EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0073

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-2 ta’ Ottubru 2018.
Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Parlament Ewropew.
Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Protokoll dwar il-Lokalità tas-Sede tal-Istituzzjonijiet u ta’ ċerti Organi, Korpi u Dipartimenti tal-Unjoni Ewropea – Il-Parlament Ewropew – Kunċett ta’ ‘sessjoni tal-baġit’ li tinżamm fi Strasbourg (Franza) – Artikolu 314 TFUE – Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja matul sessjoni parzjali plenarja addizzjonali fi Brussell (il-Belġju).
Kawża C-73/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:787

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Protokoll dwar il-Lokalità tas-Sede tal-Istituzzjonijiet u ta’ ċerti Organi, Korpi u Dipartimenti tal-Unjoni Ewropea – Il-Parlament Ewropew – Kunċett ta’ ‘sessjoni tal-baġit’ li tinżamm fi Strasbourg (Franza) – Artikolu 314 TFUE – Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja matul sessjoni parzjali plenarja addizzjonali fi Brussell (il-Belġju)”

Fil-Kawża C‑73/17,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fid-9 ta’ Frar 2017,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn F. Alabrune, D. Colas, B. Fodda u E. de Moustier, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn D. Holderer u C. Schiltz, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Crowe u U. Rösslein, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, T. von Danwitz (Relatur) u A. Rosas, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, D. Šváby, A. Prechal, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Mejju 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Franċiża titlob l-annullament ta’ erba’ atti tal-Parlament Ewropew dwar l-adozzjoni tal-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kkontestati”), jiġifieri:

l-aġenda tas-seduta plenarja tal-Parlament tat-30 ta’ Novembru 2016 (dokument P8_0J (2016)11-30), inkwantu tinkludi dibattiti dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017;

l-aġenda tas-seduta plenarja tal-Parlament tal-1 ta’ Diċembru 2016 (dokument P8_0J(2016)12–01), inkwantu tinkludi votazzjoni segwita minn spjegazzjonijiet tal-vot fuq dan l-abbozz konġunt;

ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal-1 ta’ Diċembru 2016 (dokument T8–0475/2016, P8_TA-PROV(2016)0475) dwar l-imsemmi abbozz konġunt, u

l-att tal-1 ta’ Diċembru 2016 li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv.

Il-kuntest ġuridiku

2

Fit-12 ta’ Diċembru 1992, il-gvernijiet tal-Istati Membri adottaw, fuq il-bażi tal-Artikolu 216 tat-Trattat KEE, tal-Artikolu 77 tat-Trattat KEFA u tal-Artikolu 189 tat-Trattat KEEA, bi ftehim komuni, id-Deċiżjoni fuq il-post tas-sede ta’ l-istituzzjonijiet u ta’ ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 223, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Edinburgh”).

3

Fl-okkażjoni tal-Konferenza intergovernattiva li wasslet għall-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam, it-test tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh ġie inkluż bħala protokoll anness mat-Trattati UE, KE, KEFA u KEEA.

4

Bħalissa, il-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar il-Lokalità tas-Sede tal-Istituzzjonijiet u ta’ ċerti Organi, Korpi u Dipartimenti tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE, FUE u KEEA (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet”) jipprovdi, f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 1(a) tad-deċiżjoni ta’ Edinburgh:

“Il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu fejn it-tnax-il perijodu tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-baġit, għandhom jinżammu. Il-perjodi tas-sessjonijiet plenarji addizzjonali għandhom jinżammu fi Brussell. Il-kumitati tal-Parlament Ewropew għandhom jiltaqgħu fi Brussell. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew u d-dipartimenti tiegħu għandhom jibqgħu fil-Lussemburgu.”

5

L-Artikolu 314 TFUE jipprovdi, b’mod partikolari:

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandhom jistabbilixxu l-baġit annwali ta’ l-Unjoni skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

3.   Il-Kunsill għandu jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ baġit u jgħaddih lill-Parlament Ewropew sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Ottubru tas-sena ta’ qabel dik li fiha l-baġit għandu jiġi implimentat. […]

4.   Jekk, fi żmien tnejn u erbgħin jum wara din il-komunikazzjoni, il-Parlament Ewropew:

[…]

c)

jadotta emendi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, l-abbozz emendat għandu jintbagħat lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Il-President tal-Parlament Ewropew, bi ftehim mal-President tal-Kunsill, għandu isejjaħ minnufih laqgħa tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. […]

5.   Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, li għandu jlaqqa’ l-membri tal-Kunsill jew ir-rappreżentanti tagħhom u numru ugwali ta’ membri li jirrappreżentaw il-Parlament Ewropew, għandu l-kompitu li jilħaq ftehim fuq test konġunt, b’maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill jew tar-rappreżentanti tagħhom u b’maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew fi żmien wieħed u għoxrin jum minn meta jissejjaħ, abbażi tal-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

[…]

6.   Jekk, fi żmien il-wieħed u għoxrin jum previsti fil-paragrafu 5, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jilħaq ftehim fuq test konġunt, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom kull wieħed ikollhom perijodu ta’ erbatax-il jum mid-data ta’ dak il-ftehim sabiex jadottaw it-test konġunt.

7.   Jekk fil-perijodu ta’ erbatax-il jum previst fil-paragrafu 6:

a)

il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn japprovaw it-test konġunt jew jonqsu milli jieħdu deċiżjoni, jew jekk waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tapprova it-test konġunt filwaqt li l-oħra tonqos milli tieħu deċiżjoni, il-baġit għandu jiġi meqjus li jkun adottat b’mod definittiv skond it-test konġunt, jew

b)

kemm il-Parlament Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu, kif ukoll il-Kunsill jirrifjutaw it-test konġunt, jew waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tirrifjuta t-test konġunt filwaqt li l-oħra tonqos milli tieħu deċiżjoni, għandu jiġi preżentat abozz ta’ baġit ġdid mill-Kummissjoni, jew

[…]

d)

il-Parlament Ewropew japprova t-test konġunt filwaqt li l-Kunsill jirrifjutah, il-Parlament Ewropew jista’, fi żmien erbatax-il jum mid-data tar-rifjut tal-Kunsill u billi jaġixxi b’maġġoranza tal-membri komponenti tiegħu u tlieta minn kull ħamsa tal-voti espressi, jiddeċiedi li jikkonferma l-emendi kollha imsemmija fil-paragrafu 4(c) jew parti minnhom. Jekk xi emenda tal-Parlament Ewropew ma tiġix ikkonfermata għandha tinżamm il-pożizzjoni miftehma fil-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni dwar l-intestatura tal-baġit suġġetta għall-emenda. Il-baġit għandu jitqies adottat b’mod definittiv fuq din il-bażi.

