EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0044

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2018.
Scotch Whisky Association, The Registered Office vs Michael Klotz.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landgericht Hamburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ spirti – Regolament (KE) Nru 110/2008 – Artikolu 16(a) sa (ċ) – Anness III – Indikazzjoni ġeografika rreġistrata ‘Scotch Whisky’ – Whisky prodott fil-Ġermanja u mibjugħ bl-isem ‘Glen Buchenbach’.
Kawża C-44/17.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2018:415

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ spirti – Regolament (KE) Nru 110/2008 – Artikolu 16(a) sa (ċ) – Anness III – Indikazzjoni ġeografika rreġistrata ‘Scotch Whisky’ – Whisky prodott fil-Ġermanja u mibjugħ bl-isem ‘Glen Buchenbach’”

Fil-Kawża C‑44/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Scotch Whisky Association,

vs

Michael Klotz,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-iScotch Whisky Association, minn K. H. Reuer u W. Baars, Rechtsanwältinnen,

għal M. Klotz, minn S. J. Mühlberger, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos, E. Leftheriotou, M. Tassopoulou u E. Chroni, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, S. Horrenberger u E. de Moustier, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Varrone, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers, D. Bianchi u I. Naglis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(a) sa (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-iScotch Whisky Association u Michael Klotz, distributur tal-whisky online, dwar azzjoni sabiex jitwaqqaf il-bejgħ, minn dan tal-aħħar, ta’ whisky prodott fil-Ġermanja u msejjaħ “Glen Buchenbach”.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 110/2008 tipprevedi:

“Is-settur tax-xorb spirituż huwa importanti għall-konsumaturi, għall-produtturi u għas-settur agrikolu [fl-Unjoni Ewropea]. Il-miżuri applikabbli għas-settur tax-xorb spirituż għandhom jikkontribwixxu sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u jikkontribwixxu lejn il-prevenzjoni ta’ prattika qarrieqa u l-kisba ta’ trasparenza fis-suq u ta’ kompetizzjoni ġusta. […]”

4

Skont il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament:

“Sabiex jiġi żgurat approċċ aktar sistematiku fil-Leġiżlazzjoni li tirregola x-xorb spirituż, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi b’mod ċar kriterji definiti għall-produzzjoni, deskrizzjoni, preżentazzjoni u tikkettar ta’ xorb spirituż kif ukoll għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi.”

5

Il-premessa 14 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Ladarba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta’ l-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ta’ denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għal prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel [(ĠU 2006 L 93, p. 12), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 629)], ma japplikax għax-xorb spirituż, ir-regoli għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tax-xorb spirituż għandhom jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament. L-indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jiġu reġistrati, billi x-xorb spirituż jiġi identifikat bħala oriġinarju ta’ territorju ta’ pajjiż, jew ta’ reġjun jew lokalità f’dak it-territorju, fejn xi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika partikolari oħra tax-xarba spirituża tkun essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tagħha.”

6

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008, intitolat “Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi”, jipprevedi:

“[…] [L]-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fl-Anness III għandhom ikunu protetti kontra:

a)

kull użu kummerċjali dirett jew indirett fir-rigward ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-reġistrazzjoni sakemm dawk il-prodotti jkunu komparabbli max-xarba spirituża reġistrata taħt dik l-indikazzjoni ġeografika jew sakemm it-tali użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l-indikazzjoni ġeografika reġistrata;

b)

kull użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata jew l-indikazzjoni ġeografika tkun użata f’forma tradotta jew tkun akkumpanjata minn espressjoni bħal ‘bħal’, ‘tip’, ‘stil’, ‘magħmul’, ‘togħma’ jew kwalunkwe terminu simili ieħor;

ċ)

kull indikazzjoni oħra falza jew li tinganna dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott, li tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

d)

kwalunkwe prattika oħra li tista’ tqarraq bil-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.”

7

L-Anness III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Indikazzjonijiet Ġeografiċi”, jindika li l-i“Scotch Whisky” ġie rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika li taqa’ fil-kategorija ta’ prodotti Nru 2, jiġifieri dik ta’ “Whisky/Whiskey”, u li għandha bħala pajjiż ta’ oriġini r-Renju Unit (Skozja).

