Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0688

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati fil-11 ta’ April 2019.
    Bayer Pharma AG vs Richter Gedeon Vegyészeti Gyár Nyrt. u Exeltis Magyarország Gyógyszerkereskedelmi Kft.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Privattivi – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 9(7) – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti bi ksur tad-drittijiet mogħtija minn privattiva – Miżuri provviżorji – Annullament sussegwenti tal-privattiva – Konsegwenzi – Dritt għal kumpens xieraq għad-dannu kkawżat mill-miżuri provviżorji.
    Kawża C-688/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:324

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    PITRUZZELLA

    ippreżentati fil-11 ta’ April 2019 ( 1 )

    Kawża C‑ 688/17

    Bayer Pharma AG

    vs

    Richter Gedeon Vegyészeti Gyár Nyrt.,

    Exeltis Magyarország Gyógyszerkereskedelmi Kft.

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Privattivi – Direttiva 2004/48/KE – Kunċett ta’ ‘kumpens għad-dannu xieraq’ – Dannu kkawżat minn miżuri provviżorji mitluba għall-protezzjoni ta’ privattiva sussegwentement annullata – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti mingħajr stennija tal-annullament ta’ privattiva”

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 ( 2 ).

    2.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Bayer Pharma AG (iktar ’il quddiem “Bayer”) u Richter Gedeon Vegyészeti Gyár Nyrt (iktar ’il quddiem “Richter”) u Exeltis Magyarország Gyógyszerkereskedelmi Kft (iktar ’il quddiem “Exeltis”) fir-rigward ta’ dannu subit minn dawn l-aħħar żewġ kumpanniji minħabba l-adozzjoni minn qorti nazzjonali, fuq talba ta’ Bayer, ta’ mandati kontra tagħhom li sussegwentement ġew annullati.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Il-Ftehim TRIPS

    3.

    L-Artikolu 50(7) tal-Ftehim dwar l-Aspett tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jirrigwardaw il-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994 u approvat fil-kuntest tal-laqgħa negozjati multilaterali fl-Urugwaj, permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KE ( 3 ) u konkluż fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), jipprovdi:

    “Meta l-miżuri proviżorji huma revokati jew meta jaqgħu minħabba kwalunkwe att jew ommissjoni mill-applikant, jew meta misjub sussegwentement li ma kien hemm l-ebda ksur jew trattar ta’ ksur ta’ xi dritt ta’ proprjetà intelletwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l-awtorità li jordnaw lill-applikant, dwar it-talba tal-konvenut, sabiex jipprovdu kumpens xieraq lill-konvenut għal kull ħsara mwettqa b’dawn il-miżuri”.

    B.   Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    Il-premessa 1 tad-Direttiva 2004/48 hija fformulata kif ġej:

    “Il-kisba tas-suq intern twassal għall-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment u tgħawwiġ ta’ kompetizzjoni, waqt li toħloq ambjent li jwassal għall-innovazzjoni u investiment. F’dan il-kuntest, il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija element essenzali għas-suċċess tas-suq intern. Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija importanti mhux biss għall-promozzjoni ta’ l-innovazzjoni u l-kreattività, imma wkoll biex jiżviluppa l-impiegi u jtejjeb il-kompettività”.

    5.

    Il-premessa 22 tad-Direttiva 2004/48 tindika:

    “Huwa essenzali wkoll li jsiru miżuri proviżorji għat-twaqqif immedjat tal-kontravvenzjonijiet, mingħajr stennija għal deċiżjoni fuq is-sostanza tal-każ, waqt li jkunu osservati d-drittijiet tad-difiża, jiġi assigurat li l-applikazzjoni tal-miżuri proviżorji hija proporzjonali għall-karatteristiċi tal-każ in kwestjoni u jipprovdu garanziji neċessarji biex jiġu koperti l-ispejjeż u l-ħsara kkawżata lid-difiża b’talba li ma tkunx ġustifikata. Dawn il-miżuri huma partikolarment ġustifikati fejn xi stennija tista’ toħloq ħsara irreparabbli fuq id-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali”.

    6.

    L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 intitolat “Obbligu ġenerali”, jipprovdi dan li ġej:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

    2.   Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom”.

    7.

    L-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Il-miżuri proviżorji u prekawzjonarji” u fformulat bi kliem kważi identiċi għall-Artikolu 50(7) tal-Ftehim TRIPS, huwa fformulat kif ġej:

    “Fejn il-miżuri proviżorji huma revokati jew jiġu preskritti minħabba xi azzjoni jew ommissjoni mill-applikant, jew fejn sussegwentement jinstab li ma kienx kontravvenzjoni jew theddida ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom l-awtorità li jordnaw l-applikant, fuq talba tad-difiża, li jipprovdi lid-difiża kumpens xieraq għal xi ħsara ikkawżata b’dawk il-miżuri[ ( 4 )].”

    C.   Id-dritt Ungeriż

    8.

    L-Artikolu 156(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Ungeriż (1952. évi III. törvény, il-Liġi III tal-1952) jipprevedi:

    “Il-qorti tista’, fuq talba, tordna permezz ta’ miżura provviżorja, li tintlaqa’ talba jew kontrotalba jew talba għal miżuri provviżorji, jekk tali miżura tkun neċessarja sabiex tipprevjeni dannu imminenti jew iżżomm l-istatus quo tal-kawża, kif ukoll sabiex tippreżerva dritt predominanti tal-applikant, u jekk id-dannu li jirriżulta mill-miżura ma jaċċedix il-benefiċċju mistenni mill-imsemmija miżura. Il-qorti tista’ tissuġġetta l-għoti ta’ miżuri provviżorji għall-provvista ta’ garanziji. Għandha tiġi pprovata l-plawżibbiltà tal-fatti li huma l-bażi tat-talba”.

    9.

    L-Artikolu 104(13) u (14) tat-találmányok szabadalmi oltalmáról szóló 1995. évi XXXIII. törvény (il-Liġi XXXIII tal-1995 dwar il-Protezzjoni tal-Privattivi, iktar ’il quddiem il-“LPB”) jipprovdi:

    “13.   Il-qorti tista’ tissuġġetta l-istruzzjonijiet preliminari u – bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 5(c) u 6 – l-għoti ta’ miżuri provviżorji għall-produzzjoni ta’ garanziji.