[…]

9.   Meta tintemm il-proċedura prevista f’dan l-Artikolu, il-President tal-Parlament Ewropew għandu jiddikjara li l-baġit ikun ġie addottat b’mod definittiv.

10.   Kull istituzzjoni għandha teżerċita s-setgħa mogħtija lilha f’ dan l-Artikolu skond it-Trattati u l-atti adottati taħthom, b’ mod partikolari fir-rigward tar-riżorsi proprji ta’ l-Unjoni u tal-bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.”

6

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal din il-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”), jipprovdu, fl-Artikolu 156 tagħhom, intitolat “Limiti taż-żmien”:

“Ħlief fil-każi ta’ urġenza msemmija fl-Artikoli 135 u 154, m’għandhomx isiru dibattitu u votazzjoni fuq xi test ħlief jekk dan ikun sar disponibbli għall-Membri tal- anqas minn 24 siegħa qabel.”

7

Skont l-Artikolu 158(1) tar-Regoli ta’ Proċedura: “[i]d-dokumenti kollha tal-Parlament għandhom jitħejjew bil-lingwi uffiċjali”.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Fl-20 ta’ Mejju 2015, il-Parlament adotta l-kalendarju tas-sessjonijiet parzjali plenarji tiegħu għas-sena 2016 li jipprevedi, b’mod partikolari, iż-żamma ta’ sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji fi Strasbourg (Franza) mill-24 sas-27 ta’ Ottubru, mill-21 sal-24 ta’ Novembru u mit-12 sal-15 ta’ Diċembru 2016 kif ukoll sessjoni parzjali plenarja addizzjonali fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2016 fi Brussell (il-Belġju).

9

Fit-18 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppubblikat abbozz ta’ baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017. Fl-14 ta’ Settembru 2016, il-Kunsill bagħat lill-Parlament il-pożizzjoni tiegħu dwar dan l-abbozz. Wara votazzjoni fil-Kumitat għall-Baġits u dibattiti matul is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja li nżammet fi Strasbourg mill-24 sas-27 ta’ Ottubru 2016, fis-26 ta’ Ottubru 2016 il-Parlament adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva li kienet tinkludi emendi għall-imsemmi abbozz. Fis-27 ta’ Ottubru 2016, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni tal-baġit bejn il-Parlament u l-Kunsill ingħatat bidu. Din il-proċedura wasslet, fis-17 ta’ Novembru 2016, għal ftehim dwar abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, mibgħut fl-istess jum lill-Parlament u lill-Kunsill. It-test ta’ dan il-ftehim kien suġġett għal finalizzazzjoni teknika mis-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiġi traspost f’termini baġitarji u legali. L-abbozz konġunt ta’ baġit kif iffinalizzat ġie kkomunikat lill-Parlament fil-waranofsinhar tal-24 ta’ Novembru 2016.

10

Fit-28 ta’ Novembru 2016, il-Kunsill approva l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017. Il-Parlament ma inkludiex id-dibattitu u l-votazzjoni fuq dan l-abbozz fl-aġenda tas-sessjoni parzjali plenarja ordinarja li nżammet fi Strasbourg mill-21 sal-24 ta’ Novembru 2016, iżda f’dik tas-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali tat-30 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2016 fi Brussell. Permezz tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-1 ta’ Diċembru 2016, il-Parlament approva l-imsemmi abbozz. F’dan l-istess jum, il-President tal-Parlament ikkonstata, f’seduta plenarja, li l-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

11

Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla l-atti kkontestati;

iżżomm l-effetti tal-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv sakemm dan il-baġit jiġi adottat b’mod definittiv b’att konformi mat-Trattati, f’terminu raġonevoli li jibda jiddekorri mid-data tal-għoti tas-sentenza, u

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

12

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara inammissibbli r-rikors inkwantu jikkonċerna ż-żewġ aġendi tas-seduti plenarji tal-Parlament tat-30 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2016 u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal-1 ta’ Diċembru 2016;

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż, u

sussidjarjament, iżżomm l-effetti tal-att li bih il-President tal-Parlament ikkonstata li l-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli, ta’ att ġdid maħsub biex jissostitwixxih.

13

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2017, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

14

Il-Parlament isostni li r-rikors huwa inammissibbli inkwantu dan jikkonċerna ż-żewġ aġendi tas-seduti plenarji tal-Parlament tat-30 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2016 kif ukoll ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal-1 ta’ Diċembru 2016. Dawn iż-żewġ aġendi huma miżuri ta’ organizzazzjoni purament interna, li ma jipproduċux effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi. Dwar ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva, din hija biss att preparatorju għall-att li permezz tiegħu l-President tal-Parlament ikkonstata l-adozzjoni b’mod definittiv tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017.

