Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0722

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali E. Tanchev, ippreżentati fit-3 ta’ April 2019.
Norbert Reitbauer et vs Enrico Casamassima.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bezirksgericht Villach.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjoni esklużiva – Punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 – Tilwim fil-qasam tad‑drittijiet tal-proprjetà immobbli in rem u fil-qasam tal-eżekuzzjoni tad‑deċiżjonijiet – Proċedura ta’ bejgħ ġudizzjarju b’subbasta ta’ proprjetà immobbli – Azzjoni għal oppożizzjoni tar-rikavat ta’ dan il-bejgħ b’subbasta.
Kawża C-722/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:285

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit‑3 ta’ April 2019 ( 1 )

Kawża C‑722/17

Norbert Reitbauer,

Dolinschek GmbH,

B.T.S. Trendfloor Raumausstattungs-GmbH,

Elektrounternehmen K. Maschke GmbH,

Klaus Egger,

Architekt DI Klaus Egger Ziviltechniker GmbH

vs

Enrico Casamassima

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bezirksgericht Villach (il-Qorti Distrettwali, Villach, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Regolament (UE) Nru 1215/2012 — Ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni speċjali — Punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 — Tqassim tar-rikavat minn bejgħ b’subbasta — Azzjoni għal oppożizzjoni — Punt 1(a) tal-Artikolu 7 — Kunċett ta’ ‘kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt’ — Actio pauliana

1. 

Dan ir-rinviju mill-Bezirksgericht, Villach (il-Qorti Distrettwali ta’ Villach, l-Awstrija) jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7 u 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 2 ) fil-kuntest ta’ “azzjoni għal oppożizzjoni” Awstrijaka li, kif ser naraw, f’dan il-każ tammonta bażikament għal actio pauliana (b’mod partikolari għall-finijiet tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament).

2. 

Milli jidher, fis-snin ta’ bejn 150 u 125 QK, pretur bl-isem ta’ Paulus ippermetta azzjoni li kienet tagħti lill-kreditur il-possibbiltà li jikkontesta kwalunkwe att imwettaq b’mod frawdolenti mid-debitur għad-detriment ta’ dak il-kreditur, azzjoni li sussegwentement saret magħrufa bħala actio pauliana ( 3 ). L-Artikolu 1167(I) tal-“Code Napoléon” Franċiż jipprovdi l-ewwel regola kkodifikata tal-“action paulienne” u jipprovdi li l-kredituri “peuvent aussi, en leur nom personnel, attaquer les actes faits par leur débiteur en fraude de leurs droits” [jistgħu wkoll jikkontestaw, f’isimhom personali, l-atti magħmula mid-debitur tagħhom bi frodi għad-drittijiet tagħhom] ( 4 ).

3. 

Dan ir-rinviju sar fil-kuntest tal-“azzjoni għal oppożizzjoni” ipprovduta mill-Artikolu 232 tal-Exekutionsordnung (il-Kodiċi Awstrijak dwar il-Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni, iktar ’il quddiem l-“EO”) f’tilwima li qamet fir-rigward tat-tqassim tar-rikavat ta’ bejgħ ta’ dar b’subbasta. Il-kawża hija bejn in-negozjanti Norbert Reitbauer, Dolinschek GmbH, B.T.S. Trendfloor Raumausstattungs-GmbH, Elektrounternehmen K. Maschke GmbH, Klaus Egger, Architekt DI Klaus Egger Ziviltechniker GmbH (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), minn naħa, u Dr Enrico Casamassima (avukat, iktar ’il quddiem il-“konvenut”), min-naħa l-oħra. Ir-rikorrenti jsostnu li l-pretensjoni tagħhom kontra r-rikavat mill-bejgħ tieħu preċedenza fuq it-talba tal-konvenut u li l-qorti Awstrijaka għandha ġurisdizzjoni taħt ir-Regolament Brussell I irriformulat.

4. 

Għalkemm il-qorti tar-rinviju ssottomettiet domandi preliminari fir-rigward tal-punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat, jien wasalt għall-konklużjoni li huwa fil-fatt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament li jista’ jipprovdi bażi legali sabiex il-qorti tar-rinviju jkollha ġurisdizzjoni f’dan il-każ.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Brussell I irriformulat

5.

Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament bit-titolu “Ġurisdizzjoni” fih b’mod partikolari t-Taqsima I (“Dispożizzjonijiet ġenerali”) u t-Taqsima 2 (“Ġurisdizzjoni speċjali”). L-Artikolu 4(1), li jista’ jinstab fit-Taqsima 1, jipprovdi li “[s]oġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

6.

Skont il-punt 1(a) tal-Artikolu 7, li jinsab fit-Taqsima 2 tal-istess regolament, “[p]ersuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor: […] fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”.

7.

Il-punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 jipprovdu:

“Dawn il-qrati li ġejjin ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentement mid-domiċilju tal-partijiet:

1)

fi proċedimenti li l-objettiv tagħhom ikunu drittijiet in rem fi proprjetà immobbli jew kirjiet ta’ proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà.

[…]

5)

fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, il-qrati tal-Istat Membru li fih is-sentenza kienet jew għandha tiġi eżegwita”.

B.   Id-dritt Awstrijak

8.

Fir-rigward tan-natura tal-azzjoni għal oppożizzjoni prevista fl-Artikolu 232 tal-EO, it-tqassim tar-rikavat mill-bejgħ forzat b’subbasta ta’ proprjetà immobbli għandu jiġi diskuss f’seduta orali; għal dan il-għan, il-kredituri huma meħtieġa jirreġistraw il-pretensjonijiet tagħhom kontra r-rikavat u jipprovdu provi dokumentarji. Matul is-seduta, jiġu eżaminati l-fondatezza u jsir konkors tal-pretensjonijiet. Il-kredituri u d-debitur jistgħu jikkontestaw pretensjonijiet li jkunu qed jittieħdu inkunsiderazzjoni. Il-kontestazzjoni tista’ tkun ibbażata fuq il-fondatezza, f’ċerti każijiet fuq id-data li fiha tkun dovuta l-pretensjoni kollha jew partijiet minnha, fuq il-garanzija pprovduta bil-proprjetà immobbli u fuq il-gradazzjoni fir-reġistru tal-artijiet, b’mod partikolari wkoll fuq il-validità tas-sigurtà in rem miksuba.

9.

Sa fejn huwa rilevanti hawnhekk, l-Anfechtungsordnung (il-Kodiċi Awstrijak dwar l-Actio Pauliana, iktar ’il quddiem l-“AnfO”) jipprovdi li l-kreditur għandu d-dritt li jannulla t-tranżazzjoni jekk il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni kontra l-assi tad-debitur ma koprewx jew ma jkoprux kompletament il-pretensjonijiet tal-kreditur u l-proċeduri ta’ annullament joffru l-possibbiltà li l-pretensjonijiet jiġu ssodisfatti. Il-proċeduri ta’ annullament jistgħu jitressqu fuq il-bażi ta’ intenzjoni frawdolenti jew ta’ tħarbit tal-assi, inklużi trasferimenti li jsiru b’mod gratuwitu. Jekk id-debitur iwettaq l-att legali bl-intenzjoni li jqiegħed lill-kredituri tiegħu fi żvantaġġ, u l-parti l-oħra tkun konxja minn tali intenzjoni, il-perijodu li fih jista’ jiġi ddikjarat li tali att qiegħed jiġi kkontestat huwa ta’ 10 snin, filwaqt li fil-każijiet l-oħra kollha, sentejn. Il-kontestazzjoni ta’ att ma hijiex prekluża minħabba l-fatt li jkun inkiseb strument ġudizzjarjament eżegwibbli sabiex jiġi kkontestat l-att jew minħabba l-fatt li hija l-eżekuzzjoni li wasslet għall-att.

II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija adita bid-domanda dwar jekk il-proċeduri legali li fl-EO jissejħu “azzjoni għal oppożizzjoni” jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat, meta tali proċeduri jirrigwardaw nuqqas ta’ qbil bejn konkors ta’ kredituri fuq it-tqassim tar-rikavat ta’ bejgħ ġudizzjarju ta’ dar b’subbasta.

