Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CC0664

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fis-7 ta’ Frar 2019.
    Ellinika Nafpigeia AE vs Panagiotis Anagnostopoulos et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa minn Areios Pagos.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2001/23/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Trasferiment ta’ parti minn impriża – Żamma tad‑drittijiet tal-ħaddiema – Kunċett ta’ ‘trasferiment’ – Kunċett ta’ ‘entità ekonomika’ – Trasferiment ta’ parti mill-attività ekonomika ta’ kumpannija omm lil sussidjarja li għadha kemm ġiet stabbilita – Identità – Awtonomija – Tkomplija ta’ attività ekonomika – Kriterju ta’ stabbiltà tat-tkomplija ta’ attività ekonomika – Użu ta’ fatturi ta’ produzzjoni ta’ terzi – Intenzjoni li l-entità ttrasferita tiġi llikwidata.
    Kawża C-664/17.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:105

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fis-7 ta’ Frar 2019 ( 1 )

    Kawża C‑664/17

    Ellinika Nafpigeia AE

    vs

    Panagiotis Anagnostopoulos et

    fil-preżenza ta

    Syllogos Ergazomenon Nafpigeion Skaramagka I Triaina,

    Panellinia Omospondia Ergatoypallilon Metallou (POEM) u

    Geniki Synomospondia Ergaton Ellados (GSEE)

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Trasferiment ta’ parti minn impriża – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kunċett ta’ ‘trasferiment’ – Kunċett ta’ “entità ekonomika” – Trasferiment ta’ parti mill-attività ekonomika ta’ kumpannija omm lil sussidjarja li għadha kemm ġiet stabbilita – Tkomplija ta’ attività ekonomika – Deċiżjoni li l-attività taċ-ċessjonarju tiġi llikwidata”

    1. 

    It-talba għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata mill-Areios Pagos (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Greċja), tirrigwarda l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 li temenda d-Direttiva 77/187/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 2 ) li emenda l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE tal-14 ta’ Frar 1977 ( 3 ), li jikkorrispondi għall-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji ( 4 ), b’applikazzjoni tal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, li għall-finijiet ta’ kodifikazzjoni, ħassret id-Direttiva 77/187, kif emendata bid-Direttiva 98/50. B’mod iktar preċiż, minħabba l-għan tagħha, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23.

    2. 

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Panagiotis Anagnostopoulos u 89 impjegat ieħor u l-kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata Ellinika Nafpigeia AE ( 5 ) (iktar ’il quddiem “ENAE ( 6 )”), fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol inizjalment konklużi bejn dawn il-partijiet.

    3. 

    Is-singularità ta’ din il-kawża timmerita li tiġi enfasizzata peress li hija l-persuna li timpjega u mhux l-impjegati li tinvoka l-applikazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/23, intiżi fl-interess tal-ħaddiema f’każ ta’ bidla fit-tmexxija tal-impriża.

    4. 

    Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “entità ekonomika” u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment ta’ tali entità mhux bil-għan li titkompla l-attività ekonomika ttrasferita, iżda għat-terminazzjoni tagħha.

    5. 

    Fl-aħħar tal-analiżi tiegħi, ser insostni li d-Direttiva 2001/23 ma tapplikax jekk jiġi stabbilit li l-għan li ried jintlaħaq waqt it-trasferiment tal-entità ekonomika kien mhux li tinżamm l-attività ekonomika inkwistjoni, iżda li jiġu evitati l-obbligi ta’ protezzjoni tal-impjegati li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali. Jekk dan ma huwiex il-każ, l-Artikolu 1(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar tista’ tapplika f’sitwazzjoni fejn il-parti mill-impriża jew min-negozju ttrasferita ma żżommx l-awtonomija tagħha mill-perspettiva ta’ organizzazzjoni, bil-kundizzjoni li tinżamm ir-rabta funzjonali bejn il-fatturi differenti ta’ produzzjoni ttrasferiti u li din tippermetti liċ-ċessjonarju juża lil dawn tal-aħħar sabiex jeżerċita b’mod stabbli attività ekonomika identika jew analoga, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    I. Il-kuntest ġuridiku

    A.   Id-dritt tal-Unjoni

    6.

    Il-premessi 3 u 8 tad-Direttiva 2001/23 jistabbilixxu:

    “(3)

    Huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.

    […]

    (8)

    Il-konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u trasparenza legali kienu jeħtieġu li l-kunċett legali ta’ trasferiment għandu jiġi ċċarat fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-kjarifika ma biddlitx il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [77/187] skond kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja”.

    7.

    L-Artikolu 1(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “(a)

    Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

    (b)

    Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le”.

    8.

    L-Artikolu 2(1)(a) u (b) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

    “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a)

    ‘min jagħmel it-trasferiment’ għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għar-raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), ma tibqax il-persuna li timpjega għar-rigward ta’ l-impriża, in-negozju jew il-parti ta’ impriża jew negozju;

    (b)

    ‘min lilu jsir trasferiment’ għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għal raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), isir dak li jimpjega f’dak li jirrigwarda l-impriża, n-negozju jew parti ta’ impriża jew negozju”.

    9.

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

    “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment”.

    10.

    L-Artikolu 5(1) u (4) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi:

    “1.   Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, l-Artikoli 3 u 4 m’ għandhomx japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment awtorizzat minn awtorità pubblika kompetenti).

    […]

    4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati bl-iskop li jipprevjenu l-użu ħażin tal-proċedimenti ta’ falliment b’tali mod li jċaħħdu lill-impjegati mid-drittijiet previsti f’din id-Direttiva”.

    B.   Id-dritt Grieg

    11.

    Skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet tal-Proedrikó Diátagma 178/2002: Métra schetiká me tin prostasía ton dikaiomáton ton ergazoménon se períptosi metavívasis epicheiríseon, enkatastáseon í tmimáton enkatastáseon í epicheiríseon, se symmórfosi pros tin Odigía 98/50/EK tou Symvoulíou (id-Digriet Presidenzjali 178/2002 dwar il-Miżuri relattivi għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema f’Każ ta’ Trasferiment ta’ Impriżi, ta’ Negozji jew ta’ Parti minn Impriżi jew Negozji, għall-Finijiet ta’ Konformità mad-Direttiva [98/50]) ( 7 ) huma applikabbli.

    12.

    Skont l-Artikolu 2(1)(a) u (c) ta’ dan id-digriet, id-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw għal kull trasferiment, konvenzjonali jew legali, ta’ impriżi jew amalgamazzjoni ta’ impriżi, ta’ negozji jew ta’ partijiet ta’ negozji, li jwassal għal bidla tal-persuna li timpjega u li jista’ jirrigwarda korpi pubbliċi jew privati li jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi bi skop ta’ lukru jew mingħajr skop ta’ lukru.

    13.

    L-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmi digriet jiddefinixxi t-“trasferiment” bħala dak ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-iskop li titkompla attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija prinċipali jew anċillari.

    14.

    L-Artikolu 3(1)(a) u (b) tad-Digriet Presidenzjali 178/2002 jiddefinixxi l-kliem “ċedent” u “ċessjonarju” bħala li jindikaw, dik tal-ewwel, kull persuna fiżika jew ġuridika li minħabba trasferiment fis-sens fuq iċċitat, titlef il-kwalità ta’ persuna li timpjega fir-rigward tal-impriża, tan-negozju jew ta’ parti mill-impriża jew min-negozju, u dik tat-tieni, kull persuna fiżika jew ġuridika li minħabba trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ dan id-digriet, tikseb il-kwalità ta’ persuna li timpjega fir-rigward tal-impriża, tan-negozju jew ta’ parti mill-impriża jew min-negozju.

    15.

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi digriet, id-drittijiet u l-obbligi kollha eżistenti li ċ-ċedent kellu skont kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju sa mid-data tat-trasferiment.