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

L-iScotch Whisky Association hija organizzazzjoni rregolata mid-dritt Skoċċiż li għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiżgura l-protezzjoni tal-kummerċ tal-whisky Skoċċiż, kemm fl-Iskozja kif ukoll fl-esteru.

9

M. ibigħ, permezz ta’ sit internet, whisky bl-isem “Glen Buchenbach” li huwa prodott mid-distillerija Waldhorn, li tinsab f’Berglen, fil-wied ta’ Buchenbach, fi Schwaben (il-Ġermanja).

10

It-tikketta fuq il-fliexken tal-whisky inkwistjoni tinkludi, minbarra d-disinn li juri qarn tal-kaċċa (Waldhorn bil-Ġermaniż), l-informazzjoni segwenti, jiġifieri “Waldhornbrennerei” (distillerija Waldhorn), “Glen Buchenbach”, “Malt Swabian Single Whisky” (whisky single malt ta’ Schwaben), “500 ml”, “40 % vol”, “Deutsches Erzeugnis” (prodott Ġermaniż) u “Hergestellt in den Berglen” (magħmul f’Berglen).

11

L-iScotch Whisky Association ressqet quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) azzjoni intiża sabiex twaqqaf, b’mod partikolari, il-bejgħ ta’ dan whisky, li ma huwiex l-iscotch whisky, taħt l-isem “Glen Buchenbach”, minħabba li l-użu ta’ dan l-isem huwa kuntrarju, b’mod partikolari, għall-Artikolu 16(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 110/2008, li jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, li fosthom hemm l-“iScotch Whisky”.

12

Skont l-iScotch Whisky Association, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu li l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata għal xarba ta’ spirtu hija protetta mhux biss kontra l-użu ta’ tali indikazzjoni, iżda wkoll kontra kwalunkwe riferiment li jissuġġerixxu l-oriġini ġeografika ta’ din l-indikazzjoni. Issa, id-denominazzjoni “Glen”, minħabba l-użu wiesa’ ħafna fl-Iskozja minflok il-kelma “valley” u, b’mod partikolari, bħala element tat-trade mark f’isem tal-whiskys Skoċċiżi, tqajjem f’moħħ il-pubbliku rilevanti assoċjazzjoni mal-Iskozja u l-iScotch Whisky minkejja ż-żieda ta’ indikazzjonijiet oħra fuq it-tikketta, li jispeċifikaw l-oriġini Ġermaniża tal-prodott inkwistjoni. M. Klotz jitlob li r-rikors għandu jiġi miċħud.

13

Il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) tindika li s-suċċess ta’ dan ir-rikors jiddependi fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 16(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 110/2008. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-‘użu kummerċjali indirett ta’ l-indikazzjoni ġeografika reġistrata [għal spirtu]’ skont l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008, jeżiġi li l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata tintuża taħt forma identika jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv[], jew huwa biżżejjed li l-element kontenzjuż tas-sinjal iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika?

Jekk l-alternattiva msemmija l-aħħar hija suffiċjenti: fil-verifika tal-eżistenza ta’ ‘użu kummerċjali indirett’, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu għalhekk ukoll rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola l-użu kummerċjali indirett ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott?

2)

L-‘evokazzjoni’ ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont l-Artikolu 16(b) tar-Regolament […] Nru 110/2008, teżiġi li xebh fonetiku u/jew viżiv ikun jeżisti bejn l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata u l-element kontenzjuż tas-sinjal, jew huwa biżżejjed li l-element kontenzjuż tas-sinjal iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika?

Jekk l-alternattiva msemmija l-aħħar hija suffiċjenti: fil-verifika tal-eżistenza ta’ ‘evokazzjoni’, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu għalhekk ukoll rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola evokazzjoni illegali mill-element kontenzjuż tas-sinjal, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott?