11.

B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tagħmel id-domanda f’kuntest fejn ġie allegat, fl-“azzjoni għal oppożizzjoni”, li l-pretensjoni tal-kreditur A (il-konvenut E. Casamassima), li tirriżulta minn ftehim ta’ self iggarantit b’sigurtà in rem, u li tikkompeti ma’ kontrotalba oħra tal-kredituri B (ir-rikorrenti Reitbauer et) hija invalida minħabba trattament preferenzjali (indebitu) tal-kreditur A. Din l-oġġezzjoni hija simili għal dik li, taħt id-dritt Awstrijak, hija magħrufa bħala actio pauliana (Anfechtungsklage).

12.

F’każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-istess azzjoni għal oppożizzjoni taqax taħt il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat.

13.

Il-fatti jistgħu jinġabru fil-qosor fuq il-bażi ta’ dak espost fid-digriet tar-rinviju.

14.

Il-konvenut u Isabel C. (iktar ’il quddiem id-“debitriċi”) jirrisjedu Ruma, l-Italja, u għexu flimkien minn tal-inqas sar-rebbiegħa tas-sena 2014. Fl-2010, huma xtraw dar f’Villach, l-Awstrija; u d-debitriċi kienet irreġistrata fir-reġistru tal-artijiet bħala l-unika proprjetarja. Id-digriet tar-rinviju jiddikjara, mingħajr ma jelabora ulterjorment, li l-kuntratti għax-xogħol ta’ rinnovazzjoni estensiva tad-dar saru bejn id-debitriċi u r-rikorrenti, liema kuntratti ġew iffirmati bil-“parteċipazzjoni” tal-konvenut.

15.

Peress li l-ispejjeż tax-xogħol ta’ rinnovazzjoni qabżu l-istima oriġinali b’mod kunsiderevoli, il-ħlasijiet lir-rikorrenti ġew sospiżi. Għaldaqstant, mis-sena 2013 ’il quddiem, ir-rikorrenti kienu involuti fi proċeduri ġudizzjarji fl-Awstrija kontra d-debitriċi; fil-bidu tas-sena 2014, ingħatat l-ewwel sentenza favur ir-rikorrenti, li ġiet issussegwita b’sentenzi oħra. Id-debitriċi appellat kontra dawk is-sentenzi.

16.

Fis‑7 ta’ Mejju 2014, quddiem qorti f’Ruma, l-Italja, id-debitriċi ammettiet il-pretensjoni li għamel kontriha l-konvenut fir-rigward ta’ ftehim ta’ self, li jammonta għal EUR 349 772.95 ( 5 ), u ntrabtet li tħallas dan l-ammont lil dan tal-aħħar fi żmien ħames snin taħt ftehim ta’ tranżazzjoni ġudizzjarja. Barra minn hekk, id-debitriċi ntrabtet li tirreġistra ipoteka fuq id-dar f’Villach (l-Awstrija) sabiex tikkawtela l-pretensjoni tal-konvenut.

17.

Fit-13 ta’ Ġunju 2014, ġie ppubblikat ċertifikat (ulterjuri) ta’ dejn u ċertifikat ta’ sigurtà in rem taħt id-dritt Awstrijak fi Vjenna permezz ta’ nutar Awstrijak sabiex jiġi ggarantit l-arranġament imsemmi hawn fuq (sigurtà in rem nru. 1). Permezz ta’ dan iċ-ċertifikat, is-sigurtà in rem fuq id-dar f’Villach ġiet ikkostitwita fit‑18 ta’ Ġunju 2014.

18.

Is-sentenzi favur ir-rikorrenti saru eżekuttivi biss sa minn dik id-data. Għaldaqstant, is-sigurtajiet in rem li kellhom ir-rikorrenti fuq id-dar tad-debitriċi, li nkisbu permezz tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni legali (sigurtà in rem nru. 2), jikklassifikaw wara s-sigurtà in rem kuntrattwali nru. 1 favur il-konvenut.

19.

Fit‑3 ta’ Settembru 2015, il-qorti f’Ruma kkonfermat li t-tranżazzjoni ġudizzjarja tas‑7 ta’ Mejju 2014 kienet tikkostitwixxi Titolu Eżekuttiv Ewropew ( 6 ).

20.

Sabiex is-sigurtà in rem tiġi eżegwita, il-konvenut, fi Frar 2016, talab lill-qorti tar-rinviju (Bezirksgericht Villach (il-Qorti Distrettwali ta’ Villach)) tagħti ordni kontra d-debitriċi, li tirrikjedi bejgħ furzat b’subbasta tad-dar f’Villach. Id-dar inbiegħet b’subbasta fil-ħarifa tas-sena 2016 għall-ammont ta’ EUR 280000. L-ordni tal-iskrizzjonijiet fir-reġistru tal-artijiet turi li r-rikavat imur kważi kollu għand il-konvenut minħabba s-sigurtà in rem nru. 1 (irreġistrata taħt id-dritt Awstrijak f’Ġunju 2014).

21.

Bil-għan li ma jseħħx dan, ir-rikorrenti ppreżentaw actio pauliana (Anfechtungsklage) f’Ġunju 2016 quddiem il-Landesgericht Klagenfurt (il-Qorti Reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija) kontra l-konvenut u d-debitriċi. L-azzjoni ġiet miċħuda minn dik il-qorti “minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali minħabba d-domiċilju tad-[debitriċi u tal-konvenut]” barra mill-Awstrija. F’Lulju 2017, dik id-deċiżjoni saret finali.

22.

Fl-istess ħin, ir-rikorrenti ressqu oppożizzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju (Bezirksgericht Villach (il-Qorti Distrettwali ta’ Villach)) fis-seduta tal‑10 ta’ Mejju 2017 fir-rigward tat-tqassim tar-rikavat mill-irkant ġudizzjarju, u sussegwentement ressqu azzjoni għal oppożizzjoni, kif ipprovdut fl-EO, kontra l-konvenut.

23.

F’din l-azzjoni għal oppożizzjoni, ir-rikorrenti talbu dikjarazzjoni li d-deċiżjoni dwar it-tqassim lill-konvenut ta’ EUR 279 980.43 ma kinitx valida legalment peress li: (i) id-debitriċi kellha pretensjonijiet ta’ danni kontra l-konvenut ( 7 ) ta’ minn tal-inqas l-istess ammont daqs it-talba li joħorġu mill-ftehim ta’ self, bir-riżultat li ma kienet għadha teżisti ebda pretensjoni (huma jsostnu li d-debitriċi kkonfermat li l-konvenut kien ta ordnijiet lir-rikorrenti mingħajr l-għarfien u l-kunsens tagħha); u (ii) iċ-ċertifikat tad-dejn u ċ-ċertifikat tas-sigurtà in rem ta’ Ġunju 2014 saru sempliċement bħala formalità u bil-għan li jissorpassaw u jipprekludu lir-rikorrenti milli jressqu proċeduri ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tad-dar.

24.

Il-konvenut ressaq l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni kontra l-azzjoni għal oppożizzjoni. Ir-rikorrenti argumentaw li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat.

25.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bezirksgericht Villach (il-Qorti Distrettwali ta’ Villach) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

[Il-punt 5 tal-Artikolu 24] tar-Regolament [Brussell I irriformulat] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni għal oppożizzjoni prevista fl-Artikolu 232 tal-Kodiċi Awstrijak dwar il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil fuq it-tqassim tad-dħul mill-irkant ġudizzjarju [bejgħ b’subbasta], taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni,

u dan ukoll meta l-azzjoni ta’ kreditur li għandu dritt għal sigurtà in rem kontra kreditur ieħor li għandu dritt għal sigurtà in rem

a)

hija bbażata fuq l-oġġezzjoni li dan il-dritt għal sigurtà in rem relatat ma’ self permezz ta’ sigurtà in rem stabbilita ma jibqax jeżisti minħabba kontrotalba tad-debitur għal danni, u

b)

barra minn hekk hija bbażata – bħal fil-każ ta’ actio pauliana [(Anfechtungsklage)] – fuq l-oġġezzjoni li l-bażi tad-dritt għal sigurtà in rem għal dan is-self, minħabba li tagħti trattament favorevoli lil kredituri, hija invalida?