    16.

    Peress li skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tan-Nómos 2112/1920 – Perí ypochreotikís katangelías tis symváseos ergasías idiotikón ypallílon (il-Liġi Nru 2112/1920 dwar ix-Xoljiment Obbligatorju ta’ Kuntratt ta’ Xogħol ta’ Impjegati tas-Settur Privat) ( 8 ), u tal-Artikolu 9(1) tal-Vasilikó Diátagma “perí epektáseos tou N. 2112 kai epí ton ergatón […]” (id-Digriet Irjali “dwar l-Applikazzjoni tal-Liġi 2112 Inkluż il-Ħaddiema […]”), tas-16/18 ta’ Lulju 1920, il-bidla fil-persuna li timpjega sseħħ, u titwettaq ipso jure, indipendentement mill-kawża ġuridika u mill-forma tat-trasferiment tal-impriża, mingħajr ma huwa neċessarju li l-ħaddiema jagħtu l-kunsens tagħhom.

    17.

    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Digriet Presidenzjali 178/2002 jipprovdi li wara t-trasferiment, iċ-ċedent għandu jibqa’ responsabbli in solidum u b’mod sħiħ maċ-ċessjonarju għall-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt jew minn relazzjoni ta’ xogħol sad-data li fiha ċ-ċessjonarju jieħu l-funzjonijiet tiegħu.

    18.

    Mill-Artikolu 4(2) ta’ dan id-digriet jirriżulta li wara t-trasferiment, iċ-ċessjonarju għandu jżomm il-kundizzjonijiet ta’ xogħol diġà previsti minn ftehim kollettiv ta’ xogħol, minn deċiżjoni arbitrali, minn regolament jew minn kuntratt ta’ xogħol individwali.

    19.

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Digriet Presidenzjali 178/2002 jipprovdi li t-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża ma jikkostitwixxix, fih innifsu, raġuni ta’ tkeċċija tal-ħaddiema. Madankollu, skont id-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ dan id-digriet, bla ħsara li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet relattivi għat-tkeċċija, hija awtorizzata kull tkeċċija li tirriżulta neċessarja għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jimplikaw bidliet fil-persunal. Madankollu, l-Artikolu 5(2) tal-imsemmi digriet jipprovdi li, jekk il-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ xogħol jiġu xolti minħabba li t-trasferiment iwassal għal bidla sostanzjali tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol għad-detriment tal-ħaddiema, il-persuna li timpjega għandha titqies bħala responsabbli għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol jew tar-relazzjoni ta’ xogħol.

    20.

    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Digriet Presidenzjali 178/2002, il-konsegwenzi ta’ trasferiment, previsti fl-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmi digriet, ma japplikawx fil-każ fejn iċ-ċedent ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ kull proċedura simili oħra.

    II. Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    21.

    Ir-rikorrenti kienu rreklutati mill-kumpannija ENAE permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat sabiex jaħdmu fl-istabbilimenti tagħha li jinsabu fi Skaramangas, fil-komun ta’ Chaïdári, Attiki (il-Greċja) ( 9 ), għal iktar minn 30 sena.

    22.

    Fl-1985 din il-kumpannija saret impriża tas-settur pubbliku ( 10 ). Hija kienet ipprivatizzata fl-2002 u ġiet suġġetta għal projbizzjoni ta’ tnaqqis tal-persunal tagħha, sa ċertu limitu, sat-30 ta’ Settembru 2008 ( 11 ).

    23.

    Waqt il-privatizzazzjoni tagħha, ENAE kienet teżerċita erba’ tipi ta’ attivitajiet, jiġifieri t-tiswija ta’ vapuri, il-kostruzzjoni ta’ vapuri tal-gwerra u tal-kummerċ, il-kostruzzjoni u t-tiswija ta’ sottomarini kif ukoll il-kostruzzjoni u t-tiswija ta’ vetturi ferrovjali, organizzati f’direttorati, jiġifieri d-direttorat tat-tiswijiet, id-direttorat tal-inġenji tal-wiċċ, id-direttorat tas-sottomarini u d-direttorat tal-materjal ferrovjali rispettivament. L-organizzazzjoni strutturali ta’ ENAE kienet tinkludi wkoll erba’ “diviżjonijiet” ta’ produzzjoni, indispensabbli għall-attività tad-direttorati, jiġifieri installazzjoni ta’ laminazzjoni, installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ pajpijiet, mastrudaxxa u ċentru ta’ makkinarju.

    24.

    Ftit wara l-privatizzazzjoni tagħha, ENAE stabbilixxiet sussidjarja, il-kumpannija “Etaireia Trochaiou Ylikou Ellados ΑΕ” ( 12 ) (iktar ’il quddiem “ETYE”), sabiex tittrasferixxi lil din tal-aħħar il-ftehimiet ta’ programm pendenti bejn, minn naħa, konsorzji li fihom ENAE kienet tipparteċipa, u min-naħa l-oħra, l-“Organismos Sidirodromon Ellados” ( 13 ) (iktar ’il quddiem “OSE”) u l-kumpannija “Ilektrikoí Sidirodromon Athinon Pireos” ( 14 ) (iktar ’il quddiem “ISAP”), ftehimiet li jirrigwardaw il-kostruzzjoni u l-konsenja mill-konsorzji ta’ tipi differenti ta’ vetturi ferrovjali.

    25.

    Fl-2005, ENAE akkwistat il-kumpannija ta’ kostruzzjoni ta’ vapuri ThyssenKrupp Marine Systems.

    26.

    Sabiex tippermetti li sa mill-1 ta’ Ottubru 2006 d-direttorat tal-materjal ferrovjali ta’ ENAE jiffunzjona bħala kumpannija awtonoma, taħt l-isem ta’ ETYE, fit-28 ta’ Settembru 2006 ENAE kkonkludiet miegħu diversi kuntratti li, b’mod partikolari, kellhom bħala għan il-kiri ta’ art għall-użu professjonali, li tinsab ġewwa ż-żona tat-tarzni, bil-vapuri u l-infrastrutturi tagħha li jinsabu fiha, il-bejgħ u l-konsenja ta’ beni mobbli intiżi għall-attività ta’ ETYE bħala impriża, il-provvista ta’ servizzi ta’ natura amministrattiva intiżi għall-funzjonament tal-impriża, kif ukoll l-għoti lil ETYE ta’ xogħol sospiż li kellu jsir skont tliet ftehimiet ta’ programm innumerati 33 (ma’ OSE u ISAP), 37 u 41a rispettivament ( 15 ).

    27.

    Wara l-bidu tal-attività tagħha, matul is-sena 2007, ETYE kkonkludiet ma’ ENAE kuntratti oħra li b’mod partikolari kellhom bħala għan is-self ta’ persunal ta’ ETYE lil ENAE ( 16 ), l-għoti minn ENAE lil ETYE ta’ xogħol sospiż li kellu jsir skont il-ftehim ta’ programm 33a ma’ OSE u ISAP ( 17 ), il-provvista ta’ servizzi minn ETYE lil ENAE ( 18 ) kif ukoll il-provvista minn ENAE lil ETYE ta’ servizzi ta’ sostenn amministrattiv ( 19 ).

    28.