    14.   Jekk fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 5(c), u fi-paragrafi 6 u 13, l-eżekuzzjoni tat-talba ta’ parti li għandha dritt għall-ħlas tal-ammont tal-garanzija ma titwettaqx fit-tliet xhur li jibdew jiddekorru mid-data li fiha d-deċiżjoni jew is-sentenza li twaqqaf l-effetti ta’ digriet ta’ istruzzjoni preliminari jew ta’ miżuri provviżorji (deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura definittivament) issir definittiva, id-depożitant jista’ jitlob lill-qorti r-restituzzjoni tal-garanzija”.

    10.

    L-Artikolu 4(4) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż (1959. évi IV. Törvény, il-Liġi tal-1959) jipprevedi:

    “Sakemm din il-liġi ma timponix rekwiżiti iktar stretti, l-azzjoni fir-relazzjonijiet tad-dritt ċivili għandha tkun kif ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari. Ħadd ma jista’ jinvoka favur tiegħu aġir imputabbli lilu stess. Min ma jaġixxix kif ġeneralment mistenni ma jistax jinvoka l-aġir tal-parti l-oħra”.

    11.

    L-Artikolu 339(1) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż huwa fformulat kif ġej:

    “Kull min jikkawża dannu lil ħaddieħor illegalment għandu jikkumpensah. Hija eżentata minn dan l-obbligu il-persuna li turi li aġixxiet kif ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari”.

    12.

    L-Artikolu 340(1) tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż jipprevedi:

    “Il-vittma għandha taġixxi kif ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari sabiex tevita jew tnaqqas id-dannu. Ma għandux jingħata kumpens għad-dannu li huwa konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu mill-vittma”.

    II. Il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

    13.

    Fit-8 ta’ Awwissu 2000, Bayer ippreżentat quddiem is-Szellemi Tulajdon Nemzeti Hivatal (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali, l-Ungerija, iktar ’il quddiem, l-“Uffiċċju”) applikazzjoni għal privattiva relattiva għal prodott farmaċewtiku li jinkludi prinċipju attiv kontraċettiv. Fit-28 ta’ Ottubru 2002, l-Uffiċċju ppubblika l-applikazzjoni għal privattiva. Skont l-Artikolu 18(1) u (2) tal-LPB, il-protezzjoni mogħtija mill-privattiva tibda, b’mod provviżorju, mal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni u jkollha effett retroattiv sa mill-ġurnata tal-applikazzjoni. Fl-4 ta’ Ottubru 2010, l-Uffiċċju ħareġ il-privattiva Nru 227.207 għall-invenzjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“privattiva”).

    14.

    Ritcher, f’Novembru 2009 u Awwissu 2010, u Exeltis, f’Ottubru 2010, bdew jikkummerċjalizzaw fl-Ungerija prodotti li, skont Bayer, jiksru l-privattiva tagħha (iktar ’il quddiem, il-“prodotti”).

    15.

    Fit-8 ta’ Novembru 2010, Ritcher ippreżentat quddiem l-Uffiċċju talba sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ ksur tal-proprjetà intellettwali intiża sabiex tistabbilixxi li l-prodotti tagħha ma jiksrux il-privattiva tar-rikorrenti. Fit-8 ta’ Diċembru 2010, Ritcher u Exeltis ippreżentaw ukoll talba għall-annullament tal-privattiva.

    16.

    Fid-9 ta’ Novembru 2010, Bayer talbet lill-qorti tar-rinviju l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji intiżi sabiex jipprojbixxu lil Richter u Exeltis milli jqiegħdu prodotti fis-suq. Din it-talba ġiet miċħuda, peress li l-plawżibbiltà tal-ksur tal-proprjetà intellettwali ma kinitx ipprovata. Fil-11 ta’ Awwissu 2011, Bayer ippreżentat ukoll quddiem il-qorti tar-rinviju proċedimenti ta’ ksur tal-proprjetà intellettwali kontra Richter u Exeltis. Dawn il-proċeduri ġew sospiżi sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fil-kuntest tal-proċedura ta’ annullament tal-privattiva.

    17.

    Wara talbiet ġodda ppreżentati minn Bayer, permezz ta’ digrieti eżekuttivi tal-11 ta’ Lulju 2011, li daħlu fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 2011, il-qorti tar-rinviju pprojbixxiet, permezz ta’ miżuri provviżorji, lil Richter u Exeltis milli jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq u akkumpanjat il-miżuri provviżorji bl-obbligu li jiġu kkostitwiti garanziji. Il-kumpanniji eżegwew flimkien b’mod volontarju l-obbligi tagħhom u rtiraw il-prodotti mis-suq.

    18.

    Fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati minn Richter u Exeltis, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) annullat, permezz ta’ digrieti tad-29 ta’ Settembru 2011 u tal-4 ta’ Ottubru 2011, id-digrieti tal-11 ta’ Lulju 2011, minħabba difetti proċedurali u rrinvijat il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Permezz ta’ digrieti tat-23 ta’ Jannar 2012 u tat-30 ta’ Jannar 2012, adottati fil-kuntest tal-proċedura ġdida, hija ċaħdet it-talbiet ta’ miżuri provviżorji ta’ Bayer, billi qieset li meħud inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-istat avvanzat tal-proċedura ta’ annullament u tal-irtirar ta’ privattiva Ewropea ekwivalenti, wieħed ma setax jikkunsidra iktar, mill-perspettiva tal-interess pubbliku, bħala proporzjonat il-ħruġ tal-imsemmija miżuri. Dawn id-digrieti ġew ikkonfermati mill-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest).

    19.

    Għalhekk, il-miżuri provviżorji kienu fis-seħħ, għal dak li jirrigwarda Richter, mit-8 ta’ Awwissu 2011 sal-4 ta’ Ottubru 2011 u, għal dak li jirrigwarda Exeltis, mit-8 ta’ Awwissu 2011 sad-29 ta’ Settembru 2011.

    20.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Settembru 2012, l-Uffiċċju annulla l-privattiva fl-intier tagħha. Wara li annullat din id-deċiżjoni u rriformulat deċiżjoni preċedenti tal-Uffiċċju, li tannulla l-privattiva parzjalment, il-qorti tar-rinviju, min-naħa tagħha, annullat il-privattiva kollha kemm hi, permezz ta’ digriet tad-9 ta’ Settembru 2014. Dan id-digriet kien ikkonfermat mill-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Settembru 2016.

    21.