3)

Fil-verifika tal-eżistenza ta’ ‘kwalunkwe indikazzjoni oħra falsa jew li tinganna’ skont l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola indikazzjoni li tinganna, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

14

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, l-Iscotch Whisky Association talbu, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2018, li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

15

Insostenn ta’ din it-talba, l-iScotch Whisky Association issostni, essenzjalment, li l-argumenti li saru mill-Avukat Ġenerali fil-punti 66 sa 68 kif ukoll 107 u 108 tal-konklużjonijiet tiegħu huma bbażati fuq espożizzjoni inkompluta u żbaljata tal-kuntest fattwali, kif stabbilit fid-deċiżjoni tar-rinviju, b’mod li dawn l-argumenti huma żbaljati. L-iScotch Whisky Association tixtieq tkun tista’, fil-kuntest ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali, twieġeb għal dawn l-argumenti kif ukoll, fl-istess ħin, tikkoreġi u tikkompleta dan il-kuntest fattwali.

16

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

17

Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha biżżejjed elementi sabiex tiddeċiedi u li din il-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet jew dawn il-persuni kkonċernati.

18

Barra minn hekk, ma ġiex sostnut li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali jew wieħed mill-imsemmija partijiet ikkonċernati ssottometta, wara l-għeluq tal-fażi orali ta’ din il-kawża, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

19

Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda t-talba tal-iScotch Whisky Association, intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

20

Fil-kuntest ta’ din il-kawża, iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali ressqu lmenti kontra kemm tal-formulazzjoni kif ukoll tal-kontenut tad-deċiżjoni tar-rinviju.

21

Minn naħa, l-iScotch Whisky Association tikkritika lill-qorti tar-rinviju talli fformulatat ħażin id-domandi preliminari u tipproponi, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li tifformula mill-ġdid dawk id-domandi.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-qrati nazzjonali, li huma aditi bit-tilwima u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li tintervjeni, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-4 ta’ April 2000, Darbo, C‑465/98, EU:C:2000:184, punt 19). B’mod partikolari, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina u tifformula tali domandi. Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jistgħux ibiddlu l-kontenut tagħhom (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punti 29 u 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, T–Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic, C‑508/14, EU:C:2015:657, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ma għandhiex tintlaqa’ t-talba ta’ parti fil-kawża prinċipali sabiex id-domandi magħmula jiġu fformulati mill-ġdid skont kif tindika hija.

23

Min-naħa l-oħra, M. Klotz iqis li l-qorti tar-rinviju ppreżentat il-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali fil-qosor wisq u b’mod inkomplet u jagħti iktar informazzjoni sabiex jikkompleta din il-preżentazzjoni tal-fatti.

24

Madankollu, għandu jitfakkar li, minn naħa, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilta fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li taw lok għat-tilwima u tislet minnhom il-konsegwenzi għad-deċiżjoni li ntalbet tagħti (sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2015, Costea, C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 13 u tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 119). Min-naħa l-oħra, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li b’riferiment għalih saru d-domandi preliminari, hekk kif iddefinit mid-deċiżjoni ta’ rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, EU:C:2001:577, punt 10, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer, C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 27).

Fuq l-ewwel domanda

25

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “użu kummerċjali indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, jeħtieġ li l-element kontenzjuż jintuża f’forma li tkun identika għal dik l-indikazzjoni, tkun simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, jew jekk huwiex biżżejjed li dan l-element iqajjem f’moħħ il-pubbliku kkonċernat xi assoċjazzjoni mal-imsemmija indikazzjoni jew maż-żona ġeografika rilevanti għalih.

26

Fl-ipoteżi fejn ikun deċiż li xi assoċjazzjoni ta’ ideat flimkien mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew iż-żona ġeografika relatata hija biżżejjed sabiex tikkaratterizza l-eżistenza ta’ “użu kummerċjali indirett” ta’ din l-indikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, sabiex tistabbilixxi din l-eżistenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest madwar l-element kontenzjuż u, b’mod partikolari l-fatt li dan għandu jkun akkumpanjat minn preċiżazzjoni dwar l-oriġini vera tal-prodott, b’mod li l-informazzjoni pprovduta minn dan il-kuntest tippermetti in fine li tiġi rrifjutata l-allegazzjoni li hemm użu kummerċjali indirett.

27

Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C‑367/16, EU:C:2018:27, punt 40, u tas-7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 54).

28

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008, minnu jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati kontra “kull użu kummerċjali dirett jew indirett fir-rigward ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-reġistrazzjoni sakemm dawk il-prodotti jkunu komparabbli max-xarba spirituża reġistrata taħt dik l-indikazzjoni ġeografika jew sakemm it-tali użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l-indikazzjoni ġeografika reġistrata”.