    Il-qorti tar-rinviju rrilevat li “[s]a mill-bidu, id-destin ta’ ETYE bħala kumpannija kien predeterminat u jwassal għal-likwidazzjoni tagħha”. Hija kkonstatat li “[b’]mod iktar partikolari, l-Artikolu 5 tal-ftehim qafas tat-28 ta’ Settembru 2007, konkluż bejn ENAE u ETYE, jirreferi għal-likwidazzjoni [ta’ din tal-aħħar fid-data tat-]30 ta’ Settembru 2008, jiġifieri data li tikkoinċidi mal-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt snin li matulhom kienet teżisti projbizzjoni ta’ tnaqqis tal-persunal ta’ ENAE għal inqas minn 1400 ħaddiem, fuq il-bażi tal-kuntratt ta’ trasferiment tal-1 ta’ Ottubru 2002, li permezz tiegħu ġiet ittrasferita mill-Istat Grieg lill-offerenti barranin”. Hija ppreċiżat li, skont dan l-artikolu, ENAE kellha tbati l-ispejjeż ta’ likwidazzjoni ta’ ammont ekwivalenti għall-istima tal-ispejjeż tat-tkeċċija tal-160 impjegat ta’ ETYE u li din il-kontribuzzjoni kienet tonqos b’4 % għal kull xahar ta’ dewmien. Id-data prevista għal din il-likwidazzjoni kienet madankollu posposta fuq inizjattiva ta’ ENAE permezz ta’ emenda tal-imsemmi ftehim qafas li saret fl-10 ta’ Settembru 2008.

    29.

    Fl-1 ta’ Ottubru 2007, il-grupp ta’ kumpanniji Ġermaniżi b’responsabbiltà limitata INTEI Industriebeteiligungsgesellschaft mbH (ΙΝΤΕΙ) u Industriegesellschaft Waggonbau Ammendorf mbH (ΙGWA) sar il-proprjetarju tal-ishma ta’ ETYE.

    30.

    B’komunikazzjoni tat-8 ta’ Ottubru 2007, il-ħaddiema kollha ġew informati bix-xiri ta’ ETYE mill-grupp ta’ kumpanniji INTEI/IGWA. Fit-13 ta’ Mejju 2008, ġie konkluż ftehim kollettiv ta’ impriża fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni u ta’ xogħol tal-impjegati ta’ ETYE kollha ( 20 ).

    31.

    Fl-2010, Polymeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni, il-Greċja) iddikjarat il-falliment ta’ ETYE, filwaqt li ppreċiżat li wara t-trasferiment inkwistjoni, l-attivitajiet ekonomiċi eżerċitati minn din tal-aħħar kienu dgħajfa ( 21 ).

    32.

    Fl-1 ta’ Ġunju 2009 ir-rikorrenti adixxew lill-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni, il-Greċja), b’rikors intiż sabiex tiddeċiedi li huma kienu għadhom marbutin ma’ ENAE b’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, li ENAE kellha tħallashom ir-remunerazzjonijiet legalment previsti b’mod partikolari matul il-perijodu kollu taż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom, u li f’każ ta’ xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol, ENAE kellha tħallas l-allowances legali ta’ tkeċċija lil kull impjegat.

    33.

    Billi l-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni) laqgħet dan ir-rikors, ENAE appellat quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja). Din il-qorti kkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, billi qieset li ETYE qatt ma kkostitwixxiet entità awtonoma. Fl-ewwel lok, hija qieset li ETYE ma kinitx unità ta’ produzzjoni awtonoma, għar-raġuni li l-kontribuzzjoni ta’ erba’ diviżjonijiet ta’ produzzjoni ta’ ENAE kienet indispensabbli għall-produzzjoni u tiswija tal-materjal ferrovjali u li, kieku ENAE waqqfet kull attività, kien ikun impossibbli li ETYE tibni u ssewwi l-materjal ferrovjali. Fit-tieni lok, ETYE kienet tikri lil ENAE s-sostenn amministrattiv tagħha, fosthom is-segretarjat, u, fit-tielet lok, hija ma kellhiex awtonomija finanzjarja u ta’ tmexxija, peress li din tal-aħħar kienet żgurata minn ENAE. Din il-qorti ddeduċiet li ma kienx hemm trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ partijiet min-negozju, u li, konsegwentement, ENAE baqgħet il-persuna li timpjega lir-rikorrenti.

    34.

    Fid-29 ta’ Awwissu 2013, ENAE ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni quddiem l-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni). Din tikkunsidra li peress li fl-awla adita mill-kawża hemm interpretazzjonijiet diverġenti dwar il-kunċett ta’ “entità ekonomika” li jinsab fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/50, hemm lok li ssir domanda f’dan is-sens lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    35.

    Fil-fatt, skont tliet membri tal-awla, ETYE ma kellhiex il-possibbiltà li tkompli l-attività li tagħha hija kienet responsabbli, peress li d-direttorat tal-materjal ferrovjali li donnu kien ittrasferit lilha ma setax jiffunzjona mingħajr is-sostenn tad-diviżjonijiet ta’ produzzjoni ta’ ENAE kif ukoll tas-servizzi amministrattivi u finanzjarji tagħha. Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-volum żgħir ta’ xogħol imwettaq minn ETYE li wassal għall-falliment tagħha kif ukoll mill-pożizzjoni tal-impjegati kkonċernati, li jsostnu li l-għan tat-trasferiment inkwistjoni kien li titwaqqaf l-attività ta’ kostruzzjoni u tiswija ta’ vetturi ferrovjali ta’ ENAE u jiġu tterminati l-postijiet ta’ xogħol marbuta magħha mingħajr ma hija tassumi l-konsegwenzi finanzjarji negattivi.

    36.

    Madankollu, żewġ membri tal-awla adita huma tal-opinjoni li l-unità ttrasferita kellha awtonomija suffiċjenti, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment inkwistjoni, b’tali mod li kellha l-fakultà teżerċita l-attività ekonomika tagħha b’mod awtonomu. Ġie sostnut li f’każ ta’ trasferiment ta’ unità inqas importanti, l-elementi kostituttivi tal-kunċett ta’ “entità ekonomika” jistgħu jinftiehmu b’mod inqas strett milli fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża sħiħa jew ta’ attività prinċipali. Il-fatt li ċ-ċessjonarju kien sostnut miċ-ċedent sabiex jeżerċita l-attività akkwistata, fil-kuntest ta’ sussidjarja, ma jeskludix l-eżistenza ta’ trasferiment, peress li għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “trasferiment”, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni forom attwali tal-“azzjoni ta’ intrapriża”. Finalment, l-intenzjoni taċ-ċedent jew taċ-ċessjonarju li jillikwida l-impriża ma hijiex indizju li jeskludi l-preżenza ta’ trasferiment, iżda tista’ tkun il-bażi ta’ talba magħmula kontra l-persuna li timpjega ċedenti għall-finijiet tal-ħlas ta’ allowances dovuti f’każ ta’ preġudizzju għall-interessi tal-ħaddiema fl-okkażjoni tat-tibdil unilaterali tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

    37.

    Għaldaqstant, l-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Skont dak li jipprevedi l-Artikolu 1 tad-Direttiva [98/50] u sabiex jiġi kkonfermat jekk hemmx jew le trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża jew minn negozju, “entità ekonomika” għandha tinftiehem li hija unità ta’ produzzjoni kompletament awtonoma, li tista’ tiffunzjona sabiex tilħaq l-iskop ekonomiku tagħha mingħajr l-ebda użu (permezz ta’ xiri, self, kiri jew mod ieħor) tal-fatturi ta’ produzzjoni (materja prima, riżorsi umani, makkinarju, komponenti ta’ prodotti lesti, servizzi ta’ sostenn, riżorsi ekonomiċi u oħrajn) ta’ terzi? Jew huwa biżżejjed, għall-kuntrarju, sabiex ikun hemm “entità ekonomika”, li l-iskop tal-attività tal-unità ta’ produzzjoni jkun distint, li din l-attività jkollha realment l-iskop ta’ impriża ekonomika u li jkun possibbli li torganizza b’mod effettiv il-fatturi tal-produzzjoni (materja prima, magni u tagħmir ieħor, riżorsi umani u servizzi ta’ sostenn) sabiex dan l-iskop jintlaħaq, irrispettivament mill-fatt jekk l-operatur il-ġdid tal-attività jużax fatturi ta’ produzzjoni inklużi dawk esterni, jew jekk ma jirnexxilux jilħaq l-iskop tiegħu f’sitwazzjoni partikolari?