    Permezz ta’ kontrotalba ppreżentata fit-22 ta’ Frar 2012 u rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2017 rispettivament (li ġew magħquda fil-kuntest tal-kawża prinċipali), Richter u Exeltis it-tnejn talbu l-kundanna ta’ Bayer għall-kumpens tad-dannu kkawżat mill-miżuri provviżorji. Huma talbu r-rimbors tat-telf mid-dħul mill-bejgħ subit minħabba l-miżuri provviżorji, kif ukoll l-ispejjeż tar-reklamar marbut mat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti, u l-kumpens tad-dannu morali kif ukoll l-interessi fuq dawn l-ammonti. Fl-assenza, fid-dritt Ungeriż, ta’ regoli sostantivi li jirrigwardaw b’mod espliċitu s-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, dawn it-talbiet huma bbażati fuq numru ta’ regoli proċedurali, jiġifieri l-Artikolu 156(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u l-Artikolu 104(13) u (14) tal-LPB.

    22.

    Bayer titlob iċ-ċaħda tal-imsemmija talbiet. Hija targumenta li Richter u Exeltis stess ikkawżaw id-dannu li huma soffrew u għalhekk ma għandhomx dritt, skont ir-regoli Ungeriżi dwar ir-responsabbiltà ċivili, għall-kumpens għal dan id-dannu. Fil-fatt, huma introduċew fis-suq intenzjonalment u illegalment prodotti li jiksru l-proprjetà intellettwali ferm qabel l-annullament tal-privattiva. Bħala manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi ġeneriċi, huma kienu jafu li r-rikorrenti kellha privattiva, u għalhekk sabiex jevitaw l-okkorrenza tad-dannu, kellhom l-ewwel jattakkaw il-privattiva u jistennew qabel ma jibdew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti li tal-inqas il-qorti tal-ewwel istanza tiddeċiedi fil-kuntest tal-proċedura tal-annullament. Bayer tqis li din il-pożizzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza Ungeriża u tinvoka f’dan ir-rigward sentenza tal-qorti tar-rinviju li fiha din kienet ikkunsidrat li l-parti li kienet qed titlob kumpens għal dannu kienet responsabbli wkoll għall-okkorrenza tad-dannu u kkundannat biss lill-parti li kienet talbet il-miżuri provviżorji għar-rimbors tad-dannu li seħħ fil-perijodu ta’ bejn il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ annullament tal-privattiva fl-ewwel istanza u l-annullament tal-imsemmija miżuri.

    23.

    L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, dwar jekk l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jiggarantixxix lill-konvenut sempliċement dritt għall-kumpens għal dannu jew jekk jiddefinixxix ukoll il-kontenut ta’ dan id-dritt, u b’hekk iwaqqaf l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali tad-dritt ċivili tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà u tal-kumpens għal dannu. Fit-tieni lok, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jipprekludix li, b’applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt ċivili ta’ Stat Membru, il-qorti nazzjonali teżamina x’kien l-irwol tal-konvenut fl-okkorrenza tad-dannu, u b’mod partikolari jekk aġixxiex “kif ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari”.

    24.

    Huwa f’dan il-kuntest li permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2017, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura pendenti quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari kif ġej:

    “1)

    L-espressjoni ‘kumpens xieraq’ li tinsab fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva [2004/48], għandha tiġi interpretata fis-sens li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu r-regoli ta’ dritt sostantiv dwar ir-responsabbiltà tal-partijiet kif ukoll dwar il-portata u l-modalitajiet tal-kumpens li abbażi tagħhom il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jordnaw lill-applikant jikkumpensa lill-konvenut għad-dannu kkawżat minn miżuri li ġew sussegwentement annullati mill-qorti jew li sussegwentement waqfu milli jiġu applikati wara azzjoni jew ommissjoni tal-applikant, jew fil-każijiet meta il-qorti sussegwentement ikkonstatat li ma kienx hemm ksur jew theddida ta’ ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali?

    2)

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, l-Artikolu 9(7) tal-imsemmija direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li għandhom jiġu applikati, fir-rigward tal-kumpens imsemmi f’din id-dispożizzjoni tad-direttiva, ir-regoli ġenerali tal-Istat Membru dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-kumpens li jipprovdu li l-qorti ma tistax tikkundanna lill-applikant jikkumpensa d-dannu kkawżat minn miżuri provviżorji li sussegwentement irriżulta li huma infondati minħabba l-annullament tal-privattiva, liema dannu jirriżulta mill-fatt li l-konvenut ma aġixxiex konformement ma’ dak li huwa ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari jew meta, għall-istess raġuni, il-konvenut huwa responsabbli għall-okkorrenza tad-dannu, sa fejn l-applikant, meta talab il-miżuri provviżorji, ikun aġixxa konformement ma’ dak li huwa ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari?”

    III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    25.

    Bayer, Richter, Exeltis kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-partijiet ikkonċernati nstemgħu waqt is-seduta li nżammet fid-9 ta’ Jannar 2019.

    IV. Analiżi

    A.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

    26.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jiggarantixxi biss id-dritt ta’ kumpens għal dannu lill-konvenut, mingħajr ma jiddetermina b’mod eżawrjenti l-kontenut, iżda jħalli lill-Istati Membri jiddefinixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt, kif ukoll l-estensjoni tal-kumpens għad-dannu.

    27.

    Hija tesponi li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar dan il-punt. Skont Richter u Exeltis, l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jinkludi regola ta’ kumpens oġġettiva u l-kliem “kumpens xieraq” jimplika responsabbiltà għall-ammont kollu tad-dannu subit u għall-ispejjeż inkorsi, mingħajr ma hija kwistjoni li jiġu eżaminati l-elementi li jistgħu jiġu invokati b’applikazzjoni tar-regoli nazzjonali fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili. Mill-banda l-oħra, Bayer, min-naħa l-oħra, tinterpreta l-espressjoni “kumpens xieraq” bħala l-espressjoni ta’ astrazzjoni li toħloq favur l-Istati Membri kuntest wiesa’ li fih jistgħu jiddeċiedu dwar it-talba għall-kumpens tal-konvenut filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni.

    28.