15

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, billi inkluda d-dibattitu u l-votazzjoni dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 fl-aġenda tas-seduti plenarji tat-30 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2016, il-Parlament ħa d-deċiżjoni li jeżerċita l-kompetenzi baġitarji tiegħu skont l-Artikolu 314(6) TFUE waqt sessjoni parzjali plenarja addizzjonali fi Brussell. Issa, il-kwistjoni dwar jekk dawn iż-żewġ aġendi jirrigwardawx esklużivament l-organizzazzjoni interna tal-Parlament jew jekk dawn jipproduċux effetti legali fil-konfront ta’ terzi, b’tali effetti jirriżultaw mill-eżerċizzju, minn din l-istituzzjoni, tal-kompetenzi tagħha, hija intrinsikament marbuta mal-eżami tal-kontenut tagħhom u, għaldaqstant, mal-eżami tar-rikors fil-mertu, b’tali mod li din il-kwistjoni ma tistax tiġi evalwata fil-kuntest tal-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 1983, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament, 230/81, EU:C:1983:32, punt 30; tat-28 ta’ Novembru 1991, Il-Lussemburgu vs Il‑Parlament, C‑213/88 u C‑39/89, EU:C:1991:449, punt 16, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il-Parlament, C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punt 20).

16

Fir-rigward tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal-1 ta’ Diċembru 2016, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-deliberazzjoni tal-Parlament dwar l-abbozz ta’ baġit annwali fit-tieni qari bbażata fuq l-Artikolu 203(6) tat-Trattat KEE setgħet tkun suġġetta għal rikors għal annullament. Fil-fatt, skont il-paragrafu 10 ta’ dan l-artikolu (li sar l-Artikolu 203(10) tat-Trattat KE, liema artikolu stess sar l-Artikolu 272(10) KE u sussegwentement l-Artikolu 314(10) TFUE), kull istituzzjoni għandha teżerċita s-setgħat mogħtija lilha fil-qasam baġitarju skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Fin-nuqqas ta’ possibbiltà li d-diversi atti adottati mill-awtorità baġitarja abbażi tal-imsemmi artikolu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet li jiffurmaw dik l-awtorità jistgħu jinterferixxu fil-kompetenzi tal-Istati Membri jew tal-istituzzjonijiet l-oħra jew imorru lil hinn mil-limiti stabbiliti għall-kompetenzi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 1986, Il-Kunsill vs Il-Parlament, 34/86, EU:C:1986:291, punt 12). Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, mutatis mutandis, għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Diċembru 2016 li tapprova l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 fit-tieni qari abbażi tal-Artikolu 314(6) TFUE.

17

Minn dan jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

18

Ir-Repubblika Franċiża, sostnuta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tqajjem motiv uniku, ibbażat fuq ksur, permezz tal-atti kkontestati, tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet. Skont il-punt (a) tal-Artikolu uniku ta’ dan il-protokoll, il-Parlament huwa obbligat li jeżerċita s-setgħa baġitarja tiegħu kif mogħtija mill-Artikolu 314 TFUE fl-intier tiegħu matul is-sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji li jinżammu fi Strasbourg. F’dan il-każ, din l-istituzzjoni kisret l-imsemmija dispożizzjoni billi d-diskussjoni u l-votazzjoni dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, inkludiethom fl-aġenda tas-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali tagħha li nżammet fi Brussell fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2016 u billi, permezz tal-att tal-President tal-Parlament ibbażat fuq l-imsemmi Artikolu 314(9), ikkonstatat l-adozzjoni definittiva ta’ dan il-baġit matul l-istess sessjoni parzjali plenarja addizzjonali.

19

Fil-fatt, ir-regola stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-imsemmi protokoll ma tipprevedi ebda eċċezzjoni. Minkejja li r-Repubblika Franċiża ma opponietx li ċerti atti relatati mal-eżekuzzjoni tal-baġit ikunu adottati waqt sessjonijiet parzjali plenarji addizzjonali, b’mod partikolari sabiex jittieħed kont ta’ ċerti avvenimenti mhux mistennija, din il-prassi ma tistax tiġi ttollerata fir-rigward tal-proċedura tal-baġit irregolata mill-Artikolu 314 TFUE, li twassal għall-adozzjoni tal-baġit annwali tal-Unjoni u li tikkostitwixxi mument fundamentali tal-ħajja demokratika tagħha.

20

Skont ir-Repubblika Franċiża, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 314 għandhom ikunu kkonċiljati mar-regoli dwar is-sede tal-Parlament li jirriżultaw mill-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet, li, skont l-Artikolu 51 TUE, jagħmlu parti integrali mit-Trattati u jinsabu fuq l-istess livell legali tal-Artikolu 314 TFUE. B’hekk, il-limitazzjonijiet li jirriżultaw mit-termini previsti minn dan l-aħħar artikolu ma jistgħux jieħdu preċedenza fuq l-obbligi dwar is-sede tal-Parlament stabbiliti mill-imsemmi protokoll, iktar u iktar għaliex huwa possibbli li jiġu kkonċiljati.

21

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża tqis li din l-istituzzjoni hija obbligata li tadotta l-kalendarju tas-sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji fi Strasbourg b’tali mod li waħda minnhom tkun skedata matul it-terminu ta’ erbatax-il jum stabbilit fl-Artikolu 314(6) TFUE sabiex jittieħed il-vot tal-Parlament dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit annwali li jirriżulta mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni. Sa fejn il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jagħmel użu, bħala regola ġenerali, mill-perijodu sħiħ ta’ konċiljazzjoni ta’ wieħed u għoxrin jum kif previst fil-paragrafu 5 ta’ dan l-aħħar artikolu, ikun possibbli li d-data tal-ftehim ta’ konċiljazzjoni dwar dan il-proġett konġunt tiġi prevista. Fil-każ li l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jasal għal ftehim qabel id-data prevista, il-“formalizzazzjoni” ta’ dan il-ftehim u, għaldaqstant, id-data li fiha t-terminu ta’ erbatax-il jum imsemmi hawn fuq jibda jiddekorri jistgħu jiġu ttardjati.

