffaċilitaw l-inizjazzjoni għall-konsum tat-tabakk (is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-358/14, EU:C:2016:323, punti 8182).

54

F’dan ir-rigward, fis-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-358/14, EU:C:2016:323, punt 102) u tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 190) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu, skont l-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40, għal ibbilanċjar bejn, minn naħa, il-konsegwenzi ekonomiċi tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem f’dak li jikkonċerna prodott ikkaratterizzat mill-proprjetajiet tiegħu ta’ ħsara.

55

Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti ma tmurx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan intiż.

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-Artikolu 7(1), (7) u (14) tad-Direttiva 2014/40 ma jiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

57

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 7(1), (7) u (14), tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tal-Artikolu 34 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li jekk din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE, tali restrizzjoni hija, kif ġie kkonstatat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, iġġustifikata fir-rigward tal-konsegwenzi ekonomiċi tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/40 u l-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, l-Artikolu 7, (1), (7) u (14), tad-Direttiva 2014/40 ma għadux jikser l-Artikolu 34 TFUE.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-eżami tagħha ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-Artikolu 7(1), (7) u (14),tal-imsemmija direttiva.

Fuq id-domanda 1(d) u (e)

59

Permezz tal-ewwel domanda, punti (d) u (e), il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “kategorija ta’ prodott” li tinsab fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40, u tistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi stabbilit jekk tali prodott jilħaq il-limitu ta’ 3 % jew aktar tal-bejgħ previst f’dan l-artikolu.

60

Hemm lok li jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha tfittex li tilħaq (is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2018, Baumgartner, C‑513/17, EU:C:2018:772, punt 23).

61

L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “kategorija ta’ prodotti”, li tidher fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40, ma huwiex iddefinit fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”.

62

Fir-rigward tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 7(14) tal-imsemmija direttiva, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40, is-sigaretti u t-tabakk tal-brim biss huma prodotti tat-tabakk koperti mill-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (7) ta’ din id-direttiva.

63

Barra minn hekk, dan jirreferi għas-sigaretti u għat-tabakk tal-brim bħala gruppi ta’ prodotti sseparati mill-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2014/40, bil-għan li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “prodott tat-tabakk ġdid”.

64

Barra minn hekk, it-tabakk tal-brim huwa kkwotat bħala “kategorija ta’ prodotti” fil-premessa 9 ta’ din id-direttiva.

65

Għalhekk, is-sigaretti jikkostitwixxu “kategorija ta’ prodotti” fis-sens tal-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40 kif ukoll tabakk tal-brim f’ieħor.

66

Issa, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mill-Artikolu 7(14) ta’ din id-direttiva, jirriżulta mill-premessa 16 tal-imsemmija direttiva li prodotti b’togħma karatterizzanti, li jirrappreżentaw, volum ogħla ta’ bejgħ għandhom jitneħħew fuq perijodu ta’ żmien estiż sabiex il-konsumaturi jingħataw żmien adegwat sabiex jaqilbu għal prodotti oħra.

67

Sa fejn, minn naħa, l-interpretazzjoni li tgħid li s-sigarretti jikkostitwixxu “kategorija ta’ prodotti” fis-sens tal-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40 u t-tabakk tal-brim f’oħra ma huwiex kuntrarju għal dawn l-għanijiet u, min-naħa l-oħra, identiċità fis-sens tal-istess kunċetti użati fl-istess att tal-Unjoni tista’ tiġi preżunta, ma hemmx lok li jiġi interpretat il-kunċett ta’ “kategorija ta’ prodotti” b’mod differenti minn din id-dispożizzjoni ta’ din id-direttiva u f’dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmija direttiva.

68

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-metodu li jippermetti li jiġi stabbilit jekk prodott tat-tabakk partikolari fil-livell tal-Unjoni fil-limitu ta’ 3 %, previst fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40/UE, sabiex tiġi applikata d-deroga msemmija f’din id-dispożizzjoni, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu metodu affidabbli li jista’ jiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmija dispożizzjoni.

69

Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont din il-ġurisprudenza, implimentat l-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40, billi stabbiliet, fl-Artikolu 34(3) tal-Verordnung über Tabakerzeugnisse und verwandte Erzeugnisse (ir-Regolament dwar Prodotti tat-Tabakk u l-Prodotti Relatati), tal-27 ta’ April 2016 (BGBl. 2016 I, p. 980), l-aromi li l-prodotti tat-tabakk għandhom jinkludu sabiex il-projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti tapplika biss mill-20 ta’ Mejju 2020.

