EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0703

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Bobek, ippreżentati fit-23 ta’ Mejju 2019.
Adelheid Krah vs Universität Wien.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-persuni – Artikolu 45 TFUE – Ħaddiema – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(1) – Lecturers anzjani postdottorali – Limitazzjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi preċedenti ta’ attività rilevanti mwettqa fi Stat Membru ieħor – Sistema ta’ remunerazzjoni li torbot il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni iktar għolja mal-anzjanità miksuba mal-persuna attwali li timpjega.
Kawża C-703/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:450

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fit-23 ta’ Mejju 2019 ( 1 )

Kawża C‑703/17

Adelheid Krah

vs

Universität Wien

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Vjenna, l-Awstrija))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Lecturers anzjani postdoc – Limitu ta’ erba’ snin għar-rikonoxximent, wara l-ingaġġ, ta’ esperjenza rilevanti preċedenti relatata max-xogħol – Sistema ta’ remunerazzjoni abbażi ta’ anzjanità – Anzjanità miżjuda mal-istess persuna li timpjiega biss – Kunċett ta’ ostaklu għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni – Proporzjonalità)

I. Introduzzjoni

1.

Dr Adelheid Krah (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) hija lecturer anzjana postdoc fl-Università ta’ Vjenna. Skont ir-regoli interni tal-Università ta’ Vjenna, għall-fini tal-gradazzjoni tagħha fil-kategorija adatta ta’ persunal akkademiku wara ngaġġ, kienu tqiesu biss erba’ snin tal-esperjenza professjonali preċedenti tagħha.

2.

L-Università ta’ Vjenna (iktar ’il quddiem l-“intimata”) tipprovdi żewġ modi ta’ kif titqies l-esperjenza ta’ lecturers anzjani postdoc għall-finijiet ta’ rimunerazzjoni. L-ewwel nett, mar-reklutaġġ, jista’ jitqies massimu ta’ erba’ snin ta’ attività preċedenti rilevanti professjonalment mitmuma fl-Università ta’ Vjenna jew ma’ kull persuna li timpjega oħra bbażata fl-Awstrija jew fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni. It-tieni nett, mal-ħatra, tibda takkumula l-anzjanità miksuba fl-Università ta’ Vjenna. Dan jippermetti lill-persunal akkademiku jgħaddi gradwalment, f’intervalli regolari ta’ tmien snin, minn skala ta’ remunerazzjoni għal oħra fl-istess grad.

3.

Skont l-appellanti, il-limitu massimu għar-rikonoxximent ta’ esperjenza professjonali preċedenti mal-ingaġġ jiddiskrimina kontra ħaddiema minn Stati Membri oħra. L-evoluzzjoni ta’ remunerazzjoni abbażi ta’ anzjanità bilfors tiffavorixxi persunal akkademiku li jkun dejjem ħadem mal-istess università Awstrijaka, għalhekk, fil-biċċa l-kbira ċittadini Awstrijaċi.

4.

Dan il-każ jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tesplora, għal darba oħra, il-limiti esterni tal-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u tkun espliċita dwar il-loġika bażika tagħha. Tista’ regola nazzjonali li tkun newtrali fit-tfassil tagħha, jiġifieri li ma tkunx tiddiskrimina direttament minħabba ċittadinanza, u li tkun tidher daqstant newtrali fl-impatt tagħha, jiġifieri li ma tkun ġiet stabbilita ebda diskriminazzjoni indiretta, xorta tkun tammonta għal ostaklu għall-moviment liberu? L-ostaklu u li jagħmel approċċ inqas attraenti jistabbilixxi t-tielet kategorija vera u proprja fil-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, li tinħoloq irrispettivament mill-eżistenza ta’ kull diskriminazzjoni? Tista’ xi jew kull regola nazzjonali li tista’ tagħmel il-moviment liberu inqas attraenti għal ħaddiem tkun suġġetta għall-Artikolu 45 TFUE?

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

L-Artikolu 45 TFUE jgħid dan li ġej:

“(1)   Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

(2)   Dan jimplika l-abolizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.

(3)   Għandu jinkludi d-dritt, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet gustifkati minħabba ordni pubbliku, sigurta’ pubblika u saħħa pubblika:

[…]

(c)

li joqgħod f’kull Stat Membru sabiex jaħdem f’impjieg skond il-liġijiet, regolamenti u regoli amministrattivi li jirregolaw l-impjieg tal-ħaddiema ta’ dak l-Istat,

[…]”

6.

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni ( 2 ) jgħid dan li ġej:

“ Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.”

B.   Id-dritt Awstrijak

7.

L-Artikolu 47(1) tar-Rahmenkollektivvertrag für ArbeitnehmerInnen an Universitäten (il-Ftehim ta’ Qafas Kollettiv għal Impjegati f’Universitajiet) tal-15 ta’ Frar 2011 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Kollettiv”), intitolat “Gradazzjoni ta’ persunal universitarju fix-xjenza u fl-arti”, jgħid dan li ġej:

“L-impjegati kollha skont it-tifsira tal-Artikolu 5(2)(1) għandhom ikunu assenjati lil gruppi ta’ impjiegi A sa C skont in-natura tad-dmirijiet miftehma fil-kuntratt ta’ impjieg.”

8.

L-Artikolu 48 jistabbilixxi l-iskema ta’ grupp ta’ impjiegi għal persunal universitarju fix-xjenza u fl-arti. Jgħid dan li ġej:

“Grupp ta’ impjiegi A1: Professuri tal-Università maħtura skont proċedura ta’ ħatra […]

Grupp ta’ impjiegi A2: Persunal tax-Xjenza/tal-Arti li miegħu jkun intlaħaq ftehim ta’ kwalifika.

Grupp ta’ impjiegi B: Assistenti Universitarji, Xjenzjati Anzjani, Artisti Anzjani, Lecturer Anzjan, persunal għal proġetti (Artikolu 28) wara li jkunu temmew programm ta’ studju għal Masters jew programm ieħor ta’ studju għal gradwati rilevanti għall-impjieg, Lecturers. Il-grupp ta’ impjiegi jiġbor fih gradi ta’ remunerazzjoni B1 u B2. Assistenti Universitarji, Xjenzjati Anzjani, Artisti Anzjani, Lecturer Anzjan u persunal għal proġetti […] għandu jkun inkluż fil-grad ta’ remunerazzjoni B1; Lecturers għandhom ikunu inklużi fil-grad ta’ remunerazzjoni B2.

Grupp ta’ impjiegi C: persunal għal studenti u persunal għal proġetti mhux inklużi f’B1.”

9.

L-Artikolu 49 tal-Ftehim Kollettiv jistabbilixxi l-iskema ta’ salarji għall-persunal universitarju tax-xjenza u tal-arti. Jgħid li:

“(1)   Is-salarju gross kull xahar fil-grad ta’ remunerazzjoni A1 huwa ta’ EUR 4 891.10. Dan l-ammont jiżdied jekk ikun hemm għall-inqas evalwazzjoni pożittiva waħda dwar l-impjieg […] fil-perijodu rilevanti,

wara 6 snin ta’ impjieg għal EUR 5 372.80,

wara 12-il sena ta’ impjieg għal EUR 5 854.50,

wara 18-il sena ta’ impjieg għal EUR 6 336.20

u

wara 24 sena ta’ impjieg għal EUR 6 817.90.

(2)   Is-salarju gross kull xahar fil-grad ta’ remunerazzjoni A2 huwa ta’ EUR 3686.70, fil-każ ta’ impjegati b’dottorat rilevanti jew Ph.D., EUR 4 288.80. Dawn l-ammonti jiżdiedu:

a)

wara konformità mal-ftehim ta’ kwalifika[…] għal EUR 4 650.20,

b)

u, jekk ikun hemm għall-inqas, evalwazzjoni waħda pożittiva dwar l-impjieg […] fil-perijodu rilevanti,

wara 6snin ta’ impjieg bħala associate professor għal EUR 5 131.90,

wara12-il sena ta’ impjieg għal EUR 5 613.70,

wara18-il sena ta’ impjieg għal EUR 6 095.40

u

wara 24sena ta’ impjieg għal EUR 6 577.00.

(3)   Is-salarju gross kull xahar fil-grad ta’ remunerazzjoni B 1 jammonta għal EUR 2 696.50.

Dan l-ammont jiżdied:

(a)

wara tliet snin ta’ impjieg għal EUR 3 203.30. Il-perijodu ta’ tliet snin jitnaqqas b’perijodi li fir-rigward tagħhom tinġieb prova dwar esperjenza preċedenti relatata max-xogħol;

(b)

wara tmien snin ta’ impjieg fil-kategorija stabbilita f’(a) jew f’każ ta’ Ph.D. bħala kondizzjoni biex tinbeda r-relazzjoni ta’ impjieg (pożizzjoni postdoc) għal EUR 3 590.70;

(c)

wara tmien snin ta’ impjieg fil-kategorija stabbilita f’(b) għal EUR 3 978.30;

(d)

wara tmien snin ta’ impjieg fil-kategorija stabbilita f’(c) għal EUR 4 186.90.”

III. Il-fatti, il-proċeduri u d-domandi magħmula

10.

L-appellanti hija ċittadina Ġermaniża li għandha Ph.D. fl-istorja. Hija bdiet l-impjieg tagħha mal-intimata, l-Università ta’ Vjenna, mis-semestru tax-xitwa tal-2000/2001, bħala visiting lecturer fl-Istitut tal-Istorja. Qabel dan hija kienet impjegata għal ħames snin f’kariga, rilevanti professjonalment, ta’ għalliema fl-Università ta’ München.

11.

Wara li ppreżentat it-teżi tagħha Habilitationsschrift (teżi dwar l-abilitazzjoni), b’deċiżjoni meħuda fit-12 ta’ Marzu 2002 mill-uffiċċju tad-dekan tal-fakultà tal-umanistika u xjenzi kulturali tal-intimata, hija kienet offruta pożizzjoni biex tgħallem bħala lecturer universitarja fl-istorja medjevali. Wara, l-appellanti għallmet mill-inqas seba’ sigħat fil-ġimgħa f’kull semestru abbażi ta’ kuntratti ta’ tagħlim b’terminu fiss.

12.

Mill-1 ta’ Ottubru 2010, l-appellanti, għall-bidu, kienet impjegata għal terminu fiss u wara għal żmien indefinit, bħala lecturer anzjana postdoc, għal għoxrin siegħa fil-ġimgħa.

13.

Abbażi ta’ deċiżjoni tar-rettur tat-8 ta’ Novembru 2011, kien ġie deċiż li jkunu rrikonoxxuti erba’ snin ekwivalenti għal perijodi preċedenti ta’ servizz fir-rigward ta’ lecturers anzjani postdoc u xjenzjati anzjani postdoc jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg kienet bdiet fl-1 ta’ Ottubru 2011 jew wara. Wara dik id-deċiżjoni l-appellanti kienet ġiet inkluża fil-grupp ta’ impjieg B, grad ta’ remunerazzjoni B1(b).

14.

Madankollu, l-appellanti tissottometti li hija kienet akkumulat ħames snin ta’ esperjenza preċedenti rilevanti professjonalment mal-Università ta’ München u tmien snin u nofs mal-Università ta’ Vjenna, total ta’ tlettax-il sena u nofs ta’ esperjenza preċedenti rilevanti professjonalment. Għalhekk, l-appellanti ssostni li t-tlettax-il sena u nofs kellhom ikunu rrikonoxxuti fil-każ tagħha u li hija kellha tkun inkluża f’kategorija ta’ salarju ogħla.

15.

L-appellanti talbet għal salarju ta’ EUR 3 385.20, li hija l-allegata differenza fir-rimunerazzjoni, flimkien ma’ mgħax, drittijiet u spejjeż, quddiem l-Arbeits- und Sozialgericht Wien (il-Qorti Industrijali u Soċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), li ċaħdet it-talba. Sussegwentement, l-appellanti ressqet appell kontra dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

16.

Huwa f’dan il-kuntest ta’ fatt u dritt li l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Vjenna, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

– Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 7(1) tar-[Regolament Nru 492/2011], u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola li tgħid li l-perijodi ta’ attività preċedenti rilevanti mwettqa minn membru tal-persunal tal-għalliema tal-Università ta’ Vjenna jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa tul totali ta’ tlieta jew erba’ snin, kemm jekk ikunu perijodi ta’ attività mwettqa mal-Università ta’ Vjenna jew ma’ universitajiet jew stabbilimenti oħra paragunabbli li jinsabu fl-Awstrija jew f’pajjiż barrani?

2.