    2)

    Skont kif previst mill-Artikolu 1 tad-Direttiva [98/50], għandu jew le jiġi eskluż trasferiment fil-każ li min isirlu t-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment jew it-tnejn li huma jipprevedu mhux biss il-kontinwazzjoni b’suċċess tal-attività mill-operatur il-ġdid, iżda wkoll li fil-futur tispiċċa l-impriża minħabba stralċ tal-impriża?”

    III. Analiżi

    38.

    Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża” ikopri sitwazzjoni fejn kumpannija omm, responsabbli minn tliet attivitajiet ekonomiċi fis-settur tal-kostruzzjoni tal-vapuri u minn attività oħra fis-settur tal-kostruzzjoni ta’ materjal ferrovjali, ittrasferixxiet l-operat ta’ din l-aħħar attività lil sussidjarja u għal dan il-għan ikkonkludiet magħha kuntratti differenti sabiex, minn naħa, hija jkollha l-infrastrutturi u t-tagħmir neċessarju, li tagħhom il-kumpannija omm hija proprjetarja, sabiex twettaq ix-xogħol sospiż li jirriżulta minn ftehimiet ta’ programm konklużi ma’ din il-kumpannija, u min-naħa l-oħra, sabiex tipproċedi bil-likwidazzjoni tas-sussidjarja fi żmien qasir.

    39.

    Qabelxejn, jista’ jiġi kkunsidrat id-dubju espress mill-qorti tar-rinviju, peress li hija kkonstatat l-eżistenza ta’ ftehim qafas konkluż fit-28 ta’ Settembru 2007 ( 22 ) bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju bil-għan li jiġi organizzat it-trasferiment tal-attività ekonomika inkwistjoni sena wara sabiex tiġi evitata l-projbizzjoni taċ-ċedent li jkeċċi lill-impjegati qabel it-30 ta’ Settembru 2008.

    40.

    Fil-fatt, peress li l-kunċett ta’ “trasferiment” huwa indissoċjabbli mill-perspettiva ta’ tkomplija tal-attività, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 u mill-għanijiet li hija trid tilħaq, jiġifieri ż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ bidla fil-persuna li timpjega ( 23 ), jidhirli li huwa evidenti li jekk jiġi kkonstatat li t-trasferiment kien organizzat għall-implimentazzjoni ta’ pjan intiż sabiex iwaqqaf l-attività ttrasferita f’kundizzjonijiet li jippermettu liċ-ċedent jaħrab mill-obbligi tiegħu li jipproteġi lill-impjegati, din id-direttiva ma tapplikax.

    41.

    Madankollu, mill-opinjonijiet diverġenti esposti mill-qorti tar-rinviju jista’ jiġi dedott li d-diffikultà partikolari ppreżentata mit-tilwima tirriżulta mill-konstatazzjoni tat-tkomplija tal-attività matul tal-inqas sena sa mix-xahar ta’ Ottubru 2006 qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment fl-2010. Bla ħsara għall-fatt li din il-konstatazzjoni dwar it-tkomplija effettiva tal-operat tista’ tiġi kkjarifikata mill-qorti tar-rinviju ( 24 ), għandhom għalhekk jiġu ddeteriminati l-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti minnha.

    42.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser nesponi l-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “trasferiment ta’ impriża” qabel neżamina l-applikazzjoni tagħhom għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ.

    Il-   prinċipji

    43.

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23, iddefinit fl-Artikolu 1(1)(a) tagħha, ikopri l-possibbiltajiet kollha ta’ tibdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-operat tal-impriża, li, minħabba dan il-fatt, tassumi l-obbligi tal-persuna li timpjega fir-rigward tal-impjegati tal-impriża, irrispettivament minn jekk il-proprjetà tal-assi korporali ġietx ittrasferita ( 25 ).

    44.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, diversi drabi, li l-kunċett ta’ “impriża” ikopri kull entità ekonomika organizzata b’mod stabbli li tinkludi kull entità organizzata ta’ persuni u ta’ elementi li jippermettu l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li ssegwi għan proprju u li hija strutturata u awtonoma biżżejjed ( 26 ).

    45.

    Fit-tieni lok, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod stabbilit, id-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tiżgura l-kontinwità tar-relazzjonijiet ta’ xogħol eżistenti fil-kuntest ta’ entità ekonomika, indipendentement minn bdil tal-proprjetarju ( 27 ).

    46.

    Il-kriterju deċiżiv sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ trasferiment, skont l-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva, huwa għalhekk il-fatt li l-entità inkwistjoni żżomm l-identità tagħha wara li tkun ittieħdet mill-persuna li timpjega l-ġdida, li jirriżulta b’mod partikolari mit-tkomplija effettiva tal-operat jew milli jingħata bidu mill-ġdid tiegħu ( 28 ).

    1. Fuq l-identità u s-sostenibbiltà tal-entità fil-mument tat-trasferiment

    47.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-metodu li għandu jintuża għall-analiżi ta’ din il-kundizzjoni li tirrigwarda dawn iż-żewġ aspetti, jiġifieri l-identità u s-sostenibbiltà tal-entità fil-mument tat-trasferiment. Għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju kkonċernat, it-trasferiment jew le ta’ assi tanġibbli, bħalma huma l-bini u l-beni mobbli, il-valur tal-elementi intanġibbli fil-mument tat-trasferiment, iż-żamma jew le tal-parti l-kbira tal-impjegati mill-persuna li timpjega l-ġdida, it-trasferiment jew le tal-klijentela, kif ukoll il-livell ta’ xebh tal-attivitajiet eżerċitati qabel u wara t-trasferiment u t-tul ta’ żmien ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn tal-aħħar. Huwa paċifiku li dawn l-elementi jikkostitwixxu biss aspetti parzjali tal-evalwazzjoni globali li għandha ssir u għalhekk ma jistgħux jiġu evalwati b’mod iżolat ( 29 ).

    48.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn naħa, li minn dan jirriżulta li l-importanza rispettiva li għandha tingħata lil dawn il-kriterji differenti tvarja neċessarjament skont l-attività eżerċitata, jew il-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operat użati fl-impriża, fin-negozju jew fil-parti tan-negozju kkonċernata ( 30 ).

    49.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li s-sempliċi żamma, minn entità ekonomika, tal-attività ekonomika ta’ entità oħra ma twassalx għall-konklużjoni taż-żamma tal-identità ta’ din tal-aħħar. L-identità ta’ tali entità ma tistax tiġi ridotta għall-attività li hija twettaq, peress li din tirriżulta minn pluralità indissoċjabbli ta’ elementi bħall-persunal li jikkomponiha, il-persunal ta’ sorveljanza tagħha, l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħha, il-metodi ta’ operat tagħha jew anki, jekk ikun il-każ, ir-riżorsi operazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha ( 31 ).

    2. Fuq it-trasferiment fi ħdan grupp ta’ kumpanniji

    50.

    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li f’każ ta’ trasferiment fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fih innifsu dan ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment ( 32 ).

    51.