29

L-użu tat-terminu “użu”, f’din id-dispożizzjoni, jirrikjedi, mid-definizzjoni tiegħu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, li s-sinjal kontenzjuż jagħmel użu mill-indikazzjoni ġeografika protetta stess, fil-forma li fiha din tal-aħħar ġiet irreġistrata jew, għall-inqas, f’forma b’rabtiet tant mill-qrib magħha, mil-lat fonetiku u/jew viżiv, li s-sinjal kontenzjuż jidher b’mod ċar li ma jistax jiġi sseparat minnha.

30

F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li l-użu ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika, jew kelma li tikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, għal spirti li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti fil-prinċipju jikkostitwixxi użu kummerċjali dirett ta’ din l-indikazzjoni ġeografika, skont it-tifsira tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 (sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac, C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 55, kif ukoll tat-20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑393/16, EU:C:2017:991, punt 34).

31

Għalhekk, is-sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu koperti mill-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ użu, mis-sinjal kontenzjuż, tal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata b’mod identiku jew, għall-inqas, b’mod simili ħafna mil-lat fonetiku u/jew viżiv.

32

Madankollu, jeħtieġ, skont din id-dispożizzjoni, li ssir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet fejn l-użu huwa ta’ natura “diretta” minn dawk li fihom hija għandha natura “indiretta”. F’dan ir-rigward, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, kuntrarjament għal użu “dirett”, li jimplika li l-indikazzjoni ġeografika protetta titqiegħed direttament fuq il-prodott ikkonċernat jew fuq l-ippakkjar tiegħu stess, użu “indirett” jippresupponi li din l-indikazzjoni tidher f’mezzi komplementari ta’ marketing jew ta’ informazzjoni, bħal reklamar li jirrigwarda dan il-prodott jew f’dokumenti relatati miegħu.

33

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008, għandu jiġi kkonstatat li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandu neċessarjament ikun distint minn dak relatat ma’ regoli oħrajn ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati elenkati li jinsabu f’dan l-Artikolu f’(b) sa (d). L-imsemmija dispożizzjoni għandha, b’mod partikolari, tkun differenzjata mis-sitwazzjoni koperta mill-punt (b) tal-imsemmi artikolu, li jirrigwarda “kull użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni”, jiġifieri sitwazzjonijiet li fihom is-sinjal kontenzjuż ma jużax l-indikazzjoni ġeografika bħala tali, iżda jissuġġerixxi b’tali mod li l-konsumatur jitwassal li jagħmel rabta suffiċjenti ta’ prossimità bejn dan is-sinjal u l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata.

34

B’hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 jitlef l-effett utli tiegħu jekk il-punt (a) ta’ dan l-artikolu ġie interpretat b’mod wiesa’, bħal dak previst mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-ewwel domanda tagħha, fis-sens li din hija applikabbli peress li s-sinjal kontenzjuż tqajjem f’moħħ il-pubbliku rilevanti assoċjazzjoni ta’ ideat ma’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika relatata.

35

Fit-tielet lok, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni li tgħid li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ użu kummerċjali indirett ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, jeħtieġ li l-element kontenzjuż jintuża f’forma li tkun identika għal dik l-indikazzjoni, jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv tiggarantixxi aħjar l-għanijiet kollha mfittxija mir-Regolament Nru 110/2008 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 16(a) ta’ dan tal-aħħar.

36

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li s-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ spirti, prevista mir-Regolament Nru 110/2008, hija intiża li tikkontribwixxi, kif tfakkar il-premessa 2 ta’ dan ir-regolament, għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa kif ukoll it-trasparenza tas-swieq u kompetizzjoni ġusta (sentenza tat-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 24).