22

Barra minn hekk, f’dan il-każ, kien possibbli għall-Parlament li jinkludi d-dibattitu u l-votazzjoni dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 fl-aġenda ta’ seduta tas-sessjoni parzjali plenarja ordinarja li nżammet mill-21 sal-24 ta’ Novembru 2016 fi Strasbourg, filwaqt li josserva t-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 314(6) TFUE. Fil-fatt, din is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja seħħ kompletament matul dak it-terminu u bdiet erbat ijiem wara l-ftehim dwar dan l-abbozz konġunt, li seħħ fis-17 ta’ Novembru 2016. Għalhekk, billi qies biss il-perijodu obbligatorju qabel il-ftuħ tad-diskussjoni dwar test, jiġifieri t-terminu għal distribuzzjoni ta’ minn tal-inqas erbgħa u għoxrin siegħa previst fl-Artikolu 156 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Parlament kien totalment f’pożizzjoni li jinkludi d-dibattiti u l-votazzjoni dwar l-imsemmi abbozz komuni fl-aġenda tal-imsemmija sessjoni parzjali plenarja ordinarja. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Franċiża tikkontesta li l-isfidi mqajma mill-Parlament fir-rigward tal-finalizzazzjoni teknika, tat-traduzzjoni u tal-finalizzazzjoni tal-fajl baġitarju wasslu sabiex ikun impossibbli, għal din l-istituzzjoni, li tiddeċiedi dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 matul is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja li nżammet mill-21 sal-24 ta’ Novembru 2016 fi Strasbourg.

23

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-att li permezz tiegħu l-President tal-Parlament ikkonstata l-adozzjoni b’mod definittiv tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, xejn ma kien jostakolah milli jistenna s-sessjoni parzjali plenarja ordinarja li kien imiss, li nżammet mit-12 sal-15 ta’ Diċembru 2016.

24

Il-Parlament isostni li l-kliem “sessjoni tal-baġit” għandu jiġu interpretat fis-sens li jirreferi biss għal sessjoni parzjali plenarja speċifika waħda, jiġifieri s-sessjoni li matulha l-Parlament jeżerċita s-setgħat li ngħatawlu inizjalment mill-Artikolu 203 tat-Trattat KEE li jipproponi emendi għall-abbozz ta’ baġit inizjali, kif emendat mill-Kunsill. Id-Deċiżjoni ta’ Edinburgh tħaddan il-prattika preċedenti tal-Parlament li tikkonsisti fl-organizzazzjoni, fi tmiem ix-xahar ta’ Ottubru jew fil-bidu tax-xahar ta’ Novembru, sessjoni parzjali plenarja fi Strasbourg għal dan il-għan. Din is-sessjoni parzjali plenarja, imsejħa “sessjoni parzjali ta’ Ottubru II”, żdiedet mas-sessjoni parzjali plenarja ordinarja tax-xahar ta’ Ottubru, minħabba l-prassi ta’ din l-istituzzjoni li ma żżomm ebda sessjoni parzjali plenarja fix-xahar ta’ Awwissu, u ntużat, essenzjalment, għall-ewwel qari tal-abbozz tal-baġit.

25

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Franċiża, xejn fil-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet ma jindika li d-dibattiti u l-votazzjoni sussegwenti dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit annwali li jirriżulta mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni għandhom iseħħu wkoll matul sessjoni parzjali plenarja ordinarja fi Strasbourg. Skont il-Parlament, l-interpretazzjoni ta’ dan l-Istat Membru timplika jew li jinżammu sitt sessjonijiet parzjali plenarji ta’ kull xahar fi Strasbourg matul it-tieni parti tas-sena, li tmur kontra l-obbligu previst f’dan il-Protokoll li t-tnax-il sessjoni parzjali ta’ kull xahar fi Strasbourg jinżammu skont ritmu regolari, jew inkella konsegwenzi inkompatibbli mal-effettività tal-Artikolu 314 TFUE.

26

B’teħid inkunsiderazzjoni tat-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 314(6) TFUE għall-approvazzjoni tal-abbozz konġunt ta’ baġit annwali, il-Parlament isostni li l-imsemmija interpretazzjoni tobbliga lill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni biex b’mod sistematiku jadotta dan l-abbozz fi żmien erbatax-il jum qabel id-data ta’ sessjoni parzjali plenarja fi Strasbourg, u b’hekk dan il-kumitat jiġi mċaħħad mil-libertà tiegħu li jadotta l-imsemmi abbozz fi kwalunkwe ħin matul il-perijodu ta’ konċiljazzjoni ta’ wieħed u għoxrin jum previst fl-Artikolu 314(5) TFUE. Barra minn hekk, din l-istess interpretazzjoni tipprevjeni lill-Parlament milli jwettaq dibattitu dwar il-baġit annwali tal-Unjoni u milli jivvota għalih wara t-tnax-is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja fi Strasbourg u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ipoteżi, prevista fl-Artikolu 314(7)(b) u (d) TFUE, li l-baġit għandu jiġi adottat fil-kuntest ta’ proċedura baġitarja ġdida jew permezz ta’ votazzjoni tal-Parlament li tikkonferma l-emendi kollha tiegħu jew parti minnhom. L-assenza ta’ adozzjoni tal-baġit sa tmiem l-eżerċizzju ta’ baġit twassal f’dan il-każ għall-applikazzjoni tal-Artikolu 315 TFUE dwar il-baġit provviżorju.

27

Barra minn hekk, kien impossibbli, f’dan il-każ, li d-dibattitu u l-votazzjoni dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 jiġu inklużi fl-aġenda ta’ seduta tas-sessjoni parzjali plenarja ordinarja li seħħet mill-21 sal-24 ta’ Novembru 2016 fi Strasbourg. Fil-fatt, qabel ma dan l-abbozz konġunt ġie ppreżentat għall-approvazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill, kien meħtieġ li l-ftehim politiku anness mal-ittri ta’ trażmissjoni tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jiġi traspost fit-testi baġitarji legali u li dawn tal-aħħar jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Madankollu, il-finalizzazzjoni teknika tal-imsemmi abbozz komuni dejjem teħtieġ madwar ġimgħa tax-xogħol u normalment tkun fdata f’idejn is-servizzi tal-Kummissjoni. F’dan il-każ, kien biss 18-il minuta qabel it-tmiem tas-sessjoni parzjali plenarja ordinarja tax-xahar ta’ Novembru 2016 li l-Kummissjoni nnotifikat lill-Parlament u lill-Kunsill li dan l-istess abbozz konġunt iffinalizzat kien disponibbli, u biss bil-lingwa Ingliża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28

Il-Parlament, kif ikkonfermat mill-Artikolu 314(10) TFUE, huwa obbligat jeżerċita s-setgħat baġitarji mogħtija lilu skont it-Trattati u l-atti adottati skont dawn.