Sistema ta’ remunerazzjoni li ma tipprevedix it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ tal-perijodi ta’ attività preċedenti rilevanti, filwaqt li torbot il-benefiċċju ta’ remunerazzjoni ogħla mal-anzjanità miksuba mal-istess persuna li timpjega, tikser il-moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit mill-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-[Regolament Nru 492/2011]?”

17.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati mill-appellanti, mill-intimata u mill-Kummissjoni Ewropea. It-tlieta li huma, flimkien mal-Gvern Awstrijak, ipparteċipaw fis-seduta li saret fit-23 ta’ Jannar 2019.

IV. Analiżi

18.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Nibda b’diversi kjarifiki ta’ introduzzjoni dwar is-sistema Awstrijaka ta’ remunerazzjoni għal persunal akkademiku, b’mod partikolari r-regoli nazzjonali u dawk tal-Università ta’ Vjenna, dwar ir-rikonoxximent ta’ esperjenza professjonali preċedenti ta’ lecturers anzjani (A). Wara, nissuġġerixxi li r-rikonoxximent għal limitu ta’ erba’ snin, mal-ingaġġ, ta’ esperjenza preċedenti rilevanti relatata max-xogħol huwa kompatibbli mal-moviment liberu tal-ħaddiema minħabba li la jirrappreżenta diskriminazzjoni u lanqas, fil-fehma tiegħi, ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema (B). Fl-aħħar nett, ngħaddi għar-regola li biha, mal-kariga, ir-remunerazzjoni tavvanza b’anzjanità akkumulata fl-Università ta’ Vjenna (C).

A.   Osservazzjonijiet preliminari

19.

Dan il-każ jirrigwarda r-regoli dwar ir-remunerazzjoni ta’ lecturers anzjani ikklassifikati fil-grad ta’ remunerazzjoni B1, kif stabbilit kemm fil-livell nazzjonali (fl-Artikolu 49(3) tal-Ftehim Kollettiv), kif ukoll fil-livell tal-Università ta’ Vjenna (fir-regolamenti interni tagħha).

20.

Fil-Ftehim Kollettiv hemm regoli dwar l-evoluzzjoni tar-remunerazzjoni ta’ lecturers anzjani. Dawk ir-regoli jqisu l-anzjanità. Mal-kariga r-remunerazzjoni normalment tiżdied, f’intervalli regolari, biż-żmien li akkademiku jkun qatta’ fl-istess università. Fil-prattika, ladarba jkunu temmew għadd ta’ snin (l-ewwel, tliet snin fil-kariga u, wara, kull tmien snin), lecturers anzjani jgħaddu minn skala waħda ta’ remunerazzjoni għal oħra li jkun imiss fil-grad ta’ remunerazzjoni B1.

21.

Madankollu, dik is-sistema ta’ remunerazzjoni ma hijiex ibbażata biss fuq l-anzjanità/akkumulazzjoni ta’ żmien. Ir-regoli nazzjonali jipprovdu għal żewġ eċċezzjonijiet li jippermettu li lecturer anzjan, malli jiġi rreklutat, jiġi ggradat fi skala ta’ remunerazzjoni ogħla milli kieku kienet tirriżulta mill-applikazzjoni mekkanika tar-regoli ta’ anzjanità. L-ewwel nett, għal dawk li jiksbu kuntratt bħala lecturer anzjan mingħajr ma jkollhom dottorat, il-perijodu (inizjali) ta’ tliet snin jitnaqqas b’perijodi li għalihom tkun inġiebet prova dwar esperjenza preċedenti relatata max-xogħol. It-tieni nett, dawk li jkollhom dottorat u jiġu ingaġġati bħala lecturers anzjani postdoc ma jkollhomx għalfejn jaqdu l-ewwel perijodi ta’ tliet u tmien snin fil-kariga u, għalhekk, jiġu ggradati direttament fl-iskala ta’ remunerazzjoni B1(b).

22.

Kif spjegat mill-intimata u mill-Gvern Awstrijak, il-Ftehim Kollettiv huwa r-riżultat ta’ negozjati bejn imsieħba soċjali. Jistabbilixxi r-regoli minimi li għandhom jiġu applikati minn universitajiet Awstrijaċi. Ma jżommx lil dawk l-universitajiet milli internament jadottaw regoli iktar favorevoli.

23.

Fl-Università ta’ Vjenna, ir-regolamenti interni jipprovdu li jitqies perijodu ta’ sa erba’ snin esperjenza professjonali preċedenti biex jiġi stabbilit, mal-ingaġġ, il-grad inizjali ta’ remunerazzjoni ta’ lecturers anzjani postdoc. Skont l-intimata, din l-aħħar regola tammonta għal trattament iktar favorevoli offrut mill-Università ta’ Vjenna b’paragun ma’ dawk l-universitajiet Awstrijaċi l-oħra li japplikaw biss ir-regoli stabbiliti fil-Ftehim Kollettiv.

24.

F’dan il-kuntest nazzjonali u lokali jidher li jkunu f’lokhom erba’ kjarifiki oħra.

25.

L-ewwel nett, anki jekk dan il-każ jikkonċentra fuq il-grad ta’ remunerazzjoni B1 (għalhekk il-kategorija professjonali ta’ lecturers anzjani), dak il-grad ma jistax jitqies maqtugħ għalih waħdu. Jagħmel parti mir-regoli nazzjonali usa’ dwar ir-remunerazzjoni tal-persunal akkademiku ta’ universitajiet. Skont il-paragrafi 47, 48 u 49 tal-Ftehim Kollettiv, il-persunal akkademiku jinqasam f’għadd ta’ subkategoriji professjonali li għalihom jikkorrispondi grad ta’ remunerazzjoni speċifiku, jiġifieri professuri universitarji (grad ta’ remunerazzjoni A1), kollaboraturi akkademiċi għal karriera akkademika ggarantita (grad ta’ remunerazzjoni A2), assistenti, inklużi lecturers anzjani (grad ta’ remunerazzjoni B1), lecturers (grad ta’ remunerazzjoni B2) u kollaboraturi studenteski (grad ta’ remunerazzjoni C). Kull grad ta’ remunerazzjoni huwa stess jerġa’ jinqasam fi skali ta’ rimunerazzjoni, li għalihom jikkorrispondi ċertu salarju.

26.

Min-natura tagħha, u kif saħqet l-intimata fis-seduta, is-sistema sħiħa ta’ remunerazzjoni stabbilita bil-Ftehim Kollettiv inbniet bil-għan li l-karriera akkademika ta’ individwi tavvanza b’żewġ modi differenti, f’kull grad u bejn il-gradi. L-avvanz fil-karriera f’kull grad huwa tip ta’ progress orizzontali. Għalkemm il-persuna tibqa’ fl-istess kategorija akkademika, ir-remunerazzjoni tiżdied b’mod gradwali, pereżempju, abbażi tal-anzjanità mal-mogħdija taż-żmien ( 3 ). L-avvanz fil-karriera bejn il-gradi jista’ jiġi kkaratterizzat bħala progress vertikali li permezz tiegħu persuna ma tibqax fl-istess kategorija akkademika, iżda tgħaddi għal waħda ogħla. Dik il-bidla normalment tkun tiddependi minn kwalifika oħra, pereżempju, li wieħed jagħmel kisbiet akkademiċi, ilesti riċerka jew jgħaddi minn eżami.

27.

Għalhekk, kif issuġġerixxiet l-intimata, il-ħsieb wara din is-sistema huwa li membri tal-persunal akkademiku għandu jkollhom inċentivi biex javanzaw fil-karrieri tagħhom. Għal din ir-raġuni, ċerti tipi ta’ progress fil-karriera neċessarjament huma marbuta ma’ aċċess għal grad ogħla, li b’xi mod jinkludi ż-żewġ fili: il-kwalifika ulterjuri meħtieġa għal dak il-grad, iżda wkoll, indirettament, l-akkumulazzjoni ta’ ċertu żmien meħtieġ biex tinkiseb dik il-kwalifika. Madankollu, dawk li ma jagħmlux progress b’mod vertikali fil-karrieri akkademiċi tagħhom xorta waħda jkunu jistgħu jiġu promossi permezz ta’ anzjanità/akkumulazzjoni ta’ żmien, jiġifieri, billi jgħaddu għall-iskala li jkun imiss fl-istess grad.

28.

It-tieni nett, naqbel mal-gvern Awstrijak li, biex issir evalwazzjoni dwar jekk ikunx hemm restrizzjoni li tista’ tkun illegali fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema, huwa vitali li ssir distinzjoni bejn żewġ regoli differenti fis-sistema Awstrijaka ta’ remunerazzjoni għal lecturers anzjani.

29.

L-ewwel regola hija li sa erba’ snin ta’ esperjenza professjonali rilevanti preċedenti jitqiesu mill-Università ta’ Vjenna meta tingaġġa lecturers anzjani postdoc, biex tiddetermina l-livell ta’ remunerazzjoni inizjali tagħhom fl-iskala ta’ remunerazzjoni B1 (iktar ’il quddiem ir-“regola ta’ esperjenza preċedenti”). It-tieni regola hija li, mal-kariga, waqt li jkun għaddej il-kuntratt konkluż mal-Università ta’ Vjenna, l-anzjanità akkumulata f’dak ix-xogħol tiddetermina kif wieħed wara jgħaddi minn skala ta’ salarju għal oħra (iktar ’il quddiem ir-“regola ta’ anzjanità”). Huwa preżunt li, fil-każ ta’ senior lecturers, dawn il-movimenti jkunu awtomatiċi u, b’differenza mir-regola ta’ esperjenza preċedenti, ma jimplikax evalwazzjoni sostantiva tal-merti rispettivi ta’ lecturers anzjani.

30.

Ċertament, dawn iż-żewġ regoli jinxtiebhu. It-tnejn iqisu l-esperjenza professjonali preċedenti u jolqtu r-rimunerazzjoni. Madankollu, dan huwa fejn ix-xebh jintemm. Biex ikun ċar dwar min qed jitqabbel ma’ min, f’liema waqt u għal liema għan, iż-żewġ regoli għandhom jinżammu separati.

31.

L-osservazzjonijiet sottomessi mill-appellanti u mill-Kummissjoni, b’mod partikolari dwar it-tieni domanda magħmula mill-qorti nazzjonali, juru b’mod fin il-perikli jekk dawn iż-żewġ regoli jingħaqqdu. Ikun impossibbli ssir analiżi ta’ diskriminazzjoni, minħabba li tinħarab il-kwistjoni dwar kontra min eżattament ikun hemm diskriminazzjoni, b’paragun ma’ min; biex ma jingħad xejn dwar li jista’ jkun hemm raġuni li tiġġustifikaha. Fiż-żmien tar-reklutaġġ tapplika r-regola ta’ esperjenza preċedenti għal raġuni partikolari u għal gruppi partikolari ta’ nies. Għall-kuntrarju, ir-regola ta’ anzjanità tapplika f’waqt differenti, għal grupp differenti ta’ nies. Ir-regola ta’ anzjanità min-natura tagħha qatt ma tapplika għal persunal ġdid, u l-ħsieb warajha huwa wkoll differenti.

32.

Biex dawn iż-żewġ regoli differenti jitqiegħdu f’qoffa waħda jkun meħtieġ impliċitament l-applikazzjoni simultanja tagħhom: dan ikun ifisser li r-regola ta’ anzjanità għandha tkun effettivament diġà tapplika fil-mument tal-ingaġġ. Dan ċertament ikun possibbli bħala materja ta’ għażla politika, iżda, f’dak il-każ, ma jkunx għad hemm żewġ regoli differenti, iżda waħda biss (u waħda differenti ħafna minn dik magħżula fil-livell nazzjonali).

33.

Għalhekk, huwa obbligatorju li dawk iż-żewġ regoli jinżammu separati għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. Għalhekk nibda dwar il-mod kif taħdem ir-regola ta’ esperjenza preċedenti mal-ingaġġ b’rabta mal-ewwel domanda, biex imbagħad ikun biss wara li ngħaddi għar-regola ta’ anzjanità tat-tieni domanda.

34.

It-tielet nett, biex tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju jeħtieġ li titqies is-sitwazzjoni tal-appellanti kif fil-fatt żvolġiet f’dan il-każ. Dwar dan teħtieġ kjarifika doppja.

35.

Minn naħa, kuntrarju għall-Ftehim Kollettiv, li ma jipprevedi ebda rikonoxximent ta’ esperjenza professjonali preċedenti għal lecturers anzjani postdoc ( 4 ), din hija r-regola (iktar favorevoli) fir-regolamenti interni tal-Università ta’ Vjenna li kienet applikata għall-każ tal-appellanti. Għalhekk, hija din l-aħħar regola (iktar milli dawk stabbiliti fil-Ftehim Kollettiv) li għandha titqies, fil-kuntest tas-sistema ġenerali ta’ remunerazzjoni stabbilita fil-Ftehim Kollettiv.