37

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-għan segwit mir-reġistrazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, jiġifieri, kif jirriżulta mill-premessa 14 ta’ dan l-istess regolament, jippermetti l-identifikazzjoni ta’ spirti bħala li joriġinaw minn territorju stabbilit fil-każijiet li kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra ta’ dawn ix-xarbiet tkun essenzjalment tista’ tiġi attribwita għal din l-oriġini ġeografika (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

B’hekk, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 110/2008 u, b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 16 tiegħu huma intiżi sabiex jipprekludu użu abbużiv tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, mhux biss fl-interess tax-xerrejja, iżda wkoll fl-interess tal produtturi li għamlu sforzi sabiex jiżguraw l-kwalitajiet mistennija ta’ prodotti li legalment għandhom tali indikazzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto, C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punt 82, kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑393/16, EU:C:2017:991, punt 38). F’dan il-kuntest, il-punt (a) ta’ dan l-artikolu jipprekludi b’mod iktar speċifiku li operaturi jużaw għal finijiet kummerċjali, għal prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni, indikazzjoni ġeografika rreġistrata bl-għan, b’mod partikolari, li jibbenefikaw indebitament minn din l-indikazzjoni ġeografika.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “użu kummerċjali dirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, jeħtieġ li l-element kontenzjuż jintuża f’forma li tkun jew identika għal dik l-indikazzjoni, jew tkun simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li dan l-element ikun jista’ jqajjem, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, xi assoċjazzjoni mal-imsemmija indikazzjoni jew maż-żona ġeografika relatata.

40

Fid-dawl tar-riposta mogħtija għall-ewwel parti tat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata riposta għat-tieni parti tagħha.

Fuq it-tieni domanda

41

Permezz tar-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, jeħtieġ li l-element kontenzjuż ikun simili mill-fonetiku u/jew viżiv, jew jekk huwiex biżżejjed li dan l-element iqajjem f’moħħ il-pubbliku rilevanti xi assoċjazzjoni mal-imsemmija indikazzjoni jew maż-żona ġeografika marbuta.

42

Fl-ipoteżi fejn ikun deċiż li xi assoċjazzjoni ta’ ideat flimkien mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew iż-żona ġeografika relatata hija biżżejjed sabiex tikkaratterizza l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” ta’ din l-indikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita din l-eżistenza, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest madwar l-element kontenzjuż u, b’mod partikolari l-fatt li dan għandu jkun akkumpanjat minn preċiżazzjoni dwar l-oriġini vera tal-prodott, b’mod li l-informazzjoni pprovduta minn dan il-kuntest tista’ in fine tirrifjuta l-allegazzjoni li hemm “evokazzjoni”.

43

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi kontra kull “evokazzjoni”, “anke jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata jew l-indikazzjoni ġeografika tkun użata f’forma tradotta jew tkun akkumpanjata minn espressjoni bħal ‘bħal’, ‘tip’, ‘stil’, ‘magħmul’, ‘togħma’ jew kwalunkwe terminu simili ieħor”.

44

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “evokazzjoni” ikopri ipoteżi li fiha t-terminu użat sabiex jindika prodott jinkorpora parti minn indikazzjoni ġeografika protetta, b’tali mod li meta l-konsumatur ikollu quddiemu l-isem tal-imsemmi prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-merkanzija li tibbenefika minn din l-indikazzjoni (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, minbarra l-inkorporazzjoni ta’ parti minn indikazzjoni ġeografika protetta fit-terminu użat sabiex jidentifika l-prodott inkwistjoni, jekk lill-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hijiex dik tal-merkanzija li tibbenefika minn din l-indikazzjoni. Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali essenzjalment għandha tibbaża ruħha fuq ir-reazzjoni preżunta tal-konsumatur, fir-rigward tat-terminu utilizzat sabiex jiġi identifikat il-prodott inkwistjoni, tal-konsumatur, peress li l-essenzjal huwa li dan tal-aħħar jistabbilixxi rabta bejn din il-kelma u l-indikazzjoni ġeografika protetta (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 22).

46

Minn dak li ntqal jirriżulta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-inkorporazzjoni parzjali ta’ indikazzjoni ġeografika protetta fis-sinjal ikkontestat ma hijiex kundizzjoni imperattiva sabiex jiġi applikat l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008. Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija għalhekk il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-konsumatur, fil-preżenza tal-isem tal-prodott ikkonċernat, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hijiex dik tal-merkanzija li tibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-qorti nazzjonali, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandha tirreferi għall-perċezzjoni li l-konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 25 u 28).