2)

(jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv):

[Il-punt 1 tal-Artikolu 24] tar-Regolament [Brussell I irriformulat] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni għal oppożizzjoni prevista fl-Artikolu 232 tal-Kodiċi Awstrijak dwar il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil fuq it-tqassim tad-dħul mill-irkant ġudizzjarju, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni,

u dan ukoll meta, fil-każ li l-azzjoni ta’ kreditur li għandu dritt għal sigurtà in rem kontra kreditur ieħor li għandu dritt għal sigurtà in rem

(a)

hija bbażata fuq l-oġġezzjoni li dan il-dritt għal sigurtà in rem relatat ma’ self permezz ta’ sigurtà in rem stabbilita ma jibqax jeżisti minħabba kontrotalba tad-debitur għal danni, u

(b)

barra minn hekk hija bbażata – bħal fil-każ ta’ actio pauliana – fuq l-oġġezzjoni li l-bażi tad-dritt għal sigurtà in rem għal dan is-self, minħabba li tagħti trattament favorevoli lil kredituri, hija invalida?”

26.

Ir-rikorrenti, il-konvenuti, il-Gvern Portugiż u dak Svizzeru u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fis-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2019, l-istess partijiet, minbarra ż-żewġ gvernijiet, ippreżentaw sottomissjonijiet orali.

III. Analiżi

A.   Sunt tal-argumenti tal-partijiet

27.

Ir-rikorrenti jsostnu essenzjalment li għall-proċeduri li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tas-sentenzi huwa possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq il-ġurisdizzjoni taħt il-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat, jew fin-nuqqas ta’ dan, taħt il-punt 1 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament peress li, inter alia, l-azzjoni għal oppożizzjoni għandha konnessjoni diretta mal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.

28.

Il-konvenut isostni essenzjalment li l-punt 5 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għall-azzjoni inkwistjoni. Huwa jargumenta li l-azzjoni ma għandhiex rabta diretta mal-miżuri ta’ eżekuzzjoni uffiċjali; qiegħed jintalab eżami sostantiv tas-sigurtà in rem li ġiet maħluqa favur il-konvenut. Min-natura tagħha, l-azzjoni li ġiet ippreżentata hija ekwivalenti għal actio pauliana; u l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din il-ġurisdizzjoni ma tapplikax għall-actio pauliana ( 8 ). Għaldaqstant dan għandu japplika wkoll jekk l-actio pauliana tiġi eżerċitata bħala mezz ta’ oppożizzjoni kontra t-tqassim u l-azzjoni ta’ oppożizzjoni sussegwenti. Barra minn hekk, il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat ma huwiex applikabbli, peress li fl-azzjoni ta’ oppożizzjoni hija nieqsa l-konnessjoni mal-post fejn tinsab id-dar inkwistjoni (l-azzjoni ta’ oppożizzjoni seħħet biss wara li l-proprjetà immobbli kienet inbiegħet b’subbasta mill-qorti).

29.

Il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni jsostnu essenzjalment li mis-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 1985, AS Autoteile (220/84, EU:C:1985:302), tal‑10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler (C-115/88, EU:C:1990:3, iktar ’il quddiem “Reichert I”), u tas‑16 ta’ Novembru 2016, Schmidt (C‑417/15, EU:C:2016:881), jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat ma jkoprix l-azzjoni ta’ oppożizzjoni inkwistjoni hawnhekk.

30.

Il-Gvern Svizzeru jsostni essenzjalment li l-azzjoni ta’ oppożizzjoni tifforma parti mill-qafas ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni u taqa’ għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat. Jekk din l-azzjoni titqies ukoll li tikkostitwixxi actio pauliana, allura l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tkun trid tiġi ttrattata b’mod separat. Minħabba r-risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, dan il-gvern iqis li huwa dibattibbli kemm it-tieni domanda għandha tiġi diskussa.

B.   Evalwazzjoni

1. Rimarki preliminari

31.

L-ewwel nett, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-konvenut issuġġerixxa li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għal domanda preliminari addizzjonali. Din it-talba ma tistax tintlaqa’ inkwantu l-qorti nazzjonali biss hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali ( 9 ). Il-partijiet ma jistgħux jibdlu l-kontenut tad-domandi li l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ) u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina domandi preliminari oħra sottomessi mill-partijiet fil-kawża prinċipali ( 11 ). Filwaqt li dawk il-partijiet huma liberi li jipproponu d-domandi preliminari lill-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar ma hijiex marbuta b’dawk id-domandi meta tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja.

32.

It-tieni nett, jidher li hemm xi nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar x’jikkostitwixxi s-sigurtà in rem rilevanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-partijiet jidhru li argumentaw waqt is-seduta li jew kien l-arranġament fl-Italja bejn il-konvenut u d-debtriċi jew inkella l-att ippubblikat min-nutar Awstrijak fir-rigward ta’ dak l-arranġament. Madankollu, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li kien iċ-ċertifikat tas-sigurtà in rem li ġie ppubblikat fl-Awstrija min-nutar Awstrijak bejn il-konvenut u d-debitriċi li kien jikkostitwixxi l-bażi tas-sigurtà in rem fuq id-dar f’Villach. Dik is-sigurtà in rem inħolqot fit‑18 ta’ Ġunju 2014. Is-sentenzi favur ir-rikorrenti ma sarux eżekuttivi qabel dik id-data. It-tranżazzjoni ġudizzjarja tas‑7 ta’ Mejju 2014 ġiet ikkonfermata bħala Titolu Eżekuttiv Ewropew fit‑3 ta’ Settembru 2015, jiġifieri sena wara l-kostituzzjoni tas-sigurtà in rem fuq id-dar.

33.

Il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina essenzjalment jekk ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni esklużiva, ipprovduti fil-punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat għandhomx, fir-rigward tal-“azzjoni għal oppożizzjoni”, jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-funzjoni tal-azzjoni sħiħa jew fuq il-bażi tal-oġġezzjonijiet attwali u individwali mqajma.

34.

Kif ser nispjega fl-analiżi tiegħi hawn taħt, il-punti 1 u 5 tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament ma humiex applikabbli f’din il-kawża. Madankollu, wasalt għall-konklużjoni li fil-fatt huwa l-punt 1 tal-Artikolu 7 tal-istess regolament li jista’ jipprovdi l-bażi legali għall-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju f’dan il-każ.

2. L-ewwel domanda preliminari (il-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat)

35.

Insostni (bħalma tagħmel il-Kummissjoni) li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-azzjoni għal oppożizzjoni fl-intier tagħha bħala azzjoni li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ma jkunx kompatibbli man-natura derogatorja tal-ġurisdizzjoni speċjali prevista taħt il-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat, inkwantu l-kontenut ta’ din l-azzjoni jista’ jvarja kunsiderevolment u jinvolvi pretensjonijiet li huma differenti ħafna.

36.

Dan huwa ulterjorment minnu inkwantu din id-dispożizzjoni ma għandhiex tiġi interpretata f’sens usa’ minn dak meħtieġ mill-għan tagħha (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert vs Dresdner Bank, C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 25, iktar ’il quddiem “Reichert II”).

37.

Huwa minnu li l-azzjoni fil-kawża prinċipali tressqet fil-kuntest tat-tqassim tar-rikavat minn bejgħ ġudizzjarju b’subbasta u l-għan aħħari tar-rikorrenti huwa li l-pretensjonijiet tagħhom jiġu ssodisfatti mir-rikavat ta’ dan il-bejgħ b’subbasta. Madankollu, dan ma jfissirx li hemm rabta mill-qrib awtomatika mal-“użu tal-forza, limitazzjoni jew qbid ta’ proprjetà mobbli jew immobbli sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ sentenzi u tal-istrumenti awtentiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kif meħtieġ bis-sentenza Reichert II (punti 26 u 27) u bir-rapport Jenard ( 12 ).

38.