36.

Min-naħa l-oħra, abbażi tal-fatti tal-każ, l-appellanti, bħala ċittadina Ġermaniża, allegatament ma tħallietx, bħala dritt tagħha, tidħol fis-suq tax-xogħol Awstrijak minħabba l-mod kif taħdem ir-regola ta’ esperjenza preċedenti tal-Università ta’ Vjenna flimkien mar-regola ta’ anzjanità tal-Ftehim Kollettiv. Essenzjalment, l-argument huwa kif ġej: il-fatt li titqies b’mod sħiħ anzjanità akkumulata minn lecturers anzjani postdoc fil-kariga fl-Università ta’ Vjenna għal finijiet ta’ rimunerazzjoni, filwaqt li ma hijiex irrikonoxxuta sa massimu ta’ erba’ snin mar-reklutaġġ l-esperjenza preċedenti ta’ dawk li qabel kienu jaħdmu banda oħra, jiddisswadi ħaddiema barranin milli jidħlu fis-suq tax-xogħol Awstrijak.

37.

F’diskussjoni ġenerali dwar in-natura u l-iskop ta’ ostaklu potenzjali għall-moviment liberu tal-ħaddiema, l-ostakli għall-ħruġ (mill-Istat Membru tad-domiċilju) u l-ostakli għad-dħul (fl-Istat Membru ospitanti) huma żewġt uċuħ tal-istess munita tal-moviment liberu ( 5 ). Fil-kuntest fattwali ta’ dan il-każ, dan ifisser ostakli potenzjali għall-appellanti biex hija toħtoġ mis-suq tax-xogħol Ġermaniż u tidħol f’dak Awstrijak.

38.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat b’mod ċar li, għall-kuntrarju tal-argumenti mressqa mill-appellanti, ix-xenarji ipotetiċi tal-appellanti li potenzjalment ma titħalliex, minħabba l-mod kif jaħdmu r-regoli nazzjonali inkwistjoni, milli terġa’ toħroġ mis-suq tal-Istat Membru ospitanti (l-Awstrija), jew, saħansitra iktar minn hekk, wara li tkun qattgħet xi żmien banda oħra, milli tkun trid terġa’ tidħol fis-suq akkademiku Awstrijak, sempliċement ma humiex tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-każ.

39.

Ir-raba’ u fl-aħħar nett, dwar il-qafas skont id-dritt tal-Unjoni għal rinviju għal din l-analiżi, il-qorti tar-rinviju fformulat it-tieni domanda b’referenza għall-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011. Flimkien ma’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet l-ewwel domanda tirreferi wkoll għall-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ‘il-Karta’).

40.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja l-Artikolu 45 TFUE u d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi biex ikun faċli għaċ-ċittadini tal-Unjoni jsegwu attivitajiet ta’ xogħol ta’ kull xorta fl-Unjoni Ewropea kollha, u ma jħallux ikun hemm miżuri li jistgħu jqiegħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni fi żvantaġġ meta dawn ikunu jridu jsegwu attività fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. B’riżultat ta’ dan l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li tkun tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju miċ-ċittadini tal-Unjoni tal-libertajiet fundamentali ggarantiti b’dak l-artikolu ( 6 ).

41.

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 45(2) TFUE b’mod partikolari jipprojbixxi kull diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzonalità bejn ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda impjieg, remunerazzjoni jew kundizzjonijiet oħra ta’ xogħol. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE fil-kuntest speċifiku ta’ kundizzjonijiet ta’ impjieg u xogħol u, għalhekk., għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħall-Artikolu 45(2) TFUE ( 7 ).

42.

Ir-regola ta’ esperjenza preċedenti — u wkoll ir-regola ta’ anzjanità, sa fejn hija rilevanti b’mod limitat f’dan il-każ — huma b’mod ċar jaqgħui fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet sakemm huma jkollhom impatt fuq ir-remunerazzjoni ta’ lecturers anzjani fl-Awstrija, li hija kundizzjoni tax-xogħol. Il-fatt li r-regoli ta’ anzjanità kienu ġew stabbiliti fi Ftehim Kollettiv ma jbiddilx dik il-konklużjoni għar-raġuni li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità tapplika mhux biss għall-azzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi iżda wkoll għal regoli ta’ kull xorta oħra li jkollhom l-għan li jirregolaw b’mod kollettiv impjieg bi qligħ u l-provvista ta’ servizzi ( 8 ).

43.

Importanti daqs kemm huma b’mod ġenerali, ma nistax nara, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, x’kunsiderazzjonijiet addizzjonali jistgħu jagħmlu rilevanti l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta għall-problema li ma humiex diġà koperti, b’mod iktar speċifiku u f’iktar dettall, mill-Artikolu 45 TFUE u mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011.

44.

Għalhekk ma jidhirx li hemm ħtieġa li jiġi eżaminat dan il-każ speċifikament fid-dawl tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta ( 9 ).

B.   Fuq l-ewwel domanda

45.

Permezz tal-ewwel domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li skonthom perijodi preċedenti ta’ servizz rilevanti professjonalment ta’ lecturer anzjan ingaġġat mal-Università ta’ Vjenna jistgħu jkunu rrikonoxxuti biss sa limitu ta’ tlieta jew erba’ snin, irrispettivament minn jekk dawk il-perijodi ta’ servizz kinux tlestew mal-Università ta’ Vjenna jew ma’ universitajiet nazzjonali jew internazzjonali oħra jew ma’ istituzzjonijiet simili.

46.

Permezz ta’ din id-domanda l-qorti tar-rinviju tiffoka fuq ir-regola ta’ esperjenza preċedenti, li tistabbilixxi limitu massimu għar-rikonoxximent ta’ attivitajiet preċedenti relatati max-xogħol meta tiġi ddeterminata l-iskala ta’ remunerazzjoni li fiha lecturer anzjan għandu jkun iggradat mal-bidu tar-relazzjoni ta’ impjieg ma’ università Awstrijaka. L-ewwel domanda hija fformulata b’tali mod li tiġbor fiha kemm id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Kollettiv dwar il-pożizzjoni ta’ senior lecturers mingħajr dottorat, kif ukoll dawk tar-regolamenti interni tal-Università ta’ Vjenna fir-rigward ta’ lecturers anzjani postdoc. Madankollu, ma jkunx hemm ħtieġa, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, li tkun indirizzata speċifikament l-ewwel dispożizzjoni minħabba li ma tapplikax għas-sitwazzjoni tal-appellanti.

47.

Għalhekk ser neżamina biss il-kompatibbiltà mal-moviment liberu tal-ħaddiema tar-regola universitarja (iktar favorevoli) li tipprovdi għar-rikonoxximent ta’ massimu ta’ erba’ snin ta’ esperjenza preċedenti relatata max-xogħol fl-ingaġġ u fil-gradazzjoni ta’ lecturer anzjan postdoc.

48.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li bil-limitu massimu għar-rikonoxximent ta’ esperjenza għal erba’ snin, ir-regola ta’ esperjenza preċedenti tista’ tkun kuntrarja għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Ħaddiem migrant jista’ joqgħod lura milli jibdel xogħol għal ieħor u jibda jaħdem fl-Awstrija minħabba li l-perijodi preċedenti tiegħu ta’ servizz rilevanti professjonalment ma jkunux irrikonoxxuti kollha kemm huma biex ikunu ggradati u, għalhekk, għar-remunerazzjoni tiegħu.

49.

Skont l-appellanti, il-limitu massimu għar-rikonoxximent ta’ esperjenza professjonali preċedenti jqiegħed lil ħaddiema minn Stat Membru ieħor fi żvantaġġ u bl-istess mod jiskuraġġixxi impjegati ta’ universitajiet Awstrijaċi milli jeżerċitaw il-moviment liberu barra mill-Awstrija. F’każijiet estremi, jistgħu jintilfu erbgħa u għoxrin sena ta’ anzjanità akkumulata barra mill-Università ta’ Vjenna.

50.

Skont l-intimata, il-liġi tal-Unjoni ma titlobx li jkun irrikonoxxut b’mod obbligatorju kull perijodu preċedenti ta’ servizz. Limitu ta’ erba’ snin biex titqies esperjenza preċedenti ma huwiex diskriminatorju minħabba nazzjonalità, u dan peress li jaffettwa b’mod ugwali ħaddiema migranti u ħaddiema nazzjonali. Minħabba li iktar minn 50 % tal-lecturers anzjani kollha u kważi terz tal-lecturers anzjani postdoc impjegati mal-Università ta’ Vjenna huma ċittadini barranin, ir-regola ta’ esperjenza preċedenti ma taffettwax l-aċċess ta’ ħaddiema migranti għas-suq tax-xogħol Awstrijak. Ir-rikonoxximent ta’ esperjenza preċedenti, għalkemm limitat, jista’ jitqies ukoll bħala inċentiv għal kulħadd, ċittadini Awstrijaċi jew le, biex japplikaw mal-Università ta’ Vjenna.

51.

F’kull każ, minħabba li lecturers anzjani jagħmlu l-iktar attivitajiet ta’ tagħlim, il-limitazzjoni ta’ erba’ snin ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan segwit, jiġifieri, li jkun żgurat li lecturers anzjani jkunu jistgħu jagħmlu x-xogħol tagħhom skont l-aħjar standard possibbli. Dak il-perijodu normalment ikun adatt fil-qasam akkademiku biex jinkiseb l-għerf meħtieġ għal dan il-għan.

52.

Jiena tal-fehma li regola li tistabbilixxi limitu massimu ta’ erba’ snin għal esperjenza preċedenti rilevanti professjonalment mitmuma f’post ikun liema jkun, inkluża l-Università ta’ Vjenna, għal gradazzjoni inizjali ta’ lecturer anzjan ingaġġat ġdid, ma hijiex diskriminatorja minħabba nazzjonalità (1). Lanqas ma tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema (2). Ir-regola ta’ esperjenza preċedenti tal-Università ta’ Vjenna hija, f’kull każ, iġġustifikata b’mod ċar u hija adatta biex jintlaħaq l-għan segwit minn dik ir-regola (3).

1. Diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità

53.

Diskriminazzjoni diretta timplika li r-regola nazzjonali inkwistjoni tipprovdi għal differenzi ta’ trattament għal raġunijiet ta’ nazzjonalità biex ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni jkunu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ċittadini oħra f’sitwazzjoni komparabbli ( 10 ). Huwa ċar f’dan il-każ li r-regola ta’ esperjenza preċedenti ma hijiex diskriminatorja b’mod dirett. In-nazzjonalità ma hijiex raġuni espliċita biex ikun hemm differenza.

54.

Madankollu, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li r-regola ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 tipprojbixxi mhux biss diskriminazzjoni ċara minħabba nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji distintivi oħra, twassal fil-fatt għall-istess riżultat ( 11 ). Dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali għandha titqies indirettament diskriminatorja jekk intrinsikament tkun tista’ tolqot ħaddiema migranti iktar milli ħaddiema nazzjonali, u jekk ikun jista’ jirriżulta riskju li dawk tal-ewwel jitqiegħdu fi żvantaġġ partikolari. Biex miżura titqies bħala diskriminatorja indirettament, ma jeħtiġilhiex ikollha l-effett li tqiegħed f’vantaġġ liċ-ċittadini kollha tal-Istat inkwistjoni jew li tqiegħed fi żvantaġġ ċittadini biss ta’ Stati Membri oħra, iżda mhux ċittadini tal-Istat inkwistjoni ( 12 ). Dan isegwi partikolarment mill-Artikolu 45(2) TFUE ( 13 ).

55.

F’dan il-każ ma hemmx dubju li l-limitazzjoni għar-rikonoxximent ta’ esperjenza tapplika mingħajr distinzjoni għall-esperjenza kollha rilevanti miġbura mingħand kull persuna li timpjiega, kemm jekk tkun ibbażata fi Stat Membru ieħor, kif ukoll jekk fl-Awstrija. Kien espliċitament ikkonfermat fis-seduta li hija tapplika wkoll għal esperjenza miksuba fl-Università ta’ Vjenna stess f’kapaċità differenti minn dik ta’ lecturer anzjan. Għalhekk, jidher li l-kandidati potenzjali kollha li jkunu ser jiġu ingaġġati jkunu ttrattati eżattament bl-istess mod, irrispettivament minn jekk ikunux ġejjin minn Stat Membru ieħor, minn università Awstrijaka oħra, jew anki minn dipartimenti jew pożizzjonijiet oħra fl-Università ta’ Vjenna.