29

Fl-ewwel lok, din l-istituzzjoni għandha tosserva l-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet li, skont l-Artikolu 51 TUE, jagħmel parti integrali mit-Trattati. Il-punt (a) tal-Artikolu uniku ta’ dan il-protokoll jipprovdi li “[il]-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu fejn it-tnax-il perijodu tas-sessjonijiet plenarji ta’ kull xahar, inkluża s-sessjoni tal-baġit, għandhom jinżammu”.

30

Ir-Repubblika Franċiża ssostni li, skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-Parlament huwa obbligat jeżerċita bis-sħiħ is-setgħat baġitarji tiegħu fi Strasbourg, filwaqt li, skont il-Parlament, l-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna sessjoni parzjali plenarja speċifika, jiġifieri dik li tirrigwarda l-abbozz ta’ baġit fl-ewwel qari, u dan ikun jeskludi l-atti kkontestati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-istess dispożizzjoni.

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet jirreferi għas-“sessjoni tal-baġit”, mingħajr madankollu ma jindika sessjoni parzjali plenarja ordinarja speċifika u lanqas l-atti li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Parlament fil-kuntest tal-proċedura baġitarja u li għandhom jiġu adottati matul din is-sessjoni parzjali plenarja. Issa, skont l-Artikolu 314 TFUE, il-Parlament jista’ jiddeċiedi dwar il-baġit annwali tal-Unjoni diversi drabi u, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-iskadenzi u tat-termini previsti f’dan l-aħħar artikolu, matul sessjonijiet parzjali plenarji ordinarji differenti.

32

Fl-assenza ta’ preċiżjoni fil-punt (a) tal-Artikolu uniku ta’ dan il-protokoll, il-kliem “sessjoni tal-baġit” għandu jitqies bħala riferiment għas-sessjonijiet parzjali plenarji kollha li matulhom il-Parlament jeżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu u għall-atti kollha adottati minn din l-istituzzjoni għal dan il-għan.

33

Fil-fatt, fir-rigward tal-Artikolu 1(a) tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh, li huwa fformulat f’termini identiċi għal dawk tal-punt (a) tal-Artikolu uniku ta’ dan il-protokoll, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tiddefinixxi s-sede tal-Parlament bħala l-post fejn għandhom jinżammu, b’ritmu regolari, tnax-il sessjoni parzjali plenarja ordinarja ta’ din l-istituzzjoni, inklużi dawk li matulhom il-Parlament għandu jeżerċita s-setgħat baġitarji li jagħtih it-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, C‑345/95, EU:C:1997:450, punt 29, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il-Parlament, C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punt 40).

34

Wieħed għandu jżid li l-eżerċizzju, mill-Parlament, tal-kompetenza baġitarja tiegħu f’seduta plenarja huwa ta’ importanza partikolari għat-trasparenza u għal-leġittimità demokratika tal-azzjoni tal-Unjoni bbażata fuq il-baġit annwali tagħha. Madankollu, dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu żgurati permezz tas-sempliċi l-ewwel qari tal-abbozz ta’ baġit fil-kuntest tal-proċedura baġitarja stabbilita fl-Artikolu 314 TFUE meta l-Parlament, konformement mal-Artikolu 314(4)(ċ) TFUE, jadotta emendi għal dan l-abbozz.

35

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju mill-Parlament tal-kompetenza baġitarja tiegħu f’seduta plenarja jikkostitwixxi mument fundamentali fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u jeħtieġ, b’mod partikolari, dibattitu pubbliku, f’seduta plenarja, li jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni jsiru jafu bl-orjentamenti politiċi differenti espressi u, b’hekk, jifformaw opinjoni politika dwar l-azzjoni tal-Unjoni (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il‑Parlament, C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punt 68). Barra minn hekk, it-trasparenza tad-dibattitu parlamentari f’seduta plenarja tista’ ssaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-proċedura baġitarja fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-kredibilità tal-azzjoni tagħha.

36

Issa, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fil-paragrafu 4(ċ) u fil-paragrafu 5 tal-Artikolu 314 TFUE tista’ twassal għal bidliet importanti fl-abbozz tal-baġit li ma jkunux ġew eżaminati fl-ewwel qari mill-Parlament, u lanqas ma jkunu ġew diskussi fil-pubbliku fi ħdan il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni. Kif il-Parlament ikkonferma matul is-seduta, il-laqgħat ta’ dan il-Kumitat ma humiex pubbliċi u jinvolvu l-parteċipazzjoni ta’ 28 Membru tal-Parlament, b’mod li jiġu riflessi l-proporzjonijiet ta’ maġġoranza fi ħdanu mingħajr madankollu ma jiġu rrappreżentati b’mod sħiħ l-interessi politiċi tal-membri kollha ta’ din l-istituzzjoni.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kliem “sessjoni tal-baġit”, li jinsabu fil-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet, ikopri mhux biss is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja ddedikata għall-eżami tal-abbozz ta’ baġit fl-ewwel qari, iżda wkoll it-tieni qari, skont l-Artikolu 314(6) TFUE, li fiha jseħħu dibattitu u votazzjoni pubbliċi, f’seduta plenarja, dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit annwali li jirriżulta mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

38

Fit-tieni lok, il-Parlament għandu josserva r-rekwiżiti li l-Artikolu 314 TFUE jimponi fuqu għall-eżerċizzju tas-setgħat baġitarji tiegħu f’seduta plenarja. L-iskadenzi u t-termini stabbiliti f’din id-dispożizzjoni għandhom l-għan li jiżguraw l-adozzjoni tal-baġit annwali tal-Unjoni qabel it-tmiem tas-sena ta’ qabel is-sena finanzjarja inkwistjoni, u l-ksur tagħhom jista’, jekk ikun il-każ, iwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 315 TFUE, dwar il-baġit provviżorju.