    B’mod iktar preċiż, f’tali każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li “għall-finijiet tal-applikazzjoni [tad-Direttiva 2001/23], l-entità ekonomika kkonċernata għandha, qabel it-trasferiment, tgawdi, b’mod partikolari, minn awtonomija funzjonali suffiċjenti, peress li l-kunċett ta’ awtonomija jirreferi għas-setgħat, mogħtija lill-persuni responsabbli mill-grupp ta’ ħaddiema kkonċernat, li jorganizzaw, b’mod relattivament liberu u indipendenti, ix-xogħol fi ħdan l-imsemmi grupp u, b’mod iktar partikolari, li jagħtu struzzjonijiet u li jqassmu funzjonijiet lill-ħaddiema suġġetti li jappartjenu għal dan il-grupp, u dan mingħajr l-intervent dirett min-naħa ta’ strutturi oħra ta’ organizzazzjoni tal-persuna li timpjega” ( 33 ), u, min-naħa l-oħra, li “[d]in il-konklużjoni hija kkorroborata mill-ewwel u mir-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/23, dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema, li jipprovdu li din id-direttiva hija intiża sabiex tapplika għal kull trasferiment li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tagħha, kemm jekk l-entità ekonomika ttrasferita żżomm l-awtonomija tagħha fl-istruttura tal-persuna li lilha jsir it-trasferiment u kemm jekk le” ( 34 ).

    52.

    Fid-dawl ta’ dawn it-tagħlimiet ġurisprudenzjali għandhom jiġu proposti elementi ta’ evalwazzjoni tad-domandi magħmula, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt prinċipali rrilevati mill-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni) fid-deċiżjoni tar-rinviju.

    B.   Applikazzjoni tal-prinċipji għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ

    1. Fuq l-awtonomija tal-entità ttrasferita eżistenti qabel it-trasferiment

    53.

    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar il-kuntest li fih seħħ it-trasferiment kontenzjuż, jiġifieri dak ta’ trasferiment lil sussidjarja, stabbilita għal dan il-għan ( 35 ). Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk l-awtonomija tal-entità ttrasferita kinitx teżisti qabel it-trasferiment ( 36 ). Mill-iskop tad-domandi preliminari, u speċjalment minn dak tat-tieni domanda, jista’ jiġi dedott li dawn ma jirrigwardawx l-evalwazzjoni dwar jekk l-entità ttrasferita inkwistjoni kellhiex awtonomija funzjonali suffiċjenti qabel it-trasferiment.

    54.

    Għaldaqstant, ser inkompli l-analiżi tiegħi billi nikkunsidra li qabel it-trasferiment, l-entità li kienet tikkostitwixxi direttorat ta’ ENAE marbut ma’ attività distinta minn dik tat-tliet direttorati l-oħra li jużaw l-istess mezzi ta’ produzzjoni, kienet komposta minn entità organizzata ta’ ħaddiema li kien ilhom iwettqu din l-attività b’mod stabbli, għall-finijiet tal-eżami tal-kundizzjonijiet dwar it-tkomplija effettiva tal-attività.

    2. Fuq is-sostenibbiltà tal-attività ttrasferita

    55.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-attività ttrasferita, nirrileva li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax iċ-ċirkustanzi relattivi għall-konklużjoni tal-kuntratti, speċjalment fl-2006 intiżi sabiex is-settur ta’ attività inkwistjoni jiffunzjona, u lanqas il-kontenut preċiż tagħhom. Għalhekk, bħar-rikorrenti, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni, jiena nqis li għandha titqajjem l-inċertezza dwar il-fatt li, fil-mument tat-trasferiment, l-attività ma kinitx limitata għat-twettiq ta’ xogħol determinat.

    56.

    Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju kkonstatat diversi drabi li ENAE fdat lil ETYE bit-twettiq ta’ kuntratti. Hija ppreċiżat li “[s]abiex sa mill-1 ta’ Ottubru 2006, id-direttorat tal-materjal ferrovjali ta’ ENAE jibda jiffunzjona bħala kumpannija awtonoma, taħt l-isem ETYE, ġew konklużi [diversi] kuntratti bejniethom [fosthom] il-kuntratt tal-għoti ta’ xogħol tat-28 ta’ Settembru 2006 konkluż minn ENAE, bħala awtorità kontraenti, u ETYE bħala parti kontraenti, li permezz tiegħu dik tal-ewwel fdat lit-tieni bit-twettiq ta’ xogħol sospiż li jirriżulta mill-ftehim ta’ programm 33 (ma’ OSE u ISAP), kif ukoll b’kull kompitu ieħor matul il-perijodu ta’ garanzija tas-suġġett ta’ dan il-kuntratt, […] kuntratt simili għal dak tat-28 ta’ Settembru 2006, dwar ix-xogħol sospiż, prinċipali u ta’ garanzija, li jirriżulta mill-ftehim ta’ programm 37 u […] kuntratt simili għal dak tat-28 ta’ Settembru 2006, dwar xogħol sospiż, prinċipali u ta’ garanzija, li jirriżulta mill-ftehim ta’ programm 41a”.

    57.

    Il-qorti tar-rinviju żiedet li, “[w]ara l-bidu tal-operat ta’ EYTE, din tal-aħħar ikkonkludiet ma’ ENAE […] il-kuntratt tal-għoti ta’ xogħol tat-30 ta’ Awwissu 2007 konkluż minn ENAE, bħala awtorità kontraenti, u ETYE, bħala parti kontraenti, li permezz tiegħu dik tal-ewwel fdat lil tat-tieni bit-twettiq ta’ xogħol sospiż li jirriżulta mill-ftehim ta’ programm 33a (ma’ OSE u ISAP), kif ukoll b’kull kompitu ieħor matul il-perijodu ta’ garanzija tas-suġġett ta’ dan il-kuntratt”.

    58.

    Barra minn hekk, hija rrilevat li “[l]-argument insostenn tal-eżistenza tal-awtonomija finanzjarja ta’ ETYE, li jipprovdi li din kienet inkarigata mill-kumpannija Svizzera Carwaggon AG sabiex tikkostruwixxi 200 vagun, ma kienx ipprovat, filwaqt li fir-realtà fid-29 ta’ April 2009 l-kumpannija fuq iċċitata kienet fdat lil ETYE bil-kostruzzjoni ta’ tliet vaguni biss ta’ tul ta’ 27 [metru] għat-trasport ta’ karozzi, b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni ta’ EUR 510000 biss”.

    59.

    Issa, jidhirli li dawn iċ-ċirkustanzi għandhom jitqiesu li jixbhu lil dawk eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et ( 37 ), li jirrigwardaw l-attività ta’ tħaffir ta’ Amalgamated Construction Co Ltd ( 38 ) fis-sit tal-mini ta’ Prince of Wales li kienet organizzata taħt il-forma ta’ entità ekonomika qabel is-subappaltar ta’ din l-attività minn din l-impriża lil AMS.

    60.

    Permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa li “[l]-fatt li ACC baqgħet dejjem l-unika parti kontraenti ta’ RJB Mining (UK) u li hija tat b’subappalt il-kuntratti ta’ xogħol lil AMS ma jistax, fih innifsu, jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva [77/187]. Fil-fatt, minn naħa, it-trasferiment jew le tal-klijentela bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju jikkostitwixxi biss element fost oħrajn li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment (sentenza [tat-18 ta’ Marzu 1986], Spijkers [ ( 39 )], punt 13)” ( 40 ).

    61.

    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “fis-sentenza [tad-19 ta’ Settembru 1995], Rygaard [ ( 41 )], sitwazzjoni li fiha impriża ttrasferixxiet lil impriża oħra wieħed mis-siti tagħha bil-għan tat-tħaddim tagħha filwaqt li poġġiet għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar uħud mill-ħaddiema u mill-materjal intiż sabiex tiżgura t-twettiq ta’ xogħol pendenti ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [77/187]. Madankollu, din is-sitwazzjoni hija differenti minn dik ta’ din il-kawża peress li AMS ingħatat subappalt ta’ kuntratti ta’ xogħol sħaħ. Barra minn hekk, fil-punt 21 tas-sentenza [tad-19 ta’ Settembru 1995], Rygaard [ ( 42 )], il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li trasferiment ta’ sit bil-għan tat-tħaddim tiegħu jista’ jaqa’ taħt [din] id-direttiva jekk ikun akkumpanjat minn trasferiment ta’ entità organizzata ta’ elementi li jippermettu t-tkomplija tal-attivitajiet jew ta’ ċerti attivitajiet tal-impriża ċedenti b’mod stabbli. Għalhekk, il-fatt li ACC tat b’subappalt lil AMS it-twettiq ta’ xogħol ta’ tħaffir partikolari biss ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-[imsemmija] direttiva jekk jiġi stabbilit li fl-okkażjoni ta’ din l-operazzjoni, AMS kienet akkwistat mingħand ACC il-mezzi organizzati li jippermettulha teżerċita fit-tul l-attività ta’ tħaffir tagħha fil-mini ta’ Prince of Wales” ( 43 ).