56.

Nammetti li għandi diffikultà nifhem kif regola bħal din kompletament newtrali tista’ tkun ikkwalifikata bħala (anki) diskriminatorja indirettament (abbażi ta’ nazzjonalità). Il-gruppi rilevanti ta’ referenza li qed issir differenza bejniethom huma dawk b’esperjenza professjonali preċedenti ta’ (i) inqas minn erba’ snin u (ii) iktar minn erba’ snin. Tabilħaqq huma l-persuni fit-tieni kategorija li jistgħu jgħidu li l-mod kif taħdem ir-regola ta’ esperjenza preċedenti tqegħedhom fi żvantaġġ: parti mill-esperjenza preċedenti tagħhom ma tkunx ser tiġi rrikonoxxuta biex ikun stabbilit il-livell ta’ remunerazzjoni tagħhom malli jiġu ingaġġati.

57.

Madankollu, hemm differenza notevoli bejn dik il-propożizzjoni u kull differenzjazzjoni jew impatt minħabba nazzjonalità. La ġie stabbilit u lanqas ma jista’ jingħad fil-livell ta’ propożizzjoni raġonevoli li ċittadini minn Stati Membri oħra huma stess probabbli jkollhom iktar minn erba’ snin esperjenza rilevanti professjonalment meta japplikaw għal kariga akkademika fl-Università ta’ Vjenna.

58.

Fi kliem ieħor, min-nuqqas ta’ kawża diskriminatorja (ebda raġuni moħbija ta’ differenzjazzjoni) isegwi wkoll in-nuqqas mid-dehra ta’ konsegwenza bħal din (ebda impatt differenti ċar).

59.

Fil-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja, tali konsegwenza kienet tradizzjonalment analizzata skont l-istandard ta’ ipoteżi probabbli: ħaddiema minn Stati Membri oħra aktarx jintlaqtu iktar? Il-grupp protett ikollu jintlaqat għar? L-istandard meħtieġ huwa wieħed ta’ probabbiltà razzjonali, mhux li tinġieb data jew statistika eżatta għal dak il-għan ( 14 ).

60.

F’dan il-każ, la hemm ipoteżi kredibbli u lanqas data li tagħti ħjiel ta’ diskriminazzjoni indiretta. Ma tressqet ebda spjegazzjoni plawsibbli fil-livell ta’ ipoteżi dwar kif ħaddiema minn Stati Membri oħra milli mill-Awstrija x’aktarx ikunu akkumulaw iktar minn erba’ snin ta’ esperjenza professjonali meta jiġu ingaġġati bħala lecturers anzjani. Għal darba oħra, ir-regola hija kompletament newtrali fir-rigward tal-kategoriji potenzjali kollha ta’ ħaddiema.

61.

Dwar dak li għandu x’jaqsam ma’ data, l-unika statistika disponibbli hija dik miġjuba mill-intimata ( 15 ), jiġifieri li iktar minn 50 % ta’ lecturers anzjani u terz ta’ lecturers anzjani postdoc fl-Università ta’ Vjenna ma għandhomx ċittadinanza Awstrijaka. Għalhekk id-data ma turix li proporzjon sinjifikattiv għoli mhux ta’ ċittadini, mqabbel ma’ dak ta’ ċittadini, huwa milqut minn dik ir-regola, iżda pjuttost il-kuntrarju. Jekk id-data hija korretta jsegwi minn dawn iċ-ċifri li għadd kbir ħafna ta’ ħaddiema barranin daħlu fis-suq Awstrijak “minkejja” l-limitu massimu għar-rikonoxximent ta’ esperjenza preċedenti stabbilit mill-Università ta’ Vjenna.

62.

Ir-regola ta’ esperjenza preċedenti applikabbli fil-mument tal-ingaġġ, għalhekk, tidher, fir-rigward tad-dħul fis-suq tax-xogħol fil-qasam akkademiku Awstrijak, li ma hijiex diskriminatorja, la direttament u lanqas indirettament, minħabba nazzjonalità. Minkejja dan, tista’ din ir-regola tkun għadha tikkwalifika bħala restrizzjoni jew ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, minkejja l-fatt li ma għandha x’taqsam xejn dwar nazzjonalità?

2. Ostaklu għal-libertà tal-moviment?

a) Restrizzjoni għal-libertà tal-moviment u diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità

63.

Isegwi mill-ġurisprudenza li, lil hinn mill-kategoriji ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta, l-Artikolu 45 TFUE jinkludi t-tielet kategorija, jiġifieri restrizzjonijiet mhux diskriminatorji ( 16 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi mhux biss kull diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, minħabba nazzjonalità, iżda wkoll regoli nazzjonali li jkunu applikabbli irrispettivament min-nazzjonalità tal-ħaddiema konċernati iżda li jkunu jistgħu jxekklu jew jagħmlu inqas attraenti l-libertà tal-moviment tagħhom, inklużi dawk tal-Istat Membru li jkun daħħal il-miżura bħala liġi ( 17 ). Dispożizzjonijiet li, anki jekk ikunu applikabbli mingħajr distinzjoni, jipprekludu jew iżommu lil ċittadini ta’ Stat Membru milli jitilqu mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-moviment, jikkostitwixxu ostaklu għal dik il-libertà ( 18 ).

64.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li, f’dak li għandu x’jaqsam mal-moviment liberu tal-ħaddiema, l-ostaklu jew ir-restrizzjoni jew id-deterrent jew il-hsieb li jagħmlu l-moviment inqas attraenti għandhom l-għeruq tagħhom skont it-Trattat fl-Artikolu 45(1) TFUE. Tabilħaqq, għall-kuntrarju tal-Artikolu 45(2) TFUE, li juża l-kunċett ta’ diskriminazzjoni, l-Artikolu 45(1) jipprovdi b’mod usa’ li “[g]ħandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni”.

65.

Jeħtieġ, għalhekk, jiġi ddeterminat, lil hinn mid-diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità, jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxux ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, li huwa pprojbit mill-Artikolu 45(1) TFUE. ( 19 )

66.

Il-kwistjoni li tqum minnufih, madankollu, hija dwar ir-relazzjoni bejn il-kategorija ta’ ostaklu għall-moviment liberu u dik tad-diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità. Dawn iż-żewġ kategoriji huma tabilħaqq indipendenti għalkollox u, għalhekk, jistgħu u għandhom jiġu eżaminati separatament? L-approċċ għall-ostaklu ma għandu x’jaqsam xejn ma’ kull loġika ta’ diskriminazzjoni u ma għandux ikun eżaminat? Jew li l-approċċ dwar l-ostaklu huwa iktar ta’ kategorija “miżjuda”, li ssaħħaħ u ttejjeb il-projbizzjoni dwar d-diskriminazzjoni indiretta, iżda li fil-verità ma hijiex indipendenti minnha?

67.

Dan ma huwiex biss dibattitu akkademiku, kif juri dan il-każ. Jekk, kif ġie ssuġġerit fil-punt ta’ qabel dan ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-regola ta’ esperjenza preċedenti lanqas biss ma hija diskriminatorja indirettament, tista’ tkun għadha tirrappreżenta ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema? Jista’ jkun hemm ostakolu jekk lanqas biss ma jkun hemm l-inqas ħjiel ta’ differenza ta’ trattament (minħabba nazzjonalità)?

68.

Jekk wieħed jidħol fil-fond fil-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn għandu x’jaqsam il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-Qorti tal-Ġustizzja tittendi tirraġuna billi tuża l-kelma restrizzjoni l-iktar meta regoli nazzjonali jkunu jikkostitwixxu ostakli għal ħruġ, iżda wkoll, xi ftit inqas, f’dak li jirrigwarda regoli sussidjarji għal dawk nazzjonali li jistgħu jammontaw għal ostakli għal dħul.

69.

Il-każijiet tipiċi fl-ewwel kategorija huma miżuri tal-Istat ta’ oriġini li jiddiswadu lil ċittadini ta’ dak l-Istat milli jeżerċitaw il-moviment liberu billi jħallu l-Istat ta’ oriġini tagħhom, u b’hekk jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli aċċess għas-suq tal-impjiegi ta’ Stat Membru ieħor. Il-kawża Bosman tixħet dawl f’dan ir-rigard. Il-każ kien dwar regoli nazzjonali dwar it-trasferiment ta’ plejers tal-futbol (applikabbli għal trasferimenti ta’ plejers bejn klabbs ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali differenti fl-istess Stat Membru) li kienu jitolbu li l-klabb il-ġdid iħallas tariffa lill-klabb l-antik, anki wara li jkun skada l-kuntratt tagħhom mal-klabb l-antik. Għalkemm dawk ir-regoli ma kienu bl-ebda mod diskriminatorji minħabba nazzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li x’aktarx huma kienu jirrestrinġu l-libertà tal-moviment ta’ plejers li kienu jixtiequ jsegwu l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor billi ma kinux iħalluhom jew kienu jfixkluhom milli jitilqu l-klabbs tagħhom. ( 20 )

70.

Ostaklu ieħor (mid-dehra) mhux diskriminatorju għal ħruġ jista’ jkun miżura tal-Istat tal-oriġini li tagħmilha itqal għal ċittadin ta’ dak l-Istat, li jkun eżerċita l-moviment liberu, biex imur lura hemm. Pereżempju, il-kawża Köbler kienet dwar żieda speċjali fil-paga mogħtija mill-Istat Awstrijak bħala persuna li timpjega lil professuri universitarji li kienu wettqu dik il-professjoni għal mill-inqas ħmistax-il sena f’università Awstrijaka, għall-kuntrarju ta’ università ta’ Stat Membru ieħor. Dwar dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dak ir-rifjut assolut li jkunu rrikonoxxuti perijodi ta’ servizz bħala professur universitarju fi Stat Membru ieħor minbarra r-Repubblika tal-Awstrija kien ifixkel il-moviment liberu tal-ħaddiema stabbiliti fl-Awstrija daqskemm iżomm lil dawn tal-aħħar milli jħallu l-pajjiż biex jeżerċitaw dik il-libertà ( 21 ).

71.

Fit-tieni kategorija l-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat ukoll bl-istess mod ostakli għall-moviment liberu fil-forma speċifika ta’ miżuri nazzjonali sussidjarji, jew dawk meħuda jew minn entitajiet reġjonali jew minn entitajiet lokali oħra fi Stat Membru, jew minn dawk li jipprovdu għal regoli speċjali li japplikaw għall-entitajiet lokali. Pereżempju, fl-hekk imsejħa kawża “SALK” ( 22 ) — ikkwotata diversi drabi mill-partijiet — il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat regoli Awstrijaċi li skonthom, biex tkun iddeterminata d-data ta’ referenza għall-finijiet ta’ avanz, sptarijiet pubbliċi fil-Land ta’ Salzburg kellhom iqisu l-perijodi kollha ta’ servizz mhux interrotti għal dak il-Land bħala persuna li timpjiega, iżda proporzjon biss tal-perijodi mitmuma ma’ persuni oħra li jimpjegaw, kemm jekk fl-Awstrija kif ukoll jekk fi Stat Membru ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat dawk ir-regoli mill-aspetti kemm ta’ ostakli (diskriminatorji) għal dħul u kemm ta’ ostakli (mhux diskriminatorji) għal ħruġ ( 23 ). Hija ddeċidiet, rispettivament, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali “tista’, minn naħa, taffettwa kemm il-ħaddiema emigranti kif ukoll il-ħaddiema nazzjonali”, u dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali “jimpedixxu jew jiskoraġġixxu lill-ħaddiem ċittadin ta’ Stat membru li jitlaq l-Istat ta’ oriġini tiegħu biex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu […] anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati” ( 24 ).

72.

Huwa minnu li miżuri nazzjonali sussidjarji ma jaqblux faċilment mar-raġunament tradizzjonali dwar il-moviment liberu. Huwa iktar diffiċli li wieħed jasal għall-konklużjoni li dawn ikunu indirettament diskriminatorji minħabba nazzjonalità ( 25 ). Il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku limitat tagħhom jagħmilhom ukoll żvantaġġużi għal ċittadini tal-Istat Membru tal-oriġini li jkunu ġejjin minn reġjuni differenti. Madankollu, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri nazzjonali sussidjarji, anki jekk ir-rabta tagħhom ma’ diskriminazzjoni indiretta minħabba nazzjonalità tkun pjuttost dgħajfa, ikun għadu possibbli, skont il-loġika tradizzjonali ta’ probabbiltà ta’ impatt ( 26 ), li wieħed jassumi tali diskriminazzjoni: miżuri nazzjonali sussidjarji aktarx jaffettwaw biss lil ċittadini barranin għas-sempliċi raġuni li l-maġġoranza tar-residenti ta’ żona lokali aktarx ikunu ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni.