48

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa leġittimu li jiġi kkunsidrat li jkun hemm evokazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika protetta meta, fir-rigward tal-prodotti li jidhru simili, id-denominazzjonijiet tal-bejgħ juru parentela fonetika u viżiva (sentenza tat-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tiġi identifikata l-familjarità fonetika u viżwali tad-denominazzjoni kontenzjuża mal-indikazzjoni ġeografika protetta ma jikkostitwixxix kundizzjoni mandatorja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008. Fil-fatt, hija tikkostitwixxi biss wieħed mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, mill-qorti nazzjonali, meta tevalwa jekk il-konsumatur, fil-preżenza tal-isem tal-prodott ikkonċernat, jitwassalx sabiex ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-merkanzija li tibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta. Minn dan isegwi li ma huwiex eskluż li “evokazzjoni” tista’ tkun tiġi kkaratterizzata anki fl-assenza ta’ tali familjarità.

50

Minbarra l-kriterji dwar l-inkorporazzjoni parzjali ta’ indikazzjoni ġeografika protetta fid-denominazzjoni kontenzjuża u l-familjarità fonetika u viżiva ta’ din id-denominazzjoni ma’ din l-indikazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li hija kellha, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterju tal-“prossimità kunċettwali” li teżisti bejn il-kliem li ġejjin minn lingwi differenti, peress li tali prossimità, bħall-kriterji msemmija hawn fuq, tista’ tkun ukoll ta’ natura li twassal lill-konsumatur sabiex ix-xbieha li tiskatta f’moħħu tkun dik tal-prodott li l-indikazzjoni ġeografika tiegħu tkun protetta, meta jkun fil-preżenza ta’ prodott paragunabbli kopert mid-denominazzjoni kontenzjuża (sentenza tat-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kunċett ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, il-kriterju determinanti huwa dak dwar jekk il-konsumatur, fil-preżenza ta’ denominazzjoni inkwistjoni, huwiex imwassal direttament, sabiex ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hijiex dik tal-merkanzija koperta mill-indikazzjoni ġeografika protetta, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa billi tikkunsidra, jekk ikun il-każ, l-inkorporazzjoni parzjali ta’ indikazzjoni ġeografika protetta fid-denominazzjoni kkontestata, familjarità fonetika u/jew viżiva ta’ din id-denominazzjoni ma’ din l-indikazzjoni, jew ukoll prossimità kunċettwali bejn l-imsemmija denominazzjoni u l-imsemmija indikazzjoni.

52

Fil-kawża prinċipali, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu direttament hijiex l-indikazzjoni ġeografika protetta, jiġifieri “Scotch Whisky”, meta jkun fil-preżenza ta’ prodott komparabbli li għandu d-denominazzjoni kontenzjuża, f’dan il-każ “Glen”, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, fin-nuqqas ta’ familjarità fonetika u/jew viżiva ta’ din id-denominazzjoni mal-indikazzjoni ġeografika protetta u ta’ inkorporazzjoni parzjali ta’ din l-indikazzjoni f’dik id-denominazzjoni, il-prossimità kunċettwali bejn l-imsemmija indikazzjoni u din l-istess denominazzjoni.

53

Min-naħa l-oħra, il-kriterju previst mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni domanda tagħha, sabiex tikkaratterizza “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, jiġifieri li l-element kontenzjuż tas-sinjal inkwistjoni għandu jqajjem f’moħħ il-pubbliku rilevanti xi assoċjazzjoni mal-indikazzjoni ġeografika protetta jew maż-żona ġeografika relatata, ma jistax jintlaqa’, peress li ma hemm stabbilit l-ebda rabta suffiċjentement diretta u inekwivoka bejn dan l-element u din l-indikazzjoni.

54

Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 sa 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk ikun biżżejjed, sabiex ikun hemm tali evokazzjoni, li tkun qamet, f’moħħ il-konsumatur, assoċjazzjoni ta’ kwalunkwe tip b’indikazzjoni ġeografika protetta, dan iwassal, l-ewwel nett, sabiex il-punt (b) tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 jaffettwa l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jsegwu dan l-artikolu, jiġifieri l-punti (ċ) u (d) tiegħu, li jkopru każijiet partikolari fejn ir-riferiment għal indikazzjoni ġeografika protetta hija inqas ċara minn “evokazzjoni” tagħha.

