Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0169

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2018.
Asociación Nacional de Productores de Ganado Porcino vs Administración del Estado.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 34 u 35 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Protezzjoni tal-majjali – Prodotti ppreparati jew ikkummerċjalizzati fi Spanja – Standards ta’ kwalità għal-laħam, il-perżut, l-ispalla u l-filett tal-majjal Iberiku – Kundizzjonijiet għall-użu tad-denominazzjoni “de cebo” – Titjib tal-kwalità tal-prodotti – Direttiva 2008/120/KE – Kamp ta’ applikazzjoni.
Kawża C-169/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:440

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 34 u 35 TFUE – Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Protezzjoni tal-majjali – Prodotti ppreparati jew ikkummerċjalizzati fi Spanja – Standards ta’ kwalita’ għal-laħam, il-perżut, l-ispalla u l-filett tal-majjal Iberiku – Kundizzjonijiet għall-użu tad-denominazzjoni “de cebo” – Titjib tal-kwalità tal-prodotti – Direttiva 2008/120/KE – Kamp ta’ applikazzjoni”

Fil-Kawża C‑169/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2017, fil-proċedura

Asociación Nacional de Productores de Ganado Porcino

vs

Administración del Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.‑C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Asociación Nacional de Productores de Ganado Porcino, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, abogado, u N. Olmos Castro, abogada,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia u I. Galindo Martín, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 35 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 3(1)(a) u tal-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008, li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali (ĠU 2009, L 47, p. 5).

2

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Asociación Nacional de Productores de Ganado Porcino (iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni”) u l-Administración del Estado (l-Amministrazzjoni tal-Istat, Spanja) dwar digriet irjali, adottat mill-Gvern Spanjol, li japprova standards dwar il-kwalità tal-laħam, tal-perżut, tal-ispalla u tal-filett tal-majjal Iberiku.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 7 u 8 tad-Direttiva 2008/120 jiddikjaraw:

“(7)

Għalhekk hemm il-bżonn li jiġu stabbiliti standards minimi komuni għall-protezzjoni tal-majjali miżmuma għat-trobbija u għas-simna sabiex ikun żgurat l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni.

(8)

Il-majjali għandhom jibbenefikaw mill-ambjent li jikkorrispondi għall-bżonnijiet tagħhom għall-eżerċizzju u l-imġiba investigatorja. Il-benessere tal-majjali tidher li tiġi imfixkla b’restrizzjonijiet stretti ta’ l-ispazju.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jaqra’ kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-ħnieżer miżmuma għat-trobbija u għas-simna.”

5

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-oqsma kollha ikunu konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

a)

il-wisa’ ta’ l-art inostakolata disponibbli għal kull majjal li qiegħed jinfatam (weaner) jew majjal tat-trobbija, apparti minn majjali mgħammra (gilt) wara s-servizz u majjali nisa, għandhom ikunu ta’ l-anqas:

Piż ħaj

(kg)

m2

Sa mhux aktar minn 10

0,15 [0.15]

Mhux iktar minn 10 [iktar minn 10 imma mhux iktar minn 20]

0,20

Iktar minn 10 [20] imma mhux iktar minn 20 [30]

0,30

Iktar minn 30 imma mhux iktar minn 50

0,40

Iktar minn 50 imma mhux iktar minn 85

0,55

Iktar minn 85 imma mhux iktar minn 110

0,65

Aktar minn 110

1,00

[…]”

6

L-Artikolu 12 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu, konformement mar-regoli ġenerali tat-Trattat, iżommu jew japplikaw ġewwa t-territorji tagħhom dispożizzjonijiet aktar stretti għall-protezzjoni tal-ħnieżer minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Huma għandhom javżaw lill-Kummissjoni b’tali miżuri.”