    L-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 huwa intiż sabiex jimplimenta l-Artikolu 50(7) tal-Ftehim TRIPS fuq livell tal-Unjoni, li jorbot lill-Istati Membri kollha kif ukoll l-Unjoni, fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu. Skont ġurisprudenza stabbilita, it-testi tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplimentaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni ( 5 ). Kif ikkonfermat espressament il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Stowarzyszenie Oławska Telewizja Kablowa (C‑367/15, EU:C:2017:36, punt 24), skont il-premessi 5 u 6 kif ukoll skont l-Artikolu 2(3)(b) tad-Direttiva 2004/48, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni obbligi li jirriżultaw, għall-Istati Membri, mill-konvenzjonijiet internazzjonali, fosthom, b’mod partikolari, mill-Ftehim TRIPS, li jistgħu jkunu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    29.

    Il-kunċett ta’ “kumpens xieraq”, inkluż fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandu, għalhekk, jiġi interpretat b’konformità mal-Artikolu 50(7) tal-Ftehim TRIPS. Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta preliminarjament dan l-artikolu, u b’mod ġenerali, il-Ftehim TRIPS, kienet iddikjarata għall-ewwel darba, fis-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et (C‑300/98 u C‑392/98, EU:C:2000:688, punti 32 sa 40) u minn dakinhar kienet ikkonfermata permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita ( 6 ).

    30.

    L-Artikolu 50 tal-Ftehim TRIPS jinsab fost id-dispożizzjonijiet relattivi għall-“[i]nfurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali”, inklużi fil-Parti III ta’ dan il-ftehim.

    31.

    Skont l-Artikolu 41(1) tal-Ftehim TRIPS, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom żewġ għanijiet prinċipali, minn naħa, li jiżguraw li proċeduri effettivi sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-detenturi ta’ drittijiet, u min-naħa l-oħra, li jiżguraw li dawn il-proċeduri jiġu applikati b’mod li jevita l-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ leġittimu u li joffri salvagwardji kontra l-użu abbużiv tagħhom. It-tfittxija ta’ bilanċ bejn dawn iż-żewġ għanijiet tikkostitwixxi waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipali tar-redatturi tal-Ftehim TRIPS – kif juri l-ewwel paragrafu tal-preambolu ta’ dan il-ftehim ( 7 ) – li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari dawk iddedikati għall-“infurzar” ( 8 ).

    32.

    Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Bericap Záródástechnikai (C‑180/11, EU:C:2012:717, punti 6869), mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41(1) u (2) tal-Ftehim TRIPS, moqrija flimkien, jirriżulta li l-Istati li huma parti minn dan il-ftehim għandhom jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tinkludi “proċeduri b’karatteristiċi speċifiċi” intiżi sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li jimplika li dawn għandhom jilleġiżlaw “billi jdaħħlu fid-dritt intern tagħhom, miżuri relatati mar-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li huma konformi mal-elementi speċifikati f’dawn id-dispożizzjonijiet”.

    33.

    Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Parti III tal-Ftehim TRIPS ma humiex intiżi għall-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ “infurzar” ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, b’mod partikolari fid-dawl tad-differenzi eżistenti f’dan il-qasam bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, iżda jistabbilixxu biss standards ġenerali li għandhom jiġu trasposti mill-Istati li huma parti mill-Ftehim fid-drittijiet nazzjonali rispettivi tagħhom, skont l-Artikolu 1 tiegħu ( 9 ).

    34.

    It-tielet sentenza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu tippreċiża li l-Istati li huma parti mill-Ftehim TRIPS huma liberi li jiddeterminaw “l-metodu xieraq għat-twettiq tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim fis-sistema u l-prattika legali tagħhom”. Din il-preċiżjoni timplika, minn naħa, li l-Ftehim TRIPS ma jistabbilixxi ebda regola espressa fir-rigward tal-“effett dirett” tad-dispożizzjonijiet tiegħu, u min-naħa l-oħra, li jirrikonoxxi, b’mod ġenerali, lill-Istati li huma parti ċerta flessibbiltà fit-traspożizzjoni tagħhom fid-drittijiet nazzjonali ( 10 ), filwaqt li jippermettilhom li f’osservanza tal-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti mill-Ftehim, jaddattaw din it-traspożizzjoni għal-leġiżlazzjoni u għall-prattiki ta’ kull sistema ġuridika.

    35.

    Bħal diversi dispożizzjonijiet tal-Parti III tal-Ftehim TRIPS, l-Artikolu 50(7) ma jistabbilixxix obbligu fl-inqas dettall tiegħu, iżda jindika pjuttost għan li jrid jintlaħaq, u jħalli lill-Istati li huma parti mill-Ftehim ħafna spazju fl-implimentazzjoni tiegħu fid-dritt nazzjonali ( 11 ). Għalhekk, dawn għandhom “jagħtu l-awtorità” lill-awtoritajiet ġudizzjarji jordnaw lill-applikant jagħti kumpens lill-konvenut li jitolbu, iżda tali awtorità ma għandhiex timplika neċessarjament obbligu li dawn l-awtoritajiet jilqgħu din it-talba, f’kull ċirkustanza u b’mod awtomatiku ( 12 ). Bl-istess mod, minkejja li l-Istati li huma parti mill-Ftehim TRIPS għandhom jistabbilixxu proċeduri ta’ kumpens għal dannu lill-konvenut fil-każijiet elenkati mill-Artikolu 50(7) ta’ dan il-ftehim, xejn ma jipprekludihom milli jużaw il-kuntest leġiżlattiv eżistenti, kemm għal dak li jirrigwarda id-definizzjoni ta’ regoli sostantivi li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-applikant, kif ukoll għal dak li jirrigwarda r-regoli proċedurali li permezz tagħhom jista’ jiġi eżerċitat id-dritt għall-kumpens għad-dannu.

    36.

    It-terminoloġija użata fit-test tal-Artikolu 50(7) tal-Ftehim TRIPS juri barra minn hekk li r-redatturi tal-Ftehim TRIPS kienu favur approċċ ta’ każ b’każ. Għalhekk, fl-espressjoni “kumpens xieraq”, l-għażla tal-aġġettiv “xieraq”, li f’lingwaġġ ordinarju jfisser “addattat”, “adegwat għal”, “proporzjonat għal”, jimmilita favur analiżi każ b’każ. In-natura “xierqa” ta’ kumpens għad-dannu għandha, għalhekk, tkun evalwata mill-awtoritajiet ġudizzjarji “li għandhom l-awtorità” jagħtu tali kumpens għad-dannu billi jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ ( 13 ). F’dan l-evalwazzjoni huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-għan previst mid-dispożizzjonijiet tal-parti tal-Ftehim TRIPS iddedikata għall-“infurzar”, li skont l-Artikolu 41(1) ta’ dan il-ftehim, huwa dak li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet, filwaqt li jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakoli inġustifikati għall-kummerċ leġittimu, kif ukoll l-abbuż tal-proċeduri pprovduti għall-finijiet ta’ tali “infurzar”.