73.

Għalhekk, fil-każ ta’ miżuri nazzjonali sussidjarji, id-diskriminazzjoni indiretta tista’ forsi tkun inqas ovvja, iżda x’aktarx tkun għadha timraħ minn wara l-kwinti. L-użu ta’ kliem ta’ restrizzjoni f’każijiet bħal dawn ma jfissirx, għalhekk, li ma jkunx hemm diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità. Ikun għad hemm xi xorta ta’ differenzjazzjoni marbut indirettament man-nazzjonalità, li jagħmilha diffiċli jew impossibbli li jinkiseb aċċess għal impjieg ( 27 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li restrizzjoni tal-libertà tal-moviment hija pprojbita anki jekk tkun ta’ kamp ta’ applikazzjoni limitat jew ta’ importanza żgħira ( 28 ). Fi kliem ieħor, dispożizzjonijiet nazzjonali sussidjarji li primarjament iżommu milli jkun hemm mobbiltà interna fi Stat Membru xorta waħda jistgħu jinqabdu mid-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu jekk dawn jagħmlu wkoll il-mobbiltà esterna (bejn l-Istati Membri) inqas attraenti. ( 29 )

74.

Fil-qosor, għalkemm forsi mhux dejjem eżaminata b’mod espliċitu, għad hemm xi forma għaddejja ta’ analiżi ta’ komparabbiltà u differenzjazzjoni f’każijiet fejn qed tkun tiġi evalwata biss restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema ( 30 ). Għalhekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ssostnix il-propożizzjoni li l-loġika ta’ ostakli għall-moviment liberu għandha tinqata’ għalkollox minn kunsiderazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni. Għad hemm, fil-każijiet kollha analizzati f’din it-taqsima, xi tip ta’ differenza ta’ trattament. Iżda x’inhu eżattament mistenni mbagħad li jkun analizzat fil-qasam ta’ ostakli?

b) Diskriminazzjoni bejn “migranti” u “mhux migranti”

75.

Kif nifhimha jiena, il-loġika tal-Artikolu 45(1) TFUE u l-ġurisprudenza dwar ostakoli għall-moviment liberu tal-ħaddiema għadhom ibbażati fuq differenzjazzjoni u, għalhekk, dwar il-kunċett ta’ diskriminazzjoni. Iżda r-raġuni għal dik id-diskriminazzjoni ma hijiex (biss) in-nazzjonalità u mhux (biss) il-mument ta’ ħruġ minn suq tax-xogħol jew ta’ dħul fis-suq ta’ Stat Membru ieħor meqjusa bħala maqtugħin għalihom. L-enfasi hija fuq id-diskriminazzjoni bejn “migranti” u “mhux migranti” fis-suq intern.

76.

Ir-raġuni għall-projbizzjoni ta’ differenzjazzjoni hija, għalhekk, bejn migranti u mhux migranti. Hekk li, anki fin-nuqqas ta’ diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ “restrizzjonijiet mhux diskriminatorji”, ikun għad hemm il-loġika ta’ diskriminazzjoni, iżda mtennija f’livell differenti. L-Avukat Ġenerali Fennelly fehem sew dak il-kunċett billi rrefera għad-diskriminazzjoni f’dak il-livell bħala “diskriminazzjoni minħabba migrazzjoni”, fejn differenzi ta’ trattament jirriżultaw mill-eżerċizzju nnifsu ta’ moviment liberu. ( 31 )

77.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni huma maħsuba biex ikun faċli għal ċittadini tal-Unjoni jsegwu attivitajiet ta’ xogħol ta’ kull xorta fl-Unjoni kollha ( 32 ). Skont dik il-loġika jidher li meta jinstab li jkun hemm restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema jkun għadu meħtieġ li grupp ta’ persuni jitqiegħdu fi żvantaġġ b’paragun ma’ grupp ieħor. Iżda r-raġuni għal dik id-differenzjazzjoni ma għandhiex bilfors tkun in-nazzjonalità. Din tidher li hija l-linja komuni tul it-tassonomija żviluppata fil-ġurisprudenza, diskussa fit-taqsima ta’ qabel din ta’ dawn il-konklużjonijiet.

78.

Imbagħad, naturalment hemm żewġ aspetti għal moviment liberu: Ħruġ mill-Istat Membru tal-oriġini u għal dħul fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti. Jekk, minn naħa jew oħra, ħaddiem jisfa’ fi żvantaġġ b’paragun mal-gruppi rilevanti ta’ persuni li ma jemigrawx għal dak l-Istat, jinħoloq ostaklu.

79.

Għalhekk, ħaddiem ma jistax jiġi mfixkel jew ma jitħalliex jemigra għal Stat Membru minħabba regoli nazzjonali li jistgħu jiġu kkaratterizzati bħala jew “regoli li jżommu n-nies” (dwar ħruġ), jew “regoli li jgerrxu n-nies” (dwar dħul). Madankollu, biex ikun eżaminat jekk ikunx hemm iż-żewġ tipi ta’ regoli, ikun għad jeħtieġ li tkun stabbilita differenza ta’ trattament bejn il-gruppi rilevanti ta’ persuni inkwistjoni: dawk li jkunu qed jaqsmu minn fruntiera għal oħra, għall-kuntrarju ta’ dawk li jibqgħu fejn ikunu fir-rigward ta’ regoli ta’ ħruġ, u dawk li jkunu qasmu għall-kuntrarju ta’ dawk li jkunu diġà hemm fir-rigward ta’ regoli ta’ dħul.

80.

Jekk jinftiehem minn dan l-aspett, il-kunċett ta’ ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema għadu ’l bogħod milli jinkludi xi regola nazzjonali li x’aktarx tagħmel l-eżerċizzju tal-moviment liberu (suġġettivament) inqas attraenti għal ħaddiem partikolari. Jekk jinqata’ minn kull differenza attwali ta’ trattament bejn gruppi oġġettivi ta’ ħaddiema, il-moviment liberu jista’ tabilħaqq isir għodda biex tiġi kkontestata kull regola nazzjonali jew sussidjarja f’kull qasam (jew anki f’sempliċi kuntratt individwali sfavorevoli), li sseħħ, fil-partikularitajiet ta’ każ individwali, li ssir bi ħsara ta’ ħaddiem partikolari. Bħala konsegwenza, jekk persuna tkun marret fi Stat Membru ieħor biex tibda xogħol ġdid, il-persuna li timpjega f’dak l-Istat ospitanti dejjem ikun obbligat, bis-saħħa tal-liġi tal-Unjoni, jipprovdi mill-inqas eżatt l-istess trattament bħal dak li l-ħaddiem li jkun mar hemmhekk kellu fl-Istat Membru li jkun ġie minnu, preżumibbilment irrispettivament minn dak li tkun tgħid il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti dwar is-suġġett.

81.

Dan ma jistax ikun approċċ raġonevoli għall-kunċett ta’ ostaklu ( 33 ). Jekk jitqabbel mal-moviment liberu tal-merkanzija, f’dak il-każ, il-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ssib lilha nnifisha fl-epoka tal-kawża Dassonville ( 34 ) u tkun teħtieġ terġa’ ssib lilha nnifisha fil-kawża Keckian. ( 35 )

82.

F’dan il-kuntest jeħtieġ jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà llimitat il-potenzjal kumplessiv tal-Artikolu 45(1) TFUE skont l-approċċ dwar ostaklu b’żewġ modi.

83.

L-ewwel nett, billi qieset parzjalment dan l-aħħar tħassib, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li miżuri nazzjonali li jirregolaw biss attività ekonomika mingħajr ma jistabbilixxu kundizzjonijiet dwar aċċess għal impjieg ma jistgħux jitqiesu bħala restrizzjonijiet skont l-Artikolu 45 TFUE ( 36 ). B’mod partikolari, l-Artikolu 45 TFUE ma jagħtix lill-ħaddiem id-dritt li, fl-Istat Membru ospitanti, jistrieħ fuq il-kundizzjonijiet ta’ impjieg li huwa kellu fl-Istat Membru tal-oriġini skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat tal-aħħar ( 37 ). Fi kliem ieħor, il-moviment liberu ma jfissirx bilfors newtralità soċjali, meqjusa d-diskrepanzi bejn liġijiet nazzjonali f’ċerti oqsma. Għalhekk, regoli li jkunu l-konsegwenza meħtieġa ta’ għażliet leġiżlattivi oġġettivi u mhux diskriminatorji f’oqsma li ma jkunux armonizzati mal-Unjoni Ewropea kollha ma jistgħux ikunu kkaratterizzati bħala restrizzjonijiet (“ebda garanzija ta’ newtralità soċjali”). ( 38 )

84.

It-tieni nett, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-karatterizzazzjoni bħala “ostaklu” skont it-tifsira tal-Artikolu 45 TFUE ma tistax tiddependi minn jekk iseħħux żewġ ġrajjiet “wisq inċerti u indiretti”. Fi kliem ieħor, il-possibbiltà li leġiżlazzjoni nazzjonali titqies bħala li tista’ tfixkel il-libertà tal-moviment ma tistax tkun wisq ’il bogħod jew, a fortiori, ipotetika (“ir-rekwiżit ta’ prossimità”). ( 39 )

85.

Għalhekk, biex ikun hemm ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, għandu jiġi stabbilit li r-regola inkwistjoni (i) tiddiskrimina bejn (il-gruppi ta’) dawk li jemigraw u dawk li ma jemigrawx fir-rigward ta’ ħruġ jew dħul u (ii) għalhekk, b’mod konkret, taffettwa aċċess għal impjieg fi Stat Membru ieħor, li jfisser li r-regola u l-applikazzjoni tagħha ma jkunux wisq ’il bogħod milli jitqiesu meta tiġi biex tittieħed id-deċiżjoni jekk għandux jiġi eżerċitat jew le d-dritt ta’ moviment liberu.

c) Dan il-każ

86.

Evalwat f’dan il-qafas ta’ analiżi, l-argument tal-appellanti jonqos milli jistabbilixxi li hemm xi ostaklu għall-moviment liberu minħabba differenzjazzjoni bejn nies li jemigraw u nies li ma jemigrawx fir-rgward ta’ ħruġ jew dħul.

87.

L-appellanti ssostni li r-regola ta’ esperjenza preċedenti toħloq ostaklu għall-moviment liberu għal dawk (ċittadini jew mhux ċittadini) li jkunu ħadmu bħala lecturers anzjani (jew ekwivalenti rilevanti) għal bosta snin barra mill-Awstrija. Ir-rikonoxximent limitat ta’ esperjenza preċedenti mill-Università ta’ Vjenna kien ikun ostaklu għal dħul għal ċittadini tal-Istati Membri l-oħra. Kien ikun ukoll ostaklu għal ħruġ u ostaklu għad-dħul (mill-ġdid) għaċ-ċittadini Awstrijaċi.

88.

Waqt li nindirizza dan l-aħħar aspett l-ewwel, (ostaklu għal ħruġ u dħul (mill-ġdid) għal ċittadini Awstrijaċi), biżżejjed nerġa’ ngħid li dak ix-xenarju ma huwiex biss is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri ( 40 ), iżda wkoll sempliċement wisq inċert u indirett u, għalhekk, wisq ’il bogħod, skont it-tifsira ta’ ostaklu għall-moviment liberu kif għadu kif ġie deskritt fil-qosor. Jekk ikunx hemm “ostakolu” skont l-Artikolu 45(1) TFUE jkun jiddependi tabilħaqq mill-fatt li sseħħ ġrajja ipotetika, jiġifieri li ħaddiem Awstrijak jiddeċiedi li ma jħallix l-Awstrija biex isegwi karriera akkademika fi Stat Membru ieħor minħabba li jantiċipa li, jekk imur lura l-Awstrija, l-esperjenza li jkun akkumula banda oħra ma titqiesx b’mod sħiħ.

89.

Għall-kunrarju, fix-xenarju ta’ qabel (ostaklu għal dħul), wieħed jista raġonevolment jassumi li r-rikonoxximent limitat ta’ esperjenza preċedenti jista’ ma jkunx wisq indirett u inċert biex jitqies minn ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, bħall-appellanti, li jkun ħadem għal bosta snin bħala lecturer anzjan (jew ekwivalenti) fi Stat Membru ieħor u li jkun jixtieq imur l-Awstrija. Tabilħaqq, wieħed jista’ raġonevolment jassumi li kriterji u kunsiderazzjonijiet għall-kalkolu tar-remunerazzjoni inizjali — u wkoll, mid-definizzjoni, sussegwenti — ikunu fatturi importanti f’deċiżjoni bħal din.