Għaldaqstant, sabiex tiġi stabbilita tali rabta mill-qrib (u ġurisdizzjoni esklużiva), jeħtieġ li tiġi eżaminata kull pretensjoni individwali. Fi kliem ieħor, f’din il-kawża għandu jiġi miċħud l-argument li wieħed jistrieħ b’mod globali u astratt fuq it-tip ta’ azzjoni, peress li dan huwa l-uniku mod li jagħmilha possibbli li jiġi osservat l-ispirtu u l-għan ta’ din id-deroga.

a) L-ewwel oġġezzjoni tar-rikorrenti

39.

Ir-rikorrenti jallegaw li l-pretensjoni li toħroġ mill-ftehim ta’ self, li kien ikkawtelat b’sigurtà in rem, ma kinitx għadha teżisti minħabba kontrotalba tad-debitriċi għad-danni mingħand il-konvenut. Madankollu, il-verifika tal-fondatezza ta’ din l-oġġezzjoni tirrikjedi li l-qorti tar-rinviju tagħmel analiżi li titbiegħed kunsiderevolment mid-domandi li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-bejgħ ġudizzjarju b’subbasta bħala tali.

40.

Tali sitwazzjoni tkun paragunabbli ma’ dik eżaminata fis-sentenza AS Autoteile ( 13 ) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li parti – f’rikors biex topponi l-eżekuzzjoni ppreżentat quddiem il-qrati tal-Istat kontraenti fejn tkun ser isseħħ l-eżekuzzjoni – teċċepixxi tpaċija bejn id-dritt li tiegħu tkun qed tintalab l-eżekuzzjoni u l-pretensjoni li fuqha l-qorti ta’ dak l-istat ma jkollhiex ġurisdizzjoni li kieku kellha titressaq b’mod indipendenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq is-sistema tal-Konvenzjoni ( 14 ) u fuq in-natura derogatorja tal-Artikolu 16 tagħha u ddeċidiet li l-azzjoni inkwistjoni tmur kontra l-allokazzjoni tal-ġurisdizzjoni bejn il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut u l-qorti tal-post ta’ eżekuzzjoni.

41.

Tali sitwazzjoni hija paragunabbli għal din ta’ hawnhekk, li fiha t-talba ta’ tpaċija tirrigwarda dejn li għandu jiġi eżegwit, fin-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti ta’ eżekuzzjoni li kieku din il-kontrotalba kienet tressqet b’mod indipendenti (fi kliem ieħor, li kieku kienet is-suġġett ta’ azzjoni indipendenti).

42.

L-estensjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali esklużiva għal dan il-każ – li jikkonċerna drittijiet dwar dejn jew drittijiet delittwali li prima facie huma indipendenti mill-azzjoni ta’ eżekuzzjoni – tkun tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju mill-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

43.

Għaldaqstant, l-ewwel oġġezzjoni ma tiġġustifikax il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju taħt il-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat.

b) It-tieni oġġezzjoni tar-rikorrenti

44.

Din l-oġġezzjoni tirrigwarda l-att notarili li rrikonoxxa d-dejn tat‑13 ta’ Ġunju 2014. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jidhru li qed jikkontestaw id-dokument li fuqu huwa bbażat il-bejgħ ġudizzjarju b’subbasta, iżda ma jikkontestawx il-mod li bih ipproċedew l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni bħala tali. Għaldaqstant, tista’ tinsilet analoġija mis-sentenza Reichert II.

45.

Fil-punt 28 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-fatt, azzjoni bħalma hija l-actio pauliana taħt id-dritt Franċiż hija intiża li tipproteġi l-interessi tal-kredituri, madankollu, ma “hijiex intiża li tikseb deċiżjoni fi proċeduri li jirrigwardaw l-‘użu tal-forza, limitazzjoni jew qbid ta’ proprjetà mobbli jew immobbli sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ sentenzi u tal-istrumenti awtentiċi’ u għaldaqstant ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16(5) tal-Konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

46.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat (li essenzjalment jikkorrispondi għall-Artikolu 16(5) tal-Konvenzjoni) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni għal oppożizzjoni taħt l-Artikolu 232 tal-EO ma taqax, bħala tali, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 24. Minflok, għandha tiġi eżaminata kull oġġezzjoni individwali. Oġġezzjonijiet li jirrigwardaw kemm l-ineżistenza tal-pretensjoni li fuqha huwa bbażat bejgħ ġudizzjarju b’subbasta kif ukoll l-invalidità tal-ħolqien tas-sigurtà in rem għal dik il-pretensjoni taħt ftehim ta’ self ma għandhomx rabta mill-qrib suffiċjenti mal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni (il-qorti tar-rinviju stess tgħid, fil-paragrafu 45 tad-digriet tar-rinviju li dan jista’ jkun il-każ) u ma jiġġustifikawx il-ġurisdizzjoni esklużiva taħt il-punt 5 tal-Artikolu 24.

3. It-tieni domanda preliminari (il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat)

47.

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-ġurisdizzjoni esklużiva tistax tkun ibbażata fuq il-punt 1 tal-Artikolu 24.

48.

Naqbel mal-Kummissjoni li l-istess raġunament għandu neċessarjament japplika wkoll għat-tieni domanda preliminari, peress li l-ġurisdizzjoni esklużiva taħt il-punt 1 tal-Artikolu 24 tikkostitwixxi hija wkoll deroga mill-prinċipju ġenerali.

49.

In-natura eċċezzjonali tal-interpretazzjoni stretta tfakkret reċentement fis-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2016, Schmidt (C‑417/15, EU:C:2016:881, punti 27 sa 34), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment li f’sitwazzjoni fejn l-azzjoni fil-kawża prinċipali tinkludi diversi oġġezzjonijiet, l-eżami jkun irid isir fuq kull oġġezzjoni u ma għandux ikun ibbażat fuq it-tip ta’ azzjoni b’mod ġenerali.

50.

Għaldaqstant, l-istess bħall-argumenti mressqa fl-analiżi tal-ewwel domanda preliminari (li essenzjalment jistgħu jiġu trasposti hawnhekk), l-eżami taħt il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat għandu jkun ibbażat fuq kull oġġezzjoni individwali.

51.

Nerġa’ nirreferi għas-sentenza Schmidt (punt 34) imsemmija iktar ’il fuq, fejn “sabiex tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli ma huwiex biżżejjed li l-azzjoni tkun tikkonċerna dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew li l-azzjoni jkollha rabta ma’ proprjetà immobbli”.

52.

Ir-rikorrenti qegħdin jitolbu li tingħata ordni biex ir-rikavat mill-bejgħ ġudizzjarju b’subbasta ma jitħallasx (kollu) lill-konvenut. Skont il-qorti tar-rinviju, “il-kwistjoni prinċipali [hija] dwar jekk u sa fejn il-kreditur konvenut jipparteċipa fit-tqassim”. F’dan ir-rigward, l-azzjoni hija bbażata fuq żewġ oġġezzjonijiet: (i) fuq id-dejn/pretensjoni oriġinali – li l-pretensjoni bbażata fuq il-ftehim tas-self ma għadhiex teżisti; u (ii) fuq is-sigurtà in rem oriġinali – li s-sigurtà in rem għal dik il-pretensjoni taħt il-ftehim tas-self inħolqot bl-intenzjoni li jsir ingann.

a) L-ewwel oġġezzjoni tar-rikorrenti

53.

Mill-punt imsemmi iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel oġġezzjoni ma hijiex ta’ natura in rem f’din il-kawża peress li l-kwistjoni tirrigwarda l-eżistenza ta’ drittijiet bejn id-debitriċi u l-konvenut. Dan id-dritt ġie fis-seħħ fuq il-bażi tal-ħolqien tas-sigurtà in rem mill-konvenut u tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni li segwew.

54.