    62.

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet u mill-konstatazzjoni li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippreċiżax il-fatti b’mod suffiċjenti jirriżulta li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, preliminarjament, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jekk fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, u speċjalment dawk dwar l-għoti ta’ xogħol, l-identità tal-entità ttrasferita nżammitx grazzi għat-trasferiment ta’ entità organizzata ta’ elementi li tippermetti t-tkomplija tal-attivitajiet tal-impriża ċedenti, b’mod stabbli.

    63.

    Jekk jitqies, f’dan l-istadju, li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, xorta għandha tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-assenza ta’ awtonomija funzjonali tal-entità ttrasferita.

    3. Fuq l-awtonomija tal-entità ttrasferita wara t-trasferiment

    64.

    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkunsidrat, qabelxejn, li l-attività eżerċitata kienet ikklassifikata, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ diversi kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja jvarja skont din il-klassifikazzjoni ( 44 ).

    65.

    F’dan il-każ, mid-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar l-użu ta’ tagħmir indispensabbli għall-produzzjoni ( 45 ), jista’ jiġi dedott li t-trasferiment inkwistjoni twettaq f’settur fejn l-attività ma hijiex essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema.

    66.

    Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-attività ekonomika kontenzjuża, jiġifieri d-direttorat tal-materjal ferrovjali, teħtieġ li tibbenefika mis-sostenn ta’ erba’ diviżjonijiet ta’ produzzjoni, jiġifieri installazzjoni ta’ laminazzjoni, installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ pajpijiet, mastrudaxxa u ċentru ta’ makkinarju, bħat-tliet direttorati l-oħra dipendenti ta’ ENAE.

    67.

    Għalhekk, fir-rigward tal-kwistjoni prinċipali tal-qorti tar-rinviju dwar il-fatt li l-assi korporali indispensabbli għall-iżvolġiment tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali baqgħu dejjem proprjetà ta’ ENAE, tista’ tingħata r-risposta li din il-konstatazzjoni ma tistax twassal għall-esklużjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża fis-sens tad-Direttiva 2001/23, peress li f’ċirkustanzi analogi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-kwistjoni dwar jekk il-proprjetà tal-assi korporali hijiex ittrasferita ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni [ta’ din id-]direttiva” ( 46 ).

    68.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-fatt li l-assi korporali meħuda mill-imprenditur il-ġdid ma humiex tal-predeċessur tiegħu, iżda kienu sempliċement tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-awtorità kontraenti ma jistax iwassal għall-esklużjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ impriża fis-sens tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [tal-20 ta’ Novembru 2003], Abler et, C‑340/01EU:C:2003:629, punt 42). Minn dan isegwi li […] interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23 li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sitwazzjoni li fiha l-assi korporali indispensabbli għat-twettiq tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu dejjem jappartjenu liċ-ċessjonarju, iċċaħħad lill-imsemmija direttiva minn parti mill-effettività tagħha” ( 47 ).

    69.

    Finalment, fir-rigward tal-mod ta’ finanzjament ( 48 ) bħan-nuqqas ta’ awtonomija organizzattiva wara t-trasferiment ( 49 ), invokati fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn l-elementi ma humiex fihom innifishom ta’ natura li jeskludu l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23.

    70.

    Fil-fatt, f’sitwazzjoni li tista’ tkun simili għal dik tal-kawża prinċipali ( 50 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “mill-punti 46 u 47 tas-sentenza [tat-12 ta’ Frar 2009,] Klarenberg [ ( 51 )], jirriżulta li ż-żamma mhux tal-organizzazzjoni speċifika imposta mill-imprenditur għad-diversi fatturi ta’ produzzjoni ttrasferiti, iżda tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplimentarjetà bejn dawn il-fatturi li tikkostitwixxi l-element rilevanti sabiex jiġi konkluż li tkun inżammet l-identità tal-entità ttrasferita. B’hekk, iż-żamma ta’ tali rabta funzjonali bejn id-diversi fatturi ttrasferiti tippermetti liċ-ċessjonarju juża lil dawn tal-aħħar, anki jekk dawn huma integrati, wara t-trasferiment, fi struttura organizzattiva ġdida differenti, sabiex ikompli attività ekonomika identika jew analoga (ara s-sentenza [tat-12 ta’ Frar 2009,] Klarenberg [ ( 52 )], punt 48)” ( 53 ).

    71.

    Għalhekk, jidhirli li huwa essenzjali li l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk inżammitx rabta funzjonali ta’ interdipendenza u ta’ komplimentarjetà bejn id-diversi fatturi ta’ produzzjoni ttrasferiti sabiex titkompla attività ekonomika identika jew analoga ( 54 ).

    72.

    Fi kliem ieħor, huwa suffiċjenti li jiġi ddeterminat jekk, fil-mument tat-trasferiment, l-attività preċedenti, eżerċitata taħt ir-responsabbiltà ta’ ENAE, kinitx intiża li tinżamm b’mezzi xierqa taħt tmexxija ġdida u, kif tfakkar preċedentement, ftit huwa importanti jekk l-elementi ta’ attiv imqiegħda għad-dispożizzjoni miċ-ċedent jintużawx esklużivament għall-benefiċċju tal-attività ttrasferita. Għaldaqstant, is-suċċess tal-attività ekonomika wara t-trasferiment, li dwaru tistaqsi l-qorti tar-rinviju, ma huwiex meqjus bħala kriterju rilevanti fid-dawl tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23.

    4. Fuq l-intenzjoni taċ-ċedent u taċ-ċessjonarju waqt it-trasferiment tal-attività

    73.

    Jekk wara l-verifiki msemmija fil-punti preċedenti ( 55 ), il-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li f’dan il-każ il-kriterji tal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ parti minn impriża huma ssodisfatti, jibqa’ li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mill-konstatazzjoni ta’ din il-qorti, li “[s]a mill-bidu, id-destin ta’ ETYE bħala kumpannija kien predeterminat u jwassal għal likwidazzjoni tagħha”, filwaqt li bejn l-2006 u l-2007 eżistiet attività kemxejn dgħajfa ( 56 ).

    74.

    Dan ma jirrigwardax, kif issostni ENAE, l-istabbiliment ta’ kundizzjoni ġdida li tirrigwarda s-suċċess ekonomiku tat-trasferiment jew li twassal sabiex tikkontesta l-kundizzjonijiet tiegħu f’każ ta’ waqfien sussegwenti tal-attività deċiż miċ-ċessjonarju. Fil-fatt, il-libertà taċ-ċessjonarju li jittermina l-attività wara t-trasferiment tagħha ma għandhiex tiġi a priori kkontestata.

    75.

    Kif iddeċidiet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja u kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23, “din ma ċċaħħadx lill-Istati Membri mill-possibbiltà li l-persuna li timpjega tkun tista’ timmodifika relazzjonijiet ta’ xogħol f’sens sfavorevoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija u l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni. L-imsemmija direttiva tipprojbixxi, biss, li tali modifiki jseħħu meta jseħħ u minħabba t-trasferiment” ( 57 ).