90.

Madankollu, anki mbagħad, regola nazzjonali bħal dik ma tkunx tammonta, fil-fehma tiegħi, għal ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, għal raġuni pjuttost sempliċi: hija ma tiddiskriminax bejn dawk li jemigraw u dawk li ma jemigrawx fir-rigward ta’ ħruġ jew dħul.

91.

Dwar l-argument li dawk li jemigraw jistgħu jibdilhom milli fl-ewwel lok iħallu l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom biex imorru l-Università ta’ Vjenna u, għalhekk ikun hemm ostaklu għal ħruġ mill-Ġermanja, dan ukoll ma huwiex biss is-suġġett ta’ dan il-każ, minħabba li fi kliem formali ma hijiex qed tkun evalwata regola Ġermaniża, iżda tkun meħtieġa wkoll qabża b’fidi għamja li ma ġietx stabbilita f’dan il-każ, jiġifieri li kieku l-appellanti kellha tapplika ma’ università oħra fil-Ġermanja jew fi Stat Membru ieħor għajr l-Awstrija, il-perijodi preċedenti tagħha ta’ servizz rilevanti professjonalment kienu jiġu rrikonoxxuti kompletament. Dan il-fatt, madankollu, ma ġiex stabbilit.

92.

Imbagħad, fir-rigward tal-argument dwar dak li jista’ jkun ostaklu għal dħul fis-suq tax-xogħol Awstrijak, jeħtieġ biss jitfakkar li jidher li ma hemmx diskriminazzjoni mhux biss bejn ċittadini (Awstrijaċi) u dawk mhux ċittadini, iżda wkoll bejn dawk li jemigraw u dawk li ma jemigrawx. Kull ingaġġ, u r-rikonoxximent tal-esperjenza preċedenti rilevanti tagħhom, ikunu eżattament suġġetti għall-istess kondizzjonijiet. Għalhekk, mhux biss ma ġiex stabbilit li tali regola għandha b’xi mod impatt ikbar fuq dawk li ma jkunux ċittadini ( 41 ), iżda lanqas ma huwa ċar għaliex din għandha tolqot għar lil dawk li jemigraw minn Stati Membri oħra. B’mod simili għal dak li diġà ntqal iktar ’il fuq, is-suġġeriment li jkun iktar probabbli li dawk li jemigraw ikollhom iktar minn erba’ snin ta’ esperjenza preċedenti ma hijiex ipoteżi kredibbli, u lanqas ma hemm data li tikkonferma dan; huwa sempliċement argument estrapolat mis-sitwazzjoni partikolari tal-appellanti. Iżda li jkun indikat każ individwali huwa differenti ħafna minn dak li jkun żvelat differenzjazzjoni strutturali li jpoġġi lil grupp ta’ dawk li jemigraw fi żvantaġġ partikolari.

93.

Fil-fehma tiegħi l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieqaf hawnhekk, billi tikkonkludi dwar in-nuqqas ta’ kull ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Madankollu nqis li jkun utli nżid ftit osservazzjonijiet ta’ għeluq bi tweġiba għall-argumenti tal-appellanti u tal-Kummissjoni li essenzjalment jgħidu li n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ kemm tkun tassew kbira l-esperjenza preċedenti rilevanti professjonalment x’aktarx li jfixkel il-mobbiltà professjonali ta’ persunal akkademiku fl-Ewropa, biex nuri f’dak il-kuntest partikolari settorjali xi ftit mill-konsegwenzi u l-perikli ta’ approċċ wiesa’ wisq għall-kunċett ta’ ostakolu. ( 42 )

94.

Tabilħaqq, ma hemmx suq tax-xogħol integrat għal persunal akkademiku fl-Unjoni Ewropea. Kull qafas għal persunal akkademiku, inklużi l-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom (kemm fir-rigward ta’ ngaġġ, avvanz jew rimunerazzjoni), sempliċement ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, jew saħansitra minn università għal oħra fl-istess Stat.

95.

Għalhekk, il-mobbiltà f’suq tant frammentat tista’ titmexxa ’il quddiem billi titħalla jkun hemm u tissaħħaħ il-kompetizzjoni, filwaqt li jkun hemm insistenza għall-ftuħ ta’ swieq nazzjonali u t-tneħħija ta’ ostakli indiretti għal dħul fl-għamla ta’ partikolaritajiet nazzjonali jew anki nazzjonalistiċi, li bħalissa għandhom ftit li xejn x’jaqsmu mal-kwalifiki oġġettivi għall-impjieg. Xi drabi, tradizzjonijiet oriġinarjament iġġustifikati jistgħu gradwalment jinbidlu f’ornamenti mhux neċessarji u mbagħad f’ostakli (in)diretti għal dħul.

96.

Għall-kuntrarju, ma nistax ma naqbilx mal-Gvern Awstrijak li jekk ikun hemm insistenza f’każijiet bħal dan li l-moviment liberu tal-ħaddiema jiggarantixxi b’mod effettiv li kull bidla ta’ persuni li jimpjegaw tkun newtrali ( 43 ) dan jista’ pjuttost iħalli l-konsegwenzi opposti għal dawk li jkunu jidhru li jkunu mixtieqa mill-Kummissjoni: jekk xejn, x’aktarx li jxekkel il-moviment liberu ta’ persunal akkademiku.

97.

L-ewwel nett, sa fejn għandha x’taqsam ir-regola speċifika, tali interpretazzjoni estensiva tista’ tabilħaqq iġġiegħel lill-imsieħba soċjali u/jew lill-universitajiet Awstrijaċi biex ma jqisu ebda esperjenza professjonali preċedenti, ħaġa li ma tkunx ta’ benefiċċju għal ebda ħaddiem.

98.

It-tieni nett, fuq livell iktar ġenerali, jekk persuna li timpjega fl-Istat Membru ospitanti jkun jista’ jingaġġa lecturer anzjan li jkun ġej minn Stat Membru differenti biss jekk jipprovdi eżattament l-istess trattament u rikonoxximent ta’ esperjenza miksuba fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu, dan fil-fatt ikun jista’ fl-aħħar mill-aħħar jirrendi lil tali persuni “mhux impjegabbli”, minħabba li jkun ta’ spiża kbira (għat-tip ta’ xogħol li jkunu qed japplikaw għalih). Dan x’aktarx jipproduċi mhux biss ostaklu effettiv għall-mobbiltà transkonfinali, iżda wkoll, f’xi stadju, ostaklu soċjali (relatat mal-età), minħabba li dawk iktar anzjani fost lecturers anzjani bilkemm ikunu jistgħu jemigraw iktar (minħabba “l-prezz” effettiv tagħhom fis-suq).

99.

It-tielet nett, fuq livell strutturali, konsegwenza problematika oħra ta’ kunċett bħal dan tant ġenerali ta’ ostakolu tkun li jbatu universitajiet f’dawk il-pajjiżi li jagħmlu sforz jippruvaw ikunu miftuħa dwar ingaġġ ta’ persunal akkademiku minn Stati Membri oħra. Forsi ma huwiex sigriet li, f’termini ta’ swieq għal xogħol akkademiku miftuħa, hemm tabilħaqq Ewropa b’diversi livelli: ma hemmx biss swieq għal xogħol akkademiku miftuħa fl-Ewropa, iżda hemm ukoll dawk li jidhru miftuħa, u dawk li lanqas biss jippretendu li huma miftuħa (jew jekk ikunu, ma jkunux daqshekk tajbin għal dan). Jekk l-universitajiet jew is-sistemi professjonalment miftuħa jkunu mġiegħla, permezz ta’ digriet pubbliku, jimmodifikaw il-politika tagħhom ta’ ngaġġ (altrimenti raġonevoli u newtrali), biex jakkomodaw il-ħtiġijiet speċifiċi u diversi ta’ impjegati potenzjali minn Stati Membri oħra, ir-reazzjoni forsi mhux ikkonfermata iżda tassew naturali x’aktarx tkun li ma jkunx hemm iktar ingaġġ minn Stati Membri oħra.

100.

Fil-qosor, forsi r-raġuni vera ta’ dan id-differenzjazzjoni kollu hija prospetti kemxejn opposti. Minn naħa, essenzjalment hemm il-prospett tal-Kummissjoni li tixtieq tara s-suq tax-xogħol akkademiku Ewropew bħala “servizz ċivili Ewropew” wieħed kbir, li fih uffiċjali jkollhom id-dritt imorru minn post għal ieħor liberament. Il-loġika li ssostni dik il-mobbiltà tkun imbagħad waħda ta’ trasferiment jew sekondar f’sistema waħda ta’ servizz ċivili. Min-naħa l-oħra, hemm il-prospett tas-suq tax-xogħol akkademiku Ewropew bħala suq kompetittiv, li fih partijiet interessati informati jagħmlu l-għażliet tagħhom dwar fejn ikunu jixtiequ jmorru u għaliex, filwaqt li jmorru minn suq għal ieħor nazzjonali varji u neċessarjament differenti.

101.

Mingħajr ma saħansitra niftħu xi waħda mill-problemi l-oħra b’rabta ma’ tali prospetti ta’ konflitt — bħal-livell impressjonanti ta’ paternaliżmu u interferenza ma’ kull waħda mil-libertajiet kuntrattwali (residwali) meta jkun qed jiġi nnegozjat kuntratt, jew dwar il-kwistjoni ta’ kif kull waħda minnhom imbagħad tkun tista’ tiġi trapjanta fir-rigward ta’ universitajiet mhux pubbliċi jew anki ta’ persuni li jimpjegaw privati — il-problemi relatati max-xewqa li l-ewwel għażla ta’ politika tkun trasposta għar-realtà diversa ta’ swieq miftuħa, kważi miftuħa u magħluqa, iżda, f’kull każ, ta’ swieq frammentati permezz tal-mod wiesa’ ħafna ta’ kif jinħoloq ostaklu għall-moviment liberu jsiru mill-ewwel evidenti. Mingħajr tlaqliq, kull attentat li jirnexxi fi proġettazzjonijiet soċjali bil-ħsieb li r-realtà tinbidel jeħtieġlu jagħraf dik ir-realtà bħala l-punt tat-tluq tiegħu.

102.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, fil-fehma tiegħi r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun kif ġej: l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 ma jipprekludux dispożizzjoni li skontha perijodi preċedenti ta’ servizz professjonali rilevanti ta’ lecturer anzjan, li jkun ser jiġi ingaġġat fl-Università ta’ Vjenna, jistgħu jiġu rrikonoxxuti biss sa perijodu totali ta’ erba’ snin, irrispettivament minn jekk dawn ikunux perijodi ta’ servizz mal-Università ta’ Vjenna jew ma’ istituzzjoni oħra ta’ edukazzjoni ogħla bbażata fl-Awstrija jew fi Stat Membru ieħor.

3. Ġustifikazzjoni potenzjali u proporzjonalità

103.

Meqjusa r-risposta li għadha kif ġiet proposta għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma għandhiex tinqala’ l-kwistjoni ta’ ġustifikazzjoni potenzjali u proporzjonalità. Madankollu, wieħed ma jistax jaħbi l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni preċiż tal-kunċett ta’ ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema ma huwiex eżempju ta’ ċarezza analitika. Għalhekk, biex nassisti b’mod sħiħ lill-Qorti tal-Ġustizzja, nista’ noffri wkoll ftit argumenti ta’ għeluq dwar ġustifikazzjoni potenzjali u proporzjonalità. ( 44 )

104.

Skont ġurisprudenza stabbilita miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantit mit-Trattat jew jagħmluh inqas attraenti jistgħu jkunu permessi biss jekk isegwu għan ta’ interess pubbliku, ikunu adatti biex jiżguraw li jinkiseb dak l-għan u ma jkunux imorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jinkiseb l-għan segwit ( 45 ).

105.

Skont l-appellanti u l-Kummissjoni, li r-rikonoxximent ta’ esperjenza preċedenti jkun limitat għal erba’ snin huwa sproporzjonat minħabba li, f’xi każijiet estremi, dan ikun jimplika t-telf ta’ ħafna snin ta’ esperjenza preċedenti bħala lecturer anzjan jew ekwivalenti barra mill-Università ta’ Vjenna. B’mod partikolari l-Kummissjoni tqis li għandha ssir evalwazzjoni tal-esperjenza preċedenti rilevanti abbażi ta’ każ każ.

106.