Id-dritt Spanjol

7

L-Artikolu 1 tad-Real Decreto 4/2014 por el que se aprueba la norma de calidad para la carne, el jamón, la paleta y la caña de lomo ibérico (id-Digriet Irjali 4/2014, li japprova standards dwar il-kwalità tal-laħam, tal-perżut, tal-ispalla u tal-filett tal-majjal Iberiku), tal-10 ta’ Jannar 2014 (BOE Nru 10, tal-11 ta’ Jannar 2014, p. 1569), jaqra kif ġej:

“Dan id-Digriet Irjali għandu l-għan li jiddefinixxi l-istandards ta’ kwalità li l-prodotti ġejjin mill-qtugħ ta’ karkassi tal-majjali Iberiċi, ippreparati jew ikkummerċjalizzati mhux ipproċessati, bħall-perżut, l-ispalla, il-filett tal-majjal Iberiku, prodotti jew ikkummerċjalizzati fi Spanja, għandhom josservaw sabiex ikollhom dritt għad-denominazzjonijiet tal-bejgħ stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni ġenerali applikabbli.

Huma ammessi, taħt l-istess kundizzjonijiet, il-prodotti ppreparati fil-Portugall, abbażi ta’ ftehimiet iffirmati bejn l-awtoritajiet Spanjoli u Portugiżi dwar il-produzzjoni, il-preparazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-kontroll ta’ prodotti Iberiċi.

Barra minn hekk, il-prodotti li jibbenefikaw minn tikketta ta’ kwalità rrikonoxxuta fil-Unjoni Ewropea (denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta) li bi ħsiebhom jużaw id-denominazzjonijiet tal-bejgħ li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet jew kwalunkwe kelma li jinsab fihom għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fiha.”

8

L-Artikolu 3(1) tad-Digriet 4/2014 jistabbilixxi:

“Id-denominazzjoni tal-bejgħ ta’ prodotti kkonċernati minn dan id-digriet hija magħmula b’mod obbligatorju minn tliet elementi, li għandhom jidhru fl-ordni indikat iktar ’il quddiem:

a)

Indikazzjoni skont it-tip ta’ prodott:

i)

Prodotti ppreparati: […]

ii)

Prodotti ġejjin mill-qtugħ ta’ karkassi kkummerċjalizzati mhux ipproċessati: […]

b)

Indikazzjoni skont il-metodu ta’ għalf u dak ta’ trobbija:

i)

‘De bellota’: għall-prodotti ġejjin minn annimali maqtula immedjatament wara tismin miksub esklużivament minn riżorsi naturali tal-mergħat tal-foresta.

ii)

għal prodotti ġejjin minn annimali li l-metodi ta’ għalf u trobbija tagħhom, sal-piż tal-qatla tagħhom, huma differenti minn dawk fil-punt preċedenti, l-indikazzjonijiet li ġejjin jintużaw:

1.   ‘de cebo de campo’: dawn huma annimali li, għalkemm setgħu jużaw ir-riżorsi tal-mergħat tal-foresta jew mergħat, kienu mitmugħa ukoll b’għalf li jikkonsisti prinċipalment minn ċereali u legumi, u li trabbew f’azjendi estensivi jew intensivi fil-miftuħ, li parti mis-superfiċji tista’ tkun mgħottija. […]

2.   ‘de cebo’: fil-każ ta’ annimali mitmugħa b’għalf li huwa magħmul prinċipalment minn ċereali u legumi, u li t-trobbija tagħhom twettqet f’sistemi ta’ azjenda intensivi, skont l-Artikolu 8.

c)

Indikazzjoni skont ir-razza […]

[…]”

9

L-Artikolu 8(1) u (2) ta’ dan id-digriet, intitolat “Kundizzjonijiet ta’ trobbija għall-annimali li minnhom ġejjin il-prodotti li għandhom id-denominazzjoni “de cebo”, jistipula:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet ta’ trobbija stabbiliti fir-[Real Decreto no 1135/2002, relativo a las normas mínimas para la protección de cerdos (id-Digriet Irjali Nru 1135/2002 dwar l-istandards minimi għall-protezzjoni tal-majjali), tal-31 ta’ Ottubru 2002 (BOE Nru 278, tal-20 ta’ Novembru 2002)], l-annimali tal-produzzjoni li, ħajjin, għandhom piż ta’ iktar minn 110 kilogramm u li minnhom ħarġu l-prodotti li għandhom id-denominazzjoni “de cebo” għandhom it-tnejn jkollhom superfiċje totali minimu ta’ spazju liberu ta’ 2 m2 waqt il-fażi tat-tismin.