    76.

    B’mod iktar preċiż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, hija d-deċiżjoni taċ-ċedent konkomitanti għat-trasferiment li juża dan it-trasferiment bħala mezz sabiex jittermina l-attività ttrasferita li tagħha huwa kien responsabbli, bil-għan li jaħrab mill-obbligi tiegħu ta’ protezzjoni tal-impjegati ( 58 ), li tipprekludi li dan jitqies li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23.

    77.

    Għalhekk, ftit huwa importanti li attività setgħet titkompla wara t-trasferiment tal-attività ekonomika jekk jiġi stabbilit li din ma kinitx intiża li tkun stabbli u li kienet organizzata waqt it-trasferiment f’kundizzjonijiet ta’ natura li jipprovokaw il-falliment tagħha.

    78.

    Fi kliem ieħor, il-konstatazzjoni tat-tul tal-attività ma hijiex importanti daqs dik dwar is-setgħat mogħtija lill-entità ttrasferita sabiex tkompli teżerċitaha għal perijodu fil-prinċipju indeterminat. F’dan ir-rigward, it-terminazzjoni pprogrammata tal-kuntratti, mingħajr dinamika kummerċjali ta’ żvilupp ta’ klijentela jew diversifikazzjoni tal-kompiti, tista’ tkun indizju tal-assenza ta’ perspettiva ta’ stabbiltà waqt it-trasferiment. L-istess jista’ jingħad f’każ ta’ antiċipazzjoni tal-organizzazzjoni mill-ġdid tal-persunal ta’ sorveljanza tal-ħaddiema jew tal-ħinijiet tax-xogħol tagħhom jew anki tan-numru tagħhom, li jipprekludi t-tkomplija tal-eżerċizzju tal-attività. Għalhekk, jidhirli li hija l-għażla, fil-mument tat-trasferiment, tal-mezzi intiżi sabiex jintlaħaq dan il-għan li hija determinanti.

    79.

    Fi kwalunkwe każ, li jiġi kkunsidrat li t-tul tat-tkomplija tal-attività ekonomika huwa element ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trasferiment imur kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-impjegati enfasizzat b’mod kostanti mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 59 ) u huwa ta’ natura li jiffavorixxi l-applikazzjoni abbużiva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 60 ).

    80.

    Barra minn hekk, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ ftehim intiż li jittermina l-attività, filwaqt li ma jiġix implimentat fir-realtà, peress li f’dan il-każ huwa teoretiku ħafna li din l-attività titkompla b’mod stabbli, twassal għal soluzzjoni li ugwalment tmur kontra l-għan ta’ din id-direttiva.

    81.

    Minn dan isegwi li, jekk jiġi stabbilit li, waqt it-trasferiment, l-għan li ried jintlaħaq miċ-ċedent u miċ-ċessjonarju ma kienx li titkompla l-attività ttrasferita, iżda li jevitaw l-obbligi ta’ protezzjoni tal-impjegati li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali, dan it-trasferiment ma jistax jaqa’ taħt l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23.

    82.

    F’dan il-każ, il-protezzjoni tal-impjegati jidhirli li tiġġustifika wkoll l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jissanzjonaw l-eventwali konsegwenzi dannużi ta’ tali manuvri.

    83.

    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jiena tal-opinjoni li, sakemm tiġi stabbilita l-intenzjoni, waqt it-trasferiment tal-entità ekonomika, li titkompla attività ekonomika, l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva tista’ tapplika f’sitwazzjoni fejn il-parti mill-impriża jew min-negozju ttrasferita ma żżommx l-awtonomija tagħha mill-perspettiva organizzattiva, bil-kundizzjoni li tinżamm ir-rabta funzjonali bejn il-fatturi differenti ta’ produzzjoni ttrasferiti u li ċ-ċessjonarju jkun jista’ juża lil dawn tal-aħħar sabiex jeżerċita b’mod stabbli attività ekonomika identika jew analoga, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.

    IV. Konklużjoni

    84.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Areios Pagos (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, il-Greċja) bil-mod kif ġej:

    L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas‑salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sakemm tiġi stabbilita l-intenzjoni, waqt it-trasferiment tal-entità ekonomika, li titkompla attività ekonomika, din id-direttiva tista’ tapplika f’sitwazzjoni fejn il‑parti mill-impriża jew min-negozju ttrasferita ma żżommx l-awtonomija tagħha mill-perspettiva organizzattiva, bil-kundizzjoni li tinżamm ir-rabta funzjonali bejn il-fatturi differenti ta’ produzzjoni ttrasferiti u li ċ-ċessjonarju jkun jista’ juża dawn tal-aħħar sabiex jeżerċita b’mod stabbli attività ekonomika identika jew analoga, u dan huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) ĠU 1998, L 201, p. 88.

    ( 3 ) ĠU 1977, L 61, p. 26.

    ( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98.

    ( 5 ) Chantiers navals SA, skont l-espressjoni użata fit-traduzzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Grieg.

    ( 6 ) Ser nuża hawnhekk il-konvenzjoni tal-kitba magħżula fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑93/17EU:C:2018:903). Madankollu, fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑93/17EU:C:2018:315), kif ukoll fis-sentenza tat-28 ta’ Frar 2013, Ellinika Nafpigeia vs Il-Kummissjoni (C‑246/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:133), il-kumpannija kienet imsejħa “EN”.

    ( 7 ) FEK A’ 162/12.7.2002, iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali 178/2002”. Din il-qorti tippreċiża li l-Artikolu 11 ta’ dan id-digriet ħassar id-Digriet Presidenzjali 572/1988 (FEK A’ 269) li kien fis-seħħ preċedentement, li kien armonizza l-leġiżlazzjoni Griega mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/187, kif emendata bid-Direttiva 98/50, qabel ma kienet ikkodifikata bid-Direttiva 2001/23.

    ( 8 ) FEK A’ 67/18.3.1920.

    ( 9 ) Din hija tarzna importanti fil-Mediterran.

    ( 10 ) Għal storja dettaljata, ara s-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:903, punti 3 sa 7).

    ( 11 ) Ara wkoll il-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 12 ) Il-kumpannija tal-materjal ferrovjali ta’ Grèce SA.

    ( 13 ) Il-kumpannija tal-ferroviji Griega.

    ( 14 ) Il-kumpannija tal-ferroviji elettromobili ta’ Ateni u ta’ Piraeus.

    ( 15 ) Ara wkoll, il-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 16 ) Kuntratti tal-31 ta’ Jannar 2007, li jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ ENAE parti mill-persunal tagħha, u tat-8 ta’ Novembru 2007, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali tas-self ta’ persunal, li kien emendat b’att tat-22 ta’ Ottubru 2008.

    ( 17 ) Kuntratt tat-30 ta’ Awwissu 2007. Ara wkoll il-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 18 ) Kuntratti tat-30 ta’ Awwissu u tas-27 ta’ Settembru 2007.

    ( 19 ) Kuntratt tas-27 ta’ Settembru 2007.

    ( 20 ) Mis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑93/17, EU:C:2018:903, punti 81113) jirriżulta li fil-perijodu 2008-2010 mill-għajnuna mogħtija mir-Repubblika Ellenika lil ENAE lit-tarzni bbenefikaw esklużivament l-attivitajiet ċivili ta’ kostruzzjoni ta’ vapuri u li l-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Ellenika u ENAE laħqu, wara negozjati matul il-perijodu minn Ġunju sa Ottubru 2010 u ittri ta’ impenn minn ENAE u mir-Repubblika Ellenika, datati rispettivament is-27 u d-29 ta’ Ottubru 2010, ftehim li jipprovdi li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/610/KE tat-2 ta’ Lulju 2008 dwar l-għajnuna C 16/04 (ex NN 29/04, CP 71/02 u CP 133/05) mogħtija mill-Greċja lill-impriża Hellenic Shipyards SA (ĠU 2009, L 225, p. 104), dwar għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, għandha titqies bħala li ġiet implimentata b’mod korrett, bla ħsara għar-rispett ta’ diversi impenji, fosthom l-interruzzjoni tal-attivitajiet ċivili ta’ ENAE għal perijodu ta’ ħmistax-il sena, mill-1 ta’ Ottubru 2010.