55

It-tieni nett, l-użu ta’ tali kriterju jwassal sabiex jestendi b’mod imprevedibbli l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament u joħloq riskji sinjifikattivi, b’mod partikolari għaċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Fil-fatt, skont il-premessa 4 tar-Regolament Nru 110/2008, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-għan li “jiġi żgurat approċċ aktar sistematiku fil-leġiżlazzjoni li tirregola x-xorb spirituż”, billi jistabbilixxi “b’mod ċar kriterji”, b’mod partikolari “għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi”. Issa, li jiġi adottat kriterju daqstant impreċiż u estensiv bħal dak previst mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tieni domanda tagħha ma huwiex konformi ma’ dan l-għan.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, fil-preżenza tad-denominazzjoni inkwistjoni, jitwassalx direttament, sabiex ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-merkanzija li tibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, din il-qorti, fl-assenza, l-ewwel nett, ta’ familjarità fonetika u/jew viżiva tad-denominazzjoni kontenzjuża u, it-tieni nett, ta’ inkorporazzjoni parzjali ta’ din l-indikazzjoni f’din id-denominazzjoni, għandu tikkunsidra, jekk ikun il-każ, il-prossimità kunċettwali bejn l-imsemmija denominazzjoni u l-imsemmija indikazzjoni.

57

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni domanda, dwar ir-rwol tal-kuntest li fih tinsab id-denominazzjoni kontenzjuża waqt l-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-eżistenza ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, hemm lok li jiġi kkonstatat li mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li jista’ jkun hemm “evokazzjoni” anki jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata (sentenza tat-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li M. Klotz, konvenut fil-kawża prinċipali, isostni li d-denominazzjoni “Glen Buchenbach” tikkostitwixxi logħba bil-kliem ifformata mill-isem tal-post ta’ oriġini tax-xarba inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri “Berglen”, u mill-isem ta’ xmara lokali, jiġifieri “Buchenbach”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li huwa irrilevanti, fid-dawl tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, li d-denominazzjoni kontenzjuża tikkorrispondi għall-isem tal-impriża u/jew għall-post fejn il-prodott huwa mmanifatturat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 42 sa 45).

59

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża wkoll li l-fatt li l-isem kontenzjuż jirreferi għal post ta’ produzzjoni li huwa magħruf mill-konsumaturi tal-Istat Membru fejn dan huwa magħmul, ma jikkostitwixxix fattur rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament 110/2008, peress li din id-dispożizzjoni tipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati kontra kull evokazzjoni fit-territorju kollu tal-Unjoni u li, fir-rigward tan-neċessità li tiġi żgurata protezzjoni effettiva u uniformi tal-imsemmija indikazzjonijiet fuq dan tal-aħħar, il-konsumaturi kollha ta’ dan it-territorju huma koperti (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 27).

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest madwar l-element kontenzjuż u, b’mod partikolari, tal-fatt li dan huwa akkumpanjat minn preċiżazzjoni dwar l-oriġini vera tal-prodott ikkonċernat.

Fuq it-tielet domanda

61

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “indikazzjoni falza jew li tiganna”, li hija pprojbita minn din id-dispożizzjoni, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih l-element inkwistjoni huwa użat, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar huwa akkumpanjat minn indikazzjoni dwar l-oriġini vera tal-prodott ikkonċernat.

62

Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008, indikazzjoni ġeografika rreġistrata hija protetta kontra “kull indikazzjoni oħra falza jew li tinganna dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott, li tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu”.

63

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni Ewropea, ma hemm xejn, fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li jindika li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih l-element kontenzjuż huwa użat sabiex jikkaratterizza “indikazzjoni falza jew li tinganna dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott”.

64

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-espressjoni “indikazzjoni falza jew […] fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott” tikkostitwixxi elenku ta’ mezzi differenti li fuqhom l-indikazzjoni ssuspettata li hija falza jew fallaċi tista’ tinstab. Minn dan ma jistax jiġi dedott li din l-indikazzjoni għandha tiġi eżaminata flimkien ma’ informazzjoni oħra li eventwalment ikunu preżenti fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat.