Huwa minnu li l-eżistenza tal-pretensjoni, u tad-dritt li fuqu hija bbażata, servew bħala l-bażi tal-ħolqien tas-sigurtà in rem, u tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni sussegwenti. Madankollu, kif indikat il-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ dik l-oġġezzjoni, id-dritt in rem la huwa l-għan prinċipali tal-azzjoni u lanqas is-suġġett tal-proċeduri. Biex jiġi stabbilit jekk il-pretensjoni tal-konvenut kreditur kontra d-debitriċi għadhiex teżisti ma hijiex meħtieġa analiżi speċifika tal-fatti. Lanqas ma hija meħtieġa l-applikazzjoni tar-regoli u konswetudnijiet tal-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli (li hija l-unika ċirkustanza li tkun tiġġustifika l-ġurisdizzjoni esklużiva). L-eżami tal-ewwel oġġezzjoni għandu sempliċement effett awtomatiku fuq il-kostituzzjoni tas-sigurtà in rem u fuq il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni, iżda ma jikkostitwixxix l-għan prinċipali tal-azzjoni.

b) It-tieni oġġezzjoni tar-rikorrenti

55.

Ir-rikorrenti jqiegħdu inkwistjoni l-validità tal-ħolqien tas-sigurtà in rem nru 1 favur il-konvenut. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li din l-oġġezzjoni għandha titqies bħala actio pauliana. F’dan ir-rigward, għandha bilfors issir analoġija mas-sentenza Reichert I.

56.

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“actio paulienne fid-dritt Franċiż, madankollu, għandha l-bażi tagħha fid-dritt personali tal-kreditur fil-konfront tad-debitur u għandha l-għan li tipproteġi l-garanzija patrimonjali li tal-ewwel ikollu fil-konfront tal-patrimonju tat-tieni. Jekk tirnexxi, l-effett tagħha huwa li t-tranżazzjoni li biha d-debitur jiddisponi minn ġidu bi frodi tad-drittijiet tal-kreditur tiġi reża ineffettiva fil-konfront tal-kreditur biss” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

57.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-ħolqien tas-sigurtà in rem għall-pretensjoni inkwistjoni saret bil-għan frawdolenti li titneħħa d-dar mill-portata tagħhom.

58.

Madankollu, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk humiex ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-actio pauliana ma jippreżupponix evalwazzjoni marbuta strettament mad-dar f’Villach, li minnha nnifisha tkun tiġġustifika l-ġurisdizzjoni esklużiva (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Schmidt, C-417/15, EU:C:2016:881).

59.

Anki jekk l-azzjoni għandha xi rabta ma’ dik id-dar u l-qbid korrispettiv tal-istess, dawn il-punti ta’ rabta ma humiex b’saħħithom biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni esklużiva taħt il-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat.

60.

Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għal tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

61.

Dan premess, nikkunsidra li sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju li tgħinha sabiex issolvi l-kwistjoni quddiemha, jeħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina wkoll, f’dan il-każ, l-applikabbiltà potenzjali tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell I irriformulat ( 15 ) (li jirrigwarda l-kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt).

4. Il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell I irriformulat

62.

Huwa minnu li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni l-oħra previsti f’dan ir-regolament.

63.

Madankollu, “il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, id-domanda preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, sew jekk hija għamlitx riferiment għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża” ( 16 ).

64.

Peress li, b’mod partikolari, fis-sentenzi Reichert I u Reichert II ( 17 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-actio pauliana la taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) tal-Konvenzjoni (li essenzjalment jikkorrispondi għall-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Brussell I irriformulat) u lanqas taħt l-Artikoli 5(3), 16(5) (li llum essenzjalment huwa l-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-regolament imsemmi) u 24 tal-Konvenzjoni, jew għandu jiġi rrikonoxxut li l-prinċipju actor sequitur forum rei ma jippermetti ebda eċċezzjoni f’każijiet li jirrigwardaw l-actio pauliana, jew l-uniku forum alternattiv huwa l-forum contractus imsemmi fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell ( 18 ) (illum il-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell I irriformulat) – għaldaqstant skont l-istruttura ta’ dan ir-regolament jekk l-Artikolu 24 (ġurisdizzjoni esklużiva) ma huwiex applikabbli, allura jista’ jintuża l-Artikolu 7 tagħha (ġurisdizzjoni speċjali).

65.

Inqis li t-tieni alternattiva hija dik korretta.

66.

Pereżempju, dan l-approċċ diġà ġie adottat mill-qrati superjuri nazzjonali (bħalma hija l-Corte di cassazione [il-Qorti ta’ Kassazzjoni, l-Italja], li ppermettiet lil parti (is-Sinjura Corkran) tikkontesta kuntratt li permezz tiegħu d-debitur u ex raġel tagħha kien biegħ proprjetà immobbli li tinsab fl-Italja lil kumpannija inkorporata fil-Gżejjer Verġni Britanniċi) ( 19 ).

67.

Huwa rilevanti li matul dawn il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u qabel is-seduta f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat ukoll dan l-approċċ fis-sentenza tagħha Feniks ( 20 ) f’kawża li tinvolvi actio pauliana.

68.

Fis-sentenza Feniks, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-actio pauliana tkun ibbażata fuq dejn li jirriżulta minn obbligi assunti wara konklużjoni ta’ kuntratt, il-kreditur ta’ dan id-dejn jista’ jressaq din l-azzjoni fil-qrati “tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”. Li kieku kien mod ieħor, il-kreditur ikun obbligat iressaq l-azzjoni tiegħu quddiem il-qrati tal-post fejn ikun iddomiċiljat il-konvenut, liema forum possibbilment ma jkollu ebda rabta mal-obbligi tad-debitur fil-konfront tal-kreditur tiegħu. F’dan il-każ, peress li l-azzjoni tressqet mill-kreditur sabiex jippreżerva l-interessi tiegħu fit-twettiq tal-obbligi li joħorġu mill-kuntratt ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni, isegwi li l-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni” huwa, taħt dak il-kuntratt, il-post fejn saru x-xogħlijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li tali konklużjoni ssodisfat l-għan tal-prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni, speċjalment fil-każ fejn professjonist li daħal f’kuntratt għax-xiri ta’ proprjetà immobbli jista’ – fejn kreditur tal-parti l-oħra fil-kuntratt isostni li l-kuntratt jipprekludi indebitament it-twettiq tal-obbligi tal-parti l-oħra fil-konfront ta’ dak il-kreditur – jantiċipa raġonevolment li jiġi mfittex fil-qrati tal-post tat-twettiq ta’ dawk l-obbligi.

69.

Il-frażi “kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt” ma għandhomx jittieħdu bħala li jirreferu għal kif ir-relazzjoni ġuridika inkwistjoni tiġi kklassifikata taħt id-dritt nazzjonali rilevanti (sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1992, Handte, C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 10). Ġeneralment, il-kliem tal-punt 1 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament ma għandux jitwessa’ f’dan ir-rigward peress li l-verżjonijiet fil-lingwi differenti xi kultant huma usa’ (“en matière contractuelle” bil-Franċiż, “in materia contrattuale” bit-Taljan, “matters relating to a contract” bl-Ingliż), xi kultant idjaq (“verbintenissen uit overeenkomst” bl-Olandiż) u xi kultant xi mkien fin-nofs (“vertragliche Ansprüche” bil-Ġermaniż) ( 21 ).

70.

F’din il-kawża, ir-rikorrenti għamlu xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fid-dar f’Villach, li kienet tappartjeni lid-debitriċi, fuq il-bażi ta’ kuntratt (kuntratti) konklużi magħha. Sussegwentement id-debitriċi naqset milli tħallas għax-xogħlijiet (kollha).

71.

Għaldaqstant, peress li hemm relazzjonijiet kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u d-debitriċi – kuntratti li jirrigwardaw ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fid-dar (u potenzjalment ukoll bejn id-debitriċi u l-konvenut – ara, pereżempju, il-ħolqien tas-sigurtà in rem fir-reġistru tal-artijiet), ir-rikorrenti jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell I irriformulat sabiex jippreżentaw azzjoni quddiem il-qrati fil-“post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni”, jiġifieri fl-Awstrija, il-post fejn saru x-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni.

72.

Mis-sentenza Feniks jistgħu jinsiltu l-kundizzjonijiet li ġejjin sabiex actio pauliana tkun tiġġustifika l-ġurisdizzjoni kuntrattwali.

73.

L-ewwel nett, huwa neċessarju li jkun hemm relazzjoni triangolari bejn ir-rikorrenti u l-konvenut. Kollha huma kredituri tad-debitriċi: bħala prinċipju, hemm relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u d-debitriċi, iżda mhux bejn il-kredituri (bejn ir-rikorrenti u l-konvenut).