2.   L-età minima għall-qatla hija ta’ għaxar xhur.”

10

It-tielet dispożizzjoni addizzjonali tal-imsemmi digriet tipprevedi:

“Ir-rekwiżiti stabbiliti mill-istandard ta’ kwalità adottat ma għandhomx japplikaw għall-prodotti legalment immanifatturati jew ikkummerċjalizzati skont speċifikazzjonijiet oħra fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea, u lanqas għall-prodotti li joriġinaw mill-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), lanqas għall-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew għall-Istati li huma partijiet għal ftehim ta’ assoċjazzjoni doganali mal-Unjoni Ewropea.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Id-Digriet Irjali 4/2014 kien is-suġġett ta’ azzjoni kontenzjuża amministrattiva imressqa mill-Assoċjazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).

12

Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-Assoċjazzjoni ssostni li d-digriet inkwistjoni jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-livell tal-Unjoni billi jimponi żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-majjal Iberiku fi Spanja. B’hekk, l-Assoċjazzjoni tikkunsidra li din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni kwantitattiva fuq l-esportazzjonijiet li tmur kontra l-Artikolu 35 TFUE, peress li l-produtturi kompetituri, stabbiliti fi Stati Membri oħra, ma għandhomx isostnu spejjeż ikkawżati minn miżura bħal dik imposta mill-Gvern Spanjol.

13

Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni ssostni quddiem il-qorti tar-rinviju li d-Digriet Irjali 4/2014 jikser l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2008/120, moqri flimkien mal-Artikolu 12 ta’ dik l-istess direttiva, peress li l-miżuri introdotti b’dak id-digriet ma humiex intiżi sabiex jipproteġu l-majjali, iżda għandhom l-għan li jżidu l-prezz tal-majjal Iberiku.

14

Barra minn hekk, din l-Assoċjazzjoni ssostni li l-għan li tiżdied il-kwalità tal-prodotti, espressament previst mid-Digriet Irjali 4/2014, ma jistgħax jintlaħaq b’mod sodisfaċenti bil-miżuri previsti minn dan tal-aħħar, sa fejn, minn naħa, ma huwiex stabbilit li l-irduppjar tas-superfiċji totali minimi ta’ spazju għal kull annimal ser iżid il-kwalità tal-majjal, u, min-naħa l-oħra, l-iffissar tal-età minima għall-qatla għal għaxar xhur, filwaqt li l-piż ottimali għall-qtil tal-majjali jintlaħaq madwar tmien xhur, ser ikollu l-effett li jiġu offruti għall-bejgħ prodotti b’piż għoli wisq, li ma jkollhomx opportunitajiet fis-suq u li għalihom ma jkunx possibbli li tinkiseb żieda fil-prezz proporzjonali maż-żieda tal-piż.

15

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-produtturi Spanjoli ta’ prodotti li għandhom id-denominazzjoni “ibérico de cebo” huma żvantaġġati meta mqabbla mal-produtturi l-oħra tal-Unjoni, sa fejn għandhom isostnu spejjeż ta’ produzzjoni ogħla minn dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, il-produtturi tal-Unjoni jiġu skoraġġuti li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn Spanja, peress li ma jistgħux jingħataw l-imsemmija denominazzjoni għall-prodotti tagħhom, peress li dawn tal-aħħar ma nkisbux minn majjal li trabba skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bid-Digriet Irjali 4/2014. Madankollu, hija taċċetta li, skont it-tielet dispożizzjoni addizzjonali ta’ dan id-digriet, Spanja tkun marbuta li tħalli l-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħha, ta’ prodotti li jkollhom denominazzjonijiet simili, analogi jew identiċi ġejjin minn Stati Membri oħra, anki jekk ma jkunux magħmula skont ir-rekwiżiti tal-imsemmi digriet, sakemm josservaw l-istandards ta’ kwalità speċifiċi għal dawn l-Istati Membri l-oħra.