    37.

    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ppermettew li tiġi stabbilita l-portata tal-obbligu tal-Istati li huma parti mill-Ftehim TRIPS skont l-Artikolu 50(7) ta’ dan il-ftehim. F’dan l-istadju, indur lejn l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48.

    38.

    Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 74), ir-rimedji intiżi biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali previsti mid-Direttiva 2004/48 huma kompletati mill-kawżi għad-danni li huma marbuta mill-qrib magħhom. Għalhekk, filwaqt li l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi għall-miżuri provviżorji intiżi, b’mod partikolari, sabiex jipprevjenu kull ksur imminenti tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, il-paragrafu 7 tal-istess artikolu jipprovdi, min-naħa tiegħu, għall-miżuri li jippermettu lill-konvenut jitlob għall-kumpens fil-każ fejn sussegwentement jirriżulta li ma kienx hemm tali ksur jew theddida ta’ ksur. Kif jirriżulta mill-premessa 22 tal-imsemmija direttiva, dawn il-miżuri għal kumpens jikkostitwixxu garanziji li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra neċessarji inkambju għal miżuri provviżorji rapidi u effiċjenti li huwa jipprovdi l-eżistenza tagħhom. Proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, li għandha l-għan ta’ kumpens għad-dannu kkawżat minn miżura provviżorja ordnata mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru sabiex tipprevjeni l-ksur tal-esklużività mogħtija minn privattiva li sussegwentement ġiet annullata minn dawn l-istess awtoritajiet ġudizzjarji tikkostitwixxi konsegwenza tal-kawża introdotta mid-detentur tal-imsemmija privattiva sabiex jikseb miżura ta’ effett immedjat għal protezzjoni tad-drittijiet tiegħu u taqa’ għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48, b’mod partikolari tal-Artikolu 9(7) ta’ din id-direttiva ( 14 ).

    39.

    Din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu li jippermetti lill-konvenut jitlob permezz ta’ rimedju ġudizzjarju u jikseb kumpens għad-dannu xieraq għad-dannu kollu subit minħabba miżuri provviżorji fil-każijiet hemm imsemmija.

    40.

    Mill-banda l-oħra, la l-formulazzjoni tagħha u lanqas il-ġenesi tagħha ma jawtorizzaw li jiġi kkunsidrat li teħtieġ ukoll li dawn jinkisbu permezz ta’ sistema ta’ responsabbiltà speċifika. F’din id-dispożizzjoni xejn ma jindika li hija intiża għal approssimazzjoni kompleta tad-dispożizzjonijiet nazzjonali relattivi għar-responsabbiltà tal-applikant għad-danni kkawżati minħabba l-eżekuzzjoni ta’ miżuri provviżorji.

    41.

    Kif diġà enfasizzajt qabel, il-formulazzjoni tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 tirriproduċi kważi kelma b’kelma t-test tal-Artikolu 50(7) tal-Ftehim TRIPS. Din l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni tikkostitwixxi diġà, fil-fehma tiegħi, indizju ċar tal-volontà ta’ dan tal-aħħar, minn naħa, li ma jimbuttax l-armonizzazzjoni tar-regoli relattivi għad-dritt għall-kumpens tal-konvenut lil hinn minn dak li huwa meħtieġ minn dan il-ftehim, u min-naħa l-oħra, li jħalli lil dawn l-Istati marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-implimentazzjoni konkreta tas-sistema ta’ responsabbiltà tal-applikant ( 15 ).

    42.

    Fuq pjan iktar ġenerali, billi adottat id-Direttiva 2004/48, li kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, hija intiża preċiżament sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali bl-istabbiliment, għal dan il-għan, ta’ miżuri differenti, proċeduri u rimedji fi ħdan l-Istati Membri, l-Unjoni ssodisfatt l-obbligu impost mill-Ftehim TRIPS li tiżgura r-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ( 16 ). Minkejja li din id-direttiva hija intiża, kif tindika l-premessa 10 tagħha, sabiex tqarreb il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali bl-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni, ekwivalenti u omoġeniku għal dawn id-drittijiet hija, madankollu, ma tipproċedix b’armonizzazzjoni totali fil-qasam, peress li l-għan tagħha ma huwiex li tirregola l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, iżda dawk inerenti biss, minn naħa, għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet, u min-naħa l-oħra, għall-ksur ta’ dawn tal-aħħar, “billi [timponi] l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi sabiex jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali eżistenti” ( 17 ). Barra minn hekk, hija tistabbilixxi standard minimu għar-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jipprevedu miżuri iktar protettivi ( 18 ).

    43.

    Huwa minnu li l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 ma jinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw it-tifsira u l-portata tal-kunċetti li huwa jinkludi, u li għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 19 ).

    44.

    Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tawtorizzax li dawn il-kunċetti jingħataw – kif ukoll l-imsemmija dispożizzjoni fl-intier tagħha – portata iktar estiża minn dik li tirriżulta mill-formulazzjoni tagħhom u mill-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

    45.

    B’mod partikolari, il-kunċett ta’ “kumpens xieraq” ma jistax ikun interpretat fis-sens li huwa jindika sistema speċifika ta’ responsabbiltà tal-applikant, filwaqt li kif diġà għidt iktar kmieni ( 20 ), din l-espressjoni, u b’mod partikolari l-użu tal-aġġettiv “xieraq”, huwa fil-fatt limitat, sabiex jimponi evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-kumpens dovut lill-konvenut għad-danni effettivament subiti u taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-premessa 17 tad-Direttiva 2004/48, li tipprovdi “[i]l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali”.

    46.

    Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, kull Stat Membru għandu jiddetermina r-regoli sostantivi li jirregolaw id-dritt ta’ kumpens tal-konvenut għad-danni subiti minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji fis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, madankollu, bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli jippermettu li jintlaħaq l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-istabbiliment, f’kull ordinament ġuridiku nazzjonali, ta’ sistema u rimedji ġuridiċi effikaċi li jippermettu lill-konvenut jikseb kumpens xieraq għad-dannu kollu subit. Fi kliem ieħor, tali integrazzjoni fid-dritt nazzjonali għandha tirrifletti l-ispirtu u l-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni, li trid li f’kull każ jingħata kumpens xieraq wara evalwazzjoni adegwata u ġusta fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà.