39

B’hekk, fil-każ, b’mod partikolari, fejn il-Parlament ma jirnexxilux jieħu deċiżjoni fit-tieni qari dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit annwali fit-terminu ta’ erbatax-il jum previst fl-Artikolu 314(6) TFUE, u fejn il-Kunsill jirrifjutah f’dan it-terminu, mill-paragrafu 7(b) ta’ dan l-aħħar artikolu jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta’ baġit ġdid u, għaldaqstant, li l-proċedura baġitarja għandha tinbeda kompletament mill-ġdid. F’din l-istess ipoteżi, il-Parlament jitlef, barra minn hekk, il-prerogattiva tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 314(7)(d) TFUE, li tippermettilu li, fil-każ ta’ rifjut tal-abbozz konġunt ta’ baġit annwali mill-Kunsill, jiddeċiedi waħdu dwar l-adozzjoni tal-baġit permezz ta’ votazzjoni addizzjonali b’maġġoranza kkwalifikata.

40

Barra minn hekk, fl-assenza ta’ dibattitu u ta’ votazzjoni tal-Parlament dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit annwali fit-terminu ta’ erbatax-il jum stabbilit fl-Artikolu 314(6) TFUE, dan il-proġett jista’ jiġi adottat mill-Kunsill biss, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 7(a) ta’ dan l-artikolu. Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 34 sa 36 ta’ din is-sentenza, huwa ta’ importanza partikolari sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-leġittimità demokratika tal-azzjoni tal-Unjoni, li jidhru permezz tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-baġit annwali, li l-Parlament jeżerċita l-kompetenza tiegħu skont l-Artikolu 314(6) TFUE u li dan jiddeċiedi f’seduta plenarja dwar dan l-abbozz konġunt.

41

Għaldaqstant, il-Parlament huwa obbligat jaġixxi bl-ikbar attenzjoni, rigorożità u bl-impenn sħiħ li tali responsabbiltà tirrikjedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franza vs Il-Parlament, C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punt 68), li jfisser li d-dibattitu u l-votazzjoni Parlamentari għandhom ikunu bbażati fuq test mibgħut lill-Membri fi żmien utli u li jkun tradott fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Fil-fatt, l-Unjoni hija marbuta mal-multilingwiżmu, li l-importanza tiegħu hija mfakkra fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il-Kunsill, C‑147/13, EU:C:2015:299, punt 42, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2017, Is-Slovakkja u L-Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 203).

42

Fit-tielet lok, sa fejn il-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet u l-Artikolu 314 TFUE għandhom l-istess valur legali, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ewwel wieħed minn dawn l-artikoli ma jistgħux, inkwantu tali, jipprevalu fuq dawk li jirriżultaw mit-tieni wieħed, u viċi versa. L-applikazzjoni tagħhom għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ, b’osservanza tal-konċiljazzjoni meħtieġa ta’ dawn ir-rekwiżiti u ta’ bilanċ ġust bejniethom.

43

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet huwa rregolat mir-rispett reċiproku tal-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Parlament kif ukoll minn dmir reċiproku ta’ kooperazzjoni leali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il‑Parlament, 358/85 u 51/86, EU:C:1988:431, punti 3435; tal-1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il-Parlament, C‑345/95, EU:C:1997:450, punti 3132, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il-Parlament, C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punti 414260).

44

Għalhekk, il-Parlament għandu jeżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu matul sessjoni parzjali plenarja ordinarja fi Strasbourg, mingħajr ma, madankollu, dan l-obbligu, li jirriżulta mill-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet, ikun jostakola milli l-baġit annwali jiġi, jekk neċessitajiet marbuta mal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura baġitarja kif prevista fl-Artikolu 314 TFUE ikunu jeħtieġu dan, dibattut u tittieħed votazzjoni dwaru waqt sessjoni parzjali plenarja addizzjonali fi Brussell. Żvolġiment ta’ din il-proċedura li jagħti prevalenza, b’mod assolut, lill-osservanza tal-punt (a) tal-Artikolu uniku ta’ dan il-protokoll għad-detriment tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament f’dik il-proċedura jkun inkompatibbli mal-konċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, imfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza.

45

F’dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punti 42 sa 44 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta jkun qed iwettaq il-konċiljazzjoni neċessarja bejn ir-rekwiżiti tal-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet u dawk tal-Artikolu 314 TFUE, il-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali li tirriżulta min-neċessitajiet marbuta mal-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura baġitarja. Għalhekk, dan l-istħarriġ ġudizzjarju jirrigwarda l-punt dwar jekk il-Parlament, meta eżerċita parti mis-setgħat baġitarji tiegħu matul sessjoni parzjali plenarja addizzjonali, wettaqx żbalji ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

46

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-atti kkontestati josservawx il-bżonn li jiġu rrikonċiljati l-eżiġenzi li jirriżultaw mill-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet u mill-Artikolu 314 TFUE.

47

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-ippjanar tal-kalendarju parlamentari seta’ jippermetti d-dibattitu u l-votazzjoni dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 fi Strasbourg, fit-terminu previst fl-Artikolu 314(6) TFUE, u li tali dibattitu u tali votazzjoni kienu, fi kwalunkwe każ, ikunu possibbli matul is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja tax-xahar ta’ Novembru 2016. Barra minn hekk, l-att li permezz tiegħu l-President tal-Parlament ikkonstata l-adozzjoni definittiva tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien għadu jista’ jiġi adottat matul is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja li jmiss, mit-12 sal-15 ta’ Diċembru 2016.