70

Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda punti (d) u (e), hija li l-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa waħda, l-kunċett ta’ “kategorija ta’ prodotti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jkopri s-sigaretti u t-tabakk tal-brim u min-naħa l-oħra, l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi stabbilit jekk prodott tat-tabakk partikolari jilħaqx il-limitu ta’ 3 % jew iktar tal-bejgħ previst f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi stabbilit skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

Fuq it-tieni domanda

Fuq domanda 2(a)

71

Permezz tad-domanda 2(a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 8 sa 11 tad-Direttiva 2014/40 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri jistabbilixxu perijodi ta’ traspożizzjoni addizzjonali għal dawk previsti fl-Artikolu 29(1) u fl-Artikolu 30(a) ta’ din id-direttiva.

72

Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Mejju 2016 u japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-20 ta’ Mejju 2016, bla ħsara, b’mod partikolari, għall-Artikolu 7(14) ta’ din id-direttiva.

73

L-Artikolu 30 tal-istess direttiva, intitolat “Dispożizzjoni transitorj(a)”, jipprevedi, fil-punt (a) tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw sal-20 ta’ Mejju 2017 it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk manifatturati jew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera u ttikkettati skont id-Direttiva 2001/37, qabel l-20 ta’ Mejju 2016.

74

Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 8 sa 11 tad-Direttiva 2014/40 ma jipprevedux għal perijodi ta’ traspożizzjoni li jissostitwixxu lil dawk previsti fl-Artikoli 29 u 30 ta’ din id-direttiva.

75

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda (a) għandha tkun li l-Artikoli 8 sa 11 tad-Direttiva 2014/40 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jippermettux lill-Istati Membri jistabbilixxu perijodi ta’ traspożizzjoni addizzjonali għal dawk previsti fl-Artikoli 29 u 30 ta’ din id-direttiva.

Fuq il-punt (b) tat-tieni domanda

76

Permezz tad-domanda 2(b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 2(a), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1), t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) (a), u (6), l-Artikolu 10(1), (b), (e) u (f), u fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), tad-Direttiva 2014/40 jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll l-Artikolu 34 TFUE.

77

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-Artikolu 9(6) u l-Artikolu 10(1)(f) tad-Direttiva 2014/40 jiddelegaw lill-Kummissjoni l-istabbiliment ta’ ċerti regoli dwar l-ittikkettjar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk, mingħajr ma jispeċifikaw terminu f’dan ir-rigward u mingħajr ma jipprevedu dispożizzjonijiet jew perijodi tranżitorji iktar preċiżi biex jiġi żgurat żmien biżżejjed għall-impriżi kkonċernati sabiex jadattaw ruħhom mar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva.

78

Issa, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-prinċipji ġenerali tad-dritt, li fosthom hemm tali prinċipju, jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, dawn għandhom jiġu osservati mhux biss mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom mid-direttivi tal-Unjoni (is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, ROZ-ŚWIT, C‑418/14, EU:C:2016:400, punt 20).

79

F’dan il-każ, skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/40, din daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Mejju 2014, filwaqt li l-Istati Membri kellhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Mejju 2016, bla ħsara, b’mod partikolari, għall-Artikolu 7(14).

80

Il-perijodu ta’ sentejn li għandhom l-Istati Membri sabiex jadottaw l-imsemmija dispożizzjonijiet bil-għan li jitrasponu d-Direttiva 2014/40, u b’hekk jiġi żgurat li l-operaturi ekonomiċi kkonċernati jkollhom żmien biżżejjed biex jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, ikun suffiċjenti sabiex tadotta l-imsemmija miżuri fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

81

Barra minn hekk, l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2014/40 jawtorizza lill-Istati Membri biex jawtorizzaw sal-20 ta’ Mejju 2017 it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk immanifatturati jew irrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera u ttikkettati skont id-Direttiva 2001/37 qabel l-20 ta’ Mejju 2016.