    47.

    Barra minn hekk, peress li l-għan fundamentali tad-Direttiva 2004/48 huwa li twassal lill-Istati Membri sabiex ikollhom mezzi effettivi għar-rispett tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ( 21 ), dawn l-Istati għandhom jiżguraw ukoll li s-sistema li huma jistabbilixxu sabiex jimplimentaw l-Artikolu 9(7) ta’ din id-direttiva ma jiskoraġġix id-detenturi ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali milli jitlob l-adozzjoni tal-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu.

    48.

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, fl-opinjoni tiegħi r-risposta għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) għandha tkun li l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li kull Stat Membru għandu jiddetermina r-regoli ta’ dritt sostantiv li jirregolaw id-dritt għal kumpens tal-konvenut għad-danni subiti minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji fis-sitwazzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni, filwaqt li dawn ir-regoli għandhom, minn naħa, jiżguraw l-istabbiliment ta’ sistema u rimedji ġudizzjarji effettivi li jippermettu lill-konvenut jikseb kumpens xieraq għal kull dannu subit, u min-naħa l-oħra, ma jiskoraġġixxux lid-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali milli jitlob l-adozzjoni ta’ miżuri msemmija fl-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2004/48.

    B.   Fuq it-tieni domanda preliminari

    49.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, magħmula fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jipprekludix l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt ċivili ta’ Stat Membru li jipprovdu li l-qorti nazzjonali ma tistax tikkundanna lill-applikant jikkumpensa d-dannu kkawżat minn miżuri provviżorji li sussegwentement irriżultaw li huma infondati meta d-dannu jirriżulta mill-fatt li l-konvenut ma aġixxiex konformement ma’ dak li “huwa ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari” jew meta, għall-istess raġuni, il-konvenut ikun responsabbli għall-okkorrenza tal-imsemmi dannu.

    50.

    Minkejja l-formulazzjoni wiesgħa ħafna tagħha, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din it-tieni domanda hija intiża, essenzjalment, sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż fil-qasam tar-responsabbiltà, li tipprovdi li l-applikant ma għandux jikkumpensa d-dannu kkawżat minn miżuri provviżorji li sussegwentement irriżulta li huma inġustifikati minħabba l-annullament tal-privattiva li għall-protezzjoni tagħha kienu ġew adottati, meta l-prodotti ssuġġettati għal dawn il-miżuri tqiegħdu fis-suq mill-konvenut mingħajr kontestazzjoni preliminari tal-validità tal-imsemmija privattiva, jew fil-każ fejn proċedura għal annullament tinbeda, mingħajr stennija tal-annullament tal-privattiva jew li dan l-annullament jiġi kkonfermat, tal-inqas minn qorti tal-ewwel istanza.

    51.

    Mir-risposta li jiena nipproponi li għandha tingħata lill-ewwel domanda preliminari jirriżulta li kull Stat Membru għandu jiddetermina r-regoli tad-dritt sostantiv li jirregolaw id-dritt ta’ kumpens tal-konvenut fis-sitwazzjonijiet imsemmija mill-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, inkluż, għalhekk, ir-regoli relattivi għall-istabbiliment tar-rabta kawżali bejn il-miżuri adottati u d-dannu invokat.

    52.

    Mill-kunsiderazzjonijiet magħmula waqt l-eżami tal-ewwel domanda preliminari jirriżulta wkoll li, meta jistabbilixxu tali regoli, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 u jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet li jridu jintlaħqu minn din id-direttiva u mill-proċeduri u rimedji li hija tistabbilixxi.

    53.

    Għalhekk, interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jeskludu, b’mod sistematiku, kull dritt ta’ kumpens lill-konvenut fil-każ fejn dan ikun daħal fis-suq bi ksur tal-privattiva li għall-protezzjoni tagħha l-miżuri provviżorji jkunu ġew adottati ( 22 ), mingħajr ma jistenna l-annullament tagħha ( 23 ), fl-opinjoni tiegħi, tkun kuntrarja kemm għat-test kif ukoll għall-għanijiet tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48.

    54.

    Fil-fatt, l-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 9(7) ta’ din id-direttiva ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li fil-każ fejn jiġi “sussegwentement jinstab li ma kienx kontravvenzjoni jew theddida ta’ kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali” kif inhu l-każ meta privattiva tiġi ddikjarata invalida wara l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, jistgħu jiġu kkumpensati biss id-danni li seħħew bejn din il-konstatazzjoni u t-tħassir jew it-twaqqif tal-imsemmija miżuri. Minn naħa, tali interpretazzjoni hija prekluża mill-użu tal-avverb “sussegwentement” li jimplika li l-konstatazzjoni tal-assenza ta’ kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji – inkluż il-validità tat-titolu ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni, tal-inqas meta l-annullament tiegħu jipproduċi effetti retroattivi – isseħħ neċessarjament fil-mument meta dawn il-miżuri jkunu diġà pproduċew, tal-inqas parzjalment, l-effetti dannużi tagħhom abbażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta ġew adottati. Min-naħa l-oħra, qari tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 fis-sens li parti mid-danni kkawżati minn miżuri provviżorji li kienu rriżultaw inġustifikati a posteriori ma jistgħux, fil-prinċipju, jiġu kkumpensati huwa inkompatibbli mal-indikazzjoni espliċita kontenuta f’din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li d-dritt għal kumpens jirrigwarda “[kull] ħsara ikkawżata b’dawk il-miżuri”.

    55.

    It-tieni nett, kif diġà indikajt iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48, bħal dawk tal-Ftehim TRIPS, iżommu bilanċ bejn żewġ għanijiet, jiġifieri l-protezzjoni tal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, minn naħa, u l-preżervazzjoni tal-kummerċ leġittimu kontra kull ostakolu inġustifikat, min-naħa l-oħra. Issa, kieku kien suffiċjenti għall-applikant, sabiex jevita l-obbligu tal-kumpens għad-dannu kkawżat minn miżuri provviżorji adottati abbażi ta’ titolu ta’ proprjetà intellettwali li sussegwentment ġie annullat b’effett retroattiv, li jinvoka l-validità tal-imsemmi titolu fil-mument fejn dawn il-miżuri kienu adottati, ebda wieħed minn dawn iż-żewġ għanijiet fuq imsemmija ma kienu jintlaħqu, la l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, peress li ebda titolu validu li jiġġustifika l-għoti ta’ esklużiva lid-detentur tiegħu ma kien jeżisti, u lanqas il-protezzjoni tal-kummerċ leġittimu, għaliex ebda rimedju ma jkun previst għal ostakolu mhux iġġustifikat.