74.

It-tieni nett, iridu jkunu jeżistu pretensjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-konvenut li joħorġu minn ksur tal-obbligi li d-debitriċi ppermettiet fil-konfront tar-rikorrenti. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Feniks, punt 42, “kemm id-dritt ta’ garanzija li għandha Feniks fuq il-patrimonju tad-debitur tagħha kif ukoll l-azzjoni għal ineffettività tal-bejgħ konkluż minn din tal-aħħar ma’ terzi joriġinaw mill-obbligi assunti liberament minn Coliseum fir-rigward ta’ Feniks bil-konklużjoni tal-kuntratt marbut mal-imsemmija xogħlijiet ta’ kostruzzjoni” (enfasi miżjuda minni).

75.

It-tielet nett, id-debitriċi tittrasferixxi l-patrimonju tagħha lil terzi, f’dan il-każ lill-konvenut. Dan iwassal għal telf/dannu għar-rikorrenti li jinvokaw id-drittijiet tagħhom mill-kuntratt konkluż mad-debitriċi.

76.

Inkunu qegħdin nittrattaw obbligi li joriġinaw minn kuntratti meta (biex niċċita l-punt 44 tas-sentenza Feniks) “l-actio pauliana, […] titressaq abbażi ta’ drittjiet ta’ kreditu naxxenti minn obbligi assunti bil-konklużjoni ta’ kuntratt”.

77.

Is-sentenza Feniks ma tirrikjedix (għall-inqas mhux espliċitament) li l-konvenut ikollu għarfien tal-ewwel kuntratt, u lanqas ma tirrikjedi l-intenzjoni frawdolenti. Madankollu, f’din il-kawża, ċertament li t-terza persuna kellha l-għarfien u x’aktarx anki l-intenzjoni frawdolenti ( 22 ) fid-dawl tar-rabtiet personali u organizzattivi li jeżistu bejn id-debitriċi u t-terza persuna (il-konvenut). Fil-fatt, filwaqt li huwa minnu li l-informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward hija limitata, jista’ jiġi osservat li, mill-inqas prima facie, iż-żmien tal-ħolqien tas-sigurtà in rem bejn id-debitriċi u l-konvenut jista’ jitfa’ ċerti dubji fuq il-ġenwinità tat-tranżazzjoni peress li jidher li l-għan prinċipali (u ż-żmien li ma jidhirx li kien kumbinazzjoni) kien li jiġu mxekkla l-pretensjonijiet tal-kredituri. Hekk kif indikaw ir-rikorrenti waqt is-seduta, kien hemm ċerta sekwenza ta’ ġrajjiet: l-ewwel, wieħed mill-kredituri kien ressaq talba u diġà kien hemm ordni ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tad-dar f’Villach (anki jekk kienet miċħuda f’dak l-istadju). Kien biss f’dak il-mument li nħolqot is-sigurtà in rem. Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li l-konvenut kellu l-għarfien ta’ dan ukoll kif ukoll tal-obbligi kuntrattwali tad-debitriċi qabel ma nħolqot is-sigurtà in rem.

78.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li s-soluzzjoni tas-sentenza Feniks tista’ tiġi trasposta għal din il-kawża.

79.

Finalment din hija kwistjoni li jkollha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju filwaqt li l-oneru tal-invokazzjoni tal-fatti li jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell I irriformulat ġeneralment jaqa’ fuq ir-rikorrent ( 23 ) (jiġifieri, fuq il-parti li tinvoka kap partikolari ta’ ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 7). Waqt is-seduta, il-partijiet setgħu jieħdu pożizzjoni dwar is-sentenza Feniks u, b’mod partikolari, ir-rikorrenti argumentaw li din tikkorrobora l-pożizzjoni tagħhom li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni esklużiva.

80.

Kif indikat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, ir-relazzjoni triangolari tidher li hija paragunabbli fiż-zewġ każijiet. Huwa possibbli li jiġi konkluż li l-konvenut kien jaf li d-debitriċi ma kinitx onorat l-obbligi kuntrattwali tagħha lejn ir-rikorrenti. Fil-fatt, mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li kien il-konvenut innifsu li ordna x-xogħlijiet u li kien responsabbli mis-sorveljanza tagħhom kif ukoll li, fi proċeduri li ilhom pendenti mill‑2013 bejn ir-rikorrenti u d-debitriċi (jiġifieri, anki qabel il-kostituzzjoni tas-sigurtà in rem fl-2014), il-konvenut dejjem aġixxa bħala xhud tad-debitriċi.

81.

Il-konvenut spjega waqt is-seduta li kien hemm ftehim qafas bejn il-perit (K. Egger, li huwa wieħed mir-rikorrenti f’dan il-każ) u d-debitriċi: l-ewwel wieħed bħala perit imma wkoll bħala l-kuntrattur ġenerali (jiġifieri li kienu konklużi diversi kuntratti ma’ kumpanniji oħra taħt id-direzzjoni tiegħu). Dawn il-kumpanniji individwali ħarrku lid-debitriċi minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-fatturi. Għal dak li jirrigwarda l-konvenut, huwa pprovda l-fondi għax-xiri tad-dar u għax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni “u aġixxa, parzjalment, bħala l-persuna inkarigata u ffirma l-kuntratti”.

82.

Tnejn mill-għanijiet prinċipali tar-Regolament Brussell I irriformulat huma, l-ewwel nett, dak sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni Ewropea billi jingħata aċċess faċli lir-rikorrenti għall-qrati li huma jagħżlu sabiex jippreżentaw l-azzjoni tagħhom. It-tieni nett, dan ir-regolament huwa intiż sabiex jippermetti lill-konvenuti jantiċipaw b’mod raġonevoli l-qrati li fihom jistgħu jiġu mfittxija ( 24 ).

83.

Filwaqt li naqbel li rridu nevitaw sitwazzjoni fejn il-konvenut isib ruħu mfittex f’ġurisdizzjoni li huwa ma setax raġonevolment jantiċipa (premessa 16 tar-Regolament Brussell I irriformulat, ara l-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet), huwa ċar li dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

84.

Minħabba l-fatt li fis-sentenza Feniks il-ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali f’azzjonijiet ippreżentati kontra terza persuna kienet ġiet estiża għal actio pauliana minkejja li ma kien hemm ebda relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrent u l-konvenut, l-għarfien tat-terza persuna għandu jaħdem bħala fattur restrittiv: bħal f’dan il-każ, it-terza persuna trid tkun taf li l-att legali jivvinkola lill-konvenut mad-debitur u li dan jikkaġuna ħsara lid-drittijiet kuntrattwali ta’ kreditur ieħor tad-debitur (ir-rikorrenti).

85.

Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, “[p]ermezz tat-tieni oġġezzjoni mressqa f’din il-kawża, ir-rikorrenti qegħdin jeżerċitaw […] id-dritt ta’ annullament fil-kuntest ta’ tqassim magħmul bħala parti mill-proċeduri ta’ eżekuzzjoni kontra l-konvenut” (jiġifieri, l-actio pauliana). Dan huwa kollu kemm hu paragunabbli mal-actio pauliana fil-każ li wassal għas-sentenza Feniks.

86.

Għaldaqstant għandha tiġi applikata l-ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali u l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni.

87.

Madankollu, l-ewwel oġġezzjoni mressqa mir-rikorrenti tikkonsisti f’kontestazzjoni tal-pretensjoni li fuqha hija bbażata s-sigurtà in rem. Id-digriet tar-rinviju jsemmi pretensjoni tad-debitriċi għad-danni u għaldaqstant tpaċija, iżda ma jindikax b’mod ċar jekk din l-oġġezzjoni tistax titqies ukoll actio pauliana taħt id-dritt nazzjonali.

88.

Inqis li mis-sentenza Feniks jirriżulta li dik il-kunsiderazzjoni fiha nnifisha ma hijiex deċiżiva. Jiena naqbel mal-Kummissjoni li, peress li s-sentenza Feniks tistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali fil-kuntest ta’ actio pauliana li hija bbażata fuq kuntratt, ma jienx qed nibbaża lili nnifsi fuq il-kundizzjonijiet iddettaljati tal-actio pauliana taħt id-dritt nazzjonali – anki minħabba li dawn il-kundizzjonijiet ivarjaw neċessarjament bejn l-Istati Membri.