    ( 21 ) Dan l-element kien sostnut minn tliet membri tal-qorti tar-rinviju, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-opinjoni tagħhom fit-talba għal deċiżjoni preliminari (ara l-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    ( 22 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 23 ) Ara l-premessa 3 u l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

    ( 24 ) Din ir-riżerva tirriżulta mill-fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, tliet membri tal-awla rrilevaw li, “matul is-sentejn u nofs ta’ funzjonament tagħha wara t-trasferiment, ETYE ma pproduċiet ebda xogħol, u fi kwalunkwe każ, dak li hija pproduċiet kien wisq dgħajjef u wassal għall-falliment tagħha”.

    ( 25 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 26 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 29, l-ewwel sentenza, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-istorja leġiżlattiva, ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 40).

    ( 28 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 29, it-tieni sentenza, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 29 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala eżempju tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, ara b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 31).

    ( 30 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 31 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 32 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 21), fil-każ ta’ “trasferiment bejn żewġ kumpanniji tal-istess grupp li għandhom l-istess proprjetarji, l-istess tmexxija, l-istess uffiċċji u li jagħmlu l-istess xogħol”.

    ( 33 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 35 ) Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 36 ) Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet u s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 35).

    ( 37 ) C‑234/98, EU:C:1999:594.

    ( 38 ) Iktar ’il quddiem “ACC”. Fil-punt 4 ta’ din is-sentenza ġie ppreċiżat li “ACC hija sussidjarja ta’ AMCO Corporation plc (iktar ’il quddiem il-“grupp AMCO”) li kellha 100 % tal-kapital. Il-grupp AMCO jinkludi tnax-il kumpannija, fosthom sussidjarja oħra li tappartjeni lilu 100 %, AM Mining Services Ltd (iktar ’il quddiem “AMS”). AMS kienet stabbilita fl-1993 bil-għan li tiżgura kompiti marbuta mal-għeluq ta’ ħofor bħall-manutenzjoni u l-mili ta’ xaftijiet. Għal dan il-għan hija rreklutat in-nies tagħha stess, li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom kienu differenti minn dawk ta’ ACC u b’mod partikolari, ferm inqas favorevoli għall-impjegati. Minkejja li ACC u AMS jikkostitwixxu entitajiet ġuridiċi distinti, id-diretturi tagħhom huma l-istess u l-funzjonijiet amministrattivi u loġistiċi ta’ dawn iż-żewġ impriżi huma assunti b’mod komuni mill-grupp AMCO”. Fil-punt 5 tal-istess sentenza ġie stabbilit li: “AMS iddiversifikat progressivament l-attività tagħha billi kisbet kompiti aċċessorji għax-xogħol ta’ toroq sotterranji fdati lilha, bħat-tindif u l-manutenzjoni ta’ galleriji. B’mod partikolari, hija wettqet dawn il-kompiti ġodda fis-sit tal-mini ta’ Prince of Wales, f’Yorkshire (ir-Renju Unit). ACC kienet diġà preżenti fuq dan is-sit fejn hija wettqet xogħlijiet ta’ tħaffir għan-nom tal-kumpannija nazzjonali tal-mini tal-faħam Brittanika British Coal, u mbagħad wara l-privatizzazzjoni ta’ din tal-aħħar u l-bejgħ ta’ parti mill-attiv tagħha, għan-nom ta’ RJB Mining (UK) Ltd”.

    ( 39 ) 24/85, EU:C:1986:127.

    ( 40 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 31, l-ewwel żewġ sentenzi).

    ( 41 ) C‑48/94, EU:C:1995:290.

    ( 42 ) C‑48/94, EU:C:1995:290.

    ( 43 ) Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punt 37).

    ( 44 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 45 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios (C‑509/14, EU:C:2015:781, punti 3637).

    ( 46 ) Sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza (C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 37). Ara, ukoll, il-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll, bħala eżempju, it-tliet sentenzi li ġejjin: sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594 punt 30. Din il-kawża kienet tirrigwarda tħaffir ta’ mini li jeħtieġ materjal u installazzjonijiet kbar. F’dan is-settur ta’ attività, kienet prattika li l-essenzjal tal-attiv neċessarju għat-twettiq ta’ xogħol ta’ tħaffir jiġi pprovdut mill-proprjetarju tal-mina stess. Għalhekk, is-subappaltatur seta’ juża t-tagħmir imqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu minnu), sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 32. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ trasport, li ma kienx importanti li l-materjal ikkonċernat kien użat kemm għat-twettiq ta’ titjiriet regolari kif ukoll għat-titjiriet ċarter inkwistjoni), u tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios (C‑509/14, EU:C:2015:781, punti 36 sa 38. F’dan il-każ, impriża pubblika responsabbli minn attività ta’ mmaniġġjar ta’ unitajiet ta’ trasport intermodali kienet fdat, permezz ta’ kuntratt ta’ ġestjoni tas-servizzi pubbliċi, impriża oħra bl-eżekuzzjoni ta’ din l-attività filwaqt li qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ din tal-aħħar l-assi indispensabbli, jiġifieri krejns u faċilitajiet).

    ( 47 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Aira Pascual u Algeposa Terminales Ferroviarios (C‑509/14, EU:C:2015:781, punti 3940).

    ( 48 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon (C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 49 ) Ara s-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1999, Allen et (C‑234/98, EU:C:1999:594, punti 3435), tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punti 434450 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tas-6 ta’ Marzu 2014, Amatori et (C‑458/12, EU:C:2014:12, punti 47 sa 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 50 ) Din tirrigwarda trasferiment bejn kumpanniji. Fil-punt 23 tas-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565), huwa ppreċiżat li l-kwistjoni tirrigwarda “sitwazzjoni li fiha impriża attiva fis-suq tat-titjiriet ċarter tiġi stralċata mill-azzjonist maġġoritarju tagħha, li huwa, huwa nnifsu, impriża tat-trasport bl-ajru, u li fiha, sussegwentement, din tal-aħħar tieħu post l-impriża stralċata billi tassumi l-kuntratti tal-kiri ta’ ajruplani u l-kuntratti tat-titjiriet ċarter li għad iridu jsiru, teżerċita attivitajiet li qabel kienu eżerċitati mil-impriża stralċata, tintegra mill-ġdid ċerti ħaddiema li sa dak iż-żmien kienu impjegati ma’ din l-impriża billi tagħtihom funzjonijiet identiċi għal dawk eżerċitati qabel, u tieħu tagħmir żgħir tal-imsemmija impriża”.

    ( 51 ) C‑466/07, EU:C:2009:85.

    ( 52 ) C‑466/07, EU:C:2009:85.

    ( 53 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punti 3334).

    ( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Klarenberg (C‑466/07, EU:C:2009:85, punt 48), u tal-20 ta’ Lulju 2017, Piscarreta Ricardo (C‑416/16, EU:C:2017:574, punt 44).

    ( 55 ) Punti 62 u 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 56 ) Ara, b’paragun, il-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 57 ) Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon (C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, fir-rigward tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 77/187, li jikkorrispondi għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23).

    ( 58 ) Ara l-punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 59 ) Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 u, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2018, Somoza Hermo u Ilunión Seguridad (C‑60/17, EU:C:2018:559, punt 26).

    ( 60 ) Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħadd ma jista’ jinvoka r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal finijiet frawdolenti jew abbużivi. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:813, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top