48

Fir-rigward tal-kalendarju parlamentari għas-sena 2016, l-argument tar-Repubblika Franċiża huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-premessa li, peress li d-data li fiha l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni wasal għal ftehim dwar abbozz konġunt għal baġit annwali tal-Unjoni, jiġifieri fis-17 ta’ Novembru 2016, kienet raġonevolment prevedibbli għall-Parlament fil-mument tal-iffissar tal-imsemmi kalendarju, din l-istituzzjoni kellha tistabbilixxi sessjoni parzjali plenarja ordinarja iktar tard mill-21 sal-24 ta’ Novembru ta’ dik l-istess sena, u dan b’mod li jippermetti li matul din l-istess sessjoni jseħħu d-dibattitu u l-votazzjoni fit-tieni qari fi żmien utli dwar dan l-abbozz.

49

Madankollu, l-ebda element imressaq mir-Repubblika Franċiża ma jippermetti li jiġi stabbilit li, fuq dan il-punt, l-iffissar, mill-Parlament, tal-kalendarju tas-sessjonijiet plenarji ordinarji tiegħu għas-sena 2016 kien ivvizzjat minn żball ta’ evalwazzjoni.

50

Il-premessa spjegata fil-punt 48 ta’ din is-sentenza ma tistax, fil-fatt, tintlaqa’. Għalhekk, fil-mument tal-iffissar tal-kalendarju tas-sessjonijiet plenarji ordinarji, kemm l-użu mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni kif ukoll id-data li fiha din il-proċedura tinbeda u tintemm, jekk ikun il-każ, minħabba ftehim dwar abbozz konġunt ta’ baġit annwali, kienu fil-prinċipju inċerti. Kif tammetti r-Repubblika Franċiża, f’dak l-istess mument bl-ebda mod ma kien eskluż li, fil-każ ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, dan tal-aħħar jilħaq ftehim dwar abbozz konġunt ta’ baġit annwali tal-Unjoni f’data qabel is-17 ta’ Novembru 2016, li seta’ jippermetti lill-Parlament li jwettaq id-dibattitu u l-votazzjoni fit-tieni qari dwar l-imsemmi abbozz waqt is-sessjoni plenarja tal-21 sal-24 ta’ Novembru 2016, u dan mingħajr ma jikser ir-rekwiżiti ta’ attenzjoni, ta’ rigoriżità u ta’ impenn imfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

51

Din il-konstatazzjoni tal-aħħar ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li, fil-każ ta’ ftehim fi ħdan il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 314(5) TFUE, kien konċepibbli li l-imsemmi kumitat idewwem il-formalizzazzjoni ta’ dan il-ftehim. Tali approċċ, li jimplika li d-data tal-imsemmi ftehim tiġi posposta artifiċjalment, fil-fatt ma huwiex kompatibbli mal-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu, li minnu jirriżulta li t-terminu ta’ erbatax-il jum mogħti lill-Parlament u lill-Kunsill biex japprovaw it-test konġunt jibda jiddekorri mid-data li fiha l-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jasal għal ftehim bħal dan.

52

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Parlament baqa’ fil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza meta stabbilixxa l-kalendarju ta’ sessjonijiet plenarji ordinarji għas-sena 2016.

53

Għad irid jiġi vverifikat jekk, fil-kuntest stabbilit mill-imsemmi kalendarju, il-Parlament setax, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, jeżerċita s-setgħat baġitarji tiegħu, permezz tal-atti kkontestati, matul is-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali li nżammet fi Brussell fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2016.

54

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-aġendi tas-seduti plenarji tal-Parlament tat-30 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2016 kif ukoll ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal-1 ta’ Diċembru 2016 dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, huwa paċifiku li l-ftehim tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni dwar dan il-proġett sar u ntbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill fis-17 ta’ Novembru 2016. Il-Parlament inkluda l-imsemmi abbozz mhux fl-aġenda tas-sessjoni parzjali plenarja ordinarja tal-21 sal-24 ta’ Novembru 2016 fi Strasbourg, iżda f’dik tas-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali li nżammet fi Brussell fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2016.

55

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-1 ta’ Diċembru 2016 kien l-aħħar jum tat-terminu previst fl-Artikolu 314(6) TFUE. Sa fejn il-Kunsill kien diġà approva l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 fit-28 ta’ Novembru 2016, il-qbiż ta’ dan it-terminu mill-Parlament implika l-adozzjoni tal-baġit annwali għal dik is-sena finanzjarja, skont l-Artikolu 314(7)(a) TFUE, mingħajr ma l-Parlament ikun involut fil-proċedura baġitarja fit-tieni qari.

56

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Franċiża li jgħid li l-Parlament seta’ jiddeċiedi dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena 2017 f’data preċedenti, jiġifieri matul is-sessjoni parzjali plenarja ordinarja mill-21 sal-24 ta’ Novembru 2016 fi Strasbourg, għandu jiġi rrilevat li l-użu sħiħ, mill-Parlament, tat-terminu previst fl-Artikolu 314(6) TFUE ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-legalità tal-aġendi tas-seduti plenarji tal-Parlament tat-30 ta’ Novembru u tal-1 ta’ Diċembru 2016 kif ukoll tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal-1 ta’ Diċembru 2016 fid-dawl tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet. Fil-fatt, il-Parlament għandu d-dritt li juża kompletament il-limiti mogħtija lilu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 314. Kif irrileva l-Parlament matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dibattiti interni fi ħdan id-diversi gruppi politiċi u l-Kumitat għall-Baġits jieħdu żmien kunsiderevoli, u dan huwa żmien partikolarment importanti għat-tħejjija tad-dibattitu u l-votazzjoni baġitarji f’seduta plenarja u, b’mod partikolari, sabiex tinkiseb maġġoranza.

57

Barra minn hekk, il-qbil tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien suġġett għal finalizzazzjoni teknika u għal traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, li n-neċessità tagħhom ma hijiex ikkontestata mill-partijiet. Dawn tal-aħħar lanqas ma jikkontestaw id-deċiżjoni li din il-finalizzazzjoni teknika tiġi fdata f’idejn is-servizzi tal-Kummissjoni, bi qbil komuni bejn il-Parlament u l-Kunsill, u b’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU 2013, C 373, p. 1).