89.

Pereżempju, l-actio pauliana hija prevista f’sistemi legali ta’ numru ta’ Stati Membri, iżda hemm differenzi ċari bejn is-sistemi differenti. Ċerti Stati Membri jikkunsidraw din l-azzjoni bħala strument kuntrattwali u oħrajn jikkunsidrawha bħala strument mhux kuntrattwali, filwaqt li f’ċerti Stati Membri din l-azzjoni hija possibbli biss fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza ( 25 ).

90.

Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali prevista mir-Regolament Brussell I irriformulat ma tistax tiddependi fuq il-forma konkreta tal-actio pauliana taħt id-dritt nazzjonali. Jekk l-actio pauliana toriġina mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u d-debitur, il-ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali tkun applikabbli għal azzjoni ppreżentata kontra terza persuna li lilha d-debitur ikun ittrasferixxa l-patrimonju tiegħu.

91.

Fil-punt 47 tas-sentenza Feniks, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[t]ali konklużjoni tissodisfa iktar u iktar l-għan ta’ prevedibbiltà tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni peress li professjonist li jkun ikkonkluda kuntratt ta’ xiri ta’ proprjetà immobbli jista’, meta kreditur tal-kontraent tiegħu jilmenta li dan il-kuntratt jostakola indebitament l-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ dan il-kontraenti fir-rigward ta’ dan il-kreditur, jistenna li jiġi mħarrek quddiem il-qorti tal-post tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija obbligi”.

92.

F’dan ir-rigward, l-għarfien tal-konvenut dwar l-eżistenza tal-kuntratt(i) inkwistjoni huwa importanti.

93.

Għandu jiġi enfasizzat li l-premessa 21 tar-Regolament Brussell I irriformulat tiddikjara kif ġej: “[f]l-interessi tal-amministrazzjoni armonjuża tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibbiltà ta’ proċedimenti simultanji u jkun assigurat li ma jiġux mogħtija deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati, u biex jiġu eliminati problemi li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu”.

94.

Jekk wieħed japplika s-sentenza Feniks għal din il-kawża, allura l-qorti tar-rinviju Awstrijaka titqies li għandha ġurisdizzjoni u, għal dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet li apparentement ikunu għadhom pendenti quddiem qorti Taljana (b’mod partikolari l-pretensjoni tad-debitriċi għad-danni kontra l-konvenut), hija l-qorti Taljana li għandha ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward. Fi kliem ieħor jidher li sa ċertu punt, f’din il-kawża, huwa inevitabbli li jkun hemm proċeduri simultanji f’żewġ Stati Membri differenti.

95.

Madankollu, il-proċedura fl-Italja tirrigwarda partijiet li ma humiex identiċi għal dawk involuti fil-kawża prinċipali fl-Awstrija. Għaldaqstant, jeħtieġ sempliċement li jingħad li dan ma huwiex każ ta’ konnessjoni mill-qrib fis-sens tal-premessa 21.

96.

Infakkar li insostenn tas-soluzzjoni mogħtija hawn fuq hemm il-premessa 16 tar-Regolament Brussell I irriformulat, li skontha “[b]arra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. […]”.

97.

F’dan ir-rigward, il-punti ta’ konnessjoni li ġejjin huma preżenti f’dan il-każ: id-dar inkwistjoni tinsab fl-Awstrija; ix-xogħlijiet rilevanti saru u s-servizzi ġew ipprovduti fl-Awstrija; il-fatturi nħarġu fl-Awstrija; il-proċeduri għall-għoti taċ-ċitazzjonijiet għall-eżekuzzjoni saru fl-Awstrija; l-att inkwistjoni ġie magħmul minn nutar Awstrijak; is-sigurtà in rem kienet irreġistrata fir-reġistru tal-artijiet fl-Awstrija; u l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni qegħdin iseħħu fl-Awstrija.

98.

Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99, punt 31), “[i]r-raġuni għall-adozzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell [li jikkorrispondi għall-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell I irriformulat] kienet b’intenzjoni ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ tmexxija ta’ proċeduri b’mod effikaċi […]. Normalment, il-qorti tal-post tat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali li twassal għall-azzjoni tkun l-iktar waħda idonea sabiex tiddeċiedi l-każ, b’mod partikolari abbażi tal-prossimità u l-faċiltà sabiex tinġabar l-evidenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

99.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tar-Regolament Brussell I irriformulat jipprova jilħaq bilanċ bejn l-interessi tar-rikorrenti u tal-konvenut u jpoġġihom fuq livell iktar ibbilanċjat filwaqt li kieku eżista biss l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, il-konvenut/debitur ikunu ffavoriti b’mod eċċessiv ( 26 ).

100.

Li kieku wieħed kellu jibbaża l-ġurisdizzjoni b’mod riġidu fuq id-domiċilju tal-konvenut f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ikun jista’ jagħti lok għal abbuż – peress li jkun possibbli li jinħolqu sigurtajiet in rem favur persuni fiżiċi jew ġuridiċi fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni u b’hekk il-kredituri jiċċaħħdu mill-ġerarkija tagħhom fir-rigward tad-drittijiet fuq dar li t-titolu ta’ proprjetà fuqha jkun ġie ttrasferit barra mill-pajjiż.

101.

Fl-aħħar nett, bħala obiter dictum, huwa interessanti li tiġi indikata l-analiżi tax-Schutzwürdigkeitsgesichtpunkte, kif applikata mill-qrati Ġermaniżi f’każijiet bħal dan (is-soluzzjonijiet dwar kunflitt ta’ liġijiet huma orjentati minn evalwazzjoni preċedenti tal-interess li jixraqlu l-ogħla livell ta’ protezzjoni): id-dritt applikabbli jintgħażel billi tintgħażel il-liġi li tirregola r-relazzjoni ġuridika li jixirqilha l-ogħla protezzjoni ġudizzjarja fost it-tliet relazzjonijiet legali fi ħdan l-istruttura tal-actio pauliana, sabiex jiġi osservat il-prinċipju nemo liberalis nisi liberatus ( 27 ). B’mod partikolari, fid-dritt sostantiv, dan ifisser li l-kreditur jiġi protett meta l-kuntratt ikun inħoloq artifiċjalment sabiex huwa jiġi mċaħħad mid-drittijiet tiegħu jew meta d-drittijiet taċ-ċessjonarju jkunu inqas schutzwürdig (li jkun jixirqilhom protezzjoni) minħabba n-natura gratuwita tat-trasferiment. Fil-kamp tal-kunflitt ta’ liġijiet, il-protezzjoni tat-tliet partijiet involuti fl-actio pauliana tista’ tiġi milħuqa billi tiġi applikata l-liġi li l-partijiet in bona fide jantiċipaw li għandha tapplika ( 28 ).

IV. Konklużjoni

102.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Bezirksgericht, Villach (il-Qorti Distrettwali ta’ Villach, l-Awstrija):

1)

Il-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-azzjoni għal oppożizzjoni skont l-Artikolu 232 tal-Kodiċi Awstrijak dwar il-Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Minflok, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet individwali mressqa mir-rikorrenti. L-oġġezzjonijiet li jirrigwardaw kemm l-ineżistenza tal-pretensjoni li tirriżulta minn ftehim ta’ self li fuqha huwa bbażat il-bejgħ ġudizzjarju b’subbasta kif ukoll il-fatt li l-ħolqien tas-sigurtà in rem għal dik il-pretensjoni taħt il-ftehim tas-self kien invalidu minħabba t-trattament preferenzjali tal-kredituri ma għandhomx rabta mill-qrib suffiċjenti mal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni u, għaldaqstant, ma jiġġustifikawx il-ġurisdizzjoni esklużiva taħt l-imsemmi punt 5 tal-Artikolu 24.