Skont l-intimata u l-Gvern Awstrijak, il-liġi tal-Unjoni ma titlobx rikonoxximent ta’ esperjenza preċedenti. L-intimata ddeċiediet li tirrikonoxxi sa erba’ snin ta’ dik l-esperjenza minħabba l-valur miżjud li din tal-aħħar tirrappreżenta għal lecturers anzjani fit-twettiq ta’ xogħolhom. Il-limitu massimu ta’ erba’ snin huwa primarjament iġġustifikat għall-fatt li dak it-tul ta’ żmien huwa utli u xieraq biex tkun żgurata l-kwalità tat-tagħlim. Esperjenza preċedenti itwal normalment ma ttejjibx il-kwalità tat-tagħlim iktar milli tkun. Jekk lecturers anzjani ikunu jridu jimxu ’l quddiem fil-karrieri tagħhom fl-università, huma għandhom japplikaw għal pożizzjoni oħra li tkun tikkorrispondi għal grad ogħla ta’ rimunerazzjoni.

107.

Fl-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni u tal-proporzjonalità tar-regola ta’ esperjenza preċedenti applikabbli fil-waqt tal-ingaġġ, ikolli naqbel mal-intimata u mal-Gvern Awstrijak.

108.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi ppremjata esperjenza miksuba f’qasam partikolari, li tgħin lill-ħaddiem iwettaq aħjar dmirijietu jikkostitwixxi objettiv leġittimu ta’ politika dwar remunerazzjoni ( 46 ). Huwa, għalhekk, manifestament leġittimu għall-intimata, meta tingaġġa lecturers anzjani postdoc, li tevalwa l-esperjenza preċedenti tagħhom għall-finijiet ta’ remunerazzjoni permezz ta’ skala speċifika ta’ ħlas. Dak l-għan speċifiku jidher ukoll li huwa konformi ma’ dak li jiżgura l-kwalità ta’ edukazzjoni għola, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset bħala għan leġittimu. ( 47 )

109.

Madankollu, huwa proporzjonat li meta titqies esperjenza preċedenti din ikollha limitu massimu ta’ erba’ snin? Jiena tal-fehma li huwa.

110.

L-argument li ressqet l-intimata huwa li l-għażla ta’ erba’ snin hija proporzjonata minħabba l-għan speċifiku li tinkiseb kwalità għolja ta’ edukazzjoni minħabba li l-ħiliet neċessarji ta’ lecturer anzjan (tajjeb) preżumibbilment jinkisbu prinċipalment tul l-ewwel snin ta’ tagħlim. Ċertament, dejjem jista’ jkun hemm argument dwar jekk persuna partikolari tkun setgħet diġà kisbet hiliet bħal dawn wara sena, u persuna oħra lanqas biss wara għaxar snin, u jekk, għalhekk, ma għandux ikun hemm evalwazzjoni individwali ta’ xi tip. Iżda jekk għandha tkun permessa regola ġenerali f’dan ir-rigward, li ċertament għandu jkun hemm, ma nara xejn sproporzjonat li jintgħażel li jkun stabbilit dan il-perijodu ta’ erba’ snin.

111.

Il-Kummissjoni kkontestat dan l-approċċ, u ssuġġerixxiet li ma kellux ikun hemm limitu massimu fiss għar-rikonoxximent ta’ esperjenza professjonali preċedenti u li dan il-limitu kellu pjuttost jiġi deċiż abbażi ta’ każ każ biex jiġi ddeterminat xi jkun xieraq u proporzjonat f’kull każ għalih.

112.

Ma naqbilx mal-Kummissjoni dwar dan il-punt. L-ewwel nett, li l-kriterju tal-proporzjonalità jiġi interpretat b’tali mod li effettivament ikun jipprojbixxi kull regola ġenerali u minflok jitlob dejjem evalwazzjoni każ każ huwa estensiv daqs kemm huwa strutturalment ħażin. Liġijiet nazzjonali, kif ukoll il-liġi tal-Unjoni, sikwit joperaw billi jittrasformaw esperjenza u preżunzjonijiet globali f’regoli legali ġenerali. L-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ tali regoli, imbagħad, tkun ukoll neċessarjament astratta fis-sens li tiżgura li r-regola ma twassalx fil-maġġoranza tal-każijiet għal riżultati skorretti, u mhux li tkun assolutament korretta f’kull każ individwali ( 48 ). It-tieni nett, regoli ċari għandhom il-vantaġġ li jkunu prevedibbli u jevitaw. kemm jista’ jkun, l-arbitrarjetà. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ prinċipji fil-fatt jiffavorixxu l-moviment liberu fis-sens li min ikun jixtieq imur minn pajjiż għal ieħor ikun jista’ jara b’mod ċar u minn qabel il-kriterji u l-kundizzjonijiet li jkunu applikabbli għalih, u b’hekk ikun jista’, qabel kollox, jagħmel għażla informata dwar l-opportunità li jiċċaqlaq qabelxejn.

113.

Fl-aħħar nett, għandha terġa’ ssir enfasi dwar il-fatt li r-rikonoxximent ta’ esperjenza preċedenti hija għażla politika diskrezzjonali magħmula mill-Università ta’ Vjenna, liema għażla diġà hija tassew favorevoli mqabbla mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Kollettiv ( 49 ). Kif issuġġerit mill-Gvern Awstrijak fis-seduta, li wieħed isostni li l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi rikonoxximent ta’ esperjenza preċedenti limitata għal erba’ snin probabbilment iwassal biex dawk il-persuni li jimpjegaw ma jqisu ebda esperjenza preċedenti jekk l-għażla tagħhom tkun fil-fatt ristretta għal jew li jqisu esperjenza preċedenti kollha jew xejn. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja l-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa fl-għażla mhux biss meta jsegwu għan speċifiku ta’ politika soċjali u impjiegi, iżda wkoll meta jistabbilixxu miżuri biex jilħqu dak l-għan. ( 50 )

C.   Fuq it-tieni domanda

114.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk sistema ta’ remunerazzjoni li tkun ibbażata fuq anzjanità akkumulata mal-istess persuna li timpjiega, filwaqt li ma tipprovdix għal rikonoxximent sħiħ ta’ perijodi preċedenti ta’ servizz rilevanti professjonalment li jkunu ntemmu banda oħra, tkunx kompatibbli mal-moviment liberu tal-ħaddiema.

115.

Minn naħa, dik id-domanda għandha rabta mal-ewwel domanda minħabba li tirreferi wkoll għar-regola ta’ esperjenza preċedenti. Min-naħa l-oħra, hija wkoll iżżid livell ieħor, jiġifieri r-regola ta’ anzjanità li tinsab fil-Ftehim Kollettiv li skontha, mad-dħul f’kariga f’università Awstrijaka, ir-remunerazzjoni (ta’ lecturers anzjani) tiżdied skont iż-żmien li wieħed ikun għamel f’dik l-università.

116.

L-appellanti u l-Kummissjoni jsostnu li l-applikazzjoni taż-żewġ regoli flimkien mill-Università ta’ Vjenna tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta abbażi ta’ nazzjonalità. Il-parti l-kbira ta’ kif jitla’ s-salarju tiddependi mill-eżerċizzju mingħajr waqfien ta’ xogħol fl-istess università Awstrijaka. Minħabba li dawk biss li jaħdmu fl-Università ta’ Vjenna mill-bidu tal-karriera tagħhom u ddeċiedew li jibqgħu hemm jistgħu jibbenefikaw milli jqisu b’mod illimitat il-perijodi preċedenti tagħhom ta’ servizz, dawk il-membri tal-persunal (li ġeneralment ikunu ċittadini Awstrijaċi) jitqiegħdu f’vantaġġ. F’każijiet estremi, jistgħu jitilfu sa erbgħa u għoxrin sena ta’ anzjanità jekk huma jerġgħu lura wara li jkunu telqu minn dik l-università, biex b’hekk impjegati x’aktarx jaqtgħu qalbhom milli jitilqu. Jekk jiddeċiedu li jħallu dik l-università u jerġgħu lura iktar tard, jitqiesu biss sa erba’ snin mill-perijodi ta’ attività tagħhom li jkunu temmew fi Stat Membru ieħor. Madankollu, huwa mistenni u preżunt li jkun hemm skambji jew trasferimenti ta’ persunal matul karriera akkademika normali.

117.

Skont l-intimata u, sa ċertu punt, il-Gvern Awstrijak, is-sistema ta’ avvanz fis-salarju stabbilita fil-Ftehim Kollettiv ma tipprovdix għar-rikonoxximent ta’ perijodi preċedenti ta’ servizz iżda għal avvanz abbażi tal-mogħdija taż-żmien. L-appellanti ma għamlitx distinzjoni bejn ir-rikonoxximent ta’ perijodi preċedenti ta’ servizz u l-mogħdija ta’ żmien fl-iskema ta’ salarji. L-argumenti tal-appellanti huma kuntrarji għas-sistema Awstrijaka kollha kemm hi ta’ ftehim kollettivi, kif ukoll mal-liġi tas-servizz pubbliku minħabba li kull għamla ta’ mogħdija ta’ żmien ma tkunx permissibbli.

118.

Kif diġà kien diskuss fl-osservazzjonijiet preliminari ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 51 ), il-mod li bih iż-żewġ regoli u ż-żewġ kwistjonijiet differenti ngħaqqdu flimkien mill-qorti tar-rinviju ħoloq tassew ċertu element ta’ konfużjoni fis-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati u fis-seduta. Żewġ regoli differenti, applikabbli għal gruppi differenti ta’ nies fi żminijiet differenti, u li jsegwu għanijiet differenti, tqiegħdu flimkien b’riferimenti għal xenarji ipotetiċi li ma kinux is-suġġett ta’ dan il-każ.

119.

Tabilħaqq, b’dawk iż-żewġ regoli mqiegħda flimkien l-argument imur konsiderevolment lil hinn minn kull diskriminazzjoni jew loġika ta’ ostaklu. Pjuttost jirrappreżenta talba għal abbozzar mill-ġdid fuq skala kbira ta’ regoli nazzjonali: għal ċittadini li jiġu minn Stati Membri oħra, tar-regola ta’ anzjanità li normalment tapplika wara li jkun għadda żmien xieraq għal kulħadd fl-istituzzjoni, li għandha tiġi applikata minnufih mal-ingaġġ, u b’hekk tkun issostitwita b’mod effettiv ir-regola ta’ esperjenza preċedenti li normalment tapplika f’dak il-waqt.

120.

F’dawn il-konklużjonijiet, ippreferejt li l-ewwel nindirizza r-regola ta’ esperjenza preċedenti applikabbli mal-ingaġġ, u biss wara ngħaddi, fil-kuntest tat-tieni domanda, għar-regola ta’ anzjanità applikabbli biss u esklużivament għall-mogħdija taż-żmien fl-Università ta’ Vjenna. Xorta oħra, l-eżami tal-komparabbiltà u tad-diskriminazzjoni jkun impossibbli, bħalma tkun kull diskussjoni dwar ġustifikazzjoni potenzjali, minħabba li ż-żewġ regoli jsegwu għanijiet differenti.

121.

Tabilħaqq, kif issuġġerit mill-intimata u mill-Gvern Awstrijak, għall-kuntrarju tar-regola ta’ esperjenza preċedenti, ir-regola ta’ anzjanità ma għandhiex l-għan li titqies esperjenza preċedenti rilevanti għall-finijiet aħħarija li tkun żgurata l-kwalità tal-edukazzjoni. L-għan tagħha huwa doppju: li jitħalla jkun hemm xi avvanz fil-karriera (mobbiltà orizzontali) għal dawk il-membri tal-persunal akkademiku li ma jkunux jixtiequ jew li ma jkunux jistgħu jsiru kollaboraturi għal karriera akkademika ggarantita jew jilħqu professuri universitarji, filwaqt li tiżgura lealtà lil persuna li timpjega waħda.

122.

B’mod ġenerali l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan tal-politika tal-impjiegi li tkun ippremjata l-lealtà lil persuna li timpjega waħda jikkostitwixxi rekwiżit qawwi ta’ interess pubbliku ( 52 ). Kif saħqet il-Kummissjoni stess, li tkun ippremjata l-lealtà jista’ jiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu: is-sentiment ta’ appartenenza għal impriża jista’ tabilħaqq ikun meħtieġ għal attività ekonomika fit-tul u b’hekk titrawwem il-libertà fit-tmexxija ta’ negozju u l-motivazzjoni tal-ħaddiema.

123.

Barra minn hekk, is-sistemi kważi kollha ta’ remunerazzjoni x’aktarx li jqisu l-anzjanità b’xi mod jew ieħor. Kif stqarret il-qorti tar-rinviju, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali f’livell nazzjonali għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jiġu biex jiddefinixxu għanijiet ta’ politika soċjali u ta’ impjiegi, kif ukoll miżuri xierqa biex jiksbuhom. ( 53 )

124.