65

Sussegwentement, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 jinkludi elenku gradwat ta’ aġir ipprojbit li skontu l-punt (ċ) ta’ dan l-artikolu għandu jkun distint mill-punti (a) u (b) preċedenti. Filwaqt li l-punt (a) tal-imsemmi artikolu huwa limitat għal atti ta’ użu ta’ indikazzjoni ġeografika protetta u l-punt (b) tiegħu għal atti ta’ użu improprju, ta’ imitazzjoni jew ta’ evokazzjoni, il-punt (ċ) tal-istess artikolu jkabbar il-parametru protett, billi jinkorpora l-“kull indikazzjoni oħra”, jiġifieri l-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi, li tinsab fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, li, għalkemm fir-realtà ma jirreferux b’mod ċar għall-indikazzjoni ġeografika protetta, huma kklassifikati bħala “[foloz] jew li [j]inganna[w]” fir-rigward tar-rabtiet tal-prodott ma’ din tal-aħħar.

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat, fl-ewwel lok, li l-espressjoni “kull indikazzjoni oħra”, użat fl-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008, tinkludi informazzjoni li tista’ tinstab fi kwalunkwe forma fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari fil-forma ta’ test, ta’ immaġni jew ta’ kontenitur li jista’ jinforma dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali ta’ dan il-prodott.

67

It-tieni nett, huwa biżżejjed li indikazzjoni falza jew li tinganna tinsab f’wieħed mit-tliet mezzi msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri “fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta” tal-prodott ikkonċernat, sabiex jitqies li “tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

68

Mill-elementi preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 jipprevedi protezzjoni wiesgħa tal-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati. Issa, jekk indikazzjoni falza jew li tinganna setgħet madankollu tiġi awtorizzata minħabba informazzjoni supplimentari fir-rigward ta’ dik l-indikazzjoni u għaldaqstant, b’mod partikolari, dwar l-oriġini vera tal-prodott ikkonċernat, din id-dispożizzjoni titlef l-effett utli tagħha.

69

Fl-aħħar nett, hekk kif diġà ntqal fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 110/2008 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 16 tiegħu, huma intiżi sabiex jipproteġu l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati, kemm fl-interess tal-konsumaturi, li ma għandhomx jiġu mqarrqa minn indikazzjonijiet mhux tajbin, u fl-interess tal-operaturi ekonomiċi li qed ikollhom iħallsu spejjeż għola sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-prodotti li għandhom legalment l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti. Fil-fatt, dawn l-operaturi għandhom jiġu protetti kontra atti ta’ kompetizzjoni żleali.

70

Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kisba ta’ dawn l-għanijiet titqiegħed f’perikolu jekk il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tista’ tiġi limitata mill-fatt li tidher informazzjoni addizzjonali maġenb indikazzjoni falza jew li tinganna, fis-sens tal-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008, peress li jekk tiġi aċċettata din l-interpretazzjoni jfisser li jiġi aċċettat l-użu ta’ tali indikazzjoni meta tkun akkumpanjata minn informazzjoni eżatta.

71

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “indikazzjoni falza jew li tinganna”, li hija pprojbita minn din id-dispożizzjoni, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih l-element kontenzjuż jintuża.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 16(a) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “użu kummerċjali dirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, jeħtieġ li l-element kontenzjuż jintuża f’forma li tkun jew identika għal dik l-indikazzjoni, jew tkun simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li dan l-element jkun jista’ jqajjem, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, xi assoċjazzjoni mal-imsemmija indikazzjoni jew maż-żona ġeografika relatata.

 

2)

L-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, fil-preżenza tad-denominazzjoni inkwistjoni, jitwasslax direttament, sabiex ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-merkanzija li tibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, din il-qorti, fl-assenza, l-ewwel nett, ta’ familjarità fonetika u/jew viżiva tad-denominazzjoni kontenzjuża mal-indikazzjoni ġeografika protetta u, it-tieni nett, ta’ inkorporazzjoni parzjali ta’ din l-indikazzjoni f’din id-denominazzjoni, għandha tikkunsidra, jekk ikun il-każ, il-prossimità kunċettwali bejn l-imsemmija denominazzjoni u l-imsemmija indikazzjoni.

L-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest madwar l-element kontenzjuż u, b’mod partikolari, tal-fatt li dan huwa akkumpanjat minn preċiżazzjoni dwar l-oriġini vera tal-prodott ikkonċernat.

 

3)

L-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “indikazzjoni falza jew li tinganna”, li hija pprojbita minn din id-dispożizzjoni, ma hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih l-element kontenzjuż jintuża.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top