16

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-fatt li d-Direttiva 2008/120 tikkostitwixxi bażi legali valida għad-Digriet Irjali 4/2014, sa fejn l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jippermetti li jiġu adottati miżuri nazzjonali iktar stretti, biss meta għandhom it-tendenza li jipproteġu aħjar l-annimali, filwaqt li l-imsemmi digriet ma huwiex intiż sabiex jipproteġi l-majjali, iżda sabiex itejjeb il-kwalità tal-prodotti. Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmi digriet mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/120, peress li dan l-aħħar artikolu jippermetti miżuri nazzjonali iktar restrittivi, li japplikaw biss fit-territorju nazzjonali.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 34 u 35 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali bħall-Artikolu 8(1) tad-[Digriet Irjali 4/2014], li tissubordina l-użu tat-terminu ‘ibérico’ fir-rigward tal-prodotti ppreparati jew ikkummercjalizzati fi Spanja għall-kundizzjoni li dawk li jrabbu l-majjali tar-razza iberika b’sistemi ta’ trobbija intensiva (ta’ majjali) iżidu s-superfiċji totali minimu ta’ spazju liberu sabiex dan jilħaq iż-2m2 għal kull annimal ħaj ta’ iktar minn 110 kg, minkejja li jirriżulta – fejn applikabbli – li l-għan tar-regola huwa li tittejjeb il-kwalità tal-prodotti kkonċernati?

2)

L-Artikolu 3(1)(a) tad-[Direttiva 2008/120],moqri flimkien tal-Artikolu 12 ta’ din l-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali bħall-Artikolu 8(1) tad-Digriet Irjali 4/2014, tal-10 ta’ Jannar 2014, li japprova r-regola dwar il-kwalità tal-laħam, tal-perżut, tal-ispalla u tal-filett tal-majjal iberiku, li tissubordina l-użu tat-terminu ‘ibérico’ fir-rigward tal-prodotti ppreparati jew ikkummercjalizzati fi Spanja għall-kundizzjoni li dawk li jrabbu l-majjali tar-razza iberika b’sistemi ta’ trobbija intensiva (ta’ majjali) iżidu s-superfiċji totali minimu ta’ spazju liberu sabiex dan jilħaq iż-2m2 għal kull annimal ħaj ta’ iktar minn 110 kg, minkejja li l-għan tar-regola nazzjonali huwa li tittejjeb il-kwalità tal-prodotti u li hija ma hijiex intiża speċifikament sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-majjali?

F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 12 tad-Direttiva [2008/120], moqri flimkien mal-Artikoli 34 sa 35 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali bħall-Artikolu 8(1) tad-Digriet Irjali 4/2014, li tobbliga lill-produtturi ta’ Stati Membri oħra, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-prodotti ppreparati jew ikkummercjalizzati fi Spanja – u mhux il-protezzjoni tal-majjali – li josservaw l-istess kundizzjonijiet ta’ trobbija tal-annimali bħal dawk li huma imposti fuq il-produtturi Spanjoli sabiex il-prodotti miksuba mill-majjali tagħhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-denominazzjonijiet tal-bejgħ irregolati mill-imsemmi digriet?

3)

L-Artikoli 34 u 35 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali bħall-Artikolu 8(2) tad-[Digriet Irjali 4/2014], li, bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-imsemmija prodotti, timponi età minima ta’ 10 xhur għall-qtil tal-majjali li minnhom jiġu miksuba prodotti tal-kategorija ‘de cebo’?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

18

Permezz tal-ewwel u t-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 34 u 35 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-denominazzjoni tal-bejgħ “ibérico de cebo” tista’ tiġi attribwita biss għall-prodotti li josservaw ċerti kundizzjonijiet imposti mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

Fuq l-Artikolu 34 TFUE

19

Preliminarjament, il-Kummissjoni Ewropea tikkontesta r-rilevanza tad-domanda preliminari dwar il-kompatibbiltà tad-Digriet Irjali 4/2014 sa fejn, minn naħa, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma qajmitx dan il-motiv ta’ annullament quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) u, min-naħa l-oħra, l-elementi kollha tat-tilwima fil-kawża prinċipali huma limitati fi ħdan l-Istat Membru.