82

Barra minn hekk, fir-rigward tal-konformità tal-Artikolu 34 TFUE mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1), mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4)(a), u mill-Artikolu 9(6), mill-Artikolu 10(1), (b), (e) u (f), kif ukoll mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/40, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija ma għandux jeskludi projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, esportazzjoni jew merkanzija fi tranżitu ġġustifikati, b’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, EU:C:2004:802, punt 60)

83

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4)(a) u l-Artikolu 9(6), tal-Artikolu 10(1), (b), (e) u (f), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), tad-Direttiva 2014/40 għandhom jitqiesu li huma konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-Artikolu 34 TFUE.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda 2(b) għandha tkun li l-eżami ta’ din id-domanda ma żvela l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4)(a), u l-Artikolu 9(6), tal-Artikolu 10(1), (b), (e) u (f), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), tad-Direttiva 2014/40.

Fuq it-tielet domanda

Fuq id-domanda 3(a)

85

Permezz tad-domanda 3(a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 13(1)(ċ) u (3), tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta’ informazzjoni li tirreferi għat-togħma, ir-riħa, l-aroma jew addittiv ieħor, anki fil-każ ta’ informazzjoni mhux pubbliċitarja u li l-użu ta’ ingredjenti kkonċernati tibqa’ awtorizzata.

86

Skont l-Artikolu 13(1)(ċ) u 3 tad-Direttiva 2014/40, it-tikkettar ta’ pakketti individwali u kull ippakkjar estern u l-prodott tat-tabakk innifsu ma għandhomx jinkludu ebda element jew karatteristika li tirreferi għat-togħma, ir-riħa, kwalunkwe aromi jew addittivi oħra jew l-assenza tagħhom. Madankollu, dawn l-elementi u karatteristiċi jistgħu jinkludu, iżda ma humiex limitati għal, kliem, simboli, ismijiet, marki kummerċjali, sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn.

87

Peress li, skont it-termini stess tal-Artikolu 13(1)(ċ) tad-Direttiva 2014/40, il-prodotti tat-tabakk ma jistgħux jinkludu “ebda element jew karatteristika”“li tirreferi ” għal “kwalunkwe aromi”, u li, skont il-kliem tal-Artikolu 13(3) ta’ din id-direttiva, dawn l-elementi u l-karatteristiċi jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, kliem, simboli, ismijiet, marki kummerċjali, sinjali figurattivi li ma humiex ta’ natura pubbliċitarja, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jagħmel distinzjoni bejn informazzjoni pubbliċitarja u informazzjoni mhux pubbliċitarja. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, b’differenza minn dak li huwa previst fl-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espressament, fl-Artikolu 20(4) (b) tal-istess direttiva, li kull pakkett individwali u kwalunkwe ippakkjar estern tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika ma jinkludux elementi jew karatteristiċi msemmijin fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/40, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 13(1) (ċ) ta’ din id-direttiva, li jirreferu għall-aromi jew in-nuqqas tagħhom.

88

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti dejjem jistgħu jiġu distinti minn prodotti oħra tat-tabakk, sakemm huma ma għandhomx jinkludu kwalunkwe wieħed mill-elementi msemmija fl-Artikolu 13(1) (a) sa (e) tal-imsemmija direttiva.

89

Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 141), li projbizzjoni ta’ kull element jew karatteristika li tirreferi għal kwalunkwe aromi tapplika indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk din l-informazzjoni hija materjalment eżatta, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-projbizzjoni tirreferi wkoll għal informazzjoni mhux pubbliċitarja li ssemmi l-ingredjenti li l-użu tagħhom huwa awtorizzat mid-Direttiva 2014/40.

90

Minn dan isegwi li l-Artikolu 13(1)(ċ) u (3), tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta’ informazzjoni li tirreferi għat-togħma, ir-riħa, l-aroma jew addittiv ieħor, anki fil-każ ta’ informazzjoni mhux promozzjonali u li l-użu ta’ ingredjenti kkonċernati tibqa’ awtorizzata.

Fuq id-domanda 3(b)

91

Permezz tad-domanda 3 (b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, minħabba restrizzjonijiet konsiderevoli tal-użu tal-marki kummerċjali previsti fl-Artikolu 13(1) (ċ) tad-Direttiva 2014/40, din id-dispożizzjoni tmurx kontra l-Artikolu 17 tal-Karta.

92

Għandu jiġi rrilevat li d-dritt għall-proprjetà stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta, jikkonċerna wkoll, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-proprjetà intellettwali.

93

Billi jipprojbixxi li t-tikkettar ta’ pakketti individwali u kull ippakkjar estern kif ukoll il-prodott tat-tabakk innifsu isemmu l-marki kummerċjali li jirreferi għal kwalunkwe aroma, l-Artikolu 13(1) (ċ) tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 13(3) ta’ din id-direttiva jillimita l-użu ta’ dawn it-trade marks.