Flimkien ma’ dawk id-dikjarazzjonijiet ġenerali, u wara li tkun saret konċessjoni għar-rilevanza ta’ anzjanità f’istituzzjoni għall-kalkolu tar-rimunerazzjoni, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li t-tieni domanda hija inammissibbli.

125.

L-ewwel nett, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, prospett purament ipotetiku ta’ eżerċizzju tal-moviment liberu ma jistabbilixxix konnessjoni suffiċjenti mal-liġi tal-Unjoni li tiġġustifika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni. ( 54 )

126.

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ it-tieni domanda hija ipotetika minħabba li tqajjem, fl-astratt, il-kwistjoni ta’ lecturers anzjani li jiddeċiedu li jħallu università Awstrijaka għal università oħra u li sussegwentement jerġgħu jmorru lura. Kif sewwa ssottomettiet l-intimata, ma għandu xejn x’jaqsam ma’ dan il-każ il-fatt li r-regola ta’ anzjanità tista’ tkun ta’ ostaklu għal ħruġ għal ċittadini Awstrijaċi jew, b’mod aktar wiesa’, għal ħaddiema impjegati f’università Awstrijaka. L-appellanti hija ċittadina Ġermaniża li eżerċitat il-moviment liberu billi marret l-Awstrija biex taħdem fl-Università ta’ Vjenna. It-tluq potenzjali tagħha fil-ġejjieni minn dik l-università biex tmur taħdem f’università oħra barra l-pajjiż (u anki iktar ipotetiku li terġa’ lura) fil-preżent jibqgħu fil-livell ta’ tbassir.

127.

It-tieni nett, permezz tat-tieni domanda l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk jeżistix “il-moviment liberu ta’ esperjenza professjonali preċedenti”, iżda, strettament, mhux jekk hemmx “il-moviment liberu ta’ anzjanità” Madankollu, il-kwistjoni tar-rikonoxximent ta’ esperjenza professjonali preċedenti rilevanti kienet diġà ġiet indirizzata verament f’ċertu dettall iktar ’il fuq fir-rigward tal-ewwel domanda, filwaqt li ripetutament kien qed ikun hemm enfasi dwar għala dawk iż-żewġ regoli sempliċement ma setgħux jitqiegħdu f’qoffa waħda ( 55 ).

V. Konklużjoni

128.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Vjenna, l-Awstrija) kif ġej:

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni ma jipprekludux dispożizzjoni li skontha perijodi preċedenti ta’ servizz rilevanti professjonalment ta’ lecturer anzjan, meta jkun qed jiġi ngaġġat fl-Università ta’ Vjenna, jistgħu jkunu rrikonoxxuti biss sa perijodu massimu ta’ erba’ snin, irrispettivament minn jekk dawn ikunux perijodi ta’ servizz mal-Università ta’ Vjenna jew ma’ istituzzjoni oħra ta’ edukazzjoni ogħla bbażata fl-Awstrija jew fi Stat Membru ieħor.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2011 L 141, p. 1.

( 3 ) Mill-Ftehim Kollettiv jidher li jsegwi li dak it-tip ta’ avvanz fil-karriera ma japplikax biss għal lecturers anzjani iżda wkoll għal xi kategoriji oħra ta’ persunal akkademiku, bħal professuri universitarji, għalkemm, fil-każ tal-aħħar, il-pass minn skala ta’ salarju għal oħra jiddependi mhux biss mill-akkumulazzjoni ta’ żmien iżda wkoll minn evalwazzjoni (pożittiva) tal-impjieg (ara l-Artikolu 49(1)) tal-Ftehim Kollettiv).

( 4 ) Kien ikkonfermat mill-intimata fis-seduta li, skont l-Artikolu 49(3) (a) tal-Ftehim Kollettiv, ir-rikonoxximent ta’ esperjenza preċedenti relatata max-xogħol japplika biss, għalkemm f’limitu ta’ tliet snin, għal lecturers anzjani mingħajr dottorat.

( 5 ) Kif ser ikun diskuss iktar ’il quddiem fil-punti 78 sa 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 36).

( 7 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑371/04, EU:C:2006:668, punt 17); tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landesklinken Betriebs (C-514/12, EU:C:2013:799, punt 23); u tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 16).

( 8 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C‑281/98, EU:C:2000:296, punt 31), u tal-10 ta’ Marzu 2011, Casteels (C‑379/09, EU:C:2011:131, punt 19).

( 9 ) Ara, b’mod simili, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2013, Gardella (C‑233/12, EU:C:2013:449, punti 3941), u tas-7 ta’ April 2016, ONEm u M. (C‑284/15, EU:C:2016:220, punti 33 sa 34).

( 10 ) Ara, pereżemju, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑465/01, EU:C:2004:530, punti 31 sa 33).

( 11 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C‑172/11, EU:C:2012:399, punt 39) u tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 25).

( 12 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C‑172/11, EU:C:2012:399, punt 41) u tal-20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 45).

( 13 ) Ara dwar dan is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2019:193, punti 16 sa 34).

( 14 ) Iżda ara f’dan ir-rigward, riċentement, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2019:193, punti 2830).

( 15 ) Filwaqt li nenfasizza li għalkemm dik id-data ma kinitx kontradetta minn ebda parti oħra f’dawn il-proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja la talbet li tinġieb dik id-data u lanqas ma vverifikat kemm kienet korretta. Inżid ngħid li, fil-fehma tiegħi, it-test deċiżiv jibqa’ wieħed ta’ ipoteżi probabbli razzjonali ta’ impatt ikbar, li kull statistika miġjuba mill-partijiet tista’ tisfuma, tikkonferma, traqqaq jew forsi b’mod ċar ixxejjen. Madankollu, data ta’ statistika fiha nnifisha ma hijiex neċessarjament meħtieġa biex tiġi stabbilita tali probabbiltà.

( 16 ) Ara b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Graf (C‑190/98, EU:C:1999:423).

( 17 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, EU:C:1993:125, punt 32) u s-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49, punt 18).

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1991, Masgio (C‑10/90, EU:C:1991:107, punt 23); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, EU:C:1995:463, punt 96); tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve (C‑18/95, EU:C:1999:22, punt 39); u tad-9 ta’ Settembru 2003, Burbaud (C‑285/01, EU:C:2003:432, punt 95).

( 19 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C-437/17, EU:C:2019:193, punt 16 et seq. meta mqabbel mal-punt 35 et seq.).

( 20 ) Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 97 sa 100). Ara, għal loġika simili, ukoll is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2005, Kranemann (C‑109/04, EU:C:2005:187, punti 28 sa 30), u tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 35).

( 21 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 74). Għal eżempju ieħor, ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, EU:C:1993:125, punt 32).

( 22 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs (C‑514/12, EU:C:2013:799).

( 23 ) Meta regola nazzjonali tista’ tkun ikkaratterizzata kemm bħala ostaklu għal ħruġ, kif ukoll bħala ostaklu għal dħul, il-Qorti tal-Ġustizzja tittendi li tqis regola bħal dik bħala li tkun kemm diskriminatorja minħabba nazzjonalità, kif ukoll bħala ostaklu għall-moviment liberu. Ara, pereżempju, minbarra SALK, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, EU:C:2003:513, il-punti 73 u 74).

( 24 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs (C‑514/12, EU:C:2013:799, punti 28 sa 32). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C‑281/98, EU:C:2000:296, punti 40 sa 41).

( 25 ) Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-Kawża Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2018:627, punt 44).

( 26 ) Ara iktar ’il fuq, punt 59.

( 27 ) Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C‑281/98, EU:C:2000:296, punt 39) u tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 35).

( 28 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken Betriebs (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 34). u tat-3 ta’ Diċembru 2014, De Clercq et (C‑315/13, EU:C:2014:2408, punt 61).

( 29 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004, Carbonati Apuani (C‑72/03, EU:C:2004:506, punti 22 sa 23).

( 30 ) Ara dwar dan l-iktar reċenti, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C-437/17, EU:C:2019:193), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tgħid li l-analiżi fil-punti 35 sa 41 hija waħda dwar ostakli għall-moviment liberu u mhux iktar waħda dwar diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità (magħmula preċedentement fil-punti 16 sa 34), iżda mbagħad neċessarjament, tuża fil-punt 38, paragun tas-sitwazzjoni tal-ħaddiema attivi fi Stat Membru minbarra l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom (jiġifieri dawk li ma jkunux ċittadini) mal-kundizzjonijiet li għalihom il-ħaddiema ta’ dak l-Istat Membru (jiġifieri ċittadini nazzjonali) ikunu suġġetti, billi testendi dik il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba nazzjonalità kemm għal regoli dwar-ħruġ, kif ukoll għal regoli dwar dħul fil-punt 39.

( 31 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Graf (C‑190/98, EU:C:1999:423, punt 21).

( 32 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2019:193, punt 36).

( 33 ) Ma nistax ma nirreferix għall-analiżi persważiva tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Graf (C‑190/98, EU:C:1999:423, punt 31).

( 34 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville (8/74, EU:C:1974:82, punt 5).

( 35 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck and Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C-190/98, EU:C:2000:49), fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly f’dik il-kawża, (EU:C:1999:423, punt 32), li b’mod partikolari qal li “regoli nazzjonali newtrali jistgħu jitqiesu biss bħala li jikkostitwixxu ostakli konkreti għal aċċess għas-suq, jekk jiġi stabbilit li kellhom effetti reali fuq dawk li jaħdmu fis-suq simili għal esklużjoni mis-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 37 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 35).

( 38 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel (C‑387/01, EU:C:2004:256, punt 55), u tat-18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 36).

( 39 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-7 ta’ Marzu 1990, Krantz (C‑69/88, EU:C:1990:97, punt 11), u tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49, punti 24 sa 25). Għandu jkun innotat li, f’sentenza riċenti tat-13 ta’ Marzu 2019, Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach (C‑437/17, EU:C:2019:193, punti 3740) il-Qorti tal-Ġustiżżja għamlet referenza għaż-żewġ limiti.

( 40 ) Iktar ’il fuq, punt 38.

( 41 ) Iktar ’il fuq, punti 56 sa 62.

( 42 ) Diskuss ġeneralment iktar ’il fuq fil-punti 75 sa 85.

( 43 ) Fis-sens ta’ “newtralità soċjali” diskussa iktar ’il fuq fil-punt 83.

( 44 ) Filwaqt li nżid li dan il-mod ta’ kif nipproċedu jenfasizza b’mod preċiż in-natura mċajpra tal-kategoriji ta’ ostaklu – għan leġittimu – proporzjonalità, ma’ ħafna mill-argumenti li jidhru taħt intestatura waħda iktar tard ikkonfermati u ddikjarati mill-ġdid taħt l-intestatura l-oħra, u b’hekk jerġa’ jenfasizza l-bżonn għal ċarezza fir-rigward tal-kunċett ta’ ostaklu. Għal kwistjonijiet simili fil-kuntest tal-libertà tal-istabbiliment, ara l-Konklużjonijiet tiegħi f’Hornbach-Baumarkt (C‑382/16, EU:C:2017:974, b’mod partikolari l-punti 28 sa 44 u 128 sa 134).

( 45 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides (C‑475/11, EU:C:2013:542, punt 50) u tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550, punt 29).

( 46 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal-14 ta’ Marzu 2018, Stollwitzer (C‑482/16, EU:C:2018:180, punt 39).

( 47 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Neri (C‑153/02, EU:C:2003:614, punt 46).

( 48 ) Ara, pereżempju, diskussjoni simili, dwar il-proporzjonalità tal-limitu ta’ età (ġeneralment applikabbli) ta’ 65 sena għal ċerti kategoriji ta’ bdoti, fejn tali regola setgħet ukoll tkun ikkontestata billi jingħad li xi bdoti setgħu jkunu f’kundizzjoni tassew tajba anki ta’ 66 sena, fis-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2017, Fries (C-190/16, EU:C:2017:513, punti 57 sa 68).

( 49 ) Ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt (C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 41) u tal-14 ta’ Marzu 2018, Stollwitzer (C‑482/16, EU:C:2018:180, punt 45).

( 51 ) Iktar ’il fuq fil-punti 28 sa 33.

( 52 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 8385) jew id-digriet tal-10 ta’ Marzu 2005, Marhold (C‑178/04, mhux ippubblikat, EU:C:2005:164, punt 34).

( 53 ) Sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs and Mai (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 65) u tal-5 ta’ Lulju 2012, Hörnfeldt (C‑141/11, EU:C:2012:421, punt 32).

( 54 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (C‑299/95, EU:C:1997:254, punt 16).

( 55 ) Iktar ’il fuq, punti 28 sa 33 u 118 sa 120.

Top