58

Issa, f’dan il-każ, wara din il-finalizzazzjoni teknika, l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament biss fil-waranofsinhar tal-24 ta’ Novembru 2016, jiġifieri l-aħħar jum tas-sessjoni parzjali plenarja ordinarja tax-xahar ta’ Novembru 2016, u dan biss fil-verżjoni bl-Ingliż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dibattitu u l-votazzjoni fuq dan l-abbozz ma setgħux, skont l-Artikoli 156 u 158 tar-Regoli ta’ Proċedura, jiġu inklużi fl-aġenda relatata ma’ dan l-24 ta’ Novembru 2016. Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet, id-dibattitu u l-votazzjoni jistgħu jinfetħu biss fuq test redatt bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Membri erbgħa u għoxrin siegħa qabel minn tal-inqas. L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti minimi hija indispensabbli għall-finijiet tat-tħejjija tad-dibattitu u tal-votazzjoni f’seduta plenarja dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit annwali, bl-ikbar attenzjoni, rigorożità u b’kull impenn meħtieġa u, b’mod partikolari, fid-dawl tar-rekwiżiti relatati mal-multilingwiżmu.

59

Fir-rigward tat-tul ta’ żmien għall-finalizzazzjoni teknika tal-ftehim tal-Bord ta’ Konċiljazzjoni dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, li f’dan il-każ kien ta’ sebat ijiem, ir-Repubblika Franċiża ma wrietx li dan kien eċċessiv. Minkejja li l-Parlament huwa, ċertament, obbligat jiżgura li jsir minn kollox sabiex ikun żgurat li dan it-tul ta’ żmien għall-finalizzazzjoni teknika jippermetti, fejn applikabbli, li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-punt (a) tal-Artikolu uniku tal-Protokoll dwar is-Sedi tal-Istituzzjonijiet jiġu osservati, madankollu dan l-Istat Membru ma ppreżentax elementi konkreti li jippermettu li jitqies li l-Parlament kiser dan l-obbligu u, għaldaqstant, li t-tul ta’ żmien għall-imsemmija finalizzazzjoni teknika seta’ jiġi mnaqqas, b’tali mod li dan l-abbozz konġunt seta’ jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Parlament, skont il-kundizzjonijiet meħtieġa mir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, f’data qabel l-24 ta’ Novembru 2016.

60

Anki jekk jitqies li dan it-tul ta’ żmien seta’ jkun iqsar, għandu jitqies iż-żmien li, lil hinn mir-rekwiżiti minimi li jirriżultaw mill-Artikolu 156 tar-Regoli ta’ Proċedura, huwa meħtieġ għall-preparazzjoni tas-seduta plenarja dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit annwali, u dan huwa żmien li l-Membri għandhom jingħataw, b’mod partikolari dawk tal-minoranza Parlamentari li ebda rappreżentant tagħha ma jkun ipparteċipa fil-proċedura ta’ konċiljazzjoni, sabiex jieħdu konjizzjoni utli, jiddibattu u jivvotaw dan l-abbozz bl-attenzjoni u bir-rigoriżità kollha, u b’kull impenn meħtieġa.

61

Għaldaqstant, il-Parlament ma wettaq ebda żball ta’ evalwazzjoni meta inkluda d-dibattitu u l-votazzjoni dwar l-abbozz konġunt tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 fl-aġenda tas-sessjoni parzjali plenarja addizzjonali li nżammet fit-30 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2016 fi Brussell, u meta approva dan l-abbozz permezz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva waqt din l-istess sessjoni parzjali plenarja.

62

Fir-rigward, it-tieni nett, l-att li jikkonstata l-adozzjoni b’mod definittiv tal-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017, għandu jiġi rrilevat li t-Trattat FUE ma jagħti ebda terminu lill-President tal-Parlament għall-adozzjoni tiegħu, u din l-adozzjoni għandha sseħħ, skont l-Artikolu 314(9) TFUE, meta l-proċedura prevista f’dan l-Artikolu tkun intemmet.

63

Fil-fatt, l-imsemmi att huwa marbut mill-qrib mal-votazzjoni, fit-tieni qari, dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit annwali. L-att tal-President tal-Parlament li jikkonstata formalment, wara verifika tar-regolarità tal-proċedura, li l-baġit annwali tal-Unjoni huwa adottat b’mod definittiv jikkostitwixxi l-fażi finali tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan il-baġit u jikkonferixxi saħħa vinkolanti lill-istess baġit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2013, Il-Kunsill vs Il-Parlament, C‑77/11, EU:C:2013:559, punt 50). B’hekk, meta l-Parlament, fid-dawl tal-konċiljazzjoni meħtieġa u li għaliha sar riferiment fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, ikollu l-jedd li jiddibatti u li jivvota dwar l-abbozz konġunt ta’ baġit annwali matul sessjoni parzjali plenarja addizzjonali fi Brussell, il-President ta’ din l-istituzzjoni għandu jagħmel tali konstatazzjoni matul l-istess sessjoni parzjali plenarja.

64

Barra minn hekk, fid-dawl tal-importanza tal-adozzjoni tal-baġit annwali għall-azzjoni tal-Unjoni, ma jistax jiġi rikjest li l-President tal-Parlament ikun obbligat li jistenna s-sessjoni parzjali plenarja ordinarja li jmiss fi Strasbourg sabiex jiġi kkonstatat l-għeluq definittiv tal-proċedura baġitarja u sabiex tingħata saħħa vinkolanti lill-baġit annwali tal-Unjoni.

65

Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettaq żball ta’ evalwazzjoni li l-President tal-Parlament seta’ jikkonstata, matul is-seduta plenarja li nżammet fl-1 ta’ Diċembru 2016 fi Brussell, li l-baġit annwali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 kien ġie adottat b’mod definittiv.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi miċħud il-motiv uniku tar-Repubblika Franċiża u, għalhekk, li r-rikors jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

67

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill talab li r-Repubblika Franċiża li tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet il-motivi tagħha, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Parlament. B’applikazzjoni tal-Artikolu 140(1) tal-istess Regoli, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li intervjena fil-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Parlament Ewropew.

 

3)

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top