2)

Il-punt 5 tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal tilwima bejn kredituri li tirrigwarda t-tqassim tar-rikavat minn bejgħ ġudizzjarju b’subbasta, u li fiha jitqajmu oġġezzjonijiet intiżi sabiex tiġi kkontestata l-eżistenza tal-pretensjoni oriġinali u li – bħall-actio pauliana – jallegaw in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ eżekuzzjoni tal-kostituzzjoni tas-sigurtà in rem.

3)

Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-actio pauliana, li toriġina mill-eżekuzzjoni ta’ obbligu kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u d-debitur, tista’ tkun koperta mir-regola ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali prevista fil-punt 1(a) tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I irriformulat”).

( 3 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Feniks (C‑337/17, EU:C:2018:487, punt 2 li jirreferi għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawża Deko Marty Belgium (C‑339/07, EU:C:2008:575, punti 24 sa 26)).

( 4 ) Pretelli, I., “Cross-border credit protection against fraudulent transfers of assets: actio pauliana in the conflict of laws”, Yearbook of private international law, Vol. XIII/2011 (2012), p. 590. Dan l-artikolu tal-code civil Franċiż ġie ssostitwit fl-2016 mill-Artikolu 1341-2: “Le créancier peut aussi agir en son nom personnel pour faire déclarer inopposables à son égard les actes faits par son débiteur en fraude de ses droits, à charge d’établir, s’il s’agit d’un acte à titre onéreux, que le tiers cocontractant avait connaissance de la fraude” [Il-kreditur jista’ wkoll jaġixxi f’ismu stess sabiex jiġu ddikjarati mhux infurzabbli fil-konfront tiegħu l-atti frawdolenti mwettqa kontrih mid-debitur tiegħu, fejn ikollu l-oneru li jistabbilixxi, fil-każ ta’ att b’titolu oneruż, li l-parti terza kontraenti kellha għarfien dwar il-frodi].

( 5 ) Il-konvenut spjega li dan l-ammont huwa r-riżultat ta’ talba għall-ħlas ta’ dejn u ta’ kontrotalba. Id-debitriċi talbet lill-konvenut iħallasha EUR 70000 għas-sahra. Imbagħad, fi proċeduri fl-Italja, dan tal-aħħar talab lil tal-ewwel tħallas madwar EUR 380000 għax-xiri tad-dar u għax-xogħlijiet. Skont il-konvenut, id-dar kienet biss formalment tappartjeni lid-debitriċi, li kienet irreġistrata bħala l-unika proprjetarja, iżda l-fondi kienu pprovduti mill-konvenut. Finalment, iż-żewġ partijiet laħqu ftehim, fejn il-konvenut jirċievi l-ammont ta’ flus għad-dar, iħallas lid-debitriċi għas-sahra (parzjalment) u l-eċċess ikun ta’ EUR 349 722.95.

( 6 ) Skont ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 7, p. 38).

( 7 ) Ir-rikorrenti jsostnu li fil‑21 ta’ Lulju 2015 id-debitriċi ppreżentat quddiem il-qorti ċivili ta’ Ruma azzjoni għall-kumpens għad-danni ta’ EUR 517340 kontra l-konvenut. Għaldaqstant, “dawk iċ-ċirkustanzi juru li l-pretensjoni ta’ dan tal-aħħar li kienet ikkawtelata b’sigurtà in rem ma kinitx għadha teżisti”.

( 8 ) Sentenza tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, iktar ’il quddiem is-“sentenza Reichert III”).

( 9 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et (C‑11/07, EU:C:2008:489, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, T‑Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic (C‑508/14, EU:C:2015:657, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Belgian Electronic Sorting Technology (C‑657/11, EU:C:2013:516, punt 31), u tat‑8 ta’ Ġunju 2016, Hünnebeck (C‑479/14, EU:C:2016:412, punt 36, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Rapport ta’ P. Jenard fuq il-Protokolli tat‑3 ta’ Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-Konvenzjoni tad‑29 ta’ Frar 1968 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kumpanniji u persuni ġuridiċi u fuq il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 36).

( 13 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1985 (220/84, EU:C:1985:302). Fil-punt 13, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat “il-punt dwar jekk, fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni, parti tistax tressaq oġġezzjoni bbażata fuq dejn li fuqu l-qrati tal-Istat kontraenti fejn għandha sseħħ l-eżekuzzjoni ma jkollu ebda ġurisdizzjoni li kieku kellha tiġi ppreżentata azzjoni indipendenti fuq dak id-dejn” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 14 ) Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32).

( 15 ) Sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 1978, Simmenthal (70/77, EU:C:1978:139, punt 57).

( 16 ) Sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 43).

( 17 ) Rispettivament, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler (C‑115/88, EU:C:1990:3), u tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert v Dresdner Bank (C‑261/90, EU:C:1992:149).

( 18 ) Pretelli, I., iċċitat iktar ’il fuq, p. 603. Ara wkoll, f’dan is-sens, it-13th Report On National Case Law Relating To The Lugano Conventions ta’ Borrás, A., Neophytou, I., u Pocar, F., Mejju 2012. Fuq l-actio pauliana, ara wkoll il-wisq ċitat Göranson, U., Actio Pauliana outside bankruptcy and the Brussels Convention, Law and Reality, f’Essays on National and International Procedural Law in Honour of Voskuil, Dordrecht, 1992, b’mod partikolari p. 101 et seq.

( 19 ) Pretelli, I., Corte di cassazione, Sezioni Unite, tas‑7.3.2003, Nru. 6899, Corkran c. Casa Napoleone Ltd u Cashin, Revue critique de droit international privé, 2003, p. 612 et seq.

( 20 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Feniks (C‑337/17, EU:C:2018:805). Minħabba n-numru ta’ riferimenti għal din is-sentenza, ser nirreferi għaliha iktar ’il quddiem bħala s-“sentenza Feniks”.

( 21 ) Ara Martiny, D., Internationale Zuständigkeit für "vertragliche Streitigkeiten", f’Einheit und Vielfalt des Rechts: Festschrift für Reinhold Geimer zum 65. Geburtstag, 2002, p. 641 u 648, u Magnus, U., u Mankowski, M., ECPIL Commentary – Volume I, Brussels Ibis Regulation, p. 163.

( 22 ) F’dan ir-rigward, ara b’analoġija, “għalkemm […] il-qrati nazzjonali jistgħu, każ b’każ u billi jibbażaw ruħhom fuq elementi oġġettivi, jieħdu in kunsiderazzjoni l-imġiba abbużiva jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati sabiex iċaħħduhom, jekk ikun il-każ, mill-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt [tal-Unjoni] invokati, huwa xorta waħda għandhom, fl-evalwazzjoni ta’ tali mġiba, jieħdu in kunsiderazzjoni l-obbjettivi tad-dispożizzjonijiet [tad-dritt tal-Unjoni] in kwistjoni” (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1999, Centros, C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 25).

( 23 ) Magnus, U., u Mankowski, M., iċċitat iktar ’il fuq, p. 145.

( 24 ) Sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Besix (C‑256/00, EU:C:2002:99). Ara Magnus, U., u Mankowski, M., iċċitat iktar ’il fuq.

( 25 ) Ara Göranson, U., iċċitat iktar ’il fuq, p. 89.

( 26 ) Ignatova, Art. 5 Nr. 1 EuGVVO – Chancen und Perspektiven der Reform des Gerichtsstands am Erfüllungsort, 2005, p. 71 et seq.; Lehmann, M., f’Dickinson/Lein, paragrafu 4.07.; u Magnus, U., u Mankowski, M., iċċitat iktar ’il fuq, p. 143. Ara wkoll Schack, Der Erfüllungsort im deutschen, ausländischen und internationalen Privat- und Zivilprozessrecht, 1985, p. 104; Lehmann, M., ZZP Int. 9 (2004), pp. 172, 283.

( 27 ) Ħadd ma jista’ jagħti rigal sakemm ma huwiex ħieles mid-dejn; pereżempju, persuna falluta ma hijiex f’pożizzjoni li tittrasferixxi proprjetà jew ġid. Ara Lipstein, K., Principles of the conflict of laws national and international, The Hague, 1981, p. 39 et seq.

( 28 ) Ara Pretelli, I. (2012), iċċitat iktar ’il fuq, p. 638.

Top