    56.

    It-tielet nett, qari tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, fis-sens li f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, huma biss d-danni li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ miżuri provviżorji eżegwiti wara l-annullament retroattiv tat-titolu ta’ proprjetà intellettwali minn qorti tal-ewwel istanza li jistgħu jiġu kkumpensati, minn naħa, jiffaċilita t-teħid ta’ riskju mill-applikant indipendenti minn evalwazzjoni oġġettiva tal-opportunitajiet ta’ success f’każ ta’ kontestazzjoni tat-titolu tiegħu, u min-naħa l-oħra, jista’ jinkoraġġixxi użu abbużiv tal-miżuri provviżorji.

    57.

    Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jimplikawx li f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-aġir tal-konvenut – b’mod partikolari l-fatt li huwa introduċa fis-suq prodotti li jiksru l-proprjetà intellettwali mingħajr ma kkontesta preliminarjament jew kontestwalment it-titolu ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni – ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali sabiex tevalwa n-natura xierqa tal-kumpens ghad-dannu li għalih għandu dritt fil-kuntest ta’ kawża għall-kumpens għal dannu fis-sens tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48.

    58.

    Id-dħul f’suq kopert minn privattiva, b’mod partikolari fis-settur tal-farmaċewtika, jinkludi normalment attività ta’ preparazzjoni li kultant tista’ ddum snin, b’partikolari minħabba n-neċessità li jinkisbu awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq. Matul dan il-perijodu, l-impriża bl-intenzjoni li tipproċedi b’dan id-dħul tista’ tibda proċedura ta’ annullament tal-privattiva jew sempliċement tavża lid-detentur tal-privattiva bl-intenzjoni tagħha sabiex dan ikun jista’ jirreaġixxi u tinbeda kawża dwar il-validità tal-privattiva u eventwalment, tiġi deċiża qabel it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ġeneriċi.

    59.

    Minkejja li għar-raġunijiet li għadni kemm esponejt, il-fatt li l-konvenut ma aġixxiex b’dan il-mod, u għażel dħul fis-suq “riskjuż” ( 24 ), ma jikkostitwixxix fattur li fih innifsu jippermetti li jiġi eskluż id-dritt tiegħu ta’ kumpens għal dannu xieraq fis-sens tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48, tali aġir jista’ madankollu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali, ma’ ċirkustanzi rilevanti oħra – pereżempju, bħall-karatteristiċi tal-privattiva u tas-suq – waqt id-determinazzjoni tal-kumpens li għandu jingħata lill-konvenut, li skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, għandu jkun effettiv, leali u ġust.

    60.

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, fil-fehma tiegħi r-risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) għandha tkun li l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 ma jipprekludix l-applikazzjoni, fil-kuntest ta’ kawża għall-kumpens għal dannu mibdija mill-konvenut kontra l-applikant għal miżuri provviżorji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, ta’ regola tad-dritt ċivili ta’ Stat Membru li tipprovdi li ma għandux jingħata kumpens għal dannu li ġie subit b’konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li parti għandha li taġixxi kif ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari fid-dawl li jiġi evitat jew imnaqqas id-dannu. Madankollu, l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jipprekludi applikazzjoni ta’ din ir-regola li tipprovdi li f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-applikant ma għandux jikkumpensa d-dannu kkawżat minn miżuri provviżorji li sussegwentement irriżultaw infondati minħabba l-annullament tal-privattiva li għall-protezzjoni tagħha ġew adottati, meta l-prodotti suġġettati għal dawn il-miżuri jkunu tqiegħdu fis-suq mill-konvenut mingħajr kontestazzjoni preliminari tal-validità tal-imsemmija privattiva, jew fil-każ fejn tinbeda proċedura għal annullament, mingħajr stennija tal-annullament tal-privattiva u tal-konferma ta’ dan l-annullament, tal-inqas minn qorti tal-ewwel istanza.

    V. Konklużjoni

    61.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija):

    1)

    L-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li kull Stat Membru għandu jiddetermina r-regoli ta’ dritt sostantiv li jirregolaw id-dritt għall-kumpens għal dannu tal-konvenut għad-danni subiti minħabba l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji fis-sitwazzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, filwaqt li dawn ir-regoli għandhom, minn naħa, jiżguraw l-istabbiliment ta’ sistema u rimedji ġudizzjarji effettivi li jippermettu lill-konvenut jikseb kumpens xieraq għad-dannu subit kollu, u min-naħa l-oħra, ma jiskoraġġixxux lid-detentur ta’ titolu ta’ proprjetà intellettwali milli jitlob l-adozzjoni ta’ miżuri msemmija fl-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2004/48.

    2)

    L-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 ma jipprekludix l-applikazzjoni, fil-kuntest ta’ kawża għall-kumpens għal dannu mibdija mill-konvenut kontra l-applikant għal miżuri provviżorji msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, regola tad-dritt ċivili ta’ Stat Membru li tipprovdi li ma għandux jingħata kumpens għal dannu subit b’konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li parti għandha li taġixxi kif ġeneralment mistenni fis-sitwazzjoni partikolari fid-dawl li jiġi evitat jew imnaqqas id-dannu. Madankollu, l-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 jipprekludi applikazzjoni ta’ din ir-regola li tipprovdi li l-applikant ma għandux jikkumpensa d-dannu kkawżat minn miżuri provviżorji li sussegwentement irriżultaw infondati minħabba l-annullament tal-privattiva li għall-protezzjoni tagħha ġew adottati, meta l-prodotti ssuġġettati għal dawn il-miżuri jkunu tqiegħdu fis-suq mill-konvenut mingħajr kontestazzjoni preliminari tal-validità tal-imsemmija privattiva, jew fil-każ fejn tinbeda proċedura għal annullament, mingħajr stennija tal-annullament tal-privattiva u tal-konferma ta’ din l-annullament, tal-inqas minn qorti tal-ewwel istanza.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

    ( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

    ( 4 ) Fir-rinviju preliminari tagħha, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) tosserva li t-traduzzjoni Ungeriża korretta tal-espressjoni “kumpens xieraq”, kontenuta fl-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48 għandha tkun “megfelelő kártalanítás”, filwaqt li hija l-espressjoni “megfelelő kártérítés” li tintuża fil-verżjoni Ungeriża uffiċjali ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tindika, f’dan ir-rigward, li fil-lingwaġġ ġuridiku Ungeriż, it-terminu “kártalanítás” jintuża meta tkun kwistjoni ta’ kumpens għad-dannu kkawżat minn aġir legali, u t-terminu “kártérítés” jintuża jekk id-dannu huwa kkawżat minn aġir illegali. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Richter u Exeltis isemmu talba ppreżentata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mill-Ministru tal-Ġustizzja Ungeriż għall-emenda tal-verżjoni fil-lingwa Ungeriża tal-Artikolu 9(7) tad-Direttiva 2004/48.