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali biss, li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tat-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li kwalunkwe miżura ta’ Stat Membru li x’aktarx tfixkel, direttament jew indirettament attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni għandha titqies li hija miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Elenca, C‑385/10, EU:C:2012:634, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Capoda Import-Export, C‑354/14, EU:C:2015:658, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika mhux biss għall-effetti attwali, iżda wkoll għall-effetti potenzjali ta’ leġiżlazzjoni. Hija ma tistax tiġi mwarrba għar-raġuni li ma hemm ebda każ konkret sa issa li għandu rabta ma’ Stat Membru ieħor (sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑184/96, EU:C:1998:495, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 34 TFUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħad-Digriet Irjali 4/2014, hija rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hekk li hemm lok li tingħata tweġiba għaliha.

24

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta merkanzija ġejja minn Stati Membri oħra, fejn hija legalment immanifatturata u kkummerċjalizzata, taħt ċerti kundizzjonijiet sabiex tuża d-denominazzjoni ġenerika użata komunement għal dan il-prodott u b’hekk timponi, jekk ikun il-każ, fuq il-produtturi l-użu ta’ denominazzjonijiet li ma humiex magħrufa jew inqas apprezzati mill-konsumaturi ma teskludix, b’mod assolut, l-importazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Madankollu, hija tagħmel il-kummerċjalizzazzjoni tagħhom iktar diffiċli u, konsegwentement, tostakola l-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont, C‑448/98, EU:C:2000:663, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Issa, f’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax denominazzjoni ġenerika komunement użata fit-territorju tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li din il-leġiżlazzjoni ma fiha l-ebda projbizzjoni fuq l-importazzjoni jew il-bejgħ tal-prodotti ġejjin mill-majjal Iberiku taħt denominazzjonijiet oħra għajr dawk previsti mill-imsemmija leġiżlazzjoni.

26

Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi dispożizzjoni, interpretata mill-qorti tar-rinviju fis-sens li l-prodotti ġejjin mill-majjal Iberiku u magħmula b’mod konformi mar-regoli applikabbli fi Stati Membri oħra tal-Unjoni taħt denominazzjonijiet simili, analogi jew identiċi għal dawk li jinsabu fid-Digriet Irjali 4/2014 jistgħu jiġu importati u kkummerċjalizzati fis-suq Spanjol taħt tali denominazzjonijiet, anki jekk ma jissodisfawx kompletament ir-rekwiżiti previsti minn dan id-digriet. Din id-dispożizzjoni interpretata b’dan il-mod tiżgura li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix ostakolu għall-kummerċ bejn l-Istati (ara, a contrario, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑184/96, EU:C:1998:495).

27

Barra minn hekk, kif tfakkar il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni turi tendenza ġenerali li tiżdied il-kwalità tal-prodotti fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, sabiex tissaħħaħ ir-reputazzjoni tal-imsemmija prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Il-Belġju vs Spanja, C‑388/95, EU:C:2000:244, punt 53, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C‑478/07, EU:C:2009:521, punt 109).

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi ma jistax jitqies li l-Artikolu 34 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-denominazzjoni tal-bejgħ “iberico de cebo” tista’ tiġi attribwita biss għal prodotti li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet imposti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta din tal-aħħar tippermetti l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ġejjin minn Stati Membri minbarra l-Istati Membri l-oħra li adottaw l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, taħt id-denominazzjonijiet li għandhom skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, anki jekk ikunu simili, analogi jew identiċi għad-denominazzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq l-Artikolu 35 TFUE