94

Madankollu, id-dritt għall-proprjetà ma jidhirx li huwa prerogattiva assoluta, iżda għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tar-rwol tiegħu fis‑soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C-416/10, EU:C:2013:8, punt 113).

95

Issa, din il-premessa hija b’mod partikolari riflessa fil-mod ta’ kif għandu jiġi implimentat il-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta (is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich, C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 47).

96

Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet stabbiliti fil-Karta għandha tkun prevista mil-liġi, għandha tosserva l-kontenut essenzjali tagħhom u għandha, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tkun neċessarja u effettivament tirrifletti għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ persuni oħra (is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38, C-477/14, EU:C:2016:324, punt 160)

97

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-restrizzjoni tal-użu tal-marki kummerċjali ġiet magħmula mid-Direttiva 2014/40 u li tikkonċerna biss l-użu tat-trade marks tagħhom, fuq it-tikketta ta’ pakketti individwali, fuq l-ippakkjar estern kif ukoll fuq il-prodott tat-tabakk innifsu mingħajr ma tikser, b’hekk, is-sustanza stess tad-dritt ta’ trade mark tagħhom, u din sabiex ikun iggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa fit-tneħħija tal-ostakli li jirriżultaw mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-ittikkettar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, EU:C:2002:741, punt 150).

98

Fil-fatt, id-Direttiva 2014/40 tippermetti lill-proprjetarji ta’ marki kummerċjali, imsemmija fl-Artikolu 13(1)(ċ) u (3), il-libertà li huma jużawhom b’xi mod ieħor, bħal b’mod partikolari permezz tal-bejgħ bl-ingrossa, barra ta’ dawk koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet. Konsegwentement, ir-restrizzjoni tal-użu ta’ trade marks kif stabbilit fil-punt 93 ta’ din is-sentenza ma tikkostitwixxix ċaħda ta’ proprjetà.

99

Barra minn hekk, peress li, skont il-premessa 16 tad-Direttiva 2014/40, il-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk u għandhom impatt fuq l-imġiba tal-konsumaturi, il-projbizzjoni għat-twaħħil fuq l-ittikkettjar ta’ pakkett individwali, fuq l-ippakkjar estern kif ukoll fuq il-prodott tat-tabakk innifsu tat-trade marks jevokaw togħma huwa ta’ natura li jnaqqas l-attrazzjoni tagħhom u twieġeb l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni u tgħin biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika.

100

Minn dan isegwi li l-eżami tat-tielet domanda, ma rrivelat ebda element ta’ natura tali li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 13(1)(c) u (3) tad-Direttiva 2014/40.

Fuq l-ispejjeż

101

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-eżami tal-ewwel domanda preliminari ma rrevela xejn li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 7(1), (7) u (14) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE;

 

2)

L-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa waħda, l-kunċett ta’ “kategorija ta’ prodotti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jkopri s-sigaretti u t-tabakk tal-brim u min-naħa l-oħra, l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi stabbilit jekk prodott tat-tabakk partikolari jilħaqx il-limitu ta’ 3 % jew iktar tal-bejgħ previst f’din id-dispożizzjoni għandu jiġi stabbilit skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

 

3)

L-Artikoli 8 sa 11 tad-Direttiva 2014/40 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jippermettux lill-Istati Membri jistabbilixxu perijodi ta’ traspożizzjoni addizzjonali għal dik prevista fl-Artikoli 29 u 30 ta’ din id-direttiva.

 

4)

L-eżami tat-tieni domanda ma żvelat l-ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-tat-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4) u l-Artikolu 9(6), tal-Artikolu 10(1), (b), (e) u (f), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1), tal-imsemmija Direttiva 2014/40.

 

5)

L-Artikolu 13(1)(ċ) u (3), tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta’ informazzjoni li tirreferi għat-togħma, ir-riħa, l-aroma jew addittiv ieħor, anki fil-każ ta’ informazzjoni mhux promozzjonali u li l-użu ta’ ingredjenti kkonċernati tibqa’ awtorizzata.

 

6)

L-eżami tal-ewwel domanda preliminari ma rrevela xejn li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 13(1), (7) u (3) tad-Direttiva 2014/40.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top