    ( 5 ) Ara fl-aħħar lok, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018, Syed (C‑572/17, EU:C:2018:1033, punt 20).

    ( 6 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs issa jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u fil-kuntest ta’ dan l-ordinament ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim”, ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos — Produtos Farmacêuticos (C‑431/05, EU:C:2007:496, punt 31) u tal-15 ta’ Novembru 2012, Bericap Záródástechnikai (C‑180/11, EU:C:2012:717, punt 67).

    ( 7 ) L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim TRIPS huwa fformulat kif ġej: “Xewqana biex inaqqsu ċ-ċaqliq u l-impedimenti għal kummerċ internazzjonali, u bil-ħsieb għall-ħtieġa li jippromwovu protezzjoni effettiva u adegwata tad-drittijiet tal-propjetà intelletwali, u biex jassiguraw li l-miżuri u l-proċeduri li jinfurzaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jsirux xkiel għal kummerċ leġittimu;”.

    ( 8 ) Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Schieving-Nijstad et (C‑89/99, EU:C:2001:98, punti 11 sa 16).

    ( 9 ) Ara f’dan is-sens, UNCTAD-ICTSD, Resource Book on TRIPS and Developement, Cambridge, 2005, p. 575; D., Gervais, The TRIPS Agreement, Drafting History and Analysis, Londra, 2012, p. 564; T., Dreier, TRIPs and the Enforcement of Intellectual Property Rights, f’IIC Studies, From GATT to TRIPs, The Agreemen on Trade-Related Aspects of Intellectual Property Rights, Munich 1996, p. 248, speċjalment p. 276; X., Seuba, Le context et les obligations générales concernant les moyens de faire respecter les droits de propriété intellectuelle, f’Le droit international de la propriété intellectuelle lié au commerce: l’accord sur les ADPIC, bilan et perspectives, 2017, speċjalment p. 325 u 331. Ara wkoll il-punt ċ tat-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim TRIPS, li jipprovdi li l-iżvilupp ta’ mezzi effettivi u adegwati sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jaffettwaw il-kummerċ għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn is-sistemi ġuridiċi nazzjonali.

    ( 10 ) UNCTAD-ICTSD, op. cit., p. 17 u p.21. Ara wkoll D., Gervais, op. cit., p. 175.

    ( 11 ) UNCTAD-ICTSD, op. cit., p. 576.

    ( 12 ) Ara D., Gervais, op. cit.,p. 573 u 609, li jenfasizza li huwa biss rifjut sistematiku tal-awtoritajiet ġudizzjarji li jużaw is-setgħa tagħhom li jista’ jwassal għal ksur tal-Artikolu 50(7) tal-Ftehim TRIPS.

    ( 13 ) F’dan is-sens, ara D., Gervais, op. cit., p. 579, li jenfasizza li l-aġġettiv “adegwat”, li jinsab fl-ewwel verżjoni tal-Artikolu 50(7) tal-Ftehim TRIPS kien issostitwiet, matul ix-xogħol preparatorju, bl-aġġettiv “xieraq”, użat b’mod iktar frekwenti fid-dritt tal-proprjetà intellettwali.

    ( 14 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands (C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 74).

    ( 15 ) F’dan ir-rigward, ninnota li matul ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/48, it-test tal-Artikolu 9(7) ta’ din id-direttiva, inizjalment propost mill-Kummissjoni kien emendat u l-espressjoni “l-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l-awtorità” ġiet issostitwita bl-espressjoni “l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom l-awtorità” (enfasi miżjuda minni).

    ( 16 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Bericap Záródástechnikai (C‑180/11, EU:C:2012:717, punt 72).

    ( 17 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Bericap Záródástechnikai (C‑180/11, EU:C:2012:717, punt 75).

    ( 18 ) Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 2016, Hansson, (C‑481/14, EU:C:2016:419, punti 3640), u tal-25 ta’ Jannar 2017, Stowarzyszenie Oławska Telewizja Kablowa (C‑367/15, EU:C:2017:36, punt 23).

    ( 19 ) Ara bħala eżempju, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 20 ) Ara l-punt 36 supra.

    ( 21 ) Ara b’mod partikolari l-premessa 3 tad-Direttiva 2004/48.

    ( 22 ) Hawn hekk qed nirreferi esklużivament għas-sitwazzjoni fejn il-konvenut jidħol fis-suq bi prodotti li jiksru l-privattiva li sussegwentement tiġi annullata.

    ( 23 ) Fil-bidu tas-snin 2000, il-qrati Brittaniċi u Irlandiżi żviluppaw kriterju analogu għal dak invokat minn Bayer fil-kawża prinċipali, sabiex jevalwaw l-opportunità li jagħtu miżuri provviżorji lid-detentur ta’ privattiva farmaċewtika kontra t-tnedija ta’ prodotti li jiksru l-privattiva minn produttur ġeneriku. Il-fatt li dan tal-aħħar ma jkunx ikkomunika mad-detentur tal-privattiva l-intenzjoni li jidħol fis-suq bi prodott li jikser il-privattiva, u b’hekk jagħtih il-possibbiltà li jibda kawża preventiva, jew ma jibdix proċedura ta’ annullament tal-privattiva jew azzjoni sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ ksur tal-privattiva, kien ikkunsidrat bħala element li jimmilita favur l-għoti ta’ miżuri provviżorji (hekk imsejjaħ “clearing the way principle”, stabbilit għall-ewwel darba fis-sentenza Smithkline Beecham plc vs Generics (UK) Ltd (2001)).

    ( 24 ) Li jekk ikun il-każ, jippermettilu l-vantaġġ li jkun l-ewwel wieħed li jnedi prodott ġeneriku fis-suq.

    Top