29

Huwa paċifiku li miżura nazzjonali applikabbli għall-operaturi kollha attivi fit-territorju nazzjonali li fil-fatt taffettwa l-esportazzjoni tal-prodotti mis-suq tal-Istat Membru ta’ esportazzjoni iktar mill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti fis-suq nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 35 TFUE (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2016, New Valmar, C‑15/15, EU:C:2016:464, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tagħmilx distinzjoni bejn il-prodotti ddestinati li jinbiegħu fis-suq nazzjonali, minn naħa, u l-prodotti ddestinati għas-suq tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, il-produtturi Spanjoli kollha li jixtiequ jbigħu l-prodott tagħhom ġejjin mill-majjal Iberiku taħt id-denominazzjonijiet ta’ bejgħ stabbiliti bid-Digriet Irjali 4/2014 huma marbuta li josservaw ir-rekwiżiti tal-imsemmi digriet, indipendentement mis-suq li fih jixtiequ jbigħu l-prodotti tagħhom.

31

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 35 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-Digriet Irjali 4/2014.

Fuq it-tieni domanda

32

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2008/120, moqri flimkien mal-Artikolu 12 tagħha, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-użu ta’ ċerti denominazzjonijiet tal-bejgħ għall-prodotti ġejjin mill-majjal Iberiku ippreparati jew ikkummerċjalizzati fi Spanja għall-osservanza, mill-produtturi, ta’ kundizzjonijiet ta’ trobbija tal-majjal Iberiku iktar stretti minn dawk previsti f’dan l-Artikolu 3(1)(a) u età minima tal-qatla ta’ għaxar xhur.

33

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li jiġi rrilevat li l-għan tad-Direttiva 2008/120, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, huwa li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali miżmuma għat-trobbija u għas-simna. Dawn l-istandards huma intiżi, skont il-premessa 7 ta’ din id-direttiva, li jiżguraw il-protezzjoni tal-majjali miżmuma għat-trobbija u għas-simna sabiex ikun żgurat l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni. Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-premessa 8 ta’ din l-istess direttiva, hija tipprevedi regoli varji bil-għan, b’mod partikolari, li jiżguraw li l-majjali jkollhom ambjent li jikkorrispondi għall-bżonnijiet tagħhom għall-eżerċizzju u għall-imġiba investigatorja.

34

Issa, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex bħala għan il-protezzjoni tal-majjali, iżda t-titjib fil-kwalità tal-prodotti, b’tali mod li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/120.

35

Madankollu, billi żżid il-livelli minimi kemm tal-wiċċ tal-art li l-majjali għandhom disponibbli kif ukoll l-età tal-qatla, din il-leġiżlazzjoni ma tistax tippreġudika l-benesseri tal-annimali u għalhekk ma hijiex inkompatibbli mal-imsemmija direttiva.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda li l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2008/120, moqri flimkien mal-Artikolu 12 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-użu ta’ ċerti denominazzjonijiet tal-bejgħ għall-prodotti ġejjin mill-majjal Iberiku ippreparati jew ikkummerċjalizzati fi Spanja għall-osservanza, mill-produtturi, ta’ kundizzjonijiet ta’ trobbija tal-majjal Iberiku iktar stretti minn dawk previsti f’dan l-Artikolu 3(1)(a) u età minima ta’ qatla ta’ għaxar xhur.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 34 u 35 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-Artikolu 34 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li d-denominazzjoni tal-bejgħ “iberico de cebo” tista’ tiġi attribwita biss għal prodotti li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet imposti minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta din tal-aħħar tippermetti l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ġejjin minn Stati Membri minbarra l-Istati Membri l-oħra li adottaw l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, taħt id-denominazzjonijiet li għandhom skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, anki jekk ikunu simili, analogi jew identiċi għad-denominazzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

l-Artikolu 35 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 

2)

L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali, moqri flimkien mal-Artikolu 12 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-użu ta’ ċerti denominazzjonijiet tal-bejgħ għall-prodotti ġejjin mill-majjal Iberiku ppreparati jew ikkummerċjalizzati fi Spanja għall-osservanza, mill-produtturi, ta’ kundizzjonijiet ta’ trobbija tal-majjal Iberiku iktar stretti minn dawk previsti f’dan l-Artikolu 3(1)(a) u età minima ta’ qatla ta’ għaxar xhur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top